Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 61998CJ0397

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tat-8 ta' Marzu 2001.
Metallgesellschaft Ltd et. (C-397/98), Hoechst AG u Hoechst (UK) Ltd (C-410/98) vs Commissioners of Inland Revenue u HM Attorney General.
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division - ir-Renju Unit.
Libertà ta' stabbiliment.
Każijiet Magħquda C-397/98 u C-410/98.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2001:134

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta' Marzu 2001 (*)

“Libertà ta’ stabbiliment ─ Moviment liberu tal-kapital ─ Ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward ta' qligħ imqassam minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija prinċipali tagħha ─ Kumpannija prinċipali li jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor ─ Ksur tad-dritt Komunitarju ─ Rikors għal rifużjoni jew rikors għad-danni ─ Interessi ”

Fil-kawżi magħquda C-397/98 u C-410/98,

li għandha bħala suġġett domandi indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 234 KE), mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Ir-Renju Unit), bil-għan li tinkiseb, fil-kawżi pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Metallgesellschaft Ltd et (C-397/98),

Hoechst AG,

Hoechst (UK) Ltd (C-410/98)

u

Commissioners of Inland Revenue,

HM Attorney General,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 6 u 52 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, saru l-Artikoli 12 KE u 43 KE), ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 48 KE) u/jew ta' l-Artikolu 73 B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56 KE),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. La Pergola, President ta' Awla, M. Wathelet (Relatur), D. A. O. Edward, P. Jann u L. Sevón, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Fennelly,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur,

wara li kkunsidrat in-noti ta’ osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Metallgesellschaft Ltd et, minn J. Gardiner, QC, u F. Fitzpatrick, barrister, bi prokura minn Slaughter and May, solicitors,

–       għal Hoechst AG u Hoechst (UK) Ltd, minn M. Barnes, QC, bi prokura minn Slaughter and May, solicitors,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. E. Collins, bħala aġent, assistit minn D. Wyatt, QC, u R. Singh, barrister,

–       għall-Gvern Olandiż, minn M. A. Fierstra, bħala aġent,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn H. Rotkirch u T. Pynnä, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, H. Michard u M. Patakia, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport tas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ Metallgesellschaft Ltd et, irrappreżentati minn J. Gardiner u F. Fitzpatrick, ta’ Hoechst AG u Hoechst (UK) Ltd, irrappreżentati minn M. Barnes, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn G. Amodeo, bħala aġent, assistita minn D. Wyatt, tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn B. Muttelsee-Schön, bħala aġent, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn S. Seam, bħala aġent, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn M. A. Fierstra, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn R. Lyal u H. Michard, fis-seduta tal-25 ta’ Mejju 2000,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta' Settembru 2000,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta’ żewġ digrieti tat-2 ta' Ottubru 1998, li waslu għand il-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fis-6 ta’ Novembru (C-397/98) u s-17 ta’ Novembru (C-410/98) ta’ wara, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, għamlet, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 234 KE), ħames domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 6 u 52 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, saru l-Artikoli 12 KE u 43 KE), ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 48 KE) u/jew ta' l-Artikolu 73 B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56 KE).

2       Dan id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, fil-kawża C-397/98, Metallgesellschaft Ltd, Metallgesellschaft AG, Metallgesellschaft Handel & Beteiligungen AG u The Metal and Commodity Company Ltd (iktar ‘il quddiem “Metallgesellschaft et”) u, fil-kawża C-410/98, Hoechst AG u Hoechst (UK) Ltd (iktar ‘il quddiem “Hoechst et”) kontra l-Commissioners of Inland Revenue fir-rigward ta’ l-obbligu impost fuq il-kumpanniji residenti fir-Renju Unit li jħallsu bil-quddiem it-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji prinċipali tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3       Skond id-dispożizzjonijiet tal-Parti I ta’ l-Income and Corporation Taxes Act 1988 (liġi ta’ l-1988 dwar it-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kumpanniji, iktar ‘il quddiem l-“ICTA”), il-qligħ miksub matul perijodu finanzjarju minn kull kumpannija residenti fir-Renju Unit kif ukoll minn kull kumpannija li ma tkunx residenti fir-Renju Unit iżda li tkun teżerċita hemmhekk attività kummerċjali permezz ta’ fergħa jew aġenzija huwa suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji (“corporation tax”).

4       Skond l-Artikolu 12 ta’ l-ICTA, il-perijodu finanzjarju huwa, bħala regola ġenerali, ta’ tnax-il xahar. Għall-perijodi finanzjarji li jagħlqu qabel l-1 ta' Ottubru 1993, it-taxxa fuq il-kumpanniji hija dovuta, skond kif tagħżel il-persuna taxxabbli, jew disa’ xhur wara l-għeluq tal-perijodu finanzjarju, jew xahar wara li jinħareġ l-avviż ta’ stima għal dak il-perijodu. Għall-perijodi finanzjarji li jagħlqu wara l-1 ta' Ottubru 1993, it-taxxa fuq il-kumpanniji hija dovuta disa’ xhur u jum wara l-għeluq tal-perijodu.

 Il-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji (“advance corporation tax”)

5       Skond l-Artikolu 14 ta’ l-ICTA, kull kumpannija residenti fir-Renju Unit li tagħmel xi tqassim ta’ qligħ, bħall-ħlas ta’ dividendi lill-azzjonisti tagħha, għandha l-obbligu li tħallas bil-quddiem it-taxxa fuq il-kumpanniji (“advance corporation tax”, iktar ‘il quddiem l-“ACT”) li hija kkalkulata fuq ammont ugwali għall-ammont jew għall-valur tat-tqassim li jkun sar.

6       Għandu jingħad li l-ACT mhijiex taxxa miżmuma fuq id-dividend, li jitħallas b’mod sħiħ, iżda hija taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kumpannija li tqassam id-dividendi, li trid titħallas bil-quddiem u li titnaqqas mit-taxxa ġenerali fuq il-kumpanniji (“mainstream corporation tax”, iktar ‘il quddiem l-“MCT”) dovuta fir-rigward ta’ kull perijodu finanzjarju.

7       Kull kumpannija hija obbligata tagħmel dikjarazzjoni, bħala regola kull tliet xhur, fejn tindika l-ammont ta’ kull tqassim li jkun sar matul dak il-perijodu u l-ammont dovut bħala ACT. L-ACT dovuta fir-rigward ta’ tqassim għandha titħallas fi żmien erbatax-il jum mit-tmiem tat-trimestru li matulu jkun sar it-tqassim.

8       B’mod konformi ma’ l-Artikoli 239 u 240 ta’ l-ICTA, l-ACT imħallsa minn kumpannija fir-rigward ta’ tqassim li jsir matul perijodu finanzjarju partikolari għandha, fil-prinċipju, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ rinunzja ta’ l-istess kumpannija, jew tiġi paċuta kontra l-ammont dovut mill-kumpannija bħala MCT għal dak il-perijodu, jew tiġi ttrasferita lill-kumpanniji sussidjarji ta’ dik il-kumpannija li jkunu jistgħu jpaċuha kontra l-ammont dovut minnhom stess bħala MCT. Jekk għall-perijodu finanzjarju in kwistjoni l-kumpannija ma jkollha tħallas ebda taxxa fuq il-kumpanniji (per eżempju, għaliex ma tkunx għamlet biżżejjed qligħ), hija tista’ jew tpaċi l-ACT kontra t-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta għall-perijodi finanzjarji sussegwenti, jew titlob li din it-tpaċija ssir fir-rigward ta’ perijodi preċedenti.

9       Filwaqt li l-MCT hija dovuta disa’ xhur jew disa’ xhur u ġurnata wara l-għeluq tal-perijodu finanzjarju, skond jekk il-perijodu jkunx għalaq qabel jew wara l-1 ta' Ottubru 1993, l-ACT għandha titħallas fi żmien erbatax-il jum wara t-tmiem tat-trimestru li matulu jkun sar it-tqassim. B'hekk, l-ACT dejjem titħallas qabel ma tkun dovuta l-MCT, li kontriha normalment tiġi paċuta. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li għalhekk l-ACT għandha l-effett, għall-kumpannija li tqassam id-dividendi, li tressaq ‘il quddiem bi tmien xhur u nofs (fil-każ ta’ tqassim li jsir fl-aħħar jum ta’ perijodu finanzjarju) sa sena u ħames xhur u nofs (meta t-tqassim isir fl-ewwel jum tal-perijodu finanzjarju) id-data tal-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta fuq id-dividendi mħallsa.

10     In kwantu l-ACT tista’ tiġi paċuta kontra qligħ li jsir f’perijodi finanzjarji sussegwenti meta ebda MCT ma tkun dovuta għall-perijodu in kwistjoni, il-qorti tar-rinviju tindika li, f’dan il-każ, il-ħlas bil-quddiem ikun sar għal perijodu itwal jekk mhux ukoll, f’ċerti ċirkustanzi, għal perijodu indefinit.

 Il-kreditu fiskali (“tax credit”)

11     Kumpannija residenti fir-Renju Unit mhijiex suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tad-dividendi li tirċievi minn kumpannija li tkun ukoll residenti fir-Renju Unit (l-Artikolu 208 ta’ l-ICTA). Għaldaqstant, kull tqassim ta’ dividendi suġġett għall-ACT minn kumpannija residenti lil kumpannija residenti oħra jagħti lok għal kreditu fiskali (“tax credit”) favur il-kumpannija li tirċievi d-dividendi (l-Artikolu 231(1) ta’ l-ICTA).

12     Dan il-kreditu fiskali huwa ugwali għall-ammont ta’ ACT imħallsa mill-kumpannija li tqassam id-dividendi fir-rigward ta’ dak it-tqassim (l-Artikolu 231(1) ta’ l-ICTA).

13     Meta kumpannija residenti fir-Renju Unit tkun irċeviet mingħand kumpannija sussidjarja tagħha residenti fir-Renju Unit tqassim li jagħti lok għal kreditu fiskali, hija tista’ tnaqqas l-ammont ta’ l-ACT imħallsa mill-kumpannija sussidjarja tagħha mill-ammont ta’ ACT li hija stess trid tħallas meta tqassam dividendi lill-azzjonisti tagħha stess, biex b’hekk hija jkollha tħallas l-ACT biss fuq l-ammont żejjed.

14     Meta kumpannija residenti fir-Renju Unit, iżda li hija eżenti għal kollox mill-MCT, tirċievi dividend mingħand kumpannija sussidjarja residenti li l-ACT fuqu tkun tħallset, hija għandha dritt għal rifużjoni ta’ ammont ugwali għall-kreditu fiskali (l-Artikolu 231(2) ta’ l-ICTA).

15     Il-kumpanniji li mhumiex residenti fir-Renju Unit u li ma jeżerċitawx attività kummerċjali permezz ta’ fergħa jew aġenzija m’humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit. Madankollu, bħala regola huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fir-Renju Unit (“income tax”) fir-rigward tad-dħul li jkun ġej minn dak l-Istat Membru, li jinkludi dividendi mħallsa lilhom mill-kumpanniji sussidjarji tagħhom residenti hemmhekk.

16     Madankollu, skond l-Artikolu 233(1) ta’ l-ICTA, meta kumpannija prinċipali mhux residenti ma tkunx, fil-prinċipju, intitolata għall-benefiċċju ta’ kreditu fiskali, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni f’dan is-sens taħt ftehim dwar tassazzjoni doppja bejn ir-Renju Unit u l-Istat fejn tkun residenti, hija mhijiex suġġetta għat-taxxa tad-dħul fir-Renju Unit fuq id-dividendi mħallsa mill-kumpannija sussidjarja tagħha residenti fir-Renju Unit.

17     Min-naħa l-oħra, jekk il-kumpannija prinċipali mhux residenti jkollha dritt għal kreditu fiskali taħt ftehim dwar tassazzjoni doppja bejn ir-Renju Unit u l-Istat fejn tkun residenti, hija tkun suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fir-Renju Unit fuq id-dividendi li hija tirċievi mingħand il-kumpannija sussidjarja tagħha residenti fir-Renju Unit.

18     Il-ftehim dwar tassazzjoni doppja konkluż fis-26 ta’ Novembru 1964 bejn ir-Renju Unit u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif emendat fit-23 ta’ Marzu 1970, ma jagħtix il-benefiċċju ta’ kreditu fiskali lill-kumpanniji residenti fil-Ġermanja li jkollhom ishma f’kumpanniji residenti fir-Renju Unit u li jirċievu dividendi mingħandhom.

19     Għaldaqstant, kumpannija prinċipali li jkollha s-sede tagħha fil-Ġermanja u li tirċievi dividendi suġġetti għall-ACT mingħand kumpannija sussidjarja residenti fir-Renju Unit m’għandhiex dritt fir-Renju Unit għal kreditu fiskali li jikkorrispondi għall-ACT imħallsa u, skond il-leġiżlazzjoni fiskali tar-Renju Unit, mhijiex suġġetta għat-taxxa fir-Renju Unit fir-rigward tad-dividendi li hija tirċievi mingħand il-kumpannija sussidjarja tagħha residenti fir-Renju Unit.

20     Meta kumpannija prinċipali li ma tkunx residenti fir-Renju Unit tkun intitolata għall-benefiċċju ta’ kreditu fiskali skond ftehim dwar tassazzjoni doppja bejn ir-Renju Unit u l-Istat fejn tkun residenti, hija tista’ titlob it-tpaċija ta’ dan il-kreditu fiskali kontra t-taxxa fuq id-dħul li hija dovuta minnha fir-Renju Unit fir-rigward tad-dividendi li hija tirċievi mingħand il-kumpannija sussidjarja tagħha residenti fir-Renju Unit u, f’każ li l-kreditu fiskali jeċċedi l-ammont tat-taxxa, tista’ titlob rifużjoni ta’ l-ammont żejjed. F’każ li tiġi miċħuda t-talba, il-kumpannija li tkun għamlet it-talba tista’ tippreżenta rikors quddiem l-“iSpecial Commissioners” jew quddiem il-“General Commissioners” u sussegwentement, jekk ikun meħtieġ, quddiem il-High Court.

 L-għażla ta’ taxxa fuq il-grupp (“Group Income Election”)

21     Skond l-Artikolu 247 ta’ l-ICTA, żewġ kumpanniji residenti fir-Renju Unit li waħda minnhom jkollha mill-inqas 51 % ta’ l-ishma ta’ l-oħra jistgħu jagħżlu s-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp (“Group Income Election”).

22     L-għażla ta’ din is-sistema għandha l-effett li l-kumpannija sussidjarja ma tħallasx l-ACT fuq id-dividendi li hija tħallas lill-kumpannija prinċipali, ħlief jekk tiddikjara li hija tixtieq li s-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp ma tapplikax għall-ħlas ta’ dividendi partikolari.

23     It-talba biex wieħed jibbenefika mis-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp għandha ssir lill-“Inspector of Taxes”. F’każ ta’ deċiżjoni ta’ rifjut, il-kumpannija li tkun għamlet it-talba tista’ tikkontesta din id-deċiżjoni quddiem l-“iSpecial Commissioners” jew quddiem il-“General Commissioners” u tista’ eventwalment tiddeċiedi li tressaq appell fuq punti ta’ dritt quddiem il-High Court.

24     F’każ fejn jitħallas dividend minn kumpannija sussidjarja residenti fir-Renju Unit lill-kumpannija prinċipali li tkun ukoll residenti fir-Renju Unit fil-kuntest tas-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp, ebda ACT m’hija dovuta mill-kumpannija sussidjarja u l-kumpannija prinċipali mhijiex intitolata għal kreditu fiskali. Fil-fatt, grupp ta’ kumpanniji ma jistax jibbenefika kemm mis-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp kif ukoll minn kreditu fiskali għall-istess dividend.

25     Għandu jiġi ppreċiżat li l-ACT tneħħiet fis-6 ta' April 1999 permezz ta’ l-Artikolu 31 tal-Finance Act 1998 (liġi dwar il-finanzi ta’ l-1998). Il-kuntest ġuridiku deskritt fil-punti 5 sa 24 ta’ din is-sentenza huwa dak li kien fis-seħħ qabel dik id-data.

 Il-fatti fil-kawżi prinċipali

26     Fil-kawża C-397/98, Metallgesellschaft Ltd u The Metal and Commodity Company Ltd, kumpanniji residenti fir-Renju Unit, ħallsu dividendi lill-kumpanniji prinċipali tagħhom, Metallgesellschaft AG u Metallgesellschaft Handel & Beteiligungen AG, kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fil-Ġermanja, u kienu obbligati jħallsu l-ACT fir-rigward ta' dawn id-dividendi. Iż-żewġ kumpanniji sussidjarji setgħu, sussegwentement, inaqqsu l-ACT mill-MCT dovuta minnhom.

27     Metallgesellschaft et fetħu kawża kontra l-Commissioners of Inland Revenue quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, fejn huma allegaw li kienu soffrew dannu minħabba l-impożizzjoni ta’ l-ACT fuq it-tqassim ta’ dividendi mill-kumpanniji sussidjarji lill-kumpanniji prinċipali tagħhom. Il-kawża prinċipali indirizzat l-ammonti ta’ ACT imħallsa bejn is-16 ta' April 1974 u l-1 ta’ Novembru 1995 minn Metallgesellschaft Ltd u bejn il-11 ta' April 1991 u t-13 ta' Ottubru 1995 minn The Metal and Commodity Company Ltd.

28     Fil-kawża C-410/98, Hoechst (UK) Ltd, kumpannija residenti fir-Renju Unit, qassmet dividendi lill-kumpannija prinċipali tagħha, Hoechst AG, kumpannija b’sede fil-Ġermanja, u ħallset fir-Renju Unit l-ACT fuq dawn id-dividendi. Hija setgħet sussegwentement tnaqqas l-ACT mill-MCT dovuta minnha.

29     Hoechst et ukoll fetħu kawża kontra l-Commissioners of Inland Revenue quddiem il-High Court fejn allegaw li kienu soffrew dannu minħabba l-impożizzjoni ta’ ACT fuq it-tqassim ta’ dividendi li sar minn Hoechst (UK) Ltd lil Hoechst AG bejn is-16 ta’ Jannar 1989 u s-26 ta' April 1994. Il-kawża prinċipali indirizzat l-ammonti ta’ ACT imħallsa bejn l-14 ta' April 1989 u t-13 ta’ Lulju 1994.

30     F’kull waħda mill-kawżi prinċipali, il-kumpanniji prinċipali sostnew li, minħabba li kien impossibbli għalihom u għall-kumpanniji sussidjarji tagħhom li jagħżlu s-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp, li kienet tippermettilhom li jevitaw il-ħlas ta’ l-ACT, l-imsemmija kumpanniji sussidjarji soffrew dannu finanzjarju li ma jaffettwax lill-kumpanniji sussidjarji ta’ kumpanniji prinċipali residenti fir-Renju Unit li, billi jagħżlu s-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp, ikunu jistgħu jżommu, sad-data meta jkollhom iħallsu l-MCT dovuta minnhom, is-somom li altrimenti huma kien ikollhom iħallsu bħala ACT fuq it-tqassim ta’ dividendi lill-kumpanniji prinċipali tagħhom. Huma sostnew li dan id-dannu jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tan-nazzjonalità bi ksur tat-Trattat KE.

31     Fuq bażi sussidjarja, fil-kawża C-397/98, Metallgesellschaft AG u Metallgesellschaft Handel & Beteiligungen AG sostnew li huma kellhom jibbenefikaw minn kreditu fiskali li jikkorrispondi, mill-inqas parzjalment, għall-ACT imħallsa mill-kumpanniji sussidjarji tagħhom residenti fir-Renju Unit, l-istess bħal kumpannija prinċipali residenti fir-Renju Unit, li hija intitolata għal dan il-kreditu fiskali, jew bħal kumpannija prinċipali mhux residenti fir-Renju Unit iżda li hija intitolata għal kreditu fiskali taħt ftehim dwar tassazzjoni doppja.

32     Fil-kawża C-410/98, Hoechst AG titlob fuq bażi sussidjarja li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li Hoechst (UK) Ltd mhijiex intitolata għal rifużjoni ta’ l-interessi dovuti fuq l-ammont imħallas bħala ACT, hija allura għandha tibbenefika minn krediti fiskali li jikkorrispondu għal dik l-ACT jew għal ammont ekwivalenti għall-krediti li tirċievi kumpannija prinċipali residenti fl-Olanda. Skond Hoechst AG, il-fatt li l-leġiżlazzjoni fiskali tar-Renju Unit ma tippermettix l-għoti ta’ krediti fiskali lil kumpanniji prinċipali mhux residenti fuq il-bażi ta’ l-ACT imħallsa mill-kumpanniji sussidjarji tagħhom residenti fir-Renju Unit, ħlief jekk dan ikun previst mill-ftehim dwar tassazzjoni doppja applikabbli, kif jirriżulta fil-każ tal-ftehim bejn ir-Renju Unit u r-Renju ta’ l-Olanda, iżda mhux fil-każ tal-ftehim bejn ir-Renju Unit Unit u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jikkostitwixxi diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bejn kumpanniji prinċipali residenti fid-diversi Stati Membri, li tmur kontra t-Trattat.

 Id-domandi preliminari

33     Peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawżi pendenti quddiemha kienet teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li kienu fformulati b’mod identiku f’kull kawża:

“1)      Fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-digriet ta’ rinviju, il-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tawtorizzax l-għażla tas-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp [li tippermetti l-ħlas ta’ dividendi minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija prinċipali tagħha mingħajr ma tkun suġġetta għall-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji (‘ACT’)] ħlief fil-każ fejn kemm il-kumpannija sussidjarja kif ukoll il-kumpannija prinċipali tagħha jkunu residenti f’dak l-Istat Membru, huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari ma’ l-Artikoli 6, 52, 58 u/jew 73 B tat-Trattat KE?

2)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE hawn fuq imsemmija jagħtu dritt għal kumpens lil kumpannija residenti fi Stat Membru sussidjarja ta’ kumpannija prinċipali li jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor u/jew dritt lill-imsemmia kumpannija prinċipali li titlob somma flus bħala interessi fuq l-ACT imħallsa mill-kumpannija sussidjarja tagħha, fuq il-bażi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx tippermettilha tagħżel is-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp, jew din is-somma tista’ tintalab biss, jekk ikun il-każ, permezz ta’ rikors għal danni fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fis-sentenzi tagħha tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029), u tat-22 ta' April 1997, Sutton (C-66/95, Ġabra p. I-2163); fi kwalunkwe każ, il-qorti nazzjonali hija obbligata li tagħti kumpens minkejja li, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, m’għandhomx jingħataw interessi (kemm jekk direttament jew permezz ta’ kumpens għal danni) fuq somom kapitali li ma jkunux għadhom dovuti lir-rikorrenti?

3)      Fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-digriet ta’ rinviju, il-fatt li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jiċħdu l-benefiċċju ta’ kreditu fiskali lil kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor, filwaqt li jagħtuh lill-kumpanniji residenti u lill-kumpanniji li jkollhom is-sede tagħhom f’ċerti Stati Membri oħra skond id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim dwar tassazzjoni doppja li huma jkunu kkonkludew ma’ dawk l-Istati Membri l-oħra, huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE hawn fuq imsemmija?

4)      F’każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda, l-ewwel Stat Membru kien u jibqa' obbligat matul il-perijodi rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża li jagħti kreditu fiskali lil tali kumpannija taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-kumpanniji residenti jew bħall-kumpanniji residenti fi Stati Membri li jipprovdu għall-benefiċċju ta’ krediti bħal dawn taħt il-ftehim tagħhom dwar tassazzjoni doppja?

5)      Stat Membru huwa intitolat li jinvoka, fil-konfront ta’ tali talba għal kumpens, kreditu fiskali jew danni, il-fatt li t-talba tar-rikorrenti mhijiex fondata, jew li t-talba tagħhom għandha tiġi mnaqqsa, fuq il-bażi li – minkejja d-dispożizzjonijiet kuntrarji tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ─ huma kien imisshom għażlu s-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp, jew talbu kreditu fiskali u appellaw quddiem il-‘Commissioners’ u, jekk meħtieġ, quddiem il-qrati, billi jinvokaw is-supremazija u l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet legali Komunitarji, kontra d-deċiżjoni ta’ l-‘Inspector of Taxes’ li tirrifjuta din l-għażla jew din it-talba?”

34     B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 1998, il-kawżi C-397/98 u C-410/98 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

35     Permezz ta’ l-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 6, 52, 58 u/jew 73 B tat-Trattat jippermettux leġiżlazzjoni fiskali fi Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tagħti lill-kumpanniji residenti f’dak l-Istat Membru l-possibbiltà li jibbenefikaw minn sistema ta’ taxxa li tippermettilhom iħallsu d-dividendi lill-kumpannija prinċipali tagħhom mingħajr ma jkunu suġġetti għall-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji meta l-kumpannija prinċipali tagħhom tkun ukoll residenti f’dak l-Istat Membru u li tirrifjuta dak il-benefiċċju meta l-kumpannija prinċipali tagħhom ikollha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor.

36     Skond Metallgesellschaft et u Hoechst et, il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawżi prinċipali hija tali li tiskoraġġixxi lill-kumpanniji residenti fi Stat Membru ieħor milli jistabbilixxu ruħhom fir-Renju Unit taħt il-forma ta’ kumpanniji sussidjarji u b’hekk tikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata tal-libertà ta’ stabbiliment. Huwa biss fuq bażi sussidjarja li huma jallegaw li din il-leġiżlazzjoni hija wkoll inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital.

37     Għandu jiġi mfakkar fuq bażi preliminari li, skond ġurisprudenza kostanti, għalkemm it-taxxi diretti jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar madankollu għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’mod konformi mad-dritt Komunitarju filwaqt li jastjenu minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità (sentenzi tal-11 ta' Awwissu 1995, Wielockx, C 80/94, Ġabra p. I-2493, punt 16; tas-27 ta’ Ġunju 1996, Asscher, C-107/94, Ġabra p. I-3089, punt 36; tad-29 ta’ April 1999, Royal Bank of Scotland, C-311/97, Ġabra p. I-2651, punt 19, u tat-13 ta' April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 17).

38     Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 6 tat-Trattat, li jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, japplika biss b’mod awtonomu għal sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt Komunitarju li għalihom it-Trattat ma jistabbilixxix regola speċifika kontra d-diskriminazzjoni (sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 305/87, Ġabra p. 1461, punti 12 u 13; tat-12 ta' April 1994, Halliburton Services, C-1/93, Ġabra p. I-1137, punt 12; Royal Bank of Scotland, hawn fuq iċċitata, punt 20, u Baars, hawn fuq iċċitata, punt 23).

39     Issa, huwa paċifiku li l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni ġie implementat, fil-qasam tad-dritt ta’ stabbiliment, permezz ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat (sentenzi Halliburton Services, hawn fuq iċċitata, punt 12; tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos, C-193/94, Ġabra p. I-929, punt 21, u Baars, hawn fuq iċċitata, punt 24).

40     Għaldaqstant, l-Artikolu 6 tat-Trattat ma japplikax fil-kawżi prinċipali. B’hekk, huwa fil-kuntest ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat li għandu jiġi evalwat, fl-ewwel lok, jekk leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali tikkostitwix restrizzjoni mhux iġġustifikata tal-libertà ta’ stabbiliment.

41     L-Artikolu 52 tat-Trattat huwa wieħed mid-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt Komunitarju u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri mit-tmiem tal-perijodu tranżitorju. Skond din id-dispożizzjoni, il-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tinvolvi l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha, kif ukoll id-dritt li persuna tistabbilixxi u tmexxi impriżi taħt il-kundizzjonijiet definiti mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu. Il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment testendi għar-restrizzjonijiet fuq il-ħolqien ta’ aġenziji, fergħat jew kumpanniji sussidjarji għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 13, u Royal Bank of Scotland, hawn fuq iċċitata, punt 22).

42     Skond din id-definizzjoni, il-libertà ta’ stabbiliment tinkludi, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 58 tat-Trattat, għall-kumpanniji stabbiliti b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom ġewwa l-Komunità, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ kumpannija sussidjarja, fergħa jew aġenzija (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 35). Għall-kumpanniji, għandu jiġi osservat f’dan il-kuntest li s-sede tagħhom fis-sens hawn fuq iċċitat isservi sabiex tiġi ddeterminata, l-istess bħan-nazzjonalità fil-każ ta’ persuni naturali, ir-rabta tagħhom mas-sistema legali ta’ Stat (ara s-sentenzi hawn fuq iċċitati ICI, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Saint-Gobain ZN, punt 36). Jekk l-Istat Membru ta’ stabbiliment jitħalla japplika liberament trattament differenti minħabba s-sempliċi fatt li s-sede ta’ kumpannija tkun tinsab fi Stat Membru ieħor, jitneħħa kull effett ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, hawn fuq iċċitata, punt 18).

43     F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawżi prinċipali tintroduċi, f’dak li jirrigwarda l-fakultà li tintgħażel is-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp, differenza fit-trattament bejn kumpanniji sussidjarji residenti fir-Renju Unit skond jekk il-kumpannija prinċipali tagħhom ikollhiex is-sede tagħha fir-Renju Unit jew le. Fil-fatt, il-kumpanniji residenti fir-Renju Unit li huma sussidjarji ta’ kumpanniji li jkollhom is-sede tagħhom fir-Renju Unit jistgħu jibbenefikaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, mis-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp u b’hekk jiġu eżentati mill-obbligu li jħallsu l-ACT meta huma jqassmu dividendi lill-kumpanniji prinċipali tagħhom. Min-naħa l-oħra, dan il-vantaġġ huwa miċħud lill-kumpanniji residenti fir-Renju Unit li huma sussidjarji ta’ kumpanniji li ma jkollhomx is-sede tagħhom fir-Renju Unit, li għalhekk huma, f'kull każ, suġġetti għall-obbligu li jħallsu l-ACT meta huma jħallsu d-dividendi lill-kumpanniji prinċipali tagħhom.

44     M’huwiex ikkontestat li, minħabba dan il-fatt, il-kumpannija sussidjarja ta’ kumpannija prinċipali residenti fir-Renju Unit għandha vantaġġ finanzjarju peress li hija żżomm l-ammonti li kieku kien ikollha tħallas bħala ACT sal-mument meta l-MCT tkun dovuta, jiġifieri għal perijodu ta’ bejn tmien xhur u nofs, bħala minimu, sa sbatax-il xahar u nofs, bħala massimu, skond id-data tat-tqassim, jekk mhux ukoll, meta l-MCT ma tkunx dovuta għall-perijodu finanzjarju in kwistjoni, għal perijodu itwal, peress li l-ACT tista’ tiġi paċuta kontra t-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta għal perijodi finanzjarji ulterjuri.

45     Skond il-Gvernijiet tar-Renju Unit, tal-Finlandja u ta’ l-Olanda, id-differenza fit-trattament fiskali eżistenti bejn kumpanniji sussidjarji residenti fir-Renju Unit skond jekk il-kumpannija prinċipali tagħhom tkunx residenti jew le f’dak l-Istat Membru hija oġġettivament iġġustifikata.

46     L-ewwel nett, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li s-sitwazzjoni tal-kumpanniji sussidjarji residenti ta’ kumpanniji prinċipali residenti mhijiex komparabbli ma’ dik ta’ kumpanniji sussidjarji residenti ta’ kumpanniji prinċipali mhux residenti.

47     Għal dak li jirrigwarda l-kumpanniji sussidjarji residenti ta’ kumpanniji prinċipali residenti, il-Gvern tar-Renju Unit jafferma li, għalkemm l-għażla tas-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp teżenta lill-kumpannija sussidjarja mill-obbligu li tħallas l-ACT meta hija tħallas dividendi lill-kumpannija prinċipali tagħha, dan il-ħlas huwa sempliċement differit fiż-żmien in kwantu l-kumpannija prinċipali, bħala residenti, tkun hija stess obbligata li tħallas l-ACT meta hija twettaq it-tqassim suġġett għal din it-taxxa. L-obbligu li titħallas l-ACT meta jsir il-ħlas tad-dividendi b’hekk jiġi ttrasferit mill-kumpannija sussidjarja lill-kumpannija prinċipali u l-eżenzjoni mill-ACT li minnha tibbenefika l-kumpannija sussidjarja hija kkumpensata mill-fatt li l-kumpannija prinċipali tiġi suġġetta għall-ACT.

48     Għall-kuntrarju, skond il-Gvern tar-Renju Unit, li kieku l-kumpanniji sussidjarji residenti u l-kumpanniji prinċipali tagħhom mhux residenti setgħu jibbenefikaw mis-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp, ebda ACT ma titħallas fir-Renju Unit. Huwa jsostni li kieku dan kien il-każ, il-kumpannija sussidjarja tkun eżenti mill-ħlas ta’ l-ACT meta hija tħallas dividendi lill-kumpannija prinċipali tagħha, mingħajr ma din l-eżenzjoni tkun ikkumpensata mill-ħlas ulterjuri ta’ ACT mill-kumpannija prinċipali mhux residenti meta hija tipproċedi għat-tqassim, peress li din ta’ l-aħħar mhijiex suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit u, għaldaqstant, għall-ACT.

49     Il-Gvern Olandiż isostni li huwa konformi mal-prinċipju tat-territorjalità li Stat Membru jirriżerva għall-kumpanniji prinċipali residenti l-possibbiltà li jagħżlu sistema bħas-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp peress li, għalkemm taħt dik is-sistema l-Istat jirrinunzja d-dritt li jirċievi t-taxxa mingħand il-kumpannija sussidjarja, huwa ma jabbandunax id-dritt tiegħu għal dik it-taxxa safejn din is-sistema sempliċement tittrasferixxi l-ħlas ta’ l-ACT għal livell ieħor fi ħdan l-istess grupp ta’ kumpanniji. Min-naħa l-oħra, li kieku l-eżenzjoni mill-ACT li tirriżulta mis-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp kellha tingħata lill-kumpanniji sussidjarji ta’ kumpanniji prinċipali mhux residenti fir-Renju Unit, ebda ACT ma tinġabar fir-Renju Unit fuq it-tranżazzjonijiet imwettqa fi ħdan il-grupp peress li l-kumpanniji l-oħra tal-grupp jinsabu fi Stat Membru ieħor u m’humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit, u dan ikun ekwivalenti għal evażjoni fiskali.

50     Il-Gvern Finlandiż huwa wkoll tal-fehma li jekk il-kumpanniji sussidjarji ta’ kumpanniji prinċipali mhux residenti fir-Renju Unit jingħataw il-possibbiltà li jagħżlu s-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp, dan ikun jippermettilhom li jevitaw it-taxxa fir-Renju Unit meta l-kumpanniji prinċipali tagħhom ma jkunux suġġetti għat-taxxa f’dak l-Istat Membru.

51     Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

52     Fl-ewwel lok, in kwantu l-ACT bl-ebda mod m’hija taxxa fuq id-dividendi, iżda ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji, m’huwiex minnu li l-għoti tal-possibbiltà lill-kumpanniji sussidjarji residenti ta’ kumpanniji mhux residenti li jagħżlu s-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp jippermetti lill-kumpannija sussidjarja li tevita l-ħlas fir-Renju Unit ta’ kull taxxa fuq il-qligħ imqassam fil-forma ta’ dividendi.

53     Fil-fatt, il-porzjon tat-taxxa fuq il-kumpanniji li l-kumpannija sussidjarja residenti mhijiex obbligata tħallas bil-quddiem meta hija tqassam dividendi lill-kumpannija prinċipali tagħha fil-kuntest tas-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp jitħallas, bħala regola, fil-mument meta ssir dovuta l-MCT li tkun trid titħallas mill-kumpannija sussidjarja. Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-kumpannija sussidjarja residenti ta’ kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor hija suġġetta għall-MCT fir-Renju Unit fir-rigward tal-qligħ tagħha bl-istess mod bħal kumpannija sussidjarja residenti ta’ kumpannija prinċipali li hija wkoll residenti.

54     B’konsegwenza ta’ dan, l-għoti tal-possibbiltà lill-kumpanniji sussidjarji residenti ta’ kumpanniji mhux residenti li jagħżlu s-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp għandu biss l-effett li dawn jitħallew iżommu l-ammonti li altrimenti jkunu dovuti bħala ACT sal-mument meta ssir dovuta l-MCT, u b’hekk li jibbenefikaw mill-istess vantaġġ finanzjarju li minnu jibbenefikaw il-kumpanniji sussidjarji residenti ta’ kumpanniji prinċipali residenti, mingħajr ebda differenza oħra, fuq bażi ta’ stima ugwali, bejn l-ammonti ta’ MCT dovuti mit-tnejn għall-istess perijodu finanzjarju.

55     Fit-tieni lok, il-fatt li kumpannija prinċipali mhux residenti mhux ser tkun suġġetta għall-ACT meta hija stess tqassam dividendi, għall-kuntrarju ta’ kumpannija prinċipali residenti, ma jistax jinġieb bħala argument sabiex kumpannija sussidjarja residenti ta’ kumpannija prinċipali mhux residenti tiġi mċaħħda mill-possibbiltà ta' eżenzjoni mill-ħlas ta’ l-ACT meta hija tħallas dividendi lill-kumpannija prinċipali tagħha.

56     Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-eżenzjoni mill-ACT tal-kumpannija prinċipali mhux residenti tirriżulta mill-fatt li hija mhijiex suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit, peress li hija suġġetta għal din it-taxxa fl-Istat fejn tkun stabbilita. Għaldaqstant huwa loġiku li kumpannija m’għandhiex tħallas bil-quddiem taxxa li għaliha qatt ma ser tkun suġġetta.

57     Fit-tielet lok, fir-rigward tar-riskju ta’ evażjoni fiskali, għandu jiġi mfakkar li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-istabbiliment ta’ kumpannija barra mir-Renju Unit ma jimplikax, fih innifsu, li ser ikun hemm evażjoni fiskali peress li, fi kwalunkwe każ, il-kumpannija in kwistjoni hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ l-Istat fejn tkun stabbilita (sentenza ICI, hawn fuq iċċitata, punt 26).

58     Barra minn hekk, jidher li l-liġi fiskali tar-Renju Unit tippermetti, fir-rigward ta’ kumpanniji prinċipali residenti, li ebda ACT ma titħallas finalment mill-kumpanniji li jkunu għażlu s-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp. Fil-fatt, f’ċerti każijiet, il-kumpannija prinċipali li lilha jkunu tqassmu d-dividendi fil-kuntest ta’ din is-sistema ta’ taxxa ma tħallas ebda ACT hija stess. B’mod partikolari hija tista' ma tagħmel ebda tqassim ta’ dividendi suġġett għall-ACT jew twettaq, fil-kuntest tas-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp, tqassim li altrimenti kien ikun suġġett għall-ACT. Għaldaqstant, l-impożizzjoni ta' l-ACT fuq kumpannija prinċipali residenti ta’ kumpannija sussidjarja residenti lanqas biss tikkumpensa neċessarjament l-eżenzjoni tal-kumpannija sussidjarja tagħha mill-obbligu li tħallas l-ACT li tirriżulta mill-adozzjoni tas-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp.

59     Fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rigward tat-telf finanzjarju li jirriżulta, għall-amministrazzjoni fiskali tar-Renju Unit, mill-għoti tal-possibbiltà lill-kumpanniji sussidjarji residenti ta’¯ kumpanniji prinċipali mhux residenti li jagħżlu s-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp u li b'hekk jiġu eżentati mill-ħlas ta’ l-ACT, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita sew, it-tnaqqis tad-dħul fiskali ma jistax jitqies bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġi invokata sabiex tiġi ġġustifikata miżura li fil-prinċipju tmur kontra libertà fundamentali (ara, fir-rigward ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat, is-sentenza ICI, hawn fuq iċċitata, punt 28).

60     Għaldaqstant, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-Konklużjonijiet tiegħu, id-differenza fis-sistema fiskali applikabbli għall-kumpanniji prinċipali skond jekk ikunux residenti jew le ma tistax tiġġustifika li l-kumpanniji sussidjarji residenti fir-Renju Unit ta’ kumpanniji prinċipali li jkollhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor jiġu mċaħħda minn vantaġġ fiskali li minnu jistgħu jibbenefikaw il-kumpanniji sussidjarji residenti fir-Renju Unit ta’ kumpanniji prinċipali residenti wkoll fir-Renju Unit, peress li dawn il-kumpanniji sussidjarji kollha huma suġġetti għall-MCT fuq il-qligħ tagħhom, mingħajr distinzjoni skond ir-residenza tal-kumpannija prinċipali tagħhom.

61     It-tieni nett, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li r-rifjut li jingħata d-dritt lill-kumpanniji sussidjarji residenti ta’ kumpanniji prinċipali mhux residenti li jagħżlu s-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali tar-Renju Unit.

62     Skond dan il-Gvern, il-prinċipju li fuqu hija bbażata s-sistema fiskali tar-Renju Unit tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ taxxa fuq il-kumpanniji kemm fir-rigward tal- qligħ tagħhom kif ukoll fuq l-azzjonisti ta’ dawn l-istess kumpanniji fir-rigward tal-parti minn dan l-istess qligħ li jitqassam lilhom, jekk ikun il-każ, fil-forma ta’ dividendi. Huwa bil-għan li tiġi mmitigata din it-tassazzjoni doppja f’termini ekonomiċi li l-kumpanniji azzjonarji residenti fir-Renju Unit huma eżentati mit-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tad-dividendi li huma jirċievu mingħand il-kumpanniji sussidjarji tagħhom li jkunu residenti, u din l-eżenzjoni hija kkumpensata mill-impożizzjoni ta’ l-ACT fuq il-ħlas ta’ dividendi mill-kumpanniji sussidjarji lill-kumpanniji prinċipali tagħhom.

63     Il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra li għalhekk teżisti rabta diretta bejn l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji li minnha tibbenefika l-kumpannija prinċipali fir-rigward tad-dividendi li hija tirċievi mingħand il-kumpannija sussidjarja tagħha u l-impożizzjoni ta’ ACT fuq din il-kumpannija sussidjarja meta tħallas dawn l-istess dividendi. Huwa jsostni li r-rekwiżit li titħallas l-ACT mill-kumpannija li tqassam dividendi huwa essenzjali sabiex jiġi ggarantit li, qabel kull għoti ta’ eżenzjoni lill-kumpannija li tibbenefika mid-dividendi, il-kumpannija li tagħmel it-tqassim tiġi ntaxxata fuq l-istess dividendi, irrispettivament minn jekk tkunx suġġetta jew le għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tal-qligħ li tkun għamlet matul il-perijodu finanzjarju li matulu jkunu tqassmu d-dividendi.

64     Fil-każ li l-kumpannija sussidjarja residenti ma tkunx obbligata tħallas l-ACT meta hija tħallas id-dividendi peress li tkun għażlet, flimkien mal-kumpannija prinċipali residenti, is-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp, hija l-ACT imħallsa mill-kumpannija prinċipali meta hija stess tiġi biex tqassam id-dividendi li tikkumpensa l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tad-dividendi li tkun irċeviet il-kumpannija prinċipali benefiċjarja.

65     Skond il-Gvern tar-Renju Unit, jekk tiġi awtorizzata eżenzjoni ta’ l-ACT meta jsir ħlas ta’ dividendi mill-kumpannija sussidjarja residenti lill-kumpannija prinċipali tagħha mhux residenti, dan ikun ifisser li l-eżenzjoni fiskali mogħtija lill-kumpannija prinċipali fir-rigward tad-dividendi li hija tirċievi ma tkun ikkumpensata minn ebda taxxa imposta fuq il-ħlas ta’ dawn id-dividendi, ħaga li din hija inkompatibbli mal-koerenza tas-sistema fiskali tar-Renju Unit.

66     Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

67     Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ħtieġa li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali tista’ tiġġustifika leġiżlazzjoni ta' natura li tillimita l-libertajiet fundamentali (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann, C-204/90, Ġabra p. I-249, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-300/90, Ġabra p. I-305).

68     Dan madankollu mhuwiex il-każ fil-kawża preżenti.

69     Filwaqt li, fil-kawżi Bachmann u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, hawn fuq iċċitati, kienet teżisti rabta diretta bejn il-possibbiltà li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni ta' l-anzjanità u tal-ħajja u l-intaxxar tas-somom imħallsa taħt dawk il-kuntratti, rabta li kellha tinżamm sabiex titħares il-koerenza tas-sistema fiskali in kwistjoni, ebda rabta diretta ta’ dan it-tip ma teżisti fil-każ preżenti bejn, minn naħa, ir-rifjut li tingħata l-possibbiltà lill-kumpanniji sussidjarji fir-Renju Unit ta’ kumpanniji prinċipali mhux residenti li jiġu eżentati mill-obbligu li jħallsu l-ACT billi jagħżlu s-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp u, min-naħa l-oħra, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit tal-kumpanniji prinċipali li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor li jirċievu dividendi mingħand il-kumpanniji sussidjarji tagħhom fir-Renju Unit.

70     Fil-fatt, il-kumpanniji prinċipali, kemm jekk ikunu residenti u kemm jekk le, huma eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit fir-rigward tad-dividendi li jirċievu mingħand il-kumpanniji sussidjarji residenti tagħhom. M’huwiex rilevanti għall-finijiet ta’ l-għoti ta’ vantaġġ fiskali bħall-eżenzjoni mill-ħlas ta’ l-ACT li tirriżulta mis-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp li, għall-kumpanniji prinċipali residenti, din l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji hija intiża sabiex tevita t-tassazzjoni doppja tal-qligħ tal-kumpannija sussidjarja fir-Renju Unit u li, għall-kumpanniji prinċipali mhux residenti, din l-eżenzjoni tirriżulta mis-sempliċi fatt li dawn il-kumpanniji m’humiex fi kwalunkwe każ suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji f’dan l-Istat Membru, peress li huma suġġetti għal din it-taxxa fl-Istat fejn huma stabbiliti.

71     Mill-bqija, l-unika taxxa fir-Renju Unit li għaliha hija suġġetta kumpannija prinċipali mhux residenti fir-rigward tad-dividendi li tkun irċeviet mingħand il-kumpannija sussidjarja residenti tagħha hija t-taxxa fuq id-dħul, iżda din tkun dovuta skond jekk ikunux ingħataw krediti fiskali li jistgħu jkunu previsti taħt ftehim dwar tassazzjoni doppja bejn ir-Renju Unit u l-Istat ta’ residenza tal-kumpannija prinċipali.

72     Fil-każ tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, it-taxxa fuq id-dħul mhijiex dovuta fir-Renju Unit mingħand kumpanniji prinċipali residenti fil-Ġermanja fir-rigward tad-dividendi li jirċievu mingħand il-kumpanniji sussidjarji tagħhom residenti fir-Renju Unit, peress li l-ftehim dwar tassazzjoni doppja ffirmat bejn ir-Renju Unit Unit u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jipprovdix għal krediti fiskali li jikkorrispondu għall-ACT imħallsa mill-kumpanniji sussidjarji.

73     Għaldaqstant, iċ-ċaħda tad-dritt li tintgħażel is-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp lill-kumpanniji sussidjarji residenti fir-Renju Unit ta’ kumpanniji prinċipali residenti fi Stat Membru ieħor ma tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet relatati mal-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema fiskali tar-Renju Unit.

74     Barra minn hekk, il-fatt li fil-frattemp l-ACT tneħħiet jindika li l-ħlas tagħha ma kienx indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit.

75     Peress li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital jipprekludux ukoll tali leġiżlazzjoni.

76     Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 52 tat-Trattat ma jippermettix leġiżlazzjoni fiskali ta' Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tagħti lill-kumpanniji residenti f’dak l-Istat Membru l-possibbiltà li jibbenefikaw minn sistema ta’ taxxa li tippermettilhom li jħallsu d-dividendi lill-kumpannija prinċipali tagħhom mingħajr ma jkunu suġġetti għall-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji meta l-kumpannija prinċipali tagħhom tkun ukoll residenti f’dak l-Istat Membru u li ċċaħħadhom minn dan il-benefiċċju meta l-kumpannija prinċipali tagħhom ikollha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

77     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, it-tieni domanda tirrigwarda essenzjalment jekk l-Artikolu 52 tat-Trattat għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta kumpannija sussidjarja residenti fl-Istat Membru kkonċernat u l-kumpannija prinċipali tagħha, li jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, ikunu ġew indebitament imċaħħda mill-benefiċċju ta’ sistema fiskali li kienet tippermetti lil din ta’ l-ewwel li tħallas dividendi lil din ta’ l-aħħar mingħajr ma tkun suġġetta għall-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji, dik il-kumpannija sussidjarja u/jew il-kumpannija prinċipali tagħha għandhom id-dritt li jingħataw somma ugwali għall-interessi li jkunu skorrew fuq il-ħlasijiet bil-quddiem li jkunu saru mill-kumpannija sussidjarja mid-data ta’ l-imsemmija ħlasijiet sad-data ta' meta t-taxxa ssir dovuta, anki jekk il-liġi nazzjonali tipprojbixxi l-għoti ta’ interessi fuq somma prinċipali li ma tkunx dovuta. Il-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda kemm fl-ipoteżi li t-talba tal-kumpannija sussidjarja u/jew tal-kumpannija prinċipali ssir fil-kuntest ta’ rikors għal rifużjoni tat-taxxi mħallsa bi ksur tad-dritt Komunitarju u kemm fl-ipoteżi li t-talba ssir fil-kuntest ta’ rikors għall-kumpens tad-danni li jirriżultaw mill-ksur tad-dritt Komunitarju.

78     F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit isostni, fl-ewwel lok, li, jekk jiġi kkunsidrat li r-rifjut li jingħata l-benefiċċju tas-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp lill-kumpanniji sussidjarji residenti fir-Renju Unit ta’ kumpanniji prinċipali mhux residenti jmur kontra d-dritt Komunitarju, id-dritt Komunitarju jeżiġi li dan il-ksur jiġi rrimedjat mhux permezz ta’ rikors għal rifużjoni, iżda permezz ta’ rikors għar-responsabbiltà ta’ l-Istat għad-danni kkawżati minħabba ksur tad-dritt Komunitarju. Skond l-istess gvern, fil-fatt, l-ACT mhijiex taxxa imposta bi ksur tad-dritt Komunitarju, peress li l-kumpanniji sussidjarji huma fi kwalunkwe każ obbligati li jħallsu bħala MCT l-ammonti mħallsa bħala ACT. Huwa jsostni li huwa l-fatt li l-leġiżlatur tar-Renju Unit naqas milli jipprovdi għall-possibbiltà li kumpannija sussidjarja residenti u kumpannija prinċipali mhux residenti jkunu jistgħu jagħżlu s-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp li ta lok għall-kwistjonijiet fil-kawżi prinċipali u li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tar-Renju Unit. Issa, fis-sentenza Sutton, hawn fuq iċċitata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li, f’każ ta’ danni kkawżati bi ksur ta’ direttiva, id-dritt Komunitarju ma jeħtieġx li Stat Membru jħallas ammont li jikkorrispondi għall-interessi fuq somma mħallsa tard, f’dak il-każ l-arretrati ta’ ħlasijiet tas-sigurtà soċjali. Minn dan, il-Gvern tar-Renju Unit jikkonkludi li d-dritt Komunitarju ma jeħtieġx li jitħallsu l-interessi fir-rigward tat-telf ta’ l-użu ta’ somma flus għal ċertu perijodu minħabba l-ġbir qabel il-waqt ta’ taxxa bi ksur tad-dritt Komunitarju.

79     Fit-tieni lok, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li, anki jekk it-talbiet tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jitqiesu bħala talbiet għal rifużjoni ta’ somom miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju, dawn it-talbiet ma jistgħux jintlaqgħu peress li, skond ġurisprudenza kostanti, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina jekk humiex dovuti interessi fir-rigward ta’ rifużjoni ta’ taxxi miġbura indebitament fir-rigward tad-dritt Komunitarju. Issa, taħt il-liġi Ingliża, id-dritt għall-interessi jiddependi minn jekk il-proċedura tkunx infetħet qabel il-ħlas ta’ l-ammont li fuqu jkunu ntalbu l-interessi.

80     Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma jistgħux jippretendu interessi la fir-rigward ta’ talba ta’ rifużjoni u lanqas fir-rigward ta’ talba għal danni in kwantu l-ammonti prinċipali ġew rimborsati permezz ta’ tpaċija ta' l-ACT kontra s-somom dovuti bħala MCT, pagabbli mill-kumpanniji sussidjarji qabel il-ftuħ tal-proċedura.

81     Għandu jiġi ppreċiżat li mhuwiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkwalifika legalment ir-rikorsi mressqa mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-każ preżenti, huma Metallgesellschaft et u Hoechst et li għandhom jippreċiżaw in-natura u l-bażi ta’ l-azzjoni tagħhom (talba għal rifużjoni jew talba għall-kumpens tad-danni), suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tar-rinviju.

82     Fl-ewwel lok, fl-ipoteżi li t-talbiet tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jitqiesu bħala talbiet għal rifużjoni ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju, il-kwistjoni hija jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, il-ksur ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat minn Stat Membru jagħtix lill-persuni taxxabbli dritt għar-rifużjoni ta’ l-interessi li jkunu skorrew fuq it-taxxa li huma jkunu ħallsu mid-data tal-ħlas tagħha qabel il-waqt sad-data ta' meta ssir verament dovuta.

83     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kawżi prinċipali, il-ksur tad-dritt Komunitarju ma jirriżultax mill-fatt li taxxa tiġi imposta fir-Renju Unit meta jsir ħlas ta’ dividendi minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija prinċipali tagħha, iżda mill-fatt li l-kumpanniji sussidjarji residenti fir-Renju Unit ta’ kumpanniji prinċipali li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor ġew obbligati li jħallsu din it-taxxa bil-quddiem filwaqt li l-kumpanniji sussidjarji residenti ta’ kumpanniji prinċipali residenti kellhom il-possibbiltà li jevitaw dan l-obbligu.

84     Skond ġurisprudenza stabbilita sew, id-dritt għal rifużjoni ta’ taxxi mħallsa fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju jirriżulta minn u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet Komunitarji kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, Ġabra p. 3595, punt 12; tat-2 ta’ Frar 1988, Barra, 309/85, Ġabra p. 355, punt 17; tas-6 ta’ Lulju 1995, BP Soupergaz, C-62/93, Ġabra p. I-1883, punt 40; tad-9 ta’ Frar 1999, Dilexport, C-343/96, Ġabra p. I-579, punt 23, u tal-21 ta’ Settembru 2000, Michaïlidis, C-441/98 u C-442/98, Ġabra p. I-7145, punt 30). Għalhekk, fil-prinċipju, l-Istat Membru huwa obbligat jħallas lura t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju (sentenzi ta’ l-14 ta’ Jannar 1997, Comateb et, C-192/95 sa C-218/95, Ġabra p. I-165, punt 20, Dilexport, hawn fuq iċċitata, punt 23, u Michaïlidis, hawn fuq iċċitata, punt 30).

85     Fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji dwar ir-rifużjoni ta’ taxxi nazzjonali miġbura indebitament, hija s-sistema ġuridika interna ta’ kull Stat Membru li għandha tinnomina l-qrati kompetenti u tistabbilixxi r-rekwiżiti proċedurali li jirregolaw azzjonijiet legali sabiex jiġu protetti d-drittijiet li għandhom l-individwi taħt id-dritt Komunitarju, sakemm, minn naħa, dawn il-proċeduri ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, sakemm ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis, C-231/96, Ġabra p. I-4951, punti 19 u 34; Spac, C-260/96, Ġabra p. I-4997, punt 18; tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile, C-228/96, Ġabra p. I-7141, punt 18, u Dilexport, hawn fuq iċċitata, punt 25).

86     Huwa wkoll id-dritt nazzjonali li għandu jirregola l-kwistjonijiet kollha aċċessorji relatati mar-rifużjoni ta’ taxxi miġbura indebitament, bħall-ħlas eventwali ta’ interessi, inkluża d-data minn meta dawn għandhom jibdew jiġu kkalkulati u r-rati tagħhom (sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1976, Roquette frères vs Il-Kummissjoni, 26/74, Ġabra p. 677, punti 11 u 12, u tat-12 ta’ Ġunju 1980, Express Dairy Foods, 130/79, Ġabra p. 1887, punti 16 u 17).

87     Fil-kawżi prinċipali, madankollu, it-talba għall-ħlas ta’ interessi li jkopru t-telf ta’ l-użu ta’ l-ammonti mħallsa bħala ACT mhijiex waħda aċċessorja, iżda tikkostitwixxi s-suġġett stess tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fejn il-ksur tad-dritt Komunitarju ma jirriżultax mill-ħlas tat-taxxa nnifisha iżda mill-fatt li din tħallset qabel il-waqt, l-għoti ta’ interessi jirrappreżenta “rifużjoni” ta’ dak li tħallas indebitament u jidher li huwa indispensabbli sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid it-trattament ugwali ggarantit mill-Artikolu 52 tat-Trattat.

88     Peress li l-qorti tar-rinviju ddikjarat li huwa kkontestat jekk il-liġi Ingliża tipprovdix kumpens għat-telf li jirriżulta mill-indisponibbiltà ta’ somom ta’ flus meta s-somma prinċipali ma tkunx għadha dovuta, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest ta' rikors għal rifużjoni, is-somma prinċipali dovuta hija preċiżament l-ammont ta’ interessi li kienet tiġġenera s-somma li tkun saret indisponibbli minħabba l-ħlas qabel il-waqt tat-taxxa.

89     Konsegwentement, l-Artikolu 52 tat-Trattat jagħti lil kumpannija sussidjarja residenti fir-Renju Unit u/jew lill-kumpannija prinċipali tagħha li jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor id-dritt li tikseb l-interessi li jkunu skorrew fuq l-ACT imħallsa mill-kumpannija sussidjarja matul il-perijodu bejn il-ħlas ta’ l-ACT u d-data meta eventwalment issir dovuta l-MCT, u l-ħlas lura ta' din is-somma jista’ jintalab permezz ta’ rikors għal rifużjoni.

90     Fit-tieni lok, fl-ipoteżi li t-talbiet tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jitqiesu bħala talbiet għall-kumpens tad-dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt Komunitarju, il-kwistjoni hija jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, il-ksur ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat minn Stat Membru jagħtix dritt lill-persuni taxxabbli għall-ħlas ta’ danni f’ammont ugwali għall-interessi li jkunu skorrew fuq it-taxxa li huma jkunu ħallsu mid-data tal-ħlas qabel il-waqt tagħha sad-data meta hija kienet verament dovuta.

91     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 87 tas-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, hawn fuq iċċitata, l-esklużjoni totali tat-telf ta’ qligħ bħala ħsara li tista’ tiġi rrimedjata ma tistax tiġi aċċettata f’każ ta’ ksur tad-dritt Komunitarju, peress li, b’mod speċjali fir-rigward ta’ kawżi ta’ natura ekonomika jew kummerċjali, tali esklużjoni totali tat-telf ta’ qligħ hija ta' natura tali li tagħmel effettivament impossibbli l-irrimedjar tad-dannu.

92     F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li m’għandhomx jitħallsu interessi lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jekk huma jkunu talbu kumpens permezz ta’ rikors għal danni.

93     Huwa minnu li fis-sentenza Sutton, hawn fuq iċċitata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-direttiva Komunitarja in kwistjoni f’dik il-kawża kienet tagħti biss dritt għall-ħlas tal-benefiċċji li l-persuna kien ikollha dritt għalihom fin-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u li l-ħlas ta’ interessi fuq l-arretrati ta’ benefiċċji mħallsa tardivament ma kienx komponent essenzjali tad-dritt hekk definit. Madankollu, fil-kawżi prinċipali, huma preċiżament l-interessi li jirrappreżentaw dak li kien ikun disponibbli għar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fin-nuqqas ta’ inugwaljanza fit-trattament u li jikkostitwixxu l-komponent essenzali tad-dritt rikonoxxut fil-konfront tagħhom.

94     Barra minn hekk, fil-punti 23 sa 25 tas-sentenza Sutton, hawn fuq iċċitata, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali f’dak il-każ u dawk tas-sentenza tat-2 ta' Awwissu 1993, Marshall, magħrufa bħala “Marshall II” (C-271/91, Ġabra p. I-4367). F’din l-aħħar kawża, li kienet tirrigwarda l-għoti ta’ interessi fuq l-ammonti dovuti bħala kumpens għal dannu soffert minħabba sensja diskriminatorja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kumpens sħiħ tad-dannu soffert ma setax ma jikkunsidrax ċerti elementi, fosthom iż-żmien li jkun għadda, li jistgħu jnaqqsu l-valur tal-kumpens u li l-għoti ta’ interessi huwa komponent indispensabbli tal-kumpens li jippermetti li jiġi stabbilit mill-ġdid b’mod effettiv it-trattament ugwali (sentenza Marshall II, hawn fuq iċċitata, punti 24 sa 32). L-għoti ta’ interessi f’dak il-każ tqies bħala komponent indispensabbli tal-kumpens meħtieġ mid-dritt Komunitarju f’każ ta’ sensja diskriminatorja.

95     F’ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-għoti ta’ interessi b’hekk jidher indispensabbli sabiex jiġi rrimedjat id-dannu kkawżat mill-ksur ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat.

96     Bħala konsegwenza, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li:

–       meta kumpannija sussidjarja residenti fi Stat Membru tkun ġiet suġġetta għall-obbligu li tħallas bil-quddiem taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tad-dividendi mħallsa lill-kumpannija prinċipali tagħha li jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor filwaqt li, f’ċirkustanzi simili, il-kumpanniji sussidjarji ta’ kumpanniji prinċipali residenti fl-ewwel Stat Membru setgħu jagħżlu sistema ta’ taxxa li teżenthom minn dan l-obbligu, l-Artikolu 52 tat-Trattat jeħtieġ li l-kumpanniji sussidjarji residenti u l-kumpanniji prinċipali tagħhom mhux residenti jibbenefikaw minn rimedju effettiv sabiex jingħataw rifużjoni jew kumpens tat-telf finanzjarju li jkunu sofrew bi gwadann għall-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru kkonċernat minħabba ħlas bil-quddiem tat-taxxa mill-kumpanniji sussidjarji.

–       Is-sempliċi fatt li dan ir-rikors ikollu bħala skop waħdieni l-ħlas ta' l-interessi li jikkorrispondu għat-telf finanzjarju soffert minħabba l-indisponibbiltà tas-somom imħallsa qabel il-waqt ma jikkostitwixxix raġuni sabiex jiġi miċħud dak ir-rikors.

–       Għalkemm, fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji, hija s-sistema ġuridika interna ta’ l-Istat Membru kkonċernat li għandha tirregola l-proċeduri għal tali rikorsi, inklużi kwistjonijiet aċċessorji bħall-ħlas eventwali ta’ interessi, dawk ir-regoli ma jistgħux jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi preliminari

97     Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda preliminari, mhuwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domandi.

 Fuq il-ħames domanda preliminari

98     Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt Komunitarju jippermettix li qorti nazzjonali tiċħad jew tnaqqas talba mressqa quddiemha minn kumpannija sussidjarja residenti u l-kumpannija prinċipali mhux residenti tagħha, bil-għan li tingħata rifużjoni jew kumpens tat-telf finanzjarju li hija tkun sofriet minħabba ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-kumpannija sussidjarja, għas-sempliċi raġuni li huma ma jkunux talbu lill-amministrazzjoni fiskali sabiex jibbenefikaw mis-sistema ta’ taxxa li kienet teżenta lill-kumpannija sussidjarja mill-obbligu ta’ ħlas bil-quddiem u li b’hekk ma jkunux użaw ir-rimedji legali li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ l-amministrazzjoni fiskali, billi jinvokaw is-supremazija u l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet legali Komunitarji, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tirrifjuta f'kullkaż il-benefiċċju ta’ dik is-sistema ta’ taxxa lill-kumpanniji sussidjarji residenti u lill-kumpanniji prinċipali tagħhom mhux residenti.

99     Skond il-Gvern tar-Renju Unit, jekk ir-rifjut li jingħata l-benefiċċju tas-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp lill-kumpanniji sussidjarji residenti fir-Renju Unit ta’ kumpanniji prinċipali mhux residenti jitqies li jmur kontra d-dritt Komunitarju, ir-rimedju legali xieraq sabiex issir talba hija rikors intiż sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ l-Istat b’mod konformi mal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, hawn fuq iċċitata. Huwa jallega li kontra tali rikorsi għal danni huwa jista' jeċċepixxi n-nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, peress li ma talbux mill-bidu sabiex jibbenefikaw mis-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp, li kienet tippermettilhom jikkontestaw ir-rifjut ta’ l-amministrazzjoni fiskali u jinvokaw is-supremazija u l-effett dirett tad-dritt Komunitarju bil-għan li jiksbu, b’mod partikolari, rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja ma' l-ewwel opportunità.

100   Għandu jiġi enfasizzat li dan l-argument mhuwiex ibbażat fuq l-eżistenza fil-liġi nazzjonali ta’ xi regola ta’ preskrizzjoni jew limitazzjoni.

101   Fil-fatt, il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra li l-pożizzjoni tiegħu hija fondata, b’mod partikolari fir-rigward tas-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, hawn fuq iċċitata (punti 84 u 85), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skond prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi ġuridiċi ta’ l-Istati Membri, il-persuna leża, li tkun fir-riskju li tbati d-dannu hija stess, għandha tagħti prova ta’ diliġenza raġonevoli sabiex tillimita l-portata tad-dannu u, għaldaqstant, li, sabiex jiġi ddeterminat id-dannu li għandu jiġi kkumpensat, il-qorti nazzjonali tista’ tivverifika jekk il-persuna leża tatx prova ta’ diliġenza raġonevoli sabiex tevita d-dannu jew sabiex tillimita l-portata tiegħu u jekk, b’mod partikolari, għamiltx użu tempestiv tar-rimedji legali kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha.

102   Għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li t-talbiet bħal dawk fil-kawżi prinċipali huma suġġetti għar-regoli proċedurali nazzjonali, li jistgħu b’mod partikolari jeħtieġu li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jaġixxu b’diliġenza raġonevoli sabiex jiġi evitat id-dannu jew sabiex tiġi llimitata l-portata tiegħu.

103   Għandu jingħad, fit-tieni lok, li mhuwiex ikkontestat li fil-kawżi prinċipali, il-leġiżlazzjoni fiskali tar-Renju Unit irrifjutat b’mod ċar lill-kumpanniji sussidjarji residenti ta’ kumpanniji prinċipali mhux residenti l-benefiċċju tas-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp, b’mod li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma jistgħux jiġu akkużati li naqsu milli jindikaw l-intenzjoni tagħhom li jagħżlu s-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp. Skond id-digrieti ta’ rinviju, mhuwiex ikkontestat li, kieku r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali talbu li jibbenefikaw minn din is-sistema ta’ taxxa, it-talba tagħhom kienet tiġi miċħuda mill-“Inspector of Taxes”, peress li l-kumpanniji prinċipali ma kinux residenti fir-Renju Unit.

104   Fl-aħħar lok, mid-digrieti ta’ rinviju jirriżulta li tali deċiżjoni ta’ rifjut mill-amministrazzjoni fiskali setgħet tiġi kkontestata quddiem l-“iSpecial Commissioners” jew quddiem il-“General Commissioners” u sussegwentement, jekk ikun il-każ, quddiem il-High Court. Skond il-qorti tar-rinviju, minn naħa, qabel setgħet tittieħed deċiżjoni dwar rikors ta’ dan it-tip, il-kumpanniji sussidjarji xorta kien ser ikollhom iħallsu l-ACT fuq id-dividendi kollha mqassma minnhom u, min-naħa l-oħra, f’każ li r-rikors tagħhom kien jiġi milqugħ, huma ma kinux ser jikbsu rifużjoni ta’ l-ACT, peress li dan id-dritt ta’ rifużjoni ma jeżistix taħt il-liġi Ingliża. Kieku l-kumpanniji sussidjarji għażlu li ma jħallsux l-ACT fuq id-dividendi mqassma qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar ir-rikors tagħhom, huma xorta waħda kienu jkunu suġġetti għall-ACT, kien ikollhom iħallsu l-interessi fuq dawk is-somom u kienu jkunu esposti għall-possibbiltà ta' multa jekk l-aġir tagħhom jitqies bħala negliġenti u mingħajr raġuni valida.

105   Għaldaqstant jidher li, fil-kawżi prinċipali, il-Gvern tar-Renju Unit jakkuża lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali b’nuqqas ta’ diliġenza in kwantu ma kkontestawx fi stadju aktar kmieni, permezz ta’ rimedji legali oħra minbarra dawk li rrikorrew għalihom, il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrifjutaw vantaġġ fiskali lill-kumpanniji sussidjarji ta’ kumpanniji prinċipali mhux residenti. Huwa b’hekk jilmenta li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali mxew mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u ħallsu l-ACT mingħajr ma applikaw sabiex jingħataw il-benefiċċju tas-sistema ta’ taxxa fuq il-grupp u mingħajr ma użaw ir-rimedji legali għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jikkontestaw ir-rifjut inevitabbli mill-amministrazzjoni fiskali ta’ l-applikazzjoni tagħhom.

106   Iżda l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet direttament applikabbli tad-dritt Komunitarju jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli jekk it-talbiet tagħhom għal rifużjoni jew it-talbiet tagħhom għal kumpens fuq il-bażi ta’ ksur tad-dritt Komunitarju kienu ser jiġu miċħuda jew imnaqqsa għas-sempliċi raġni li l-individwi ma kinux talbu li jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali li kien miċħud lilhom mil-liġi nazzjonali, bil-għan li jikkontestaw ir-rifjut ta’ l-amministrazzjoni fiskali permezz tar-rimedji legali previsti għal dan l-iskop billi jinvokaw is-supremazija u l-effett dirett tad-dritt Komunitarju.

107   Għalhekk, ir-risposta għall-ħames domanda preliminari għandha tkun li d-dritt Komunitarju ma jippermettix li qorti nazzjonali tiċħad jew tnaqqas it-talba mressqa quddiemha minn kumpannija sussidjarja residenti u l-kumpannija prinċipali mhux residenti tagħha, bil-għan li tingħata rifużjoni jew kumpens tat-telf finanzjarju li hija tkun sofriet minħabba ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-kumpannija sussidjarja, għas-sempliċi raġuni li huma ma jkunux talbu lill-amministrazzjoni fiskali sabiex jibbenefikaw mis-sistema ta’ taxxa li kienet teżenta lill-kumpannija sussidjarja mill-obbligu ta’ ħlas bil-quddiem u li b’hekk m’użawx ir-rimedji legali li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ l-amministrazzjoni fiskali, billi jinvokaw is-supremazija u l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet legali Komunitarji, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tirrifjuta f'kull każ il-benefiċċju ta’ dik is-sistema ta’ taxxa lill-kumpanniji sussidjarji residenti u lill-kumpanniji prinċipali tagħhom mhux residenti.

 Fuq l-ispejjeż

108   L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet tar-Renju Unit, tal-Ġermanja, ta' l-Olanda u tal-Finlandja kif ukoll mill-Kummissjoni, għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

b’risposta għad-domandi rrinvjati lilha mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, b'digrieti tat-2 ta' Ottubru 1998, taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 43 KE) ma jippermettix leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tagħti lill-kumpanniji residenti f’dak l-Istat Membru l-possibbiltà li jibbenefikaw minn sistema ta’ taxxa li tippermettilhom li jħallsu d-dividendi lill-kumpannija prinċipali tagħhom mingħajr ma jkunu suġġetti għall-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji meta l-kumpannija prinċipali tagħhom tkun ukoll residenti f’dak l-Istat Membru u li ċċaħħadhom minn dan il-benefiċċju meta l-kumpannija prinċipali tagħhom ikollha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor.

2)      Meta kumpannija sussidjarja residenti fi Stat Membru tkun ġiet suġġetta għall-obbligu li tħallas bil-quddiem taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tad-dividendi mħallsa lill-kumpannija prinċipali tagħha li jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor filwaqt li, f’ċirkustanzi simili, il-kumpanniji sussidjarji ta’ kumpanniji prinċipali residenti fl-ewwel Stat Membru setgħu jagħżlu sistema ta’ taxxa li teżenthom minn dan l-obbligu, l-Artikolu 52 tat-Trattat jeħtieġ li l-kumpanniji sussidjarji residenti u l-kumpanniji prinċipali tagħhom mhux residenti jibbenefikaw minn rimedju effettiv sabiex jingħataw rifużjoni jew kumpens tat-telf finanzjarju li jkunu sofrew bi gwadann għall-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru kkonċernat minħabba ħlas bil-quddiem tat-taxxa mill-kumpanniji sussidjarji.

Is-sempliċi fatt li dan ir-rikors ikollu bħala skop waħdieni l-ħlas ta' l-interessi li jikkorrispondu għat-telf finanzjarju soffert minħabba l-indisponibbiltà tas-somom imħallsa qabel il-waqt ma jikkostitwixxix raġuni sabiex jiġi miċħud dak ir-rikors.

Għalkemm, fin-nuqqas ta’ regolamentazzjoni Komunitarja, hija s-sistema ġuridika interna ta’ l-Istat Membru kkonċernat li għandha tirregola l-proċeduri għal tali rikorsi, inklużi kwistjonijiet aċċessorji bħall-ħlas eventwali ta’ interessi, dawk ir-regoli ma jistgħux jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

3)      Id-dritt Komunitarju ma jippermettix li qorti nazzjonali tiċħad jew tnaqqas it-talba mressqa quddiemha minn kumpannija sussidjarja residenti u l-kumpannija prinċipali mhux residenti tagħha, bil-għan li tingħata rifużjoni jew kumpens tat-telf finanzjarju li hija tkun sofriet minħabba ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-kumpannija sussidjarja, għas-sempliċi raġuni li huma ma jkunux talbu lill-amministrazzjoni fiskali sabiex jibbenefikaw mis-sistema ta’ taxxa li kienet teżenta lill-kumpannija sussidjarja mill-obbligu ta’ ħlas bil-quddiem u li b’hekk m’użawx ir-rimedji legali li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ l-amministrazzjoni fiskali, billi jinvokaw is-supremazija u l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet legali Komunitarji, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tirrifjuta f'kull każ il-benefiċċju ta’ dik is-sistema ta’ taxxa lill-kumpanniji sussidjarji residenti u lill-kumpanniji prinċipali tagħhom mhux residenti.

La Pergola

Wathelet

Edward

Jann

 

      Sevón

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta' Marzu 2001.

Reġistratur

 

      Il-President tal-Ħames Awla

R. Grass

 

       A. La Pergola


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq