This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023BP1972
Resolution (EU) 2023/1972 of the European Parliament of 10 May 2023 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget of the European High Performance Computing Joint Undertaking for the financial year 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1972 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew għas-sena finanzjarja 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1972 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew għas-sena finanzjarja 2021
ĠU L 242, 29.9.2023, p. 570–575
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 242/570 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1972 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-10 ta’ Mejju 2023
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew għas-sena finanzjarja 2021
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew għas-sena finanzjarja 2021, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0089/2023), |
A. |
billi l-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (l-“Impriża Konġunta”) ġiet stabbilita f’Ottubru 2018 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2026 (1) u saret awtonoma f’Settembru 2020; |
B. |
billi f’Lulju 2021, il-Kunsill adotta regolament fundatur ġdid li jestendi t-tul ta’ żmien tal-Impriża Konġunta taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027, għal perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2033 (2) bil-missjoni tiġi żviluppata, implimentata, estiża u miżmuma fl-Unjoni ekosistema tal-infrastruttura tas-supercomputing, tal-computing kwantistiku, tas-servizzi u tad-data li tkun fuq quddiem nett fid-dinja, federata, sigura u iperkonnessa, u biex jiġu appoġġjati l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ sistemi tas-supercomputing innovattivi u kompetittivi orjentati lejn id-domanda u mmexxija mill-utenti bbażati fuq katina tal-provvista li tiżgura komponenti, teknoloġiji u għarfien li jillimitaw ir-riskju ta’ tfixkil u l-iżvilupp ta’ firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet ottimizzati għal dawn is-sistemi, kif ukoll biex jitwessa’ l-użu ta’ dik l-infrastruttura tas-supercomputing għal għadd kbir ta’ utenti pubbliċi u privati, u biex jiġu appoġġjati t-tranżizzjoni doppja u l-iżvilupp ta’ ħiliet ewlenin għax-xjenza u l-industrija Ewropej; |
C. |
billi l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Parteċipanti (3), u żewġ sħab privati, irrappreżentati mill-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u l-assoċjazzjonijiet tal-Valur tal-Big Data; billi fi tmiem l-2021, il-bord ta’ tmexxija tal-Impriża Konġunta aċċetta t-talba għal sħubija ta’ sieħeb privat terz, il-Konsorzju Ewropew tal-Industrija Quantum; |
D. |
billi l-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta (inklużi l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE) skont ir-Regolament (UE) 2021/1173 għandha tammonta għal EUR 3,081 biljun, inklużi EUR 92 miljun għall-ispejjeż, dment li dak l-ammont ikun daqs jew inqas mill-kontribuzzjoni tal-Istati Parteċipanti; |
Aspetti ġenerali
1. |
Jilqa’ l-fatt li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (ir-“rapport tal-Qorti”) sab li l-kontijiet tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2021, ir-riżultati tal-operat tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li tkun intemmet, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jenfasizza l-fatt li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; |
2. |
Jinnota, madankollu, li l-Qorti qieset ir-riskju għall-affidabbiltà tal-kontijiet annwali bħala medju, minħabba li l-proċeduri rigward ir-rikonoxximent u l-ġestjoni tal-assi għadhom ma ġewx stabbiliti, u minħabba r-rekwiżiti għar-rappurtar, iċ-ċertifikazzjoni u l-validazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri tagħha; |
3. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta se tirċievi finanzjament addizzjonali ta’ madwar EUR 2 biljun mill-programm Ewropa Diġitali, kif ukoll fondi addizzjonali ta’ EUR 200 miljun mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jiġu appoġġjati l-akkwiżizzjoni, l-implimentazzjoni, it-titjib u l-operat tal-infrastrutturi għas-superkompjuters u l-kompjuters kwantistiċi; |
4. |
Jirrikonoxxi l-fatt li Orizzont Ewropa 2020 jipprevedi għanijiet ambizzjużi għall-impriża konġunta, li jistgħu jinkisbu biss jekk jitfasslu u jiġu implimentati soluzzjonijiet effettivi li jindirizzaw id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll intern u jħejju għall-isfidi futuri li jirriżultaw miż-żieda fir-responsabbiltajiet, pereżempju fil-qasam tal-ġestjoni u tal-ippjanar tar-riżorsi umani; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li kalkoli u rekwiżiti ta’ rapportar partikolarment ikkumplikati u onerużi jirrappreżentaw riskju sinifikanti ta’ żball u jitlob, għalhekk, li jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ simplifikazzjoni, fejn possibbli u kompatibbli mal-qafas ġuridiku eżistenti; |
5. |
Jinnota li l-2021 kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ operat għall-Impriża Konġunta minn mindu saret awtonoma f’Settembru 2020; |
6. |
Jinnota li fost l-impriżi konġunti ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata ta’ spejjeż amministrattivi, li tikkostitwixxi bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tagħhom u prekundizzjoni biex dawn l-ispejjeż isiru kumparabbli; jappella, f’dan il-kuntest, għal linji gwida komuni sabiex l-impriżi konġunti kollha jieħdu approċċ armonizzat għall-klassifikazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ nfiq għal kostijiet amministrattivi, bħall-infiq għal konsulenzi, studji, analiżijiet, evalwazzjonijiet u assistenza teknika; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
7. |
Jinnota li, għall-2021, il-baġit f’approprjazzjonijiet ta’ pagament ġodda ammonta għal EUR 207,5 miljun (imqabbel ma’ EUR 181,5 miljun fl-2020) u f’approprjazzjonijiet ta’ impenn ġodda għal EUR 722,4 miljun (imqabbel ma’ EUR 509,1 miljun fl-2020); jinnota li l-baġit għall-pagamenti disponibbli ammonta għal EUR 348,2 miljun (imqabbel ma’ EUR 181,5 fl-2020) u l-baġit impenjat disponibbli ammonta għal EUR 753 4 miljun (imqabbel ma’ EUR 509,1 fl-2020); jinnota li l-baġit disponibbli jinkludi l-approprjazzjonijiet mhux użati mis-snin preċedenti, li l-Impriża Konġunta reġgħet daħħlet fil-baġit tas-sena attwali, kif ukoll id-dħul assenjat u r-riallokazzjonijiet għas-sena li jmiss; |
8. |
Jinnota bi tħassib li l-Qorti kkategorizzat ir-riskju għall-ġestjoni baġitarja bħala medju għall-Impriża Konġunta minħabba dgħufijiet osservati fil-proċess tal-ippjanar u l-monitoraġġ tal-baġit, u l-kumplessità u n-natura pluriennali tal-kuntratti u l-azzjonijiet iffinanzjati permezz ta’ għotjiet tagħha; jistieden lill-Impriża Konġunta tindirizza din il-kwistjoni fil-proċeduri baġitarji u ta’ monitoraġġ futuri; |
9. |
Jinnota li, fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta kienet diġà impenjat EUR 180 miljun għall-kofinanzjament ta’ 50 % fil-qafas tal-għotjiet għar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ Orizzont 2020, li hija l-mira minima taħt ir-Regolament (UE) 2018/1488 u li l-Istati Parteċipanti għandhom jiffinanzjaw il-50 % li jifdal tal-ispejjeż totali tal-proġetti, u li l-membri privati għandhom jikkontribwixxu b’żieda mal-ispejjeż massimi eliġibbli tal-azzjonijiet iffinanzjati permezz ta’ għotjiet; jinnota, madankollu, bi tħassib, li, sa dik id-data, il-membri privati kienu rrappurtaw biss EUR 4,2 miljun ta’ kontribuzzjonijiet in natura; jinnota li l-Qorti tqis li hemm riskju għoli li l-kontribuzzjonijiet ta’ EUR 420 miljun mill-membri privati, kif meħtieġ taħt ir-Regolament (UE) 2018/1488, mhux se jinkisbu sa tmiem l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ għotja; |
10. |
Jinnota li r-Regolament (UE) 2021/1173 jirrikjedi li l-Impriża Konġunta timplimenta proġetti li jammontaw għal EUR 7 biljun, li minnhom EUR 3,1 biljun għandhom jiġu ingranati mill-Istati Parteċipanti u EUR 900 miljun minn membri privati fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet fi flus u in natura. jenfasizza l-fatt li dan jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbel mal-QFP preċedenti tal- li taħtu l-Impriża Konġunta kellha timplimenta proġetti ta’ madwar EUR 1,4 biljun, u għalhekk, ir-riskju li l-Impriża Konġunta ma tilħaqx il-miri ta’ kontribuzzjoni tal-membri l-oħra skont ir-Regolament (UE) 2021/1173 jiżdied b’mod sinifikanti; |
11. |
Jinnota li, fir-rigward tal-baġit 2021 tal-Impriża Konġunta disponibbli għall-proġetti operazzjonali, ir-rati ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn operazzjonali u ta’ pagament kienu ta’ 2 % u ta’ 47 %, rispettivament; jinnota li r-rata baxxa ħafna ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn hija spjegata fil-biċċa l-kbira mid-dewmien fil-bidu tal-Impriża Konġunta taħt il-QFP 2021-2027 f’Lulju 2021 u t-trasferiment mill-Kummissjoni u l-Istati Parteċipanti ta’ EUR 700 miljun ta’ fondi lill-Impriża Konġunta f’Diċembru 2021; jinnota li d-dewmien mill-entitajiet ospitanti u kwistjonijiet ta’ provvista għal komponenti ewlenin ikkawżati mis-sitwazzjoni ta’ pandemija globali fil-kostruzzjonijiet tal-bini (ċentri tad-data), neċessarji biex jospitaw u joperaw is-superkompjuters diġà akkwistati, ikkontribwew ukoll għar-rata baxxa ta’ implimentazzjoni; |
12. |
Jinnota li r-rata baxxa ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament operazzjonali kienet ikkawżata prinċipalment mid-dewmien fil-bidu ta’ xi proġetti ġodda ta’ infrastruttura, li rriżulta f’dewmien fil-pagamenti ta’ prefinanzjament ippjanati għall-2021, kif ukoll miż-żmien addizzjonali mhux mistenni meħtieġ għall-ħidma ta’ kontroll ex ante fuq ir-riżultati tanġibbli, fir-rigward tal-ewwel pagamenti interim ta’ għotjiet għall-proġetti taħt Orizzont 2020; |
13. |
Jinnota li, fir-rigward tal-approprjazzjonijiet amministrattivi ta’ impenn u ta’ pagament, fl-ippjanar tal-baġit amministrattiv tagħha għall-2021, l-Impriża Konġunta ma qisitx suffiċjentement ir-riallokazzjoni tal-ammonti sinifikanti ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati tas-snin preċedenti; jinnota, barra minn hekk, li l-approprjazzjonijiet tal-baġit riallokati mis-snin preċedenti ma ntużawx qabel l-approprjazzjonijiet ġodda tas-sena; |
14. |
Jinnota bi tħassib li l-Impriża Konġunta għad m’għandhiex proċeduri affidabbli għaċ-ċertifikazzjoni u l-validazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura, irrappurtati mill-membri privati tagħha u mill-Istati Parteċipanti u li hija l-unika Impriża Konġunta li ma għandhiex pjan ta’ implimentazzjoni strateġiku għall-kisba ta’ kontribuzzjonijiet minn membri oħra; jistieden lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-passi meħuda biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ pjan bħal dan; jenfasizza li l-Impriża Konġunta għandha timplimenta proċeduri affidabbli għaċ-ċertifikazzjoni u l-validazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet in natura, kif ukoll pjan ta’ implimentazzjoni strateġiku (pjan direzzjonali) bi stadji importanti u miri annwali realistiċi tal-kontribuzzjonijiet kemm għall-Istati Parteċipanti kif ukoll għall-membri privati fil-livell tal-programm; jinnota, barra minn hekk, ir-rikonoxximent tal-Impriża Konġunta tal-azzjoni proposta mill-Qorti u l-impenn tagħha li tindirizza din il-kwistjoni fil-ħin; |
15. |
Jinnota li fl-ambitu tal-QFP 2021-2027, il-programmi Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali jibqgħu r-riżorsa finanzjarja prinċipali għall-impriżi konġunti, b’baġit totali ta’ EUR 15,1-il biljun għall-kofinanzjament tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tal-impriżi konġunti u li l-impriżi konġunti jimplimentaw EUR 11,6 biljun, li jirrappreżenta madwar 12 % tal-baġit totali ta’ Orizzont Ewropa ta’ EUR 95,5 biljun; jilqa’, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Impriża Konġunta u l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep (4) futura se jimplimentaw proġetti kbar ta’ bini tal-kapaċità, ta’ implimentazzjoni u ta’ investiment relatati mal-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali Ewropew fl-ambitu tal-Programm Ewropa Diġitali u li l-Impriża Konġunta u l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep futura se jirċievu EUR 3,4 biljun f’fondi tal-Unjoni mill-Programm Ewropa Diġitali, li jirrappreżentaw 39 % tal-finanzjament totali tal-programm ta’ EUR 8,6 biljun, biex jimplimentaw dawk l-attivitajiet; |
16. |
Jinnota, abbażi tar-rapport tal-Qorti, li, skont ir-Regolamenti (UE) 2021/695 (5) u (UE) 2021/1173, l-Impriża Konġunta hija obbligata tintroduċi proċess ta’ ġestjoni ċentralizzata ġdid, is-sistema tal-Ġestjoni Ċentrali ta’ Kontribuzzjonijiet Finanzjarji (CMFC), biex timmaniġġja l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Parteċipanti tagħha; |
17. |
Jinnota li, skont is-sistema CMFC ippjanata, kull Stat Parteċipanti jista’ jagħżel li jħallas lill-Impriża Konġunta l-kontribuzzjoni finanzjarja rispettiva tiegħu fil-livell tal-proġett għall-benefiċjarji stabbiliti fl-istat tiegħu, u matul dak il-proċess kull Stat Parteċipanti għandu wkoll dritt ta’ veto fuq il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji nazzjonali tiegħu stess imħallsa lill-Impriża Konġunta għall-applikanti stabbiliti fl-istat tiegħu, f’konformità mar-regoli finanzjarji u tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li jippermettu lil Stat Parteċipanti jiddeċiedi, abbażi tal-prijoritajiet strateġiċi nazzjonali, jekk jappoġġjax jew le benefiċjarju nazzjonali ta’ proġett ta’ riċerka u innovazzjoni magħżul u approvat; jinnota li, min-naħa l-oħra, l-Impriża Konġunta se jkollha teżegwixxi l-pagamenti kofinanzjati għall-Istati Parteċipanti kollha li jkunu għażlu li jafdawha bil-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom; jinnota li l-Impriża Konġunta se jkollha timmaniġġja u timmonitorja wkoll żewġ proċessi alternattivi ta’ ftehimiet amministrattivi ta’ appoġġ mal-Istati Parteċipanti; jinnota li kull awtorità nazzjonali ta’ finanzjament ta’ kull Stat Parteċipanti jeħtiġilha tiffirma ftehim mal-Impriża Konġunta biex jew tafdaha bil-pagament tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali, jew biex tikkoordina t-trasferiment nazzjonali tal-ftehimiet tal-fondi għall-pagamenti lill-benefiċjarji u r-rappurtar dwar il-kontribuzzjonijiet; jinnota li, skont l-iskeda ta’ żmien tal-Impriża Konġunta, il-ftehimiet għandhom jiġu ffirmati qabel ma l-Impriża Konġunta tkun iffirmat l-ewwel ftehimiet ta’ għotja mudell tagħha għal sejħiet imnedija taħt il-QFP 2021-2027; jistieden lill-Impriża Konġunta tesplora modi kif tissimplifika din il-proċedura ta’ piż u tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar soluzzjonijiet possibbli; |
18. |
Jinnota, abbażi tal-osservazzjonijiet tal-Qorti, li r-riżorsi addizzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-sistema ppjanata tas-CMFC la ġew ivvalutati mill-Kummissjoni u lanqas ma ġew inklużi fl-istimi inizjali tar-riżorsi tal-persunal tal-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-aġenda l-ġdida ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Impriża Konġunta; jinnota li dan in-nuqqas ta’ ppjanar fl-introduzzjoni tas-sistema tas-CMFC flimkien mas-sitwazzjoni tal-persunal, u n-nuqqas ta’ għodod u appoġġ tal-IT jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Impriża Konġunta u l-kisba tal-kontribuzzjonijiet tal-membri l-oħra; jinnota bi tħassib li s-systema ta’ CMFC trid tiġi mmaniġġjata manwalment, u dan se jkun intensiv fl-użu tar-riżorsi umani; jitlob li l-awtorità ta’ kwittanza tiġi infurmata dwar l-istatus ta’ implimentazzjoni ta’ din is-sistema ċentralizzata ġdida; |
Akkwist u persunal
19. |
Jenfasizza l-fatt li l-Qorti vvalutat ir-riskju għan-nefqa fuq il-kuntratti u l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku bħala medju għall-Impriża Konġunta, minħabba l-proċeduri kumplessi ta’ akkwist għal kuntratti ta’ valur għoli; |
20. |
Jinnota li, fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta impjegat 15-il membru tal-persunal statutorju u 3 membri tal-persunal interim li jassistu lit-tim tal-finanzi u l-komunikazzjonijiet; jinnota, barra minn hekk, li peress li l-allokazzjoni tal-pożizzjoni ta’ espert nazzjonali sekondat ma tkomplietx skont ir-Regolament i (UE) 2021/1173, ir-reklutaġġ ġie sospiż u se jiġi sostitwit bir-reklutaġġ ta’ uffiċjal tal-programmi fl-2022; |
21. |
Jiddispjaċih li l-każijiet ta’ t-tħassib ewlieni identifikat mill-Qorti huma relatat mal-fatt li l-Impriża Konġunta ma kellhiex biżżejjed persunal u li n-nuqqas ta’ persunal statutorju suffiċjenti wassal għal żieda fl-użu ta’ persunal interim, li jista’ jwassal għal dgħufijiet fil-ġestjoni finanzjarja, baġitarja u tal-persunal, u jista’ joħloq riskji f’termini ta’ kontinwità tal-attivitajiet, żamma ta’ kompetenzi ewlenin u nuqqas ta’ kontrolli interni suffiċjenti, u konsegwentement, jista’ jaffettwa b’mod negattiv l-ilħuq tal-objettivi tal-Impriża Konġunta; jilqa’ l-fatt li, skont ir-Regolament (UE) 2021/1173, l-Impriża Konġunta hija kapaċi tieħu passi biex tirrettifika din il-kwistjoni u bdiet il-proċess ta’ reklutaġġ filwaqt li tat prijorità lill-pożizzjonijiet essenzjali relatati mal-funzjonijiet ewlenin tal-Impriża Konġunta u l-mitigazzjoni tar-riskju, bħall-pożizzjonijiet interni tal-awdituri; |
22. |
Jinnota li, skont ir-Regolament (UE) 2021/1173, l-Impriża Konġunta se jkollha timplimenta aktar minn EUR 7 biljun f’fondi u, għal dan, jeħtieġ li tirrekluta 39 membru tal-persunal addizzjonali biex tilħaq il-livell ippjanat tagħha ta’ 54 membru tal-persunal statutorju sa tmiem l-2023 (6); jinnota li, minħabba d-dewmien fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1173, il-Impriża Konġunta nediet biss il-proċessi ta’ reklutaġġ meħtieġa għal seba’ pożizzjonijiet tal-ogħla prijorità mhux qabel tard fl-2021, u li ma setgħetx iżżid il-persunal tagħha matul l-2021; |
23. |
Jinnota li, fir-rigward tas-sejbiet tal-Qorti dwar is-sitwazzjoni prekarja tal-persunal fl-Impriża Konġunta fl-2021, huma meħtieġa aktar sforzi fil-qasam tar-riżorsi umani b’mod ġenerali u fl-involviment tal-ippjanar tar-riżorsi tal-Kummissjoni sabiex jittejjeb l-ippjanar tar-riżorsi umani u b’mod speċifiku l-proċess ta’ reklutaġġ, biex jiġu evitati każijiet ta’ pożizzjonijiet vakanti fit-tul, għadd kbir ta’ tibdil tal-persunal, numru kbir ta’ persunal estern, dipendenza fuq l-għarfien espert ta’ ftit membri tal-persunal, ammonti eċċessivi ta’ xogħol u bħala konsegwenza assenzi u ineffiċjenzi tal-persunal, u minflok jiġu offerti kundizzjonijiet ta’ impjieg attraenti u soċjalment ġusti li jappoġġjaw l-ilħuq tal-objettivi tal-Impriża Konġunta; |
24. |
Jinnota li, skont ir-rapport annwali tal-attività tal-2021 minn għadd totali ta’ 45 espert li pparteċipaw f’evalwazzjonijiet u rieżamijiet tal-proġetti, 47 % kienu nisa u 53 % kienu rġiel; jilqa’ dawn iċ-ċifri u jħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tkompli ttejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-persunal tal-Impriża Konġunta; |
25. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta qed taħdem mad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Baġit biex tiċċara s-sitwazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tal-persunal tal-Impriża Konġunta, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li saru tard fl-2021; jistieden lill-Impriża Konġunta ma tistenniex il-kalkolu finali tal-kontribuzzjonijiet pendenti, iżda tqis dan l-obbligu meta tippjana l-baġit futur tagħha, bħal permezz ta’ akkumulazzjoni korrispondenti għall-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tevita kwistjonijiet simili fil-futur; |
Prestazzjoni
26. |
Jinnota li l-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni tal-impriża Konġunta fl-2021 iffukaw l-aktar fuq it-tlestija tas-sejħiet u l-azzjonijiet mibdija fl-2019 u fl-2020 (proġetti preeżistenti); |
27. |
Jilqa’ l-fatt li tlettax-il konsorzju ffirmaw ftehimiet mal-Impriża Konġunta fl-2021 u bdew jaħdmu f’April 2021; jinnota li l-proġetti jkopru t-tliet suġġetti tas-sejħa "Lejn Teknoloġiji u Applikazzjonijiet fuq Skala Estrema", u jużaw aktar minn 70 % tal-finanzjament deżinjat disponibbli taħt Orizzont Ewropa 2020; |
28. |
Jenfasizza l-fatt li l-konsorzji differenti se jaħdmu fuq attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni li se jgħinu lill-Ewropa ssir globalment kompetittiva fil-qasam tas-supercomputing u li għaxra minn dawn il-proġetti se jindirizzaw l-EuroHPC-01-2019 “Computing fuq skala estrema u teknoloġiji mmexxija mid-data” u li żewġ proġetti oħra, MICROCARD u REGALE, se jiffukaw is-suġġett EuroHPC-02-2019 fuq “HPC u ambjenti u pjattaformi ta’ applikazzjoni ċċentrati fuq id-data”; |
29. |
Jinnota, barra minn hekk, li l-proġett exaFOAM se jikkonċentra fuq is-suġġett EuroHPC-03-2019 dwar “Il-kodiċijiet tas-software industrijali għal computing ta’ skala estrema” u li l-Impriża Konġunta nediet sejħa li tkopri s-sejħa “Taħriġ u Edukazzjoni dwar il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja” għat-tfassil u t-twettiq ta’ programm ta’ Master Ewropew fil-computing ta’ prestazzjoni għolja; din is-sejħa tnediet kmieni fis-sena u sa Ottubru l-Impriża Konġunta setgħet tħabbar li l-proġett kien se jkompli taħt it-tmexxija tal-Università tal-Lussemburgu u b’kollaborazzjoni ma’ seba’ universitajiet oħra Ewropej; huwa konvint li din l-inizjattiva se tiffaċilita l-edukazzjoni u l-iżvilupp professjonali ta’ persuni b’potenzjal għoli, li huma kruċjali għas-suċċess tal-Impriża Konġunta; |
30. |
Jinnota li, fl-2021, l-Impriża Konġunta ħejjiet it-tieni fażi tal-proġett tal-inizjattiva tal-proċessuri Ewropej, pedament tal-inizjattiva Ewropea lejn awtonomija strateġika fil-computing ta’ prestazzjoni għolja, l-infrastruttura u t-teknoloġiji taċ-ċipep u nbdiet fl-2022 u se tibni fuq il-kisbiet tal-ewwel fażi; |
Kontroll Intern
31. |
Jilqa’ l-fatt li, fl-2020, l-Impriża Konġunta żviluppat pjan ta’ azzjoni biex timplimenta l-azzjonijiet li fadal tas-17-il prinċipju ta’ kontroll intern tal-qafas ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni fl-2021, u li, minħabba l-assenza ta’ persunal amministrattiv ewlieni (bħal kap tal-finanzi u tal-amministrazzjoni u kap tal-kapaċità tal-awditjar intern), l-Impriża Konġunta kienet għadha ma approvatx diversi azzjonijiet importanti ta’ kontroll intern sal-iskadenzi tal-2021 stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni tagħha; |
32. |
Jinnota bi tħassib li, minkejja r-riskji li qed tiffaċċja l-Impriża Konġunta, minħabba l-baġit ikbar tagħha, wettqet biss eżerċizzju ssimplifikat ta’ valutazzjoni tar-riskju annwali; jinnota, barra minn hekk, li sa tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta ma kinitx ikkompletat għalkollox l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ kontroll u monitoraġġ u lanqas pjan ta’ kontinwità tal-operat u pjan għas-sigurtà tal-IT; jissottolinja li dan id-dewmien żied ir-riskju ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta għall-2021; |
33. |
Jilqa’ l-fatt li fl-2022 l-impriżi konġunti kollha bdew jimplimentaw azzjonijiet għat-tnaqqis tar-rata ta’ żbalji f’konformità mal-azzjoni proposta mill-Qorti, inkluża l-esplorazzjoni tal-għażliet ta’ forom simplifikati ta’ spejjeż bħal spejjeż unitarji, somom f’daqqa u rati fissi, b’tipi ta’ benefiċjarji fil-mira li huma suxxettibbli għall-iżbalji, bħal impriżi żgħar u ta’ daqs medju u benefiċjarji ġodda; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u strateġija ta’ kontra l-frodi
34. |
Jilqa’ l-fatt li l-Impriża Konġunta żviluppat sett komprensiv ta’ regoli u proċeduri biex il-persunal tagħha jkollu qafas ċar li fih jaħdem u li dawn ir-regoli jkunu effettivi fl-istruttura ta’ governanza kollha tal-Impriża Konġunta, u li l-proċeduri ta’ kunflitti ta’ interess ikunu fis-seħħ għall-membri kemm tal-korp ta’ tmexxija kif ukoll tal-korpi konsultattivi; |
35. |
Jinnota b’apprezzament, barra minn hekk, il-fatt li ġew implimentati miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess tal-esperti inkarigati mill-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għotjiet u mir-rieżami tal-proġetti u tal-offerti; |
36. |
Jenfasizza l-fatt li l-Impriża Konġunta adottat u bdiet timplimenta l-istrateġija komuni kontra l-frodi fil-qasam tar-riċerka u li għal oqsma ta’ nefqa għajr l-għotjiet, l-Impriża Konġunta tapplika mutatis mutandis u b’analoġija, l-istrateġija kontra l-frodi approvata mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u l-Ġestjoni tar-Riskju Teknoloġiku. |
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 tat-28 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 1).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1488 (ĠU L 256, 19.7.2021, p. 3).
(3) L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati li għażlu li jsiru membri tal-Impriża Konġunta: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, u t-Turkija.
(4) Fi Frar 2022, il-Kummissjoni pproponiet li temenda u tbiddel l-isem tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin għal Impriża Konġunta taċ-Ċipep futura. L-Impriża Konġunta taċ-Ċipep huwa maħsub li jkollha l-mandat addizzjonali li timplimenta attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa taħt il-QFP 2021-2027. F’dan il-kuntest, l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep se tuża l-baġit mill-programm Ewropa Diġitali biex trawwem l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss u ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-produzzjoni taċ-ċipep Ewropej.
(5) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(6) COM(2020) 569 tad-19.9.2020.