Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62002CJ0400

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-16 ta' Settembru 2004.
Gerard Merida vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesarbeitsgericht - il-Ġermanja.
Artikolu 39 KE - Ftehim kollettiv - Benefiċċju supplimentari temporanju favur ex-impjegati ċivili mal-Forzi Alleati fil-Ġermanja - Ħaddiema li jaqsmu l-fruntieri - Determinazzjoni tal-bażi ta' kalkolu ta' dan il-benefiċċju - Kunsiderazzjoni fittizja tat-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi.
Kawża C-400/02.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:537

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta' Settembru 2004 (*)

"Artikolu 39 KE – Ftehim kollettiv – Benefiċċju supplimentari temporanju favur ex-impjegati ċivili mal-Forzi Alleati fil-Ġermanja – Ħaddiema li jaqsmu l-fruntieri – Determinazzjoni tal-bażi ta' kalkolu ta' dan il-benefiċċju – Kunsiderazzjoni fittizja tat-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi"

Fil-kawża C-400/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (Il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' Ġunju 2002, li ġiet irreġistrata fit-12 ta' Novembru 2002, fil-proċedura:

Gerard Merida

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), R. Schintgen u N. Colneric, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Jannar 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Gerard Merida, minn F. Lorenz, Rechtsanwalt,

–       għall-Bundesrepublik Deutschland, minn W.-D. Plessing, bħala aġent, assistit minn E. H. Neuert, Rechtsanwalt,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun, R. Lyal u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-5 ta' Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 39 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Gerard Merida, li għandu nazzjonalità Franċiża, u l-Bundesrepublik Deutschland dwar il-kalkolu tal-benefiċċju supplimentari temporanju ("Überbrückungsbeihilfe", aktar 'il quddiem il-"benefiċċju temporanju") li din ta' l-aħħar tat lir-rikorrenti taħt it-Tarifvertrag zur sozialen Sicherung der Arbeitnehmer bei den Stationierungsstreitkräften im Gebiet der Bundesrepublik Deutschland (ftehim kollettiv dwar is-sigurtà soċjali ta' persuni impjegati mal-forzi stazzjonati fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), tal-31 ta' Awwissu 1971 (aktar 'il quddiem it-"TV SozSich").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p.2):

"1.      Ħaddiem ċittadin ta' xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, ikun trattat b'mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta' dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta' kwalunkwe kondizzjoni ta' l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta' rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa' mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

[…]

4.      Kwalunkwe klawsola ta' ftehim kollettiv jew individwali jew ta' kwalunkwe regolament kollettiv ieħor li jikkonċerna l- eliġibilità għall-impjieg, rimunerazzjoni u kondizzjonijiet oħra ta' xogħol jew tkeċċija għandh[a] [tkun] null[a] u vojta [safejn tistabbilixxi] jew tawtorizza kondizzjonijiet diskriminatorji fir-rigward ta' ħaddiema ċittadini ta' l-Istati Membri l-oħra.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4       Fir-rigward tal-benefiċċju temporanju, it-TV SozSich, fl-Artikolu 4 tiegħu, jipprovdi li:

"1.      Benefiċċju temporanju jitħallas:

[...]

b)      flimkien mal-benefiċċji mogħtija mill-Bundesanstalt für Arbeit (Uffiċċju Federali ta' l-Impjiegi) minħabba qgħad jew programmi ta' taħriġ professjonali (benefiċċju tal-qgħad, għajnuna soċjali lil min hu qiegħed, benefiċċju ta' manteniment),

[...]

3. a) (1) Il-bażi ta' kalkolu tal-benefiċċju temporanju mogħti flimkien mar-rimunerazzjoni riċevuta għal impjieg ieħor (punt 1a) hija r-rimunerazzjoni bażika prevista mill-ftehim kollettiv fl-Artikolu 16(1)(a) tal-[Tarifvertrag für die Arbeitnehmer bei den Stationierungsstreitkräften im Gebiet der Bundesrepublik Deutschland (ftehim kollettiv għal persuni impjegati mal-forzi stazzjonati fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), tas-16 ta' Diċembru 1966, (aktar 'il quddiem it-"TV AL II")], li, fid-data ta' meta spiċċa bla xogħol, l-impjegat kien intitolat għaliha għal xahar kalendarju sħiħ abbażi tal-ħint tax-xogħol normali previst fil-kuntratt tiegħu […].

         […]

3. b) Il-bażi ta' kalkolu tal-benefiċċju temporanju mogħti flimkien mal-benefiċċji mogħtija mill-Bundesanstalt für Arbeit (punt 1 b) […] hija l-bażi ta' kalkolu prevista fil-punt a) aktar 'il fuq, wara li jitnaqqsu minnha l-ammonti mnaqqsa mill-pagi skond il-liġi. Fir-rigward tal-kalkolu fittizju tat-taxxa fuq il-pagi u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kriterji dwar it-taxxa u s-sigurtà soċjali applikabbli fir-rigward ta' l-impjegat fid-data tal-ħlas tal-benefiċċju temporanju – mingħajr, madankollu, ma jittieħed in kunsiderazzjoni t-tnaqqis iddikjarat fuq il-karta ta' stima tat-taxxa ('Lohnsteuerkarte').

4.      Il-benefiċċju temporanju għandu jammonta:

–       matul l-ewwel sena ta' wara li jintemm l-impjieg, għal 100%,

–       mit-tieni sena 'l quddiem, għal 90%

tad-differenza bejn il-bażi ta' kalkolu (punt 3a jew b) u l-benefiċċji msemmija fil-punti 1 u 2 aktar 'il fuq.

Jekk il-benefiċċju temporanju jitħallas flimkien mal-benefiċċji mogħtija mill-Bundesanstalt für Arbeit jew mill-assigurazzjoni legali kontra l-mard jew l-inċidenti, għandu jiġi miżjud miegħu l-ammont meħtieġ sabiex tkun koperta t-taxxa fuq il-paga.

[...]"

5       Skond il-punt 2 ta' l-Erläuterungen und Verfahrensrichtlinien zum TV SozSich – Neufassung 1992 (noti ta' spjega u linji ta' gwida proċedurali dwar il-ftehim kollettiv – verżjoni ġdida 1992, aktar 'il quddiem in-"noti ta' spjega u linji ta' gwida"):

"Fir-rigward ta' l-Artikolu 4, punt 1:

[...]

2.6.5 Il-benefiċċji mogħtija minħabba qgħad, li ħaddiem li jaqsam il-fruntiera li ġej minn pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea jista' jirċievi biss fil-pajjiż fejn hu residenti, huma fil-prinċipju ekwivalenti għall-benefiċċji mogħtija mill-Bundesanstalt für Arbeit kieku l-ħaddiem li jaqsam il-fruntiera seta', mir-residenza attwali tiegħu, jeżerċita attività fis-suq tax-xogħol Ġermaniż.

[...]

Fir-rigward ta' l-Artikolu 4, punt 3:

[...]

2.8.5 Jekk fid-data ta' meta jispiċċa bla xogħol, l-impjegat kien eżonerat mit-taxxa fuq il-pagi taħt ftehim dwar taxxa doppja, it-tnaqqis fiskali li għandu jsir fir-rigward ta' impjegat Ġermaniż residenti fil-Ġermanja iżda altrimenti komparabbli, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-bażi ta' kalkolu prevista fil-punt 3b.

[...]

Fir-rigward ta' l-Artikolu 4, punt 4:

[...]

2.9.4 Jekk l-impjegat, taħt il-punt 2.6.5, jirċievi benefiċċju temporanju flimkien mal-benefiċċji mogħtija minn korp barrani ta' sigurtà soċjali, l-ammont tal-benefiċċju temporanju għandu jiġi kkalkulat skond il-benefiċċju mogħti mill-Bundesanstalt für Arbei,t li għalih kien ikollu dritt il-benefiċċjarju kieku kien residenti fit-territorju tar-Repubblika Federali. Jekk il-benefiċċju li fil-fatt jirċievi jkun aktar għoli, id-differenza għandha titnaqqas skond l-Artikolu 5."

6       Skond l-Artikolu 5 tat-TV SozSich, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, fir-rigward tal-ħlas tal-benefiċċju temporanju, benefiċċji, minbarra dawk previsti fil-punt 1 ta' l-Artikolu 4, li għalihom għandu dritt l-impjegat.

7       Fl-Artikolu 14(1) tiegħu, il-ftehim bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja intiż sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja u sabiex jistabbilixxi regoli ta' għajnuna amministrattiva u ġuridika reċiproka fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-ġid, kif ukoll fil-qasam tat-taxxa fuq il-privattivi u fuq il-proprjetà immobbli, konkluż fil-21 ta' Lulju 1959 u sussegwentement emendat (aktar 'il quddiem il-"FTD"), jipprovdi li:

"Is-salarji, il-pagi u r-rimunerazzjonijiet analogi, kif ukoll il-pensjonijiet għal min jirtira, mħallsa minn wieħed mill-Istati kontraenti […] lil persuni fiżiċi residenti ta' l-Istat l-ieħor bħala kunsiderazzjoni għal servizzi amministrattivi jew militari attwali jew preċedenti, għandhom jiġu ntaxxati biss fl-ewwel Stat. Madankollu, din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika meta r-rimunerazzjonijiet jitħallsu lil persuni li għandhom in-nazzjonalità ta' l-Istat l-ieħor mingħajr ma jkunu, fl-istess ħin, ċittadini ta' l-ewwel Stat; f'dan il-każ, ir-rimunerazzjonijiet huma biss suġġetti għat-taxxa fl-Istat li fih dawn il-persuni huma residenti."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8       Sat-30 ta' Novembru 1999, Gerard Merida kien impjegat ċivili mal-Forzi Franċiżi stazzjonati f'Baden-Baden (Il-Ġermanja) filwaqt li kien residenti fi Franza. It-TV AL II kien japplika għall-kuntratt tax-xogħol tiegħu u r-rimunerazzjoni tiegħu kienet titħallas mill-awtoritajiet Ġermaniżi għan-nom u f'isem min kien iħaddmu.

9       Skond l-Artikolu 14(1) tal-FTD, ir-rimunerazzjoni grossa li kien jirċievi Gerard Merida fir-rigward ta' l-attività professjonali tiegħu, wara t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali mħallsa fil-Ġermanja, kienet taxxabbli fi Franza. Peress li r-rata tat-taxxa Franċiża fuq il-pagi kienet aktar baxxa minn dik applikabbli fil-Ġermanja, Gerard Merida kien jirċievi dħul nett ikbar minn dak ta' impjegat li kien jinstab f'sitwazzjoni identika għal tiegħu iżda li kien residenti fl-Istat Membru ta' l-aħħar.

10     Wara t-tmiem tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu, Gerard Merida bbenefika mill-benefiċċju temporanju taħt l-Artikolu 4 tat-TV SozSich. Sabiex iddeterminaw il-bażi ta' kalkolu ta' dan il-benefiċċju, l-awtoritajiet Ġermaniżi, permezz ta' kalkolu fittizju, naqqsu mir-rimunerazzjoni bażika prevista mit-TV AL II "li, fid-data ta' meta spiċċa bla xogħol, l-impjegat kien intitolat għaliha fir-rigward ta' xahar kalendarju sħiħ", mhux biss l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali Ġermaniżi, iżda anki t-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi. Barra minn hekk, billi applikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5 tat-TV SozSich u tal-punt 2.9.4 tan-noti ta' spjega u linji ta' gwida, l-awtoritajiet Ġermaniżi naqqsu l-ammont tal-benefiċċju tal-qgħad li dan irċieva fi Franza bejn it-22 ta' Frar u l-aħħar tax-xahar ta' Marzu tas-sena 2000 mill-benefiċċju temporanju mogħti lil Gerard Merida.

11     Skond Gerard Merida, it-tnaqqis fittizju tat-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi mir-rimunerazzjoni bażika tiegħu għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi ta' kalkolu tal-benefiċċju temporanju huwa illegali. Fil-fatt, skond il-FTD, dan il-benefiċċju huwa taxxabbli biss fi Franza u, f'dan il-każ, huwa s-suġġett ta' taxxa doppja illegali. Il-kalkolu fittizju tal-paga netta skond id-dritt fiskali Ġermaniż għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-imsemmi benefiċċji, minbarra li jmur kontra l-għan tal-benefiċċju, jiġifieri li jkun ikkumpensat it-telf fid-dħul li persuna ssofri meta tispiċċa bla xogħol, huwa kuntrarju għad-dritt Komunitarju.

12     Kemm il-qorti tal-prim'istanza kif ukoll il-qorti ta' l-appell ċaħdu r-rikors ta' Gerard Merida li ressaq appell fuq punt ta' dritt quddiem il-qorti tar-rinviju.

13     Skond din ta' l-aħħar, billi applikat id-dritt nazzjonali, il-qorti ta' l-appell ċaħdet definittivament u ġustament ir-rikors li kien tressaq quddiemha bħala infondat. Meta għamlet dan, hija segwiet il-ġurisprudenza tal-Bundesarbeitsgericht li tistabbilixxi li, bħala bażi ta' kalkolu tal-benefiċċju temporanju, il-paga netta fittizja għandha tiġi ddeterminata skond l-Artikolu 4(3)(b) tat-TV SozSich. F'dan ir-rigward, il-Bundesrepublik Deutschland kellha tieħu in kunsiderazzjoni, b'mod fittizju, it-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi, anki fil-każ ta' Gerard Merida, minkejja li dan kien residenti u suġġett għat-taxxa fi Franza.

14     Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-imsieħba soċjali ma kienux jirrispettaw l-Artikolu 39 KE billi kkunsidraw, b'mod fittizju, anki fir-rigward ta' l-impjegati residenti fi Stat Membru ieħor, it-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi ta' kaklolu tal-benefiċċju temporanju.

15     F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li Gerard Merida jqis lilu nnifsu bħala vittma ta' diskriminazzjoni safejn, kieku, bħal fiż-żmien meta kien impjegat mal-forzi alleati fil-Ġermanja, huwa hu obbligat iħallas it-taxxa fuq id-dħul tiegħu taħt id-dritt fiskali Franċiż minħabba li jirċievi benefiċċji tal-qgħad fi Franza u l-benefiċċju temporanju fil-Ġermanja, huwa jkollu jaċċetta fl-istess ħin li paga netta fittizja, ddeterminata permezz tat-tnaqqis skond id-dritt fiskali Ġermaniż, tittieħed bħala bażi ta' kalkolu għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-imsemmi benefiċċju. Għaldaqstant, huwa jkun suġġett fl-istess ħin għad-dritt fiskali ta' żewġ Stati Membri, sitwazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 39 KE.

16     Minn naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju tosserva li t-taxxa fuq id-dħul imħallsa mill-Bundesrepublik Deutschland lil Gerard Merida minn meta ntemm il-kuntratt tax-xogħol tiegħu hija, bħal ma kienet qabel, irregolata mid-dispożizzjonijiet tal-FTD. Ir-rikorrent huwa żbaljat meta jikkontesta s-sempliċi fatt li l-bażi ta' kalkolu applikabbli għall-ammont gross tal-benefiċċju temporanju mhijiex irregolata b'mod aktar favorevoli fil-każ tiegħu milli hija fil-każ ta' impjegat li mhuwiex ħaddiem li jaqsam il-fruntiera.

17     Madankollu, il-Bundesarbeitsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"Hemm ksur ta' l-Artikolu 39 KE minħabba l-fatt li t-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi tintuża bħala bażi fittizja fid-determinazzjoni tal-bażi ta' kalkolu tal-benefiċċju temporanju fil-każ previst fl-Artikolu 4(1)(b) tat-TV Soz Sich [it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 4(3)(b) tat-TV SozSich] meta l-ex-impjegat jgħix barra mill-pajjiż u huwa intaxxat f'dak il-pajjiż?"

 Fuq id-domanda preliminari

18     L-Artikolu 39 KE jipprojbixxi kull forma ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità bejn il-ħaddiema ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' l-impjieg, tar-rimunerazzjoni u tal-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

19     Barra minn hekk, l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1612/68, li jiċċara u jimplementa ċerti drittijiet li l-ħaddiema emigranti jgawdu taħt l-Artikolu 39 KE (sentenza tal-15 ta' Jannar 1998, Schöning-Kougebetopoulou, C-15/96, Ġabra p. I-47, punt 12), jipprovdi li kull klawżola ta' ftehim kollettiv li tikkonċerna, b'mod partikolari, ir-rimunerazzjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol u tat-tkeċċija hija nulla safejn tistabbilixxi kundizzjonijiet diskriminatorji fir-rigward ta' ħaddiema ċittadini ta' l-Istati Membri l-oħra.

20     Hemm qbil li benefiċċju bħalma huwa l-benefiċċju temporanju, li jagħmel parti mill-vantaġġi mogħtija lill-impjegati fil-każ li jispiċċaw bla xogħol, jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti u li ħaddiem li jaqsam il-fruntiera li jinstab fis-sitwazzjoni ta' Gerard Merida jista' jinvoka dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward ta' benefiċċju bħal dan (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-24 ta' Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Franza, C-35/97, Ġabra p. I-5325, punti 36, 40 u 41).

21     Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola ta' l-ugwaljanza fit-trattament stabbilita kemm fl-Artikolu 39 KE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/69 tipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet apparenti, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom moħbija kollha ta' diskriminazzjonijiet li, bl-applikazzjoni ta' kriterji oħra ta' distinzjoni, iwasslu, fil-fatt, għall-istess riżultat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta' Mejju 1996, O'Flynn, C-237/94, Ġabra p. I-2617, punt 17).

22     Il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni ma jitlobx biss li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b'mod differenti iżda wkoll li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b'mod ugwali (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta' Lulju 1997, National Farmers' Union et, C-354/95, Ġabra p. I-4559, punt 61).

23     Sakemm ma tkunx oġġettivament ġustifikata u proporzjonata ma' l-għan tagħha, dispożizzjoni ta' dritt nazzjonali għandha titqies bħala indirettament diskriminatorja meta, min-natura tagħha stess, hija tista' taffettwa aktar lill-ħaddiema emigranti milli l-ħaddiema nazzjonali u, għaldaqstant, ikun hemm riskju li ta' l-ewwel ikunu żvantaġġjati b'mod iktar partikolari (ara, b'mod partikolari, is-sentenza O'Flynn, iċċitata aktar 'il fuq, punt 20).

24     F'dan il-każ, it-teħid in kunsiderazzjoni b'mod fittizju tat-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi jolqot b'mod sfavorevoli s-sitwazzjoni tal-ħaddiema li jaqsmu l-fruntiera. Fil-fatt, it-tnaqqis fittizju ta' din it-taxxa meta ssir id-determinazzjoni tal-bażi ta' kalkolu tal-benefiċċju temporanju huwa ta' żvantaġġ għall-persuni li, bħal Gerard Merida, huma residenti u huma suġġetti għat-taxxa fi Stat Membru għajr ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, meta mqabbla mal-ħaddiema li għandhom ir-residenza tagħhom u huma suġġetti għat-taxxa f'dan l-Istat ta' l-aħħar.

25     Fil-każ ta' dawn ta' l-aħħar, il-bażi ta' kalkolu użata sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-benefiċċju temporanju hija ddeterminata b'tali mod li din il-bażi tikkorrispondi mas-salarju nett li, fin-nuqqas ta' tkeċċija mix-xogħol, kien ikun dovut lill-persuna kkonċernata fil-mument tal-ħlas ta' dan il-benefiċċju. Dan ir-riżultat jintlaħaq billi, permezz ta' kalkolu fittizju, jitnaqqas, minbarra l-kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali, l-ammont tat-taxxi dovuti taħt id-dritt fiskali Ġermaniż, liema dritt kien jirregola wkoll is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata matul l-impjieg tagħha.

26     Matul l-ewwel sena wara li jintemm l-impjieg, il-benefiċċju temporanju jammonta għal 100% tad-differenza bejn il-bażi ta' kalkolu u l-ammont tal-benefiċċju tal-qgħad [l-ipoteżi ta' l-Artikolu 4(3)(b) tat-TV SozSich]. Barra minn hekk, it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 4(4) tat-TV SozSich tiggarantixxi n-newtralità ta' kull taxxa eventwali li għaliha jista' jkun suġġett il-benefiċċju temporanju, minħabba, b'mod partikolari, il-fatt li jkun inqabeż l-ammont massimu ta' l-eżonerazzjoni mit-taxxi fil-Ġermanja.

27     Għaldaqstant, matul l-ewwel sena wara li jintemm l-impjieg, id-dħul ta' l-ex-ħaddiema residenti fil-Ġermanja huwa ekwivalenti għal dak li kien jitħallsilhom bħala ħaddiema attivi.

28     Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-ħaddiema li jaqsmu l-fruntiera li jinstabu fis-sitwazzjoni ta' Gerard Merida, it-tnaqqis fittizju tat-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi meta ssir id-determinazzjoni tal-bażi ta' kalkolu tal-benefiċċju temporanju ma jippermettix li jintlaħaq l-istess riżultat permezz tal-ħlas ta' l-imsemmi benefiċċji li, bħalma kienet il-paga li kien jirċievi Gerard Merida, huwa suġġett għat-taxxa fi Franza skond l-Artikolu 14(1) tal-FTD.

29     Sabiex jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta' dan il-metodu ta' kalkolu għall-ħaddiema li jaqsmu l-fruntieri, l-awtoritajiet Ġermaniża jressqu d-diffikultajiet amministrattivi li toħloq l-applikazzjoni ta' metodi differenti ta' kalkolu abbażi tar-residenza tal-persuna kkonċernata u l-konsegwenzi baġitarji jekk ma titteħidx in kunsiderazzjoni t-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi.

30     Dawn l-oġġezzjonijiet, ibbażati fuq iż-żieda tal-piżijiet finanzjarji u ta' diffikultajiet amministrattivi eventwali, għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, motivazzjonijiet bħal dawn ma jistgħux, f'kull każ, jiġġustifikaw in-nuqqas ta' rispett mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta' l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat KE (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta' Jannar 2002, Gottardo, C-55/00, Ġabra p. I-413, punt 38).

31     Matul is-seduta, il-Gvern Ġermaniż iddikjara li t-tieni sentenza ta' l-Artikolu 4(4) tat-TV SozSich għandha tiġi interpretata fis-sens li persuna li tinstab fis-sitwazzjoni ta' Gerard Merida tista' tikseb il-ħlas lura fil-Ġermanja ta' l-ammont ta' taxxi mħallsa, jekk ikun il-każ, bħala benefiċċju temporanju fl-Istat Membru ta' residenza. Fil-fatt, din il-klawżola hija intiża sabiex tinnewtralizza kull taxxa eventwalment dovuta minħabba li jingħata dan il-benefiċċju, irrispettivament mill-Istat fejn ikun tħallas.

32     Madankolluil-fatt, jekk għas-saħħa ta' l-argument jitqies bħal stabbilit, li l-ammont tat-taxxi mħallsa fl-Istat Membru ta' residenza huwa mħallas lura a posteriori fl-Istat Membru ta' impjieg mhuwiex ta' natura tali li jibdel il-konklużjoni li t-teħid in kunsiderazzjoni fittizju tat-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi jammonta għal diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema li jinstabu fis-sitwazzjoni ta' Gerard Merida.

33     Fil-fatt, it-tnaqqis fittizju tat-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi meta ssir id-determinazzjoni tal-bażi ta' kalkolu tal-benefiċċju temporanju ma għandu l-ebda rabta mat-taxxa fuq id-dħul imħallsa mill-ħaddiem fi Franza matul ir-relazzjoni ta' impjieg tiegħu, b'tali mod li, anki jekk ammont li jikkorrispondi għat-taxxa mħallsa mill-persuna li tirċievi dan il-benefiċċju fi Franza jitħallas lura a posteriori fil-Ġermanja, benefiċċju bħal dan jista', finalment, ikun ta' ammont anqas minn dak li jikkorrispondi mad-differenza bejn ir-rimunerazzjoni mħallsa matul il-ħajja attiva u l-benefiċċju tal-qgħad li tirċievi l-persuna kkonċernata.

34     Barra minn hekk, hemm qbil li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali fejn l-applikazzjoni tat-tnaqqis fittizju tat-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi fir-rigward tal-ħaddiema li jaqsmu l-fruntiera li jinstabu fis-sitwazzjoni ta' Gerard Merida fil-fatt twassal biex dawn il-ħaddiema jkunu mċaħħda fil-fatt minn parti mid-dħul nett li kienu jirċievu meta kienu jaħdmu mal-forzi stazzjonati fil-Ġermanja, liema parti tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul imħallas fi Franza u dak, aktar għoli, tat-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi li jiġi mnaqqas b'mod fittizju meta jiġi kkalkulat il-benefiċċju temporanju.

35     Għalhekk, fil-każ ta' ħaddiema li jaqsmu l-fruntieri li jinstabu fis-sitwazzjoni ta' Gerard Merida, minħabba l-applikazzjoni fittizja tar-rata tat-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi, il-ħlas tal-benefiċċju temporanju ma jkunx jista' jikkumpensa, matul l-ewwel sena wara li jintemm l-impjieg, it-telf ta' paga li jirriżulta minn dan, u dan kuntrarjament għal dak li jiġri fil-każ tal-ħaddiema residenti fil-Ġermanja.

36     Mill-banda l-oħra, kumpens bħal dan jista' jseħħ jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi jiddeterminaw il-bażi ta' kalkolu tal-benefiċċju temporanju, li huwa suġġett għat-taxxa fi Franza skond l-Artikolu 14(1) tal-FTD, mingħajr ma jnaqqsu b'mod fittizju t-taxxa Ġermaniża fuq il-pagi li ma kinitx dovuta fuq il-paga riċevuta matul il-perijodu ta' attività tal-persuna kkonċernata, u dan filwaqt li ma jħallsux lura t-taxxa fuq id-dħul imħallsa fi Franza.

37     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, prevista minn ftehim kollettiv, li tipprovdi li l-ammont ta' benefiċċju soċjali bħalma huwa l-benefiċċju temporanju, li jitħallas mill-Istat Membru ta' impjieg, ikun ikkalkulat b'tali mod li t-taxxa fuq il-pagi dovuta f'dan l-Istat titnaqqas b'mod fittizju meta ssir id-determinazzjoni tal-bażi ta' kalkolu ta' l-imsemmi benefiċċju, minkejja li, skond ftehim intiż sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, is-salarji, il-pagi u r-rimunerazzjonijiet analogi mħallsa lill-ħaddiema li mhumiex residenti fl-Istat Membru ta' impjieg huma biss suġġetti għat-taxxa fl-Istat Membru ta' residenza ta' dawn il-ħaddiema.

 Fuq l-ispejjeż

38     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, prevista minn ftehim kollettiv, li tipprovdi li l-ammont ta' benefiċċju soċjali bħalma huwa l-benefiċċju temporanju ("Überbrückungsbeihilfe"), li jitħallas mill-Istat Membru ta' impjieg, ikun ikkalkulat b'tali mod li t-taxxa fuq il-pagi dovuta f'dan l-Istat titnaqqas b'mod fittizju meta ssir id-determinazzjoni tal-bażi ta' kalkolu ta' l-imsemmi benefiċċju, minkejja li, skond ftehim intiż sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, is-salarji, il-pagi u r-rimunerazzjonijiet analogi mħallsa lill-ħaddiema li mhumiex residenti fl-Istat Membru ta' impjieg huma biss suġġetti għat-taxxa fl-Istat Membru ta' residenza ta' dawn il-ħaddiema.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq