Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62002CJ0234
Judgment of the Court (Full Court) of 23 March 2004.#European Ombudsman v Frank Lamberts.#Appeal - Inadmissibility - Non-contractual liability - European Ombudman's manner of dealing with a complaint concerning an internal competition for establishment.#Case C-234/02 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) tat-23 ta' Marzu 2004.
l-Ombudsman Ewropew vs Frank Lamberts.
Appell - Inammissibbiltà.
Kawża C-234/02 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) tat-23 ta' Marzu 2004.
l-Ombudsman Ewropew vs Frank Lamberts.
Appell - Inammissibbiltà.
Kawża C-234/02 P.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:174
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)
23 ta’ Marzu 2004 (*)
“Appell – Inammissibbiltà – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Eżami mill‑Ombudsman Ewropew ta’ lment dwar kompetizzjoni interna għal ħatra f’kariga”
Fil-Kawża C‑234/02 P,
Ombudsman Ewropew, irrappreżentat minn J. Sant’Anna, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
appellant,
sostnut minn
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn H. Krück u C. Karamarcos, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
li għandha bħala suġġett appell ippreżentat mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ April 2002, Lamberts vs L‑Ombudsman (T‑209/00, Ġabra p. II-2203), u li jitlob it-tħassir parzjali ta’ din is-sentenza,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Frank Lamberts, irrappreżentat minn E. Boigelot, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut fl-ewwel istanza li ppreżenta appell inċidentali,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, C. Gulmann (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues u A. Rosas, Presidenti ta’ Awli, J.‑P. Puissochet u R. Schintgen, F. Macken u N. Colneric, u S. von Bahr, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet lill-partijiet u t-trattazzjoni tagħhom fis-seduta tat-13 ta’ Mejju 2003,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Lulju 2003,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ġunju 2002, l-Ombudsman Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Ombudsman”), taħt l‑Artikolu 49 tal-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżenta appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ April 2002, Lamberts vs L-Ombudsman (T‑209/00, Ġabra p. II‑2203, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat ammissibbli r-rikors għad-danni bbażat fuq eżami allegatament ħażin ta’ lment mill-Ombudsman.
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 195(1), (2) u (3) KE jistabbilixxi li:
“1. Il-Parlament Ewropew għandu jaħtar Ombudsman bis-setgħa li jilqa’ l-ilmenti ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni jew ta’ kull persuna, kemm fiżika kif ukoll legali li toqgħod jew ikollha l-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru, li jinvolvu każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kompetenza ġudizzjarja tagħhom.
Konformi mal-missjoni tiegħu, l-Ombudsman għandu jagħmel stħarriġ li jaħseb li jkun ġustifikat, sew fuq inizjattiva tiegħu stess sew abbażi ta’ lmenti li jaslu direttament għandu jew permezz ta’ xi membru tal-Parlament Ewropew, ħlief meta l-fatti allegati mressqa jkunu jew kienu suġġetti għal proċeduri legali. Meta l-Ombudsman jistabbilixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina, għandu jirreferi l-każ lill-istituzzjoni interessata, li għandu jkollha perijodu ta’ tliet xhur biex tinfurmah bir-raġunijiet tagħha. L-Ombudsman għandu mbagħad iressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-istituzzjoni interessata.
Il-persuna li tkun ressqet l-ilment, għandha tiġi informata bir-riżultat ta’ dak l-istħarriġ. L-Ombudsman għandu jippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew fuq l-eżitu ta’ kull stħarriġ li jagħmel.
2. […]
L-Ombudsman jista’ jitneħħa mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq talba tal-Parlament Ewropew jekk ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet mitluba għall-qadi ta’ dmirijietu jew jekk ikun ħati ta’ mġiba serjament ħażina.
3. L-Ombudsman għandu jkun indipendenti għal kollox fil-qadi ta’ dmirijietu. Fil-qadi ta’ dawk id-dmirijiet, huwa m’għandu la jitlob u lanqas jieħu istruzzjonijiet mingħand ħadd […]”
3 Fid-9 ta’ Marzu 1994, il-Parlament Ewropew adotta d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom, rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it‑twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 1 p. 283). Skont l-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni, l-Ombudsman adotta, fis-16 ta’ Ottubru 1997, id-dispożizzjonijiet implementattivi li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1998 (iktar ’il quddiem “dispożizzjonijiet implementattivi”). Il-proċedura ta’ investigazzjoni ta’ lment indirizzat lill-Ombudsman hija rregolata wkoll mill-Artikolu 195(1) KE, id-Deċiżjoni 94/262 u l-imsemmija dispożizzjonijiet implementattivi.
4 Sostanzjalment mill-Artikoli 2(4), (7) u (8) tad-Deċiżjoni 94/262 u l-Artikoli 3 u 4(1) u (2) tad-dispożizzjonijiet implementattivi jirriżulta li, meta Ombudsman ikollu quddiemu lment dwar każ ta’ amministrazzjoni ħażina fl-azzjoni tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi Komunitarji, huwa għandu jagħmel investigazzjoni f’dan ir-rigward ħlief jekk, għal waħda mir-raġunijiet indikati f’dawn id‑dispożizzjonijiet, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, partikolarment meta l-Ombudsman ma jsibx elementi biżżejjed biex jiġġustfika l‑ftuħ ta’ inkjesta.
5 Skont l-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni 94/262, l-“Ombudsman jista’ jirrakkomanda lill-persuna li qed tirreġistra l-ilment biex tindirizzah lil awtorità oħra”. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 2(6) tad-Deċiżjoni 94/262, l-ilmenti ppreżentati lill-Ombudsman ma jaffettwawx it-terminu ta’ żmien għall-appell fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji.
6 Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 195(1) KE u l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262 l-Ombudsman għandu, fuq l-inizjattiva tiegħu jew abbażi ta’ ilment, jikkonduċi kwalunkwe inkjesta li jqis ġustifikabbli sabiex jikkjarifika kull suspett ta’ amministrazzjoni ħażina.
7 Skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262, l-Ombudsman għandu jinforma lill-istituzzjoni jew lill-korp Komunitarju dwar is-suġġett tal-ilment jew tal-inkjesta, sabiex din l-istituzzjoni jew dan il-korp ikunu jistgħu jissottomettu “kull kumment meqjus utli lilu”.
8 Wara l-eżami tal-opinjoni tal-imsemmija istituzzjoni jew tal-imsemmi korp u tal-osservazzjonijiet eventwali magħmulin minn min ilmenta, l-Ombudsman jista’ jiddeċiedi jew li jagħlaq il-każ b’deċiżjoni motivata, jew jissokta fl-inkjesta tiegħu. Huwa għandu jinforma b’dan lil min ikun għamel l-ilment u l-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat, skont l-Artikolu 4(5) tad-dispożizzjonijiet implementattivi.
9 Meta l-Ombudsman jikkonstata każ ta’ amministrazzjoni ħażina fl-azzjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ korp Komunitarju, huwa “għandu jfittex soluzzjoni ma’ l‑istituzzjoni jew korporazzjoni kkonċernata biex tiġi eliminata l-istanza ta’ amministrazzjoni ħażina u jissodisfa l-ilment” kif hu stabbilit fl-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni 94/262.
10 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 tad-dispożizzjonijiet implementattivi, imsejjaħ “Soluzzjonijiet bonarji” jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Ombudsman “jikkopera, sa fejn jista’, ma’ l-istituzzjoni kkonċernata sabiex tinstab soluzzjoni bonarja biex jiġi eliminat il-każ ta’ amministrazzjoni ħażina u tkun sodisfatta l‑persuna li tkun ippreżentat l-ilment”. Jekk l-Ombudsman jidhirlu li din il‑kooperazzjoni tkun irnexxiet, jista’ jagħlaq il-każ billi jagħti deċiżjoni motivata u jinforma lill-persuna li tkun ippreżentat l-ilment u lill-istituzzjoni kkonċernata bid-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, skont il-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni, jekk fil-fehma tiegħu “ma jkunx possibbli li tinstab soluzzjoni bonarja, jew jekk l‑isforz biex tinstab soluzzjoni bonarja jkun falla, l-Ombudsman jista’ jew jagħlaq il-każ u jagħti deċiżjoni mmotivata li tista’ tinkludi kumment ta’ kritika, jew inkella jħejji rapport li fih jagħmel abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet ”
11 Rigward il-possibbiltà li jsir “kumment ta’ kritika” fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-Artikolu 7(1) tad-dispożizzjonijiet implementattivi jgħid li l‑Ombudsman jagħmel kumment ta’ kritika b’mod partikolari jekk iħoss li “ma jkunx aktar possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li telimina l-każ ta’ amministrazzjoni ħażina” u li dan il-każ ma għandu “l-ebda implikazzjoni ġenerali”.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
12 Mill-punti 16 sa 36 tas-sentenza inkwistjoni jirriżulta li, sostanzjalment, il-fatti li wasslu għall-kawża huwa dawn li ġejjin.
13 F. Lamberts ipparteċipa f’kompetizzjoni interna organizzata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħatra ta’ uffiċjali temporanji tal-kategorija A. Huwa weħel mit-test orali u jattribwixxi dan għall-fatt li, matul dan it-test, kien taħt l-influwenza ta’ mediċini li setgħu jikkawżawlu stat ta’ għeja u jnaqqsulu l‑kapaċitajiet tiegħu ta’ konċentrazzjoni. Din il-kura kienet ġiet preskritta lilu wara inċident li kellu ftit ġimgħat qabel it-test orali. Huwa enfasizza li ma kienx talab il-posponiment tat-test orali tiegħu minħabba klawżola li kienet tinsab fis-sejħa għal dak it-test. Skont dik il-klawżola “l-organizzazzjoni tat-testijiet ma (kinitx) tippermetti li jinbidel l-orarju […] indikat”.
14 Wara li talab inutilment kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-każ tiegħu fi ħdan diversi dipartimenti tal-Kummissjoni, huwa ressaq ilment quddiem l-Ombudsman.
15 Wara eżami ta’ dan l-ilment, l-Ombudsman bagħat, fil-21 ta’ Ottubru 1999, id‑deċiżjoni tiegħu dwar dan l-ilment lil F. Lamberts. Huwa indikalu li, skont l‑istħarriġ tiegħu, il-Kummissjoni hija disposta, fil-prattika, li tikkunsidra ċ‑ċirkustanzi eċċezzjonali li jipprevjenu lil kandidat milli jkun preżenti fid-data indikata f’sejħa għal testijiet orali. Huwa jżid li, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni għandha tinkludi klawżola bħal din fl-ittra ta’ sejħa għat-test orali b’mod li tinforma lill-kandidati b’din il-possibbiltà.
16 Madankollu, għal dak li jikkonċerna l-fatt li, f’dan il-każ, l-istituzzjoni rrifjutat lill-persuna li lmentat li terġa’ tagħmel it-test orali t-tieni darba, l-Ombudsman jinnota b’mod partikolari, fil-punti 2.2 u 2.3 tad-deċiżjoni tiegħu, li kompetizzjoni “għanda tiġi organizzata b’osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-prinċipju jista’ jwassal għall-annullament tal-kompetizzjoni. Dan jista’ joħloq spejjeż finanzjarji u amministrattivi kunsiderevoli għall-amministrazzjoni. Mill-opinjoni tal-Kummissjoni jirriżulta li din tal-aħħar qieset li ma kinitx f’pożizzjoni li tippermetti li kandidat jerġa’ jagħmel it-tieni eżami orali. L-Ombudsman jirrimarka li l-ebda element tal-każ ma jindika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tippermettix lil kandidat li jerġa’ jagħmel l-eżami orali ttieħdet bi ksur ta’ xi regola jew ta’ xi prinċipju kwalunkwe li jorbot lill-Kummissjoni”. Għal dawn ir‑raġunijiet, l-Ombudsman jikkunsidra li, f’dan il-każ, “ma kienx hemm amministrazzjoni ħażina”.
17 Fl-aħħar nett, l-Ombudsman għamel kummenti ta’ kritika fir-rigward tal-prattika amministrattiva tal-Kummissjoni b’mod ġenerali. F’dawn il-kummenti huwa tenna l-kunsiderazzjoni li, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni għandha, fil-futur, tinkludi b’mod ġenerali klawżola speċifika fl-ittri ta’ sejħa tagħha għal eżami orali billi tinforma lil-kandidati li d-data indikata tista’ tinbidel f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Fir-rigward tal-ilment ta’ F. Lamberts, l-Ombudsman ikkonkluda, madankollu, li billi “dan l-aspett tal-każ jittratta proċeduri li jirrigwardaw il-fatti speċifiċi fil-passat, ma hemmx lok li wieħed ifittex soluzzjoni bonarja”. Għaldaqstant l-Ombudsman għalaq il-każ.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata
18 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Awwissu 2000, F. Lamberts ressaq rikors kontra l-Ombudsman u l-Parlament, intiż għall-kumpens għall-ħsara materjali u morali li kien sofra minħabba l-fatt ta’ kif ġie ttrattat l-ilment tiegħu mill-Ombudsman. L-Ombudsman u l-Parlament talbu biex ir-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli.
19 Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Frar 2001, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors sa fejn kien immirat kontra l-Parlament (Lamberts vs L‑Ombudsman u Il-Parlament, T‑209/00, Ġabra p. II‑765). Permezz ta’ digriet tal-istess ġurnata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ordnat li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Ombudsman tiġi deċiża flimkien mal-mertu. Dan talab, b’mod sussidjarju, biex ir-rikors jiġi miċħud bħala infondat.
20 Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat qabel kollox l‑ammissibbiltà tar-rikors kontra l-Ombudsman. Fil-punti 48 sa 52 ta’ din is‑sentenza, għamlet referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, bis-saħħa tal-Artikoli 235 KE u 288 KE, rikors jista’ jiġi ppreżentat kontra kull korp tal-Komunità għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha u biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn dan il-korp fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha. Hija kkonkludiet li kellha ġurisdizzjoni tiddeċiedi rikors għal danni kontra l-Ombudsman.
21 Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 57 tas-sentenza kkontestata, li:
“[…] id-Deċiżjoni 94/262 tat lill-Ombudsman mhux biss il-kompitu li jidentifika u li jipprova jelimina każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina f’isem l-interess ġenerali, imma wkoll li jfittex, sa fejn huwa possibbli, soluzzjoni li hija konformi mal-interess speċifiku taċ-ċittadin ikkonċernat. Ċertament, l-Ombudsman, kif jenfasizza hu stess, għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna rigward il‑fondatezza ta’ lmenti u kif dawn għandhom jiġu ttrattati insegwitu, u b’hekk ma huwa taħt l-ebda obbligu dwar ir-riżultat li għandu jintlaħaq. Madankollu, anki jekk l-istħarriġ mill-qorti Komunitarja għandu, konsegwentement, ikun limitat, huwa possibbli li f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna ċittadin jista’ juri li l‑Ombudsman żbalja b’mod manifest fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu b’mod li kkawża ħsara lill-ċittadin kkonċernat.”
22 Fil-punti 58 u 59 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li:
“58 […] l-argument tal-Ombudsman ibbażat fuq in-natura mhux obbligatorja tal-miżuri li jista’ jieħu fl-aħħar tal-istħarriġ tiegħu lanqas ma jista’ jiġi segwit. Fil-fatt, ta’ min ifakkar li r-rikors għad-danni ġie stabbilit mit-Trattat bħala rimedju awtonomu li għandu funzjoni partikolari fil-qafas ta’ sistema ta’ rimedji u subordinati għal kundizzjonijiet ta’ twettiq skont l-għan speċifiku tiegħu […]. Filwaqt li r-rikorsi għal annullament u għal nuqqas li tittieħed azzjoni huma intiżi sabiex jissanzjonaw l-illegalità ta’ att ġuridikament vinkolanti jew in-nuqqas ta’ tali att, ir-rikors għad-danni għandu bħala għan it-talba għal kumpens għal ħsara ġejja minn att, kemm jekk huwa legalment vinkolanti jew le, jew minn aġir imputabbli lil istituzzjoni jew lil korp Komunitarju […].
59 F’dan il-każ, F. Lamberts jilmenta li l-Ombudsman aġixxa illegalment kif ittratta l-ilment tiegħu. Issa, ma tistax tiġi eskluża l-ipoteżi li aġir bħal dak jista’ jikser id-dritt, li t-Trattat u d-Deċiżjoni 94/262 jagħtu liċ-ċittadini, sabiex l-Ombudsman ifittex soluzzjoni extraġudizzjarja għal każ ta’ amministrazzjoni ħażina li taffettwahom u li tista’ tagħmlilhom il-ħsara.”
23 Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors bħala nieqes infondat billi F. Lamberts ma ppruvax li l-Ombudsman kien ikkommetta nuqqas fil-qadi ta’ dmirijietu bil-mod kif ittratta l-ilment tiegħu.
24 Għal dak li jirrigwarda l-mezzi rilevanti fil-kuntest ta’ dan l-appell, mis-sentenza kkontestata jirriżulta dan li ġej.
25 Fl-ewwel lok, F. Lamberts ilmenta li l-Ombudsman ma ġibidlux l-attenzjoni tiegħu dwar il-possibbiltà li jippreżenta rikors għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Issa, din iddeċidiet li uffiċjal tal-Komunitajiet għandu jkun jaf il-modalitajiet ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. L-Ombudsman jista’ jagħti parir lil-litigant fuq dan il-punt, imma l‑ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma tobbligah jagħmel dan.
26 Fit-tieni lok, F. Lamberts ilmenta mal-Ombudsman li dan ma kienx imparzjali u oġġettiv meta ttratta l-ilment tiegħu sa fejn dan ikkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni meta din l-opinjoni, fil-verżjoni bl-Ingliż, lingwa li fiha F. Lamberts kien ressaq l-ilment tiegħu, kienet ġiet ippreżentata wara t-terminu mogħti mill-Ombudsman. Barra minn hekk, din il-verżjoni tal-opinjoni ma kinitx tikkorrespondi mal-verżjoni Franċiża li kienet ġiet trażmessa inizjalment. F’dan ir‑rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet li t-terminu ffissat mill-Ombudsman lill-istituzzjoni sabiex tissottometti l-opinjoni tagħha ma kienx terminu ta’ dekadenza u li l-verżjonijiet lingwistiċi ma kinux differenti f’dak li jirrigwarda l-elementi rilevanti għall-eżami mill-Ombudsman tal-ilment li kellu quddiemu.
27 Fit-tielet lok, F. Lamberts sostna li l-Ombudsman kellu l-obbligu li jagħmel l‑aħjar sforz, sabiex ifittex soluzzjoni bonarja għas-sodisfazzjon taċ-ċittadin. Il‑Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li l-Ombudsman għandu, f’dan ir-rigward, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna. Konsegwentement, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Ombudsman tapplika biss fil-każ li jinjora b’mod flagranti u manifest l-obbligi tiegħu f’dan il-kuntest. Fil-prinċipju, ma jistax jillimita ruħu li jittrażmetti l-opinjonijiet tal-istituzzjoni liċ-ċittadin ikkonċernat. Issa f’dan il-każ, l-Ombudsman eżamina l-fondatezza tal-fehma tal-Kummissjoni u seta’, mingħajr ma jkun qed jonqos, jikkonkludi fid-deċiżjoni tiegħu, li t-tfittxija ta’ soluzzjoni bonarja li tissodsfa lil F. Lamberts ma setgħetx tintlaħaq.
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
28 Permezz tal-appell tiegħu, l-Ombudsman jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza kkontestata sa fejn tiddikjara ammissibbli r-rikors għad-danni;
– tiddikjara dan ir-rikors inammissibbli.
29 F. Lamberts ippreżenta risposta fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell;
– tannulla s-sentenza kkontestata għal dak li jirrigwarda l-fondatezza tat-talba mressqa fl-ewwel istanza u, għaldaqstant:
– primarjament:
– tikkundanna lill-Ombudsman iħallsu somma ta’ EUR 2 468 787 bħala danni għal ħsara materjali u finanzjarja u somma ta’ EUR 124 000 bħala danni għal ħsara morali, flimkien mal-interessi legali sakemm isir il-ħlas sħiħ,
– tikkundanna lill-Ombudsman għall-ispejjeż tal-istanza,
– sussidjarjament:
– tikkundanna lill-Ombudsman iħallsu somma ta’ EUR 1 234 394 bħala danni għal ħsara materjali u finanzjarja u somma ta’ EUR 124 000 bħala danni għal ħsara morali, flimkien mal-interessi legali sakemm isir il-ħlas sħiħ,
– tikkundanna lill-Ombudsman għall-ispejjeż tal-istanza,
30 Il-Parlament ippreżenta nota ta’ intervent insostenn tal-Ombudsman.
Fuq l-appell prinċipali
31 L-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jikkonkludu kwistjoni ta’ proċedura dwar eċċezzjoni ta’ inkompetenza jew ta’ inammissibbiltà u li dan l-appell jista’ jitressaq minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha.
32 Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza qabel kollox ċaħdet l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Ombudsman kontra r-rikors ta’ F. Lamberts biex imbagħad ċaħdet ir-rikors tiegħu bħala infondat.
33 Billi l-Ombudsman tilef parzjalment fit-talbiet tiegħu, l-appell tiegħu kontra s‑sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza sa fejn tiċħad l-eċċezzjoni tiegħu ta’ inammissibbiltà huwa b’hekk ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 1999, Franza vs Comafrica et, C-73/97 P, Ġabra p. I-185, u tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I-1873, punt 50).
34 Għandu jiġi osservat imbagħad li l-Ombudsman ma jiddubitax mill-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prm’Istanza li tgħid li hija kompetenti, skont l-Artikoli 235 KE u t‑tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, biex tiddeċiedi rikorsi għad-danni kontrih bħala korp tal-Komunità.
35 Fil-fatt, l-Ombudsman jirrikonoxxi li, bħala regola, ċittadin jista’ jippreżenta rikors għad-danni għall-kumpens għall-ħsara li jkun ikkawżalu minħabba l-aġir illegali eventwali tiegħu, jiġifieri atti distinti mill-proċeduri ta’ stħarriġ, li ġew kommessi bi ksur tad-dmirijiet imposti fuq l-Ombudsman mit-Trattat u bl-istatut tiegħu u li kisru drittijiet suġġettivi taċ-ċittadin, bħad-dritt sabiex ċerta informazzjoni tinżamm kunfidenzjali.
36 Min-naħa l-oħra, huwa jqis li huwa kontra d-dritt Komunitarju li rikors għad-danni jiġi ppreżentat kontrih f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ partikolari, billi dan ir-rikors huwa intiż biex tiġi mistħarġa r-regolarità tal-proċedura ta’ stħarriġ li jagħmel kif ukoll dik tad-deċiżjoni tiegħu li jagħlaq il-proċedura. Meta għamlet hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat il-limiti li għandha fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-attività tiegħu.
37 Insostenn tal-appell tiegħu, l-Ombudsman qajjem aggravju wieħed, ibbażat, minn naħa, fuq il-ksur mill-Qorti tal-Prim’Istanza tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari, tal-Artikolu 195 KE u tad-Deċiżjoni 94/262, u min-naħa l-oħra, fuq il‑fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza injorat jew interpretat ħażin il-ġurisprudenza tagħha kif ukoll dik tal-Qorti tal-Ġustizzja.
38 Dan l-aggravju huwa artikolat fi tliet partijiet.
Fuq l-ewwel parti tal-aggravju
Preżentazzjoni u argumentazzjoni
39 Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju tiegħu, l-Ombudsman, sostnut mill-Parlament, jilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet stħarriġ ġudizzjarju fuq ir‑regolarità tal-proċedura ta’ stħarriġ u tad-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura meta, skont id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Ombudsman u r-responsabbiltà tiegħu, huwa l-Parlament li jagħmel l-istħarriġ.
40 Huwa jibbaża ruħu f’dan ir-rigward fuq l-Artikolu 195 KE u l-Artikolu 3(7) u (8) tad-Deċiżjoni 94/262 li jipprovdu li l-Ombudsman għandu jippreżenta lill-Parlament rapporti speċjali u rapport annwali fuq l-attività tiegħu. Sostanzjalment, huwa jirreleva, li dawn ir-rapporti tiegħu jiġu analizzati mill-Parlament u huma s‑suġġett ta’ dibattitu. Huwa jenfasizza li l-istħarriġ li sar dwar l-ilment ta’ F. Lamberts issemma fir-rapport annwali tal-1999, li ġie ppreżentat fil-Parlament f’April 2000. Wara li analizzah, il-Parlament ħejja rapport tiegħu stess, li adotta f’Lulju 2000. Meta aċċettat li teżamina fil-fond każ li fih Lambert kien qed jikkontesta l-mod kif l-Ombudsman ittratta l-ilment tiegħu u l-konklużjonijiet li waslet għalihom, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet għamlet b’mod żbaljat stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-proċedura ta’ stħarriġ li għamel l-Ombudsman u tal-konklużjonijiet tiegħu, li jwassal għal duplikazzjoni mal-istħarriġ li għandu l‑obbligu jagħmel il-Parlament bis-saħħa tat-Trattat KE u li kien sar diġà.
41 Barra minn hekk, l-Ombudsman isostni li l-Artikolu 195(2) KE u l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 94/262 jistabbilixxu proċedura partikolari għall-każ fejn l-Ombudsman jikkommetti nuqqas gravi jew diversi nuqqasijiet li jġiegħlu lil wieħed jiddubita mill-kapaċità tiegħu li jaqdi l-funzjonijiet tiegħu. F’din l-ipoteżi, fuq talba tal-Parlament, l-Ombudsman jista’ jitneħħa mill-kariga mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk F. Lamberts jikkunsidra li l-Ombudsman ma qiesx b’mod korrett l-ilment tiegħu, huwa kellu jirreferi lill-Parlament u mhux lill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.
42 L-Ombudsman u l-Parlament iżidu jgħidu li l-interpretazzjonijiet li bbażat ruħha fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddikjara inammissibbli rikors biex jingħata kumpens għal dannu kkawżat mill-Ombudsman jistgħu jagħmlu ħsara lill-bilanċ istituzzjonali li hemm madwaru u jpoġġu fid-dubju l-indipendenza tiegħu stabbilita fl-Artikolu 195(3) KE.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
43 Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkommettietx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li stħarriġ ġudizzjarju tal-attivitajiet tal-Ombudsman mhuwiex eskluż mis-setgħa ta’ stħarriġ li għandu l-Parlament fil-konfront tiegħu.
44 Fil-fatt, minn naħa, l-obbligu għall-Ombudsman li jagħmel rapport lill-Parlament ma jistax jiġi analizzat bħala stħarriġ tal-Parlament fuq il-qadi korrett mill-Ombudsman tad-dmirijiet tiegħu meta jittratta l-ilmenti taċ-ċittadini.
45 Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ tneħħija mill-kariga tal-Ombudsman tirrikjedi kunsiderazzjoni tal-attività globali tiegħu u mhux ta’ stħarriġ mill-Parlament tat-twettiq mill-Ombudsman tal-missjonijiet tiegħu matul l-eżami ta’ lment ta’ ċittadin.
46 Fi kwalunkwe każ, il-kompetenzi li għandu l-Parlament fir-rigward tal-Ombudsman ma jappartjenux għal poter ta’ stħarriġ ġudizzjarju.
47 Għaldaqstant, stħarriġ ġudizzjarju tal-attività tal-Ombudsman ma jiġix idduplikat ma’ dak li jeżerċita l-Parlament.
48 Fir-rigward tar-riskju allegat li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-attività tal-Ombudsman ipoġġi fid-dubju l-indipendenza tiegħu, ir-rikonoxximent ta’ responsabbiltà minħabba ħsara kkawżata mill-attività tal-Ombudsman jikkonċerna mhux ir‑responsabbiltà personali tal-Ombudsman imma dik tal-Komunità. Issa ma jidhirx li l-possibbiltà li tidħol ir-responsabbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, tal-Komunità minħabba l-aġir tal-Ombudsman, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, li jmur kontra d-dritt Komunitarju, hija ta’ natura tali li tpoġġi fid-dubju l‑indipendenza tal-Ombudsman.
49 Skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tar-responsabbiltà tal-Komunità għal danni kkawżati lil individwi minn ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lil istituzzjoni jew korp Komunitarju, dritt għal kumpens għad-danni hu rikonoxxut sakemm jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li r-regola ta’ liġi miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-ksur ikun gravi biżżejjed u, fl-aħħar nett, li tkun teżisti rabta ta’ kawżalità diretta bejn il-ksur tal-obbligu impost fuq il-Komunità u l-ħsara mġarrba mill-persuni leżi (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Il Kummissjoni vs Fresh Marine, C‑472/00 P, Ġabra p. I-7541, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li ksur tad-dritt Komunitarju huwa gravi biżżejjed huwa jekk l-Istat Membru jkunx injora, b’mod manifest u gravi, il-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Fresh Marine, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).
50 Sabiex wieħed jara jekk hemmx ksur gravi biżżejjed tad-dritt Komunitarju li jinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba l-aġir tal-Ombudsman, għandhom jiġu kkunsidrati l-partikolaritajiet tal-funzjoni ta’ dan tal-aħħar. F’dan il-kuntest, għandu jingħad li l-Ombudsman huwa obbligat biss li jagħmel l-aħjar sforz u huwa jibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’.
51 Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Ombudsman u l-Parlament, l‑istħarriġ li jagħmel it-tieni fuq tal-ewwel ma jeskludix l-istħarriġ ġudizzjarju, li għandu jiġi eżerċitat filwaqt li jiġu kkunsidrati l-partikolaritajiet tal-funzjoni ta’ medjatur.
52 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Ombudsman u l-istħarriġ fuqu meta ddikjarat ammissibbli, fil-prinċipju, rikors għad-danni bbażat fuq ir‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba li l-Ombudsman allegatament ittratta ħażin l-ilment. Għalhekk, ġustament, fil-punt 57 tas-sentenza kkontestata, wara li rrikonoxxiet li l-Ombudsman għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-fondatezza tal-ilmenti u s-segwitu li ngħata lil dawn u li ma għandu, f’dan il-kuntest, l-ebda obbligu li jikseb riżultat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, anki jekk l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu, għaldaqstant, ikun limitat, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali, ċittadin ikun jista’ juri li l-Ombudsman ikkommetta ksur gravi biżżejjed tad-dritt Komunitarju fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu b’mod li kkawża ħsara liċ-ċittadin ikkonċernat.
53 Għalhekk, l-ewwel parti tal-aggravju mhijiex fondata.
Fuq it-tieni parti tal-aggravju
Preżentazzjoni u argumentazzjoni
54 Permezz tat-tieni parti tal-aggravju tiegħu, l-Ombudsman, sostnut mill-Parlament, jilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi meta ddikjarat ammissibbli rikors għad-danni li fil-verità ried ipoġġi fid-dubju r-regolarità tal-proċedura ta’ stħarriġ u tad-deċiżjoni ta’ għeluq tal-proċedura meta, bis-saħħa tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rimedji stabbiliti għal dan il-għan mit-Trattat huma inammissibbli fir-rigward tal-Ombudsman.
55 B’mod partikolari, dan tal-aħħar sostna li l-istħarriġ li huwa jagħmel u l‑konklużjonijiet li jasal għalihom, anki jekk jissejħu “deċiżjonijiet”, ma għandhom l-ebda effett ġuridiku dirett fuq is-sitwazzjoni taċ-ċittadini u l-ebda effett ġuridiku vinkolanti għall-istituzzjoni kkonċernata. Għalhekk, huwa jikkonsidra li, anki jekk l-istħarriġ kellu difett formali u l-konklużjonijiet tiegħu kellhom żbalji ta’ liġi, dawn il-konklużjonijiet u l-istħarriġ ma setgħux fl-ebda każ ikunu l-kawża tad-danni għal min għamel l-ilment għax dan ikun sofra l-ħsara mill-fatt ta’ amministrazzjoni ħażina imputabbli lil istituzzjoni Komunitarja u mhux lill-Ombudsman.
56 L-Ombudsman jilmenta wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet, fil-punti 64 u 85 tas-sentenza kkontestata, analiżi dettaljata tal-istħarriġ u tal-konklużjonijiet tiegħu, kif kieku kienet tagħmel fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, u b’hekk għamlet stħarriġ veru u proprju tal-legalità kumplessivament fuq il-proċedura tal-istħarriġ u fuq il-konklużjonijiet tiegħu.
57 Meta għamlet dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma rrispettatx id-distinzjoni bejn ir‑rikors għad-danni, minn naħa, u r-rikors għal annullament u għal nuqqas li tittieħed azzjoni, min-naħa l-oħra, u injorat il-ġurisprudenza tagħha stess u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn jirriżulta li l-istħarriġ u d-deċiżjonijiet tal-Ombudsman ma jistgħux ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ dawn l-aħħar żewġ rikorsi.
58 L-Ombudsman jilmenta li madankollu l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlitha possibbli li jsir stħarriġ ġudizzjarju bħal dan taħt l-iskuża ta’ rikors għad-danni u li b’hekk tinfetaħ triq għall-introduzzjoni ta’ diversi rikorsi għal annullament kif ukoll għal nuqqas li tittieħed azzjoni, kontra l-Ombudsman bl-iskuża ta’ rikorsi għad-danni allegati. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx li, fir-realtà, ir-rikors għad-danni kontra l-Ombudsman kien jikkostitwixxi abbuż minn F. Lamberts tar-rimedji li huma r-rikors għal annullament u r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
59 Ir-rikors għad-danni huwa rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema ta’ rimedji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsub fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu (sentenza tat-28 ta’ April 1971, Lütticke vs Il‑Kummissjoni, 4/69, Ġabra p. 325, punt 6, u d-digriet tal-21 ta’ Ġunju 1993, Van Parijs et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C-257/93, Ġabra p. I-3335, punt 14). Filwaqt li r-rikorsi għal annullament u għal nuqqas li tittieħed azzjoni huma intiżi sabiex jissanzjonaw l-illegalità ta’ att ġuridikament vinkolanti jew in-nuqqas ta’ tali att, ir-rikors għal responsabbiltà għandu bħala għan it-talba għal kumpens ta’ dannu li jirriżulta minn att jew minn aġir illegali imputabbli lil istituzzjoni jew lil korp Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1985, CMC vs Il‑Kummissjoni, 118/83, Ġabra p. 2325, punti 29 sa 31; tas-27 ta’ Marzu 1990, Grifoni vs Il‑Kummissjoni, C‑308/87, Ġabra p. I-1203, u tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I-4199).
60 Waħda mill-kundizzjoni għad-dritt tal-kumpens, kif huwa mfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, hija l-eżistenza ta’ ksur gravi biżżejjed ta’ regola ta’ liġi li tagħti drittijiet lill-individwi. Għalhekk, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, hemm lok li jiġi kkunsidrat l-aġir li jikkawża d-dannu sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ istituzzjoni jew ta’ korp Komunitarju.
61 Fil-fatt, jekk qorti Komunitarja ma tistax tikkunsidra l-legalità ta’ aġir ta’ istituzzjoni jew korp Komunitarju, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 235 KE jitneħħielha l-effett utli tagħha.
62 Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u intiż għall-kumpens ta’ ħsara allegatament ikkawżata bil-mod kif l-Ombudsman ittratta lment, għandha tiġi kkunsidrata l-legalità tal-aġir tal-Ombudsman fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.
63 Għalhekk, kellha raġun il-Qorti tal-Prim’Istanza li tara, fil-punti 64 sa 85 tas-sentenza kkontestata, jekk l-Ombudsman kienx wettaq il-ksur gravi biżżejjed tad-dritt Komunitarju li lmenta dwaru F. Lamberts u li tistħarreġ il-mod kif l‑Ombudsman kien ittratta l-ilment tiegħu, sabiex jiġi ddeterminat jekk kellhiex tilqa’ r-rikors li kellha quddiemha.
64 Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkommettietx żball ta’ liġi dwar il‑portata tar-rikors għad-danni meta ddikjarat ammissibbli r-rikors imressaq minn F Lamberts.
65 Għaldaqstant, it-tieni parti tal-aggravju hija infondata.
Fuq it-tielet parti tal-aggravju
Preżentazzjoni u argumentazzjoni
66 Permezz tat-tielet parti tal-aggravju tiegħu, l-Ombudsman, sostnut mill-Parlament, jilmenta, essenzjalment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt Komunitarju billi ddikjarat ammissibbli r-rikors għad-danni ppreżentat minn F. Lamberts kontrih, meta dan ir-rikors kien intiż għall-kumpens għal ħsara pprovokata mill-aġir tal-Kummissjoni. Fil-verità, F. Lamberts, li ma ppreżentax fit-terminu meħtieġ ir‑rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda fil-konfront tiegħu, ipprova, permezz ta’ rikors għad-danni kontra l-Ombudsman, jevita t-termini ta’ ordni pubbliku dwar rikors għal annullament sabiex jikkontesta, quddiem qorti Komunitarja, il-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
67 Fl-ebda każ, l-Ombudsman, ma jista’ jinżamm responsabbli għall-aġir tal-Kummissjoni. Azzjoni intiża sabiex tikseb kumpens għal ħsara kkawżata bl-aġir ta’ istituzzjoni jew korp Komunitarju għandha ssir kontra din l-istituzzjoni jew dan il-korp.
68 Insostenn tar-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, F. Lamberts sostna li huwa sofra dannu kkawżat minħabba nuqqasijiet u negliġenza li kien ikkommetta l-Ombudsman fl-eżami tal-ilment tiegħu. Għalhekk ir-rikors tiegħu mhuwiex intiż għall-kumpens għal ħsara kkawżata minn aġir dannuż tal-Kummissjoni.
69 Għaldaqstant, ġustament, fil-punt 51 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, permezz tar-rikors ippreżentat quddiemha, li F. Lamberts irid jikseb kumpens għall-preġudizzju li jikkunsidra li sofra minħabba n‑negliġenza li kkommetta l-Ombudsman fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet li ngħatawlu mit-Trattat KE.
70 Għaldaqstant it-tielet parti tal-aggravju mqajjem mill-Ombudsman hija infondata.
71 F’dawn il-kundizzjonijiet, l-appell prinċipali għandu jiġi miċħud.
Fuq l-appell inċidentali
72 Insostenn tal-appell inċidentali tiegħu, F. Lamberts iqajjem żewġ aggravji.
73 L-Ombudsman u l-Parlament isostnu li l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
Fuq l-ewwel aggravju
74 Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, F. Lamberts jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kisret id-Deċiżjoni 94/262 meta ddeċidiet li ma kien hemm l-ebda nuqqas min-naħa tal-Ombudsman. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret ukoll l‑Artikolu 2(5) ta’ din id-deċiżjoni meta ma sabitx lill-Ombudsman responsabbli li ma kienx tah parir fil-ħin sabiex jippreżenta rikors quddiem il-qorti Komunitarja taħt l-Artikolu 3(5) tagħha, u meta ma sabitux responsabbli talli ma pprovax isib soluzzjoni bonarja li tissodisfah u meta ma għamilx hekk, ma qediex il-missjoni tiegħu li għaliha twaqqaf mill-Parlament.
Fuq l-ammissibbiltà tal-aggravju
75 Għandu jiġi rrilevat li, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l‑applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il‑punti ta’ dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi matul il‑proċedura tal-appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża b’dan il‑mod l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti mqajma diġà quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-imsemmija proċedura tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (ara d-digriet tal-11 ta’ Novembru 2003, Martinez vs Il‑Parlament, C-488/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).
76 Madankollu, mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara d‑Digriet Martinez vs Il-Parlament, iċċitat iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
77 Dan il-kriterju ma jkunx sodisfatt minn appell li, mingħajr ma jinkludi argument li speċifikament jidentifika l-iżball ta’ liġi li allegatament jivvizja d-deċiżjoni kkontestata, sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi u l‑argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, appell bħal dan fir-realtà huwa talba sabiex jerġa’ jiġi evalwat ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 35).
78 Issa, f’din il-kawża partikolari, permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, F. Lamberts identifika speċifikament l-iżball ta’ liġi li hija akkużata bih il-Qorti tal-Prim’Istanza u effettivament ikkritika l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li fuqha qagħdet din tal-aħħar. Effettivament dan l-aggravju huwa intiż sabiex ipoġġi fid-dubju l-pożizzjoni deċiża mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq kwistjoni ta’ liġi li kellha quddiemha fl-ewwel istanza, jiġifieri l-interpretazzjoni li għandha tingħata għad-dispożizzjonijiet Komunitarji li skont dawn l-Ombudsman jista’ jirrakkomanda lil min jagħmel l-ilment li jindirizza ruħu lejn awtorità oħra u għandu sa fejn possibbli jfittex soluzzjoni bonarja.
79 Għalhekk, l-ewwel aggravju huwa ammissibbli.
Fuq il-fondatezza tal-aggravju
80 Għandu jiġu osservat li d-dispożizzjonijiet dwar l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Ombudsman u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni 94/262 ma jimponu fuq l-Ombudsman l-ebda obbligu li jinforma lil min ikun għamel l-ilment b’rimedji oħrajn li jkun hemm u tat-termini li jridu jiġu rrispettati sabiex jintużaw ir-rimedji ġudizzjarji. Iktar u iktar ma għandu l-ebda obbligu li jagħti parir lil min jagħmel ilment sabiex isegwi xi rimedju partikolari.
81 Għalkemm jista’ jkun fl-interess tal-aħjar qadi tal-missjoni li ngħatatlu mit-Trattat li l-Ombudsman jinforma, fi kwalunkwe każ, liċ-ċittadin ikkonċernat b’rikorsi li jista’ jippreżenta biex iservi bl-aħjar mod l-interessi tiegħu, l-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni 94/262 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi dritt għal min jilmenta li jintbagħat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jippreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-istituzzjoni, suġġett tal-ilment.
82 Għal dak li jirrigwarda t-tiftix għal soluzzjoni bonarja fil-kawża bejn il-persuna li tkun ressqet ilment quddiemu u istituzzjoni Komunitarja, skont l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni 94/262, l-Ombudsman huwa obbligat biss li jikkoopera mal-istituzzjoni kkonċernata sabiex ifittex soluzzjoni ta’ natura li telimina l-każ ta’ amministrazzjoni ħażina u li tagħti sodisfazzjon lil min jagħmel l-ilment. F’dan ir‑rigward, huwa għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna. B’mod partikolari, għandu jikkunsidra jekk it-tfittxija għal soluzzjoni li tagħti sodisfazzjon lil min jagħmel l-ilment hijiex konċepibbli, peress li hemm sitwazzjonijiet fejn it-tfittxija għal soluzzjoni bħal din mhijiex possibbli, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 6(3) tad-dispożizzjonijiet implementattivi, f’liema każ l-Ombudsman għandu jagħlaq il-każ b’deċiżjoni motivata. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi lmentat li l‑Ombudsman ma qediex b’mod korrett il-missjoni li ngħatatlu minħabba s‑sempliċi raġuni li kkonkluda li kien impossibbli li tinstab soluzzjoni li tissodisfa lil min għamel l-ilment. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkommettiet l‑ebda żball ta’ liġi la fl-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li jipprovdu li l-Ombudsman għandu jfittex, sa fejn huwa possibbli, soluzzjoni bonarja u lanqas meta ddeċidiet, fil-punt 85 tas-sentenza tagħha, li l-Ombudsman jista’ mingħajr ma jonqos fil-qadi ta’ dmirijietu, jikkonkludi fid-deċiżjoni li tagħlaq stħarriġ partikolari li t-tfittxija ta’ soluzzjoni bonarja li tagħti sodisfazzjon lil min jagħmel l-ilment ma setgħetx tinstab.
83 Għalhekk, l-ewwel aggravju ta’ F. Lamberts għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tieni aggravju
84 Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, F. Lamberts jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kkommettiet żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni importanti.
85 L-ewwel nett, jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kkommettiet żball ta’ evalwazzjoni meta osservat, fil-punt 82 tas-sentenza kkontestata li, “kemm mill-opinjoni tal-Kummissjoni fuq l-ilment tal-appellant kif ukoll mill-ittra tal-15 ta’ Diċembru 1999 tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli tal-affarijiet tal-persunal jirriżulta li, il-Kummissjoni rrifjutat li tippermetti lill-appellant li jerġa’ jagħmel għat-tieni darba l-eżami orali jew li jkun hemm soluzzjoni oħra alternattiva”, billi F. Lamberts qatt ma talab li jerġa’ jagħmel l-eżami orali għat-tieni darba.
86 F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, fil-punt 81 tas-sentenza kkontestata, li jeżistu sitwazzjonijiet fejn ma jkunx possibbli li l-Ombudsman ifittex soluzzjoni bonarja u kkunsidrat, fil-punt 82, li dan kien il-każ f’din il-kawża partikolari, peress li l-Kummissjoni rrifjutat tippermetti lil F. Lamberts li jerġa’ jagħmel l-eżami orali għat-tieni darba jew li tinstab soluzzjoni oħra alternattiva.
87 Min-naħa l-oħra, l-argument ta’ F. Lamberts li jikkritika l-punt 82 tas-sentenza kkontestata mhuwiex intiż sabiex juri fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ikkommettiet żball ta’ liġi meta vverifikat jekk, f’dan il-każ partikolari, kinitx possibbli soluzzjoni bonarja.
88 Għalhekk, l-argument li ressaq F. Lamberts fl-ewwel lok għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 76 ta’ din is-sentenza.
89 Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ evalwazzjoni meta bbażat ruħha fuq motivazzjoni manifestament żbaljata billi, fil-punt 84 tas-sentenza kkontestata, hija tgħid li “huwa biss fil-kuntest tal-proċedura quddiem il‑Qorti tal-Prim’Istanza li r-rikorrent għandu, bħala eżempju, jindika soluzzjonijiet alternattivi differenti li, skont hu, kellhom u setgħu jiġu previsti”, meta rriżulta b’mod ċar mill-atti tal-proċess u, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari mill-Anness 26, fejn l-appellant jagħmel riferenza għall-kunċett “konsulent speċjali”, li F. Lamberts semma dawn is-soluzzjonijiet sa minn meta tressaq l‑ilment u qabel ma l-Ombudsman ħa d-deċiżjoni tiegħu, u li dan tal-aħħar qatt ma kkunsidra.
90 Għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn din tirriferi għall-kumpless tal-atti tal-proċess, din il-kritika dwar il-punt 84 tas-sentenza kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala kritika tal-kunsiderazzjoni tal-provi li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza, li mhijiex suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, billi dan huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi, skont l-Artikoli 225 KE u 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
91 Jekk wieħed jassumi li r-referenza għall-Anness 26 tal-proċess ippreżentat minn F. Lamberts quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jista’ jiġi analizzat bħala aggravju li jiġi mill-iżnaturament ta’ dan id-dokument, għandu jiġi kkonstatat li dan l‑anness huwa kkostitwit minn korrispondenza bejn F. Lamberts u s-segretarjat tal-Ombudsman, u, b’mod partikolari, permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Marzu 1999 li fiha ssir referenza għall-kunċett ta’ “konsulent speċjali”. F’din l-ittra, F. Lamberts jalludi għal prattika ta’ integrazzjoni mingħajr kompetizzjoni minn qabel, kuntrarjament għar-regoli ta’ aċċess għas-servizz pubbliku Komunitarju kif stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, li ġiet implimentata fil-qafas tal-integrazzjoni tal-persunal tas-segretarjat ta’ Schengen fis-segretarjat ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u jitlob li l-Awtorità tal-Ħatra fil-Kummissjoni tkun flessibbli fil-konfront tiegħu.
92 Invista tal-atti msemmija iktar ’il fuq, ma jidhirx li fi stadju qabel dak tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, F. Lamberts kien ippropona konkretament soluzzjonijiet possibbli ta’ preferenza għal stedina ġdida sabiex jerġa’ jagħmel l-eżami orali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-proposta ta’ flessibbiltà fil-konfront ta’ F. Lamberts bħala soluzzjoni alternattiva li tista’ tiġi prevista.
93 Huwa għalhekk mingħajr żnaturament tal-provi li ġew sottomessi lilha li, fil-punt 84 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li F. Lamberts ma kienx ippropona soluzzjonijiet alternattivi għal stadju anterjuri għall-preżentata tar-rikors tiegħu, b’mod li l-Ombudsman ma setax jieħu pożizzjoni speċifika fuq dawn il-proposti qabel ma ġie ppreżentat l-imsemmi rikors.
94 Invista ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-appell inċidentali huwa miċħud kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
95 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel inċiż tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li kull parti tilfet parzjalment fl-aggravji tagħha, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Barra minn dan, skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja),
taqta’ u tiddeċiedi
1) L-appell prinċipali u l-appell inċidentali huma miċħuda.
2) Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Skouris |
Jann |
Timmermans |
Gulmann |
Cunha Rodrigues |
Rosas |
Puissochet |
Schintgen |
Macken |
Colneric |
von Bahr |
Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Marzu 2004.
R. Grass |
V. Skouris |
Ir-Reġistratur |
Il-President |
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.