Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0516

Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE

ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168–194 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 12/04/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/516/oj

20.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/168


REGOLAMENT (UE) Nru 516/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ April 2014

li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2) u l-Artikolu 79(2) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-objettiv tal-Unjoni li tikkostitwixxi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, għandu jintlaħaq, fost l-oħrajn, permezz ta’ miżuri komuni li jservu ta’ qafas għall-politika fir-rigward tal-asil u l-immigrazzjoni, ibbażata fuq solidarjetà bejn l-Istati Membri, li tkun ġusta għal pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tagħhom. Il-Kunsill Ewropew tat-2 ta’ Diċembru 2009 rrikonoxxa li r-riżorsi finanzjarji fl-Unjoni għandhom isiru dejjem aktar flessibbli u koerenti, f’termini kemm ta’ ambitu kif ukoll ta’ applikabbiltà, sabiex jappoġġaw żviluppi tal-politika fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni.

(2)

Sabiex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politika komuni tal-Unjoni dwar l-asil u l-immigrazzjoni u għat-tisħiħ tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fid-dawl tal-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ solidarjetà u kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (“il-Fond”).

(3)

Il-Fond għandu jirrifletti l-ħtieġa għal żieda fil-flessibiltà u s-simplifikazzjoni filwaqt li jirrispetta r-rekwiżiti f’termini ta’ prevedibbiltà, u filwaqt li jiżgura distribuzzjoni ġusta u trasparenti ta’ riżorsi sabiex jiġu ssodisfati l-objettivi ġenerali u speċifiċi stipulati f’dan ir-Regolament.

(4)

L-effiċjenza ta’ miżuri u l-kwalità tal-infiq jikkostitwixxu l-prinċipji ta’ gwida fl-implimentazzjoni tal-Fond. Barra minn hekk, il-Fond għandu jiġi implimentat ukoll bl-aktar mod effettiv u faċli possibbli għall-utent.

(5)

L-istruttura l-ġdida b’żewġ pilastri tal-finanzjament fil-qasam tal-affarijiet interni għandha tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni, ir-razzjonalizzazzjoni, il-konsolidazzjoni u t-trasparenza tal-finanzjament f’dak il-qasam. Għandhom jiġu mfittxija s-sinerġiji, il-konsistenza u l-komplimentarjetà bejn fondi u programmi differenti, inkluż bil-ħsieb li l-finanzjament jiġi allokat għal objettivi komuni. Madankollu, għandu jiġi evitat kwalunkwe sovrapponiment bejn l-istrumenti differenti ta’ finanzjament.

(6)

Il-Fond għandu joħloq qafas flessibbli li jippermetti li l-Istati Membri jirċievu riżorsi finanzjarji taħt il-programmi nazzjonali tagħhom biex jappoġġaw l-oqsma ta’ politika taħt il-Fond skont is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, u fid-dawl tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Fond, li għalihom l-appoġġ finanzjarju jkun l-aktar effettiv u xieraq.

(7)

Il-Fond għandu jesprimi solidarjetà permezz ta’ assistenza finanzjarja lill-Istati Membri. Għandha tittejjeb il-ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji lejn l-Unjoni f’oqsma fejn l-Unjoni żżid il-valur massimu, b’mod partikolari permezz tal-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

(8)

Sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettiv ġenerali tal-Fond, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-programmi nazzjonali tagħhom jinkludu azzjonijiet li jindirizzaw l-objettivi speċifiċi ta’ dan ir-Regolament u li l-allokazzjoni ta’ riżorsi bejn l-objettivi jiżgura li l-objettivi jistgħu jintlaħqu. F’każ eċċezzjonali li Stat Membru jixtieq li jidderoga mill-perċentwali minimi stipulati f’dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi ġustifikazzjoni dettaljata fil-programm nazzjonali tiegħu.

(9)

Biex tiġi żgurata politika uniformi u ta’ kwalità għolja dwar l-asil u jiġu applikati standards ogħla ta’ protezzjoni internazzjonali, il-Fond għandu jikkontribwixxi għall-funzjonament effettiv tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, li tinkludi miżuri dwar il-politika, il-leġislazzjoni, u il-bini tal-kapaċità, waqt li jaġixxi f’kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra, aġenziji tal-Unjoni u pajjiżi terzi.

(10)

Huwa xieraq li jiġu appoġġati u mtejba l-isforzi magħmula mill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ u kif jixraq l-acquis tal-Unjoni dwar l-asil, b’mod partikolari biex jagħtu kondizzjonijiet ta’ akkoljenza xierqa għal persuni spustati u applikanti għal, u benefiċjarji ta’, protezzjoni internazzjonali, biex jiżguraw id-determinazzjoni korretta tal-istatus, skont id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), biex japplikaw proċeduri tal-asil ġusti u effettivi u biex jippromwovu prattika tajba fil-qasam tal-asil sabiex jipproteġu d-drittijiet ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u jagħmluha possibbli li s-sistemi tal-asil tal-Istati Membri jaħdmu b’mod effiċjenti.

(11)

Il-Fond għandu joffri appoġġ adegwat għal sforzi konġunti mill-Istati Membri biex jidentifikaw, jikkondividu u jippromwovu l-aħjar prattiki u jistabbilixxu strutturi ta’ kooperazzjoni effettivi sabiex isaħħu l-kwalità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qafas tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil.

(12)

Il-Fond għandu jikkumplimenta u jsaħħaħ l-attivitajiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Asil (“EASO”) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), bil-ħsieb li jikkoordina l-kooperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri dwar l-asil, jappoġġa lill-Istati Membri soġġetti għal pressjoni partikolari fuq is-sistemi tagħhom tal-asil u jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu mill-possibbiltà offruta mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) biex tinkariga lill-EASO bl-implimentazzjoni tal-kompiti ad hoc speċifiċi, bħall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Istati Membri dwar ir-risistemazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 439/2010.

(13)

Il-Fond għandu jappoġġa l-isforzi mill-Unjoni u l-Istati Membri relatati mat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Membri li jiżviluppaw, jimmonitorjaw u jevalwaw il-politiki tagħhom dwar l-asil fid-dawl tal-obbligi tagħhom taħt il-liġi eżistenti tal-Unjoni.

(14)

Il-Fond għandu jappoġġa l-isforzi magħmula mill-Istati Membri biex jipprovdu protezzjoni internazzjonali u soluzzjoni dejjiema fit-territorji tagħhom lil refuġjati u persuni spustati identifikati bħala eliġibbli għal risistemazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (“UNHCR”), bħall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tar-risistemazzjoni u t-trasferiment tal-persuni kkonċernati lejn it-territorji tagħhom, bil-ħsieb li jagħtuhom status legali sigur u jippromwovu l-integrazzjoni effettiva tagħhom.

(15)

Il-Fond għandu jipprevedi approċċi ġodda dwar aċċess għal proċeduri tal-asil b’mod aktar sikur, b’mod partikolari billi jimmiraw pajjiżi ewlenin ta’ transitu bħal programmi ta’ protezzjoni għal gruppi partikolari jew ċerti proċeduri għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-asil.

(16)

Hija fin-natura tal-Fond li għandu jkun jista’ jipprovdi appoġġ lil operazzjonijiet volontarji ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet maqbula bejn L-Istati Membri u li jikkonsistu fit-trasferiment ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, u ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, minn Stat Membru għal ieħor.

(17)

Is-sħubiji u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi biex tkun żgurata l-ġestjoni adegwata ta’ influssi ta’ persuni li japplikaw għall-asil jew forom oħra ta’ protezzjoni internazzjonali huma komponent essenzjali tal-politika tal-Unjoni dwar l-asil. Bil-għan li jkun ipprovdut aċċess għall-protezzjoni internazzjonali u soluzzjonijiet dejjiema fl-aktar stadju bikri possibbli, inkluż fil-qafas tal-iżvilupp ta’ Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali, il-Fond għandu jinkludi komponent ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni.

(18)

Biex itejjeb u jsaħħaħ il-proċess ta’ integrazzjoni fis-soċjetajiet Ewropej, il-Fond għandu jiffaċilita l-migrazzjoni legali lejn l-Unjoni f’konformità mal-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri u jantiċipa t-tħejjija tal-proċess ta’ integrazzjoni diġà fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġejjin lejn l-Unjoni.

(19)

Sabiex ikun effiċjenti u jikseb l-ikbar valur miżjud, il-Fond għandu jsegwi approċċ aktar immirat, b’appoġġ għal strateġiji konsistenti maħsuba speċifikament biex jippromwovu l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fuq livell nazzjonali, lokali u/jew reġjonali, fejn ikun adatt. Dawk l-istrateġiji għandhom jiġu implimentati l-aktar minn awtoritajiet lokali jew reġjonali u atturi mhux statali, mingħajr l-esklużjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, b’mod partikolari fejn l-organizzazzjoni amministrattiva speċifika tal-Istat Membru tkun teħtieġ dan, jew fejn, fi Stat Membru, l-azzjonijiet ta’ integrazzjoni jaqgħu taħt kompetenza kondiviża bejn l-Istat u amministrazzjoni deċentralizzata. L-organizzazzjonijiet ta’ implimentazzjoni għandhom jagħżlu l-miżuri l-aktar adattati għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom mill-firxa ta’ miżuri disponibbli.

(20)

L-implimentazzjoni tal-Fond għandha tkun konsistenti mal-Prinċipji Bażiċi Komuni tal-Unjoni dwar l-Integrazzjoni, kif speċifikat fil-Programm Komuni għall-Integrazzjoni.

(21)

L-ambitu tal-miżuri ta’ integrazzjoni għandu jinkludi wkoll il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali sabiex ikun żgurat approċċ komprensiv għall-integrazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ dawn il-gruppi fil-mira. Fejn il-miżuri għall-integrazzjoni jkunu kkombinati mal-akkoljenza, l-azzjonijiet għandhom, fejn ikun adatt, jippermettu wkoll l-inklużjoni ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali.

(22)

Biex tiġi żgurata l-konsistenza tar-rispons tal-Unjoni għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Fond għandhom ikunu speċifiċi u komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Fond Soċjali Ewropew. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Fond għandhom ikunu meħtieġa jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri għall-għan tal-ġestjoni tal-interventi tal-Fond Soċjali Ewropew.

(23)

Għal raġunijiet prattiċi, xi azzjonijiet jistgħu jikkonċernaw grupp ta’ persuni li jista’ jiġi indirizzat b’mod aktar effettiv bħala grupp, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn il-membri tiegħu. Għalhekk, ikun adatt li tiġi prevista l-possibbiltà għal dawk l-Istati Membri li jixtiequ dan li jipprevedu fil-programmi nazzjonali tagħhom li l-azzjonijiet ta’ integrazzjoni jistgħu jinkludu membri immedjati tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, sal-punt li jkun meħtieġ għall-implimentazzjoni effettiva ta’ tali azzjonijiet. It-terminu “membru immedjat tal-familja” għandu jinftiehem li ifisser il-konjuġi, is-sieħeb jew is-sieħba, u kwalunkwe persuna li għandha rabtiet familjari diretti fil-linja dixxendentali jew axxendentali maċ-ċittadin tal-pajjiż terz li huwa fil-mira tal-azzjonijiet ta’ integrazzjoni u li ma jkunx kopert b’mod ieħor mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond.

(24)

Il-Fond għandu jappoġġa lill-Istati Membri fit-twaqqif ta’ strateġiji għall-organizzazzjoni ta’ migrazzjoni legali, li jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jiżviluppaw, jimplimentaw, jimmonitorjaw u jevalwaw b’mod ġenerali l-istrateġiji, il-politiki u l-miżuri kollha tal-immigrazzjoni u l-integrazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi l-istrumenti legali tal-Unjoni. Il-Fond għandu jappoġġa wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni, l-aħjar prattiki u l-kooperazzjoni bejn id-dipartimenti differenti tal-amministrazzjoni kif ukoll ma’ Stati Membri oħra.

(25)

L-Unjoni għandha tkompli u tespandi l-użu ta’ Sħubiji għall-Mobilità bħala l-qafas prinċipali ta’ kooperazzjoni strateġika, komprensiva u fit-tul għall-ġestjoni tal-migrazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Il-Fond għandu jappoġġa attivitajiet fil-qafas ta’ Sħubiji għall-Mobilità li jseħħu fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi u mmirati lejn l-insegwiment tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-Unjoni, b’mod partikolari azzjonijiet li jiżguraw il-kontinwità tal-finanzjament li jinkludu kemm l-Unjoni kif ukoll pajjiżi terzi.

(26)

Huwa xieraq li jkompli jingħata appoġġ u jiġu inkoraġġuti l-isforzi tal-Istati Membri biex itejbu l-ġestjoni tar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fid-dimensjonijiet kollha tagħha, bil-ħsieb ta’ implimentazzjoni ġusta u effettiva kontinwa ta’ standards komuni dwar ir-ritorn, b’mod partikolari kif stabbilit fid-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Il-Fond għandu jippromwovi l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ ritorn f’livell nazzjonali fi ħdan il-kunċett ta’ ġestjoni integrata tar-ritorn, u wkoll miżuri li jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tagħhom f’pajjiżi terzi.

(27)

Fir-rigward tar-ritorn volontarju ta’ persuni, inklużi persuni li jixtiequ jirritornaw minkejja l-fatt li ma għandhom l-ebda obbligu li jħallu t-territorju, għat-tali persuni li jirritornaw għandhom ikunu previsti inċentivi, bħal trattament preferenzjali fil-forma ta’ għajnuna mtejba għar-ritorn. Dan it-tip ta’ ritorn volontarju huwa fl-interess kemm tal-persuni li jirritornaw kif ukoll tal-awtoritajiet f’termini tal-kost-effettività tiegħu. L-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa jagħtu preferenza għar-ritorn volontarju.

(28)

Madankollu, mill-perspettiva ta’ politika, ir-ritorn volontarju u infurzat huma interkonnessi u għandhom effett ta’ tisħiħ reċiproku u, għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa fil-ġestjoni tar-ritorn tagħhom biex isaħħu l-kumplimentaritajiet taż-żewġ forom. Hemm il-ħtieġa li jitwettqu tneħħijiet sabiex tkun salvagwardjata l-integrità tal-politika dwar l-immigrazzjoni u l-asil tal-Unjoni u s-sistemi tal-immigrazzjoni u l-asil tal-Istati Membri. Għalhekk il-possibbiltà ta’ tneħħijiet hija prerekwiżit biex ikun żgurat li din il-politika ma tkunx mhedda u biex ikun infurzat l-istat tad-dritt, li fih innifsu huwa essenzjali għall-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-Fond għandu għalhekk jappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri li jiffaċilitaw tneħħijiet f’konformità mal-istandards stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, fejn ikun applikabbli, u b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u d-dinjità tal-persuni li jirritornaw.

(29)

Huwa essenzjali għall-Fond li jappoġġa miżuri speċifiċi għall-persuni li marru lura fil-pajjiż ta’ ritorn, sabiex ikun żgurat ir-ritorn effettiv tagħhom lejn il-belt jew reġjun tagħhom ta’ oriġini taħt kondizzjonijiet tajbin u biex ittejjeb ir-riintegrazzjoni dejjiema tagħhom fil-komunità tagħhom.

(30)

Il-ftehimiet ta’ riammissjoni tal-Unjoni huma komponent integrali tal-politika ta’ ritorn tal-Unjoni u għodda ċentrali għall-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji peress li jiffaċilitaw ir-ritorn ta’ malajr ta’ migranti irregolari. Dawk il-ftehimiet huma element importanti fil-qafas tad-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi tal-oriġini u t-tranżitu ta’ migranti irregolari u l-implimentazzjoni tagħhom fil-pajjiżi terzi għandha tkun appoġġata fl-interess ta’ strateġiji ta’ ritorn effettivi fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(31)

Il-Fond għandu jikkumplimenta u jsaħħaħ l-attivitajiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 (8), li parti mill-inkarigi tagħha huwa li tipprovdi lill-Istati Membri bl-appoġġ meħtieġ għall-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn konġunti u għall-identifikazzjoni ta l-aħjar prattiki dwar l-akkwiżizzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u t-tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali fit-territorji tal-Istati Membri kif ukoll biex tassisti lill-Istati Membri f’ċirkostanzi li jeħtieġu assistenza teknika u operazzjonali miżjuda fil-fruntieri esterni, b’kont meħud li xi sitwazzjonijiet jistgħu jinvolvu emerġenzi umanitarji u salvataġġ fil-baħar.

(32)

Minbarra l-appoġġ għar-ritorn ta’ persuni kif previst f’dan ir-Regolament, il-Fond għandu wkoll jappoġġa miżuri oħra biex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali jew l-evitar ta’ regoli eżistenti dwar il-migrazzjoni legali, biex b’hekk tiġi salvagwardata l-integrità tas-sistemi tal-immigrazzjoni tal-Istati Membri.

(33)

Il-Fond għandu jiġi implimentat b’rispett sħiħ għad-drittijiet u l-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għad-drittijiet fundamentali minquxa fl-istrumenti internazzjonali rilevanti, inkluż fil-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-azzjonijiet eliġibbli għandhom jieħdu kont tal-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-protezzjoni ta’ migranti, refuġjati u dawk li jfittxu asil, u għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li tingħata attenzjoni speċjali lil, u li jkun previst rispons iddedikat, għas-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli, b’mod partikolari n-nisa, l-minorenni mhux akkumpanjati u minorenni oħra f’riskju.

(34)

It-termini “persuni vulnerabbli” u “membri tal-familja” huma definiti b’mod differenti f’atti differenti rilevanti għal dan ir-Regolament. Huma għandhom għalhekk jinftehmu skont it-tifsira tal-att rilevanti, waqt li jittieħed kont tal-kuntest li jintużaw fih. Fil-kuntest tar-risistemazzjoni, l-Istati Membri li jirrisistemaw għandhom jikkonsultaw mill-qrib mal-UNHCR fir-rigward tat-terminu “membri tal-familja” fil-prattiki ta’ risistemazzjoni tagħhom u fil-proċessi effettivi ta’ risistemazzjoni.

(35)

Miżuri dwar u fir-rigward ta’ pajjiżi terzi appoġġati permezz tal-Fond għandhom jiġu adottati f’sinerġija u koerenza ma’ azzjonijiet oħra barra l-Unjoni appoġġati permezz ta’ strumenti ta’ assistenza esterna tal-Unjoni, kemm ġeografiċi kif ukoll tematiċi. B’mod partikolari, fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet għandha titfittex koerenza sħiħa mal-prinċipji u l-objettivi ġenerali tal-azzjoni esterna u l-politika barranija tal-Unjoni relatata mal-pajjiż jew ir-reġjun ikkonċernat. Il-miżuri m’għandux ikollhom l-intenzjoni li jappoġġaw azzjonijiet li huma direttament orjentati lejn l-iżvilupp u għandhom jikkumplimentaw, fejn adatt, l-assistenza finanzjarja pprovduta permezz ta’ strumenti tal-għajnuna esterni. Il-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, kif jinsab fil-paragrafu 35 tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, għandu jiġi rispettat. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-assistenza ta’ emerġenza tkun konsistenti ma’, u fejn rilevanti, kumplementari mal-politika umanitarja tal-Unjoni u tirrispetta l-prinċipji umanitarji kif stabbiliti mill-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

(36)

Parti kbira tar-riżorsi disponibbli taħt il-Fond għandha tiġi allokata b’mod proporzjonat mar-responsabbiltà merfugħa minn kull Stat Membru permezz tal-isforzi tiegħu fil-ġestjoni tal-flussi migratorji abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Għal dak l-iskop, għandha tintuża l-aktar data statistika reċenti disponibbli miġbura mill-Eurostat taħt ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) li jirrigwardaw il-flussi migratorji, bħalma huwa l-għadd ta’ applikazzjonijiet tal-ewwel asil, l-għadd ta’ deċiżjonijiet pożittivi li jagħtu protezzjoni ta’ refuġjat jew sussidjarja, l-għadd ta’ refuġjati risistemati, l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment, l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kisbu awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru sabiex jirrisjedu, l-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali u l-għadd ta’ ritorni effettwati.

(37)

L-allokazzjoni ta’ ammonti bażiċi lill-Istati Membri hijastipulata f’dan ir-Regolament. L-ammont bażiku huwa magħmul minn ammont minimu u minn ammont ikkalkulat abbażi tal-medja tal-allokazzjonijiet għall-2011, l-2012 u l-2013 għal kull Stat Membru taħt il-Fond Ewropew għar-Rifuġjati, stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 2007/435/KE (11) u l-Fond Ewropew għar-Ritorn stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Il-kalkolu tal-allokazzjonijiet sar f’konformità mal-kriterji tad-distribuzzjoni stipulati fid-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE, id-Deċiżjoni 2007/435/KE u d-Deċiżjoni Nru 575/2007/KE. Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7-8 ta’ Frar 2013 li enfasizzaw li ser ssir enfasi partikolari fuq soċjetajiet insulari li jiffaċċaw sfidi ta’ migrazzjoni sproporzjonati, huwa adatt li jiżdiedu l-ammonti minimi għal Ċipru u Malta.

(38)

Filwaqt li huwa xieraq li jkun allokat lil kull Stat Membru ammont ibbażat fuq l-aktar data statistika reċenti disponibbli, parti mir-riżorsi disponibbli taħt il-Fond għandha tkun imqassma wkoll għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi li jeħtieġu sforz kooperattiv fost l-Istati Membri u jiġġeneraw valur miżjud sinifikanti għall-Unjoni, kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ Programm ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni u t-trasferiment ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru wieħed għall-ieħor.

(39)

Għal dak il-għan, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi lista ta’ azzjonijiet speċifiċi eliġibbli għal riżorsi mill-Fond. Għandhom jiġu allokati ammonti addizzjonali lil dawk l-Istati Membri li jintrabtu li jimplimentaw tali azzjonijiet.

(40)

Fid-dawl tal-istabbiliment progressiv ta’ Programm ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni, il-Fond għandu jipprovdi assistenza mmirata fil-forma ta’ inċentivi finanzjarji (somom sħaħ) għal kull persuna risistemata. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-EASO u skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni effettiva ta’ operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni appoġġati mill-Fond.

(41)

Bil-għan li jiżdied l-impatt tal-isforzi tal-Unjoni għar-risistemazzjoni fl-għoti ta’ protezzjoni lill-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u li jinkiseb l-impatt strateġiku massimu tar-risistemazzjoni permezz ta’ ffukar aħjar fuq dawk il-persuni li l-aktar jeħtieġu risistemazzjoni, il-prijoritajiet komuni fir-rigward tar-risistemazzjoni għandhom jiġu fformulati fil-livell tal-Unjoni. Dawk il-prijoritajiet komuni għandhom jiġu emendati biss fejn ikun hemm ġustifikazzjoni ċara biex isir hekk, jew fid-dawl ta’ rakkomandazzjonijiet mill-UNHCR fuq il-bażi tal-kategoriji ġenerali speċifikati f’dan ir-Regolament.

(42)

Minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom, xi kategoriji ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali għandhom dejjem ikunu inklużi fil-prijoritajiet komuni tal-Unjoni għar-risistemazzjoni.

(43)

Meta jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ risistemazzjoni stabbiliti fil-prijoritajiet komuni tal-Unjoni għar-risistemazzjoni, huwa meħtieġ ukoll li jkunu previsti inċentivi finanzjarji addizzjonali għar-risistemazzjoni ta’ persuni fir-rigward ta’ reġjuni ġeografiċi u nazzjonalitajiet speċifiċi, kif ukoll tal-kategoriji speċifiċi ta’ persuni li għandhom jiġu risistemati, fejn ir-risistemazzjoni tkun determinata bħala l-aktar rispons xieraq għall-ħtiġijiet speċjali tagħhom.

(44)

Biex titjieb is-solidarjetà u ssir kondiviżjoni aħjar tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari lejn dawk l-aktar milquta mill-flussi tal-asil, għandu jiġi stabbilit ukoll mekkaniżmu simili bbażat fuq inċentivi finanzjarji għat-trasferiment ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru wieħed għall-ieħor. Tali mekkaniżmu għandu jnaqqas il-pressjoni minn fuq Stati Membri li jirċievu numri għoljin ta’ persuni li jfittxu asil u benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, f’termini assoluti jew inkella f’termini proporzjonati.

(45)

L-appoġġ ipprovdut mill-Fond ser ikun aktar effiċjenti u jġib valur miżjud akbar jekk jiġi identifikat għadd limitat ta’ objettivi obbligatorji f’dan ir-Regolament, li għandhom jiġu segwiti fil-programmi mfassla minn kull Stat Membru u filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu.

(46)

Huwa importanti għas-solidarjetà msaħħa li l-Fond jipprovdi, f’koordinazzjoni u f’sinerġija mal-assistenza umanitarja mmexxija mill-Kummissjoni fejn adatt, appoġġ addizzjonali biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ emerġenza ta’ pressjoni migratorja qawwija fi Stati Membri jew pajjiżi terzi jew fil-każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spustati, skont id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (13), permezz ta’ assistenza ta’ emerġenza. L-assistenza ta’ emerġenza għandha tinkludi wkoll l-appoġġ lil programmi ad hoc ta’ ammissjoni umanitarja li għandhom l-għan li jippermettu soġġorn temporanju fuq it-territorju ta’ Stat Membru f’każ ta’ kriżi umanitarja urġenti f’pajjiżi terzi. Madankollu, dawn il-programmi oħra ta’ ammissjoni umanitarja huma mingħajr preġudizzju għal, u m’għandhomx jimminaw, il-programm ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni li sa mill-bidu jimmira espliċitament li jipprovdi soluzzjoni dejjiema għal persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali trasferiti fl-Unjoni minn pajjiżi terzi. Għal dan il-għan, l-Istati Membri m’għandhomx ikunu intitolati jirċievu somom sħiħa fir-rigward ta’ persuni mogħtija soġġorn temporanju fuq it-territorju ta’ Stat Membru taħt dawn il-programmi oħra ta’ ammissjoni umanitarja.

(47)

Dan ir-Regolament għandu jipprovdi assistenza finanzjarja għall-attivitajiet tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE (14) f’konformità mal-objettivi u l-inkarigi tagħha.

(48)

Id-Deċiżjoni 2008/381/KE għandha għalhekk tiġi emendata biex jiġu allinjati l-proċeduri u jiġi ffaċilitat l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju adatt u f’waqtu lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali li huma msemmija f’dik id-Deċiżjoni.

(49)

Fid-dawl tal-għan tal-inċentivi finanzjarji allokati lill-Istati Membri għar-risistemazzjoni u/jew it-trasferiment ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru għal ieħor fil-forma ta’ somom sħaħ, u minħabba li jirrappreżentaw frazzjoni żgħira tal-ispejjeż proprji, dan ir-Regolament għandu jipprevedi ċerti derogi mir-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa.

(50)

Sabiex ikunu ssupplimentati jew emendati d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar l-ammonti sħaħ għar-risistemazzjoni u t-trasferiment ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru għal ieħor, u dwar id-definizzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi u ta’ prijoritajiet komuni tal-Unjoni għar-risistemazzjoni, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, waqt it-tħejjija u t-tfassil ta’ atti delegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u adatta ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(51)

Fl-applikazzjoni ta’ dan r-Regolament, inkluż il-preparazzjoni tal-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti mill-Istati Membri kollha.

(52)

Biex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni fuq il-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(53)

Il-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni għandu jikkonċentra fuq attivitajiet fejn l-intervent tal-Unjoni jista’ jagħti valur addizzjonali meta mqabbel mal-azzjoni tal-Istati Membri waħdu. Peress li l-Unjoni tinsab f’pożizzjoni aħjar mill-Istati Membri biex tipprovdi qafas għall-espressjoni ta’ solidarjetà tal-Unjoni fil-ġestjoni tal-flussi migratorji, l-appoġġ finanzjarju pprovdut taħt dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi b’mod partikolari biex jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali u tal-Unjoni f’dan il-qasam.

(54)

Hemm il-ħtieġa ta’ massimizzazzjoni tal-impatt tal-finanzjamenti tal-Unjoni permezz ta’ mobilizzazzjoni, ġbir komuni u tisħiħ tar-riżorsi finanzjarji pubbliċi u privati.

(55)

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Fond f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) bl-għajnuna ta’ indikaturi komuni għall-evalwazzjoni tar-riżultati u l-impatti. Dawk l-indikaturi, inklużi linji ta’ referenza rilevanti, għandhom jipprovdu l-bażi minima sabiex jiġi vvalutat sa liema punt intlaħqu l-objettivi tal-Fond.

(56)

Biex jitkejlu l-kisbiet tal-Fond, għandhom jiġu stabbiliti indikaturi komuni b’rabta ma’ kull objettiv speċifiku tiegħu. L-indikaturi komuni m’għandhomx jaffettwaw in-natura fakultattiva jew obbligatorja tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet relatati kif imniżżla f’dan ir-Regolament.

(57)

Għall-għan tal-ġestjoni u l-implimentazzjoni tiegħu, il-Fond għandu jifforma parti minn qafas koerenti li jikkonsisti minn dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). Għall-finijiet tal-Fond, is-sħubija prevista fir-Regolament (UE) Nru 514/2014 għandha tinkludi organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u msieħba soċjali rilevanti. Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli li jistabbilixxi l-kompożizzjoni tas-sħubija u l-arranġamenti prattiċi rigward l-implimentazzjoni tagħha.

(58)

Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jikkontribwixxi għal ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji u għall-implimentazzjoni, it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja u l-politika komuni dwar l-immigrazzjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(59)

Skont l-Artikoli 8 u 10 TFUE, il-Fond għandu jqis il-prinċipji tal-integrazzjoni tad-dimesjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-prinċipji ta’ antidiskriminazzjoni.

(60)

Id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE, Nru 575/2007/KE u 2007/435/KE għandhom jitħassru, soġġett għad-dispożizzjonijiet transitorji stipulati f’dan ir-Regolament.

(61)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħha li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(62)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex la marbuta bih u lanqas ma hija soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(63)

Huwa adatt li jiġi allinjat il-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma’ dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (18). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (“il-Fond”) għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

2.   Dan ir-Regolament jistipula:

(a)

l-objettivi tal-appoġġ finanzjarju u l-azzjonijiet eliġibbli;

(b)

il-qafas ġenerali għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet eliġibbli;

(c)

ir-riżorsi finanzjarji disponibbli u d-distribuzzjoni tagħhom;

(d)

il-prinċipji u l-mekkaniżmu għall-istabbiliment ta’ prijoritajiet komuni tal-Unjoni għar-risistemazzjoni;

(e)

l-assistenza finanzjarja prevista għall-attivitajiet tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni.

3.   Dan ir-Regolament jipprevedi l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 514/2014, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“risistemazzjoni” tfisser il-proċess li bih, fuq talba mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (“UNHCR”) ibbażata fuq il-ħtieġa ta’ persuna għal protezzjoni internazzjonali, ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu trasferiti minn pajjiż terz u stabbiliti fi Stat Membru fejn ikollhom permess jirrisjedu b’wieħed mill-istatus li ġejjin:

(i)

“status ta’ refuġjat” fis-sens tal-punt (e) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE;

(ii)

“status ta’ protezzjoni sussidjarja” fis-sens tal-punt (g) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE, jew

(iii)

kwalunkwe status oħra li joffri drittijiet u benefiċċji simili skont il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni bħal dawk l-istatus imsemmijin fil-punti (i) u (ii);

(b)

“programmi oħra ta’ ammissjoni umanitarja” tfisser proċess ad hoc li bih Stat Membru jdaħħal għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal soġġorn fit-territorju tiegħu għal perijodu ta’ żmien temporanju sabiex jipproteġihom minn kriżijiet umanitarji urġenti dovuti għal avvenimenti bħal żviluppi jew konflitti politiċi;

(c)

“protezzjoni internazzjonali” tfisser status ta’ refuġjat u status ta’ protezzjoni sussidjarja fis-sens tad-Direttiva 2011/95/UE;

(d)

“ritorn” tfisser il-proċess ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jmur lura, kemm jekk b’osservanza volontarja ta’ obbligu ta’ ritorn jew b’mod furzat, kif definit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE;

(e)

“ċittadini ta’ pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE. Ir-referenza għal ċittadini ta’ pajjiż terz għandha tinftiehem li tinkludi persuni apolidi u persuni b’nazzjonalità mhux iddeterminata;

(f)

“tneħħija” tfisser l-infurzar tal-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasportazzjoni fiżika ‘barra mill-Istat Membru, kif definit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE;

(g)

“tluq volontarju” tfisser osservanza tal-obbligu ta’ ritorn fil-limitu ta’ żmien iffissat għal dak l-għan fid-deċiżjoni ta’ ritorn, kif definit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE;

(h)

“minorenni mhux akkumpanjat” tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz taħt l-età ta’ 18-il sena, li jasal jew wasal fit-territorju ta’ Stat Membru mhux akkumpanjat minn adult responsabbli għalih kemm bil-liġi jew bil-prattika nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, u sakemm huwa ma jittiħidx effettivament taħt il-kura ta’ tali persuna; dan jinkludi minorenni li jitħalla mhux akkumpanjat wara li huwa daħal fit-territorju ta’ Stat Membru;

(i)

“persuna vulnerabbli” tfisser kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jikkonforma mad-definizzjoni taħt il-liġi tal-Unjoni rilevanti għall-qasam politiku ta’ azzjoni appoġġata taħt il-Fond;

(j)

“membru tal-familja” tfisser kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jikkonforma maddefinizzjoni taħt il-liġi tal-Unjoni rilevanti għall-qasam politiku ta’ azzjoni appoġġata taħt il-Fond;

(k)

“sitwazzjoni ta’ emerġenza” tfisser sitwazzjoni li tirriżulta minn:

(i)

pressjoni migratorja qawwija fi Stat Membru wieħed jew aktar ikkaratterizzata minn influss kbir u sproporzjonat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li tpoġġi piżijiet sinifikanti u urġenti fuq il-faċilitajiet ta’ akkoljenza u detenzjoni tagħhom kif ukoll is-sistemi u l-proċeduri tal-asil tagħhom,

(ii)

l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ protezzjoni temporanji fis-sens tad-Direttiva 2001/55/KE, jew

(iii)

pressjoni migratorja qawwija f’pajjiżi terzi fejn jinqabdu refuġjati minħabba ġrajjiet bħalma huma żviluppi politiċi jew konflitti.

Artikolu 3

Għanijiet

1.   L-għan ġenerali tal-Fond għandu jkun li jikkontribwixxi għall-ġestjoni effiċjenti tal-flussi tal-migrazzjoni u għall-implimentazzjoni, it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja u l-politika komuni dwar il-migrazzjoni, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet u l-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Fi ħdan l-objettiv ġenerali tiegħu, il-Fond għandu jikkontribwixxi għall-objettivi speċifiċi komuni li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-aspetti kollha tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, inkluż id-dimensjoni esterna tagħha;

(b)

l-appoġġ għall-migrazzjoni legali lejn l-Istati Membri f’konformità mal-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, bħalma huma l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, filwaqt li tiġi salvagwardata l-integrità tas-sistemi tal-immigrazzjoni tal-Istati Membri, u l-promozzjoni tal-integrazzjoni effettiva ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

(c)

it-titjib ta’ strateġiji ta’ ritorn ġusti u effettivi fl-Istati Membri, li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, b’enfasi fuq is-sostenibbiltà tar-ritorn u r-riammissjoni effettiva fil-pajjiżi tal-oriġini u ta’ transitu;

(d)

it-titjib tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari lejn dawk l-aktar milquta mill-flussi migratorji u tal-asil, inkluż permezz tal-kooperazzjoni prattika.

Il-kisba ta’ objettivi speċifiċi ta’ dan il-Fond għandhom jiġu evalwati f’konformità mal-Artikolu 55(2) tar-Regolament (UE) No 514/2014 bl-użu ta’ indikaturi komuni kif jinsabu fl-Anness IV għal dan ir-Regolament u indikaturi speċifiċi għall-programm inklużi fil-programmi nazzjonali.

3.   Miżuri meħuda biex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu totalment koerenti ma’ miżuri appoġġati mill-istrumenti ta’ finanzjament estern tal-Unjoni u ml-prinċipji u l-objettivi ġenerali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

4.   L-objettivi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinkisbu bir-rispett dovut għall-prinċipji u l-objettivi tal-politika umanitarja tal-Unjoni. Il-konsistenza mal-miżuri ffinanzjati permezz tal-istrumenti esterni ta’ finanzjament tal-Unjoni għandhom ikunu żgurati skont l-Artikolu 24.

Artikolu 4

Sħubija

Għall-finijiet tal-Fond, is-sħubija msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 għandha tinkludi organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u msieħba soċjali rilevanti.

KAPITOLU II

SISTEMA EWROPEA KOMUNI TAL-ASIL

Artikolu 5

Sistemi tal-akkoljenza u l-asil

1.   Fi ħdan l-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament, fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu ta’ politika kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/.2014, u f’konformità mal-objettivi tal-programmi nazzjonali stipulati fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, il-Fond għandu jappoġġa l-azzjonijiet li jiffokaw fuq waħda jew aktar mill-kategoriji li ġejjin ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi:

(a)

dawk li jgawdu minn status ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja fis-sens tad-Direttiva 2011/95/UE;

(b)

dawk li applikaw għal waħda minn dawk iż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali msemmijin fil-punt (a) u għadhom ma rċevewx deċiżjoni finali;

(c)

dawk li jgawdu minn protezzjoni temporanja fit-tifsira tad-Direttiva 2001/55/KE;

(d)

dawk li qed jiġu jew ġew risistemati fi Stat Membru jew trasferiti minnu.

Fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-akkoljenza u l-proċeduri tal-asil, il-Fond għandu jappoġġa, b’mod partikolari, l-azzjonijiet li ġejjin li jiffokaw fuq il-kategoriji ta’ persuni msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu:

(a)

provvista ta’ għajnuna materjali, inkluża assistenza fil-fruntiera, edukazzjoni, taħriġ, servizzi ta’ appoġġ, saħħa u kura psikoloġika;

(b)

il-provvista ta’ servizzi ta’ appoġġ bħal traduzzjoni u interpretazzjoni, edukazzjoni, taħriġ, inkluż taħriġ lingwistiku, u inizjattivi oħra li huma konsistenti mal-istatus tal-persuna kkonċernata;

(c)

l-istabbiliment u t-titjib ta’ strutturi amministrattivi, sistemi u taħriġ għal persunal u awtoritajiet rilevanti biex jiġi żgurat aċċess effettiv u faċli għal proċeduri ta’ asil għal dawk li jfittxu l-asil u proċeduri effiċjenti u ta’ kwalità għolja ta’ asil, b’mod partikolari, fejn meħtieġ, biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-acquis tal-Unjoni dwar l-asil;

(d)

il-provvista ta’ assistenza soċjali, informazzjoni jew għajnuna rigward formalitajiet amministrattivi u/jew ġudizzjarji u informazzjoni jew pariri dwar l-eżiti possibbli tal-proċedura tal-asil, inkluż dwar aspetti bħal proċeduri tar-ritorn;

(e)

il-provvista ta’ assistenza u rappreżentanza legali;

(f)

l-identifikazzjoni ta’ gruppi vulnerabbli u assistenza speċifika għal persuni vulnerabbli, b’mod partikolari f’konformità mal-punti (a) sa (e);

(g)

l-istabbiliment, l-iżvilupp u t-titjib ta’ miżuri alternattivi għad-detenzjoni.

Fejn jitqies adatt u fejn il-programm nazzjonali ta’ Stat Membru jipprevedihom, il-Fond jista’ jappoġġa wkoll miżuri relatati mal-integrazzjoni, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 9(1) rigward l-akkoljenza tal-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

2.   Fi ħdan l-objettiv speċifiku definit fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2), u f’konformità mal-objettivi tal-programmi nazzjonali definiti fl-Artikolu 19, fir-rigward tal-infrastruttura tal-akkomodazzjoni u s-sistemi tal-akkoljenza, il-Fond għandu jappoġġa, b’mod partikolari, l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-titjib u l-manutenzjoni tal-infrastrutturi u s-servizzi ta’ akkomodazzjoni eżistenti;

(b)

it-tisħiħ u t-titjib tal-istrutturi u s-sistemi amministrattivi;

(c)

informazzjoni għal komunitajiet lokali;

(d)

it-taħriġ tal-persunal tal-awtoritajiet, inklużi l-awtoritajiet lokali li ser jinteraġixxu mal-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 fil-kuntest tal-akkoljenza tagħhom;

(e)

l-istabbiliment, il-ġestjoni u l-iżvilupp ta’ infrastruttura u servizzi ġodda tal-akkomodazzjoni kif ukoll strutturi u sistemi amministrattivi, b’mod partikolari, fejn meħtieġ, biex ikunu indirizzati l-ħtiġijiet strutturali tal-Istati Membri.

3.   Fi ħdan l-objettivi speċifiċi stipulati fil-punti (a) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2), u f’konformità mal-objettivi tal-programmi nazzjonali definiti fl-Artikolu 19, il-Fond għandu jappoġġa wkoll azzjonijiet simili għal dawk elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fejn tali azzjonijiet ikunu b’rabta ma’ persuni b’soġġorn temporanju:

f’ċentri ta’ tranżitu u tal-ipproċessar għar-refuġjati, b’mod partikolari b’appoġġ għal operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni f’kooperazzjoni mal-UNHCR, jew

fit-territorju ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ programmi oħra ta’ ammissjoni umanitarja.

Artikolu 6

Kapaċità tal-Istati Membri li jiżviluppaw, jimmonitorjaw u jevalwaw il-politiki u l-proċeduri tagħhom tal-asil

Fi ħdan l-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament, fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu ta’ politika kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, u f’konformità mal-objettivi tal-programmi nazzjonali definiti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward ta’ azzjonijiet relatati mat-titjib tal-kapaċità tal-Istati Membri li jiżviluppaw, jimmonitorjaw u jevalwaw il-politiki u l-proċeduri ta’ asil tagħhom, il-Fond għandu jappoġġa, b’mod partikolari, l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

azzjonijiet li jtejbu l-kapaċità tal-Istati Membri - inkluż fir-rigward tal-mekkaniżmu għal twissija bikrija, l-istat ta’ tħejjija u l-immaniġġar ta’ kriżijiet stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19)- li jiġbru, janalizzaw u jxerrdu data u statistika kwalitattiva u kwantitattiva dwar il-proċeduri ta’ asil, il-kapaċitajiet tal-akkoljenza, ir-risistemazzjoni u t-trasferiment ta’ applikanti għal u/jew benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru wieħed għal ieħor;

(b)

azzjonijiet li jtejbu l-kapaċità tal-Istati Membri li jiġbru, janalizzaw u jxerrdu informazzjoni li tirrigwarda l-pajjiż tal-oriġini;

(c)

azzjonijiet li jikkontribwixxu direttament għall-evalwazzjoni tal-politiki dwar l-asil, bħall-valutazzjonijiet nazzjonali tal-impatt, stħarriġ fost il-gruppi fil-mira u l-partijiet interessati l-oħra rilevanti, u għall-iżvilupp ta’ indikaturi u valutazzjonijiet komparattivi.

Artikolu 7

Risistemazzjoni, trasferiment ta’ applikanti għal, u/jew benefiċjarji ta’, protezzjoni internazzjonali u ammissjonijiet umanitarji oħra ad hoc

1.   Fi ħdan l-objettiv speċifiku stipulat fil-punti (a) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament, fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu dwar il-politika kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u f’konformità mal-objettivi tal-programmi nazzjonali definiti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, il-Fond għandu jappoġġa b’mod partikolari, l-azzjonijiet li ġejjin relatati mar-risistemazzjoni ta’ kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jiġi risistemat jew li ġie risistemat fi Stat Membru, u programmi oħra ta’ ammissjoni umanitarja:

(a)

l-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ programmi nazzjonali ta’ risistemazzjoni u strateġiji u programmi oħra ta’ ammissjoni umanitarja, inkluż analiżi tal-ħtiġijiet, it-titjib ta’ indikaturi u evalwazzjoni;

(b)

l-istabbiliment ta’ infrastruttura u servizzi adatti biex tkun żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel u effettiva ta’ azzjonijiet ta’ risistemazzjoni u ta’ azzjonijiet rigward programmi oħra ta’ ammissjoni umanitarja, inkluż assistenza lingwistika;

(c)

it-twaqqif ta’ strutturi, sistemi u taħriġ tal-persunal biex jitmexxew missjonijiet f’pajjiżi terzi u/jew Stati Membri oħra, biex jitwettqu intervisti, skrutinju mediku u ta’ sigurtà;

(d)

il-valutazzjoni tal-każijiet potenzjali ta’ risistemazzjoni u/jew każijiet ta’ ammissjoni umanitarja oħra mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bħat-tmexxija ta’ missjonijiet fil-pajjiż terz, l-intervisti u l-iskrutinju mediku u ta’ sigurtà;

(e)

il-valutazzjoni tas-saħħa u t-trattament mediku ta’ qabel it-tluq, il-provvisti materjali ta’ qabel it-tluq, l-informazzjoni u l-miżuri ta’ integrazzjoni ta’ qabel it-tluq u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar, inkluż il-provvista ta’ servizzi ta’ skorta medika;

(f)

l-informazzjoni u l-assistenza mal-wasla jew ftit wara, inkluż servizzi ta’ interpretazzjoni;

(g)

l-azzjonijiet għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja għal persuni li qed jiġu risistemati fi Stat Membru;

(h)

it-tisħiħ tal-infrastruttura u s-servizzi rilevanti għall-migrazzjoni u l-asil fil-pajjiżi maħtura għall-implimentazzjoni tal-Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali

(i)

il-ħolqien ta’ kondizzjonijiet li jwasslu għall-integrazzjoni, l-awtonomija u l-awtodipendenza ta’ refuġjati risistemati fuq bażi fit-tul.

2.   Fi ħdan l-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament, fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu ta’ politika kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, u f’konformità mal-objettivi tal-programmi nazzjonali definiti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, il-Fond għandu jappoġġa wkoll azzjonijiet simili għal dawk elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fejn jitqies adatt fid-dawl tal-iżviluppi ta’ politika matul il-perijodu tal-implimentazzjoni tal-Fond jew fejn il-programm nazzjonali tal-Istat Membru jagħmel dispożizzjonijiet bħal dawn, b’rabta mat-trasferiment ta’ applikanti għal u/jew benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. Tali operazzjonijiet għandhom jitwettqu bil-kunsens tagħhom minn Stat Membru li tahom il-protezzjoni internazzjonali jew li huwa responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tagħhom jew Stat Membru interessat ieħor fejn ser jingħataw protezzjoni ekwivalenti jew fejn l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali ser tiġi eżaminata.

KAPITOLU III

INTEGRAZZJONI TA’ ĊITTADINI TA’ PAJJIŻI TERZI U MIGRAZZJONI LEGALI

Artikolu 8

Miżuri ta’ immigrazzjoni u ta’ qabel it-tluq

Fi ħdan l-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament, fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu ta’ politika kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, u f’konformità mal-objettivi tal-programmi nazzjonali definiti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, il-Fond għandu jappoġġa l-azzjonijiet li qed isiru f’pajjiż terz li jiffokaw fuq ċittadini ta’ pajjiż terz li jikkonformaw mal-miżuri speċifiċi ta’ qabel it-tluq u/jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni fejn dan ikun japplika, inkluż dawk marbuta mal-kapaċità ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ Stat Membru. F’dan il-kuntest, il-Fond għandu jappoġġa, b’mod partikolari, l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

pakketti ta’ informazzjoni u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u promozzjoni tad-djalogu interkulturali, inkluż permezz ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u websajts li huma faċli biex jintużaw;

(b)

il-valutazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki kif ukoll titjib tat-trasparenza u l-kompatibbiltà tal-ħiliet u l-kwalifiki f’pajjiż terz ma’ dawk ta’ Stat Membru;

(c)

taħriġ li jtejjeb l-impjegabbiltà fi Stat Membru;

(d)

korsijiet komprensivi ta’ orjentazzjoni ċivika u tagħlim lingwistiku.

(e)

assistenza fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni ta’ familja fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE (20).

Artikolu 9

Miżuri ta’ integrazzjoni

1.   Fi ħdan l-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament, fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu ta’ politika kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, u f’konformità mal-objettivi tal-programmi nazzjonali definiti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, il-Fond għandu jappoġġa l-azzjonijiet li jitwettqu fil-qafas ta’ strateġiji konsistenti, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġijiet ta’ integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fil-livell lokali u/jew reġjonali. F’dan il-kuntest, il-Fond għandu jappoġġa, b’mod partikolari, l-azzjonijiet li ġejjin li jiffokaw fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jirrisjedu legalment fi Stat Membru jew, fejn ikun xieraq, li huma fil-proċess li jiksbu residenza legali fi Stat Membru:

(a)

it-twaqqif u l-iżvilupp ta’ tali strateġiji ta’ integrazzjoni bil-parteċipazzjoni ta’ atturi lokali jew reġjonali, fejn adatt, inkluż l-analiżi tal-ħtiġijiet, it-titjib tal-indikaturi dwar l-integrazzjoni, u l-evalwazzjoni, inklużi valutazzjonijiet parteċipatorji, bil-għan li jiġu identifikati l-aħjar prattiki;

(b)

il-provvista ta’ pariri u assistenza f’oqsma bħall-akkomodazzjoni fi djar, mezzi ta’ sussistenza, gwida amministrattiva u legali, saħħa medika, psikoloġika u kura soċjali, tħaris tat-tfal u riunifikazzjoni tal-familja;

(c)

azzjonijiet ta’ introduzzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-soċjetà riċeventi u azzjonijiet li jippermettulhom li jadattaw għaliha, biex jinfurmawhom dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, biex jipparteċipaw fil-ħajja ċivili u kulturali u biex jaqsmu l-valuri minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

(d)

miżuri li jiffokaw fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż taħriġ fil-lingwa u azzjonijiet ta’ tħejjija li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol;

(e)

azzjonijiet imfassla biex jippromwovu l-awtonomija personali u li jippermettu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jipprovdu għalihom infushom;

(f)

azzjonijiet li jippromwovu kuntatt sinifikattiv u djalogu kostruttiv bejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi u s-soċjetà riċeventi u azzjonijiet biex jippromwovu l-aċċettazzjoni mis-soċjetà riċeventi, inkluż permezz tal-involviment tal-mezzi tal-informazzjoni;

(g)

azzjonijiet li jippromwovu kemm l-ugwaljanza tal-aċċess kif ukoll l-ugwaljanza tar-riżultati fir-rigward tat-trattamenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma’ servizzi pubbliċi u privati, inkluż l-adattament ta’ dawn is-servizzi biex jittrattaw ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

(h)

il-bini tal-kapaċità ta’ benefiċjarji, kif definit fil-punt (g) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, inkluż permezz ta’ skambji ta’ esperjenza u tal-aħjar prattiki, u n-netwerking.

2.   L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom iqisu, kull fejn jeħtieġ, il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kategoriji differenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkluż benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, persuni risistemati jew trasferiti u, b’mod partikolari, persuni vulnerabbli.

3.   Il-programmi nazzjonali jistgħu jippermettu l-inklużjoni fl-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ persuni koperti mill-grupp ta’ mira li saret referenza għalih fil-paragrafu msemmi sal-grad li huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni effettiva ta’ tali azzjonijiet.

4.   Għall-finijiet tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, is-sħubija msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 għandha tinkludi awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri għall-finijiet tal-ġestjoni tal-interventi tal-Fond Soċjali Ewropew.

Artikolu 10

Miżuri prattiċi ta’ kooperazzjoni u ta’ bini tal-kapaċità

Fi ħdan l-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament, fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu ta’ politika kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u f’konformità mal-objettivi tal-programmi nazzjonali definiti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, il-Fond għandu jappoġġa l-azzjonijiet li jiffokaw fuq waħda jew aktar minn dan li ġej:

(a)

l-iżvilupp ta’ strateġiji li jippromwovu l-migrazzjoni legali bil-għan li jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proċeduri flessibbli tal-ammissjoni;

(b)

l-appoġġ għall-kooperazzjoni bejn pajjiżi terzi u l-aġenziji tar-reklutaġġ, is-servizzi tal-impjiegi u s-servizzi tal-immigrazzjoni tal-Istati Membri, kif ukoll l-appoġġ għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom tal-liġi tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni, proċessi ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti u konsulenza esperta jew skambji ta’ informazzjoni dwar approċċi li jimmiraw għal nazzjonalitajiet jew kategoriji speċifiċi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol;

(c)

it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Membri li jiżviluppaw, jimplimentaw, jimmonitorjaw u jevalwaw l-istrateġiji, politiki u miżuri tal-immigrazzjoni tagħhom fil-livelli differenti u d-dipartimenti tal-amministrazzjonijiet, partikolarment it-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom li jiġbru, janalizzaw u jxerrdu data dettaljata u sistematika u statistika dwar il-proċeduri u l-flussi migratorji u permessi ta’ residenza, u l-iżvilupp ta’ għodda ta’ monitoraġġ, skemi ta’ evalwazzjoni, indikaturi u valutazzjoni komparattiva għall-kejl tal-kisba ta’ dawk l-istrateġiji;

(d)

it-taħriġ tal-benefiċjarji kif definit fil-punt (g) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, u tal-persunal li jipprovdu servizzi pubbliċi u privati, inkluż istituzzjonijiet edukattivi, promozzjoni tal-iskambju tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki, kooperazzjoni, netwerking, u kapaċitajiet interkulturali, kif ukoll titjib tal-kwalità tas-servizzi pprovduti;

(e)

il-bini ta’ strutturi organizzattivi sostenibbli għall-ġestjoni tal-integrazzjoni u d-diversità, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni bejn partijiet interessati differenti li tippermetti li uffiċjali f’diversi livelli ta’ amministrazzjonijiet nazzjonali jiksbu informazzjoni malajr dwar l-esperjenzi u l-aħjar prattiki fi bnadi oħra u, fejn ikun possibbli, jiġbru r-riżorsi bejn l-awtoritajiet rilevanti kif ukoll bejn korpi governattivi u mhux governattivi biex jipprovdu servizzi lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’mod aktar effettiv, fost oħrajn permezz ta’ punti uniċi ta’ servizz (ċentri kkoordinati ta’ appoġġ għall-integrazzjoni);

(f)

il-kontribuzzjoni għal proċess dinamiku fuq żewġ binarji ta’ interazzjoni reċiproka, li jservi ta’ bażi għal strateġiji ta’ integrazzjoni f’livell lokali u reġjonali bl-iżvilupp ta’ pjattaformi għall-konsultazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet interessati u l-pjattaformi ta’ djalogu interkulturali u reliġjuż bejn komunitajiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bejn dawk il-komunitajiet u s-soċjetà riċeventi u/jew bejn dawk il-komunitajiet u l-awtoritajiet li joħolqu l-politika u li jieħdu d-deċiżjonijiet;

(g)

azzjonijiet biex jippromwovu u jsaħħu l-kooperazzjoni prattika bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, li jiffokaw fuq, inter alia, skambji tal-aħjar prattiki u strateġiji, u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet konġunti, inkluż bil-ħsieb tas-salvagwardja tas-sistemi tal-immigrazzjoni tal-Istati Membri.

KAPITOLU IV

RITORN

Artikolu 11

Miżuri li jakkumpanjaw il-proċeduri ta’ ritorn

Fi ħdan l-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament, fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu ta’ politika kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514 2014, u f’konformità mal-objettivi tal-programmi nazzjonali definiti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-miżuri li jakkumpanjaw il-proċeduri tar-ritorn, il-Fond għandu jappoġġa l-azzjonijiet li jiffokaw fuq waħda jew aktar mill-kategoriji li ġejjin ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi:

(a)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom ma rċevewx deċiżjoni negattiva finali dwar it-talba tagħhom għal soġġorn, ir-residenza legali tagħhom u/jew protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, u li jistgħu jagħżlu li jagħmlu użu mir-ritorn volontarju;

(b)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed igawdu mid-dritt ta’ soġġorn, residenza legali u/jew protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva 2011/95/UE jew protezzjoni temporanja fis-sens tad-Direttiva 2001/55/KE fi Stat Membru, u li għażlu li jużaw ir-ritorn volontarju;

(c)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu fi Stat Membru u ma jissodisfawx jew m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet għad-dħul u/jew is-soġġorn fi Stat Membru, inklużi dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-espulsjoni tagħhom ġiet posposta f’konformità mal-Artikolu 9 u l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/115/KE.

F’dan il-kuntest, il-Fond għandu jappoġġa, b’mod partikolari, l-azzjonijiet li ġejjin li jiffokaw fuq il-kategoriji ta’ persuni msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu:

(a)

l-introduzzjoni, l-iżvilupp u t-titjib ta’ miżuri alternattivi għad-detenzjoni;

(b)

il-provvista ta’ assistenza soċjali, informazzjoni jew għajnuna fir-rigward ta’ formalitajiet amministrattivi u/jew ġudizzjarji u informazzjoni jew pariri;

(c)

il-provvista ta’ għajnuna legali u assistenza lingwistika;

(d)

assistenza speċifika għal persuni vulnerabbli;

(e)

l-introduzzjoni u t-titjib tas-sistemi indipendenti u effikaċi tal-kontroll tar-ritorn furzat, kif previst fl-Artikolu 8(6), tad-Direttiva 2008/115/KE;

(f)

l-istabbiliment, il-manutenzjoni u t-titjib ta’ infrastrutturi, servizzi u kondizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni, akkoljenza jew detenzjoni, servizzi u kondizzjonijiet;

(g)

it-twaqqif ta’ strutturi u sistemi amministrattivi, inkluż għodod tal-informatika;

(h)

it-taħriġ ta’ persunal biex jiżgura proċeduri ta’ ritorn bla xkiel u effettivi, li jinkludi l-ġestjoni u l-implimentazzjoni tagħhom.

Artikolu 12

Miżuri ta’ ritorn

Fi ħdan l-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament, fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu ta’ politika kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, u f’konformità mal-objettivi tal-programmi nazzjonali definiti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-miżuri tar-ritorn, il-Fond għandu jappoġġa l-azzjonijiet li jiffokaw fuq il-persuni msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament. F’dan il-kuntest, il-Fond għandu jappoġġa, b’mod partikolari, l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

miżuri meħtieġa għat-tħejjija tal-operazzjonijiet tar-ritorn, bħal dawk li jwasslu għall-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għall-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u għat-tiftix tal-familji;

(b)

il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet konsulari u s-servizzi tal-immigrazzjoni ta’ pajjiżi terzi bil-ħsieb li jinkisbu d-dokumenti l-ivvjaġġar, tkun iffaċilitata r-rimpatrijazzjoni u għall-iżgurar tar-riammissjoni;

(c)

miżuri għar-ritorn volontarju assistit, inkluż assistenza u eżamijiet mediċi, arranġamenti għall-ivvjaġġar, kontribuzzjonijiet finanzjarji u pariri u assistenza ta’ qabel u ta’ wara r-ritorn;

(d)

operazzjonijiet ta’ espulsjoni, inklużi miżuri relatati, f’konformità mal-istandards stipulati fid-dritt tal-UE, bl-eċċezzjoni tat-tagħmir koersiv;

(e)

miżuri biex jinbeda l-progress ta’ riintegrazzjoni għall-iżvilupp personali tar-ripatrijat, bħal inċentivi ta’ flus, taħriġ, assistenza għal allokazzjoni u impjieg u appoġġ tal-bidu għal attivitajiet ekonomiċi;

(f)

faċilitajiet u servizzi f’pajjiżi terzi li jiżguraw akkomodazzjoni temporanja u akkoljenza xierqa mal-wasla;

(g)

assistenza speċifika għal persuni vulnerabbli.

Artikolu 13

Miżuri prattiċi ta’ kooperazzjoni u ta’ bini tal-kapaċità

Fi ħdan l-objettiv speċifiku stipulat fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament, fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu ta’ politika kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, u f’konformità mal-objettivi tal-programmi nazzjonali definiti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-miżuri ta’ kooperazzjoni prattika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, il-Fond għandu jappoġġa, b’mod partikolari, l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

azzjonijiet biex jippromwovu, jiżviluppaw u jsaħħu l-kooperazzjoni operazzjonali u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-servizzi tar-ritorn u l-awtoritajiet l-oħra tal-Istati Membri involuti fir-ritorn, inkluż fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet konsulari u s-servizzi tal-immigrazzjoni ta’ pajjiżi terzi u operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn;

(b)

azzjonijiet għall-appoġġ tal-kooperazzjoni bejn pajjiżi terzi u s-servizzi ta’ ritorn tal-Istati Membri, inklużi miżuri li jimmiraw għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ pajjiżi terzi li jwettqu dawn l-attivitajiet ta’ riammissjoni u riintegrazzjoni, partikolarment fil-qafas ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni;

(c)

azzjonijiet li jsaħħu l-kapaċità biex ikunu żviluppati politiki effettivi u sostenibbli ta’ ritorn, b’mod partikolari bl-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiżi ta’ ritorn, l-aħjar prattiki, il-kondiviżjoni ta’ esperjenzi u l-ġbir flimkien ta’ riżorsi bejn l-Istati Membri;

(d)

azzjonijiet li jsaħħu l-kapaċità tal-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ta’ data dettaljata u sistematika u statistika dwar proċeduri u miżuri ta’ ritorn, kapaċitajiet ta’ akkoljenza u detenzjoni, ritorni furzati u volontarji, il-monitoraġġ u r-riintegrazzjoni;

(e)

azzjonijiet li jikkontribwixxu direttament għall-evalwazzjoni ta’ politiki dwar ir-ritorn, bħal valutazzjonijiet nazzjonali tal-impatt, stħarriġ fost il-gruppi fil-mira, l-iżvilupp ta’ indikaturi u ta’ valutazzjonijiet komparattivi;

(f)

miżuri u kampanji ta’ informazzjoni f’pajjiżi terzi mmirati biex iqajmu kuxjenza dwar il-mezzi legali adatti għall-immigrazzjoni u r-riskji tal-immigrazzjoni illegali.

KAPITOLI V

QAFAS FINANZJARJU U TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 14

Riżorsi globali u implimentazzjoni

1.   Ir-riżorsi globali għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu ta’ EUR 3 137 miljun f’prezzijiet attwali.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għall-Fond għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

3.   Ir-riżorsi globali għandhom jiġu implimentati bil-mezzi li ġejjin:

(a)

programmi nazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 19;

(b)

azzjonijiet tal-Unjoni, skont l-Artikolu 20;

(c)

assistenza ta’ emerġenza, skont l-Artikolu 21;

(d)

in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, skont l-Artikolu 22;

(e)

assistenza teknika, skont l-Artikolu 23.

4.   Il-baġit allokat skont dan ir-Regolament rigward l-azzjonijiet tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament, għall-assistenza ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament, lin-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni msemmi fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament u għall-assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni diretta f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u, fejn adatt, taħt ġestjoni indiretta skont il-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Il-baġit allokat lill-programmi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni kondiviża f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

5.   Il-Kummissjoni għandha tibqa’ responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni skont l-Artikolu 317 TFUE u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet imwettqa mill-entitajiet differenti mill-Istati Membri.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-pakkett finanzjarju ta’ referenza primarja għandu jintuża b’mod indikattiv kif ġej:

(a)

EUR 2 752 miljun għall-programmi nazzjonali tal-Istati Membri;

(b)

EUR 385 miljun għal azzjonijiet tal-Unjoni, assistenza ta’ emerġenza, in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni u assistenza teknika tal-Kummissjoni li minnhom tal-anqas 30 % għandhom jintużaw għal azzjonijiet tal-Unjoni u n-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni.

Artikolu 15

Riżorsi għal azzjonijiet eliġibbli fl-Istati Membri

1.   L-ammont ta’ EUR 2 752 miljun għandu jiġi allokat lill-Istati Membri b’mod indikattiv kif ġej:

(a)

EUR 2 392 miljun għandhom jiġu allokati kif indikat fl-Anness I. L-Istati Membri għandhom jallokaw tal-anqas 20 % minn dawk ir-riżorsi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) u tal-anqas 20 % għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2). L-Istati Membri jistgħu jiddevjaw minn dawk il-perċentwali minimi biss fejn tiġi inkluża spjegazzjoni dettaljata fil-programm nazzjonali għalfejn l-allokazzjoni tar-riżorsi taħt dan il-livell ma tipperikolax il-kisba ta’ dan l-objettiv. Fir-rigward tal-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2), dawk l-Istati Membri li jiltaqgħu ma’ nuqqasijiet strutturali fil-qasam tal-akkomodazzjoni, l-infrastruttura u s-servizzi ma għandhomx jaqgħu taħt il-perċentwal minimu stabbilit f’dan ir-Regolament;

(b)

EUR 360 miljun għandhom jiġu allokati abbażi tal-mekkaniżmu ta’ distribuzzjoni għal azzjonijiet speċifiċi imsemmija fl-Artikolu 16, għall-Programm ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni imsemmija fl-Artikolu 17 u għat-trasferiment tal-benefiċjarji minn Stat Membru għal ieħor kif imsemmija fl-Artikolu 18.

2.   L-ammont imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandu jappoġġa:

(a)

l-azzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Anness II,

(b)

il-Programm ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 17 u/jew it-trasferiment ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru wieħed għal ieħor f’konformità mal-Artikolu 18.

3.   Fl-eventwalità li xi ammont ikun għadu disponibbli taħt punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew li ammont ieħor ikun disponibbli, għandu jiġi allokat fil-qafas tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 fuq bażi pro-rata għall-ammonti bażiċi għall-programmi nazzjonali stabbilita fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Riżorsi għal azzjonijiet speċifiċi

1.   Jista’ jiġi allokat lill-Istati Membri ammont addizzjonali kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 15(2), dment li jkun allokat bħala tali fil-programm u li jintuża biex jimplimenta l-azzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Anness II.

2.   Sabiex jitqiesu żviluppi ġodda ta’ politika, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament biex tirrevedi l-Anness II fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014. Fuq il-bażi tal-lista riveduta tal-azzjonijiet speċifiċi, l-Istati Membri jistgħu jirċievu ammont addizzjonali kif stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, soġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi.

3.   L-ammonti addizzjonali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri fid-deċiżjonijiet individwali ta’ finanzjament li japprovaw jew jirrevedu l-programm nazzjonali tagħhom fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014. Dawk l-ammonti għandhom jintużaw biss għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Riżorsi għall-Programm ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni

1.   L-Istati Membri għandhom, minbarra l-allokazzjoni tagħhom ikkalkolata f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 15(1), jirċievu kull sentejn ammont addizzjonali kif stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 15(2) li jkun ibbażat fuq is-somma sħiħa ta’ EUR 6 000 għal kull persuna risistemata.

2.   Is-somma sħiħa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiżdied għal EUR 10 000 għal kull persuna risistemata f’konformità mal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni stabbiliti skont il-paragrafu 3 u elenkati fl-Anness III u għal kull persuna vulnerabbli kif stabbilit fil-paragrafu 5.

3.   Il-prijoritajiet tar-risistemazzjoni komuni tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kategoriji ġenerali ta’ persuni li ġejjin:

(a)

persuni minn pajjiż jew reġjun magħżula għall-implimentazzjoni ta’ Programm ta’ Protezzjoni Reġjonali;

(b)

persuni minn pajjiż jew reġjun li jkun ġie identifikat mit-tbassir ta’ risistemazzjoni tal-UNHCR u fejn l-azzjoni komuni tal-Unjoni jkollha impatt sinifikanti fl-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni;

(c)

persuni li jappartjenu għal kategorija speċifika li taqa’ fil-kriterji ta’ risistemazzjoni tal-UNHCR.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 26 sabiex jemenda l-Anness III, fuq il-bażi tal-kategoriji ġenerali li jinsabu fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, fejn hemm ġustifikazzjoni ċara sabiex isir hekk jew fid-dawl ta’ kwalunkwe rakkomandazzjoni mill-UNHCR.

5.   Il-gruppi vulnerabbli ta’ persuni li ġejjin għandhom jikkwalifikaw ukoll għas-somma sħiħa prevista fil-paragrafu 2:

(a)

nisa u tfal f’riskju,

(b)

minorenni mhux akkumpanjati,

(c)

persuni bi ħtiġijiet mediċi li jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta’ risistemazzjoni,

(d)

persuni li għandhom bżonn ta’ risistemazzjoni ta’ emerġenza jew risistemazzjoni urġenti għal ħtiġijiet ta’ protezzjoni legali jew fiżika, inklużi vittmi ta’ vjolenza jew tortura.

6.   Fejn Stat Membru jwettaq risistemazzjoni ta’ persuna li jaqa’ taħt aktar minn waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafi 1 u 2, huwa għandu jirċievi s-somma sħiħa għal dik il-persuna darba biss.

7.   Fejn ikun adatt, l-Istati Membri jistgħu wkoll ikunu eliġibbli għal somom sħaħ għal membri tal-familja tal-persuni msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 5, dment li dawk il-membri tal-familja jkunu ġew risistemati f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

8.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-iskeda taż-żmien u kondizzjonijiet oħra ta’ implimentazzjoni relatati mal-mekkaniżmu tal-allokazzjoni tar-riżorsi għall-Programm ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni. Dawk atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 27(2).

9.   L-ammonti addizzjonali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri kull sentejn, għall-ewwel darba fid-deċiżjonijiet individwali ta’ finanzjament li japprovaw il-programm nazzjonali tagħhom f’konformità mall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, u aktar tard fid-deċiżjoni ta’ finanzjament li għandha tiġi annessa mad-deċiżjonijiet li japprovaw il-programm nazzjonali tagħhom. Dawk l-ammonti m’għandhomx jiġu ttrasferiti għal azzjonijiet oħra taħt il-programm nazzjonali.

10.   Biex jinkisbu b’mod effettiv l-objettivi tal-Programm ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni u fil-limiti tar-riżorsi disponibbli, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 26 biex taġġusta, jekk jitqies xieraq, is-somom sħaħ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari b’kont meħud tar-rati kurrenti tal-inflazzjoni, l-iżviluppi rilevanti fil-qasam tar-risistemazzjoni kif ukoll il-fatturi li jistgħu jwasslu għall-aħjar użu tal-inċentiv finanzjarju pprovdut mis-somom sħaħ.

Artikolu 18

Riżorsi għat-trasferiment tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali

1.   Bil-ħsieb li jiġi implimentat il-prinċipju tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta ta’ responsabbiltajiet u fid-dawl tal-iżviluppi tal-politika tal-Unjoni fil-perijodu tal-implimentazzjoni tal-Fond, l-Istati Membri għandhom jirċievu, minbarra l-allokazzjoni tagħhom ikkalkolata f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 15(1), ammont addizzjonali kif stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 15(2) li jkun ibbażat fuq is-somma sħiħa ta’ EUR 6 000 għal kull benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali trasferit minn Stat Membru ieħor.

2.   L-Istati membri jistgħu wkoll ikunu eliġibbli għal somom sħaħ għal membri tal-familja tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1 fejn ikun adatt, dment li dawk il-membri tal-familja jkunu ġew trasferiti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

3.   L-ammonti addizzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri għall-ewwel darba fid-deċiżjonijiet individwali ta’ finanzjament li japprovaw il-programm nazzjonali tagħhom f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u aktar tard f’deċiżjoni ta’ finanzjament li għandha tiġi annessa mad-deċiżjoni li tapprova l-programm nazzjonali tagħhom. Dawk l-ammonti m’għandhomx jiġu ttrasferiti għal azzjonijiet oħra taħt il-programm nazzjonali.

4.   Biex jinkisbu b’mod effettiv l-objettivi tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 80 TFUE, u fil-limiti tar-riżorsi disponibbli, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament biex taġġusta s-somma sħiħa msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari b’kont meħud tar-rati kurrenti tal-inflazzjoni, l-iżviluppi rilevanti fil-qasam tat-trasferiment ta’ benefiċjarji minn protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru għal ieħor kif ukoll il-fatturi li jistgħu jottimizzaw l-użu tal-inċentiv finanzjarju pprovdut mis-somom sħaħ.

Artikolu 19

Programmi nazzjonali

1.   Taħt il-programmi nazzjonali li għandhom jiġu eżaminati u approvati f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, l-Istati Membri għandhom, fil-limiti tal-objettivi stipulati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u b’kont meħud tal-eżitu tad-djalogu politiku msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, ifittxu b’mod partikolari l-kisba tal-objettivi li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ tal-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Asil bl-iżgurar tal-applikazzjoni effiċjenti u uniformi tal-acquis tal-Unjoni dwar l-asil u l-funzjonament tajjeb tar-Regolament (UE) Nru 604/2013. Tali azzjonijiet jistgħu jinkludu wkoll l-istabbiliment u l-iżvilupp tal-Programm ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni;

(b)

it-twaqqif u l-iżvilupp ta’ strateġiji tal-integrazzjoni, li jinkludu aspetti differenti tal-proċess dinamiku fuq żewġ binarji, li jiġu implimentati fil-livell nazzjonali/lokali/reġjonali fejn ikun adatt, waqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-livell lokali/reġjonali, jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-kategoriji differenti ta’ migranti u jiġu żviluppati sħubiji effettivi bejn partijiet interessati rilevanti;

(c)

l-iżvilupp ta’ programm ta’ ritorn, li jinkludi komponent dwar ir-ritorn volontarju assistit u, fejn ikun adatt, dwar ir-riintegrazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet kollha appoġġati taħt il-Fond għandhom jiġu implimentati f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem. B’mod partikolari, azzjonijiet bħal dawn għandhom jirrispettaw b’mod sħiħ id-drittijiet u l-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Soġġett għar-rekwiżit li jiġu insegwiti l-objettivi msemmija hawn fuq u b’kont meħud taċ-ċirkostanzi individwali tagħhom. l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jiksbu distribuzzjoni ġusta u trasparenti ta’ riżorsi fost l-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3(2).

Artikolu 20

Azzjonijiet tal-Unjoni

1.   Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, il-Fond jista’ jintuża biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet transnazzjonali jew azzjonijiet ta’ interess partikolari għall-Unjoni (“azzjonijiet tal-Unjoni”), dwar l-objettivi ġenerali u speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3.

2.   Biex ikunu eliġibbli għall-finanzjament, l-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom, b’mod partikolari, jappoġġaw:

(a)

it-tkomplija tal-kooperazzjoni tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-asil, partikolarment dwar ir-risistemazzjoni u t-trasferiment ta’ applikanti għal u/jew benefiċjarji minn protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru għal ieħor, inkluż permezz ta’ netwerking u skambju ta’ informazzjoni, dwar il-migrazzjoni legali, dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkluż sostenn mal-wasla u attivitajiet ta’ koordinazzjoni li jippromwovu r-risistemazzjoni mal-komunitajiet lokali li għandhom jilqgħu lir-rifuġjati risistemati, u dwar ir-ritorn;

(b)

it-twaqqif ta’ netwerks ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u proġetti pilota, inkluż proġetti innovattivi, ibbażati fuq sħubiji transnazzjonali bejn korpi li jinsabu f’żewġ Stati Membri jew aktar imfassla biex jistimolaw l-innovazzjoni, u biex jiffaċilitaw l-iskambji ta’ esperjenzi u l-aħjar prattiki;

(c)

studji u riċerka dwar forom ġodda possibbli ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-asil, l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u r-ritorn u l-liġi rilevanti tal-Unjoni, it-tixrid u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prattiki u dwar l-aspetti l-oħra kollha tal-asil, l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u l-politiki dwar ir-ritorn, inkluż il-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni;

(d)

l-iżvilupp u l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta’ għodod, metodi u indikaturi statistiċi komuni għall-kejl ta’ żviluppi tal-politika fil-qasam tal-asil, il-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni u r-ritorn;

(e)

l-appoġġ ta’ tħejjija, monitoraġġ, amministrattiv u tekniku, u l-iżvilupp ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni, meħtieġ biex jiġu implimentati l-politiki dwar l-asil u l-immigrazzjoni;

(f)

kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi abbażi tal-Approċċ Globali tal-Unjoni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobbiltà, b’mod partikolari fil-qafas tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni, Sħubiji għall-Mobilità u Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali;

(g)

miżuri u kampanji ta’ informazzjoni f’pajjiżi terzi mmirati biex iqajmu kuxjenza dwar il-mezzi legali adatti għall-immigrazzjoni u r-riskji tal-immigrazzjoni illegali.

3.   L-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu implimentati f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura distribuzzjoni ġusta u trasparenti tar-riżorsi fost l-objettivi msemmija fl-Artikolu 3(2).

Artikolu 21

Assistenza ta’ emerġenza

1.   Il-Fond għandu jipprovdi assistenza finanzjarja biex jindirizza ħtiġijiet urġenti u speċifiċi fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, kif definit fil-punt (k) tal-Artikolu 2. Il-miżuri implimentati fil-pajjiżi terzi f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom ikunu konsistenti ma’ u, fejn rilevanti, komplementari mal-politika umanitarja tal-Unjoni u jirrispettaw il-prinċipji umanitarji hekk kif jinsabu fil-Kunsens dwar l-Għajnuna Umanitarja.

2.   L-assistenza ta’ emerġenza għandha tiġi implimentata f’konformità mal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

Artikolu 22

Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni

1.   Il-Fond għandu jappoġġa n-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni u jipprovdi l-assistenza finanzjarja meħtieġa għall-attivitajiet u l-iżvilupp futur tiegħu.

2.   L-ammont disponibbli għan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni taħt l-approprjazzjonijiet annwali tal-Fond u l-programm ta’ ħidma li jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-attivitajiet tiegħu għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni, wara l-approvazzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija b’konformità mal-proċedura msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni 2008/381/KE. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tikkostitwixxi deċiżjoni dwar finanzjament skont l-Artikolu 84 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

3.   Assistenza finanzjarja pprovduta għall-attivitajiet tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni għandha tieħu l-forma ta’ għotjiet lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali msemmijin fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2008/381/KE u kuntratti pubbliċi kif ikun adatt, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. L-assistenza għandha tiżgura appoġġ finanzjarju adatt u f’waqtu għal dawk il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali. L-ispejjeż li jirriżultaw għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ dawk il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali permezz ta’ għotjiet mogħtija fl-2014 jistgħu ikunu eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2014.

4.   Id-Deċiżjoni 2008/381/KE hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt (a) tal-Artikolu 4(5) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

‘iħejji u japprova abbozz ta’ programm ta’ ħidma tal-attivitajiet, b’mod partikolari b’rigward tal-objettivi, il-prijoritajiet tematiċi u ammonti indikattivi tal-baġit għal kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali biex jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-EMN, abbażi ta’ abbozz mill-Presidenza;”;

(b)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-eżekuzzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-attivitajiet u tirrapporta regolarment dwar l-eżekuzzjoni tiegħu u dwar l-iżvilupp tal-EMN lill-Bord ta’ Tmexxija.”;

(ii)

il-paragrafi 5 sa 8 huma mħassra;

(c)

l-Artikolu 11 huwa mħassar;

(d)

l-Artikolu 12 huwa mħassar.

Artikolu 23

Assistenza teknika

1.   Fuq inizjattiva u/jew f’isem il-Kummissjoni, sa EUR 2,5 miljun mill-Fond għandu jintuża annwalment għall-assistenza teknika f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

2.   Fuq inizjattiva ta’ Stat Membru, il-Fond jista’ jiffinanzja attivitajiet ta’ assistenza teknika, f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014. L-ammont imwarrab għall-assistenza teknika m’għandux ikun iżjed, għall-perijodu 2014-2020, minn 5,5 % tal-ammont totali allokat lil Stat Membru miżjud bi EUR 1 000 000.

Artikolu 24

Koordinazzjoni

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fejn adatt, għandhom jiżguraw li azzjonijiet fir-rigward ta’ pajjiżi terzi jittieħdu b’sinerġija u b’koerenza ma’ azzjonijiet oħra barra l-Unjoni permezz tal-istrumenti tal-Unjoni. B’mod partikolari huma għandhom jiżguraw li dawk l-azzjonijiet:

(a)

ikunu koerenti mal-politika esterna tal-UE, jirrispettaw il-prinċipju tal-Koerenza fil-Politika għall-iżvilupp u jkunu konsistenti mad-dokumenti ta’ programmazzjoni strateġika għar-reġjun jew il-pajjiż inkwistjoni;

(b)

jiffukaw fuq miżuri mhux orjentati lejn l-iżvilupp;

(c)

jaqdu l-interessi tal-politiki interni tal-Unjoni u huma konsistenti mal-attivitajiet meħuda fl-Unjoni.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 25

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar somom sħaħ għar-risistemazzjoni u t-trasferiment ta’ benefiċjarji minn protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru għal ieħor

B’deroga mir-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, b’mod partikolari rigward is-somom sħaħ u r-rati fissi, is-somom sħaħ allokati lill-Istati Membri għar-risistemazzjoni u/jew it-trasferiment ta’ benefiċjarji minn protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru għal ieħor skont dan ir-Regolament għandhom:

(a)

ikunu eżentati mill-obbligu li jkunu bbażati fuq data statistika jew storika; u

(b)

jingħataw dment li l-persuna li fir-rigward tagħha tiġi allokata s-somma sħiħa kienet risistemata u/jew trasferita f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 26

L-Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati tingħata lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu..

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati imsemmija fl-Artikolu 16(2), l-Artikolu 17(4) u (10) u l-Artikolu 18(4) hijamogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba’ snin mill-21 ta’ Mejju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiemta-perijodu ta’ seba’ snin. Id-delega ta’ setgħat għandha tiġi estiża awtomatikamentgħal perijodu ta’ tliet snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ seba’ snin.

3.   Id-delega ta’ setgħa imsemmija fl-Artikolu 16(2), l-Artikolu 17(4) u (10) u l-Artikolu 18(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att iddelegat diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 17(4) u (10) u l-Artikolu 18(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 27

Il-proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-(il-“Kumitat dwar il-Fondi għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u s-Sigurtà Interna”) stabbilit bl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 28

Reviżjoni

Fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrevedu dan ir-Regolament sat-30 ta’ Ġunju 2020.

Artikolu 29

Applikabbiltà tar-Regolament (UE) Nru 514/2014

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 għandhom japplikaw għall-Fond, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 30

Tħassir

Id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE, Nru 575/2007/KE u 2007/435/KE huma mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 31

Dispożizzjonijiet transitorji

1.   Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika, inkluż il-kanċellazzjoni totali jew parzjali, tal-proġetti u l-programmi annwali kkonċernati, sal-għeluq tagħhom, jew tal-assistenza finanzjarja approvata mill-Kummissjoni abbażi tad-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE, Nru 575/2007/KE u 2007/435/KE jew kwalunkwe leġislazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta’ Diċembru 2013. Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika, inkluż il-kanċellazzjoni totali jew parzjali, tal-appoġġ finanzjarju approvat mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2008/381/KE jew kwalunkwe leġislazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta’ Diċembru 2013.

2.   Meta tadotta deċiżjonijiet dwar il-kofinanzjament taħt dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tqis il-miżuri adottati fuq il-bażi tad-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE, Nru 575/2007/KE, 2007/435/KE u 2008/381/KE qabel l-20 ta’ Mejju 2014 li jkollhom riperkussjonijiet finanzjarji matul il-perijodu kopert minn dak il-kofinanzjament.

3.   Is-somom impenjati għall-kofinanzjament approvati mill-Kummissjoni bejn l-1 ta' Jannar 2011 u l-31 ta’ Diċembru 2014 li d-dokumenti meħtieġa għalihom għall-għeluq tal-azzjonijiet ma jkunux intbagħtu lill-Kummissjoni sad-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tar-rapport finali għandhom jiġu diżimpenjati awtomatikament mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2017, li jwassal għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsin indebitament.

4.   L-ammonti relatati mal-azzjonijiet li jkunu ġew sospiżi minħabba proċedimenti legali jew appelli amministrattivi b’effett ta’ sospensjoni m’għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-ammont tad-diżimpenn awtomatiku.

5.   Sat-30 ta’ Ġunju 2015, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapporti ta’ evalwazzjoni dwar ir-riżultati u l-impatt tal-azzjonijiet kofinanzjati skont id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE, Nru 575/2007/KE u 2007/435/KE dwar il-perijodu 2011-2013.

6.   Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, rapport ta’ evalwazzjoni ex-post skont id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE, Nru 575/2007/KE u 2007/435/KE dwar il-perijodu 2011-2013.

Artikolu 32

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 108.

(2)  ĠU C 277, 13.9.2012, p. 23.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2014.

(4)  Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).

(5)  Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11).

(6)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(7)  Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1).

(9)  Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23).

(10)  Deċiżjoni Nru 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-programm ġenerali solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/904/KE (ĠU L 144, 6.6.2007, p. 1).

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE tat-25 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-perjodu mill-2007 sal-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni (ĠU L 168, 28.6.2007, p. 18).

(12)  Deċiżjoni Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Ritorn għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-programm ġenerali Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni (ĠU L 144, 6.6.2007, p. 45).

(13)  Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).

(14)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE tal-14 ta’ Mejju 2008 li tistabbilixxi Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (ĠU L 131, 21.5.2008, p. 7).

(15)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(16)  Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-koperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha, u l-ġestjoni ta’ kriżijiet (Ara paġna 112 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(17)  Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil u l-Fond għas-Sigurtà Interna u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tal-kriżi u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/ĠAI (Ara paġna 93 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(18)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(19)  Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).

(20)  Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12).


ANNESS I

Analiżi tal-ammonti pluriennali għal kull Stat Membru għall-perijodu 2014-2020 (f’EUR)

Stat Membru

Ammont minimu

% tal-allokazzjonijiet medji 2011-2013 ERF+IF+RF

Ammont medju 2011-2013

TOTAL

AT

5 000 000

2,65  %

59 533 977

64 533 977

BE

5 000 000

3,75  %

84 250 977

89 250 977

BG

5 000 000

0,22  %

5 006 777

10 006 777

CY

10 000 000

0,99  %

22 308 677

32 308 677

CZ

5 000 000

0,94  %

21 185 177

26 185 177

DE

5 000 000

9,05  %

203 416 877

208 416 877

EE

5 000 000

0,23  %

5 156 577

10 156 577

ES

5 000 000

11,22  %

252 101 877

257 101 877

FI

5 000 000

0,82  %

18 488 777

23 488 777

FR

5 000 000

11,60  %

260 565 577

265 565 577

GR

5 000 000

11,32  %

254 348 877

259 348 877

HR

5 000 000

0,54  %

12 133 800

17 133 800

HU

5 000 000

0,83  %

18 713 477

23 713 477

IE

5 000 000

0,65  %

14 519 077

19 519 077

IT

5 000 000

13,59  %

305 355 777

310 355 777

LT

5 000 000

0,21  %

4 632 277

9 632 277

LU

5 000 000

0,10  %

2 160 577

7 160 577

LV

5 000 000

0,39  %

8 751 777

13 751 777

MT

10 000 000

0,32  %

7 178 877

17 178 877

NL

5 000 000

3,98  %

89 419 077

94 419 077

PL

5 000 000

2,60  %

58 410 477

63 410 477

PT

5 000 000

1,24  %

27 776 377

32 776 377

RO

5 000 000

0,75  %

16 915 877

21 915 877

SE

5 000 000

5,05  %

113 536 877

118 536 877

SI

5 000 000

0,43  %

9 725 477

14 725 477

SK

5 000 000

0,27  %

5 980 477

10 980 477

UK

5 000 000

16,26  %

365 425 577

370 425 577

Total tal-Istati Membri

145 000 000

100,00  %

2 247 000 000

2 392 000 000


ANNESS II

Lista tal-azzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 16

1.

L-istabbiliment u l-iżvilupp fl-Unjoni ta’ ċentri tat-tranżitu u l-ipproċessar għar-refuġjati, b’mod partikolari għall-appoġġ ta’ operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni f’kooperazzjoni mal-UNHCR.

2.

Approċċi ġodda, f’kooperazzjoni mal-UNHCR, dwar aċċess għal proċeduri tal-asil li jkollhom fil-mira pajjiżi ewlenin ta’ tranżitu bħal programmi ta’ protezzjoni għal gruppi partikolari jew ċerti proċeduri għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-asil.

3.

Inizjattivi konġunti fost l-Istati Membri fil-qasam tal-integrazzjoni, bħal eżerċizzji ta’ valutazzjoni komparattiva, reviżjonijiet bejn pari jew l-ittestjar ta’ moduli Ewropej, pereżempju dwar il-ksib ta’ kapaċitajiet lingwistiċi jew l-organizzazzjoni ta’ programmi introduttorji u bil-għan li titjieb il-koordinazzjoni tal-politiki bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali.

4.

Inizjattivi konġunti mmirati lejn l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ approċċi ġodda li jikkonċernaw il-proċeduri tal-ewwel laqgħa u l-istandards ta’ protezzjoni u l-assistenza għall-minorenni mhux akkumpanjati.

5.

Operazzjonijiet ta’ ritorn konġunti, inkluż azzjonijiet konġunti dwar l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni tal-Unjoni.

6.

Proġetti ta’ riintegrazzjoni konġunti fil-pajjiżi ta’ oriġini bil-ħsieb għal ritorn sostenibbli, kif ukoll azzjonijiet konġunti sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ pajjiżi terzi biex jimplimentaw ftehimiet ta’ riammissjoni tal-Unjoni.

7.

Inizjattivi konġunti mmirati biex jerġgħu jingħaqdu l-familji u għar-riintegrazzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom.

8.

Inizjattivi konġunti fost l-Istati Membri fil-qasam tal-migrazzjoni legali, inkluż it-twaqqif ta’ ċentri konġunti dwar il-migrazzjoni f’pajjiżi terzi, kif ukoll proġetti konġunti biex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bil-ħsieb li jinkoraġġixxu l-użu esklużiv tal-kanali ta’ migrazzjoni legali u jinfurmaw dwar ir-riskji tal-immigrazzjoni illegali.


ANNESS III

Lista ta’ prijoritajiet komuni tal-Unjoni għar-risistemazzjoni

1.

Il-Programm ta’ Protezzjoni Reġjonali fl-Ewropa tal-Lvant (il-Bjelorussja, il-Moldova, l-Ukraina).

2.

Il-Programm ta’ Protezzjoni Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (Ġibuti, il-Kenja, il-Jemen).

3.

Il-Programm ta’ Protezzjoni Reġjonali fl-Afrika ta’ Fuq (l-Eġittu, il-Libja, it-Tuneżija).

4.

Ir-refuġjati fir-reġjun tal-Lvant tal-Afrika/il-Lagi l-Kbar.

5.

Ir-refuġjati Iraqqini fis-Sirja, il-Libanu u l-Ġordan.

6.

Ir-refuġjati Iraqqini fit-Turkija.

7.

Ir-rifuġjati Sirjani fir-reġjun.


ANNESS IV

Lista ta’ indikaturi komuni għall-kejl tal-objettivi speċifiċi

(a)

It-tisħiħ u l-iżvilupp tal-aspetti kollha tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, inkluż id-dimensjoni esterna tagħha.

(i)

L-għadd ta’ persuni mill-grupp fil-mira li ngħataw assistenza permezz ta’ proġetti fil-qasam tas-sistemi tal-akkoljenza u tal-asil appoġġati taħt il-Fond.

Għall-fini tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jerġa jiġi maqsum f’sotto-kategoriji bħal:

l-għadd ta’ persuni mill-grupp fil-mira li jibbenefikaw mill-informazzjoni u l-assistenza permezz tal-proċeduri ta’ asil,

l-għadd ta’ persuni mill-grupp fil-mira li jibbenefikaw minn assistenza legali u rappreżentazzjoni,

L-għadd ta’ persuni vulnerabbli u minuri mhux akkumpanjati li jibbenefikaw minn assistenza speċifika.

(ii)

Il-kapaċità (jiġifieri l-għadd ta’ postijiet) tal-infrastruttura ġdida tal-akkomodazzjoni għall-akkoljenza mwaqqfa f’konformità mar-rekwiżiti minimi għall-kondizzjonijiet tal-akkoljenza stabbiliti fl-acquis tal-Unjoni u tal-infrastruttura eżistenti tal-akkomodazzjoni għall-akkoljenza mtejba f’konformità mal-istess rekwiżiti b’riżultat tal-proġetti appoġġati taħt il-Fond u l-perċentwali mill-kapaċità totali tal-akkomodazzjoni għall-akkoljenza;

(iii)

L-għadd ta’ persuni mħarrġa f’materji relatati mal-asil bl-assistenza tal-Fond, u dak l-għadd bħala perċentwal tal-għadd totali ta’ persunal imħarreġ f’dawk il-materji;

(iv)

L-għadd ta’ prodotti tal-informazzjoni u tal-missjonijiet ta’ tiftix tal-fatti dwar il-pajjiżi ta’ oriġini imwettqa bl-assistenza tal-Fond;

(v)

L-għadd ta’ proġetti appoġġati taħt il-Fond biex isir żvilupp, monitoraġġ u evalwazzjoni tal-politiki tal-asil fl-Istati Membri;

(vi)

L-għadd ta’ persuni risistemati bl-appoġġ mill-Fond.

(b)

L-appoġġ għall-migrazzjoni legali lejn l-Istati Membri f’konformità mal-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, bħalma huma l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, waqt li jitnaqqas l-abbuż mill-migrazzjoni legali, u l-promozzjoni tal-integrazzjoni effettiva ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

(i)

L-għadd ta’ persuni fil-grupp tal-mira li pparteċipaw f’miżuri ta’ qabel it-tluq appoġġati taħt il-Fond;

(ii)

L-għadd ta’ persuni fil-grupp tal-mira megħjuna miill-Fond permezz ta’ miżuri ta’ integrazzjoni fil-qafas ta’ strateġiji nazzjonali, lokali u reġjonali.

Għall-fini tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jerġa jiġi maqsum f’sottokategoriji bħal:

L-għadd ta’ persuni fil-grupp ta’ mira mgħejjuna permezz ta’ miżuri li jiffokaw fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż taħriġ fil-lingwa u azzjonijiet ta’ tħejjija li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol;

L-għadd ta’ persuni fil-grupp ta’ mira appoġġati permezz tal-għoti ta’ pariri u assistenza fil-qasam tal-akkomodazzjoni;

L-għadd ta’ persuni fil-grupp ta’ mira mgħejjuna permezz tal-għoti ta’ kura tas-saħħa u psikoloġika;

L-għadd ta’ persuni fil-grupp ta’ mira mgħejjuna permezz ta’ miżuri relatati mal-parteċipazzjoni demokratika;

(iii)

L-għadd ta’ oqfsa/miżuri/strumenti ta’ politika lokali, reġjonali u nazzjonali stabbiliti għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u li jinvolvu s-soċjetà ċivili u l-komunitajiet tal-migranti, kif ukoll dawk kollha interessati rilevanti, b’riżultat tal-miżuri appoġġati taħt il-Fond;

(iv)

l-għadd ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi appoġġati taħt il-Fond;

(v)

L-għadd ta’ proġetti appoġġati taħt il-Fond biex isir żvilupp, monitoraġġ u evalwazzjoni tal-politiki tal-asil fl-Istati Membri.

(c)

It-titjib ta’ strateġiji ta’ ritorn ġusti u effettivi fl-Istati Membri li jappoġġaw il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali b’enfasi fuq is-sostenibbiltà tar-ritorn u r-riammissjoni effettiva fil-pajjiżi tal-oriġini u tat-transitu.

(i)

L-għadd ta’ persuni mħarrġa dwar suġġetti b’rabta mar-ritorn bl-assistenza mill-Fond;

(ii)

L-għadd ta’ persuni li rritornaw li rċevew assistenza tar-riintegrazzjoni ta’ qabel jew ta’ wara r-ritorn kofinanzjata mill-Fond;

(iii)

L-għadd ta’ persuni li rritornaw u li r-ritorn tagħhom kien kofinanzjat mill-Fond, persuni li rritornaw volontarjament u persuni li tneħħew;

(iv)

L-għadd ta’ operazzjonijiet ta’ espulsjoni mmonitorjati u kofinanzjati minn dan il-Fond;

(v)

L-għadd ta’ proġetti appoġġati taħt il-Fond biex isir żvilupp, monitoraġġ u evalwazzjoni tal-politiki tal-asil fl-Istati Membri;

(d)

It-titjib tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà mal-Istati Membri, b’mod partikolari lejn dawk l-aktar milquta mill-flussi migratorji u tal-asil.

(i)

L-għadd ta’ applikanti u benefiċjarji minn protezzjoni internazzjonali trasferiti minn Stat Membru wieħed għal ieħor bl-appoġġ miill-Fond;

(ii)

L-għadd ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra dwar it-tisħiħ tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri appoġġati taħt il-Fond.


Top