Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0515

    Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE

    ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143–167 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/03/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/515/oj

    20.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 150/143


    REGOLAMENT (UE) Nru 515/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-16 ta’ April 2014

    li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    L-objettiv tal-Unjoni li tiżgura livell għoli ta’ sigurtà fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (skont l-Artikolu 67(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandu jinkiseb, inter alia, permezz ta’ miżuri komuni dwar il-qsim tal-fruntieri interni minn persuni u kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri esterni u l-politika komuni dwar il-viża bħala parti minn sistema konverġenti b’bosta saffi, li tippermetti l-iskambju ta’ data u għarfien komplut tas-sitwazzjoni u li għandha l-għan li tiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu u li tindirizza l-immigrazzjoni illegali.

    (2)

    L-Unjoni teħtieġ approċċ aktar koerenti għall-aspetti interni u esterni tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u s-sigurtà interna, u għandha tistabbilixxi korrelazzjoni bejn il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-titjib tas-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, u kooperazzjoni u djalogu aħjar ma’ pajjiżi terzi sabiex tiġi indirizzata l-immigrazzjoni illegali u tkun promossal-migrazzjoni legali.

    (3)

    Jeħtieġ li jiġi żviluppat approċċ integrat għall-kwistjonijiet li joriġinaw mill-pressjoni tal-applikazzjonijiet għall-migrazzjoni u l-asil u għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, u biex jiġu pprovduti baġit u riżorsi adegwati biex wieħed ilaħħaq mal-emerġenzi fi spirtu ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri kollha, filwaqt li dak li jkun jibqa’ konxju mir-responsabbiltajiet nazzjonali u tiġi żgurata diviżjoni ċara tal-karigi.

    (4)

    L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna għalal-Unjoni Ewropea(l-“Istrateġija tas-Sigurtà Interna”), adottata mill-Kunsill fi Frar 2010, tikkostitwixxi aġenda kondiviża biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi komuni għas-sigurtà. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Novembru 2010 intitolata “L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni” tittrasforma l-prinċipji tal-istrateġija u l-linji gwida f’azzjonijiet konkreti permezz tal-identifikazzjoni ta’ ħames objettivi strateġiċi: l-isfaxxar tan-netwerks tal-kriminalità internazzjonali, il-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-indirizzar tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ, iż-żieda fil-livelli ta’ sigurtà għaċ-ċittadini u n-negozji fiċ-ċiberspazju, it-tisħiħ tas-sigurtà permezz tal-ġestjoni tal-fruntieri u ż-żieda fir-reżistenza tal-Ewropa meta tkun iffaċċjata minn kriżijiet u diżastri.

    (5)

    Skont l-Istrateġija tas-Sigurtà Interna, il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja huma objettivi li għandhom jiġu segwiti b’mod parallel, u bil-għan li jinkisbu l-libertà u l-ġustizzja, is-sigurtà għandha dejjem tiġi segwita skont il-prinċipji tat-Trattati, l-istat tad-dritt u l-obbligi tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali.

    (6)

    Is-solidarjetà fost l-Istati Membri, iċ-ċarezza dwar id-diviżjoni tal-inkarigi, ir-rispett għal-libertajiet fundamentali u għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, enfasi qawwija fuq il-perspettiva globali u r-rabta mas-sigurtà esterna, u l-konsistenza u l-koerenza mal-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-politika barranija, kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), għandhom ikunu prinċipji ewlenin li jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna.

    (7)

    Sabiex tiġi promossal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna u jiġi żgurat li din issir realtà operattiva, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jkunu pprovduti b’appoġġ finanzjarju tal-UE adegwat bit-twaqqif ta’ Fond għas-Sigurtà Interna (“il-Fond”).

    (8)

    Minħabba l-partikolarijiet legali applikabbli għat-Titolu V TFUE, mhuwiex legalment possibbli li l-Fond jiġi stabbilit bħala strument finanzjarju uniku. Il-Fond għandu għalhekk jiġi stabbilit bħala qafas komprensiv għall-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà interna li jinkludi l-istrument għal appoġġ finanzjarju għal fruntieri esterni u l-viża (“l-Istrument”) stabbilit minn dan ir-Regolament kif ukoll l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, prevenzjoni u ġlieda kontra l-kriminalità, u ġestjoni tal-kriżi stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dan il-qafas komprensiv għandu jiġi kkumplimentat mir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li dan ir-Regolament għandu jirreferi għalih fir-rigward tar-regoli dwar il-programmazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja, il-ġestjoni u l-kontroll, is-saldu tal-kontijiet, l-għeluq ta’ programmi u r-rappurtar u l-evalwazzjoni.

    (9)

    L-istruttura l-ġdida b’żewġ pilastri tal-finanzjament fil-qasam tal-affarijiet interni għandha tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni, ir-razzjonalizzazzjoni, il-konsolidament u t-trasparenza tal-finanzjament f’dak il-qasam. Għandhom jiġu mfittxija sinerġiji, konsistenza u komplementarjetà ma fondi u programmi oħra, ikluż bl-għan li jiġi allokat finanzjament għal objettivi komuni. Madankollu, it-trikkib bejn strumenti ta’ finanzjament differenti għandu jiġi evitat.

    (10)

    Il-Fond għandu jirrifletti l-ħtieġa għal aktar flessibbiltà u simplifikazzjoni filwaqt li jiġu osservati r-rekwiżiti f’ termini ta’ prevedibbiltà, u għandu jiġi żgurat tqassim ġust u trasparenti tar-riżorsi sabiex jiġu sodisfatti l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (11)

    L-effiċjenza tal-miżuri u l-kwalità tal-infiq jikkostitwixxu prinċipji ta’ gwida fl-implimentazzjoni tal-Fond. Barra minn hekk, il-Fond għandu jiġi implimentat ukoll bl-aktar mod effikaċi u faċli għall-utent.

    (12)

    Il-Fond għandu jieħu kont speċjali ta’ dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw piżijiet sproporzjonati mill-flussi migratorji minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom.

    (13)

    Is-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri u l-Unjoni jikkostitwixxu komponent fundamentali tal-politika komuni għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni.

    (14)

    Il-Fond għandu jesprimi solidarjetà permezz ta’ assistenza finanzjarja lil dawk l-Istati Membri li japplikaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet ta’ Schengen dwar il-fruntieri esterni kif ukoll lil dawk li qed jippreparaw għall-parteċipazzjoni sħiħa fiż-żona Schengen, u għandu jintuża mill-Istati Membri fl-interessi tal-politika komuni tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni.

    (15)

    Sabiex jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettiv ġenerali tal-Fond, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-programmi nazzjonali tagħhom jindirizzaw l-objettivi speċifiċi ta’ dan l-Istrument u li l-allokazzjoni tar-riżorsi bejn l-objettivi tkun proporzjonali għall-isfidi u l-bżonnijiet u tkun tali li tiżgura li l-objettivi jistgħu jinkisbu. Meta programm nazzjonali ma jindirizzax wieħed mill-objettivi speċifiċi jew jekk l-allokazzjoni tkun anqas mill-perċentwali minimi għal ċerti objettivi tal-programmi nazzjonali, stabbiliti f’dan ir-Regolament, l-Istati Membru kkonċernat għandu jipprovdi ġustifikazzjoni fl-ambitu tal-programm.

    (16)

    Biex jitkejlu l-kisbiet tal-Fond, għandhom jiġu stabbiliti indikaturi komuni fir-rigward ta’ kull objettiv speċifiku tal-Istrument. Il-kejl tal-ksib tal-objettivi speċifiċi permezz ta’ indikaturi komuni ma jrendiex l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet relatati ma’ dawk l-indikaturi mandatorja.

    (17)

    Il-parteċipazzjoni minn Stat Membru m’għandiex tikkoinċidi mal-parteċipazzjoni tiegħu fi strument finanzjarju temporanju tal-Unjoni li jappoġġa lill-Istati Membri benefiċjarji fl-iffinanzjar, fost oħrajn, ta’ azzjonijiet fi fruntieri esterni ġodda tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen dwar il-kontroll tal-fruntieri u tal-viża u tal-fruntieri esterni.

    (18)

    L-Istrument għandu jibni fuq il-proċess ta’ bini tal-kapaċità żviluppat bl-għajnuna tal-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perjodu 2007-2013, stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u għandu jestendih sabiex iqis żviluppi ġodda.

    (19)

    Fl-eżekuzzjoni ta’ karigi fil-fruntieri esterni u l-konsolati skont l-acquis ta’ Schengen dwar il-fruntieri u l-viża, l-Istati Membri jwettqu attivitajiet fl-interess ta’ u f’isem l-Istati Membri l-oħra kollha fiż-żona Schengen, għalhekk iwettqu servizz pubbliku għall-Unjoni. L-Istrument għandu jikkontribwixxi għall-appoġġ tal-ispejjeż operattivi relatati mal-kontroll tal-fruntieri u l-politika dwar il-viża u jippermetti li l-Istati Membri jżommu kapaċitajiet li huma kruċjali għal dak is-servizz għal kulħadd. Tali appoġġ jikkonsisti minn rimborż sħiħ ta’ għażla ta’ spejjeż speċifiċi relatati mal-objettivi taħt l-Istrument u għandu jifforma parti integrali mill-programmi nazzjonali.

    (20)

    Dan l-istrument għandu jikkomplementa u jsaħħaħ l-attivitajiet imwettqa biex tiġi żviluppata l-kooperazzjoni operattiva taħt il-patroċinju tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (“L-Aġenzija Frontex”) kif stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 (7), inklużi l-attivitajiet ġodda li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) emendat, u b’hekk ikompli jsaħħaħ is-solidarjetà bejn dawk l-Istati Membri li jikkontrollaw il-fruntieri esterni fl-interess u f’isem iż-żona Schengen kollha. Dan ifisser ukoll li l-Istati Membri, meta jkunu qed ifasslu l-programmi nazzjonali tagħhom, għandhom jieħdu kont tal-għodda analitiċi u l-linji gwida operattivi u tekniċi żviluppati mill-Aġenzija Frontex kif ukoll il-programmi ta’ taħriġ żviluppati, b’mod partikolari l-bażi komuni għat-taħriġ tal-gwardjani tal-fruntieri, inklużi l-komponenti tagħha relatati mad-drittijiet fundamentali u l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali. Sabiex tiġi żviluppata l-komplementarjetà bejn il-missjoni tagħha u r-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u jiġi evitat in-nuqqas ta’ effiċjenza għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż, l-Aġenzija Frontex għandha tiġi kkonsultata mill-Kummissjoni dwar l-abbozzi ta’ programmi nazzjonali ppreżentati mill-Istati Membri, u b’mod partikolari dwar l-attivitajiet iffinanzjati fl-ambitu tal-appoġġ operatttiv.

    (21)

    L-Istrument għandu jiġi implimentat b’konformità sħiħa mad-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt għall-asil u għall-protezzjoni internazzjonali.

    (22)

    Il-kontroll tal-fruntieri esterni uniformi u ta’ kwalità huwa essenzjali għat-tisħiħ tal-ispażju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. B’konformità mal-istandards komuni tal-Unjoni, l-Istrument għandu jappoġġa miżuri relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, li għandhom jiġu implimentati b’konformità mal-mudell tal-kontroll tal-aċċess fuq erba’ livelli li jinkludi miżuri f’pajjiżi terzi, kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien, miżuri għall-kontroll tal-fruntieri u miżuri ta’ kontroll fiż-żona ta’ moviment liberu sabiex jiġu evitati l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera fiż-żona Schengen.

    (23)

    Skont l-Artikolu 3 tat-TUE, l-Istrument għandu jappoġġa attivitajiet li jiżguraw il-ħarsien tat-tfal li jinsabu f’periklu fil-fruntieri esterni. B’mod partikolari, fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet fir-rigward tal-identifikazzjoni, l-assistenza immedjata u r-referenza lis-servizzi ta’ protezzjoni, l-Istati Membri għandhom, kull meta jkun possibbli, jagħtu attenzjoni speċjali lill- persuni vulnerabbli, b’mod partikolari tfal u minuri mhux akkumpanjati.

    (24)

    Biex jiġi żgurat kontroll tal-fruntieri esterni uniformi u ta’ kwalità għolja u biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar leġittimu fost il-fruntieri esterni fil-qafas tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna, l-Istrument għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ sistema komuni Ewropea ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri. Dik is-sistema tinkludi l-miżuri kollha dwar il-politika, il-leġisliġi, il-kooperazzjoni sistematika, il-kondivizjoni tal-piż, il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni u taċ-ċirkostanzi li jkunu qed jinbidlu rigward il-punti ta’ qsim għall-migranti irregolari, il-persunal, it-tagħmir u t-teknoloġija meħudin f’livelli differenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li jaġixxu f’kooperazzjoni mal-Aġenzija Frontex, ma’ terzi pajjiżi u, fejn meħtieġ, ma’ atturi oħra, b’mod partikolari l-EUROPOL u l-Aġenzija għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira bl-użu, inter alia, tal-mudell ta’ sigurtà tal-fruntieri tal-erba’ livelli u l-analiżi tar-riskju integrat tal-Unjoni.

    (25)

    Skond il-Protokoll Nru 5 mat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-2003 dwar it-transitu ta’ persuni bl-art bejn ir-reġjun ta’ Kaliningrad u partijiet oħrajn tal-Federazzjoni Russa, l-Istrument għandu jagħmel tajjeb għal kull spiża addizzjonali li ssir fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-acquis tal-Unjoni li tkpori t-tali transit, jiġifieri ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 693/2003 (9) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 694/2003 (10). Il-ħtieġa għal appoġġ finanzjarju kontinwu għal ħlasijiet mitlufa, madankollu, għandha tkun dipendenti fuq ir-reġim tal-viża tal-UE fis-seħħ mal-Federazzjoni Russa.

    (26)

    L-Istrument għandu jinkludi l-appoġġ għall-miżuri nazzjonali u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-politika dwar il-viża u attivitajiet oħra ta’ qabel il-fruntieri li jsiru qabel il-kontrolli tal-fruntieri esterni, u għandu jagħmel użu sħiħ mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS). Il-ġestjoni effiċjenti ta’ attivitajiet organizzati mis-servizzi tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi hija fl-interessi tal-politika komuni dwar il-viża bħala parti minn sistema b’bosta livelli li għandha l-għan li tiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu u tindirizza l-immigrazzjoni illegali fl-Unjoni, u tikkostitwixxi parti integrali mis-sistema komuni Ewropea ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri.

    (27)

    Barra minn hekk, l-Istrument għandu jappoġġa miżuri fit-territorju bħala parti mill-iżvilupp ta’ sistema komuni ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri li ssaħħaħ il-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen.

    (28)

    Dan l-istrument għandu jappoġġja wkoll l-iżvilupp mill-Unjoni ta’ sistemi tal-IT, ibbażati fuq sistemi tal-IT eżistenti u/jew ġodda, li jarmaw l-Istati Membri bl-għodod biex jiġġestixxu l-moviment ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bejn il-fruntieri b’mod aktar effiċjenti u biex jiżguraw identifikazzjoni u verifika aħjar tal-vjaġġaturi, u b’hekk jiffaċilitaw l-ivvjaġġar u jsaħħu s-sigurtà tal-fruntieri. Għal dak il-għan, għandu jiġi stabbilit programm, b’mod koerenti mal-Istrateġija tal-Ġestjoni tal-Informazzjoni għas-Sigurtà Interna tal-UE, bl-għan li jiġu koperti l-ispejjeż għall-iżvilupp kemm tal-komponenti ċentrali kif ukoll ta’ dawk nazzjonali ta’ dan it-tip ta’ sistemi, li jiżgura konsistenza teknika, l-interoperabilità ma’ sistemi oħra tal-IT tal-Unjoni, iffrankar u implimentazzjoni bla xkiel fl-Istati Membri. Dawk is-sistemi tal-IT għandhom jikkonformaw mad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data personali.

    (29)

    L-Istati Membri għandhom jallokaw il-finanzjament meħtieġ lis-Sistema Ewropea tal-Fruntieri ta’ Sorveljanza (EUROSUR), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb ta’ dik is-sistema.

    (30)

    Sabiex jiġu indirizzati pressjoni migratorja mhux prevista u riskji għas-sigurtà tal-fruntieri għandu jkun possibbli li tiġi provduta assistenza ta’ emerġenza f’konformità mal-qafas stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 514/2014.

    (31)

    Barra minn hekk, fl-interessi tas-solidarjetà msaħħa fiż-żona Schengen kollha kemm hi, meta jiġu identifikati nuqqasijiet jew riskji possibbli, b’mod partikolari wara evalwazzjoni ta’ Schengen, l-Istat Membru kkonċernat għandu jsegwihom b’mod adegwat bl-użu tar-riżorsi taħt il-programm nazzjonali tiegħu skont il-prijorità, u fejn applikabbli, jikkomplementa l-miżuri ta’ assistenza għall-emerġenzi.

    (32)

    Biex tissaħħaħ is-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, għandhom ikunu mħeġġa li jużaw parti mir-riżorsi disponibbli taħt il-programmi nazzjonali tagħhom għall-prijoritajiet speċifiċi definiti mill-UE, bħax-xiri ta’ tagħmir tekniku meħtieġ mill-Aġenzija Frontex u l- iżvilupp tal-kooperazzjoni konsulari għall-Unjoni. Hemm bżonn li jiġi massimizzat l-impatt tal-finanzjament tal-Unjoni permezz ta’ mobilizzazzjoni, pooling u leverage tar-riżorsi finanzjarji pubbliċi u privati. Għandu jkun żgurat livell massimu ta’ trasparenza responsabbiltà u skrutinju demokratiku għall-istrumenti u mekkaniżmi finanzjarji innovattivi li jinvolvu l-baġit tal-Unjoni

    (33)

    Sabiex tiġi salvagwardjata l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fiż-żona Schengen kollha, l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (12) għandha tkun appoġġata wkoll taħt dan l-Istrument, bħala għodda essenzjali li tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-libertà, il-ġustizzja u s-sigurtà billi tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-fruntieri esterni u n-nuqqas ta’ kontrolli fuq il-fruntieri fiż-żona Schengen.

    (34)

    Fid-dawl tal-esperjenzi miksuba mill-Fond għall-Fruntieri Esterni u l-iżvilupp tas-SIS II u l-VIS, huwa meqjus xieraq li jkun permess ċertu grad ta’ flessibbiltà rigward it-trasferimenti possibbli ta’ riżorsi bejn il-mezzi differenti ta’ implimentazzjoni tal-objettivi segwiti taħt dan l-istrument, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju li tiġi żgurata mill-bidu massa kritika u stabbiltà finanzjarja għall-programmi u l-appoġġ operattiv għall-Istati Membri u mingħajr preġudizzju għall-iskrutinju mill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (35)

    Bl-istess mod, l-ambitu tal-azzjonijiet u l-limitu għar-riżorsi li jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-UE (“azzjonijiet tal-Unjoni”) għandhom jiżdiedu biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li twettaq, f’sena baġitarja partikolari, bosta attivitajiet għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u tal-politika komuni dwar il-viża fl-interessi tal-Unjoni kollha, meta u sakemm jinħolqu l-ħtiġijiet. Azzjonijiet tal-Unjoni bħal dawn jinkludu studji u proġetti pilota biex titkompla l-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-politika komuni dwar il-viża u l-applikazzjoni tagħhom, it-taħriġ tal-gwardjani tal-fruntieri fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, miżuri jew arranġamenti fil-pajjiżi terzi li jindirizzaw il-pressjonijiet migratorji minn dawk il-pajjiżi fl-interessi tal-ġestjoni ottimali tal-flussi migratorji fl-UE u tal-organizzazzjoni effiċjenti tal-inkarigi relatati fil-fruntieri esterni u l-konsolati.

    (36)

    Miżuri f’pajjiżi terzi u fir-rigward tagħhom appoġġati permezz tal-Istrument għandhom jittieħdu f’sinerġija u koerenza ma’ azzjonijiet oħra barra l-Unjoni appoġġati permezz ta’ strumenti ta’ assistenza esterna tal-Unjoni, ġeografiċi u tematiċi. B’mod partikolari, fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, għandha titfittex koerenza sħiħa mal-prinċipji u l-objettivi ġenerali tal-azzjoni esterna u l-politika barranija tal-Unjoni relatata mal-pajjiż jew ir-reġjun ikkonċernati. M’għandhomx ikunu intiżi sabiex jappoġġaw azzjonijiet li huma direttament orjentati lejn l-iżvilupp u għandhom jikkumplimentaw, fejn xieraq, l-assistenza finanzjarja provduta permezz ta’ strumenti tal-għajnuna esterna. Se tiġi żgurata wkoll il-koerenza ma’ politika umanitarja tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza.

    (37)

    Il-finanzjament mill-baġit tal-UE għandu jikkonċentra fuq attivitajiet li permezz tagħhom l-intervent tal-UE jista’ jagħti valur miżjud meta mqabbel ma’ azzjoni mill-Istati Membri waħidhom. Peress li l-Unjoni Ewropea tinsab f’pożizzjoni aħjar mill-Istati Membri biex tipprovdi qafas għall-espressjoni ta’ solidarjetà tal-UE fil-kontroll tal-fruntieri, il-politika dwar il-viża u l-ġestjoni tal-flussi migratorji, u biex tipprovdi pjattaforma għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT komuni li jsostnu dawk il-politiki, l-appoġġ finanzjarju pprovdut taħt dan ir-Regolament ser jikkontribwixxi b’mod partikolari biex isaħħaħ il-kapaċitajiet nazzjonali u tal-Unjoni f’dawk l-oqsma.

    (38)

    Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi l-allokazzjoni ta’ ammonti bażiċi lill-Istati Membri. L-ammont bażiku għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-allokazzjonijiet tal-Fond għall-Fruntieri Esterni għal kull Stat Membru fis-snin 2010-2012 u permezz tad-diviżjoni taċ-ċifra miksuba bit-total tal-approprjazzjonijiet disponibbli għall-ġestjoni kondiviża għal dawk it-tliet snin. Il-kalkoli saru f’konformita’ mal-kriterji ta’ distribuzzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE.

    (39)

    Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Istrument, b’konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, bl-għajnuna ta’ indikaturi ewlenin għall-valutazzjoni tar-riżultati u l-impatti. L-indikaturi, inklużi x-xenarji ta’ referenza rilevanti, għandhom jagħtu l-bażi minima sabiex jiġi vvalutat sa liema punt ikunu ntlaħqu l-objettivi tal-Istrument.

    (40)

    Sabiex jiġu supplimentati jew emendati dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament fir-rigward tad-definizzajoni ta’ azzjonijiet speċifiċi taħt il-programmi nazzjonali, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata lill-Kummissjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (41)

    Fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluża t-tħejjija tal-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti mill-Istati Membri kollha.

    (42)

    Sabiex tkun żgurata applikazzjoni uniformi, effiċjenti u f’waqtha tad-dispożizzjonijiet dwar l-appoġġ operattiv stabbilit f’dan ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

    (43)

    Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jipprovdi għall-kondiviżjoni tas-solidarjetà u r-responsabbiltà bejn l-Istati Membri u l-Unjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-politika tal-viza, ma jistax jintlaħaq tajjeb mill-Istati Membri u jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-TUE. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dawk li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

    (44)

    Id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE għandha tiġi revokata, soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (45)

    Rigward l-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp tal-acquis ta’ Schengen (14) li jaqa’ fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, Punti A u B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (15).

    (46)

    Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ta’ din tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (16) li jaqgħu fl-ambitu tal-punt A u B tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE kkunsidrat konġuntement mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (17).

    (47)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (18) li jaqa’ fl-ambitu tal-punti A, B u G tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE kkunsidrat konġuntement mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (19).

    (48)

    F’konformita’ mal-Artikoli 1 u 2 tall-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament hu mibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, skont l-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk tkunx se timplimenta dan ir-Regolament fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (49)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (20). Ir-Renju Unit għaldaqstant mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

    (50)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tieħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (21). L-Irlanda għalhekk m’hijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u m’hijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    (51)

    Huwa xieraq li l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Istrument jiġi allinjat ma’ dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (22). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jibda’ japplika mill-1 ta’ Jannar 2014,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Skop u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Istrument għall-appoġġ finanzjajru għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-politika komuni dwar il-viża (“l-Istrument”) bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna (“il-Fond”).

    Flimkien mar-Regolament 513/2014, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 Diċembru 2020.

    2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

    (a)

    l-objettivi tal-appoġġ finanzjarju u l-azzjonijiet eliġibbli;

    (b)

    il-qafas ġenerali għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet eliġibbli;

    (c)

    ir-riżorsi disponibbli taħt l-Istrument mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 u d-distribuzzjoni tagħhom;

    (d)

    l-ambitu u l-għan tal-mezzi speċifiċi differenti li permezz tagħhom l-infiq għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u tal-politika komuni dwar il-viża jiġi ffinanzjat.

    3.   Dan ir-Regolament jipprovdi għall-applikazzjoni tar-regoli stipulati fir-Regolament (UE) Nru 514/2014.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “fruntieri esterni” tfisser il-fruntieri tal-art tal-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri tal-baħar u l-ajruporti tagħhom, il-portijiet tax-xmajjar, il-portijiet tal-baħar u l-portijiet tal-lagi li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-qsim tal-fruntieri esterni, kemm jekk il-fruntieri jkunux temporanji u kemm jekk le;

    (b)

    “standards komuni tal-Unjoni” tfisser l-applikazzjoni ta’ miżuri operazzjonali b’mod komuni u mhux frammentat sabiex jinkiseb livell għoli u uniformi ta’ sigurtà fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri u l-viża f’konformita’ marl-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), il-katalgu ta’ Schengen dwar il-kontroll tal-fruntieri esterni, il-Manwal Prattiku għall-gwardjani tal-fruntieri, il-Manwal dwar il-viżi, il-Manwal ta’ EUROSUR u kull Regolament u linji gwida oħrajn li għandhom jiġu adottati fil-livell tal-Unjoni għal dak li jikkonċerna l-kontroll tal-fruntieri u l-viża.

    (c)

    “fruntieri esterni temporanji” tfisser:

    (i)

    il-fruntiera komuni bejn Stat Membru li jkun qed jimplimenta b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen u Stat Membru marbut li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, f’konformità mal-Att tal-Adeżjoni tiegħu, iżda fejn id-Deċiżjoni relevanti tal-Kunsill li tawtorizzah japplika b’mod sħiħ dak l-acquis ma tkunx daħlet fis-seħħ;

    (ii)

    il-fruntiera komuni bejn żewġ Stati Membri marbuta li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, f’konformità mal-Atti tal-Adeżjoni rispettivi tagħom, iżda fejn id-Deċiżjoni relevanti tal-Kunsill li tawtorizzahom biex japplikaw b’mod sħiħ dak l-acquis tkun għadha ma daħlitx fis-seħħ;

    (d)

    “punt tal-qsim tal-fruntiera” tfisser kwalunkwe punt tal-qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti għall-qsim tal-fruntieri esterni kif notifikat skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006;

    (e)

    “mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen” tfisser il-verifika tal-applikazzjoni korretta tal-acquis ta’ Schengen kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1053/2012;

    (f)

    “sitwazzjoni ta’ emerġenza” tfisser sitwazzjoni li tirriżulta minn pressjoni urġenti u eċċezzjonali meta numru kbir ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi qed jaqsmu jew ikunu mistennija li jaqsmu l-fruntiera esterna ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza oħra ġustifikata kif xieraq li tkun teħtieġ azzjoni urġenti fil-fruntieri esterni;

    (g)

    “sezzjoni ta’ fruntieri esterni” tfisser il-fruntiera esterna ta’ Stat Membru fuq l-art jew fil-baħar kollha jew parti minnha kif stabbilit mil-liġi nazzjonali jew kif determinat miċ-ċentru ta’ koordinazzjoni nazzjonali jew kwalunkwe awtorità nazzjonali responsabbli għall-iskop tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1052/2013.

    Artikolu 3

    Objettivi

    1.   L-objettiv ġenerali tal-Istrument għandu jkun li jikkontribwixxi biex jiżgura livell għoli ta’ sigurtà fl-Unjoni filwaqt li jiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu, permezz ta’ livell uniformi u għoli ta’ kontroll fil-fruntieri esterni u l-ipproċessar effettiv tal-viżi ta’ Schengen, b’konformità mal-impenn tal-Unjoni għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem.

    2.   Fi ħdan l-objettiv ġenerali stabbilit fl-ewwel paragrafu, l-Istrument għandu jikkontribwixxi - f’ konformita’ mal-prijoritajiet definiti fl-istrateġiji, programmi, valutazzjonijiet tat-theddid u valutazzjonijiet tar-riskju relevanti tal-Unjoni - għal kisba ta’l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    l-appoġġ għal politika komuni dwar il-viża għall-iffaċilitar tal-ivvjaġġar leġittimu, l-għoti ta’ servizz ta’ kwalità għolja għall-applikanti għall-viża, l-iżgurar tat-trattament ugwali ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi u l-indirizzar tal-immigrazzjoni illegali;

    (b)

    l-appoġġ ta’ ġestjoni tal-fruntieri integrati, inkluża l-promozzjoni ta’ aktar armonizzazzjoni ta’ miżuri relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri b’konformità ma’ standards komuni tal-Unjoni u permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u Frontex, biex jiġi żgurat, minn naħa waħda, livell uniformi u għoli ta’ kontroll u protezzjoni tal-fruntieri esterni, inkluż permezz tal-indirizzar tal-immigrazzjoni illegali u, min-naħa l-oħra, il-qsim bla xkiel tal-fruntieri esterni skont l-acquis ta’ Schengen, filwaqt li jiġi garantit l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali lil dawk li jeħtiġuha, skont l-obbligi kkuntrattati mill-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-prinċipju ta’ non-refoulement.

    Il-kisba tal-objettivi speċifiċi tal-Istrument għandha tiġi vvalutata skont it-termini tal-Artikolu 55(2) tar-Regolament (UE) 514/2014 bl-użu ta’ indikaturi komuni kif stabbiliti fl-Anness IV għal dan ir-Regolament u indikaturi speċifiċi għall-programmi inklużi fil-programmi nazzjonali.

    3.   Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istrument għandu jikkontribbwixxi għall-objettivi operattivi li ġejjin:

    (a)

    il-promozzjoni tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-politiki bl-għan li jiżguraw in-nuqqas ta’ kwalunkwe kontroll fuq il-persuni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni u li jitwettqu kontrolli fuq il-persuni u l-monitoraġġ effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni;

    (b)

    l-istabbiliment b’mod gradwali ta’ sistema ta’ ġestjoni integrata għall-fruntieri esterni, abbażi tas-solidarjetà u r-responsabbiltà, b’mod partikolari permezz ta’:

    (i)

    ir-rinfurzar tal-kotrolli fuq il-fruntieri esterni u s-sistemi ta’ sorveljanza u tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji bejn awtoritajiet tal-gwardjani tal-fruntieri, id-dwana, tal-migrazzjoni, tal-asil u tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri fil-fruntieri esterni, inkluż fiż-żona tal-fruntiera tal-baħar;

    (ii)

    miżuri fit-territorju relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-miżuri neċessarji ta’ akkumpanjament dwar is-sigurtà tad-dokumenti, il-ġestjoni tal-identità u l-interoperabilità tat-tagħmir tekniku miksub;

    (iii)

    kwalunkwe miżura li tikkontribwixxi wkoll għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera fil-fruntieri esterni relatata mal-moviment ta’ persuni, inkluż it-traffikar tal-persuni u l-kuntrabandu tal-bnedmin;

    (c)

    il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika komuni dwar il-viżi u permessi oħra ta’ residenza, u ta’ forom differenti ta’ kooperazzjoni konsulari sabiex ikunu żgurati kopertura konsulari aħjar u prattiki armonizzati dwar il-ħruġ tal-viżi;

    (d)

    it-twaqqif u t-tħaddim ta’ sistemi tal-IT, l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni tagħhom u tagħmir li jappoġġa fil-l-politika komuni dwar il-viżi, il-kontrolli fuq il-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni u b’rispett sħiħ tal-liġi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali;

    (e)

    it-tisħiħ ta’ għarfien dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni u l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-Istati Membri;

    (f)

    l-iżgurar tal-applikazzjoni effiċjenti u uniformi tal-acquis tal-UE dwar il-fruntieri u l-viża, inkluż il-funzjonament effettiv tal-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni u l-monitoraġġ ta’ Schengen;

    (g)

    it-tisħiħ tal-azzjonijiet mill-Istati Membri li jikkontribwixxu għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li joperaw f’pajjiżi terzi fir-rigward tal-flussi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri, inklużi l-prevenzjoni u l-indirizzar tal-immigrazzjoni illegali, kif ukoll il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi f’dak ir-rigward b’koerenza sħiħa mal-objettivi u l-prinċipji tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u l-politika umanitarja.

    4.   L-azzjonijiet iffinanzjati skont l-Istrument għandhom jiġu implimentati b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem. B’mod partikolari, l-azzjonijiet għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-prinċipju tat-trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, id-dritt għall-asil u l-protezzjoni nazzjonali, il-prinċipju ta’ non-refoulement u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri li jirriżulataw mill-istrumenti internazzjonali li huma firmatarji tagħhom, bħall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif issupplimentata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967.

    B’mod partikolari, kull meta jkun possibbli, għandha tingħata attenzjoni speċjali mill-Istati Membri meta jimplimentaw azzjonijiet għall-identifikazzjoni, l-assistenza immedjata u r-riferiment lis-servizzi ta’ protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli, b’mod partikolari tfal u minuri mhux akkumpanjati.

    5.   Meta jimplimentaw azzjonijiet iffinanzjati skont l-Istrument li huma relatati mas-sorveljanza tal-fruntieri fuq il-baħar, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-obbligi tagħhom skont id-dritt marittimu internazzjonali sabiex jassistu lill-persuni f’diffikultà. F’dak ir-rigward, it-tagħmir u s-sistemi appoġġati taħt l-Istrument jistgħu jintużaw biex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ li jistgħu jinqalgħu waqt operazzjoni ta’ sorveljanza tal-fruntiera fil-baħar, u b’hekk jikkontribwixxu għall-iżgurar tal-protezzjoni u biex isalvaw il-ħajjiet tal-migranti.

    6.   Dan l-istrument għandu jikkontribwixxi wkoll għall-iffinanzjar ta’ assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Istati Membri u l-Kummissjoni.

    Artikolu 4

    Azzjonijiet eliġibbli

    1.   Fi ħdan l-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu politiku kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u skont mal-objettivi tal-programm nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, l-Istrument għandu jappoġġa azzjonijiet fl-Istati Membri jew minnhom, u b’mod partikolari dawn li ġejjin:

    (a)

    l-infrastrutturi, il-bini u s-sistemi meħtieġa f’punti tal-qsim tal-fruntieri u għas-sorveljanza bejn il-punti tal-qsim tal-fruntieri biex jiġu evitati u indirizzati l-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri, l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera kif ukoll jiġu ggarantiti flussi tal-ivvjaġġar mingħajr xkiel;

    (b)

    it-tagħmir operattiv, il-mezzi tat-trasport u s-sistemi ta’ komunikazzjoni meħtieġa għall-kontroll effettiv u sikur tal-fruntieri u t-tisjib ta’ persuni;

    (c)

    sistemi tal-IT u tal-komunikazzjoni għall-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji bejn il-fruntieri, inklużi investimenti f’sistemi eżistenti u futuri;

    (d)

    l-infrastrutturi, il-bini, is-sistemi ta’ komunikazzjoni u tal-IT u t-tagħmir operattiv meħtieġa għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viżi u l-kooperazzjoni konsulari, kif ukoll azzjonijiet oħra mmirati biex itejbu l-kwalità tas-servizz lill-applikanti għall-viżi;

    (e)

    taħriġ fl-użu tat-tagħmir u s-sistemi msemmija fil-punti (b), (c) u (d) u l-promozzjoni ta’ standards għall-ġestjoni tal-kwalità u t-taħriġ tal-gwardjani tal-fruntieri, inkluż fejn xieraq f’pajjiżi terzi, fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom ta’ sorveljanza, konsulenza u kontroll f’konformità -mad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-identifikazzjoni ta’ vittmi ta’ traffikar tal-bniedem u t-traffikar ta’ persuni;

    (f)

    sekondar ta’ uffiċjali ta’ kollegament responsabbli mis-settur tal-immigrazzjoni u konsulenti dwar dokumenti f’pajjiżi terzi u l-iskambju u s-sekondar ta’ gwardjani tal-fruntieri bejn l-Istati Membri jew bejn Stat Membru u pajjiż terz;

    (g)

    studji, taħriġ, proġetti pilota u azzjonijiet oħrajn li gradwalment jistabbilixxu sistema ta’ ġestjoni integrata għall-fruntieri esterni kif imsemmi fl-Artikolu 3(3), inklużi azzjonijiet immirati biex iħeġġu l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji jew fi ħdan l-Istati Membri jew bejniethom u azzjonijiet marbutin mal-interoperabilità u l-armonizzazzjoni ta’ sistemi għall-ġestjoni tal-fruntieri;

    (h)

    studji, proġetti pilota u azzjonijiet li jimmiraw lejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, l-istandards operattivi u l-aħjar prattiki li jirriżultaw mill-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni.

    2.   Fi ħdan l-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu politiku kif jiddisponi l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u f’ konformità mal-objettivi tal-programm nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, dan l-Istrument għandu jappoġġa azzjonijiet fir-rigward ta’ u fil-pajjiżi terzi u b’mod partikolari dawn li ġejjin:

    (a)

    sistemi tal-informazzjoni, għodod jew tagħmir għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn Stati Membri u pajjiżi terzi;

    (b)

    azzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni operattiva bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, inklużi operazzjonijiet konġunti;

    (c)

    proġetti f’pajjiżi terzi bil-għan tat-titjib tas-sistemi ta’ sorveljanza biex tkun żgurata l-kooperazzjoni ma’ EUROSUR;

    (d)

    studji, seminars, workshops, konferenzi, taħriġ, tagħmir u proġetti pilota li jipprovdu kompetenza teknika u operattiva lill-pajjiżi terzi;

    (e)

    studji, seminars, workshops, konferenzi, taħriġ, tagħmir u proġetti pilota li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi, l-istandards operattivi u l-aħjar prattiki, li jirriżultaw mill-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni f’pajjiżi terzi.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni fir-rigward ta’ azzjonijiet f’pajjiżi terzi u dawk relatati magħhom, kif stabbilit fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

    3.   L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) m’għandhomx ikunu eliġibbli fil-fruntieri esterni temporanji.

    4.   L-azzjonijiet marbuta mal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja u eċċezzjonali ta’ kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri interni kif imsemmija fid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen m’għandhomx ikunu eliġibbli.

    5.   L-azzjonijiet li l-għan esklużiv jew l-effett tagħhom huwa l-kontroll tal-prodotti m’ għandhomx ikunu eliġibbli.

    KAPITOLU II

    QAFAS FINANZJARJU U TA’ IMPLIMENTAZZJONI

    Artikolu 5

    Riżorsi globali u implimentazzjoni

    1.   Ir-riżorsi globali għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Istrument għandhom jammontaw għal EUR 2 760 miljun f’prezzijiet attwali.

    2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

    3.   Ir-riżorsi globali għandhom jiġu implimentati bil-mezzi li ġejjin:

    (a)

    programmi nazzjonali, skont l-Artikoli 9 u 12;

    (b)

    appoġġ operattiv, fil-qafas tal-programmi nazzjonali u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10;

    (c)

    l-Iskema ta’ Transitu Speċjali, skont l-Artikolu 11;

    (d)

    azzjonijiet tal-Unjoni, skont l-Artikolu 13;

    (e)

    assistenza ta’ emerġenza, skont l-Artikolu 14;

    (f)

    l-implimentazzjoni ta’ programm għat-twaqqif ta’ sistemi tal-IT li jappoġġaw il-ġestjoni tal-flussi migratorji bejn il-fruntieri esterni taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15;

    (g)

    assistenza teknika skont l-Artikolu 16.

    4.   Il-baġit allokat taħt dan l-Istrument lill-azzjonijiet tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, lill-assistenza ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament u lill-assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni diretta b’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) u; fejn adatt, taħt ġestjoni indiretta b’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

    Il-baġit allokat lill-programmi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9, lill-appoġġ operattiv imsemmi fl-Artikolu 10 u lill-funzjonament tal-Iskema ta’ Transitu Speċjali msemmija fl-Artikolu 11, għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni kondiviża b’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

    Il-baġit allokat lil pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni indiretta skont il-punt (c)(i) tal-Artikolu 58(1)tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

    Il-metodu(i) ta’ implimentazzjoni tal-baġit għall-programm dwar l-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT, ibbażati fuq sistemi tal-IT eżistenti u/jew ġodda, għandhom jiġu stabbiliti fl-atti leġislattivi rilevanti tal-Unjoni soġġett għall-adozzjoni tagħhom.

    5.   Ir-riżorsi globali għandhom jintużaw kif ġej:

    (a)

    EUR 1 551 miljun għall-programmi nazzjonali tal-Istati Membri;

    (b)

    EUR 791 miljun għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT, ibbażati fuq sistemi tal-IT eżistenti u/jew ġodda, li jappoġġjaw il-ġestjoni tal-flussi migratorji bejn il-fruntieri esterni, prevja l-adozzjoni tal-atti isleġislattivi rilevanti tal-Unjoni;

    Fejn dak l-ammontma jkunx allokat jew minfuq, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att delegat b’konformità mal-Artikolu 17, tallokah mill-ġdid lil attività waħda jew aktar imsemmija fil-punti (b) u (c) fl-Artikolu 6(1) u l-punt (d) ta’ dan il-paragrafu. Dak l-att delegat għandu jinkludi valutazzjoni tal-evoluzzjoni tas-sistemi tal-IT rilevanti inklużi l-implimentazzjoni tal-baġit u l-ammonti mhux minfuqa previsti. Dik l-allokazzjoni mill-ġdid tista’ sseħħ wara l-adozzjoni tal-atti leġislattivi rilevanti jew fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu imsemmija fl-Artikolu 8.

    (c)

    EUR 154 miljun għall-Iskema ta’ Transitu Speċjali;

    (d)

    EUR 264 miljun għall-azzjonijiet tal-Unjoni, l-assistenza ta’ emerġenza u l-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, li minnhom tal-anqas 30 % għandhom jintużaw għall-azzjonijiet tal-Unjoni.

    6.   Flimkien mar-riżorsi globali stabbiliti għar-Regolament (UE) Nru 513/2014 ir-riżorsi globali disponibbli għal dan l-Istrument kif stabbiliti fil-paragrafu 1, jikkostitwixxu l-pakkett finanzjarju għall-Fond u jservu bħala r-referenza ewlenija fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja (28), għall-Parlament Ewropew u il-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali..

    7.   Il-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen għandhom jipparteċipaw fl-Istrument skont dan ir-Regolament.

    Għandhom jiġu konklużi arranġamenti dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn dawk il-pajjiżi għal l-Istrument u r-regoli supplimentari meħtieġa għat-tali parteċipazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u s-setgħa tal-verifika tal-Qorti tal-Awdituri.

    Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn dawk il-pajjiżi għandhom jiżdiedu mar-riżorsi globali disponibbli mill-baġit tal-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1.

    Artikolu 6

    Riżorsi għal azzjonijiet eliġibbli fl-Istati Membri

    1.   EUR 1 551 miljun għandhom jiġu allokati għall-Istati Membri b’mod indikattiv kif ġej:

    (a)

    EUR 1 276 miljun, kif indikat fl-Anness I;

    (b)

    EUR 147 miljun, ibbażati fuq ir-riżultati tal-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 7;

    (c)

    fil-qafas tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu msemmija fl-Artikolu 8 u għall-perjodu mis-sena baġitarja 2018, EUR 128 miljun, il-bqija tal-approprjazzjonijiet disponibbli taħt dan l-Artikolu jew ammont ieħor, kif determinat skont il-paragrafu 2, ibbażati fuq ir-riżultati tal-analiżi tar-riskju u r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu.

    2.   Kull Stat Membru għandu jalloka l-ammonti bażiċi għall-programmi nazzjonali indikati fl-Anness I kif ġej:

    (a)

    tal-anqas 10 % għall-azzjonijiet relatati mal-punt (a) tal-Artikolu 9(2);

    (b)

    tal-anqas 25 % għall-azzjonijiet relatati mal-punt (b) tal-Artikolu 9(2)(b);

    (c)

    tal-anqas 5 % għall-azzjonijiet relatati mal-punti (c), (d), (e) u (f)tal-Artikolu 9(2).

    L-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dawn il-perċentwali minimi jekk tiġi inkluża spjegazzjoni fil-programm nazzjonali dwar kif l-allokazzjoni ta’ riżorsi taħt dawk il-perċentwali minimi ma tippreġudikax l-ksib tal-objettiv rilevanti. Din l-ispjegazzjoni tiġi vvalutata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-approvazzjoni tagħha tal-programmi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9(2).

    3.   L-Istati Membri għandhom jallokaw il-finanzjament meħtieġ lil EUROSUR biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tagħha.

    4.   Biex tindirizza b’mod xieraq l-objettivi tal-Istrument fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux previsti jew ġodda u/jew biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-finanzjament disponibbli taħt l-Istrument, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17 biex taġġusta l-ammont indikattiv stabbilit fil-punt(c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu..

    5.   L-Istati Membri li jidħlu fl-Unjoni fil-perjodu bejn l-2012 u l-2020 m’għandhomx jibbenefikaw mill-allokazzjonijiet għall-programmi nazzjonali taħt l-Istrument sakemm dawn jibbenefikaw minn strument temporanju tal-Unjoni li jappoġġa lill-Istati Membri benefiċjarji biex jiffinanzjaw azzjonijiet fi fruntieri esterni ġodda għall-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen dwar il-fruntieri u l-viża u l-kontroll tal-fruntieri esterni.

    Artikolu 7

    Riżorsi għal azzjonijiet speċifiċi

    1.   L-Istati Membri jistgħu, minbarra l-allokazzjoni tagħhom ikkalkolata skont il-paragrafu 6(1)(a), jirċievu ammont addizzjonali, sakemm ikun allokat bħala tali fil-programm nazzjonali u għandu jintuża biex jinkisbu l-azzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Anness II.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17 għar-reviżjoni tal-Anness II, jekk jitqies xieraq, anki fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu. Fuq il-bażi tal-azzjonijiet speċifiċi ġodda, l-Istati Membri jistgħu jirċievu ammont addizzjonali kif stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, skont ir-riżorsi disponibbli.

    3.   L-ammonti addizzjonali taħt dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri kkonċernati fid-deċiżjoni ta’ finanzjament individwali li tapprova jew tirrevedi l-programm nazzjonali tagħhom skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru.514/2014.

    Artikolu 8

    Riżorsi fil-qafas tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu

    1.   Sabiex jiġi allokat l-ammont indikat fl-Artikolu 6(1)(c), sal-1 ta’ Ġunju 2017 il-Kummissjoni għandha tqis il-piż tal-Istati Membri fil-ġestjoni tal-fruntieri, inklużi l-attivitajiet ta’ tfittxija u salvataġġ li jistgħu jseħħu matul operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri fil-baħar u rapport ta’ evalwazzjoni mfassla bħala parti mill-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ ta’ Schengen, u l-livelli ta’ theddid fil-fruntieri esterni għall-perjodu 2017-2020 kif ukoll fatturi li affettwaw is-sigurtà fil-fruntieri esterni fl-2014-2016. Dak l–ammont għandu jinqasam bejn l-Istati Membri abbażi tal-piż tal-kategoriji ta’ fruntieri li ġejjin, b’kont meħud tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu:

    (a)

    45 % għall-fruntieri marittimi esterni;

    (b)

    38 % għall-fruntieri fuq l-art esterni;

    (c)

    17 % għall-ajruporti.

    2.   Għall-fruntieri esterni fuq il-baħar u fuq l-art, il-kalkolu tal-ammont għandu jkun ibbażat fuq it-tul tas-sezzjonijiet tal-fruntiera esterna mmultiplikat minn livell ta’ theddid (minimu, normali, medju, għoli) għal kull sezzjoni tal-fruntiera, kif ġej:

    (a)

    koeffiċjent 0,5 għal livell ta’ theddid minimu;

    (b)

    koeffiċjent 1 għal livell ta’ theddid normali;

    (c)

    koeffiċjent 3 għal livell ta’ theddid medju;

    (d)

    koeffiċjent 5 għal livell ta’ theddid għoli.

    3.   Għall-ajruporti, l-allokazzjoni għandha tiġi kkalkolata għal kull Stat Membru kif ġej:

    (a)

    50 % abbażi tan-numru ta’ persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni;

    (b)

    50 % abbażi tan-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew miċħuda d-dħul fil-fruntiera esterna;

    4.   B’konformità mar-rapport ta’ analiżi tar-riskju tal-Aġenzija Frontex u b’konsultazzjoni mal-Aġenzija Frontex, u, fejn rilevanti, ma’ aġenziji tal-Unjoni oħrajn, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-livelli ta’ theddid għal kull sezzjoni tal-fruntiera esterna tal-Istati Membri għall-perjodu mill-2017 sal-2020. Il-livelli ta’ theddid għandhom ikunu bbażati fuq il-fatturi li ġejjin:

    (a)

    il-piż tal-ġestjoni tal-fruntiera fil-fruntieri esterni;

    (b)

    il-fatturi li affettwaw is-sigrutà fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri fil-perjodu mill-2014 sal-2016;

    (c)

    bidliet fil-politiki tal-Unjoni, pereżempju politiki dwar il-viżi;

    (d)

    tendenzi futuri possibbli fi flussi migratorji u riskji ta’ attivitajiet illegali relatati mal-qsim irregolari ta’ persuni fil-fruntieri esterni; u

    (e)

    l-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali probabbli f’pajjiżi terzi, u b’mod partikolari l-pajjiżi ġirien.

    Qabel toħroġ ir-rapport tagħha li jiddetermina l-livelli ta’ theddid, il-Kummissjoni għandu jkollha skambju ta’ fehmiet mal-Istati Membri.

    5.   Għall-fini tad-distribuzzjoni tar-riżorsi taħt il-paragrafu 1:

    (a)

    il-linja bejn iż-żoni msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 (29), iżda mhux it-tul tal-fruntiera marittima fit-Tramuntana ta’ dik il-linja, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għalkemm ma tikkostitwixxix fruntiera esterna fuq l-art, sakemm jibqa’ applikabbli l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 10 dwar Ċipru mal-Att ta’ Adeżjoni 2003;

    (b)

    l-espressjoni “fruntieri marittimi esterni” tfisser il-limitu estern tal-baħar territorjali tal-Istati Membri kif definit skont l-Artikoli 4 sa 16 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar. Madankollu, f’każijiet fejn huma meħtieġa operazzjonijiet fuq distanza twila fuq bażi regolari sabiex jiġi impedit il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri, dik l-espressjoni għandha tfisser il-limitu estern ta’ żoni b’livell għoli ta’ theddid. Dawk il-limiti esterni għandhom ikunu determinati billi jittieħed kont tad-data relevanti dwar dawn l-operazzjonijiet fl-2014-2016 kif ipprovdut mill-Istati Membri inkwistjoni.

    6.   Barra minn hekk, wara stedina mill-Kummissjoni sal-1 ta’ Ġunju 2017, l-Istati Membri jistgħu jirċievu allokazzjoni addizzjonali, sakemm tkun allokata bħala tali fil-programm nazzjonali, u tintuża biex jinkisbu l-azzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu stabbiliti fid-dawl tal-prijoritajiet tal-Unjoni f’dak iż-żmien.

    7.   L-ammonti addizzjonali taħt dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri kkonċernati f’deċiżjoni ta’ finanzjament individwali li tapprova jew tirrevedi l-programm nazzjonali tagħhom skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru.514/2014.

    Artikolu 9

    Programmi nazzjonali

    1.   Il-programm nazzjonali li għandu jiġi ppreparat, filwaqt li jitqies l-eżitu tad-djalogu politiku msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, taħt l-Istrument u dak li għandu jiġi ppreparat taħt ir-Regolament (UE) Nru 513/2014 għandhom jiġu proposti lill-Kummissjoni bħala programm nazzjonali wieħed għall-Fond u skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514./2014.

    2.   Taħt il-programmi nazzjonali, li għandhom jiġu eżaminati u approvati skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, l-Istati Membri għandhom, fil-limiti tal-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u b’kont meħud tal-eżitu tad-djalogu dwar il-politika msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru514/2014, isegwu b’mod partikolari objettivi minn dan li ġej:

    (a)

    l-iżvilupp ta’ EUROSUR skont il-liġi u l-linji gwida tal-Unjoni;

    (b)

    l-appoġġ u l-espansjoni tal-kapaċità eżistenti fil-livell nazzjonali fil-politika dwar il-viża u fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni, kif ukoll appoġġ u espansjoni ta’ miżuri fi ħdan il-qasam tal-moviment liberu relatat mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari, it-teknoloġija ġdida, żviluppi u/jew standards fir-rigward tal-ġestjoni tal-flussi migratorji;

    (c)

    l-appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri tal-ġestjoni tal-flussi migratorji minn servizzi konsulari u oħrajn tal-Istat Membru f’pajjiżi terzi, inkluż it-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni konsulari bil-ħsieb li jkun iffaċilitat l-ivvjaġġar leġittimu skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat u tiġi evitata l-immigrazzjoni illegali fl-Unjoni;

    (d)

    it-tisħiħ tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri bl-ittestjar u l-introduzzjoni ta’ għodod ġodda, sistemi interoperabbli u metodi ta’ ħidma li jimmiraw li jsaħħu l-iskambju ta’ informazzjoni fl-Istat Membru jew li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji;

    (e)

    l-iżvilupp ta’ proġetti bil-għan li jiżguraw livell uniformi u għoli ta’ kontroll tal-fruntiera esterna b’konformità mal-istandards komuni tal-Unjoni u bl-għan li jżidu l-interoperabilità ta’ sistemi ta’ ġestjoni tal-fruntieri bejn l-Istati Membri;

    (f)

    l-appoġġ ta’ azzjonijiet, wara konsultazzjoni mal-Aġenzija Frontex, immirati għall-promozzjoni ulterjuri tal-armonizzazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri u b’mod partikolari l-kapaċitajiet teknoloġiċi, b’konformità ma’ standards tal-Unjoni komuni;

    (g)

    l-iżgurar tal-applikazzjoni korretta u uniformi tal-acquis tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-fruntieri u l-viża b’reazzjoni għan-nuqqasijiet identifikati fil-livell tal-Unjoni, kif muri fir-riżultati stabbiliti fil-qafas tal-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni u tal-monitoraġġ ta’ Schengen;

    (h)

    il-bini tal-kapaċità biex ikunu ffaċċjati l-isfidi li ġejjin inkluż theddid preżenti u futur u l-pressjonijiet fil-fruntieri esterni, filwaqt li b’mod partikolari jittieħed kont tal-analiżi mwettqa mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni.

    3.   B’segwitu għall-objettivi msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw azzjonijiet f’pajjiżi terzi u b’rabta magħhom taħt il-programmi nazzjonali tagħhom, inkluż permezz tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni operattiva.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Aġenzija Frontex dwar l-abbozzi ta’ programmi nazzjonali ppreżentati mill-Istati Membri, u b’mod partikolari dwar l-attivitajiet iffinanzjati fl-ambitu tal-appoġġ operatttiv sabiex tiġi żviluppata l-komplementarjetà bejn il-missjoni tal-Aġenzija Frontex u r-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u jiġi evitat in-nuqqas ta’ effiċjenza.

    Artikolu 10

    Appoġġ operattiv taħt il-programmi nazzjonali tal-Istati Membri

    1.   Stat Membru jista’ juża sa 40 % tal-ammont allokat taħt dan l-istrument għall-programm nazzjonali tiegħu biex jiffinanzja l-appoġġ operattiv lill-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għat-twettiq tal-karigi u s-servizzi li jikkostitwixxu servizz pubbliku għall-Unjoni.

    2.   L-appoġġ operattiv għandu jiġi pprovdut meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati mill-Istat Membru kkonċernat:

    (a)

    konformità mal-acquis tal-Unjoni dwar il-fruntieri u l-viżi;

    (b)

    konformità mal-objettivi tal-programm nazzjonali;

    (c)

    konformità mal-istandards komuni tal-Unjoni sabiex tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u jiġu evitati d-duplikazzjoni, il-frammentazzjoni u l-ineffiċjenza fl-ispejjeż fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri.

    3.   Għal dak il-għan, qabel l-approvazzjoni tal-programm nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sitwazzjoni tal-linja bażi fl-Istati Membri li jkunu indikaw l-intenzjoni tagħhom li jitolbu appoġġ operattiv, filwaqt li jittieħed kont, fejn rilevanti, tar-rapporti ta’ valutazzjoni ta’ Schengen.

    Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ skambju ta’ fehmiet mal-Istat Membru kkonċernat.

    Wara dan l-iskambju ta’ fehmiet, l-aċċettazzjoni ta’ appoġġ baġitarju fi ħdan il-programm nazzjonali ta’ Stat Membru tista’ ssir kondizzjonali wara l-ipprogrammar u t-tlestija ta’ numru ta’ azzjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 jintlaħqu bis-sħiħ saż-żmien meta l-appoġġ baġitarju jiġi pprovdut.

    4.   L-appoġġ operattiv għandu jkun iffokat fuq karigi speċifiċi u/jew servizzi u għandu jkun iffokat fuq l-għanijiet stabbiliti fl-Anness III. Dan għandu jinkludi rimborż sħiħ tal-infiq li jirriżulta mit-twettiq tad-dmirijiet u/jew servizzi definiti fil-programm nazzjonali, fi ħdan il-limiti finanzjarji stabbilit mill-programm u l-limitu stabbilit fil-paragrafu 1.

    5.   L-appoġġ operattiv għandu jkun is-suġġett ta’ monitoraġġ u skambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ referenza f’dak l-Istat Membru, l-objettivi u l-miri li għandhom jintlaħqu u l-indikaturi li jkejlu l-progress.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, proċeduri ta’ rappurtar dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u kwalunkwe arranġamenti prattiċi oħra li għandhom isiru bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

    Artikolu 11

    Appoġġ operattiv għall-Iskema ta’ Transitu Speċjali

    1.   Dan l-istrument għandu jipprovdi appoġġ biex jikkumpensa għall-ħlasijiet mitlufa mill-viżi maħruġa għall-fini tal-ispejjeż tat-transitu u addizzjonali li jkunu saru fl-implimentazzjoni tal-iskema tad-Dokument ta’ Transitu Faċilitat (FTD) u d-Dokument ta’ Transitu Ferrovjarju Faċilitat (FRTD) skont ir-Regolament (KE) Nru 693/2003 u Regolament (KE) Nru 694/2003.

    2.   Ir-riżorsi allokati lil-Litwanja skont il-paragrafu 1 m’għandhomx jaqbżu EUR 154 miljun għall-perjodu 2014-2020 u għandhom isiru disponibbli bħala appoġġ operattiv speċifiku addizzjonali għal-Litwanja.

    3.   Għall-fini tal-paragrafu 1, spejjeż addizzjonali tfisser spejjeż li jirriżultaw direttament mir-rekwiżiti speċifiċi tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni tal-iskema ta’ transitu speċjali u li ma jkunux iġġenerati minħabba l-ħruġ ta’ viżi għall-fini ta’ transitu jew skopijiet oħra.

    It-tipi li ġejjin ta’ spejjeż addizzjonali għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament:

    (a)

    investiment f’infrastrutturi;

    (b)

    taħriġ ta’ persunal li jimplimenta l-iskema ta’ transitu speċjali;

    (c)

    spejjeż operattivi addizzjonali, inklużi s-salarji tal-persunal li speċifikament jimplimenta l-iskema ta’ transitu speċjali.

    4.   Il-ħlasijiet mitlufa msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-livell tal-ħlasijiet tal-viża u r-rinunzji tal-ħlas tal-viża stabbiliti bil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa (30), fil-qafas finanzjarju stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    5.   Il-Kummissjoni u l-Litwanja għandhom jirrevedu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu fl-eventwalità ta’ bidliet li jkollhom impatt fuq l-eżistenza u/jew il-funzjonament tal-Iskema ta’ Transitu Speċjali.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, proċeduri ta’ rappurtar dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u kwalunkwe arranġament prattiku finanzjarju u oħrajn li jsiru bejn il-Litwanja u l-Kummissjoni biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

    7.   Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-Iskema ta’ Transitu Speċjali l-Kummissjoni tista’ tagħmel arranġamenti speċifiċi ta’ ħlas interim li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru.514/2014.

    Artikolu 12

    Programmazzjoni konformi mar-riżultati tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen

    Wara rapport ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, kif adottat skont ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013, l-Istat Membru kkonċernat għandu jeżamina, flimkien mal-Kummissjoni u l-Aġenzija Frontex, kif jiġu indirizzati s-sejbiet, inklużi kwalunkwe nuqqasijiet, u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet fil-qafas tal-programm nazzjonali tiegħu.

    Fejn meħtieġ, Stat Membru għandu jirrevedi l-programm nazzjonali tiegħu skont l-Artikolu 14(9) tar-Regolament (KE) Nru 514/2014 biex iqis il-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet.

    Il–finanzjament tal-azzjonijiet korrettivi għandu jkun prijorità. Fi djalogu mal-Kummissjoni u l-Aġenzija Frontex, l-Istat Membru kkonċernat għandu jalloka mill-ġdid ir-riżorsi taħt il-programm tiegħu, inklużi dawk programmati għall-appoġġ operattiv, u/jew jintroduċi jew jemenda azzjonijiet li għandhom l-għan li jirrimedjaw għan-nuqqasijiet skont is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen.

    Artikolu 13

    Azzjonijiet tal-Unjoni

    1.   Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, dan l-istrument jista’ jintuża biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet transnazzjonali jew azzjonijiet ta’ interess partikolari għall-Unjoni (“azzjonijiet tal-Unjoni”) rigward l-objettivi ġenerali u operazzjonali speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3.

    2.   Biex ikunu eliġibbli għall-finanzjament, l-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom b’mod partikolari jsegwu l-objettivi li ġejjin:

    (a)

    jappoġġaw l-attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, amministrattivi u tekniċi, meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-fruntieri esterni u dwar il-viżi, inkluż biex isaħħu l-governanza taż-żona Schengen billi jiżviluppaw u jimplimentaw il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 biex tiġi vverifikata l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, b’mod partikolari n-nefqa tal-missjoni għall-esperti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri li jipparteċipaw fi żjarat fuq il-post;

    (b)

    itejbu l-għarfien u l-fehim tas-sitwazzjoni prevalenti fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi permezz tal-analiżi, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ mill-qrib tal-politiki;

    (c)

    jappoġġaw l-iżvilupp ta’ għodod statistiċi, inklużi għodod statistiċi komuni, metodi u indikaturi komuni;

    (d)

    jappoġġaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-objettivi tal-politika tal-Unjoni fl-Istati Membri, u jevalwaw l-effikaċja u l-impatt tagħhom, inkluż fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, sa fejn huwa kkonċernat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Istrument;

    (e)

    jippromwovu n-networking, it-tagħlim reċiproku, l-identifikazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattiki u ta’ approċċi innovattivi fost partijiet interessati differenti fil-livell Ewropew;

    (f)

    jippromwovu proġetti mmirati lejn l-armonizzazzjoni u l-interoperabilità ta’ miżuri relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri b’konformità ma’ standards tal-Unjoni komuni bl-għan li tiġi żviluppata sistema Ewropea għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri;

    (g)

    iżidu l-għarfien dwar il-politiki u l-objettivi tal-Unjoni fost il-partijiet interessati u l-pubbliku ġenerali, inkluża komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni;

    (h)

    iqawwu l-kapaċità tan-netwerks Ewropej biex jivvalutaw, jippromwovu, jappoġġaw u jiżviluppaw aktar il-politiki u l-objettivi tal-Unjoni;

    (i)

    jappoġġaw proġetti partikolarment innovattivi li jiżviluppaw metodi u/jew teknoloġiji ġodda b’potenzjal ta’ trasferibbiltà lejn Stati Membri oħra, speċjalment proġetti li għandhom l-għan li jittestjaw u jivvalidaw proġetti ta’ riċerka;

    (j)

    jappoġġaw azzjonijiet fir-rigward ta’ u fil-pajjiżi terzi kif imsemmija fl-Artikolu 4(2).

    3.   Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru. 514/2014.

    Artikolu 14

    Assistenza ta’ emerġenza

    1.   L-Istrument għandu jipprovdi assistenza finanzjarja biex ikunu indirizzati ħtiġijiet urġenti u speċifiċi fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 2.

    2.   L-assistenza ta’ emerġenza għandha tiġi implimentata skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

    Artikolu 15

    L-istabbiliment ta’ programm dwar l-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT

    Il-programm dwar l-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT, abbażi ta’ sistemi tal-IT eżistenti u/jew ġodda, għandu jiġi implimentat prevja l-adozzjoni tal-atti leġislattivi tal-Unjoni li jiddefinixxu dawk is-sistemi tal-IT u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni tagħhom bil-għan, b’mod partikolari, li tittejjeb il-ġestjoni u l-kontroll ta’ flussi ta’ ivvjaġġar fil-fruntieri esterni billi jissaħħu l-kontrolli filwaqt li jsir aktar mgħaġġel il-qsim tal-fruntieri għal vjaġġaturi regolari. Fejn xieraq, għandhom jinstabu sinerġiji mas-sistemi eżistenti ta’ IT sabiex jiġi evitat l-infiq doppju.

    It-tqassim tal-ammont imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 5(5) għandu jiġi definit jew fl-atti leġislattivi rilevanti tal-Unjoni jew, insegwitu tal-adozzjoni ta’ dawk l-atti leġislattivi, permezz ta’ att delegat b’mod konformi mal-Artikolu 17.

    Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-iżvilupp ta’ dawn is-sistemi ta’ IT mill-anqas darba fis-sena u kull meta jkun xieraq.

    Artikolu 16

    Assistenza teknika

    1.   Fuq inizjattiva u/jew f’isem il-Kummissjoni, l-istrument jista’ annwalment jikkontribwixxi sa EUR 1,7 miljun għall-assistenza teknika għall-Fond skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

    2.   Fuq inizjattiva ta’ Stat Membru, il-Fond jista’ jiffinanzja attivitajiet ta’ assistenza teknika skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014. L-ammont riżervat għall-assistenza teknika m’għandux ikun iżjed, għall-perjodu mill-2014 sal-2020, minn 5 % tal-ammont totali allokat lil Stat Membru li miegħu jiżdiedu EUR 500 000.

    KAPITOLU III

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 17

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 5(5) u l-Artikoli 6(4), 7(2) u 15 għandha tkun mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu tal-21 ta' Mejju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ seba’ snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodu ta’ tliet snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ seba’ snin.

    3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 5(5) u l-Artikoli 6(4), 7(2) u 15 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.   Att delegat adottat skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(5) u l-Artikoli 6(4), 7(2) u 15 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 18

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-“Kumitat tal-Fondi għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u s-Sigurtà Interna” stabbilit mill-Artikolu 59(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 19

    L-applikabbiltà tar-Regolament (UE) Nru 514/2014

    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 għandhom japplikaw għall-Istrument.

    Artikolu 20

    Revoka

    Id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE għandha tiġi revokata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

    Artikolu 21

    Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

    1.   Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, tal-proġetti u l-programmi annwali sal-għeluq tagħhom jew l-assistenza finanzjarja approvata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE jew kwalunkwe leġislazzjoni li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    2.   Meta jiġu adottati deċiżjonijiet dwar il-kofinanzjament taħt l-Istrument, il-Kummissjoni għandha tqis il-miżuri adottati fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE qabel l-20 ta' Mejju 2014 li jkollhom riperkussjonijiet finanzjarji matul il-perjodu kopert minn dak il-kofinanzjament.

    3.   Is-somom impenjati għall-kofinanzjament approvati mill-Kummissjoni bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-31 ta’ Diċembru 2014 li għalihom id-dokumenti meħtieġa għall-għeluq tal-azzjonijiet ma jkunux intbagħtu lill-Kummissjoni sad-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tar-rapport finali għandhom jiġu diżimpenjati awtomatikament mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2017, filwaqt li jagħtu lok għall-ħlas lura ta’ ammonti mħallsin indebitament.

    4.   L-ammonti relatati mal-azzjonijiet li jkunu ġew sospiżi minħabba l-proċedimenti legali jew l-appelli amministrattivi b’effett sospensiv m’għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-ammont tad-diżimpenn awtomatiku.

    5.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2015 rapport ta’ valutazzjoni dwar ir-riżultati u l-impatti tal-azzjonijiet kofinanzjati taħt id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE fir-rigward tal-perjodu mill-2011 sal-2013.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni sal-31 ta’ Diċembru 2015, rapport ta’ valutazzjoni ex-post skont id-DeċiżjoniNru 574/2007/KE dwar il-perjodu mill-2011 sal-2013.

    Artikolu 22

    Reviżjoni

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, jirrevedu dan ir-Regolament sat-30 ta’ Ġunju 2020.

    Artikolu 23

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ April 2014.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. KOURKOULAS


    (1)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 108.

    (2)  ĠU C 277, 13.9.2012, p. 23.

    (3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-13 ta’ Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2014.

    (4)  Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tal-kriżi u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/ĠAI (Ara paġna 93 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (5)  Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tal-kriżi (Ara paġna 112 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (6)  Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perijodu mill-2007 sal-2013 bħala parti mill-programm ġenerali Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni (ĠU L 144, 6.6.2007, p. 22).

    (7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1).

    (8)  Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 1).

    (9)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 693/2003/KE tal-14 ta’ April 2003 li jistabbilixxi Dokument speċifiku ta’ Transitu Faċilitat (FTD), Dokument ta’ Transitu Faċilitat bil-Ferroviji (FRTD) u jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni u l-Ktieb tal-Istruzzjonijiet Komuni (ĠU L 99, 17.4.2003, p. 8).

    (10)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 694/2003/KE tal-14 ta’ April 2003 dwar format uniformi tad-dwar it-Transitu Faċilitat (FTD) u tad-Dokumenti dwar it-Transitu Faċilitat bil-Ferrovija (FRTD) previsti fir-Regolament (KE) Nru 693/2003 (ĠU L 99, 17.4.2003, p. 15).

    (11)  2. Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li tistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta ‘Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 11).

    (12)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).

    (13)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (14)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (15)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (16)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (17)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

    (18)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (19)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

    (20)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

    (21)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (22)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

    (23)  Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1).

    (24)  Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

    (25)  Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).

    (26)  Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1).

    (27)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

    (28)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

    (29)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 mal-Att tal-Adeżjoni (ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128).

    (30)  ĠU L 129, 17.5.2007, p. 27.


    ANNESS I

    Ammonti li jikkostitwixxu l-bażi għall-programmi nazzjonali tal-Istati Membri (f’EUR)

    Stat Membru/Stat assoċjat

    Ammont minimu

    Ammont fiss distribwit abbażi tal-medja 2010-2012

    % 2010-2012 mal-Kroazja

    TOTAL

    AT

    5 000 000

    9 162 727

    0,828  %

    14 162 727

    BE

    5 000 000

    12 519 321

    1,131  %

    17 519 321

    BG

    5 000 000

    35 366 130

    3,196  %

    40 366 130

    CH

    5 000 000

    13 920 284

    1,258  %

    18 920 284

    CY

    15 000 000

    19 507 030

    1,763  %

    34 507 030

    CZ

    5 000 000

    9 381 484

    0,848  %

    14 381 484

    DE

    5 000 000

    46 753 437

    4,225  %

    51 753 437

    DK

    5 000 000

    5 322 133

    0,481  %

    10 322 133

    EE

    5 000 000

    16 781 752

    1,516  %

    21 781 752

    ES

    5 000 000

    190 366 875

    17,201  %

    195 366 875

    FI

    5 000 000

    31 934 528

    2,886  %

    36 934 528

    FR

    5 000 000

    79 999 342

    7,229  %

    84 999 342

    GR

    5 000 000

    161 814 388

    14,621  %

    166 814 388

    HR

    4 285 714

    31 324 057

    2,830  %

    35 609 771

    HU

    5 000 000

    35 829 197

    3,237  %

    40 829 197

    IE

     

     

     

     

    IS

    5 000 000

    326 980

    0,030  %

    5 326 980

    IT

    5 000 000

    151 306 897

    13,672  %

    156 306 897

    LI

    5 000 000

    0

    0,000  %

    5 000 000

    LT

    5 000 000

    19 704 873

    1,780  %

    24 704 873

    LU

    5 000 000

    400 129

    0,036  %

    5 400 129

    LV

    5 000 000

    10 521 704

    0,951  %

    15 521 704

    MT

    15 000 000

    38 098 597

    3,442  %

    53 098 597

    NL

    5 000 000

    25 609 543

    2,314  %

    30 609 543

    NO

    5 000 000

    9 317 819

    0,842  %

    14 317 819

    PL

    5 000 000

    44 113 133

    3,986  %

    49 113 133

    PT

    5 000 000

    13 900 023

    1,256  %

    18 900 023

    RO

    5 000 000

    56 151 568

    5,074  %

    61 151 568

    SE

    5 000 000

    6 518 706

    0,589  %

    11 518 706

    SI

    5 000 000

    25 669 103

    2,319  %

    30 669 103

    SK

    5 000 000

    5 092 525

    0,460  %

    10 092 525

    UK

     

     

     

     

    TOTAL

    169 285 714

    1 106 714 286

    100,00  %

    1 276 000 000


    ANNESS II

    Lista ta’ azzjonijiet speċifiċi

    1.

    It-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni konsulari bejn tal-inqas żewġ Stati Membri li jirriżultaw f’ekonomiji ta’ skala fir-rigward tal-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet u l-ħruġ ta’ viżi fil-konsolati skont il-prinċipji dwar il-kooperazzjoni stabbiliti fil-Kodiċi dwar il-Viżi, inkluż iċ-ċentri ta’ applikazzjoni għall-viża komuni.

    2.

    Ix-xiri ta’ mezzi tat-trasport u tagħmir operattiv li huma meqjusa neċessarji għall-iskjerament waqt operazzjonijiet konġunti mill-Aġenzija Frontex u li għandhom ikunu disponibbli għall-Aġenzija Frontexb’konformità mat-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(5), tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004.


    ANNESS III

    Objettivi għall-appoġġ operattiv fi ħdan il-programmi nazzjonali

    Objettiv 1: il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki li jiżguraw in-nuqqas ta’ kwalunkwe kontroll fuq il-persuni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni, it-twettiq ta’ kontrolli fuq il-persuni u l-monitoraġġ effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni

    operazzjonijiet

    spejjeż tal-persunal, inkluż għat-taħriġ

    spejjeż tas-servizz, bħall-manutenzjoni u t-tiswija

    titjib/tibdil tat-tagħmir

    proprjetà immobbli (deprezzament, rinnovament)

    Objettiv 2: il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika komuni dwar il-viżi u permessi oħra ta’ residenza b’permanenza qasira, inkluża kooperazzjoni konsulari

    operazzjonijiet

    spejjeż tal-persunal, inkluż għat-taħriġ

    spejjeż tas-servizz, bħall-manutenzjoni u t-tiswija

    titjib/tibdil tat-tagħmir

    proprjetà immobbli (deprezzament, rinnovament)

    Objettiv 3: it-twaqqif u t-tmexxija ta’ sistemi sikuri tal-IT, l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni tagħhom u tagħmir ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-flussi migratorji, inkluża s-sorveljanza, bejn il-fruntieri esterni tal-Unjoni

    ġestjoni operattiva ta’ SIS, VIS u sistema ġodda li għandhom jiġu stabbiliti

    spejjeż tal-persunal, inkluż għat-taħriġ

    spejjeż tas-servizz, bħall-manutenzjoni u t-tiswija

    infrastruttura ta’ komunikazzjoni u kwistjonijiet relatati mas-sigurtà kif ukoll mal-protezzjoni tad-data

    titjib/tibdil tat-tagħmir

    kiri ta’ bini sikur u/jew rinnovament


    ANNESS IV

    Lista ta’ indikaturi komuni għall-kejl tal-objettivi speċifiċi

    (a)

    L-appoġġ għal politika komuni dwar il-viżi għall-iffaċilitar tal-ivvjaġġar leġittimu, l-iżgurar tat-trattament ugwali ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi u l-indirizzar tal-immigrazzjoni illegali

    (i)

    L-għadd ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni konsulari żviluppati bl-għajnuna tal-Istrument

    Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:

    kollokazzjonijiet,

    ċentri komuni għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni,

    rappreżentazzjonijiet,

    oħrajn.

    (ii)

    L-għadd ta’ persunal imħarreġ u l-għadd ta’ korsijiet f’aspetti relatati mal-politika komuni tal-viża bl-għajnuna tal-Istrument

    (iii)

    L-għadd ta’ pożizzjonijiet speċjalizzati f’pajjiżi terzi appoġġati mill-Istrument

    Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:

    uffiċjali ta’ kollegament tal-immigrazzjoni,

    oħrajn.

    (iv)

    Il-perċentwali u n-numru ta’ konsolati żviluppati jew aġġornati bl-għajnuna tal-Istrument min-numru totali ta’ konsolati

    (b)

    L-appoġġ ta’ ġestjoni tal-fruntieri, permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u Frontex, biex jiġi żgurat, minn naħa waħda, livell għoli ta’ protezzjoni tal-fruntieri esterni, inkluż billi tiġi indirizzata l-immigrazzjoni illegali u, min-naħa l-oħra, il-qsim bla xkiel tal-fruntieri esterni skont l-acquis ta’ Schengen.

    (i)

    L-għadd ta’ persunal imħarreġ u l-għadd ta’ korsijiet ta’ taħriġ dwar aspetti relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri bl-għajnuna tal-Istrument

    (ii)

    L-għadd ta’ infrastruttura għall-kontroll tal-fruntieri (kontrolli u sorveljanza) u mezzi żviluppati jew aġġornati bl-għajnuna tal-Istrument

    Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:

    infrastruttura,

    flotta (tal-ajru, fuq l-art, fuq il-fruntieri tal-baħar),

    tagħmir,

    oħrajn.

    (iii)

    In-numru ta’ qsim ta’ fruntieri fil-fruntieri esterni permezz tal-gates ta’ Kontroll Awtomatizzat tal-Fruntieri (ABC) appoġġati mill-Istrument mill-għadd total ta’ qsim ta’ fruntieri

    (iv)

    In-numru ta’ infrastrutturi għas-sorveljanza tal-fruntieri nazzjonali stabbilit/żviluppat ulterjorment fil-qafas ta’ EUROSUR

    Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:

    Ċentri ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali,

    Ċentri ta’ Koordinazzjoni Reġjonali,

    Ċentri ta’ Koordinazzjoni Lokali,

    tipi oħrajn ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni.

    (v)

    In-numru ta’ inċidenti rrapportati mill-Istati Membri lill-Istampa tas-Sitwazzjoni Ewropea

    Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:

    l-immigrazzjoni illegali, inklużi inċidenti relatati ma’ riskju għall-ħajja tal-migranti,

    il-kriminalità transkonfinali,

    is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi.


    Top