Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 61999CJ0503

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Ġunju 2002.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju tal-Belġju.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu.
    Kawża C-503/99.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2002:328


    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    4 ta’ Ġunju 2002 (*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu ─ Artikolu 52 tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 43 KE) u Artikolu 73 B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56 KE) ─ Drittijiet konnessi mas-sehem li jagħti setgħat speċjali (golden share) tar-Renju tal-Belġju fis-Société nationale de transport par canalisations SA u fis-Société de distribution du gaz SA”

    Fil-kawża C-503/99,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Patakia, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn A. Snoecx, bħala aġent, assistita minn F. de Montpellier, M. Picat u A. Theissen, avukati,

    konvenut,

    sostnut minn

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq, irrappreżentat minn R. Magrill, bħala aġent, assistita minn J. Crow, barrister, u D. Wyatt, QC, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjent

    li għandha bħala suġġett talba sabiex jiġi kkonstatat li, billi żamm fis-seħħ

    –        id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali ta’ l-10 ta’ Ġunju 1994, li jistabbilixxi favur l-Istat sehem li jagħti setgħat speċjali (iktar ’il quddiem “golden share”) fis-Société nationale de transport par canalisations (Moniteur belge tat-28 ta’ Ġunju 1994, p. 17333), li jipprovdu li din il-golden share jkollha magħha d-drittijiet speċifiċi segwenti:

    a)      kull-ċessjoni, kull użu bħala garanzija jew kull tibdil fl-użu intenzjonat tan-netwerk ta’ kanali tal-kumpannija li jikkostitwixxu infrastrutturi kbar ta’ trasport intern ta’ prodotti enerġetiċi jew li jistgħu jintużaw għal dan il-għan għandhom jiġu preċedentement innotifikati lill-ministru responsabbli, li għandu d-dritt li jopponi dawn l-operazzjonijiet jekk iqis li dawn jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-interess nazzjonali fil-qasam ta’ l-enerġija;

    b)      il-ministru jista’ jinnomina żewġ rappreżentanti tal-gvern federali fi ħdan il-bord tad-diretturi tal-kumpannija. Dawn jistgħu jipproponu lill-ministru l-annullament ta’ kull deċiżjoni tal-bord tad-diretturi li huma jikkunsidraw li tmur kontra l-linji gwida tal-politika enerġetika tal-pajjiż, inklużi l-għanijiet tal-gvern fir-rigward tal-provvista enerġetika tal-pajjiż;

    –        id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali tas-16 ta’ Ġunju 1994, li jistabbilixxi favur l-Istat golden share f’Distrigaz (Moniteur belge tat-28 ta’ Ġunju 1994, p. 17347), li jipprovdu li din il-golden share jkollha magħha d-drittijiet speċifiċi segwenti:

    a)      kull-ċessjoni, kull użu bħala garanzija jew kull tibdil fl-użu intenzjonat ta’ l-assi strateġiċi għandhom jiġu preċedentement innotifikati lill-ministru responsabbli, li għandu d-dritt li jopponi dawn l-operazzjonijiet jekk iqis li dawn jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-interess nazzjonali fil-qasam ta’ l-enerġija;

    b)      il-ministru jista’ jinnomina żewġ rappreżentanti tal-gvern federali fi ħdan il-bord tad-diretturi tal-kumpannija. Dawn jistgħu jipproponu lill-ministru l-annullament ta’ kull deċiżjoni tal-bord tad-diretturi jew tal-kumitat amministrattiv li huma jikkunsidraw bħala li tmur kontra l-politika enerġetika tal-pajjiż;

    u billi naqas milli jipprovdi kriterji preċiżi, oġġettivi u permanenti fir-rigward ta’ l-approvazzjoni , jew l-oppożizzjoni, ta’ l-operazzjonijiet imsemmija hawn fuq, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 43 KE) u skond l-Artikolu 73 B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56 KE),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, P. Jann (Relatur), N. Colneric u S. von Bahr, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, A. La Pergola, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, V. Skouris u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat ir-rapport tas-seduta,

    wara li semgħet it-trattazzjoni tal-partijiet matul is-seduta tat-2 ta’ Mejju 2001, fejn il-Kummissjoni kienet irrappreżentata minn M. Patakia u minn F. de Sousa Fialho, bħala aġent, ir-Renju tal-Belġju minn F. de Montpellier u minn O. Davidson, avukati, u r-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq minn R. Magrill, assistita minn D. Wyatt,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ 3 ta’ Lulju 2001,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 1999, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ressqet rikors abbażi ta’ l-Artikolu 226 KE intiż sabiex jiġi kkonstatat li, billi żamm fis-seħħ

    –        id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali ta’ l-10 ta’ Ġunju 1994, li jistabbilixxi favur l-Istat golden share fis-Société nationale de transport par canalisations (Moniteur belge tat-28 ta’ Ġunju 1994, p. 17333, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali ta’ l-10 ta’ Ġunju 1994”), li jipprovdu li din il-golden share għandha magħha d-drittijiet speċifiċi segwenti:

    a)      kull-ċessjoni, kull użu bħala garanzija jew kull tibdil fl-użu intenzjonat tan-netwerk ta’ kanali tal-kumpannija li jikkostitwixxu infrastrutturi kbar ta’ trasport intern ta’ prodotti enerġetiċi jew li jistgħu jintużaw għal dan il-għan għandhom jiġu preċedentement innotifikati lill-ministru responsabbli, li għandu d-dritt jopponi dawn l-operazzjonijiet jekk iqis li dawn jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-interess nazzjonali fil-qasam ta’ l-enerġija;

    b)      il-ministru jista’ jinnomina żewġ rappreżentanti tal-gvern federali fi ħdan il-bord tad-diretturi tal-kumpannija. Dawn jistgħu jipproponu lill-ministru l-annullament ta’ kull deċiżjoni tal-bord tad-diretturi li huma jikkunsidraw li tmur kontra l-linji gwida tal-politika enerġetika tal-pajjiż, inklużi l-objettivi tal-gvern fir-rigward tal-provvista enerġetika tal-pajjiż;

    –        id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali tas-16 ta’ Ġunju 1994, li jistabbilixxi favur l-Istat golden share f’Distrigaz (Moniteur belge tat-28 ta’ Ġunju 1994, p. 17347, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tas-16 ta’ Ġunju 1994”), li jipprovdu li din il-golden share għandha magħha d-drittijiet speċifiċi segwenti:

    a)      kull-ċessjoni, kull użu bħala garanzija jew kull tibdil fl-użu intenzjonat ta’ l-assi strateġiċi għandhom jiġu preċedentement innotifikati lill-ministru responsabbli, li għandu d-dritt jopponi dawn l-operazzjonijiet jekk iqis li dawn jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-interess nazzjonali fil-qasam ta’ l-enerġija;

    b)      il-ministru jista’ jinnomina żewġ rappreżentanti tal-gvern federali fi ħdan il-bord tad-diretturi tal-kumpannija. Dawn jistgħu jipproponu lill-ministru l-annullament ta’ kull deċiżjoni tal-bord tad-diretturi jew tal-kumitat amministrattiv li huma jikkunsidraw bħala li tmur kontra l-politika enerġetika tal-pajjiż;

    u billi naqas milli jipprovdi kriterji preċiżi, oġġettivi u permanenti fir-rigward ta’ l-approvazzjoni , jew l-oppożizzjoni, ta’ l-operazzjonijiet imsemmija hawn fuq, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 43 KE) u skond l-Artikolu 73 B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56 KE),

    2        Permezz ta’ atti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fit-22 u fis-27 ta’ Ġunju 2000, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq talbu li jiġu ammessi jintervjenu fil-kawża in sostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Belġju. Permezz tad-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 u tat-13 ta’ Lulju 2000, rispettivament, l-imsemmija Stati Membri ġew ammessi jintervjenu. Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ottubru 2000, ir-Renju tad-Danimarka rrinunċja għall-intervent tiegħu.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3        L-Artikolu 73 b(1) tat-Trattat KE jipprovdi:

    “Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.”


    4        Skond l-Artikolu 73 d(1)(b) tat-Trattat KE [li sar l-Artikolu 58(1)(b) KE]:

    “Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 73b m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:

    [...]

    b)      li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, partikolarment fil-qasam fiskali u fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji, jew li jimponu proċeduri għal skopijiet ta’ informazzjoni amministrattiva jew ta’ statistika għad-dikjarazzjoni ta’ movimenti ta’ kapital, jew li jieħdu miżuri li jkunu ġustifikabbli minħabba fl-interess pubbliku jew s-sigurtà pubblika”

    5        L-Ewwel Anness tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 88/361/KEE, ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU L 178, p. 5), jinkludi nomenklatura tal-movimenti ta’ kapitali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ l-imsemmija Direttiva, B’mod partikolari, dan jelenka dawn il-movimenti:

    “I. Investimenti diretti […]

    1)      L-istabbiliment u l-estensjoni ta’ friegħi jew impriżi ġodda li jappartjenu biss għall-persuna li tipprovdi l-kapital, u l-akkwist sħiħ ta’ impriżi eżistenti

    2)      Parteċipazzjoni f’impriża ġdida jew eżistenti bi skop li jkunu stabbiliti jew mantenuti rabtiet ekonomiċi dewwiema

    [...]”

    6        Bis-saħħa tan-Noti ta’ Spjega li jidhru fl-aħħar parti ta’ l-Ewwel Anness, tad-Direttiva 88/361, “investimenti diretti” tfisser:

    “Investimenti ta’ kull xorta minn persuni naturali jew impriżi kummerċjali, industrijali jew finanzjarji, u li jservu biex jistabilixxu jew imantnu rabtiet dewwiema u diretti bejn persuna li tipprovdi l-kapital u l-intraprenditur li lilu jew l-impriża li lilha huwa disponibbli l-kapital sabiex twettaq attività ekonomika. Dan il-kunċett irid għalhekk ikun mifhum fl-iktar sens wiesgħa tiegħu.

    [...]

    Rigward dawk l-impriżi msemmija fil-punt I 2 tan-Nomenklatura li għandhom l-istatus ta’ kumpaniji limitati b’ishma, hemm parteċipazzjoni fin-natura ta’ investiment dirett fejn il-blokk ta’ ishma miżmuma minn persuna naturali ta’ impriża oħra jew kwalunkwe possessur ieħor jippermetti lill-possessur ta’ l-ishma, jew in segwitu għad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li jirrelataw għal kumpaniji limitati b’ishma jew mod ieħor, biex jipparteċipaw effettivament fl-immaniġġjar tal-kumpanija jew fil-kontroll tagħha.

    [...]”

    7        In-nomenklatura annessa mad-Direttiva 88/361 tikkonċerna wkoll il-movimenti segwenti:

    “III - Operazzjonijiet fl-Assigurazzjonijiet [titoli] li normalment [jiġu] innegozjati fuq is-suq tal-kapital [...]

    [...]

    A - Transazzjonijiet fl-Assigurazzjonijiet fis-suq tal-kapital

    1) Akkwist minn non residenti ta’ Assigurazzjonijiet domestiċi negozjati fil-Borża […]

    [...]

    3) Akkwist minn non residenti ta’ Assigurazzjonijiet domestiċi mhux negozjati fil-Borża […]

    [...]”

    8        L-Artikolu 222 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 295 KE) jipprovdi:

    “Dan it-Trattat għandu jkun bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri”

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    9        L-Artikoli 1, 3 u 4 tad-Digriet Irjali ta’ l-10 ta’ Ġunju 1994 jipprovdu:

    “Artikolu 1

    Fil-ġurnata ta’ meta l-ishma li l-Istat attwalment għandu fil-kapital tas-Société nationale d’investissement jiġu effettivament ittrasferiti lil persuna jew persuni fiżiċi jew legali fis-settur privat, is-Société nationale d’investissement għandha ċċedi sehem mill-kapital tas-Société nationale de transport par canalisations, iktar ’il quddiem is-‛S.N.T.C.’, lill-Istat. Minbarra d-drittijiet għall-informazzjoni konessi ma’ l-ishma ordinarji tas-S.N.T.C, huma ukoll applikabbli għal dan is-sehem id-drittijiet speċjali ddefiniti fl-Artikoli 2 sa 5, u dan sakemm dan is-sehem jibqa’ proprjeta ta’ l-Istat, li jista’ jċedih biss permezz ta’ awtorizzazzjoni leġiżlattiva. Dawn id-drittijiet għandhom jiġu eżerċitati mill-ministru inkarigat mill-enerġija, iktar ’il quddiem il-‛Ministru’.

    [...]

    Artikolu 3

    Il-‛golden share’ tagħti lill-Ministru d-dritt li jopponi kull ċessjoni, kull użu bħala garanzija jew kull tibdil fl-użu intenzjonat tan-netwerk ta’ kanali tas-S.N.T.C. li jikkostitwixxu infrastrutturi kbar ta’ trasport intern ta’ prodotti enerġetiċi jew li jistgħu jintużaw għal dan il-għan jekk il-Ministru jqis li dawn jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-interess nazzjonali fil-qasam ta’ l-enerġija. […]

    L-operazzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jiġu preċedentement innotifikati lill-Ministru. Il-Ministru jista’ jiffissa regoli iktar speċifiċi fir-rigward tal-forma u tal-kontenut ta’ din in-notifika. Il-Ministru jista’ jeżerċita d-dritt ta’ oppożizzjoni tiegħu fit-terminu ta’ 21 ġurnata mid-data ta’ meta l-operazzjoni kkonċernata ġiet innotifikata lilu.

    Artikolu 4

    Il-‛golden share’ tagħti lill-Ministru d-dritt li jaħtar żewġ rappreżentanti tal-Gvern federali fi ħdan il-bord tad-diretturi tas-S.N.T.C. Dawn ir-rappreżentanti m’għandux ikollhom dritt ta’ vot u jipparteċipaw biss bħala konsulenti.

    Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-Gvern jistgħu, fi żmien erbat ijiem tax-xogħol, jirrikorru għand il-Ministru kontra kull deċiżjoni tal-bord tad-diretturi tas-S.N.T.C. li huma jqisu li tmur kontra l-linji gwida tal-politika ta’ l-enerġija tal-pajjiż, inklużi l-objettivi tal-gvern fir-rigward tal-provvista enerġetika tal-pajjiż. Dan it-terminu ta’ erbat ijiem jibda jiddekorri mid-data tal-laqgħa li matula ġiet adottata d-deċiżjoni kkonċernata, jekk ir-rappreżentanti tal-gvern kienu debitament mistiedna jattendu tali laqgħa, u, fin-nuqqas ta’ dan, mid-data ta’ meta r-rappreżentanti tal-Gvern, jew wieħed minnhom, saru jafu bid-deċiżjoni. Ir-rikors quddiem il-Ministru għandu effett sospensiv. Jekk il-Ministru ma jannullax id-deċiżjoni in kwistjoni fi żmien tmint ijiem tax-xogħol, din id-deċiżjoni ssir waħda definittiva.”

    10      Id-Digriet Irjali tas-16 ta’ Ġunju 1994 jipprovdi, fl-Artikoli 1, 3 u 4 tiegħu, regoli li huma essenzjalment identiċi fir-rigward tas-Société de distribution du gaz SA (iktar ’il quddiem id-“Distrigaz”).

     Il-proċedura prekontenzjuża

    11      Permezz ta’ żewġ ittri tat-8 ta’ Lulju 1998, il-Kummissjoni informat lill-Gvern Belġjan li hija kienet tikkunsidra li l-“golden shares” stabbiliti permezz tad-Digrieti Ryali ta’ l-10 u tas-16 ta’ Ġunju 1994 jistgħu jkunu ta’ natura tali li jiksru d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment.

    12      Il-Gvern Belġjan, permezz ta’ żewġ ittri tal-15 ta’ Settembru 1998, irrisponda li d-drittijiet speċjali konnessi ma dawn l-ishma kien għadhom qatt ma ġew eżerċitati u li l-awtoritajiet ikkonċernati kienu lesti li jiggarantixxu lill-Kummissjoni li l-ebda wieħed minn dawn id-drittijiet ma kien ser jiġi eżerċitat b’mod diskriminatorju għad-dannu ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

    13      Peress li l-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta b'dawn ir-risposti, fit-18 ta’ Diċembru 1998, hija bagħtet lir-Renju tal-Belġju żewġ opinjonijiet motivati fejn stiednet lill-dan l-Istat jikkonforma ruħu fit-terminu ta’ xahrejn.

    14      Il-Gvern Belġjan irrisponda għall dawn l-opinjonijiet motivati permezz ta’ ittra waħda ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, fejn indika li kellu l-intenzjoni li jirristruttura d-drittijiet speċjali konnessi mal-“golden shares” in kwistjoni. Fil-fatt, sussegwentement saru xi ristutturazzjonijiet iżda dawn madankollu ħallew mhux mittiefsa l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-Digrieti Rjali ta’ l-10 u tas-16 ta’ Ġunju 1994.

    15      Għaldaqstant il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-preżenti rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

     It-talbiet u l-argumenti tal-partijiet

    16      Il-Kummissjoni ssostni, preliminarjament, li l-firxa kunsiderevoli ta’ l-investimenti intrakomunitarji wasslet lill-uħud mill-Istati Membri sabiex jadottaw miżuri bil-għan li jikkontrollaw din is-sitwazzjoni. L-imsemmija miżuri, adottati fil-parti l-kbira tagħhom fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ privatizzazzjoni, jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikunu inkompatibbli mad-dritt Komunitarju. Huwa għal din ir-raġuni li fid-19 ta’Lulju 1997 hija adottat il-komunikazzjoni dwar ċerti aspetti legali li jikkonċernaw l-investimenti intrakomunitarji (ĠU L 220, p. 15, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni ta’ l-1997”).

    17      F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni interpretat, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-kapital u l-liberta ta’ stabbilimnet, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ġenerali jew ta’ dritt ta’ veto min-naħa ta’ l-awtoritajiet pubbliċi.

    18      Il-punt 9 tal-komunikazzjoni ta’ l-1997 tipprovdi dan li ġej:

    “Mill-eżami tal-miżuri li huma ta’ natura restrittiva fil-konfront ta’ l-investimenti intrakomunitarji jirriżulta li l-miżuri diskriminatorji (jiġifieri dawk li japplikaw biss għall-investituri lu huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor ta’l-Unjoni Ewropea) għandhom jiġu kkunsidrati bħala inkompatibbli ma l-Artikoli 73B u 52 tat-Trattat, li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment, sakemm dawn ma jkunux jaqgħu fil-kuntest ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mit-Trattat. F’dak li jirrigwarda l-miżuli li mhumiex diskriminatorji (jiġifieri dawk li japplikaw kemm fil-konfront taċ-ċittadini nazzjonali kif ukoll fil-konfront ta’ ċittadini ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea), dawn huma permessi sakemm ikunu bbażati fuq numru ta’ kriterji oġġettivi, stabbli u magħmula pubbliċi u li jistgħu jiġu ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali. F’kull każ għandu jkun hemm l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.”

    19      Skond il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi favur ir-Renju tal-Belġju “golden share” fil-kapital ta’ SNTC u ta’ Distrigaz, li tipprovdi, minn naħa, li dan l-Istat għandu d-dritt li jopponi kull ċessjoni, kull użu bħala garanzija jew kull tibdil fl-użu intenzjonat tan-netwerk ta’ kanali u ta’ ċerti assi strateġiċi oħra u, min-naħa l-oħra, li dan l-Istat Membru għandu dritt ta’ oppożizzjoni fil-konfront ta’ ċerti deċiżjonijiet amministrattivi li jitqiesu bħala li jmorru kontra l-linji gwida tal-politika enerġetika tal-pajjiż, ma tirrispettax il-kundizzjonijiet previsti fil-komunikazzjoni ta’ l-1997 u għalhekk tikser l-Artikoli 52 u 73B tat-Trattat.

    20      Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, għalkemm japplikaw mingħajr distinzjoni, joħolqu ostakoli kemm għad-dritt ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra kif ukoll għall-moviment liberu tal-kapital fi ħdan il-Komunità safejn dawn jistgħu jostakolaw l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet jew jagħmluh inqas attraenti.

    21      Skond il-Kummissjoni, il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ oppożizzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli ma dawn il-libertajiet biss jekk ikunu koperti mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 55 tat-Trattat KE (li iktar tard sar l-Artikolu 45 KE), fl-Artikolu 56 tat-Trattat KE(li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 46 KE) u fl-Artikolu 73D tat-Trattat jew jekk dawn ikunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u akkumpanjati minn kriterji oġġettivi, stabbli u magħmula pubbliċi, b’tali mod li s-setgħa diskrezzjonali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali tiġi limitata għall-minimu.

    22      Issa, id-dispożizzjonijiet in kwistjoni ma jissodisfaw l-ebda wieħed minn dawn il-kriterji. Konsegwentement dawn jistgħu, minħabba nuqqas ta’ trasparenza, idaħħlu, indirettament, kemm element ta’ diskriminazzjoni kif ukoll inċertezza legali. Barra minn hekk, l-Artikolu 222 tat-Trattat ma jistax jiġi invokat b’mot utli f’dan il-każ peress li, f’kull każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-privatizzazzjoni ta’ kumpanniji għandha tkun fir-rispett tad-dritt Komunitarju.

    23      Għalkemm il-provvista ta’ gass naturali tikkostitwixxi kwistjoni ta’ utitlità pubblika u għaldaqstant, l-istess bħal ħtieġa li jinżammu l-infrastrutturi għat-trasport tal-prodotti enerġetiċi, taqa’ taħt, bħala prinċipju, ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, madankollu xorta waħda għandha tiġi stabbilita n-natura neċessarja u proporzjonata tal-miżuri in kwistjoni fid-dawl ta’ l-għan imfittex.

    24      Fil-fatt, miżura ta’ natura negattiva, bħalma huwa d-dritt għall-oppożizzjoni, ma tistax tiggarantixxi provvista suffiċjenti bl-istess mod kif jistgħu jiggarantixxu dan miżuri ta’ natura pożittiva, bħal pjanifikazzjoni intiża sabiex tħeġġeġ lill-impriżi tal-gass naturali sabiex jikkonkludu kuntratti ta’ provvista għal żmien twil u sabiex jiddiversifikaw is-sorsi ta’ provvista tagħhom jew inkella sistema ta’ liċenzji. Bl-istess mod, l-eżistenza ta’ l-infrastrutturi ta’ trasport tista’ tiġi ggarantita mhux permezz ta’ dritt ġenerali ta’ oppożizzjoni iżda permezz ta’ leġizlazzjoni li tiddefinixxi b’mod preċiż l-imġieba xierqa li għandhom jadottaw l-impriżi kkonċernati. Id-drittijiet konnesi mal-“golden shares” in kwistjoni barra minn hekk jipprekludu wkoll il-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien twil jew għad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’provvista. Barra min hekk, l-irmedji disponibbli kontra l-miżuri in kwistjoni mhumiex xierqa minħabba d-dewmien tal-proċedura u minħabba l-ispejjeż konnessi magħha.

    25      Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għad-Direttiva 98/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tirrigwarda regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (ĠU L 204, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva gass”), li tistabbilixxi regoli li jorganizzaw is-suq intern tal-gass naturali u li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada fl-10 ta’ Awwissu 2000. Din id-Direttiva tofri kuntest Komunitarju għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq l-impriżi tas-settur. Billi tipprovdi struttura stretta din id-direttiva tiggarantixxi bilanċ bejn, minn naħa, ir-rispett tal-kompetizzjoni bejn operaturi ekonomiċi u, min-naħa l-oħra, l-għan li tiġi assigurata provvista.

    26      Ir-Renju tal-Belġju jikkontesta l-allegat nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu. Huwa jsostni li l-eventwali restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-moviment liberu tal-kapital li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni kkontestata huma, f’kull każ, iġġustifikati minn naħa, mill-eċċezzjoni ta’ sigurtà pubblika prevista fl-Artikoli 56 u 73D(1)(b) tat-Trattat u, min-naħa l-oħra, minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk dawn huma proporzjonati u adegwati fir-rigward ta’ l-għan persegwit minnhom.

    27      L-ewwel nett, is-sigurtà tal-provvista enerġetika tal-pajjiż tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali kif jirriżulta, fir-rigward tal-provvista ta’ enerġija elettrika, mis-sentenza tas-27 ta’ April 1994, Almelo (C-393/92, Ġabra p. I-1477, punti 46 sa 50), u, fir-rigward tal-prodotti taż-żejt, mis-sentenza ta’ l-10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (72/83, Ġabra p. 2727, punt 34).

    28      It-tieni nett, il-miżuri in kwistjoni jissodisfaw il-kriterji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità. Is-SNTC u Distrigaz għandhom pożizzjoni strateġika fir-rigward tal-provvista enerġetika tal-pajjiż, b’mod partikolari fid-dawl tad-dipendenza tal-Belġju fuq riżorsi enerġetiċi barranin. Filwaqt li SNTC hija proprjetarja, b’mod partikolari, tan-netwerk ta’ kanali li jikkostitwixxi l-infrastrutturi l-kbar għat-trasport intern ta’ prodotti enerġetiċi, l-assi strateġiċi ta’ Distrigaz huma b’mod partikolari l-infrastrutturi għat-trasport intern u l-ħażna ta’ gass, inklużi l-faċilitajiet ta’ żbark u dawk transkonfinali. Huwa neċessarju li dawn l-assi jkunu suġġetti għal ċertu livell ta’ kontroll min-naħa ta’ l-awtoritajiet pubbliċi fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni. Barra minn hekk, il-miżuri previsti għal dan il-għan huma wkoll proporzjonati. Il-proċedura ta’ notifika preliminari tikkostitwixxi sempliċement, fin-nuqqas ta’ effett sospensiv, proċedura sabiex jiġu informati l-awtoritajiet. Bl-istess mod, is-setgħa kkonferita lill-Ministru fil-kuntest ta’ din il-proċedura mhijiex waħda ġenerali, iżda tirrigwarda biss punti speċifiċi u hija llimitata ħafna fiż-żmien. F’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ annullament, din tista’ tiġi implementata biss f’każ speċifiku ħafna u indikat b’mod ċar, jiġifieri meta tista’ tiġi kkawżata ħsara għall-politika ta’ provvista enerġetika tal-pajjiż. L-istess bħal fil-każ ta’ l-ewwel proċedura, it-terminu ta’ żmien mogħti lill-Ministru sabiex ikun jista’ jaġixxi huwa limitat ħafna. Għaldaqstant ma jistax jiġi allegat li ma ġewx stabbiliti kriterji speċifiċi, oġġettivi u stabbli.

    29      Barra minn hekk, kull eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni għandu jkun is-suġġett ta’ motivazzjoni formali li tesponi l-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni adottata. Barra minn hekk hemm il-possibbiltà li jitressqu rikorsi għall-annullament jew għas-sospensjoni ta’ tali deċiżjoni qiddiem il-Conseil d’État Belġjan. L-ispejjeż konnessi ma tali rimedji huma moderati ħafna u hemm il-possibbiltà ta’ proċedura sommarja. Mill-perspettiva taż-żmien hija prevista limitazzjoni stretta safejn il-Ministru jrid jaġixxi fi żmien 21 ġurnata mid-data tan-notifika.

    30      Skond il-Gvern Belġjan, ma jeżistux mezzi inqas restrittivi sabiex jintlaħqu l-għanijiet persegwiti. Il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest ta’ l-eżami tal-kriterju ta’ proporzjonalità, tressaq il-prova ta’ l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi li jkunu inqas restrittivi (ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-159/94, Ġabra p. I-5815, punti 101 u 102). Madankollu, f’dan ir-rigward il-Kummissjoni semmiet biss pjanifikazzjoni fit-tul, li mhijiex adegwata mill-perspettiva tar-rapidità, u “leġiżlazzjoni li tiddefinixxi b'mod preċiż l-imġieba xierqa li għandhom jadottaw l-impriżi kkonċernati”, jiġifieri sistema ta’ liċenzji li madankollu hija naqset milli tesponi fid-dettall. Mhuwiex probabbli wisq li tali miżuri jwasslu sabiex l-investituri jingħataw livell ta’ ċertezza legali li jkun għola minn dak li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni.

    31      Fir-rigward tal-motiv li l-Kummissjoni tibbaża fuq id-Direttiva gass, il-Gvern Belġjan jsostni li dan huwa inammissibbli minħabba li tqajjem għall-ewwel darba biss fir-rikors. F’kull każ, din id-direttiva tarmonizza l-obbligi ta’ servizz pubbliku mill-perspettiva materjali iżda mhux f’termini proċedurali. Konsegwentement, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jadottaw il-miżuri li huma jikkunsidraw bħala adegwati.

    32      It-tielet nett, il-Gvern Belġjan isostni li d-drittijiet mogħtija mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni huma ġġustifikati mill-eċċezzjoni ta’ sigurtà pubblika prevista fl-Artikoli 56 u 73D(1)(b) tat-Trattat. Il-provvista ta’ gass tal-pajjiż taqa fil-kuntest tas-sigurtà pubblika peress li fuqha jiddependi kemm il-funzjonament ta’ l-ekonomija, ta’ l-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali u saħansitra l-istess sopravivenza tal-popolazjoni. Waqfien fil-provvista tal-gass naturali, flimkien mar-riskji li dan il-waqfien jista’ jinvolvi għall-eżistenza ta’ l-Istat, jistgħu jaffettwaw b’mod gravi s-sigurtà pubblika tiegħu.

    33      Sussidjarjament il-Gvern Belġjan isostni li l-eventwali ostakoli għal-libertajiet, previsti mit-Trattat, li jistgħu jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni huma ġġustifikati mill-Artikolu 90(2) tat-Trattat KE (li iktar tard sar l-Artikolu 86(2)KE), li jgħid li l-impriżi responsabbli biex joperaw servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali huma suġġetti għar-regoli tat-Trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni biss safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dawn l-impriżi.

    34      Mis-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1991, Franza vs Il-Kummissjoni (C-202/88, Ġabra p. I-1223, punt 12), jirriżulta li l-Artikolu 90(2) tat-Trattat huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jgħid li għandu jkun hemm eċċezzjoni mir-regoli tat-Trattat meta jkunu mhedda interessi konnessi mat-twettiq ta’ servizzi ta’ interess ġenerali.

    35      Ir-Renju Unit huwa, essenzjalment, ta’ l-istess opinjoni bħar-Renju tal-Belġju.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     Fuq l-Artikolu 73B tat-trattat

    36      Ta’ min ifakkar, preliminarjament, li l-Artikolu 73B(1) KE jimplementa l-moviment liberu tal-kapitali bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u Stati terzi. Għal dan il-għan, huwa jipprovdi, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu tat-Trattat intitolat “Il-Kapital u l-Pagamenti”, li kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi hija pprojbita.

    37      Għalkemm it-Trattat ma jagħti l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ movimenti ta’ kapitali u ta’ pagamenti, huwa paċifiku li d-Direttiva 88/361, flimkien man-nomenklatura annessa magħha, għandha valur indikattiv sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ movimenti ta’ kapitali (ara s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 1999, Trummer u Mayer, C-222/97, (Ġabra. p. I-1661, punti 20 u 21).

    38      Fil-fatt, il-punti I u II tan-nomenklatura li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 88/361, kif ukoll in-noti ta’ spjega inklużi magħha, jindikaw li l-investiment dirett taħt forma ta’ parteċipazzjoni f’impriża permezz tad-detenzjoni ta’ ishma kif ukoll permezz ta’ l-akkwist ta’ titoli fis-suq tal-kapitali jikkostitwixxi moviment tal-kapitali skond l-Artikolu 73 B tat-Trattat. Bis-saħħa ta’ l-imsemmija noti ta’ spjega, l-investiment dirett, b’mod partikolari, huwa kkaratterizzat mill-possibbilità ta’ parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija u fil-kontroll ta’ kumpannija.

    39      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi “goldan shares” favur ir-Renju tal-Belġju fil-kapital tas-SNTC u ta’ Distrigaz, li tipprovdi, minn naħa, li dan l-Istat għandu d-dritt li jopponi kull ċessjoni, kull użu bħala garanzija jew kull tibdil fl-użu intenzjonat tan-netwerk ta’ kanali u ta’ ċerti assi strateġiċi oħra u, min-naħa l-oħra, li dan l-Istat Membru għandu dritt ta’ oppożizzjoni fil-konfront ta’ ċerti deċiżjonijiet amministrattivi li jiġu meqjusa bħala li jmorru kontra l-inji gwida tal-politika enerġetika tal-pajjiż, tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri.

    40      Il-Gvern Belġjan ma kkontestax, bħala prinċipju, li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital.

    41      Il-Gvern tar-Renju Unit jammetti, minn ta’ l-anqas sa ċertu punt, il-karattru restrittiv tal-leġiżlazzjoni Belġjana.

    42      Konsegwentement għandu jiġi eżaminat jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-leġiżlazzjoni in kwistjoni tista’ tkun iġġustifikata.

    43      Kif jirriżulta mill-komunikazzjoni ta’ l-1997, ma jistgħux jiġi mwarrab it-tħassib li jista’, skond iċ-ċirkustanzi, jiġġustifika li l-Istati Membri jżommu ċerta influwenza fl-impriżi li inizjalment kienu pubbliċi u li iktar tard ġew ipprivatizzati, fil-każ li dawn l-impriżi joperaw fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ġenerali jew strateġiku (ara s-sentenzi tal-lum, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-367/98, Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u Il-Kummissjoni vs Franza, C-483/99, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).

    44      Madankollu, dan it-tħassib ma jistax iservi bħala skuża sabiex l-Istati Membri jinvokaw s-sistemi tal-proprjeta tagħhom, kif previst fl-Artikolu 222 tat-Trattat, sabiex jiġġustifikaw ostakoli għal-libertajiet previsti mit-Trattat, li jirriżultaw minn privileġġi konnessi mal-pożizzjoni tagħhom ta’ azzjonijisti f’impriża privatizzata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza ta’ l-1 ta’ Ġunju 1999, Konle, C-302/97, Ġabra p. I-3099, punt 38), l-imsemmi artikolu m’għandux l-effett li jeżenta s-sistemi ta’ proprjeta li jeżistu fl-Istati Membri mill-applikazzjoni tar-regoli fundamentali tat-Trattat.

    45      Il-moviment liberu tal-kapital, bħala prinċipju fundamentali tat-Trattat, jista’ jiġi llimitat minn leġiżlazzjoni nazzjonali biss jekk din tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet indikati fl-Artikolu 73D(1) tat-Trattat jew minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u jekk tkun tapplika għall kull persuna jew għall kull impriża li teżerċità attività fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti. Barra minn dan, sabiex tkun iġġustifikata b’dan il-mod, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet li hija tippersegwi u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu, u dan sabiex ikun sodisfatt il-kriterju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et, C-163/94, C-165/94 u C-250/94, Ġabra p. I-4821, punt 23, u ta’ l-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie, C-54/99, Ġabra p. I-1335, punt 18).

    46      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-għan persegwit mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni, jiġifieri li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista enerġetika fil-każ ta’ kriżi, huwa interess pubbliku leġittimu. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet, fost ir-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika li jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija, l-għan li tiġi assigurata, f’kull mument, provvista minima ta’ prodotti taż-żejt (sentenza Campus Oit et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35). L-istess raġunament japplika fir-rigward ta’ l-ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital, safejn is-sigurtà pubblika hija wkoll inkluża fost ir-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni elenkati fl-Artikolu 73D(1)(b) tat-Trattat.

    47      Madankollu, l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-eżiġenzi tas-sigurtà pubblika, peress li dawn jikkostitwixxu deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, għandhom jiġu interpretati strettament b’tali mod li l-portata tagħhom ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr ma jkun hemm l-ebda kontroll min-naħa ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità. Għaldaqstant, is-sigurtà pubblika tista’ tiġi invokata biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Eglise de scientologie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

    48      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni in kwistjoni tippermettix li fl-Istat Membru kkonċernat tiġi assigurata, fil-każ ta’ theddida reali u gravi, provvista enerġetika minima u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan il-għan.

    49      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li s-sitema in kwistjoni hija waħda ta’ oppożizzjoni. Din is-sistema titlaq mill-prinċipju tar-rispett ta’ l-awtonomija deċiżjonali ta’ l-impriża, peress li l-kontroll li jista’ jiġi eżerċitat mill-ministru responsabbli jiddependi, f’kull każ partikolari, fuq inizjattiva ta’ l-awtoritajiet tal-gvern. L-ebda approvazzjoni preliminari mhija meħtieġa f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, l-awtoritajiet pubbliċi huma suġġetti għal termini ta’ dekadenza stretti sabiex jeżerċitaw dan id-dritt ta’ oppożizzjoni.

    50      Barra minn dan, is-sistema tillimita ruħha għal ċerti deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-assi strateġiċi ta’ l-imsemmija kumpanniji, b’mod partikolari n-netwerks ta’ l-enerġija, u għal deċiżjonijiet amministrattivi speċifiċi li jirrigwardaw dawn l-assi li dejjem jistgħu jiġu kkontestati.

    51      Fl-aħħar nett, l-interventi li l-Ministru huwa abilitat li jwettaq abbażi ta’ l-Artikoli 3 u 4 tad-Digrieti Rjali ta’ l-10 u tas-16 ta’ Ġunju jistgħu jsiru biss fil-każ li jiġu affettwati l-għanijiet tal-politika enerġetika. Barra minn hekk, kif spjega l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet tiegħu u matul is-seduata, mingħajr ma ġie kkonfutat mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, dawn l-interventi għandhom ikunu formalment motivati u huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

    52      Għalhekk, is-sistema in kwistjoni tippermetti li, abbażi ta’ kriterji oġettivi u li jistgħu jiġu mistħarrġa mill-qrati, tiġi ggarantita d-disponibbiltà effettiva tan-netwerks ta’ kanali li jikkostitwixxu l-infrastrutturi l-kbar użati għat-trasport intern u l-ħażna tal-gass, inklużi l-faċilitajiet ta’ żbark u dawk transkonfinali. Għalhekk, din is-sistema tagħti lill-Istat Membru l-possibbiltà li jintervjeni sabiex jassigura, f’ċirkustanzi partikolari, ir-rispett ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku li s-SNCT u d-Distrigaz għandhom, filwaqt li fl-istess ħin tirispetta l-eżiġenzi ta’ ċertezza legali.

    53      Il-Kummissjoni ma ppruvatx li sabiex jintlaħaq l-għan persegwit setgħu jiġu adottati miżuri oħra anqas restrittivi. Mhuwiex stabbilit li pjanifikazzjoni intiża sabiex tħeġġeġ lill-impriżi tal-gass naturali li jikkonkludu kuntratti ta’ provvista għal żmien twil, li jiddiversifikaw s-sorsi ta’ provvista tagħhom jew li tiġi implementata sistema ta’ liċenzji tkun biżżejjed, waħedha, sabiex tippermetti li jkun hemm reazzjoni rapida fil-każ ta’ sitwazzjoni speċifika. Barra minn hekk, leġiżlazzjoni li tiddefinixxi fid-dettall l-imġiba li għandhom jadottaw l-impriżi tas-settur, bħal dik proposta mill-Kummissjoni, tidher li tkun iktar restrittiva minn dritt ta’ oppożizzjoni li huwa limitat għal sitwazzjonijiet partikolari.

    54      Fir-rigward ta’ l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq id-Direttiva Gass, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva skada biss fl-10 ta’ Awwissu 2000. Konsegwentement, il-qafas Komunitarju li skond il-Kummissjoni din id-direttiva hija intiża li toħloq f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq l-impriżi tas-settur, ma jistax, f’kull każ, jaffettwa l-kawża preżenti peress li l-opinjoni motivata saret fit-18 ta’ Diċembru 1998 u peress li r-rikors tressaq fit-22 ta’ Diċembru 1999.

    55      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni lin kwistjoni hija ġġustifikata mill-għan li tiġi ggarantita s-sigurtà ta’ provvisti enerġetiċi fil-każ ta’ kriżi.

    56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat il-motiv sussidjarju invokat mill-Gvern Belġjan li huwa bbażat fuq l-eżistneza ta’ prinċipju derivat mill-Artikolu 90(2) tat-Trattat.

    57      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud safejn dan jirrigwarda l-Artikolu 73 B tat-Trattat.

     Fuq l-Artikolu 52 tat-Trattat

    58      Il-Kummissjoni titlob ukoll li jiġi kkonstatat ksur ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat, jiġifieri tar-regoli tat-Trattat li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment safejn dawn jirrigwardaw l-impriżi.

    59      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Artikolu 56 tat-Trattat jipprovdi, l-istess bħall-Artikolu 73D tat-Trattat, ġustifikazzjoni bbażata fuq is-sigurtà pubblika. Għaldaqstant anke li kieku kellu jiġi meqjus li l-possibbiltà li Stat Membru jopponi ċ-ċessjoni, l-użu bħala garanzija jew it-tibdil fl-użu intenzjonat ta’ ċerti assi ta’ impriża eżistenti, jew li jopponi ċertu deċiżjonijiet amministrattivi ta’ l-impriża, tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, tali restrizzjoni tkun iġġustifikata minħabba r-raġunijiet esposti fil-punti 43 sa 55 ta’ din is-sentenza.

    60      Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud anke f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 52 tat-Trattat

     Fuq l-ispejjeż

    61      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Renju tal-Belġju. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 69(4) ta’ l-istess Regoli, ir-Renju Unit, li intervjena fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

    Għal dawn il-motivi,

    Il-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    taqta’ u tiddeċiedi

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.

    3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

    Rodríguez Iglesias

    Jann

    Colneric

    von Bahr

    Gulmann

    Edward

    La Pergola

    Puissochet

    Schintgen

    Skouris

     

          Cunha Rodrigues

    Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-4 ta’ Ġunju 2002.

    R. Grass

     

          G. C. Rodríguez Iglesias

    Reġistratur

     

          President


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq