Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62002CJ0037
Judgment of the Court (Second Chamber) of 15 July 2004.#Di Lenardo Adriano Srl (C-37/02) and Dilexport Srl (C-38/02) v Ministero del Commercio con l'Estero.#Reference for a preliminary ruling: Tribunale amministrativo regionale per il Veneto - Italy.#Bananas - Common organisation of the market - Regulation (EC) No 896/2001 - Common system of trade with third countries - Primary imports - Validity - Protection of legitimate expectations - Retroactivity - Implementing power.#Joined cases C-37/02 and C-38/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-15 ta' Lulju 2004.
Di Lenardo Adriano Srl (C-37/02) u Dilexport Srl (C-38/02) vs Ministero del Commercio con l'Estero.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale amministrativo regionale per il Veneto - l-Italja.
Banana - Organizzazzjoni komuni tas-swieq - Regolament (KE) Nru 896/2001 - Sistema komuni tal-kummerċ mal-pajjiżi terzi - Importazzjonijiet primarji - Validità - Protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi - Retroattività - Kompetenza ta' implementazzjoni.
Każijiet Magħquda C-37/02 u C-38/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-15 ta' Lulju 2004.
Di Lenardo Adriano Srl (C-37/02) u Dilexport Srl (C-38/02) vs Ministero del Commercio con l'Estero.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale amministrativo regionale per il Veneto - l-Italja.
Banana - Organizzazzjoni komuni tas-swieq - Regolament (KE) Nru 896/2001 - Sistema komuni tal-kummerċ mal-pajjiżi terzi - Importazzjonijiet primarji - Validità - Protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi - Retroattività - Kompetenza ta' implementazzjoni.
Każijiet Magħquda C-37/02 u C-38/02.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:443
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
15 ta' Lulju 2004 (*)
"Banana – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Regolament (KE) Nru 896/2001 – Sistema komuni tal-kummerċ mal-pajjiżi terzi – Importazzjonijiet primarji – Validità – Protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi – Retroattività – Kompetenza ta' implementazzjoni"
Fil-kawżi magħquda C-37/02 u C-38/02,
li għandhom bħala suġġett talbiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 234 mit-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto (L-Italja) intiżi sabiex, fil-kawżi pendenti quddiem din il-qorti bejn
Di Lenardo Adriano Srl (C-37/02),
Dilexport Srl (C-38/02)
u
Ministero del Commercio con l'Estero,
tingħata deċiżjoni preliminari dwar il-validità ta' l-Artikoli 1, 3, 4, 5, 6 u 31 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 896/2001, tas-7 ta' Mejju 2001, li jistab[b]ilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 rigward l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 126, p. 6),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, R. Schintgen (Relatur), F. Macken u N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:
– għal Di Lenardo Adriano Srl u Dilexport Srl, minn A. Bozzi, C. Gatti, B. Telchini u S. Sacchetto, avvocati,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Niejahr u A. Aresu, bħala aġenti,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta' Di Lenardo Adriano Srl u ta' Dilexport Srl, irrappreżentati minn A. Bozzi, C. Gatti u B. Telchini, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn L. Visaggio, bħala aġent, fis-seduta ta' l-20 ta' Novembru 2003,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' digrieti tas-16 ta' Jannar 2002, li waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta' Frar ta' wara, it-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto għamel, taħt l-Artikolu 234 KE, erba' domandi preliminari dwar il-validità ta' l-Artikoli 1, 3, 4, 5, 6 u 31 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 896/2001, tas-7 ta' Mejju 2001, li jistab[b]ilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 f'dak li jirrigwarda l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 126, p. 6).
2 Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta' żewġ kawżi bejn Di Lenardo Adriano Srl u Dilexport Srl (iktar 'il quddiem il-"kumpanniji importatriċi"), rispettivament, u l-Ministero del Commercio con l'Estero (il-Ministeru għall-Kummerċ Barrani, iktar 'il quddiem il-"Ministeru") dwar id-deċiżjoni tal-Ministeru li ma jħallihomx jipparteċipaw fl-allokazzjoni tal-kwoti tat-tariffa fis-settur tal-banana.
Il-kuntest ġuridiku
Il-verżjoni oriġinali tar-Regolament Nru 404/93
3 Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93, tat-13 ta' Frar 1993, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU L 47, p.1), fit-Titolu IV tiegħu, jistabbilixxi, b'effett mill-1 ta' Lulju 1993, sistema komuni ta' l-importazzjoni ta' banana li ħadet post is-sistemi differenti nazzjonali. Kienet saret distinzjoni bejn il-"banana tal-Komunità", prodotta fil-Komunità, il-"banana minn pajjiżi terzi", li toriġina minn pajjiżi terzi minbarra l-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (iktar 'il quddiem il-"pajjiżi ta' l-AKP"), u l-banana li toriġina mill-pajjiżi ta' l- AKP. Fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi, kienet saret distinzjoni addizzjonali bejn il-"banana li mhux tradizzjonali ta' l-AKP" u l-"banana tradizzjonali mill-AKP", skond jekk il-banana kinitx taqbeż jew le l-kwantitajiet esportati tradizzjonalment minn kull pajjiż ta' l-AKP, kif stabbiliti fl-Anness tar-Regolament Nru 404/93.
4 L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 404/93 kien jipprovdi għall-ftuħ ta' kwota tat-tariffa annwali għall-importazzjonijiet tal-banana li, skond l-Artikolu 19(1) ta' l-istess Regolament, kienet maqsuma f'66.5%, 30% u 3.5% rispettivament bejn l-operaturi li kienu kkummerċjalizzaw banana minn pajjiżi terzi u/jew banana mhux tradizzjonali ta' l-AKP (kategorija A), dawk li kienu kkummerċjalizzaw banana tal-Komunità u/jew banana tradizzjonali mill-AKP (kategorija B) u dawk li, mis-sena 1992, kienu bdew jikkummerċjalizzaw banana li mhijiex banana tal-Komunità u/jew banana tradizzjonali mill-AKP (kategorija Ċ).
5 L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 404/93 tipprovdi kif ġej:
"Fuq il-bażi ta’ kalkoli separati għal kull waħda mill-kategoriji ta’ l-operaturi [imsemmija] fil-paragrafu 1 […], kull operatur għandu jikseb il-liċenzja ta’ l-importazzjoni fuq il-bażi tal-kwantitajiet medji tal-banana li jkun biegħ fit-tliet snin l-iktar reċenti li dwarhom ikunu disponibbli ċ-ċifri".
6 It-tlettax, l-erbatax, il-ħmistax u s-sittax-il premessa tar-Regolament Nru 404/93 jindikaw li:
"Billi sabiex jitħarsu l-għanijiet iddikjarati hawn fuq, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċjali tas-suq tal-banana, trid issir distinzjoni meta tiġi amministrata l-kwota tat-tariffa bejn, mill-banda l-waħda, l-operaturi li qabel kienu qiegħdu fis-suq il-banana minn pajjiżi terzi u l-banana mill-istati ta’ l-AKP mhux tradizzjonali, u mill-banda l-oħra, l-operaturi li qabel kienu qiegħdu fis-suq il-banana prodotta fil-Komunità [u banana tradizzjonali mill-AKP] filwaqt li jħallu kwantità disponnibli għall-operaturi l-ġodda li riċentament daħlu jew kienu sejrin jidħlu f’attività kummerċjali f’dan is-settur;
Billi, sabiex ma jiġux sfrattati r-rabtiet kummerċjali eżistenti, filwaqt li illi fl-istess ħin jitħalla xi żvilupp fl-istrutturi tat-tqegħid fis-suq, il-ħruġ għal kull wieħed mill-operaturi ta’ liċenzji separati dwar l-importazzjoni għal kull waħda mill-kategoriji ddefiniti hawn fuq irid [i]kun fuq il-bażi tal-kwantità medja tal-banana mqiegħda fis-suq mill-operatur fit-tliet snin ta’ qabel li għalihom [hija] disponibbli l-informazzjoni statistika;
Billi meta jiġu addottati l-kriterji addizzjonali illi l-operaturi għandhom jirrispettaw, il-Kummissjoni hija ggwidata mill-prinċipju [li] il-liċenzji jridu jiġu mogħtija lil persuni naturali jew legali li jkunu daħlu għar-riskju kummerċjali fit-tqegħid fis-suq tal-banana u bil-ħtieġa li jiġi evitat id-disturb tar-relazzjonijiet normali tal-kummerċ bejn persuni li jokkupaw postijiet differenti fil-katina tat-tqegħid fis-suq;
Billi, filwaqt li j[i]tqiesu l-istrutturi tat-tqegħid fis-suq, l-Istati Membri jridu, fuq il-bażi tal-proċeduri u tal-kriterji addottati mill-Kummissjoni, jagħmlu ċensiment ta’ l-operaturi u jistabilixxu l-kwantitajiet [i]mqiegħda fis-suq sabiex jintużaw bħala referenza għall-ħruġ taċ-ċertifikati".
7 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1442/93, ta' l-10 ta' Ġunju 1993, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 142, p. 6), adottat, b'mod partikolari, abbażi ta' l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 404/93, kien jiddefinixxi l-kriterji sabiex jiġi stabbilit it-tip ta' operaturi tal-kategoriji A u B li kienu jistgħu jressqu talbiet għal liċenzji ta' importazzjoni, skond l-attività li dawn l-operaturi kienu eżerċitaw matul il-perijodu ta' referenza.
Ir-Regolament Nru 404/9,3 kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98
8 Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1637/98, ta' l-20 ta' Lulju 1998, li jemenda r-Regolament Nru 404/93 (ĠU L 210, p. 28), li, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 tiegħu, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1992. Sussegwentement, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 2362/98, tat-28 ta' Ottubru 1998, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 404/93 f'dak li jirrigwarda s-sistema ta' importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 293, p.32), li, skond l-Artikolu 31 tiegħu, ħassar ir-Regolament Nru 1442/93 b'effett mill-1 ta' Jannar 1999.
9 Is-sistema ta' importazzjoni ta' banana, kif emendata b'dawn ir-Regolamenti, żammet id-distinzjoni bejn il-banana tradizzjonali u dik mhux tradizzjonali ta' l-AKP u l-banana minn pajjiżi terzi. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat bir-Regolament Nru 1637/98 jipprovdi li:
"[…]
Għall-finijiet ta' dan it-Titolu:
1) "importazzjoni tradizzjonali mill-[Is]tati AKP" tfisser importazzjoni fil-Komunità ta' banana li toriġina fl-[Is]tati elenkati fl-Anness ta’ hawn sal-limitu ta' 857 700 tunnellata metrika (piż nett) kull sena; din tissejjħaħ "banana tradizzjonali AKP";
2) "importazzjoni mhux tradizzjonali minn Stati AKP" tfisser importazzjoni fil-Komunità ta' banana li toriġina fl-[Is]tati AKP iżda li ma tkunx koperta bid-definizzjoni [fil-punt] 1; din tissejjaħ "banana mhux tradizzjonali AKP";
3) "importazzjoni minn Stati terzi li m’humiex AKP " tfisser banana importata fil-Komunità li toriġina fi Stati terzi li ma jkunux Stati AKP; din tissejjaħ "banana ta' Stati terzi."
10 Madankollu, fil-kuntest tas-sistema ta' importazzjoni ta' banana, kif emendata minn dawn ir-Regolamenti, it-tqassim tal-kwota bejn tliet kategoriji differenti ta' operaturi tneħħa, billi r-Regolament Nru 2362/98 jipprovdi biss għal tqassim sempliċi bejn "operaturi tradizzjonali" u "operaturi ġodda", kif definiti fl-Artikoli 3 u 7 ta' l-imsemmi Regolament. Is-subdiviżjoni ta' l-operaturi tal-kategoriji A, B u Ċ skond it-tipi ta' attivitàjiet li kienu jeżerċitaw fis-suq ukoll tneħħiet.
11 Fir-rigward ta' l-"operaturi tradizzjonali", l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 2362/98 kienu jipprovdu li:
"Artikolu 3
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, "operatur tradizzjonali" ifisser l-aġent ekonomiku, stabbilit fil-Komunità matul il-perijodu li jiddetermina l-kwantità ta' referenza tiegħu, kif ukoll, meta ssir ir-reġistrazzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 5 li, attwalment importa, f'ismu stess, matul perijodu ta' referenza, kwantità minima ta' banana li toriġina minn Stati terzi u/jew minn Stati ta' l-AKP sabiex imbagħad jitpoġġew għall-bejgħ fis-suq Komunitarju.
Il-kwantità minima msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkun ta' 100 tunnellata matul waħda mis-snin tal-perijodu ta' referenza. Il-kwantità minima għandha tkun ta' 20 tunnellata meta l-importazzjoni tirrigwarda biss banana ta' tul ta' 10 ċentimetri jew inqas.
Artikolu 4
1. Kull operatur tradizzjonali, irreġistrat fi Stat Membru skond l-Artikolu 5, għandu jikseb, għal kull sena u fir-rigward ta' l-oriġini kollha msemmija fl-Anness I, kwantità ta' referenza unika determinata abbażi tal-kwantitajiet ta' banana li jkun attwalment importa matul il-perijodu ta' referenza.
2. Fir-rigward ta' l-importazzjonijiet li ħa jsiru fl-1999, fil-kuntest tal-kwoti tat-tariffa u tal-banana tradizzjonali ta' l-AKP, il-perijodu ta' referenza għandu jkun is-snin 1994, 1995 u 1996." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
12 L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2362/98 kien jiddefinixxi l-"operaturi ġodda" bil-mod segwenti:
"Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, "operatur ġdid" tfisser, fid-dawl ta' l-importazzjoni fil-kuntest tal-kwoti tat-tariffa u tal-banana tradizzjonali ta' l-AKP, l-aġent ekonomiku, stabbilit fil-Komunità meta rreġistra, li:
a) eżerċita, f'ismu stess u b'mod indipendenti, attività kummerċjali bħala importatur fis-settur tal-frott u tal-ħaxix frisk li jaqgħu fil-Kapitoli 7 u 8 kif ukoll tal-prodotti li jaqgħu fil-Kapitolu 9 tan-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u tat-Tariffa Doganali Komuni fil-każ fejn ikun importa wkoll il-prodotti ċċitati iktar 'il fuq, li jaqgħu fil-Kapitoli 7 u 8, matul waħda mit-tliet snin li jippreċedu eżattament is-sena li fir-rigward tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni u
b) fir-rigward ta' din l-attività, importa prodotti b'valur dogali ddikjarat ta' ECU 400 000 jew aktar matul il-perijodu determinat fil-punt (a)." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
13 Fuq talba tagħhom u fuq l-għoti ta' garanzija, l-"operaturi ġodda" kienu jirċievu allokazzjoni annwali fir-rigward ta' l-importazzjoni ta' kwantità determinata ta' banana, stabbilita mill-Kummissjoni abbażi tat-talbiet individwali kollha magħmula u fid-dawl tal-kwantità totali allokata annwalment lill-"operatura ġodda".
14 L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2362/98, li japplika għall-"operaturi ġodda", kien jipprovdi li:
"L-Istati Membri għandhom jikkontrollaw li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din it-taqsima [intitolata "L-operaturi ġodda"] jiġu rispettati.
Huma għandhom jassiguraw, b'mod partikolari, li l-operaturi kkonċernati jeżerċitaw attività ta' importazzjoni fil-Komunità fis-settur indikat fl-Artikolu 7 f'isimhom stess u bħala entità ekonomikament indipendenti, mill-aspett tat-tmexxija tagħhom, ta' l-impjegati tagħhom u tal-mod kif joperaw. Meta jkun hemm sinjali li jindikaw li jista' jkun li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex qegħdin jiġu rispettati, it-talbiet għal reġistrazzjoni u għal allokazzjoni annwali għandhom jintlaqgħu jekk l-operatur ikkonċernat jipprovdi provi li l-awtorità nazzjonali kompetenti tqis sodisfaċenti." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Ir-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 216/2001
15 L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 216/2001, tad-29 ta' Jannar 2001, li jemenda r-Regolament Nru 404/93 (ĠU L 31, p.2), issostitwixxa l-Artikoli 16 sa 20 tar-Regolament Nru 404/93. Skond id-dispożizzjonijiet, meħuda flimkien, tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 216/2001 u ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 395/2001, tas-27 ta' Frar 2001, li jistabbilixxi ċerti kwantitajiet indikattivi u ammonti individwali massimi għall-għoti ta' liċenzji għall-importazzjoni ta' banana fil-Komunità għat-tieni kwart tas-sena 2001 fil-kuntest tal-kwoti tat-tariffa u tal-kwantità ta' banana tradizzjonali mill-AKP [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 58, p.11), l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 216/2001 jidħol fis-seħħ b'effett mill-1 ta' Lulju 2001.
16 L-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 216/2001, jipprevedi l-ftuħ ta' kwoti tat-tariffa annwali (kwoti A, B u Ċ). Skond it-tielet paragrafu tiegħu:
"Il-Kummissjoni tista', abbażi ta' ftehim ma[l-]partijiet kontraenti ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ b'interess sostanzjali fil-provvista tal-banana, talloka l-kwoti tat-tariff[a] 'A' u 'B' fost il-pajjiżi fornituri."
17 L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 216/2001, jipprovdi li:
"1. Il-kwoti tat-tariffa jistgħu jiġu amministrati b'konformità mal-metodu bbażat fuq il-konsiderazzjoni tal-flussi kummerċjali tradizzjonali (dawk tradizzjonali/dawk ġodda') u/jew skond metodi oħra.
2. Il-metodu adottat għandu jikkunsidra kif ikun approprjat il-ħtieġa li jinżamm l-ekwilibriju fil-provvista tas-suq tal-Komunità."
18 Skond l-Artikolu 20(a) ta' l-istess Regolament kif emendat, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 27 ta' l-istess Regolament, ir-"regoli dwar [l-]amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffa msemmija [fl-]Artikolu 18".
19 Dawn ir-regoli ta' amministrazzjoni huma stabbiliti mir-Regolament Nru 896/2001. Skond l-Artikolu 32 tiegħu, dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri fid-9 ta' Mejju 2001, iżda ġie applikat biss mill-1 ta' Lulju 2001.
20 Skond l-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament:
"Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dettaljati sabiex jiġu applikati l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana skond il-kwoti tat-tariffa pprovduti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KEE) Nru 404/93 u wkoll barra minn dawn il-kwoti."
21 L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 896/2001 jipprovdi li 83% tal-kwoti tat-tariffa previsti fl-Artikolu 1 huma disponibbli għall-"operaturi tradizzjonali kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1)", waqt li s-17% l-oħra jibqgħu disponibbli għall-"operaturi mhux tradizzjonali kif iddefiniti fl-Artikolu 6".
22 It-Titolu II ta' l-istess Regolament, li jinkludi l-Artikoli 3 sa 21 ta' dan ta' l-aħħar, jikkonċerna l-"[i]maniġġjar tal-kwoti tat-tariffa".
23 L-Artikoli 3 sa 6 tar-Regolament Nru 896/2001 jipprovdu li:
"Artikolu 3
Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:
1) "operaturi tradizzjonali" ifissru l-aġenti ekonomiċi, kemm jekk persuni naturali u kemm jekk entitajiet li għandhom personalità legali, aġenti individwali jew gruppi, imwaqqfa fil-Komunità matul il-perjodu taż-żmien sabiex jiġu stabiliti l-kwantitajiet ta’ referenza, li, f'isimhom, [ikunu xtraw] kwantità minima ta’ banana li toriġina f'pajjiżi terzi mill-produtturi jew, fejn applikabbli, [ikunu pproduċew u mbagħad bagħtu u biegħu din il-banana] fil-Komunità.
Il-ħidmiet iddefiniti fis-subparagrafu ta’ qabel għandhom minn issa ‘l quddiem jissejħu "importazzjonijiet primarji".
Il-kwantità minima [msemmija] fl-ewwel subparagrafu għandha tkun ta' 250 tunnellata metrika importata [f'waħda mis-snin] tal-perijodu taż-żmien ta’ referenza. Din il-kwantità minima għandha tkun ta' 20 tunnellata metrika meta l-[kummerċjalizzazzjoni] jew l-importazzjoni [jirrigwardaw] biss il-banana [b'tul ta'] 10 ċentimetri jew inqas;
2) "operaturi tradizzjonali A/B" ifissru l-operaturi tradizzjonali li jkunu wettqu l-kwantità minima ta’ l-importazzjonijiet primarji ta’ "banana minn pajjiżi terzi" u/jew banana "mhux tradizzjonali ta' l-AKP" skond id-definizzjonijiet fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KEE) Nru 404/93, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1637/98 […];
3) "operaturi tradizzjonali Ċ" ifissru l-operaturi tradizzjonali li jkunu wettqu l-kwantità minima ta’ l-importazzjonijiet primarji ta’ "banana tradizzjonali ta’ l-A[K]P" skond id-definizzjonijiet fl-Artikolu 16 imsemmi hawn fuq, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1637/98.
Artikolu 4
1. Il-kwantità ta’ referenza għal kull operatur tradizzjonali A/B li jissottometti applikazzjoni bil-miktub mhux aktar tard mill-11 ta’ Mejju 2001 għandha tkun stab[b]ilita fuq il-bażi tal-medja ta’ l-importazzjonijiet primarji [ta'] banana minn pajjiżi terzi u/jew banana mhux tradizzjonali ta' l-AKP matul is-snin 1994, 1995 u 1996 ikkonsidrati għas-sena 1998 bil-għan li tiġi amministrata l-kwota tat-tariffa għall-importazzjonijiet tal-banana minn pajji[ż]i terzi u l-banana mhux tradizzjonali ta’ l-AKP, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KEE) Nru 404/93 li japplika fis-sena 1998 għall-kategorija ta’ l-operaturi [msemmija] fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu.
2. Il-kwantità ta’ referenza għal kull importatur tradizzjonali Ċ li jissottometti applikazzjoni bil-miktub mhux aktar tard mill-11 ta’ Mejju 2001 għandha tiġi stab[b]ilita fuq il-bażi tal-medja ta’ l-importazzjonijiet primarji tal-banana tradizzjonali ta' l-AKP matul is-snin 1994, 1995 u 1996 imwettqa għas-sena 1998 bħala kwantitajiet ta' banana tradizzjonali ta' l-AKP.
3. L-operaturi li jirriżultaw mill-inkorporazzjoni ta’ operaturi tradizzjonali oħra, kull wieħed bid-drittijiet tiegħu skond dan ir-Regolament, għandhom igawdu l-istess drittijiet bħal dawk ta’ l-operaturi ta’ qabel.
Artikolu 5
1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bis-somma tal-kwantitajiet ta’ referenza [msemmija] fl-Artikolu 4(1) u (2) mhux aktar tard mill-15 ta’ Mejju 2001.
2. Bl-użu tat-tagħrif riċevut skond il-paragrafu 1, u minħabba l-kwantitajiet totali disponibbli skond il-kwoti A/B u Ċ tat-tariffa, il-Kummissjoni għandha, fejn ikun il-każ, tiffissa koeffiċjent waħdieni ta’ aġġustament li għandu jiġi applikat għall-kwantità ta’ referenza ta’ kull operatur.
3. Fejn japplika l-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lil kull operatur bil-kwantità tiegħu ta’ referenza kif aġġustata bil-koeffiċjent ta’ l-aġġustament mhux aktar tard mis-7 ta’ Ġunju 2001.
4. L-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru għandhom ikunu dawk imniżżla fil-lista fl-Anness. Din il-lista għandha tiġi emendata mill-Kummissjoni fuq it-talba ta’ l-Istat Membru int[e]ressat.
[…]
Artikolu 6
Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, "operaturi mhux tradizzjonali" jfissru l-aġenti ekonomiċi stabiliti fil-Komunità fil-mument tar-reġistrazzjoni tagħhom li:
a) kienu jaħdmu indipendentement u f'isimhom f'attività kummerċjali ta’ l-importazzjoni fil-Komunità ta' banana friska li kienet taqa’ taħt il-kodiċi [tan-NM] 0803 00 19 fis-sentejn eżatti ta' qabel is-sena li fiha tkun intalbet ir-reġistrazzjoni;
b) bis-saħħa ta' din l-attività, importaw prodotti għall-valur iddikjarat tad-dwana ta’ 1200000 EUR jew aktar matul il-perjodu taż-żmien [imsemmi] fil-punt (a); u
ċ) ma għandhomx kwantità ta’ referenza bħala operatur tradizzjonali skond il-kwota tat-tariffa li għaliha jkunu qegħdin japplikaw għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 7 u li mhumiex persuna naturali jew entità li għandha personalità legali li, skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 [tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p.1)], għandhom x'jaqsmu ma’ operatur tradizzjonali."
24 Fir-rigward ta' dan l-aħħar punt, l-Artikolu 143 tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 46/1999, tat-8 ta' Jannar 1999 (ĠU L 10, p.1), jipprovdi li:
"1. Għall-għanjiet tat-Titolu II, Kapitolu 3 tal-Kodiċi u ta' dan it-Titolu, persuni jitqiesu li [għandhom relazzjoni] biss jekk:
a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin;
b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju;
[...]
d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar ta' l-ishma jew ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew tat-tnejn;
e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor;
f) it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna;
g) flimkien huma direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna;
[...]
2. Għall-iskopijiet ta' dan it-titolu, persuni assoċjati fin-negozju bejniethom billi wieħed ikun l-aġent uniku, distributur uniku jew konċessjonarju uniku, bi kwalunkwe mod deskritt, ta' l-ieħor għand[hom] jitqies[u] li jkun[u] relatat[i] biss jekk [jaqgħu]fil-kriterji tal-paragrafu 1."
25 L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 896/2001 jippreċiża li:
"L-operaturi jistgħu jkunu rreġistrati fi Stat Membru wieħed ta’ l-għażla tagħhom, bħala operatur mhux tradizzjonali skond il-kwota A/B tat-tariffa u/jew il-kwota Ċ tat-tariffa.
L-operaturi tradizzjonali skond kwota tat-tariffa jistgħu jiġu rreġistrati bħala operaturi mhux tradizzjonali skond il-kwota tat-tariffa li għaliha ma jkollhomx kwantità ta’ referenza.
Madankollu, l-operaturi tradizzjonali Ċ jistgħu jiġu rreġistrati bħala operaturi mhux tradizzjonali skond il-kwota A/B tat-tariffa biss jekk jipprovdu xiehda illi jkunu importaw banana minn pajjiżi terzi u/jew banana mhux tradizzjonali ta' l-AKP għall-valur iddikjarat tad-dwana speċifikat fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 6 matul il-perijodu taż-żmien indikat."
26 It-tielet, ir-raba', is-sitt u s-seba' premessa tar-Regolament Nru 896/2001 jiġġustifikaw kif ġej l-emendi introdotti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni preċedenti:
"(3) L-Artikolu 19 tar-Regolament (KEE) Nru 404/93 jipprovdi illi l-kwoti tat-tariffa jistgħu jkunu mmaniġġjati skond il-metodu bbażat fuq il-konsiderazzjoni tal-kurrenti tradizzjonali tal-kummerċ ("tradizzjonali/ġodda") u/jew metodi oħra. Sabiex jiġu implementati dawn l-arranġamenti l-ġodda mit-tieni nofs tas-sena 2001, huwa tal-parir li jingħata aċċess għall-kwoti tat-tariffa lill-operaturi tradizzjonali li ndaħlu f’isimhom li jixtru prodotti friski mingħand produtturi ta’ pajjiżi terzi, jew il-produzzjoni tagħhom, kif ukoll id-dispaċċ u l-ħatt fit-territorju tad-dwana tal-Komunità, matul perijodu taż-żmien ta’ referenza. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, dawn l-attivitàjiet huma msejjħa "importazzjonijiet primarji".
(4) Għandha tiġi [adottata] definizzjoni waħda ta’ l-operaturi tradizzjonali għall-kwoti kollha tat-tariffa, u l-kwantitajiet tagħhom ta’ referenza għandhom jiġu stab[b]iliti skond l-istess regoli, imma separatament skond jekk dawn l-operaturi pprovdewx is-suq tal-Komunità bil-banana ġejja minn pajjiżi terzi mhux ta’ l-AKP u importazzjonijiet mhux tradizzjonali mill-Istati ta’ l-AKP jew [b']banana tradizzjonali ta’ l-AKP matul il-per[ij]odu taż-żmien ta’ referenza, skond it-tifsira tad-definizzjonijiet fl-Artikolu 16 tar-Regolamenti (KEE) Nru 404/93 li kienu japplikaw qabel l-emenda mdaħħla bir-Regolament (KE) Nru 216/2001.
[…]
(6) Sehem mill-kwoti tat-tariffa [għandu jiġi rriservat]lill-operaturi mhux tradizzjonali. Dan is-sehem irid jippermetti lill-operaturi li ma wettqux importazzjonijiet primarji matul il-perijodu taż-żmien tar-referenza sabiex jissoktaw bil-kummerċ u jaddattaw [għar]-regoli l-ġodda u sabiex jippermettu lill-operaturi l-ġodda li jidħlu f’dan il-kummerċ ta’ l-importazzjoni, biex b’hekk [tiġi inkoraġġuta] kompetizzjoni b’saħħitha.
(7) L-esperjenza fuq numru ta’ snin dwar l-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti ta’ l-importazzjoni tal-banana fil-Komunità tindika l-ħtieġa li jiġu ssikkati l-kriterji ta’ l-operaturi mhux tradizzjonali u l-kriterji ta’ l-eliġibilità għall-operaturi l-ġodda biex tkun evitata r-reġistrazzjoni ta’ aġenti purament fittizji u l-għoti ta’ l-allokazzjonijiet bi tweġiba għal applikazzjonijiet artifiċjali jew spekulattivi. B’mod partikolari, huwa ġġustifikat li jintalab minimu ta’ esperjenza fl-importazzjoni tal-banana friska.[...]"
27 Il-ħames premessa tar-Regolament Nru 896/2001, min-naħa tagħha, tiġġustifika ż-żamma tas-snin 1994, 1995 u 1996 bħala l-"perijodu ta' referenza" bil-mod segwenti:
"Il-perijodu taż-żmien ta’ referenza li jrid jintuża biex jiddefinixxi l-kategoriji ta’ l-operaturi u jistabilixxi l-kwantitajiet ta’ referenza ta’ l-operaturi tradizzjonali għandu jkun il-perijodu taż-żmien tat-tliet snin 1994-1996. Il-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin 1994-1996 huwa l-iktar riċenti li dwaru l-Kummissjoni għandha informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha biżżejjed dwar l-importazzjonijiet primarji. L-użu ta’ dan il-perjodu taż-żmien jista’ wkoll isolvi t-tilwima li ilha għaddejja għal numru ta’ snin ma’ ċerti sħab fil-kummerċ tal-Komunità. Fid-dawl ta’ l-informazzjoni disponibbli stabbilita għall-għan li jiġu amministrati l-kwoti miftuħa fis-sena 1998, l-operaturi tradizzjonali ma għandhomx għalfejn ikunu rreġistrati."
28 L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 896/2001 jippreċiża li:
"Ir-Regolament (KE) Nru 2362/98 huwa mħassar mill-1 ta’ Lulju 2001.
Madankollu, jissokta japplika għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni maħruġa għas-sena 2001."
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
29 Il-kumpanniji importatriċi, żewġ kumpanniji Taljani li jimpurtaw u jinnegozjaw banana friska li toriġina minn pajjiżi terzi, ilhom reġistrati u rikonoxxuti fl-Italja bħala operaturi li jitħallew jipparteċipaw fl-allokazzjoni tal-kwoti tat-tariffa taħt ir-Regolament Nru 404/93 u taħt ir-regoli ta' implementazzjoni tiegħu stabbiliti mill-Kummissjoni mill-1993. Għalhekk, huma tħallew jipparteċipaw fl-allokazzjoni tal-kwoti tat-tariffa A/B sat-30 ta' Ġunju 2001.
30 Mill-inkartamenti jirriżulta li l-kumpanniji importatriċi huma t-tnejn li huma relatati, fis-sens ta' l-Artikolu 143 tar-Regolament Nru 2454/93, ma' Di Lenardo SpA, kumpannija li għandha l-kwalità ta' "operatur tradizzjonali A/B" fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 896/2001.
31 Permezz ta' ittri tal-11 ta' Mejju 2001, il-kumpanniji importatriċi talbu lill-Ministeru, taħt l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 816/2001, biex jipparteċipaw fl-allokazzjoni tal-kwoti tat-tariffa A/B, stabbilita fir-rigward tat-tieni nofs tas-sena 2001.
32 Permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Mejju 2001, il-Ministeru ċaħad dawn it-talbiet minħabba li l-kundizzjonijiet mitluba mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 816/2001 ma kinux ġew sodisfatti minħabba li l-kumpanniji applikanti ma kellhom "l-ebda kwantità fir-rigward ta' importazzjonijiet primarji ta' banana […] magħmula matul is-snin 1994, 1995 u 1996".
33 Minħabba dan, kull waħda mill-kumpanniji importatriċi ressqet rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto intiż, minn naħa, biex tiġi annullata l-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, biex jiġi kkonstatat li l-Ministeru huwa obbligat li jħallihom jipparteċipaw, bħala operaturi tradizzjonali fis-settur tal-banana, fl-allokazzjoni tal-kwoti tat-tariffa A/B stabbiliti għat-tieni nofs tas-sena 2001. In sostenn tar-rikors tagħhom, huma sostnew, b'mod partikolari, li r-Regolament Nru 896/2001 ma kienx validu minħabba ksur tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 216/2001, ta' l-ewwel u t-tieni paragrafi ta' l-Artikolu 5 KE, ta' l-Artikolu 7 KE, tal-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, kif ukoll ta' l-Artikolu 6(1) u (2) UE.
34 Il-Ministeru talab li r-rikorsi jiġu miċħuda minħabba li l-kumpanniji importatriċi qatt ma kienu operaw bħala "importaturi primarji" iżda dejjem bħala "importaturi sekondarji" jew "operaturi li jieħdu ħsieb is-sajran" ta' banana, b'tali mod li, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 896/2001, huma ma setgħux jibqgħu jitħallew jipparteċipaw fl-allokazzjoni tal-kwoti tat-tariffa.
35 Il-qorti tar-rinviju jidhrilha li għandha ssir domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tar-Regolament Nru 896/2001 safejn dan jintroduċi klassifikazzjoni ġdida ta' l-operaturi fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana, iżomm fis-seħħ il-kunċett ta' "importazzjoni primarja" għall-finijiet tal-parteċipazzjoni fl-allokazzjoni tal-kwota tat-tariffa bħala "operaturi tradizzjonali A/B", fis-sens ta' l-Artikolu 3 ta' l-imsemmi Regolament, u jistabbilixxi limiti ta' aċċess ġodda għall-operaturi li jitħallew jipparteċipaw fl-allokazzjoni tal-kwota tat-tariffa bħala "operaturi mhux tradizzjonali", skond l-Artikolu 6 ta' l-istess Regolament.
36 Huwa taħt dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti, li huma fformulati fl-istess termini identiċi fiż-żewġ kawżi:
"1) Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 1, 3, 4, 5 u 31 tar-Regolament (KE) Nru 896/2001 huma kuntrarji, l-ewwel nett, għat-Trattat, b'mod partikolari għall-Artikolu 7 (li qabel kien l-Artikolu 4), u għan-normi jew il-prinċipji l-oħra inerenti għat-Trattat, fid-dawl tal-prinċipju ta' separazzjoni tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji (b'mod partikolari l-Kunsill u l-Kummissjoni)?
2) Dawn l-istess Artikoli tar-Regolament (KE) Nru 896/2001 jonqsu milli jirrispettaw il-prinċipju ta' non-retroattività tal-liġijiet u tal-prinċipji relatati ta' l-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali?
3) L-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 896/2001 jiksru r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 404/93 tat-13 ta' Frar 1993 (kif emendat u miżjud), b'mod partikolari l-Artikolu 20 ta' dan ir-Regolament?
4) Fil-każ ta' risposta negattiva għad-domandi preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tistabbilixxi jekk l-Artikolu 6 ta' l-imsemmi Regolament tal-Kummissjoni, b'mod partikolari d-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 6(c), billi twaqqaf il-persuni li huma relatati ma' operaturi tradizzjonali milli jitħallew jipparteċipaw fl-allokazzjoni tal-kwota tat-tariffa anki bħala 'operaturi mhux tradizzjonali', jonqos milli jirrispetta d-dritt fundamentali għall-eżerċizzju ta' l-attività professjonali fil-forma tal-libertà li jitmexxa negozju?"
37 Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Frar 2002, il-kawżi C-37/02 u C-38/02 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel tliet domandi
38 Permezz ta' l-ewwel tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-validità ta' l-Artikoli 1, 3, 4, 5 u 31 tar-Regolament Nru 896/2001 fir-rigward, minn naħa, tal-prinċipji ta' allokazzjoni tal-poteri u ta' diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijet Komunitarji, kif stabbiliti fl-Artikolu 7 KE, kif ukoll tad-dispożizzjoni li tagħti poter prevista fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 404/93, u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipji ta' non-retroattività tal-liġijiet, ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali.
39 Preliminarjament, il-Kummissjoni ssostni li mhemmx lok li tiġi evalwata l-validità ta' l-Artikoli 1 u 31 tar-Regolament Nru 896/2001 minħabba li dawn l-Artikoli, li huma ta' portata ġenerali mhumiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali.
40 F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 896/2001 huma limitat għal preċiżazzjoni ta' l-għan ta' l-imsemmi Regolament li huwa intiż biex jistabbilixxi "r-regoli dettaljati sabiex jiġu applikati l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana skond il-kwoti tat-tariffa pprovduti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KEE) Nru 404/93 u wkoll barra minn dawn il-kwoti", mingħajr ma jadotta dipożizzjonijiet proprjament leġiżlattivi.
41 Għandu jiġi kkonstatat li la fid-digrieti ta' rinviju u lanqas fl-osservazzjonijiet tal-kumpanniji importatriċi ma tressaq xi argument li jsostni li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 896/2001 mhux validu fir-rigward tad-diversi prinċipji u dispożizzjonijiet invokati fl-ewwel tliet domandi.
42 F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu minn issa jitqies li l-eżami ta' l-ewwel tliet domandi ma żvelax elementi ta' natura tali li jolqtu l-validità ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 896/2001.
43 Fir-rigward ta' l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 896/2001, dan jipprovdi għat-tħassir tar-Regolament Nru 2362/98, ir-Regolament implementattiv preċedenti tal-Kummissjoni, b'effett mill-1 ta' Lulju 2001, waqt li jżomm fis-seħħ l-effetti ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-liċenzji ta' importazzjoni maħruġa għas-sena 2001.
44 Safejn wieħed mill-ilmenti mqajma mill-ewwel tliet domandi huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta' non-retroattività, ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali, f'dan l-istadju, ir-rilevanza ta' l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 896/2001 fir-rigward tas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali ma tistax tiġi ddubitata. Għaldaqstant, għandu jsir eżami ta' l-argumenti invokati kontra l-validità ta' dan l-Artikolu.
Fuq il-limiti tal-poter ta' eżekuzzjoni mogħti lill-Kummissjoni
– L-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja
45 Il-kumpanniji importatriċi josservaw li, minn naħa, taħt l-Artikolu 7 KE, kull istituzzjoni tal-Komunità tista' taġixxi biss fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha bit-Trattat u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 216/2001 jagħti l-poter lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi biss regoli dettaljati dwar l-implementazzjoni. Issa, billi adottat ir-Regolament Nru 896/2001, il-Kummissjoni qiegħdet lilha nnifisha minflok il-Kunsill fil-kwalità tiegħu bħala leġiżlatur.
46 L-introduzzjoni tal-kunċett ta' importatur primarju, fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 896/2001, u l-kundizzjoni li huma biss l-importaturi primarji li jitqiesu bħala operaturi tradizzjonali jmorru 'l hinn mill-poter ta' eżekuzzjoni mogħti lill-Kummissjoni. Din, b'mod arbitrarju, eskludiet mis-suq tal-banana l-operaturi kollha li, mingħajr ma xtraw mingħand produtturi jew mingħajr ma kienu produtturi huma stess, dejjem ġew rikonoxxuti bħala operaturi tradizzjonali fis-sens tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Kunsill. Il-Kummissjoni, għalhekk, marret kontra l-għan tar-Regolament Nru 404/93 jiġifieri li ma jiġux imfixkla r-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-persuni li jinstabu fl-istadji differenti tal-kummerċjalizzazzjoni tas-settur ikkonċernat.
47 Il-kumpanniji importatriċi minn dan jikkonkludu li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 896/2001 u, għaldaqstant, l-Artikoli 4, 5 u 31 ta' l-istess Regolament, li huma marbutin miegħu, huma kuntrarji għall-Artikolu 7 KE.
48 Il-Kummissjoni tosserva li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta' eżekuzzjoni, fil-qasam agrikolu, u l-poter mogħti taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 404/93 għandhom jiġu interpretati b'mod wiesgħa.
49 Hija ssostni li r-Regolament Nru 404/93 ma fihx definizzjoni preċiża tat-termini "operatur" jew "importatur", iżda sempliċement jiddefinixxi d-diversi kategoriji ta' importazzjonijiet ta' banana b'mod oġġettiv. Huwa biss fit-tlettax-il premessa tar-Regolament Nru 404/93 li ssir distinzjoni bejn, "mill-banda l-waħda, l-operaturi li qabel kienu qiegħdu fis-suq il-banana minn pajjiżi terzi u l-banana mill-istati ta’ l-AKP mhux tradizzjonali" u "mill-banda l-oħra, l-operaturi li qabel kienu qiegħdu fis-suq il-banana prodotta fil-Komunità [u banana tradizzjonali mill-AKP]" u li ssir referenza għall-"operaturi l-ġodda li riċentament daħlu jew kienu sejrin jidħlu f’attività kummerċjali f’dan is-settur". Skond il-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li l-Kunsill ma xtaqx jiddefinixxi kriterji suġġettivi u riġidi fir-rigward tal-ħruġ tal-liċenzji ta' importazzjoni.
50 Barra minn dan, il-Kummissjoni kienet obbligata timplementa l-leġiżlazzjoni bażika tal-Kunsill filwaqt li tassigura li ma tfixkilx ir-relazzjonijiet kummerċjali normali bejn id-diversi operaturi tas-settur u li, kif mitlub mill-erbatax, il-ħmistax u s-sittax-il premessa tar-Regolament Nru 404/93, tippermetti żvilupp progressiv fl-istrutturi ta' kummerċjalizzazzjoni.
51 Skond il-Kummissjoni, ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-"operatur tradizzjonali" u l-"importazzjoni primarja", stabbilita fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 896/2001, hija intiża sabiex l-importaturi li jużaw kurrenti tradizzjonali jsiru iktar konxji tar-responsabbiltajiet tagħhom filwaqt li jiġi assigurat żvilupp aħjar ta' l-istrutturi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-banana li tkun ġejja minn pajjiżi terzi kif ukoll it-trasparenza fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-operaturi fis-settur. B'dan il-mod, il-Kummissjoni ikkonformat ruħha, kif jippreċiża l-ħmistax-il premessa tar-Regolament Nru 404/93, mal-"prinċipju [li] il-liċenzji jridu jiġu mogħtija lil persuni naturali jew legali li jkunu daħlu għar-riskju kummerċjali fit-tqegħid fis-suq tal-banana" filwaqt li rrispettat il-"ħtieġa li jiġi evitat id-disturb tar-relazzjonijiet normali tal-kummerċ bejn persuni li jokkupaw postijiet differenti fil-katina tat-tqegħid fis-suq".
52 Il-Kummissjoni żżid li l-kunċett ta' "importazzjoni primarja" mhux kunċett ġdid fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-banana u kien diġà jinstab fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 1442/93. Biex jingħad kollox, ir-referenza għall-kriterju ta' l-importazzjoni effettiva, użat fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2362/98, kien wera ċerti limiti u seta' wassal għal abbużi. Barra minn hekk, mill-1993, l-operaturi tradizzjonali li ma kinux iwettqu importazzjonijiet primarji, jiġifieri l-"operaturi li jieħdu ħsieb is-sajran", ngħataw perijodu tranżitorju twil ta' tmien snin, sal-ewwel nofs tas-sena 2001, sabiex jadattaw rwieħhom progressivament għall-kriterji l-ġodda ta' parteċipazzjoni fil-kwoti tat-tariffa.
53 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni jidhrilha li ma jeżisti l-ebda element ta' natura tali li jolqot il-validità ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 896/2001.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
54 Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 216/2001, jagħti lill-Kummissjoni l-poter sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implementazzjoni u, b'mod partikolari, ir-regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tat-tariffa msemmija fl-Artikolu 18 ta' l-istess Regolament.
55 Skond ġurisprudenza stabbilita, mill-istruttura tat-Trattat li, fid-dawl tagħha, għandu jinftiehem l-Artikolu 211 KE, kif ukoll minn eżiġenzi prattiċi, jirriżulta li l-kunċett ta' eżekuzzjoni għandu jiġi interpretat b'mod wiesa'. Minħabba li l-Kummissjoni biss tista' ssegwi b'mod kostanti u b'attenzjoni l-iżvilupp tas-swieq agrikoli u taġixxi bl-urġenza li tirrikjedi s-sitwazzjoni, il-Kunsill jista', f'dan il-qasam, jagħtiha poteri wesgħin. Għaldaqstant, il-limiti ta' dawn il-poteri għandhom jiġu evalwati, b'mod partikolari fid-dawl ta' l-għanijiet ġenerali essenzjali ta' l-organizzazzjoni tas-suq in kwistjoni (sentenzi tad-29 ta' Ġunju 1989, Vreugdenhil u Van der Kolk, 22/88, Ġabra p. 2049, punt 16, u ta' l-4 ta' Frar 1997, Il-Belġu u L-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-9/95, C-23/95 u C-156/95, Ġabra p. I-645, punt 36).
56 Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fil-qasam agrikolu, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tadotta kull miżura ta' applikazzjoni meħtieġa jew utli sabiex timplementa l-leġiżlazzjoni bażika, sakemm dawn il-miżuri ma jkunux kuntrarji jew għal-leġiżlazzjoni bażika jew għal-leġiżlazzjoni ta' implementazzjoni tal-Kunsill (sentenzi tal-15 ta' Mejju 1984, Zucherfabrij Franken, 121/83, Ġabra p. 2039, punt 13, u Il-Belġju u L-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37).
57 Fir-rigward tal-ġestjoni tal-kwoti tat-tariffa, ir-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 216/2001, ma fihx definizzjoni ta' l-operaturi li jistgħu jipparteċipaw fl-allokazzjoni tal-kwoti tat-tariffa. L-Artikolu 19(1) ta' dan ir-Regolament jipprovdi biss li din il-ġestjoni għandha ssir "b'konformità mal-metodu bbażat fuq il-konsiderazzjoni tal-flussi kummerċjali tradizzjonali […] u/jew skond metodi oħra" u, fit-tieni paragrafu tiegħu, li l-metodu adottat b'dan il-mod "għandu jikkunsidra kif ikun approprjat il-ħtieġa li jinżamm l-ekwilibriju fil-provvista tas-suq tal-Komunità". Dispożizzjonijiet ġenerali bħal dawn ċertament iħallu diskrezzjoni wiesgħa lill-Kummissjoni.
58 F'dan ir-rigward, mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 896/2001 jirriżulta li huma biss l-importaturi primarji, jiġifieri dawk li, "f'isimhom, [ikunu xtraw] kwantità minima ta' banana […] mill-produtturi jew, fejn applikabbli, [ikunu pproduċew u mbagħad bagħtu u biegħu din il-banana] fil-Komunità", li jistgħu jitqiesu bħala "operaturi tradizzjonali".
59 Miżura bħal din, li twassal biex parti importanti mill-allokazzjoni tal-kwoti tat-tariffa tiġi riservata għall-operaturi ekonomiċi li jassumu r-riskju kummerjċali marbut mal-produzzjoni jew ma' l-akkwist mingħand il-produtturi u mat-trasport ta' prodotti friski, taqa' fil-kuntest tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Kummissjoni fl-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni bażika safejn din tkun tista' tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-sistema ta' importazzjoni. Barra minn hekk, ma ġiex stabbilit li hija ta' natura tali li tfixkel il-provvista ekwilibrata tas-suq Komunitarju li l-leġiżlazzjoni bażika hija intiża li tassigura.
60 Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jista' jiġi miċħud ukoll l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-limiti tal-poteri ta' eżekuzzjoni mogħtija lill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 896/2001. Dawn l-Artikoli jikkonċernaw l-istabbiliment tal-kwantitajiet ta' referenza ta' operaturi tradizzjonali A/B u Ċ, kwistjoni li tikkonċerna l-ġestjoni tal-kwoti tat-tariffa u li hija indipendenti mit-teħid in kunsiderazzjoni kontenzjuż ta' l-importazzjonijiet primarji li huwa fil-qalba ta' l-ewwel u tat-tielet domandi.
61 Fl-aħħar nett, ma tressaq l-ebda argument sabiex jiġi stabbilit li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 896/2001, safejn jipprovdi għat-tħassir tar-Regolament ta' implementazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni, jiġifieri r-Regolament Nru 2362/98, b'effett mill-1 ta' Lulju 2001, jonqos milli jirrispetta l-limiti tal-poteri ta' eżekuzzjoni tal-Kummissjoni.
62 Għaldaqstant, ir-risposta għandha tkun li mill-eżami ta' l-ewwel u tat-tielet domandi magħmula ma rriżulta l-ebda element ta' natura tali li jolqot il-validità ta' l-Artikoli 3, 4, 5 u 31 tar-Regolament Nru 896/2001.
Fuq il-prinċipji ta' non-retroattività, ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali
– L-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja
63 Il-kumpanniji importatriċi josservaw li l-Kummissjoni introduċiet kunċetti ġodda u kompletament differenti minn dawk li kienu użati qabel fis-settur tal-banana. Din l-introduzzjoni hija ta' natura tali li tbiddel kompletament is-sistema prevista mir-Regolament Nru 404/93 u teskludi mis-suq in kwistjoni importaturi li b'esperjenza ta' iktar minn għoxrin sena. Safejn il-kunċett ġdid ta' "operatur tradizzjonali", definit u msemmi fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 896/2001, jintuża sabiex jikkwalifika operatur matul is-snin 1994, 1995 u 1996, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw b'effett retroattiv, u dan bi ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi.
64 Il-Kummissjoni tosserva li r-referenza għal perijodu ta' referenza li, min-natura tiegħu, ma jistax ikun perijodu fil-futur, hija indispensabbli biex issir distinzjoni bejn operaturi tradizzjonali u operaturi mhux tradizzjonali fil-kuntest tal-ġestjoni ta' kwoti tat-tariffa. F'dan ir-rigward, hija tosserva li, skond l-erbatax-il premessa tar-Regolament Nru 404/93, il-ħruġ ta' liċenzji ta' importazzjoni, fir-rigward ta' kull operatur, għandha ssir "fuq il-bażi tal-kwantità medja tal-banana mqiegħda fis-suq mill-operatur fit-tliet snin ta’ qabel li għalihom [hija] disponibbli l-informazzjoni statistika". Il-Kummissjoni żżid li l-għażla tas-snin 1994, 1995 u 1996 taqbel perfettament ma' l-għażliet magħmula qabel kif ukoll mal-kriterji stabbiliti mir-Regolament Nru 404/93 minħabba li dan il-perijodu ta' referenza kien identiku għal dak stabbilit fir-Regolament Nru 2362/98 u, kif jirriżulta wkoll mill-ħames premessa tar-Regolament Nru 896/2001, dan il-"perjodu taż-żmien ta’ tliet snin […] huwa l-iktar riċenti li dwaru l-Kummissjoni għandha informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha biżżejjed dwar l-importazzjonijiet primarji".
65 Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li, skond l-Artikolu 32 tiegħu, ir-Regolament Nru 896/2001 daħal fis-seħħ fid-9 ta' Mejju 2001 iżda beda japplika biss fl-1 ta' Lulju 2001. Barra minn hekk, hija tenfasizza li, skond l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, l-operaturi tradizzjonali interessati kellhom jippreżentaw it-talba tagħhom biex tiġi stabbilita l-kwantità ta' referenza mhux iktar tard mill-11 ta' Mejju 2001.
66 F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 896/2001 ma kellha effett retroattiv. Peress li l-operaturi kkonċernati kienu f'pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom bis-saħħa ta' kuntest legali preċiż u sħiħ, li jistabbilixxi dati ta' natura tali li jikkonċiljaw ir-rispett tas-sitwazzjonijiet individwali ta' l-operaturi mal-ħtieġa li tiġi ggarantita tranżizzjoni xierqa bejn is-sistema l-antika u dik ġdida, ma kienx hemm nuqqas ta' rispett tal-prinċipji ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
67 Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, skond l-Artikolu 32 tiegħu, ir-Regolament Nru 896/2001 daħal fis-seħħ fid-9 ta' Mejju 2001, il-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, u li beda japplika mill-1 ta' Lulju 2001, jiġifieri data li kienet tiġi wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu. F'dawn iċ-ċirkustanzi, fil-prinċipju, ma jistax jitqies li għandu effett retroattiv.
68 Il-fatt li importazzjonijiet magħmula matul is-snin 1994, 1995 u 1996 jittieħdu in kunsiderazzjoni biex jiġu stabbiliti l-kwantitajiet ta' referenza użati biex l-importatur jiġi kkwalifikat bħala operatur tradizzjonali A/B jew Ċ, mhux ta' natura tali li jistabbilixxi r-retroattività tar-Regolament Nru 896/2001 safejn dawn l-importazzjonijiet assolutament mhumiex is-suġġett ta' l-allokazzjoni tal-kwoti tat-tariffi applikabbli mill-1 ta' Lulju 2001 'il quddiem.
69 Għaldaqstant, f'dan il-każ, mhemmx kwisjoni ta' ksur tal-prinċipju tan-non-retroattività tal-liġijiet.
70 Fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi invokata l-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, din hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li tnisslu fih tamiet fondati minn xi istituzzjoni. Madankollu, meta operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f'pożizzjoni fejn jista' jipprevedi l-adozzjoni ta' miżura Komunitarja ta' natura tali li tolqot l-interessi tiegħu, dan l-operatur ma jkunx jista' jinvoka l-benefiċċju ta' dan il-prinċipju meta tiġi adottata din il-miżura (sentenzi tal-11 ta' Marzu 1987, Ven den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products vs Il-Kummissjoni, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44, u tal-15 ta' April 1997, Irish Farmers Association et, C-22/94, Ġabra p. I-1809, punt 25). Barra minn hekk, għalkemm il-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità, l-operaturi ekonomiċi mhumiex ġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma fis-seħħ ta' sitwazzjoni eżistenti li l-bidla tagħha qiegħda fid-diskrezzjoni ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, u dan, b'mod speċjali, f'qasam bħal dak ta' l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq, li s-suġġett tiegħu jinvolvi aġġustament kostanti skond il-varjazzjonijiet fis-sitwazzjoni ekonomika (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C-104/97 P, Ġabra p. I-6983, punt 52).
71 F'dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-setturi ekonomiċi interessati ma setgħux irawwmu xi tip ta' tama fondata li l-Kummissjoni setgħet nisslet li tinżamm fis-seħħ il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-importazzjonijiet ta' banana minn pajjiżi terzi, leġiżlazzjoni li mhux biss kienet emendata diversi drabi wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 404/93, b'mod partikolari minħabba obbligi internazzjonali assunti mill-Komunità fil-kuntest ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, iżda li teħtieġ aġġustament kontinwu skond il-varjazzjonijiet fis-sitwazzjoni ekonomika b'tali mod li tħalli diskrezzjoni wiesgħa f'idejn l-istituzzjonijiet Komunitarji.
72 Għaldaqstant, ir-risposta għandha tkun li mill-eżami tat-tieni domanda magħmula ma rriżulta l-ebda element ta' natura tali li jolqot il-validità ta' l-Artikoli 3, 4, 5 u 31 tar-Regolament Nru 896/2001.
Fuq ir-raba' domanda
73 Permezz tar-raba' domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina l-validità ta' l-Artikolu 6(c) tar-Regolament Nru 896/2001 fir-rigward tad-dritt fundamentali għall-eżerċizzju ta' l-attività professjonali.
L-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja
74 Il-kumpanniji importatriċi josservaw li l-Artikolu 6(c) tar-Regolament Nru 896/2001 jintroduċi limitazzjoni radikali fir-rigward tar-rikonoxximent bħala operaturi mhux tradizzjonali safejn dawn l-operaturi ma jistax ikollhom relazzjoni ma' operatur tradizzjonali fis-sens ta' l-Artikolu 143 tar-Regolament Nru 2454/93.
75 Issa, il-funzjoni speċifika u esklużiva ta' dan l-aħħar Artikolu hija li jippreċiża l-każijiet meta l-valur doganali dikjarat tal-merkanzija ma jkunx wieħed li tista' toqgħod fuqu billi jistabbilixxi preżunzjoni sempliċi li tista' tiġi megħluba bi preżentazzjoni ta' prova li "l-valur tat-transazzjoni huwa aċċettabbli għall-iskopijiet doganali […]", fis-sens ta' l-Artikolu 29(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p.1).
76 Meta għamlet referenza għall-Artikolu 143 tar-Regolament Nru 2454/93, il-Kummissjoni mhux biss użat l-każijiet ta' persuni relatati, imsemmija f'dan l-Artikolu, għal għan differenti minn dak li għalih kien intiż dan l-Artikolu, iżda wkoll stabbilit preżunzjoni assoluta dwar l-eżistenza ta' aġenti fittizji u ta' talbiet artifiċjali jew spekulattivi fil-każ fejn il-kumpannija in kwistjoni jkollha relazzjoni ma' operatur tradizzjonali fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu mingħajr ma din ikollha l-possibbiltà li tipprova li l-awtonoma effettiva tagħha u li hija indipendenti fil-ġestjoni tagħha.
77 Għalhekk, impriżi, bħall-kumpanniji importatriċi, li huma relatati ma' operaturi tradizzjonali, ma jistgħux jipparteċipaw fil-kwoti tat-tariffa la bħala operaturi tradizzjonali u lanqas bħala operaturi mhux tradizzjonali u għaldaqstant huma kompletament esklużi mis-suq tal-banana mingħajr ma jkollhom il-possibbiltà li jippruvaw l-indipendenza tagħha, sitwazzjoni li tmur kontra r-Regolament Nru 216/2001 u l-prinċipji fundamentali tal-libertà li jitmexxa negozju u ta' l-eżerċizzju liberu ta' l-attività professjonali.
78 Il-Kummissjoni tenfasizza li l-għan ta' l-Artikolu 6(c) tar-Regolament Nru 896/2001, skond is-seba' premessa ta' dan ir-Regolament, huwa li "tkun evitata r-reġistrazzjoni ta' aġenti purament fittizji u l-għoti ta' allokazzjonijiet bi tweġiba għall-applikazzjonijiet artifiċjali jew spekulattivi". Il-leġiżlazzjoni l-ġdida hija r-riżultat tal-bidla fl-attitudni ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji fir-rigward ta' l-"operaturi li jieħdu ħsieb is-sajran" u tikkostitwixxi reazzjoni għall-kummerċ ta' liċenzji ta' importazzjoni li kienu involuti fih, b'mod partikolari, l-impriżi relatati.
79 Fir-rigward tal-kumpanniji importatriċi, il-Kummissjoni tosserva li t-tnejn li huma huma relatati ma' kumpannija, jiġifieri, Di Lenardo SpA, kumpannija li jirriżulta li hija "operatur tradizzjonali", b'tali mod li dawn il-kumpanniji jistgħu jibqgħu jwettqu l-attività professjonali tagħhom fi ħdan il-grupp mingħajr ma jsofru l-inqas ħsara, u li l-uniku effett negattiv li huma jistgħu jsofru minħabba l-Artikolu 6(c) tar-Regolament Nru 896/2001 huwa li mhux ħa jibqgħu jibbenefikaw mill-kummerċ spekulattiv ma' terzi tal-liċenzji ta' importazzjoni.
80 Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li, skond ġurisprudenza stabbilita, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għal-libertà li tiġi eżerċitata attività professjonali, b'mod partikolari fil-kuntest ta' organizzazzjoni komuni ta' suq, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament l-għanijiet ta' interess ġenerali tal-Komunità u sakemm, ma jammontawx fir-rigward ta' l-għan tagħhom, għal intervenzjoni sproporzjonata u intollerabbli li tippreġudika s-sustanza stess tad-dritt iggarantit (ara s-sentenzi tal-11 ta' Lulju 1989, Schräder, 265/87, Ġabra p. 2237, punt 15, u ta' l-10 ta' Jannar 1992, Kühn, C-177/90, Ġabra p. I-35, punt 16). Issa, f'dan il-każ, ma jistax jinċaħad li r-restrizzjonijiet għall-attività ta' operaturi mhux tradizzjonali, li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(c) tar-Regolament Nru 896/2001, jissodisfaw rekwiżit ta' interess ġenerali. Barra minn hekk, l-ebda operatur ekonomiku ma jista' jippretendi li għandu dritt akkwistat fiż-żamma ta' sitwazzjoni vantaġġjuża, bħal dik marbuta mal-parteċipazzjoni fil-kwoti tat-tariffi, b'mod partikolari, meta din is-sitwazzjoni tirriżulta, f'mument partikolari, li hija kuntrarja għar-regoli tas-suq komuni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93, Ġabra p. I-4973, punt 80).
81 Il-Kummissjoni tikkonkludi li ma jeżisti l-ebda element ta' natura tali li jolqot il-validità ta' l-Artikolu 6(c) tar-Regolament Nru 896/2001.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
82 Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-libertà li tiġi eżerċitata attività professjonali tagħmel parti, l-istess bħad-dritt ta' proprjetà, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Madankollu, dawn il-prinċipji mhumiex prerogattivi assoluti iżda għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni skond il-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Għaldaqstant, jista' jkun hemm restrizzjonijiet għad-dritt li tiġi eżerċitata attività professjonali b'mod liberu, l-istess bħal fir-rigward tad-dritt ta' proprjetà, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta' interess ġenerali li għandha l-Komunità u, fid-dawl ta' l-għan tagħhom, ma jammontawx għal intervenzjoni sproporzjonata jew intollerabbli li tippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta' Ottubru 1995, Fishermen's Organisations et, C-44/94, Ġabra p. I-3115, punt 55; tat-28 ta' April 1998, Metronome Musik, C-200/96, Ġabra p. I-1953, punt 21, u ta' l-10 ta' Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C-20/00 u C-64/00, Ġabra p. I-7411, punt 68).
83 F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6(c) tar-Regolament Nru 896/2001 jillimita l-eżerċizju liberu ta' attività professjonali - safejn kull persuna li ma taqax taħt id-definizzjoni ta' "operatur mhux tradizzjonali" fis-sens ta' dan l-Artikolu, minħabba li tkun relatata ma' operatur tradizzjonali skond l-Artikolu 143 tar-Regolament Nru 2454/93, ma jkollhiex id-dritt li tipparteċipa fil-kwoti tat-tariffa bħala operatur mhux tradizzjonali.
84 Madankollu, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, restrizzjoni bħal din tissodisfa, kif jirriżulta mis-seba' premessa tar-Regolament Nru 896/2001, għan ta' interess ġenerali, jiġifieri li jiġu miġġielda l-prattiċi spekulattivi jew artifiċjali fir-rigward tal-ħruġ ta' liċenzji ta' importazzjoni, u b'hekk tiġi esklużu l-possibbiltà li operatur tradizzjonali, li diġà jipparteċipa fi kwota tat-tariffa, jerġa' jipparteċipa mill-ġdid, bħala operatur mhux tradizzjonali, fl-istess kwota permezz ta' operatur ieħor li għandu relazzjoni miegħu. It-twettiq ta' għan bħal dan, fih innifsu, jikkontribwixxi għall-provvista regolari tas-suq Komunitarju, li l-leġiżlazzjoni Komunitarja hija intiża li tassigura.
85 Barra minn hekk, l-Artikolu 6(c) tar-Regolament Nru 896/2001 ma jikkostitwixxix, fir-rigward ta' dan l-għan, intervenzjoni sproporzjonata u intollerabbli li tippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-eżerċizzju liberu ta' attività professjonali.
86 Fil-fatt, il-Kummissjoni, mingħajr argumenti kuntrarji serji min-naħa tal-kumpanniji importatriċi, semmiet in-nuqqas ta' effikaċja, f'dan ir-rigward, ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2362/98. Skond din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri kellhom jassiguraw li l-"operaturi ġodda" kienu jeżerċitaw attività ta' importazzjoni fil-Komunità f'isimhom stess, bħala entità ekonomika indipendenti u, fil-każ ta' dubju dwar ir-rispett ta' din il-kundizzjoni, l-operatur ikkonċernat kellu, sabiex it-talba tiegħu tiġi ammessa u sabiex jistabbilixxi li l-ġestjoni tiegħu hija indipendenti, jippreżenta lill-awtorità nazzjonali kompetenti provi li din ta' l-aħħar jidhrilha li huma "sodisfaċenti". F'dan ir-rigward, l-Artikolu 6(c) tar-Regolament Nru 896/2001 huwa ċertament ta' natura tali li jimpedixxi b'mod aktar effikaċi li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tiġi abbużata minn prattiċi spekulattivi jew artifiċjali, mingħajr ma b'dan ineħħi kull possibbiltà li l-banana tiġi importata fil-Komunità. L-iktar l-iktar, din il-possibbiltà hija limitata skond in-natura tar-rabtiet bejn l-operaturi ekonomiċi kkonċernati.
87 Barra minn hekk, il-ġlieda kontra l-prattiċi spekulattivi jew artifiċjali li jżidu, permezz ta' ta' aġenti fittizji, is-sehem ta' operaturi tradizzjonali fil-kwoti tat-tariffa li, madankollu, kienu destinati għall-operaturi mhux tradizzjonali, tista', jekk tirriżulta effettiva, tippermetti li numru ta' operaturi li huma verament ġodda jidħlu fis-suq u, b'hekk, jiżviluppaw kompletament l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.
88 Bħala konklużjoni, ir-risposta għandha tkun li, mill-eżami tar-raba' domanda magħmula, ma rriżulta l-ebda element ta' natura tali li jolqot il-validità ta' l-Artikolu 6(c) tar-Regolament Nru 896/2001.
Fuq l-ispejjeż
89 L-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
fir-rigward tad-domandi magħmula lilha mit-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto permezz ta' digrieti tas-16 ta' Jannar 2002, taqta' u tiddeċiedi:
Mill-eżami tad-domandi preliminari ma rriżulta l-ebda element ta' natura tali li jolqot il-validità ta' l-Artikoli 1, 3, 4, 5, 6(c) u 31 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 896/2001, tas-7 ta' Mejju 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 rigward l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità.
Timmermans |
Puissochet |
Schintgen |
Macken |
|
Colneric |
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta' Lulju 2004.
R. Grass |
C. W. A. Timmermans |
Reġistratur |
President tat-Tieni Awla |
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.