Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0936

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/936 tat-13 ta’ Ġunju 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-14-il laqgħa tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) fir-rigward tal-modifika tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi dwar l-applikazzjonijiet telematiċi għat-trasport tal-merkanzija u r-reviżjoni tal-Anness B tar-Regoli Uniformi tal-ATMF dwar id-derogi, u fil-proċedura bil-miktub tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF fir-rigward tal-modifika tar-Regoli Uniformi tal-ATMF

    ST/9552/2022/INIT

    ĠU L 162, 17.6.2022, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/936/oj

    17.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 162/35


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/936

    tat-13 ta’ Ġunju 2022

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-14-il laqgħa tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) fir-rigward tal-modifika tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi dwar l-applikazzjonijiet telematiċi għat-trasport tal-merkanzija u r-reviżjoni tal-Anness B tar-Regoli Uniformi tal-ATMF dwar id-derogi, u fil-proċedura bil-miktub tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF fir-rigward tal-modifika tar-Regoli Uniformi tal-ATMF

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni ssieħbet fil-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (COTIF) permezz tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (1).

    (2)

    Skont l-Artikolu 13 § 1, il-punt f), tal-COTIF, ġie stabbilit il-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (“CTE”) tal-OTIF.

    (3)

    Skont l-Artikolu 20 § 1, il-punt b), tal-COTIF, u f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Appendiċi F tal-COTIF dwar ir-Regoli Uniformi dwar il-Validazzjoni tal-Istandards Tekniċi u l-Adozzjoni ta’ Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għall-Materjal Ferrovjarju maħsub biex jintuża fit-Traffiku Internazzjonali, is-CTE huwa kompetenti biex jadotta jew jemenda, inter alia, il-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi (“UTP”) dwar l-applikazzjonijiet telematiċi għall-merkanzija (“UTP TAF”).

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 20 § 1, il-punt e), tal-COTIF u l-Artikoli 7a u 21 tal-Appendiċi G tal-COTIF dwar Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-Ammissjoni Teknika ta’ Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku Internazzjonali (“ir-Regoli Uniformi tal-ATMF”), is-CTE huwa kompetenti biex jadotta jew jemenda l-Anness B tar-Regoli Uniformi tal-ATMF dwar id-derogi mill-applikazzjoni tal-UTP.

    (5)

    Is-CTE inkluda, fl-aġenda għall-14-il sessjoni tiegħu, li se ssir fl-14 u l-15 ta’ Ġunju 2022, proposta għal deċiżjonijiet biex tiġi emendata l-UTP TAF u r-reviżjoni tal-Anness B tar-Regoli Uniformi tal-ATMF dwar id-derogi mill-applikazzjoni tal-UTP.

    (6)

    L-objettivi tad-deċiżjoni tas-CTE previsti huma li jallinjaw il-UTP TAF mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/541 (2) u li jallinjaw l-Anness B tar-Regoli Uniformi tal-ATMF tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    (7)

    Il-Kumitat ta’ Reviżjoni stabbilit f’konformità mal-Artikolu 13§ 1, il-punt c), tal-COTIF (il-“Kumitat ta’ Reviżjoni”), huwa mistenni li jwettaq proċedura bil-miktub biex jiddeċiedi dwar l-emenda tal-Artikolu 3a § 5 u l-Artikolu 15 § 2 tar-Regoli Uniformi tal-ATMF.

    (8)

    L-objettiv tad-deċiżjoni prevista tal-Kumitat ta’ Reviżjoni huwa li jallinja r-Regoli Uniformi tal-ATMF mad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (9)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-CTE u, fir-rigward tar-reviżjoni tar-Regoli Uniformi tal-ATMF, fil-Kumitat ta’ Reviżjoni, peress li d-deċiżjonijiet proposti se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

    (10)

    Id-deċiżjonijiet previsti tal-OTIF huma f’konformità mal-liġi u mal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni, billi jikkontribwixxu għall-allinjament tal-leġiżlazzjoni tal-OTIF mad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-liġi tal-Unjoni, u għalhekk jenħtieġ li jiġu appoġġati mill-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-14-il sessjoni tas-CTE tal-OTIF fir-rigward tal-modifika tal-UTP TAF u r-reviżjoni tal-Anness B tar-Regoli Uniformi tal-ATMF fir-rigward tad-derogi mill-applikazzjoni tal-UTP għandha tkun kif ġej:

    (1)

    li ssir votazzjoni favur il-proposta tas-CTE biex tiġi aġġornata l-UTP TAF (dokument ta’ ħidma tas-CTE TECH-22004-CTE14);

    (2)

    li ssir votazzjoni favur il-proposta tas-CTE biex jiġi aġġornat l-Anness B tar-Regoli Uniformi tal-ATMF dwar id-derogi mill-applikazzjoni tal-UTP (dokument ta’ ħidma tas-CTE TECH-22005-CTE14).

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub tal-Kumitat ta’ Reviżjoni fir-rigward tar-reviżjoni parzjali tar-Regoli Uniformi tal-ATMF għandha tkun li tivvota favur il-proposta tas-CTE li għandhom jiġu emendati l-Artikolu 3a § 5 u l-Artikolu 15 § 2 tar-Regoli Uniformi tal-ATMF (dokument ta’ ħidma TECH-22019-CTE14-7).

    Artikolu 3

    Ladarba jiġu adottati, id-deċiżjonijiet tas-CTE u tal-Kumitat ta’ Reviżjoni għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tiġi indikata d-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ġunju 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. FESNEAU


    (1)  ĠU L 51, 23.2.2013, p. 8.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/541 tas-26 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2014 fir-rigward tas-simplifikazzjoni u t-titjib tal-kalkolu u l-iskambju tad-data u l-aġġornament tal-proċess tal-Ġestjoni tal-Kontroll tat-Tibdil (ĠU L 108, 29.3.2021, p. 19).

    (3)  Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).

    (4)  Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).


    Top