Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 61999CJ0324

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Diċembru 2001.
    DaimlerChrysler AG vs Land Baden-Württemberg.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesverwaltungsgericht - il-Ġermanja.
    Ambjent.
    Kawża C-324/99.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2001:682

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    13 ta’ Diċembru 2001(*)

    “Ambjent ─ Skart ─ Regolment (KEE) Nru 259/93 dwar il-vjaġġi bil-baħar ta’ skart ─ Kundizzjonijiet li jiġġustifikaw projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ l-iskart ─ Liġi nazzjonali li timponi l-obbligu li toffri l-iskart lil korp awtorizzat”

    Fil-kawża C-324/99,

    li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) għal deciżjoni preliminari fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

    DaimlerChrysler AG

    u

    Land Baden-Württemberg,

    dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta’ l-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU 1993 L 30, p. 1),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, N. Colneric, President ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, A. La Pergola (Relatur), L. Sevón, M. Wathelet, R. Schintgen, V. Skouris, J. N. Cunha Rodrigues u C. W. A. Timmermans, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Léger,

    Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

    –        għal DaimlerChrysler AG, minn L. Giesberts, Rechtsanwalt,

    –        għal-Land Baden-Württemberg, minn C. Weidemann, Rechtsanwalt,

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing u B. Muttelsee-Schön, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Olandiż, minn M. A. Fierstra, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Stix-Hackl, bħala aġent,

    –        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. E. Collins, bħala aġent, assistit minn D. Wyatt, QC,

    –        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. zur Hausen, bħala aġent,

    wara li rat ir-rapport tas-seduta,

    wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ DaimlerChrysler AG, tal-Land Baden-Württemberg, tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni waqt is-seduta tas-27 ta’ Marzu 2001,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-20 ta’ Settembru 2001,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        B’sentenza ta’ l-24 ta’ Ġunju 1999, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Awwissu, il-Bundesverwaltungsgericht għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, erba’ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta’ l-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU 1993 L30, p. 1, aktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

    2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest tal-kontroversja bejn DaimlerChrysler AG (aktar ’il quddiem “DaimlerChrysler”) u l-Land Baden-Württemberg (Land ta’ Bade-Wurtemberg) dwar il-legalità ta’ digriet tal-Gvern u tal-Ministru għall-Ambjent u t-Trasport ta’ dan il-Land li tipprovdi għal obbligu li jiġi offert lill-korp awtorizzat ċertu skart għar-rimi.

     Il-Kuntest Ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3        Id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU L 78, p. 32, aktar ’il quddiem id- “Direttiva”), hija intiża sabiex twassal għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-rimi ta’ l-iskart.

    4         L-Artikoli 3, 4 u 5 tad-direttiva jiffissaw l-għanijiet segwenti: l-ewwel nett, il-prevenzjoni, it-tnaqqis, l-irkupru u l-użu ta’ l-iskart; imbagħad, il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent fit-trattament ta’ l-iskart, li għandu jkun mormi jew irkuprat, u, fl-aħħar nett, l-istabbiliment, fuq livell Komunitarju u, jekk possibbli, fuq livell nazzjonali, ta’ netwerk integrat għar-rimi ta’ l-iskart.

    5        Għaldaqstant, l-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprovdi li:

    “1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri l-oħra, fejn ikun meħtieġ jew fuq parir, li jistabbilixxu xibka ta’ komunikazzjoni [netwerk] integrata u adekwata ta’ l-istallazzjonijiet tar-rimi ta’ l-iskart, filwaqt li jagħmlu użu ta’ l-aħħar teknoloġija disponibblili li ma tinvolvix spejjeż eċċessivi. Ix-xibka ta’ komunikazzjoni għandha tgħin lill-Komunità kollha biex issir aktar suffiċjenti fiha nfisha fir-rimi ta’ l-iskart u lill-Istati Membri biex jimxu lejn din il-mira individwalment, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi ġeografiċi jew il-ħtieġa ta’ stallazzjonijiet speċjalizati għal ċerti tipi ta’ skart.

    2.      Ix-xibka ta’ komunikazzjoni trid tgħin ukoll sabiex l-iskart jiġi mormi f’waħda mill-eqreb stallazzjoni xierqa, permezz ta’ l-iktar metodi u teknoloġiji xierqa sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika.”

    6        Ir-Regolament jorganizza b’mod partikolari s-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart bejn l-Istati Membri.

    7        It-Titolu II tar-Regolament, intitolat “Vjaġġi bil-Baħar ta’ Skart bejn Stati Membri”, jinkludi Kapitolu A dwar il-proċedura applikabbli għal vjaġġi bil-baħar, ta’ skart għar-rimi.

    8        Skond l-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament, li jagħmel parti mill-Kapitolu A msemmi aktar ’il fuq, l-oġġezzjonijiet u l-kundizzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni, tat-tluq u tat-tranżitu jistgħu jagħmlu fir-rigward ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart, skond is-subparagrafi (a) u (b), għandhom ikunu bbażati fuq il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni.

    9        L-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament jipprovdi li:

    “Sabiex ikunu implimentati l-prinċipji ta’ prossimità, prijorità għal irkupru u l-awto-suffiċjenza fil-livelli tal-Komunità u nazzjonali skond mad-Direttiva 75/442/KEE[,] [l-i]Stati Membri jistgħu jieħdu miżuri skond mat-Trattat biex jipprojbixxu ġeneralment jew parzjalment jew joġġezzjonaw sistematikament għal vjaġġi bil-baħar ta’ skart. Miżuri bħal dawn għandhom ikunu notifikati minnufih lill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra.”

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    10      L-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 9(a) tal-Liġi dwar it-tnaqqis f’ras il-għajn u l-immaniġġjar ta’ l-iskart u t-trattament ta’ siti kkontaminati fil-Land ta’ Bade-Wurtemberg (il-“Landesabfallgesetz”, aktar ’l quddiem il-“LAbfG”), fil-verżjoni tagħha tal-15 ta’ Ottubru 1996 (GBl, p. 617), kif emendata l-aħħar mill-Artikolu 4 tal-Liġi tas-16 ta’ Lulju 1998 (GBl, p. 422), tipprovdi li, flimkien ma’ min jipproduċi u min iżomm l-iskart, l-awtoritajiet ta’ dan il-Land, għandhom jistabbilixxu ċentri ta’ trattament għall-iskart għar-rimi, fejn tali skart jirrikjedi superviżjoni partikolari.

    11      It-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 9(2) tal-LAbfG tawtorizza lill-gvern tal-Land li jipprovdi, permezz ta’ digriet, li min jipproduċi u min iżomm l-iskart għar-rimi, fejn tali skart jirrikjedi superviżjoni partikolari, irid joffri dan l-iskart lil min hu responsabbli għaċ-ċentri ta’ trattament, jew lill-Aġenzija għall-iskart speċjali stabbilita skond l-Artikolu 28A(1) ta’ l-istess liġi.

    12      Skond it-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 9(2) tal-LAbfG, l-iskart li ma jistax ikun trattat miċ-ċentri ta’ trattament għandu jintbagħat lill-impjant ta’ trattament ta’ l-skart propost minn min jipproduċi jew min iżomm l-iskart.

    13      Id-Digriet tat-12 ta’ Settembru 1996 tal-Gvern u ta’ l-Ministru għall-Ambjent u t-Trasport tal-Land ta’ Bade-Wurtemberg, dwar it-trattament ta’ skart li jeħtieġ superviżjoni partikolari u l-Aġenzija għall-iskart speċjali (GBl, p. 586), kif emendat mid-Digriet tas-26 ta’ Jannar 1998 (GBl, p. 73, aktar ’il quddiem id-“Digriet”), ġie adottat abbażi tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 9(2) tal-LAbfG.

    14      Skond l-Artikolu 1(a) tad-Digriet, il-kumpannija Sonderabfallentsorgung Baden-Württemberg GmbH (aktar ’il quddiem il-“kumpannija SBW”), li twaqqfet fl-1973 u li hija l-proprjetà, fil-maġġoranza tagħha, tal-Land ta’ Bade-Wurtemberg, tmexxi ċ-ċentri ta’ trattament ta’ skart li jeħtieġ superviżjoni partikolari.

    15      Skond l-Artikolu 1(2) tad-Digriet, iċ-ċentri ta’ trattament huma, fil-każ ta’ skart li jrid jiġi maħżun, iċ-ċentru speċjali għall-iskart ta’ Billigheim (il-Ġermanja) u, fil-każ ta’ l-iskart għall-inċinerazzjoni, l-inċineratur ta’ l-iskart tal-kumpannija Abfall-Verwertungsgesellschaft mbH (aktar ’il quddiem il-“kumpannija AVG”), stabbilita f’Amburgu (il-Ġermanja), “fil-kuntest ta’ l-obbligi ta’ fornitura kurrenti”.

    16      Skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 3(a) tad-Digriet, min jipproduċi u min iżomm skart għar-rimi, li jirrikjedi superviżjoni partikolari u li huwa prodott fil-Land ta’ Bade-Wurtemberg jew li jrid jiġi ttrattat, miżmum jew iddepożitat hemm, irid joffri tali skart lill-Aġenzija għal l-iskart speċjali, li tibgħatu liċ-ċentru ta’ trattament, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Digriet. Madankollu, it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Digriet tipprovdi eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu, b’mod partikolari f’każ ta’ kwantitajiet ta’ skart li ma jlaħħqux ċerta kwota jew, taħt ċerti kundizzjonijiet, fejn l-iskart huwa mormi fl-impjanti ta’ min jipproduċih jew min iżommu.

    17      L-Artikolu 4(a) tad-Digriet jipprovdi li:

    “L-Aġenzija dwar l-iskart speċjali tibgħat l-iskart li jiġi offrut lilha lill-kumpannija SBW Sonderabfallentsorgung Baden-Württemberg GmbH, sabiex jingħata trattament fl-impjanti ta’ trattament skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(2), sakemm l-iskart ikun jista’ jiġi ttrattat f’dawn l-impjanti. Fil-każ taċ-ċentru speċjali ta’ inċinerazzjoni tal-kumpannija Abfall-Verwertungsgesellschaft mbH f’Amburgu, irid jiġi osservat l-obbligu li jkunu kkunsinnati 20,000 tunnellata skart kull sena. Hija tiddisponi mill-iskart mibgħut lilha skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel sentenza fl-impjanti ta’ trattament.”

    18      Skond l-Artikolu 4(3) tad-Digriet, l-iskart li jiġi offrut iżda li ma jintbagħatx lil wieħed miż-żewġ ċentri msemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza għandu jintbagħat mill-Aġenzija għall-iskart speċjali lill-impjant li huwa suġġerit minn min jipproduċi jew min iżomm l-iskart, jekk tali skart jista’ jiġi ttrattat hemmhekk skond il-leġislazzjoni Ġermaniża dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent.

    19      L-obbligu ta’ kunsinna, li jikkonċerna l-volum annwali ta’ 20,000 tunnellata għaċ-ċentru ta’ inċinerazzjoni speċjali ta’ Amburgu, imsemmi fl-Artikoli 1(2) u 4(a) tad-Digriet, joħroġ minn ftehim konkluż fil-5 ta’ Mejju 1994 bejn il-kumpanniji SBW u AVG (aktar ’il quddiem il- “ftehim”).

    20      Skond il-preambolu ta’ dan il-ftehim, li kien konkluż għall-perjodu ta’ ħmistax-il sena, il-Land ta’ Amburgu poġġiet għad-dispożizzjoni tal-Land ta’ Bade-Wurtemberg parti mill-kapaċità tagħha ta’ inċinerazzjoni, sabiex tittratta l-iskart speċjali offrut mill-kumpannija SBW, għall-prezz ta’ DEM 1 200 għal kull tunnellata ta’ skart inċinerat. L-inċinerazzjoni ssir fl-inċineratur ta’ l-iskart tal-kumpannija AVG.

    21      Il-ftehim jawtorizza lill-kumpannija SBW sabiex tikkunsinna lill-kumpannija AVG mhux aktar minn 30,000 tunnellata kull sena. Il-kumpannija SBW tikkommetti ruħha wkoll sabiex tibgħat lill-AVG kwantità minima ta’ 20,000 tunnellata kull sena u li tħallas il-prezz li jikkorrispondi mat-trattament ta’ dik il-kwantità, anki meta l-ammont effettivament ikkunsinnat huwa inferjuri għal din il-kwantità. Il-Land ta’ Bade-Wurtemberg għandha tipprovdi garanzija ta’ DEM 180 miljun sabiex tkopri telf eventwali tal-kumpannija SBW.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    22      DaimlerChrysler ikkontestat il-legalità tad-Digriet u permezz ta’ rikors imressaq fl-4 ta’ Diċembru 1996 talbet lill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja) sabiex tannullah.

    23      DaimlerChrysler tikkunsidra li hija ġiet żvantaġġata bl-obbligu li toffri l-iskart speċjali lil ċentru ta’ inċinerazzjoni stabbilit f’Amburgu, għar-raġuni li dan kien iwaqqafha milli jkollha l-iskart prodott mill-fabbriki tagħha tal-Land ta’ Bade-Wurtemberg inċinerat bi spiża iżgħar barra mill-pajjiż u, b’mod partikolari, fil-Belġju. It-trasport ta’ l-iskart lejn l-impjanti ta’ Amburgu, b’distanzi ta’ bejn 600 u 800 kilometru, wassal għal spiża akbar ta’ DEM 2,2 miljuni fis-sena għall-kumpannija.

    24      B’sostenn għar-rikors tagħha, DaimlerChrysler osservat, b’mod partikolari, li l-obbligu previst mid-Digriet, li toffri l-iskart liċ-ċentru ta’ inċinerazzjoni tal-kumpannija AVG, jekwivali għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni, ipprojbita mill-Artikolu 34 tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 29 KE) u huwa kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u tar-Regolament.

    25      Permezz tas-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 1997, il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg ċaħdet ir-rikors għal annullament peress li kien infondat. Fuq l-appell ta’ DaimlerChrysler, il-Bundesverwaltungsgericht awtorizzat, permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, lil din il-kumpannija sabiex tintroduċi rikors għar-“Reviżjoni”.

    26      Fis-sentenza tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht issostni li d-Digriet ma jmurx kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali. Għal dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tad-Digriet mad-dritt Komunitarju, hija tiddikjara li l-introduzzjoni ta’ obbligu għal min jipproduċi u min iżomm skart għar-rimi li joffrih lill-Aġenzija għall-iskart speċjali, għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura ta’ projbizzjoni għall-esportazzjoni ta’ skart li hija konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament.

    27      Madankollu, peress li kellha dubbji dwar aspetti oħra tal-kompatibbiltà tad-Digriet mad-dritt Komunitarju, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      Fejn teżisti miżura ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ skart għar-rimi li jeħtieġ superviżjoni partikolari, iġġustifikata mill-prinċipji ta’ prossimità, tal-prijorità għall-irkupru u ta’ l-awto-suffiċjenza, l-espressjoni “skond mat-Trattat” użata fl-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 tfisser li jeħtieġ li għandu jiġi vverifikat ukoll jekk il-projbizzjoni ta’ esportazzjoni hijiex konformi mad-dritt primarju ta’ l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikulari, mal-projbizzjoni għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri skond l-Artikoli 28 et seq tat-Trattat?

    2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk il-projbizzjoni ta’ esportazzjoni tikkonċerna biss kwantitajiet limitati u hija prevista mill-liġi, l-eżami dwar il-konformità ta’ tali projbizzjoni mad-dritt Komunitarju għandu biss jikkonċerna l-leġiżlazzjoni stess, jew hemm bżonn li tkun ivverifikata l-konformità mad-dritt Komunitarju ta’ kull każ konkret fejn esportazzjoni ppjanata hija pprojbita bl-applikazzjoni ta’ din il-leġislazzjoni? F’dan il-kuntest tista’ tkun leġittimament imposta projbizzjoni ta’ l-esportazzjoni ta’ l-iskart għal żmien ta’ ħmistax-il sena, permezz ta’ obbligu li l-iskart għar-rimi li jeħtieġ superviżjoni partikolari jiġi offrut lil ċentru ta’ trattament stabbilit fuq it-territorju nazzjonali jekk, meta kien impost dan l-obbligu, is-sigurtà intiża mit-trattament ta’ l-iskart setgħet tintlaħaq biss permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ dan it-tul ma’ min imexxi ċ-ċentru?

    3)      L-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KEE) Nru 259/93 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jadottaw leġiżlazzjoni li, fil-kuntest ta’ l-obbligu li l-iskart għar-rimi li jeħtieġ superviżjoni partikolari jkun offrut lil ċentru stabbilit, tissuġġetta l-vjaġġ bil-baħar ta’ tali skart lejn Stati Membri oħra għall-kundizzjoni li r-rimi ppjanat jikkorrispondi mal-kriterji dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent ta’ l-Istat tat-tluq?

    4)      L-Artikoli 3 et seq tar-Regolament (KEE) Nru 259/93 jipprekludu li, qabel il-proċedura ta’ notifikazzjoni, Stat Membru japplika proċedura tiegħu dwar l-offerta u l-allokazzjoni ta’ skart, li tapplika għat-trasport ippjanat ta’ skart għar-rimi li jeħtieġ superviżjoni partikolari?”

    28      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat, hekk kif tagħmel ġustament il-Kummissjoni, li, anki jekk, f’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tirreferi għar-rimi ta’ l-iskart li “jeħtieġ superviżjoni partikolari”, meta fit-Titolu II, il-Kapitolu A ir-Regolament jiddefinixxi l-proċedura applikabbli għal vjaġġi bil-baħar bejn Stati Membri ta’ skart għar-rimi, huwa ma jiddistingwix bejn kategoriji partikolari skond in-natura ta’ l-iskart ikkonċernat. Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għal dawn id-domandi tapplika għall-vjaġġi bil-baħar kollha ta’ skart għar-rimi li jaqa’ taħt ir-Regolament indistintament, mingħajr m’hemm bżonn li jittieħed in kunsiderazzjoni jekk tali skart jirrikjedix superviżjoni partikolari jew le.

    Fuq l-ewwel domanda

    29      L-ewwel nett, għandu jiġi nnutat li, minn naħa, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 3(a) tad-Digriet, li tistabbilixxi obbligu li l-iskart għar-rimi jiġi offrut lill-korp lokali awtorizzat, kienet adottata abbażi ta’ l-Artikolu 4(b)(a)(i) tar-Regolament, li jawtorizza lill-Istati Membri li, f’ċerti kundizzjonijiet, jadottaw miżuri ta’ portata ġenerali, li jirrestrinġu l-vjaġġi bil-baħar ta’ skart bejn l-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, li, skond il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni nazzjonali hija konformi mad-dispożizzjoni msemmija tar-Regolament.

    30      Jeħtieġ ukoll li jiġi osservat li l-qorti nazzjonali ma tqajjimx dubji dwar il-validità ta’ l-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament fil-konfront ta’ l-Artikolu 30 tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 28 KE), ta’ l-Artikolu 34 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 36 KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 30 KE).

    31      F’dan il-kuntest, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem bħala relatata mad-domanda jekk, meta miżura nazzjonali li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-esportazzjoni ta’ skart għar-rimi hija ġustifikata mill-prinċipji ta’ prossimità, ta’ prijorità għall-irkupru u l-awto-suffiċjenza, skond l-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament, huwiex ukoll neċessarju li, peress li din id-dispożizzjoni tuża l-espressjoni “skond mat-Trattat”, jiġi ivverifikat ukoll jekk din il-miżura nazzjonali hijiex konformi ma’ l-Artikoli 34 u 36 tat-Trattat.

    32      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, meta kwistjoni hija rregolata b’mod armonizzat fuq livell Komunitarju, kull miżura nazzjonali li għandha x’taqsam magħha trid tkun evalwata fid-dawl ta’ din il-miżura ta’ armonizazzjoni u mhux fid-dawl ta’ l-Artikoli 30, 34 u 36 tat-Trattat (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, C-37/92, Ġabra p. I-4947, punt 9).

    33      L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi nnutat li r-Regolament ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva tal-Kunsill 84/631/KEE tas-6 ta’ Diċembru 1984 li torganizza s-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar bejn il-fruntieri ta’ skart perikoluż (ĠU L 326, p. 31), li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, kienet introduċiet sistema kompluta li kienet tkopri b’mod partikolari l-vjaġġi bil-baħar bejn il-fruntieri ta’ skart perikoluż sabiex dan jintrema fi stabbilimenti li jikkonformaw ma’ rekwiżiti speċifiċi, u li kienet ibbażata fuq l-obbligu ta’ notifikazzjoni dettaljata minn min qiegħed iżomm l-iskart (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-2/90, Ġabra p. I-4431, punt 20, u ta’ l-10 ta’ Mejju 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-422/92, Ġabra p. I-1097, punt 32).

    34      L-oriġini tar-Regolament jinstab fi proposta tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) 90/C 289/05, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU C 289, p. 9), ippreżentat mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Ottubru 1990. Mill-espożizzjoni tar-raġunijiet għal din il-proposta joħroġ li l-għażla ta’ regolament bħala mezz kif jiġu implimentati l-emendi lill-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kunsinna ta’ skart kienet meħtieġa mill-bżonn li din il-leġiżlazzjoni tiġi applikata b’mod simultanju u konsistenti fl-Istati Membri kollha.

    35      Minbarra dan, mill-ewwel erba’ premessi tar-Regolament joħroġ li dan ġie adottat sabiex jissostitwixxi d-Direttiva 84/631 b’regolament, minħabba l-impenji li l-Komunità kienet ħadet fil-kuntest ta’ konvenzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ Basilea (l-Iżvizzera) tat-22 ta’ Marzu 1989 dwar il-kontroll ta’ caqliq bejn il-fruntieri ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu, li kienet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE ta’ l-1 ta’ Frar 1993 (ĠU L 39, p. 1).

    36      Skond l-Artikolu 1(1) tar-Regolament, huwa japplika għall-vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fis-subartikoli (2) u (3) ta’ l-istess dispozżizzjoni.

    37      It-Titolu II tar-Regolament jirrigwarda l-vjaġġi bil-baħar ta’ skart bejn l-Istati Membri u jagħmel distinzjoni bejn l-iskart għar-rimi (Kapitolu A, Artikoli 3 sa 5) u dak għall-irkupru (Kapitlu B, Artikoli 6 sa 11). Kif hemm indikat fid-disa’ premessa ta’ dan ir-regolament, dan it-Titolu jwaqqaf sistema ta’ notifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti dwar movimenti ta’ l-iskart, li tippermetti lil dawn l-awtoritajiet ikunu debitament infurmati, b’mod partikolari dwar it-tip, il-movimenti u l-irkupru ta’ l-iskart, b’mod li jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, bil-possibbiltà li jagħmlu oġġezzjonijiet raġonevoli dwar l-vjaġġi bil-baħar.

    38      L-Artikolu 13 tar-Regolament, li jagħmel parti mit-Titolu III, jikkonċerna l-vjaġġ bil-baħar ta’ l-iskart ġewwa l-Istati Membri. Skond il-ħames premessa ta’ dan ir-regolament, is-superviżjoni u l-kontroll ta’ dawn il-vjaġġi bil-baħar jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri stess. Is-sistemi nazzjonali li dawn jistabbilixxu għal dan il-għan għandhom madankollu jieħdu in kunsiderazzjoni l-ħtieġa ta’ koerenza mas-sistema Komunitarja stabbilita mir-Regolament (Artikolu 13(2)). L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw is-sistema prevista mir-Regolament għall-vjaġġi bil-baħar bejn l-Istati Membri (Artikolu 13(4)).

    39      It-Titoli IV, V u VI tar-Regolament jistabbilixxu rispettivament ir-regoli applikabbli għall-esportazzjoni ta’ skart ’il barra mill-Komunità, għall-importazzjoni ta’ l-iskart ġewwa l-Komunità, kif ukoll għat-tranżitu fil-Komunità ta’ skart li jiġi minn barra l-Komunità sabiex jintrema jew jiġi rkuprat barra mill-Komunità.

    40      It-Titolu VII tar-Regolament, li huwa msejjaħ “Dispożizzjonijiet Komuni”, jipprovdi, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom il-vjaġġ bil-baħar ta’ skart għandu jitqies li jikkostitwixxi traffiku illegali u l-miżuri li għandhom jittieħdu f’każ bħal dan (Artikolu 26).

    41      F’Rikors li sarilha għall-annullament tar-Regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan jistipula l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-vjaġġi bil-baħar ta’ skart bejn l-Istati Membri u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti sabiex dawn jiġu awtorizzati, peress li dawn il-kundizzjonijiet u l-proċeduri kienu adottati sabiex jiġi assigurat il-ħarsien ta’ l-ambjent u billi ttieħdu in kunsiderazzjoni l-għanijiet rilevanti għall-politika ambjentali, bħall-prinċipji ta’ prossimità, ta’ prijorità għall-irkupru u ta’ l-awto-suffiċjenza fuq livell Komunitarju u nazzjonali (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-187/93, Ġabra p. I-2857, punti 21 u 22). Minbarra dan, sabiex tistabbilixxi jekk ir-Regolament setax jiġi adottat b’mod validu fuq il-bażi ġuridika ta’ l-Artikolu 130 S tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 175 KE), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-għan tar-Regolament huwa li jipprovdi sistema armonizzata ta’ proċeduri li, permezz tagħhom, il-movimenti ta’ l-iskart jistgħu jiġu limitati sabiex jiġi assigurat il-ħarsien ta’ l-ambjent (sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata aktar ’il fuq, punt 26).

    42      Mill-kuntest li fih kien adottat ir-Regolament, min-natura tiegħu, l-għanijiet li għandu u mill-kontenut tiegħu, jirriżulta li huwa jirregola, b’mod armonizzat u fuq livell Komunitarju, il-problema tal-vjaġġi bil-baħar ta’ skart sabiex jiġu assigurati l-ħarsien ta’ l-ambjent.

    43      Għaldaqstant, kull miżura nazzjonali li tirrigwarda l-iskart trid tiġi evalwata fil-kuntest ta’ l-Artikoli 30, 34 u 36 tat-Trattat.

    44      F’dan il-kuntest, l-użu, fl-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament, ta’ l-espressjoni “skond mat-Trattat” ma jistax jiġi interpretat li jfisser li miżura nazzjonali, li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni, għandha, barra minn hekk, tkun is-suġġett ta’ eżami distint dwar il-kompatibbiltà tagħha ma’ l-Artikoli 30, 34 u 36 tat-Trattat.

    45      L-espressjoni “skond mat-Trattat” l-anqas ma tfisser li l-miżuri nazzjonali kollha li jillimitaw il-vjaġġi bil-baħar ta’ skart, skond l-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament, għandhom jiġu meqjusa, b’mod sistematiku, bħala kompatibbli mad-dritt Komunitarju, sempliċement għaliex huma intiżi sabiex jimplementaw prinċipju wieħed jew aktar imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Din l-espressjoni għandha pjuttost tiġi interpretata fis-sens li dawn il-miżuri nazzjonali, minbarra li għandhom ikunu konformi mar-Regolament, għandhom josservaw ukoll ir-regoli jew il-prinċipji ġenerali tat-Trattat, li għalihom ma saritx referenza diretta fil-leġiżlazzjoni adottata fl-ambitu tal-vjaġġi bil-baħar ta’ skart.

    46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, meta miżura nazzjonali li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-esportazzjoni ta’ skart għar-rimi hija ġġustifikata mill-prinċipji ta’ prossimità, ta’ prijorità għall-irkupru u ta’ awto-suffiċjenza, skond l-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament, m’huwiex neċessarju li jiġi wkoll ivverifikat separatament jekk tali miżura nazzjonali hijiex konformi ma’ l-Artikoli 34 u 36 tat-Trattat.

    Fuq it-tieni domanda

    47      Peress li t-tieni domanda saret mill-qorti tar-rinviju biss sabiex tipprovdi għall-ipoteżi ta’ risposta fl-affermattiv ta’ l-ewwel domanda, m’hemmx bżonn li tingħata risposta għaliha.

    Fuq it-tielet domanda

    48      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(3) tar-Regolament jawtorizzax Stat Membru, li jkun addotta leġislazzjoni li tistabbilixxi obbligu li toffri lill-korp awtorizzat l-iskart għar-rimi, jipprovdi li, meta dan l-iskart m’huwiex allokat lil-ċentru ta’ trattament ta’ dan il-korp, it-trasferiment ta’ tali skart lill-impjanti ta’ trattament fi Stati Membri oħra ma jkunx awtorizzat ħlief jekk ir-rimi ppjanat jissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent.

    49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skond l-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament, l-oġġezzjonijiet għall-vjaġġi bil-baħar ta’ l-iskart għandhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 4(3).

    50      Il-każijiet meta l-Istati Membi jistgħu jopponu vjaġġ bil-baħar ta’ skart għar-rimi bejn l-Istati Membri huma għalhekk dawk biss li huma mniżżla fl-Artikolu 4(3) tar-Regolment.

    51      L-Artikolu 4(3)(a) tar-Regolament jirrigwarda l-każijiet meta l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri sabiex jipprojbixxu b’mod ġenerali jew parzjali l-vjaġġi bil-baħar ta’ skart għar-rimi jew meta jistgħu jqajmu, b’mod sistematiku, oġġezzjonijiet dwarhom. L-Artikolu 4(3)(b) u (c) jirrigwardaw il-każijiet meta l-Istati Membri jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet għal vjaġġ bil-baħar partikolari ta’ skart.

    52      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali u li għaliha tagħmel riferiment it-tielet domanda, twaqqaf sistema li għandha l-effett li tipprojbixxi, bħala prinċipju, l-esportazzjonijiet ta’ skart ħlief għal xi eċċezzjonijiet. Kategorija ta’ derogi tikkonsisti fl-eżonerazzjoni, f’ċerti każijiet, ta’ min jipproduċi jew min iżomm l-iskart milli javża lill-korp awtorizzat li huwa responsabbli għall-immaniġġjar ta’ l-iskart, b’mod partikolari meta l-ammonti ta’ l-iskart huma inqas minn ċertu limiti. Kategorija oħra ta’ derogi, li hija s-suġġett speċifiku tat-tielet domanda, tikkonsisti, f’meta l-iskart kien offrut lill-korp awtorizzat li huwa responsabbli għall-immaniġġjar ta’ l-iskart iżda li ma jistax ikun ittrattat minn ċentru ta’ trattament li jaqa’ taħt dan il-korp, b’mod partikolari għaliex il-kapaċitajiet ta’ trattament ta’ dan iċ-ċentru ntlaħqu, fl-awtorizazzjoni għall-vjaġġ bil-baħar ta’ tali skart lil stabbiliment ta’ trattament propost minn min jipproduċi jew min iżomm l-iskart, dejjem bil-kundizzjoni li r-rimi ppjanat jissodisfa l-eżiġenzi tar-regoli dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent ta’ l-Istat Membru minn fejn intbagħat tali skart.

    53      Kif DaimlerChrysler ġustament tinnota, id-Digriet li l-legalità tiegħu qed tiġi kkontestata fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi dispożizzjoni astratta u ġenerali ta’ Stat Membru, bħal dawk ikkontemplati fl-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament, bir-riżultat li d-domanda dwar jekk id-dritt Komunitarju jawtorizzax miżura nazzjonali bħal dan id-digriet għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament u mhux skond id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ l-Artikolu 4(3).

    54      Għal dak li jirrigwarda il-kompatibbiltà tad-Digriet ma’ l-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament, il-Land ta’ Bade-Wurtemberg isostni, b’mod partikolari, li, peress li skond din id-dispożizzjoni, Stat Membru għandu d-dritt li jimponi projbizzjoni ġenerali ta’ l-esportazzjoni ta’ l-iskart, jekk l-Istat Membru jirrinunzja milli jimponi tali projbizzjoni, huwa għandu a fortiori jiġi rikonoxxut li għandu d-dritt, hekk kif użat fil-leġiżlazzjoni taħt eżami fil-kawża prinċipali, li jeżiġi li, fil-każ ta’ rimi ta’ skart barra mill-pajjiż, tiġi osservata l-leġiżlazzjoni tiegħu dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent.

    55      Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

    56      Fil-fatt, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, li għandha titqies li tikkostitwixxi miżura ta’ projbizzjoni parzjali fuq il-vjaġġi bil-baħar ta’ l-iskart, bħall-miżuri ta’ projbizzjoni ġenerali jew miżuri ta’ oġġezzjoni sistematika bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament, tista’ tkun legalment adottata minn Stat Membru sakemm tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri li timplementa l-prinċipji ta’ prossimità, ta’ prijorità għall-irkupru u ta’ l-awtosuffiċjenza fuq livell Komunitarju u nazzjonali b’mod li tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    57      F’dan ir-rigward, peress li l-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament ma jipprovdix, bħala tali, l-possibbiltà li jkunu pprojbiti l-vjaġġi bil-baħar ta’ skart meta r-rimi tiegħu ma jissodisfax l-eżiġenzi tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent ta’ l-Istat minn fejn jintbagħat, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk din il-possibbiltà tistax tkun iġġustifikata abbażi ta’ wieħed mit-tliet prinċipji msemmija f’din id-dispożizzjoni.

    58      F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, il-prinċipju ta’ prossimità, jeħtieġ li jiġi osservat li leġiżlazzjoni nazzjonali li, fejn tippermetti vjaġġ bil-baħar ta’ skart lejn Stat Membru ieħor għal skopijiet ta’ rimi, tissuġġetta tali vjaġġ bil-baħar għall-kundizzjoni li dan ir-rimi jrid jsir b’mod li jkun konformi ma’ l-eżiġenzi tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent ta’ l-Istat minn fejn jintbagħat, ma tistax titqies li qed timplementa dan il-prinċipju.

    59      Effettivament, tali leġiżlazzjoni bl-ebda mod ma tieħu in kunsiderazzjoni l-prossimità ta’ l-impjant ta’ trattament issuġġerit minn min jipproduċi jew minn min iżomm l-iskart.

    60      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ prijorità ta’ l-irkupru, li jirriżulta mill-Artikolu 3(a)(b) tad-Direttiva, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri approprjati sabiex jippromwovu l-irkupru ta’ l-iskart, mid-definizzjoni tiegħu stess ma jistax ikun implementat permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-għan mhux li tinkoraġġixxi tali rkupru iżda biss li tistabbilixxi f’liema impjant ta’ trattament l-iskart jista’ jintrema.

    61      Għal dak li jikkonċerna, it-tielet nett, il-prinċipju ta’ awtosuffiċjenza fuq livell Komunitarju u nazzjonali, jirriżulta mill-Artikolu 5(a) tad-Direttiva li l-għan ta’ dan il-prinċipju huwa li jippermetti lill-Komunità, globalment, li tassigura hija stess ir-rimi ta’ l-iskart tagħha, u sabiex lill-Istati Membri li jaslu għal dan il-għan individwalment, permezz ta’ netwerk integrat u adegwat ta’ impjanti ta’ trattament li fihom l-iskart jista’ jintrema.

    62      Ċertament, l-implementazzjoni ta’ dan il-prinċipju jista’ teoritikament jiġġustifika leġiżlazzjoni li tistabbilixxi obbligu li l-iskart għar-rimi jiġi offrut lil korp awtorizzat, li mbagħad jibgħathom lill-impjanti ta’ trattament, li jikkontrolla, sa fejn tali obbligu huwa ġġustifikat min-neċessità li jiġi assigurat livell ta’ attività indispensabbli għall-vijabbiltà ta’ dawn l-impjanti ta’ trattament u, b’konsegwenza, li jippermetti li jinżammu kapaċitajiet ta’ trattament tali li jgħinu sabiex il-prinċipju ta’ awtosuffiċjenza jiġi applikat fuq livell nazzjonali.

    63      Madankollu, il-kundizzjoni li l-vjaġġ bil-baħar, ta’ skart sabiex jintrema huwa awtorizzat biss sakemm tali rimi jsir skond ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat minn fejn jintbagħat f’dak li jirrigwarda l-ħarsien ta’ l-ambjent, ma tikkontribwixxi bl-ebda mod għall-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ awto-suffiċjenza, peress li tapplika biss fil-każijiet fejn, minħabba li l-iskart in kwistjoni ma jistax jiġi ttrattat minn impjant tal-korp awtorizzat responsabbli għall-ġestjoni ta’ l-iskart li għandu jintrema, dan jintbagħat f’kull każ lill-impjant ta’ trattament propost minn min jipproduċi jew minn min iżomm tali skart.

    64      Minn dak li jippreċedi, jirriżulta li meta Stat Membru jawtorizza l-vjaġġ bil-baħar ta’ skart offrut minn min jipproduċih jew minn min iżommu lejn impjanti ta’ trattament ta’ Stat Membru ieħor u mhux lejn impjanti indikati mill-Istat Membru stess, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament ma jippermettix li tiġi imposta kundizzjoni li r-rimi ppjanat irid isir skond l-eżiġenzi tal-leġiżlazzjoni ta’ l-istess Stat Membru.

    65      Jeħtieġ għalhekk li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament ma jawtorizzax lil Stat Membru, li adotta leġiżlazzjoni li tistabbilixxi obbligu li skart għar-rimi jiġi offert lil korp awtorizzat, jipprovdi li, fejn tali skart mhuwiex allokat lil ċentru ta’ trattament li jaqa’ taħt ir-reponsabbiltà ta’ dan il-korp, il-vjaġġ bil-baħar ta’ tali skart lil impjanti ta’ trattament li jinsabu fi Stati Membri oħra huwa awtorizzat biss bil-kundizzjoni li r-rimi ppjanat jissodisfa l-eżiġenzi tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent.

    Fuq ir-raba’ domanda

    66      Permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob essenzjalment jekk l-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament ma jipprekludux Stat Membru milli japplika, qabel l-implementazzjoni tal-proċedura ta’ notifika prevista minn dan ir-regolament għall-vjaġġi bil-baħar ta’ skart għar-rimi bejn l-Istati Membri, proċedura nazzjonali li tirrigwarda n-notifika u l-allokazzjoni ta’ dan l-iskart.

    67      F'dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-armonizazzjoni miksuba mir-Regolament fil-każ ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart ma tikkonċernax biss il-kundizzjonijiet sostantivi sabiex tali vjaġġi bil-baħar ikunu jistgħu jitwettqu imma wkoll il-proċedura applikabbli għal tali vjaġġi bil-baħar.

    68      B’mod partikolari, skond l-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament, il-proċedura applikabbli għal vjaġġi bil-baħar ta’ skart għar-rimi bejn l-Istati Membri hija kkaratterizzata mill-obbligu impost fuq min jipproduċi jew min iżomm tali skart li jipproponi li jittrasferixxi jew ikollu trasferit dan l-iskart li jinnotifika minn qabel il-pjani tiegħu lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni.

    69      Din in-notifika hija parti essenzjali mill-proċedura prevista mir-Regolament, li tiddefinixxi l-informazzjoni dwar il-vjaġġ bil-baħar li n-notifika trid tinkludi b’mod dettaljat u li tipprovdi li l-irċevuta tal-kunsinna ta’ tali vjaġġ bil-baħar għandha tikkostitwixxi l-punt minn meta jibdew jiddekorru t-termini differenti imposti rispettivament fuq l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni, tat-tluq u tat-tranżitu għall-eżerċizzju jew le tad-drittijiet li għandhom skond ir-Regolament sabiex jopponu l-vjaġġ bil-baħar jew sabiex jistabbilixxu kundizzjonijiet għal tali vjaġġ bil-baħar.

    70      Il-proċedura hekk definita mir-Regolament tiggarantixxi lil min jagħmel in-notifika li l-pjani tiegħu għal vjaġġ bil-baħar ser jiġu eżaminati fit-termini ffissati mir-Regolament u li ser jiġi informat, mhux aktar tard mill-iskadenza tat-termini, jekk, u eventwalment taħt liema kundizzjonijiet, jista’ jsir il-vjaġġ bil-baħar.

    71      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil min jipproduċi jew lil min iżomm skart li għandu l-intenzjoni li jittrasferixxi jew ikollu trasferit tali skart, li jsegwi, qabel il-proċedura Komunitarja li tibda’ bin-notifika prevista mir-Regolament, proċedura distinta li tinkludi l-formalitajiet u t-termini tagħha dwar l-offerta u l-allokazzjoni ta’ l-iskart, ma tistax tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli ma’ l-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament.

    72      Minn dan li jippreċedi, jirriżulta li l-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament, li jiddefinixxu l-proċedura li għandha tiġi applikata għall-vjaġġi bil-baħar ta’ skart għar-rimi bejn l-Istati Membri, jipprekludu Stat Membru milli japplika, qabel ma jimplementa l-proċedura ta’ notifika prevista minn dan ir-regolament, proċedura awtonoma tiegħu dwar l-offerta u l-allokazzjoni ta’ dan l-iskart.

    73      Din l-interpretazzjoni mhijiex invalidata mill-argument invokat mill-Land ta’ Bade-Wurtemberg li jgħid li, peress li r-Regolament jawtorizza, fl-Artikolu 4(3)(a)(i), lill-Istati Membri jieħdu miżuri ġenerali ta’ restrizzjoni fuq il-vjaġġi bil-baħar ta’ skart, għandha a fortiori tiġi rikonoxxuta s-setgħa tagħhom li jistabbilixxu proċedura awtonoma fil-kuntest ta’ liema talba għal vjaġġ bil-baħar ta’ skart għar-rimi għandha tkun suġġetta għal eżami preliminari sabiex ikunu implementati l-miżuri nazzjonali msemmija qabel.

    74      Effettivament, meta l-Istati Membri jużaw il-fakultà mogħtija mill-Artikolu 4(3)(i)(i) tar-Regolament sabiex jieħdu miżuri ġenerali ta’ restrizzjoni fuq il-vjaġġ bil-baħar ta’ skart, huma ma jistgħux jidderogaw mill-proċedura ta’ notifika prevista minn tali Regolament. Għall-kuntrarju, huma għandhom jimplementaw din il-fakultà fil-qafas proċedurali mwaqqaf permezz tar-Regolament, li jipprovdi li n-notifika minn qabel ta’ proġett ta’ vjaġġ bil-baħar tikkostitwixxi l-ewwel pass fil-proċedura li twassal għall-awtorizazzjoni eventwali ta’ tali proġett.

    75      B’mod partikolari, fil-każ fejn Stat Membru jadotta miżura ta’ projbizzjoni parzjali tal-vjaġġi bil-baħar ta’ skart skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament, liema miżura tipprovdi li ċertu skart irid jiġi offrut lill-korp awtorizzat, li huwa inkarigat bil-ġestjoni ta’ l-iskart li għandu jintrema, u li tipprovdi li l-vjaġġ bil-baħar ta’ tali skart lejn impjant tar-rimi li jinsab fi Stat Membru ieħor ma jistax ikun awtorizzat ħlief fil-każ li tali skart ma jistax jiġi ttrattat f’impjant li jaqa’ taħt il-kontroll ta’ dan il-korp, l-oġġezzjoni eventwali ta’ l-awtorità tat-tluq għal tali vjaġġ bil-baħar, ibbażata fuq din il-miżura ta’ projbizzjoni, trid titqajjem skond il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament.

    76      Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament jipprekludu Stat Membru milli japplika l-proċedura awtonoma tiegħu dwar l-offerta u l-allokazzjoni ta’ l-iskart fir-rigward ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart għar-rimi bejn l-Istati Membri, qabel ma jimplementa l-proċedura prevista minn dan ir-regolament.

     Fuq l-ispejjeż

    77      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Daniż, mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Awstrijak u mill-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    b’risposta għad-domandi magħmula lilha mill-Bundesverwaltungsgericht, permezz ta’ sentenza ta’ l-24 ta' Ġunju 1999, taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      Meta miżura nazzjonali li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-esportazzjoni ta’ skart għar-rimi hija ġġustifikata mill-prinċipji ta’ prossimità, ta’ prijorità għall-irkupru u ta’ awtosuffiċjenza, skond l-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta’ l-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea, m’huwiex neċessarju li jiġi wkoll ivverifikat separatament jekk tali miżura nazzjonali hijiex konformi ma’ l-Artikoli 34 u 36 tat-Trattat (li, wara emenda, saru l-Artikoli 29 KE u 30 KE).

    2)      l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 259/93 ma jawtorizzax lil Stat Membru, li adotta leġiżlazzjoni li tistabbilixxi obbligu li skart għar-rimi jiġi offrut lil korp awtorizzat, jipprovdi li, fejn tali skart mhuwiex allokat lil ċentru ta’ trattament li jaqa’ taħt ir-reponsabbiltà ta’ dan il-korp, il-vjaġġ bil-baħar ta’ tali skart lil impjanti ta’ trattament li jinsabu fi Stati Membri oħra huwa awtorizzat biss bil-kundizzjoni li r-rimi ppjanat jissodisfa l-eżiġenzi tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent.

    3)      l-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament Nru 259/93 jipprekludu Stat Membru milli japplika l-proċedura awtonoma tiegħu dwar l-offerta u l-allokazzjoni ta’ l-iskart fir-rigward ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart għar-rimi bejn l-Istati Membri, qabel ma jimplementa l-proċedura prevista minn dan ir-regolament.

    Rodríguez Iglesias

    Colneric

    Gulmann

    Edward

    La Pergola      Sevón                  

    Schintgen

     

          Skouris

    Cunha Rodrigues

     

          Timmermans

    Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2001.

    R. Grass

     

          G. C. Rodríguez Iglesias

    Reġistratur

     

          President


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Fuq