Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1534

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1534 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-68 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marin u matul il-95 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta' emendi għall-MARPOL, is-SOLAS u l-Linji Gwida tal-2009 dwar is-sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost

ĠU L 240, 16.9.2015, p. 61–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1534/oj

16.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 240/61


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1534

tas-7 ta' Mejju 2015

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-68 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marin u matul il-95 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta' emendi għall-MARPOL, is-SOLAS u l-Linji Gwida tal-2009 dwar is-sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu għandu jkollha l-għan li ttejjeb is-sigurtà marittima u tipproteġi l-ambjent marin.

(2)

Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), li ltaqa' matul is-67 sessjoni tiegħu, approva emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL). Dawk l-emendi huma mistennija jiġu adottati matul it-68 sessjoni tal-MEPC, li ser issir f'Mejju 2015.

(3)

Is-Sottokumitat tal-OMI dwar il-Prevenzjoni u r-Reazzjoni għat-Tniġġis (PPR) li ltaqa' matul it-tieni sessjoni tiegħu approva abbozz ta' emendi għal-Linji Gwida tal-2009 għal sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost (“il-Linji Gwida tal-2009”). Dawk l-emendi huma mistennija jiġu adottati matul it-68 sessjoni tal-MEPC, li ser issir f'Mejju 2015.

(4)

Il-Kumitat tas-Sigurtà Marittima (KSM) tal-OMI, li ltaqa' matul l-94 sessjoni tiegħu, approva emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS). Dawk l-emendi huma mistennija jiġu adottati fil-95 sessjoni tal-KSM, li ser issir f'Ġunju 2015.

(5)

L-emendi għall-Annessi I u II għall-MARPOL ser jintroduċu miżuri assoċjati mal-adozzjoni tal-abbozz ta' Kodiċi Internazzjonali għal vapuri li joperaw f'ilmijiet polari (il-“Kodiċi Polari”), sabiex il-Kodiċi Polari ssir mandatorja. Il-Kodiċi Polari testendi l-projbizzjoni attwali tal-MARPOL tal-iskariki ta' żejt/likwidi noċivi fl-antartiku sal-ilmijiet polari. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), flimkien mal-Artikolu 3(1) tiegħu, jipprevedi li l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li l-iskariki ta' sustanzi li jniġġsu li ġejjin minn vapuri, inkluż każijiet minuri ta' skariki bħal dawn, jitqiesu bħala ksur jekk jitwettqu b'intenzjoni, b'imprudenza jew b'negliġenza serja. L-Artikolu 5(1) ta' dik id-Direttiva jipprevedi li skariku ta' sustanzi li jniġġsu ma għandux jitqies bħala ksur bħal dan jekk jissodisfa l-kondizzjonjiet stabbiliti, fost l-oħrajn, fl-Anness I, ir-Regolamenti 15 u 34 tal-MARPOL. Ir-Regolament 15 kif ukoll ir-Regolament 34 huma fost ir-Regolamenti tal-MARPOL li ser jinbidlu mal-adozzjoni tal-emendi stabbiliti fl-Anness 11 tad-Dokument MEPC 67/20 tal-OMI. Għaldaqstant, dawk l-emendi ser jaffettwaw il-kamp ta' applikazzjoni ta' ksur skont id-Direttiva 2005/35/KE u, għalhekk, jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

(6)

L-emendi għal-Linji Gwida tal-2009 ser jintroduċu l-użu ta' metodologija bbażata fuq il-kalkolu għall-ittestjar ta' scrubbers konnessi ma' elementi ta' makkinarju tal-vapuri li ma jistgħux jiġu ttestjati b'tagħbijiet għoljin, jew li saħansitra ma jistgħux jiġu ttestjati waqt li jkunu “wieqfa f'port”. L-Artikolu 4c u l-Anness II għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE (2) ikopru dawk il-kwistjonijiet u l-Anness II huwa derivat mil-Linji Gwida tal-2009 li ser jiġu emendati.

(7)

L-emendi għar-Regolament II-2/20.3.1.2.1 tas-SOLAS ser jippermettu l-operazzjoni tal-fannijiet ta' ventilazzjoni b'għadd imnaqqas ta' tibdiliet tal-arja meta tkun qed titħaddem sistema ta' kontroll għall-kwalità tal-arja għall-vapuri tal-passiġġieri fl-ispazji tal-vetturi, tal-kategoriji speċjali u tar-ro-ro. Punt (a)(i) tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li vapuri tal-passiġġieri ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw b'mod sħiħ mar-rekwiżiti tas-SOLAS, inkluż ir-Regolament II-2/20.3 tas-SOLAS. Għaldaqstant, l-emendi li ser jiġu adottati ser ikollhom effett legali dirett fuq id-Direttiva 2009/45/KE. Sa fejn dawk l-emendi jaffettwaw lill-vapuri tal-passiġġieri li jkunu qed jagħmlu vjaġġi domestiċi, dawk l-emendi jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

(8)

L-Unjoni mhix membru tal-OMI u lanqas mhi parti kontraenti għall-konvenzjonijiet ikkonċernati. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni u biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b'dawk l-emendi, sa fejn dawn jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni matul it-68 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni ta':

(i)

l-emendi għall-Annessi I u II tal-MARPOL kif stabbiliti fl-Anness 11 għad-Dokument MEPC 67/20 tal-OMI;

(ii)

l-emendi għal-Linji Gwida tal-2009 dwar is-sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost kif stabbiliti fl-Anness 1 għad-Dokument PPR 2/21 tal-OMI.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-95 sessjoni tal-Kumitat tas-Sigurtà Marittima tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi

għar-Regolament II-2/20.3.1.2.1 tas-SOLAS kif stabbilit fl-Anness 11 għad-Dokument MSC 94/21/add.1 tal-OMI.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni kif stabbilit fl-Artikoli 1 u 2 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri, li huma membri tal-OMI billi jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 4

Jista' jsir qbil dwar bidliet formali u minuri fil-pożizzjonijiet msemmija fl-Artikoli 1 u 2 mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li jiġu emendati dawk il-pożizzjonijiet.

Artikolu 5

L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2, sa fejn dawn jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Mejju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

E. RINKĒVIČS


(1)  Id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur, inklużi penalitajiet kriminali, għal reati ta' tniġġis (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE (ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13).

(3)  Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).


Top