Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0264

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 264/2012 tat- 23 ta’ Marzu 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

    ĠU L 87, 24.3.2012, p. 26–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/264/oj

    24.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 87/26


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 264/2012

    tat-23 ta’ Marzu 2012

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta' Lulju 2010 dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Iran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (2) jipprojbixxi l-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni mill-Unjoni lejn l-Iran ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna.

    (2)

    Il-miżuri adottati fir-Regolament (UE) Nru 961/2010 jirriflettu t-tħassib tal-Kunsill fuq in-natura tal-programm nukleari tal-Iran, filwaqt li l-miżuri adottati fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 (3) jirriflettu t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

    (3)

    Il-projbizzjoni fuq il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna hija miżura meħuda primarjament minħabba t-tħassib tal-Kunsill fir-rigward tad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, u, bħala tali, għandha tiġi inkluża fir-Regolament (UE) Nru 359/2011. Ir-Regolament (UE) Nru 359/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

    (4)

    Fl-istess ħin, ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 se jiġi sostitwit b’Regolament ġdid u kkonsolidat li ma jinkludix il-miżura msemmija għall-prevenzjoni tar-repressjoni interna.

    (5)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, id-Deċiżjoni 2012/168/PESK 23 ta’ Marzu 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (4) tipprovdi miżura addizzjonali, jiġifieri projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tat-tagħmir li jissorvelja t-telekomunikazzjoni użat mir-reġim Iranjan.

    (6)

    Din il-miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk, notevolment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tagħha.

    (7)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u f'konformità mad-Deċiżjoni 2011/235/PESK, aktar persuni għandhom jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011.

    (8)

    L-Anness II ta’ mar-Regolament (KE) Nru 359/2011, li jelenka l-awtoritajiet kompetenti li jiġu attribwiti lilhom funzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament, għandu jiġi aġġornat ukoll fuq il-bażi tal-informazzjoni li ġiet ipprovduta reċentament mill-Istati Membri fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti.

    (9)

    Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 359/2011 huwa b'dan emendat kif ġej:

    (1)

    Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    "Artikolu 1a

    Għandu jiġi pprojbit:

    (a)

    il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, dirett jew indirett, ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness III, kemm jekk joriġina fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran;

    (b)

    li jkunu pprovduti, direttament jew indirettament, assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness III, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran;

    (c)

    li jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness III, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' tali oġġetti, jew għal kwalunkwe forniment ta’ assistenza teknika relatata lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran;

    (d)

    il-parteċipazzjoni, konxja u b'intenzjoni, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jaħarbu mill-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a),(b) u (c).”

    "Artikolu 1b

    1.   Huwa pprojbit li wieħed ibigħ, iforni, jittrasferixxi jew jesporta, b'mod dirett jew b'mod indirett, tagħmir, teknoloġija jew softwer identifikata fl-Anness IV, kemm jekk joriġina jew le mill-Unjoni, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran, sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru relevanti, kif identifikat fis-siti tal-internet imsemmija fl-Anness II, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fis-siti tal-internet imsemmija fl-Anness II, ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 jekk dawn ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-softwer inkwistjoni se jintużaw għas-sorveljanza jew għall-interċettazzjoni, mill-gvern Iranjan, korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji jew kwalunkwe persuna jew entità li topera jew f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, tal-komunikazzjoni tat-telefon jew tal-internet fl-Iran.

    3.   L-Anness IV għandu jinkludi tagħmir, teknoloġija jew softwer li jistgħu jintużaw għas-sorveljanza jew għall-interċettazzjoni tal-komunikazzjoni tal-internet jew tat-telefon.

    4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu, fi żmien erba' ġimgħat wara l-awtorizzazzjoni.”

    “Artikolu 1c

    1.   Għandu jiġi pprojbit:

    (a)

    il-provvediment, b'mod dirett jew b'mod indirett, ta' għajnuna teknika jew servizzi ta' senserija relatati mat-tagħmir, mat-teknoloġija jew mas-softwer identifikati fl-Anness IV, jew relatati mal-provvediment, mal-manifattura, maż-żamma u mal-użu tat-tagħmir u t-teknoloġija identifikati fl-Anness IV jew mal-provvediment, mal-installazzjoni, mal-operat jew mal-aġġornar ta' kwalunkwe softwer identifikati fl-Anness IV, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran;

    (b)

    il-provvediment, b'mod dirett jew b'mod indirett, ta' finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatata mat-tagħmir, it-teknoloġija u s-softwer identifikati fl-Anness IV, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran;

    (c)

    il-provvediment ta' kwalunkwe servizzi ta' sorveljanza jew ta' interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet ta' kwalunkwe tip lil, jew għall-benefiċċju dirett jew indirett ta’, l-gvern tal-Iran, korpi pubbliċi, korporazzjonijiet jew aġenziji tiegħu jew kwalunkwe persuna jew entità li jkunu qed joperaw f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom; kif ukoll

    (d)

    il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u b'mod intenzjonat, fi kwalunkwe attività li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) (b) jew (c) ta' hawn fuq;

    sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru relevanti, kif identifikata fis-siti tal-internet imsemmija fl-Anness II, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel, fuq il-bażi kif stabbilit fl-Artikolu 1b(2).

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1(c), “servizzi ta' sorveljanza jew ta' interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet” tfisser dawk is-servizzi li jipprovdu, b'mod partikolari bl-użu ta' tagħmir, teknoloġija jew softwer kif identifikat fl-Anness IV, aċċess għal u twassil tad-dejta assoċjata ma' telekomunikazzjoni dieħla jew ħierġa u dejta assoċjata mat-telefonati għall-finijiet tal-estrazzjoni, id-dekodifikar, ir-reġistrar, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħżin tagħha jew kwalunkwe attività relatata oħra.”

    (2)

    Il-persuni elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandhom jiżdiedu mal-lista stabbilita fl-Anness I.

    (3)

    It-test stabbilit fl-Anness II ta’ mar-Regolament jiżdied bħala Anness III.

    (4)

    It-test stabbilit fl-Anness III ta’ mar-Regolament jiżdied bħala Anness IV.

    (5)

    L-Anness II għandu jiġi sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness IV ta’ mar-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament se jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika b'mod dirett fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, it-23 ta’ Marzu 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 195, 27.7.2010,p. 39.

    (2)  ĠU L 281, 27.10.2010, p. 1 -

    (3)  ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1 -

    (4)  Ara paġna 85 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    ANNESS I

    Lista ta' persuni msemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 1

     

    Isem

    Informazzjoni identifikattiva

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    1.

    ZARGHAMI Ezzatollah

     

    Bħala Kap tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB), huwa responsabbli mid-deċiżjonijiet kollha dwar l-ipprogrammar. IRIB xandar konfessjonijiet furzati ta' priġunieri u serje ta' "simulazzjonijiet ta' proċessi" f'Awwissu 2009 u f'Diċembru 2011. Dawn jikkostitwixxu ksur ċar tad-dispożizzjonijiet internazzjonali dwar proċess ġust u d-dritt għal proċess legali.

    23.3.2012

    2.

    TAGHIPOUR Reza

    Post tat-Twelid: Maragheh (Iran)

    Data tat-Twelid: 1957

    Ministru tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni. Bħala Ministru tal-informazzjoni, huwa wieħed mill-ogħla uffiċjali responsabbli miċ-ċensura u l-kontroll tal-attivitajiet fuq l-internet u anke kwalunkwe tip ta' komunikazzjoni (partikolarment it-telefons ċellulari). Matul l-interrogazzjonijiet ta' priġunieri politiċi, l-interrogaturi jużaw id-data, l-emails u l-komunikazzjonijiet personali tagħhom.

    F'diversi okkażjonijiet mill-aħħar elezzjoni presidenzjali u matul id-dimostrazzjonijiet fit-toroq, il-linji tat-telefons ċellulari u s-servizzi tal-sms inqatgħu, il-kanali tat-televiżjoni satellitari ġew iġġamjati, l-internet ġie sospiż lokalment jew mill-anqas, tnaqqsitlu r-rapidità tiegħu.

    23.3.2012

    3.

    KAZEMI Toraj

     

    Kurunell tal-pulizija tat-teknoloġija u l-komunikazzjoni, dan l-aħħar nieda kampanja ta' reklutaġġ ta' hackers tal-gvern sabiex jikkontrolla aħjar l-informazzjoni fuq l-internet u jkun ta' preġudizzju għal siti elettroniċi "li jagħmlu ħsara".

    23.3.2012

    4.

    LARIJANI Sadeq

    Post tat-Twelid: Najaf (Iraq)

    Data tat-Twelid: 1960 jew Awwissu 1961

    Kap tal-Ġudikatura. Il-Kap tal-Ġudikatura huwa mitlub li jagħti l-kunsens tiegħu għal u jirreġistra kull kastig għal qisas (retribut), hodoud (reat kontra Alla) u ta'zirat (reat kontra l-istat). Dan jinkludi sentenzi li jġibu magħhom il-piena tal-mewt, is-swat u l-amputazzjonijiet. F'dan ir-rigward, hu personalment awtorizza bosta sentenzi ta' piena tal-mewt, bi ksur tal-istandards internazzjonali, inkluż bi tħaġġir (attwalment 16-il persuna qegħdin taħt sentenza ta' tħaġġir), eżekuzzjonijiet bit-tgħalliq, eżekuzzjonijiet ta' minuri, u eżekuzzjonijiet pubbliċi bħal dawk fejn il-priġunieri kienu mgħallqa mill-pontijiet quddiem folol ta' eluf ta' nies. Huwa ppermetta wkoll sentenzi ta' kastigi korporali bħal amputazzjonijiet u t-taqtir tal-aċtu f'għajnejn l-ikkundanati. Minn meta Sadeq Larijani ħa l-kariga, l-arresti arbitrarji ta' priġunieri politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-minoranzi żdiedu konsiderevolment. L-eżekuzzjonijiet żdiedu ferm mill-2009. Sadeq Larijani huwa responsabbli wkoll mill-fallimenti sistemiċi fil-proċess ġudizzjarju Iranjan għar-rispett tad-dritt għal proċess ġust.

    23.3.2012

    5.

    MIRHEJAZI Ali

     

    Viċi Kap tal-Uffiċċju tal-Mexxej Suprem u Kap tas-Sigurtà. Parti miċ-ċirku intern tal-Mexxej Suprem responsabbli mit-tfassil tas-supressjoni tal-protesti li ilha tkun implimentata mill-2009.

    23.3.2012

    6.

    SAEEDI Ali

     

    Rappreżentant tal-Mexxej fost il-Pasdaran mill-1995 wara li żvolġa l-karriera kollha tiegħu fl-istituzzjoni militari, eżattament fis-Servizzi tal-Informazzjoni tal-Pasdaran. Permezz ta' din il-funzjoni uffiċjali huwa ċ-ċinga ta' trasmissjoni indispensabbli bejn l-ordnijiet ġejjin mill-Uffiċċju tal-Mexxej u l-apparat ta' repressjoni tal-Pasdaran.

    23.3.2012

    7.

    RAMIN Mohammad-Ali

    Post tat-Twelid: Dezful (Iran)

    Data tat-Twelid: 1954

    Responsabbli ewlieni miċ-ċensura bħala Viċi Ministru responsabbli mill-Istampa sa Diċembru 2010, kien direttament responsabbli mill-għeluq ta' bosta fergħat tal-istampa riformaturi (Etemad, Etemad-e Melli, Shargh, etc), mill-għeluq tal-Union Indipendenti tal-Istampa, u mill-intimidazzjoni u l-arrest tal-ġurnalisti.

    23.3.2012

    8.

    MORTAZAVI Seyyed Solat

    Post tat-Twelid: Meibod (Iran)

    Data tat-Twelid: 1967

    Viċi Ministru tal-Intern għall-Affarijiet Politiċi. Responsabbli mill-istruzzjoni ta' ripressjoni ta' persuni li jitkellmu biex jiddefendu d-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluża l-libertà tal-espressjoni.

    23.3.2012

    9.

    REZVANI Gholomani

     

    Viċi Gvernatur ta' Rasht. Responsabbli minn ksur gravi tad-dritt għal proċess legali.

    23.3.2012

    10.

    SHARIFI Malek Ajdar

     

    Kap tal-ġudikatura fil-Lvant tal-Ażerbajġan. Responsabbli minn ksur gravi tad-dritt għal proċess legali.

    23.3.2012

    11.

    ELAHI Mousa Khalil

     

    Prosekutur ta' Tabriz. Responsabbli mill-istruzzjoni ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem tad-dritt għal proċess legali.

    23.3.2012

    12.

    FAHRADI Ali

     

    Prosekutur ta' Karaj. Responsabbli mill-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem billi talab il-piena tal-mewt għal minuri.

    23.3.2012

    13.

    REZVANMANESH Ali

     

    Prosekutur. Responsabbli mill-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem billi talab il-piena tal-mewt għal minuri.

    23.3.2012

    14.

    RAMEZANI Gholamhosein

     

    Kmandant tal-IRGC Intelligence. Responsabbli mill-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fuq persuni li jitkellmu biex jiddefendu d-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluża l-libertà tal-espressjoni. Imexxi d-Dipartiment responsabbli għall-arrest u t-tortura ta' bloggers/ġurnalisti.

    23.3.2012

    15.

    SADEGHI Mohamed

     

    Kurunell u Deputat tal-intelligence teknika u ċibernetika tal-IRGC. Responsabbli għall-arresti u t-tortura ta' bloggers/ġurnalisti.

    23.3.2012

    16.

    JAFARI Reza

     

    Kap tal-prosekuzzjoni speċjali taċ-ċiberkriminalità. Responsabbli mill-arresti, id-detenzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ta' bloggers u ġurnalisti.

    23.3.2012

    17.

    RESHTE-AHMADI Bahram

     

    Viċi Prosekutur f'Tehran. Imexxi ċ-ċentru ta' prosekuzzjoni ta' Evin. Responsabbli miċ-ċaħda ta' drittijiet, inklużi drittijiet ta' żjara u drittijiet oħrajn tal-priġunieri, ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u priġunieri politiċi oħrajn.

    23.3.2012


    ANNESS II

    It-test li ġej għandu jiġi inkluż bħala l-Anness III mar-Regolament (UE) Nru 359/2011.

    "ANNESS III

    Lista ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif imsemmi fl-Artikolu 1a

    1.

    Armi tan-nar, munizzjon u aċċessorji relatati magħhom, kif ġej:

    1.1

    Armi tan-nar mhux ikkontrollati mill-LM 1 u l-LM 2 tal-Lista Militari Komuni;

    1.2

    Munizzjon iddisinjat speċifikament għall-armi tan-nar elenkati fil-punt 1.1 u komponenti ddisinjati apposta għalihom;

    1.3

    Miri tal-armi mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

    2.

    Bombi u granati mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

    3.

    Vetturi kif ġej:

    3.1

    Vejikoli mgħammra b’kanun tal-ilma, speċifikament iddisinjati jew immodifikati għall-fini tal-kontroll tal-irvellijiet;

    3.2

    Vejikoli ddisinjati jew immodifikati speċifikament biex ikunu elettrifikati biex jimbuttaw lill-attakkanti;

    3.3

    Vejikoli ddisinjati jew immodifikati speċifikament biex ineħħu barrikati, inkluż tagħmir ta' kostruzzjoni bi protezzjoni ballistika;

    3.4

    Vejikoli ddisinjati speċifikament għat-trasport jew it-trasferiment ta’ priġunieri u/jew detenuti;

    3.5

    Vetturi mfassla speċifikament għall-iskjerament tal-barrikati mobbli;

    3.6

    Komponenti għall-vetturi speċifikati fil-punti 3.1 sa 3.5 mfassla speċifikament għall-finijiet ta' kontroll tal-irvellijiet.

    Nota 1

    Dan l-oġġett ma jikkontrollax il-vetturi speċifikament imfassla għall-finijiet ta’ tifi tan-nar.

    Nota 2

    Għall-finijiet tal-punt 3.5 t-terminu "vetturi" jinkludi l-karrijiet.

    4.

    Sustanzi splussivi u tagħmir relatat kif ġej:

    4.1

    Tagħmir u apparat imfassla speċifikament biex iqabbad splużjonijiet b'mezzi elettriċi jew mhux elettriċi, inklużi settijiet tat-tqabbid, detonaturi, apparati li jqabbdu, busters u fil detonatur, u komponenti mfassla speċifikament għalihom; minbarra dawk imfassla speċifikament għal użu kummerċjali speċifiku li jikkonsistu fl-attwazzjoni jew l-operat b'mezzi splussivi ta' tagħmir jew apparat ieħor li l-funzjoni tagħhom mhijiex il-ħolqien ta' splużjonijiet (pereżempju, neffieħa tal-airbags tal-karozzi, apparat li jipprevjeni ż-żieda f'daqqa tal-elettriku ta' attwaturi ta' bexxiexa għat-tifi tan-nar);

    4.2

    Kargi splussivi ta' qtugħ lineari mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni;

    4.3

    Splussivi oħra mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni u sustanzi relatati kif ġej:

    a.

    amatol;

    b.

    nitroċelluloża (li fiha aktar minn 12,5 % nitroġenu);

    c.

    nitroglikol;

    d.

    tetranitrat tal-penteritritol (PETN);

    e.

    klorur tal-pikril;

    f.

    2,4,6-trinitrutoluwen (TNT).

    5.

    Tagħmir protettiv mhux ikkontrollat mill-LM 13 tal-Lista Militari Komuni kif ġej:

    5.1

    Korazza kontra l-balal li tipprovdi protezzjoni ballistika u/jew kontra ferimenti b'arma bil-ponta jew sikkina;

    5.2

    Elmi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew mill-frammenti, elmi għal kontra l-irvellijiet, tarki għal kontra l-irvellijiet u tarki ballistiċi.

    Nota: Dan il-punt ma jikkontrollax:

    tagħmir imfassal speċifikament għal attivitajiet sportivi;

    tagħmir imfassal speċifikament sabiex jissodisfa rekwiżiti ta' sikurezza okkupazzjonali.

    6.

    Simulaturi, minbarra dawk ikkontrollati mil-LM 14 tal-Lista Militari Komuni, għal taħriġ fl-użu ta' armi tan-nar, u softwer imfassal speċifikament għalihom.

    7.

    Tagħmir ta' viżjoni fid-dlam, termografiku u tubi tal-intensifikazzjoni tal-immaġni, minbarra dawk ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

    8.

    Fildiferru mxewwek (barbed wire) li jaqta’.

    9.

    Skieken militari, skieken tal-ġlied u bajunetti b'xafra itwal minn 10 cm.

    10.

    Tagħmir ta' produzzjoni ddisinjat speċifikament għall-oġġetti speċifikati f'din il-lista.

    11.

    Teknoloġija speċifika għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu tal-oġġetti speċifikati f'din il-lista.”


    ANNESS III

    It-test li ġej għandu jiġi inkluż bħala l-Anness IV mar-Regolament (UE) Nru 359/2011.

    "ANNESS IV

    It-tagħmir, it-teknoloġija u s-softwer imsemmija fl-Artikoli 1b u 1c

    Nota Ġenerali

    Minkejja l-kontenut ta' dan l-Anness, huwa mhux ser japplika għal:

    (a)

    tagħmir, teknoloġija jew softwer li huma speċifikati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) 428/2009 (1) jew il-Lista Militari Komuni; jew

    (b)

    softwer li huwa mfassal għall-installazzjoni mill-utent mingħajr aktar appoġġ sostanzjali mill-fornitur u li huwa ġeneralment disponibbli għall-pubbliku billi jinbiegħu mill-ħażniet f'postijiet ta' bejgħ bl-imnut, mingħajr restrizzjoni, permezz ta':

    (i)

    tranżazzjonijiet mhux regolati (over the counter);

    (ii)

    tranżazzjonijiet permezz ta' ordnijiet bil-posta;

    (iii)

    tranżazzjonijiet elettroniċi; jew

    (iv)

    tranżazzjonijiet permezz ta' ordnijiet bit-telefon; jew

    (c)

    softwer li huwa fid-dominju pubbliku.

    Il-kategoriji A, B, C, D u E jirreferu għall-kategoriji li jirriferi għalihom ir-Regolament (KE) Nru 428/2009.

    It-“tagħmir, teknoloġija u softwer” imsemmija fl-Artikolu 1b huwa:

    A.

    Lista ta' tagħmir

    tagħmir għall-ispezzjoni tal-pakketti fil-fond

    tagħmir ta' Interċettar ta' Netwerk li jinkludu Tagħmir ta' Ġestjoni tal-Interċettar (IMS) u tagħmir ta' Data Retention Link Intelligence

    tagħmir ta' sorveljanza tal-Frekwenzi tar-Radju

    tagħmir ta' ġġammjar ta' Netwerks u Satelliti

    tagħmir ta' Infettar Telekomandat

    tagħmir ta' għarfien/ipproċessar tal-kelliem

    tagħmir ta’ interċettar u sorveljanza IMSI (2), MSIDN (3), IMEI (4), TMSI (5)

    tagħmir tattiku ta’ interċettar u sorveljanza SMS (6)/GSM (7)/GPS (8)/GPRS (9)/UMTS (10)/CDMA (11)/PSTN (12)

    tagħmir ta’ interċettar u sorveljanza tal-informazzjoni DHCP (13), SMTP (14), GTP (15)

    tagħmir ta' għarfien ta' xejriet u klassifikazzjoni ta' xejriet

    tagħmir forensiku minn distanza

    tagħmir ta' inġenji għall-ipproċessar semantiku

    tagħmir ta' tiftix u ta' dekodifikazzjoni WEP u WPA

    tagħmir ta' interċettar għall-protokolli proprjetarji u standard tal-VoIP

    B.

    Mhux użati

    C.

    Mhux użati

    D.

    "Softwer" għall-"iżvilupp", il-"produzzjoni" jew l-"użu" tat-tagħmir speċifikat f'A hawn fuq.

    E.

    "Teknoloġija" għall-"iżvilupp", "il-produzzjoni" jew l"użu" tat-tagħmir speċifikat f'A hawn fuq.

    Tagħmir, teknoloġija u softwer li jaqgħu f'dawn il-kategoriji huma fl-ambitu ta' dan l-Anness biss sal-punt li jaqgħu taħt id-deskrizzjoni ġenerali “sistemi ta' interċettar u sorveljanza tal-komunikazzjonijiet bl-internet, bit-telefon u bis-satellita”.

    Għall-fini ta' dan l-Anness, is-“sorveljanza” tfisser l-akkwist, l-estrazzjoni, id-dekodifikar, ir-reġistrar, l-ipproċessar, l-analiżi u l-arkivjar tal-kontenut tat-telefonati jew id-dejta tan-netwerk."


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).

    (2)  IMSI tirreferi għal International Mobile Subscriber Identity (identità internazzjonali tal-abbonat mobbli). Huwa kodiċi uniku ta' identifikazzjoni għal kull tagħmir ta' telefonija mobbli, integrat fis-SIM card u li jippermetti l-identifikar ta' tali SIM permezz ta' netwerks ta' GSM u UMTS.

    (3)  MSISDN tirreferi għal Mobile Subscriber Integrated Services Digital Network Number (numru tas-servizzi integrati tan-netwerk diġitali għall-abbonat ta' telefonija mobbli). Huwa numru li jidentifika b'mod uniku abbonament f'netwerk ta' telefonija mobbli GSM jew UMTS. Fi kliem sempliċi, huwa n-numru tat-telefon għas-SIM card fit-telefon mobbli u għalhekk jidentifika lill-abbonat tat-telefon mobbli kif ukoll l-IMSI, iżda sabiex is-sejħiet jiġu trażmessi mingħandu.

    (4)  IMEI tirreferi għal International Mobile Subscriber Identity (identità internazzjonali tal-abbonat mobbli). Huwa numru, normalment uniku li jidentifika t-telefon mobbli GSM, WCDMA u IDEN kif ukoll ċerti telefons satellitari. Normalment ikun ipprintjat ġol-kompartiment tal-batterija tat-telefon. L-interċettar (interċettar tal-linji telefoniċi) jista' jiġi speċifikat min-numru IMEI tiegħu kif ukoll l-IMSI u l-MSISDN.

    (5)  TMSI tirreferi għal Temporary Mobile Subscriber Identity (identità temporanja tal-abbonat mobbli). Hija l-identità li tintbagħat l-aktar komunement bejn l-apparat mobbli u n-netwerk.

    (6)  SMS tirreferi għal Short Message System (sistema ta' messaġġi qosra).

    (7)  GSM tirreferi għal Global System for Mobile Communications (sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli).

    (8)  GPS tirreferi għal Global Positioning System (sistema ta' pożizzjonament globali).

    (9)  GPRS tirreferi għal General Package Radio Service (servizz ġenerali tar-radju f'pakketti).

    (10)  UMTS tirreferi għal Universal Mobile Telecommunication System (sistema universali ta' komunikazzjoni mobbli).

    (11)  CDMA tirreferi għal Code Division Multiple Access (aċċess multiplu b'diviżjoni tal-kodiċi).

    (12)  PSTN tirreferi għal Public Switch Telephone Network (netwerk telefoniku pubbliku bl-iswiċċ).

    (13)  DHCP tirreferi għal Dynamic Host Configuration Protocol (protokoll ta' konfigurazzjoni dinamika tal-host).

    (14)  SMTP tirreferi għal Simple Mail Transfer Protocol (protokoll ta' trasferiment sempliċi tal-posta).

    (15)  GTP tirreferi għal GPRS Tunneling Protocol.


    ANNESS IV

    L-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 għandu jiġi sostiwit bit-test li jmiss:

    "ANNESS II

    Siti tal-internet għal informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

    Il-BELĠJU

    http://www.diplomatie.be/eusanctions

    Il-BULGARIJA

    http://www.mfa.bg/en/pages/view/5519

    IR-REPUBBLIKA ĊEKA

    http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

    ID-DANIMARKA

    http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

    IL-ĠERMANJA

    http://www.bmwi.de/BMWi/Navigation/Aussenwirtschaft/Aussenwirtschaftsrecht/embargos.html

    L-ESTONJA

    http://www.vm.ee/est/kat_622/

    L-IRLANDA

    http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

    IL-GREĊJA

    http://www1.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

    SPANJA

    http://www.maec.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones%20Internacionales/Paginas/Sanciones_%20Internacionales.aspx

    FRANZA

    http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

    L-ITALJA

    http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

    ĊIPRU

    http://www.mfa.gov.cy/sanctions

    IL-LATVJA

    http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

    IL-LITWANJA

    http://www.urm.lt/sanctions

    IL-LUSSEMBURGU

    http://www.mae.lu/sanctions

    L-UNGERIJA

    http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

    MALTA

    http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

    IL-PAJJIŻI L-BAXXI

    http://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-vrede-en-veiligheid/sancties

    L-AWSTRIJA

    http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

    IL-POLONJA

    http://www.msz.gov.pl

    IL-PORTUGALL

    http://www.min-nestrangeiros.pt

    IR-RUMANIJA

    http://www.mae.ro/node/1548

    IS-SLOVENJA

    http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika_in_mednarodno_pravo/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

    IS-SLOVAKKJA

    http://www.foreign.gov.sk

    IL-FINLANDJA

    http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

    L-ISVEZJA

    http://www.ud.se/sanktioner

    IR-RENJU UNIT

    www.fco.gov.uk/competentauthorities

    Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Is-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI)

    Uffiċċju EEAS 02/309

    B-1049 Bruxelles/Brussel (il-Belġju)

    L-indirizz tal-email: relex-sanctions@ec.europa.eu".


    Top