Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0365

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/365 tal-11 ta' Marzu 2016 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Telemea de IIbănești (DOP))

    C/2016/1471

    ĠU L 68, 15.3.2016, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/365/oj

    15.3.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 68/12


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/365

    tal-11 ta' Marzu 2016

    li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Telemea de IIbănești (DOP))

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(3)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    F'konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni ppreżentata mir-Rumanija għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Telemea de Ibănești” ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

    (2)

    Fil-5 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta' oppożizzjoni mill-Greċja. Fit-30 ta' April 2015 il-Kummissjoni rċeviet dikjarazzjoni motivata ta' oppożizzjoni relatata.

    (3)

    Il-Kummissjoni eżaminat l-oppożizzjoni mibgħuta mill-Greċja u sabet li kienet ammissibbli. Il-kelma “Telemea”, li tifforma parti mill-isem “Telemea de Ibănești” huwa kważi identiku għall-isem “Τελεμές” (Telemés) li jintuża fil-Greċja. “Τελεμές” (Telemés) huwa ġobon abjad imellaħ li jiġi prodott f'partijiet differenti tal-Greċja fuq skala kummerċjali. L-oppożizzjoni ssostni li r-reġistrazzjoni tal-isem “Telemea de Ibănești” tista' tipperikola l-eżistenza ta' isem parzjalment identiku “Τελεμές” (Telemés) u l-eżistenza ta' prodotti li ilhom legalment fuq is-suq Grieg għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Telemea de Ibănești”.

    (4)

    Permezz ta' ittra tat-22 ta' Ġunju 2015, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom fil-konsultazzjonijiet rilevanti biex jilħqu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom.

    (5)

    Ir-Rumanija u l-Greċja laħqu ftehim, li ġie notifikat lill-Kummissjoni fil-21 ta' Settembru 2015, fi żmien l-iskadenza preskritta.

    (6)

    Kif jirriżulta mill-informazzjoni skambjata mal-Greċja fil-kuntest tal-proċedura ta' oppożizzjoni, ir-Rumanija tipproduċi fuq livell nazzjonali, tip ta' ġobon imsejjaħ “Telemea”. Din il-produzzjoni hija konformi ma' standard nazzjonali approvat mil-Assoċjazzjoni Standard Rumena. Fl-2014 madwar 24 000 tunnellata ta' “Telemea” ġew prodotti fir-Rumanija. Bl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Telemea de Ibănești”, ir-Rumanija ma kellhiex l-għan li tirriżerva l-użu tat-terminu “Telemea”.

    (7)

    Ir-Rumanija u l-Greċja qablu li l-protezzjoni tad-denominazzjoni “Telemea de Ibănești” m'għandhiex tkopri biss l-isem “Telemea” iżda l-isem kompost biss “Telemea de Ibănești” b'mod ġenerali. Barra minn hekk, huma kkonkludew li r-Regolament li jdaħħal l-isem “Telemea de Ibănești” fir-reġistru ta' denominazzjoni protetta ta' oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għandu jinkludi premessa li tispeċifika l-kamp ta' protezzjoni.

    (8)

    Il-kontenut tal-ftehim konkluż bejn ir-Rumanija u l-Greċja għandu jiġi kkunsidrat, billi huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    (9)

    Għalhekk, id-denominazzjoni ta' oriġini “Telemea de Ibănești” (DOP), għandha tiġi mħarsa b'mod ġenerali, billi t-terminu “Telemea” jista' jkompli jiġu wżat fit-tikkettar jew preżentazzjonijiet fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tiegħu jitħarsu.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-isem “Telemea de Ibănești” (DOP) huwa rreġistrat.

    Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tiddentifika prodott mill-Klassi 1.3. Ġobon stabbilit fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

    Artikolu 2

    It-terminu “Telemea” jista' jkompli jiġi użat fit-tikkettar jew preżentazzjonijiet fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tiegħu jitħarsu.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Marzu 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU C 6, 10.1.2015, p. 6.

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


    Top