EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0013

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Settembru 2009 dwar l-iskema ta’ għajnuna Nru C 2/09 (ex N 221/08 u N 413/08) li l-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti biex timmodernizza l-kundizzjonijiet ġenerali għall-investimenti kapitali (notifikata bid-dokument numru C(2009) 7387) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 6, 9.1.2010, p. 32–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/13(1)/oj

9.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/32


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Settembru 2009

dwar l-iskema ta’ għajnuna Nru C 2/09 (ex N 221/08 u N 413/08) li l-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti biex timmodernizza l-kundizzjonijiet ġenerali għall-investimenti kapitali

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 7387)

(it-test Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/13/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li ħeġġet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar id-dispożizzjonijiet imsemmijin qabel (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

B’ittra datata t-30 ta’ April 2008, irreġistrata għand il-Kummissjoni fl-istess jum, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni b’żewġ miżuri li jirrigwardaw id-debitu għat-taxxa tal-kummerċ u l-eżenzjoni mir-restrizzjoni fuq it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva (carry-forward) (N 221/08), għall-finijiet ta’ ċertezza legali. Bl-ittri datati s-26 ta’ Ġunju u t-23 ta’ Ottubru 2008 il-Kummissjoni talbet għal informazzjoni addizzjonali. Il-Ġermanja wieġbet bl-ittri datati l-24 ta’ Lulju u l-21 ta’ Novembru 2008, irreġistrati fl-istess jum.

(2)

B’ittra datata t-22 ta’ Awwissu 2008, irreġistrata għand il-Kummissjoni fl-istess jum, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni b’miżura oħra li tikkonċerna il-benefiċċji fiskali għall-investituri privati (N 413/08), għall-finijiet ta’ ċertezza legali. Saret laqgħa bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u d-DĠ COMP fid-9 ta’ Ottubru 2008. Il-Ġermanja imbagħad issottomettiet informazzjoni addizzjonali b’ittra datata d-19 ta’ Novembru 2008, irreġistrata fl-istess jum.

(3)

Fit-28 ta’ Jannar 2009 il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għat-tliet miżuri kollha. Is-sommarju tad-Deċiżjoni ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fl-14 ta’ Marzu 2009 (2). L-awtoritajiet Ġermaniżi ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom f’ittra datata t-3 ta’ Marzu 2009, irreġistrata fl-istess jum. Il-partijiet terzi ssottomettew il-kummenti tagħhom f’ittri datati d-9 u l-14 ta’ April 2009, irreġistrati fl-istess jum. Il-Ġermanja ġiet infurmata b’dawn il-kummenti fit-23 ta’ April 2009 u ssottomettiet ir-risposta tagħha fuq dawn f’ittra datata t-22 ta’ Mejju 2009, irreġistrata fl-istess jum.

2.   DESKRIZZJONI

2.1.   Objettiv tal-miżuri u tal-baġit

(4)

In-notifiki jirrigwardjaw tliet miżuri fiskali u jinkludu żewġ definizzjonijiet ta’ benefiċjarji. Il-miżuri kollha ġew inkorporati fl-Abbozz biex Jimmodernizza l-Kundizzjonjiet Ġenerali tal-Investimenti Kapitali (Gesetz zur Modernisierung der Rahmenbedingungen für Kapitalbeteiligungen, aktar ‘il quddiem il-“MoRaKG”). Dawn il-miżuri għandhom l-objettiv komuni li jiffaċilitaw il-provvista ta’ kapital ta’ riskju privat lil grupp speċifiku ta’ kumpaniji, definiti bħala “impriżi destinatarji” (aktar ‘il quddiem “ID”).

(5)

L-ewwel miżura (irreġistrata taħt N 221/08) għandha l-għan li tiffaċilita l-provvista ta’ kapital ta’ riskju billi tapplika kriterji ta’ eliġibbiltà speċifiċi għal “kumpaniji b’kapital ta’ riskju” (aktar ‘il quddiem “KKR”) li għandhom jiġu eżentati mid-debitu tat-taxxa tal-kummerċ (Gewerbesteuerpflicht). Il-Ġermanja tistma t-telf annwali tat-taxxa minn din il-miżura għal EUR 90 miljun.

(6)

It-tieni miżura (irreġistrata wkoll taħt N 221/08) ittaffi r-regoli restrittivi kontra l-abbuż fuq it-tnaqqis tat-telf, u dan jippermetti lill-ID jittrasferixxu t-telf għas-sena suċċessiva jekk KKR takkwista l-ishma tagħhom. Il-Ġermanja tisma t-telf annwali tat-taxxa minn din il-miżura għal EUR 385 miljun.

(7)

Taħt it-tielet miżura (irreġistrata taħt N 413/08), il-persuni fiżiċi li qegħdin jinvestu fl-ID (aktar ‘il quddiem imseħjin ukoll “investituri privati”) huma intitolati għal benefiċċji fiskali fuq id-dħul fil-każ ta’ qligħ kapitali fuq divestimenti. Għalkemm il-benefiċċju fiskali jingħata direttament lill-investituri privati, l-ID jistgħu jibbenefikaw indirettament minn din il-miżura billi jirċievu aktar investiment. Il-Ġermanja tistma t-telf annwali tat-taxxa minn din il-miżura għal EUR 30 miljun.

2.2.   Il-benefiċjarji tal-miżuri

(8)

Il-benefiċjarji tat-tliet miżuri fiskali fil-MoRaKG huma KKR u ID kif definiti mill-MoRaKG u l-investituri privati, l-aktar business angels, skont kif ġej:

 

Miżura fuq it-taxxa tal-kummerċ

Eżenzjoni mill-projbizzjoni fuq it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva

Benefiċċju għat-taxxa fuq id-dħul

KKR

Direttament

Indirettament

Le

ID

Le

Direttament

Indirettament

Individwi

Le

Le

Direttament

(9)

Il-KKR huma kumpaniji li huma rikonoxxuti bħala tali mill-Awtorità Federali għas-Sorveljanza Finanzjarja (Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht – BaFin) u li mhumiex irreġistrati fl-istess ħin bħala kumpanija ta’ investiment tal-ekwità (3) (Unternehmensbeteiligungsgesellschaft). Kriterji oħra għall-kwalifikazzjoni bħala KKR huma dawn li ġejjin.

L-Artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħhom għandu jkollhom bħala l-għan tagħhom l-akkwist, iż-żamma, l-immaniġġjar u l-bejgħ ta’ ishma f’kapital ta’ riskju. 70 % tal-assi totali mmaniġġjati mill-KKR għandhom ikunu ishma azzjonarji fl-ID.

Għandu jkollhom id-domiċilju legali (Sitz) u t-tmexxija tal-impriża (Geschäftsleitung) fil-Ġermanja.

Il-kapital inizjali tagħhom (Grundkapital) jew il-kontribuzzjonijiet magħmula mill-membri tagħhom taħt il-memorandum ta’ assoċjazzjoni tal-kumpanija għandu jammonta għal mhux anqas minn EUR 1 miljun.

Għandu jkollhom mill-inqas żewġ maniġers, li għandhom ikunu affidabbli u kkwalifikati kif xieraq biex imexxu KKR.

(10)

L-ID għandhom ikunu impriżi inkorporati (Kapitalgesellschaft) u jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

Għandu jkollhom id-domiċilju legali u t-tmexxija tal-impriża fi Stat li huwa parti kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

Fiż-żmien meta jiġu akkwistati l-ishma minn KKR, għandu jkollhom kapital proprju ta’ mhux aktar minn EUR 20 miljun.

Iridu jkunu ilhom stabbiliti għal mhux aktar minn għaxar snin qabel iż-żmien meta jiġu akkwistati l-ishma minn KKR.

Fiż-żmien meta jiġu akkwistati l-ishma minn KKR, m’għandux ikollhom l-ebda titoli ta’ sigurtà (Wertpapiere) imdaħħla jew innegozjati fuq suq organizzat jew suq ekwivalenti.

(11)

Il-miżura ma telaborax fuq id-defnizzjoni ta’ ID fir-rigward tad-definizzjoni ta’ impriżi f’diffikultà (4).

2.3.   Taxxa tal-kummerċ

2.3.1.   Sfond

(12)

It-taxxa tal-kummerċ Ġermaniża (Gewerbesteuer) tinġabar mill-awtoritajiet lokali fir-rigward ta’ attivitajiet ekonomiċi mwettqa minn stabbilimenti tan-negozju permanenti fuq it-territorju ta’ komunità/muniċipalità. L-idea hija li dawn l-istabbilimenti tan-negozju permanenti jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-infrastruttura lokali li jużaw. It-taxxa tal-kummerċ għandha titħallas mill-impriżi kollha, ikun xi jkun l-istatus legali tagħhom, jekk jagħmlu attivitajiet kummerċjali (gewerblich tätig) skont il-liġi tat-taxxa tal-kummerċ u tat-taxxa fuq id-dħul. L-impriżi inkorporati (Kapitalgesellschaften) dejjem jiġu kkunsidrati bħala impriżi li jwettqu attivitajiet kummerċjali. Għas-soċjetajiet (Personengesellschaft), issir distinzjoni fir-rigward tal-attività tagħhom; jekk impriża hija soċjetà u twettaq biss attivitajiet tal-immaniġġjar tal-assi (vermögensverwaltend), ma tkunx soġġetta għat-taxxa tal-kummerċ. Min-naħa l-oħra, is-soċjetajiet li jagħmlu attivitajiet kummerċjali huma soġġetti għat-taxxa tal-kummerċ.

(13)

Il-Ministeru Federali tal-Finanzi ħareġ ittra (5) (aktar ‘il quddiem “l-ittra tal-2003”) dwar id-distinzjoni bejn l-attivitajiet tal-kummerċ u l-attivitajiet tal-immaniġġjar tal-assi ta’ fondi kapital ta’ riskju u fondi tal-ekwità privati (aktar ‘il quddiem “FKR/FEP”). Fuq il-bażi ta’ din l-ittra, il-FKR/FEP huma soġġetti għat-taxxa tal-kummerċ jekk l-attività tagħhom tkun ikkunsidrata bħala attività kummerċjali. Madankollu, jekk jagħmlu biss attività tal-immaniġġjar tal-assi, ma jkunux soġġetti għat-taxxa tal-kummerċ. Din l-ittra tal-2003 hija bbażata fuq sentenza tal-Qorti Federali tal-Finanzi (BFH) tal-25 ta’ Lulju 2001 (6), skont liema l-FKR/FEP ma jwettqux attività kummerċjali jekk il-kriterji li ġejjin ikunu ssodisfati:

l-ebda użu ta’ self mill-bank/l-ebda aċċettar ta’ garanzija;

l-ebda organizzazzjoni separata estensiva għall-immaniġġjar tal-fond tal-portafoll, l-użu tal-uffiċċju mhux aktar minn dak li jeħtieġ patrimonju privat kbir (7);

l-ebda użu tas-suq bl-użu ta’ esperjenza professjonali;

l-ebda offerta pubblika/kummerċ għal-kont proprju;

l-ebda investiment fuq żmien qasir;

l-ebda investiment mill-ġdid fuq l-introjtu tal-bejgħ;

l-ebda attività kummerċjali proprja f’kumpaniji tal-portafoll (eigenes unternehmerisches Tätigwerden in den Protfoliogesellschaften);

l-ebda karattru kummerċjali jew “infezzjoni kummerċjali” (gewerbliche Infektion) (8).

(14)

Essenzjalment, dawn il-kriterji għandhom l-għan li jiċċaraw id-distinzjoni tradizzjonali stabbilita fil-liġi tat-taxxa Ġermaniża bejn l-attivitajiet kummerċjali u mhux kummerċjali tal-FKR/FEP. L-immaniġġjar tal-assi huwa meqjus bħala attività mhux kummerċjali. Id-distinzjoni bejn l-attivitajiet kummerċjali u mhux kummerċjali hija żgħira ħafna u hija s-suġġett ta’ bosta deċiżjonijiet tal-qorti, inter alia tal-Qorti Federali tal-Finanzi. Bħala regola ġenerali, l-FKR jew l-FEP huma involuti f’attivitajiet kummerċjali kull meta l-kummerċ tal-assi (perijodi żgħar bejn l-akkwist u l-bejgħ tal-assi, bħall-garanziji) jirrappreżenta parti sinifikanti tal-attivitajiet tagħhom (9).

2.3.2.   Kjarifika fuq it-taxxa tal-kummerċ taħt il-MoRaKG

(15)

Skont in-notifika, l-Artikolu 1 Sezzjoni 19 tal-MoRaKG jinkludi “kjarifika” tal-ittra tal-2003, u allegatament m’hemm l-ebda differenza sustanzjali bejn it-tnejn li huma.

(16)

Skont id-dispożizzjoni ta’ hawn fuq, il-KKR fil-forma legali ta’ soċjetajiet li huma involuti biss fl-akkwist, iż-żamma, l-immaniġġjar u l-bejgħ ta’ ishma kapitali b’riskju u li għandhom ishma f’kumpaniji inkorporati biss għandhom jitqiesu għall-finijiet tat-taxxa tad-dħul bħala kumpaniji li qegħdin iwettqu atttivitajiet tal-immaniġġjar tal-assi. Il-KKR jiċċaħħdu mill-istatus mhux kummerċjali tagħhom b’mod partikolari meta jkunu involuti fl-attivitajiet li ġejjin jew attivitajiet simili:

bejgħ fuq żmien qasir ta’ ishma kapitali b’riskju u ishma oħra f’kumpaniji bid-domiċilju legali u t-tmexxija tal-impriża fi Stat li huwa parti kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

tranżazzjonijiet li jinvolvu strumenti tas-suq monetarju (10); tranżazzjonijiet li jinvolvu depożiti fil-bank ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom id-domiċilju legali tagħhom fi Stat li huwa parti kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea; tranżazzjonijiet li jinvolvu parteċipazzjonijiet ta’ investiment (11);

jagħtu parir lil ID li fihom ikollha sehem KKR, jagħtu self u garanziji lil ID li fihom ikollha sehem KKR, jissellfu u joħorġu drittijiet ta’ parteċipazzjoni fil-qligħ (Genussrechte) u bonds;

investiment mill-ġdid ta’ introjti mill-bejgħ ta’ ishma kapitali b’riskju u ishma oħra f’kumpaniji li għandhom id-domiċilju legali u ċ-ċentru tat-tmexxija tagħhom fi Stat li huwa parti kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

l-użu ta’ suq bl-użu tal-esperjenza professjonali tagħha.

(17)

L-akkwist u ż-żamma tal-bini tan-negozju tagħha u organizzazzjoni tan-negozju xierqa ma jċaħħdux lil KKR milli tiġi kkusidrata biex tmexxi attivitajiet tal-immaniġġjar tal-assi. L-attivitajiet taħt il-premessa 16 hawn fuq jistgħu, madankollu, jitwettqu minn sussidjarja li tappartjeni kollha lill-KKR.

2.4.   It-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva

2.4.1.   Introduzzjoni

(18)

It-telf li jkollha kumpanija f’sena taxxabbli normalment ikun jista’ jiġi ttrasferit għas-sena suċċessiva. Dan ifisser li jista’ jiġi kkumpensat bil-qligħ fi snin taxxabbli futuri. It-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva jippermetti li jiġi kkunsidrat dan it-telf matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija. Madankollu, dan jista’ jwassal ukoll għal abbuż fil-forma ta’ “kumpaniji finti” (shell companies) li huma kumpaniji li waqqfu l-attivitajiet tagħhom iżda madankollu jinbiegħu peress li t-telf tagħhom ittrasferit għas-sena suċċessiva jirrappreżenta valur reali: x-xerrejja ta’ tali kumpaniji finti jibbenefikaw minn kumpens ta’ qligħ taxxabbli futur u għalhekk iħallsu inqas taxxa skont ir-rata tat-taxxa li tapplika.

(19)

Il-Ġermanja introduċiet miżuri kontra l-abbuż rigward it-traffikar tat-telf fl-Att Ġermaniż tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Impriżi (aktar ‘il quddiem: ATDI). Il-Liġi tal-Kontinwazzjoni tar-Reforma tat-Taxxa għall-Kumpaniji tal-1997 waqqfet it-traffikar tat-telf fil-forma ta’ kumpaniji finti. Il-Ġermanja saħħet il-miżuri kontra l-abbuż permezz tal-Att tar-Riforma tat-Tassazzjoni għall-Kumpaniji tal-2008 (Unternehmenssteuerreformgesetz 2008). Dan l-Att għandu impatt fuq il-bidliet kollha fl-ishma diretti u indiretti ta’ aktar minn 25 % fi żmien ħames snin. L-ATDI jipprovdi għal tnaqqis pro rata tat-telf jekk, matul perjodu ta’ ħames snin, aktar minn 25 % tal-kapital sottoskritt, drittijiet tas-soċjetà, drittijiet tal-parteċipazzjoni jew id-dritt għall-vot direttament jew indirettament ikun ittrasferit lil xerrej. Telf mhux użat b’ebda mod ma jista’ jitnaqqas jekk fi żmien ħames snin aktar minn 50 % tal-kapital sottoskritt jew tad-drittijiet imsemmijin hawn fuq jiġu ttrasferiti direttament jew indirettament lil xerrej.

2.4.2.   Il-MoRaKG

(20)

IIl-MoRaKG jillaxka r-regoli tat-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva għall-ID li jiġu akkwistati minn KKR, għax jippermetti lill-ID bi struttura ta’ pussess immodifikata b’mod sinifikanti biex jittrasferixxu telf li taħt ir-regola bażika jitlef il-validità tiegħu.

(21)

Skont l-Artikolu 4 tal-MoRaKG, jekk isir akkwist dirett minn KKR ta’ parteċipazzjoni f’ID, it-telf tal-ID ikun jista’ jkompli jitnaqqas sal-limitu tar-riżervi moħbija tal-assi domestiċi taxxabbli tal-ID. L-istess japplika jekk isir akkwist dirett minn kumpanija li mhijiex KKR ta’ parteċipazzjoni f’ID minn KKR, jekk:

meta jinxtraw l-ishma, l-ID ikollha ekwità ta’ mhux aktar minn EUR 20 miljun; jew

meta jinxtraw l-ishma, l-ID ikollha ekwità ta’ mhux aktar minn EUR 100 miljun u ż-żieda fl-ekwità “l fuq minn EUR 20 miljun tkun ġejja minn qligħ annwali fl-erba” snin finanzjarji ta’ qabel il-bejgħ;

il-perijodu bejn ix-xiri u l-bejgħ tal-parteċipazzjoni fl-ID mill-KKR huwa mill-inqas erba’ snin.

(22)

Sa kull kwinta tat-telf li jista’ jitnaqqas tista’ titnaqqas taħt l-arranġamenti għat-tnaqqis tat-telf tal-Att tat-Taxxa fuq id-Dħul fis-sena tal-akkwist; f’kull waħda mill-erba’ snin ta’ wara dan in-numru jiżdied bi kwinta tat-telf li jista’ jitnaqqas.

2.5.   Il-benefiċċji fiskali għall-investituri privati

2.5.1.   Introduzzjoni

(23)

Il-MoRaKG għandu l-għan li jħeġġeġ investituri privati bħal pereżempju business angels jinvestu fl-ID billi joffri vantaġġi tat-taxxa għall-qligħ li ġej mill-investiment tagħhom.

(24)

Skont l-Artikolu 1 Sezzjoni 20 tal-MoRaKG, il-qligħ kapitali fuq il-bejgħ ta’ ishma f’ID għandhom ikunu mqassma b’mod proporzjonali fost l-investituri skont il-parteċipazzjoni tagħhom. L-ammont li jirriżulta jitqies għat-tassazzjoni fuq id-dħul tal-investituri privati/business angels.

(25)

Il-benefiċċju fiskali jidħol fis-seħħ biss jekk ikun hemm qligħ kapitali mwettaq. Il-parteċipazzjoni ta’ investituri privati/business angels fl-ID għandha tkun bejn 3 % u 25 % fi kwalunkwe mument fil-ħames snin preċedenti bi żmien massimu ta’ żamma ta’ għaxar snin. Kull investitur privat/business angel huwa intitolat għal qligħ eżentat mit-taxxa sa EUR 50 000 (EUR 200 000 immultiplikat b’0,25) għal kull investiment, li jikkorrispondi għall-parteċipazzjoni massima ta’ 25 %. Għalhekk il-vantaġġ massimu tat-taxxa għal kull business angel u għal kull investiment huwa ta’ madwar EUR 22 500, skont il-kalkoli tal-Ġermanja. Il-benefiċċju fiskali jitnaqqas b’mod proporzjonali għall-qligħ ‘il fuq minn EUR 800 000 għal kull investiment, u jitnaqqsu totalment jekk il-qligħ totali jilħaq EUR 1 000 000.

3.   DUBJI ESPRESSI FID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(26)

Kif stabbilit fil-premessa 3, il-Kummissjoni ddeċidiet fit-28 ta’ Jannar 2009 li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali (aktar ‘il quddiem “Deċiżjoni tal-ftuħ”). Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni preliminari tagħha li t-tliet miżuri kollha jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

3.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fil-miżura tat-taxxa tal-kummerċ

(27)

Fuq il-bażi tat-tqabbil tagħha tal-ittra tal-2003 mal-“kjarifika” fil-MoRaKG, il-Kummissjoni esprimiet dubji fuq jekk l-istqarrija tal-Ġermanja li l-MoRaKG joħloq biss “kjarifika” statutorja tal-ittra tal-2003 hijiex korretta għax jidher li l-liġi tipprovdi ċerti vantaġġi fuq it-taxxa għall-kategorija speċifika ġdida ta’ kumpaniji b’kapital ta’ riskju definiti mill-MoRaKG. Fil-fatt, deher li l-“kjarifika” tiddevja mill-ittra tal-2003, u tista’ tipprovdi għal kriterji inqas stretti biex ċerti KKR ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa tal-kummerċ.

(28)

Fuq il-bażi ta’ dawn id-dubji l-Kummissjoni nnotat li l-miżura tat-taxxa tal-kummerċ tiffavorixxi ċerti KKR fuq kumpaniji ta’ investiment oħrajn li jistgħu jkunu qegħdin jagħmlu l-istess attivitajiet eżatt jew attivitajiet simili. Madankollu, l-eżenzjoni mit-taxxa tal-kummerċ tinvolvi telf tat-taxxa annwali stmata għal madwar EUR 90 miljun, li jista’ jindika li l-MoRaKG mhux sempliċement “jikkjarifika” l-ittra tal-2003.

3.2.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fil-miżura dwar it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva

(29)

Fil-prinċipju l-Ġermanja ma eskludietx li l-miżura dwar it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva hija selettiva u għalhekk tiffavorixxi l-ID u l-KKR. Il-Ġermanja ddikjarat, madankollu, li dan huwa ġġustifikat min-natura u l-loġika tas-sistema Ġermaniża tat-taxxi. Peress li, skont il-Ġermanja, l-introduzzjoni tar-restrizzjoni ġenerali fuq l-użu tat-telf fuq it-taxxa fl-2008 affettwa ħafna s-suq tal-kapital ta’ riskju, il-possibbiltà li jintuża t-telf fuq it-taxxa għandha tkompli teżisti għal dan is-suq, u għalhekk il-miżura tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri li jirrigwardjaw it-tassazzjoni tan-negozju diretta (12) (aktar ‘il quddiem “Avviż dwar it-Tassazzjoni tan-Negozju”).

(30)

Il-Kummissjoni nnotat, madankollu, li kumpaniji ta’ investiment oħra (li jaqgħu ‘il barra mill-iskop tad-definizzjoni tal-KKR) m’għandhomx jiġu esklużi, jekk il-miżura hija ġġustifikata bin-natura u l-loġika tas-sistema tat-taxxa Ġermaniża, peress li kumpaniji li mhumiex KKR jistgħu wkoll jinvestu f’ID u għandhom ukoll jibbenefikaw mill-istess dritt li jużaw dan it-telf. Iżda dan mhuwiex il-każ, għax ID li jappartjenu b’mod konġunt lil kumpaniji li mhumiex KKR jistgħu biss jittrasferixxu t-telf tagħhom jekk il-kumpanija li mhijiex KKR tkun xtrat il-parteċipazzjoni minn KKR taħt il-kundizzjonijiet deskritti fil-premessa 21.

(31)

Il-Ġermanja ddikjarat ukoll li l-miżura ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE, għax għandha “objettiv intern” li huwa kompatibbli mal-Avviż dwar it-Tassazzjoni tan-Negozju. Il-miżura tirrappreżenta biss eċċezzjoni għal regola stretta, li għaliha mhemm l-ebda ekwivalenti fi Stati Membri oħra, għalhekk il-miżura ma jistax ikollha effett transkonfinali fuq il-kompetizzjoni jew il-kummerċ.

(32)

Madankollu, il-Kummissjoni enfasizzat li l-benefiċjarji ta’ din il-miżura jistgħu jkunu involuti fil-kummerċ ma’ Stati Membri oħra u li għalhekk il-miżura jista’ jkollha effett fuq il-kummerċ. Barra minn hekk, fid-determinazzjoni ta’ jekk miżura fiskali tagħtix vantaġġ selettiv għal ċerti impriżi, wieħed għandu jeżamina s-sistema li tapplika b’mod ġenerali fl-Istat Membru kkonċernat; il-kwistjoni ta’ liema regoli għandhom japplikaw fi Stati Membri oħra hija, fil-prinċipu, irrilevanti.

3.3.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fil-benefiċċji fiskali għal investituri privati

(33)

Il-Ġermanja ddikjarat li l-benefiċjarji ta’ din il-miżura huma persuni fiżiċi u li għalhekk ma’ tikkostitwix għajnuna mill-Istat. Madankollu, peress li l-miżura tagħmel l-investimenti f’ċerti kumpaniji (ID) aktar attraenti għall-investituri, tista’ tiffavorixxi b’mod indirett ċerti impriżi, b’mod partikolari ID (13).

(34)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li l-kriterji ta’ “vantaġġ” u “selettività” huma sodisfati. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-miżura ser tinvolvi telf tat-taxxa annwali stmat għal madwar EUR 30 miljun.

3.4.   Kompatibbiltà mal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’impriżi ta’ daqs żgħir u medju

(35)

Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri mal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’impriżi ta’ daqs żgħir u medju (14) (aktar ‘il quddiem “Linji Gwida KR”), peress li l-Linji Gwida KR jipprevedu li l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kapital ta’ riskju ma tistax tingħata lil impriżi kbar (15), lil impriżi f’diffikultà u lil impriżi fl-industrija tal-bini ta’ bastimenti, faħam u azzar. F’dan il-każ, madankollu, l-impriżi msemmijin hawn fuq jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri, għalhekk l-iskop tal-miżuri (fir-rigward tal-benefiċjarji) mhuwiex definit b’mod konformi mal-Linji Gwida KR.

(36)

Barra minn hekk, skont il-punt 4.3 tal-Linji Gwida KR, l-għajnuna mill-Istat għandha timmira lejn falliment tas-suq speċifiku li għall-eżistenza tiegħu jkun hemm biżżejjed evidenza. Tali evidenza ma ġietx sottomessa mill-Ġermanja.

(37)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddubitat ukoll jekk ir-rekwiżiti l-oħra stabbiliti fil-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida KR kinux issodisfati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li r-restrizzjoni tal-benefiċċju fiskali għal KKR li qegħdin jinvestu f’impriżi inkorporati dehret li kienet qiegħda tikkontradixxi l-objettiv allegat tal-miżura, b’mod partikolari biex tippromwovi l-provvista ta’ kapital ta’ riskju lill-kumpaniji kollha li għandhom bżonnha. Fil-fatt, kumpaniji żgħar innovattivi fil-bżonn ta’ kapital ta’ riskju jistgħu jieħdu għamla legali oħra milli dik ta’ kumpaniji inkorporati. Għalhekk, kumpaniji żgħar innovattivi fil-forma ta’ soċjetà ma jibbenefikawx mill-miżura.

3.5.   Kompatibbiltà mas-suq komuni

(38)

Il-Kummissjoni ddubitat il-kompatibbltà tal-miżuri mar-regoli tas-suq komuni. Sabiex tikkwalifika bħala KKR, impriża għandu jkollha d-domiċilju legali tagħha (Sitz) u t-tmexxija tal-impriża tagħha fil-Ġermanja. Jidher li ċerti impriżi, b’mod partikolari stabbilimenti tan-negozju permanenti/fergħat u sussidjarji tal-UE u kumpaniji taż-ŻEE b’domiċilju legali (Sitz) ‘il barra mill-Ġermanja, ma jkunux eliġibbli. Din il-kundizzjoni tista’ tfixkel il-libertà tal-istabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 tat-Trattat KE.

(39)

Il-Ġermanja tiddikjara li l-kumpaniji b’domiċilju legali ‘l barra mill-Ġermanja ma jistgħux jiġu ssorveljati mill-BaFin u jkunu jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat fuq il-KKR Ġermaniżi. Iżda l-Kummissjoni ddubitat l-idea li l-istabbilimenti tan-negozju permanenti ta’ kumpaniji barranin irreġistrati fil-Ġermanja, li huma de facto f’kompetizzjoni mal-KKR, ma jistgħux jiġu sorveljati b’mezzi oħra. Dak iż-żmien, il-Kummissjoni għalhekk wasslet għall-konklużjoni li ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-esklużjoni ta’ tali impriżi mill-iskema. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ddubitat ukoll jekk il-miżuri li għandhom joħorġu jistgħux jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni.

4.   IL-KUMMENTI TAL-ĠERMANJA DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(40)

B’ittra datata t-3 ta’ Marzu 2009, il-Ġermanja ssottomettiet il-kummenti tagħha fuq id-deċiżjoni biex tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE. Il-kummenti kkonċernaw it-tliet miżuri kollha. Fil-qosor, il-Ġermanja reġgħet tenniet il-fehma tagħha li dawk il-miżuri ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

4.1.   Il-miżura dwar it-taxxa tal-kummerċ

(41)

Il-Ġermanja reġgħet tenniet il-fehma tagħha li l-miżura dwar t-taxxa tal-kummerċ ma teżentax lill-kumpaniji mit-taxxa tal-kummerċ. Pjuttost, tikkjarifika d-distinzjoni bejn l-attivitajiet tal-kummerċ u l-immaniġġjar tal-assi u għalhekk għandha valur dikjaratorju (deklaratorische Bedeutung) biss. Il-valutazzjoni finali ta’ jekk kumpanija b’kapital ta’ riskju hijiex involuta f’attivitajiet ta’ kummerċ jew tal-immaniġġjar tal-assi għandha ssir b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-qorti suprema Ġermaniża, li hija miġbura fil-qosor fl-ittra tal-2003.

(42)

Rigward it-telf stmat ta’ EUR 90 miljun fit-taxxa fuq id-dħul, il-Ġermanja spjegat li qiegħda tistenna li l-kjarifika tal-MoRaKG sejra twassal għal inqas arranġamenti “difettużi” (verunglückte Vertragsgestaltungen), li fihom it-taxxi huma dovuti biss minħabba l-arranġamenti difettużi tal-kuntratt.

4.2.   Il-miżura dwar it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva

(43)

Il-Ġermanja reġgħet tenniet il-fehma tagħha li r-regoli fuq it-tnaqqis tat-telf fuq livell ta’ ID huma ġġustifikati minħabba n-natura u l-loġika tas-sistema tat-taxxa, anke jekk il-kumpaniji ta’ investiment li jaqgħu ‘il barra mill-iskop tad-definizzjoni tal-MoRaKG jinvestu f’ID ukoll.

(44)

Il-Ġermanja argumentat li t-twettiq ta’ distinzjoni bejn KKR u kumpaniji ta’ investiment oħra taqa’ taħt il-marġini ta’ manuvrar tal-leġiżlatur (Gestaltungsspielraum) għax hemm differenzi oġġettivi bejn KKR u kumpaniji ta’ investiment oħra. F’dan is-sens, skont il-paragrafu 24 tal-Avviż dwar it-Tassazzjoni tan-Negozju, trattament differenti huwa ġġustifikat.

(45)

Barra minn hekk, il-KKR huma f’sitwazzjoni speċjali. Peress li tipikament dawn jinvestu f’ID b’trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva, it-tieni miżura għalhekk mhijiex għajnuna mill-Istat iżda arranġament ta’ kumpens għall-iżvantaġġi speċifiċi (Nachteilsausgleichsregelung) tas-sistema attwali fir-rigward tas-settur tal-kapital ta’ riskju.

4.3.   Benefiċċji tat-taxxi għal investituri privati

(46)

Il-Ġermanja tikkunsidrat li l-miżura dwar il-benefiċċji tat-taxxi m’għandhiex effett konsiderevoli fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari għax il-benefiċċju tat-taxxa għal kull investitur huwa limitat għal EUR 22 500. Barra minn hekk, dawk ir-regoli japplikaw b’mod ugwali għall-ID b’domiċilji legali fl-Istati Membri l-oħra, bl-ebda distinzjoni bejn ID Ġermaniżi u ID minn Stati Membri oħra.

(47)

Il-Ġermanja tenfasizza wkoll li l-benefiċjarji diretti huma persuni fiżiċi li mhumiex koperti mir-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, tenfasizza li minħabba l-istruttura speċifika tal-miżura l-ID ma jingħataw l-ebda vantaġġ kwantifikabbli (kein irgendwie quantifizierbarer Vorteil), li dan stess jelimina kwalunkwe element ta’ għajnuna fil-miżura.

(48)

Il-Ġermanja ssostni li l-benefiċċju tat-taxxa huwa relatat mat-trasferiment tal-parteċipazzjoni fl-ID (Veräußerungsvorgang), u għalhekk m’għandux rabta diretta mal-investiment.

4.4.   Ksur tal-libertà ta’ stabbiliment

(49)

Fl-opinjoni tal-Ġermanja, il-MoRaKG ma jiksirx il-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 43 tat-Trattat KE, għax ristrezzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment tkun ġustifikata jekk ir-rekwiżit tad-domiċilju legali kien jagħti l-unika opportunità biex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet legali.

5.   KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI

(50)

Fl-ittri datati d-9 ta’ April 2009 (Bundesverband Deutscher Kapitalbeteilungsgesellschaften – Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Ekwità Privata u l-Kapital tar-Riskju e.V. (BVG)) u l-14 ta’ April 2009 (Biotechnologie-Industrie-Organisation Deutschland e.V. (BIO) u Business angels Network Deutschland e.V. (BAND)), tliet partijiet interessati ssottomettew il-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ.

5.1.   Osservazzjonijiet minn partijiet terzi dwar it-taxxa tal-kummerċ

(51)

Il-BVK iddikjarat li l-introduzzjoni ta’ kriterji legali fil-MoRaKG għall-klassifikazzjoni ta’ KKR bħala waħda li ma tagħmilx kummerċ għall-finijiet ta’ taxxi ma tirriżultax f’inċentiv fiskali għall-KKR. Bil-kontra, il-MoRaKG ser jikkontribwixxi aktar għall-inċertezza fis-settur.

(52)

Skont il-BVK, il-“kjarifika” mhijiex inqas stretta mill-ittra tal-2003, għax il-Kumitat tal-Finanzi tal-Bundestag Ġermaniż kien tal-fehma li l-ittra tal-2003 tkompli tapplika wkoll flimkien mal-MoRaKG (16). Bħala riżultat, id-dikjarazzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 1 Sezzjoni 19 tal-MoRaKG għandhom jingħataw effett konkret permezz tal-ittra tal-2003. Minħabba din it-teknika regolatorja mhux sodisfaċenti, il-kriterji fl-ittra tal-2003 ikomplu japplikaw ukoll għall-KKR. Għalhekk, fl-opinjoni tal-BVK, huwa diffiċli li jiġi vverifikat it-telf fid-dħul mit-taxxa, stmat mill-Gvern Federali għal madwar EUR 90 miljun.

(53)

Il-BVK tappoġġa espressament kundizzjonijiet ta’ qafas uniformi għall-kumpaniji tal-ekwità privata domestiċi u barranin – b’mod partikolari dawk minn Stati Membri oħra – u l-investituri domestiċi u barranin tagħhom fil-Ġermanja.

(54)

Il-BIO targumenta li l-MoRaKG ma jipprovdix lill-kumpaniji ta’ kapital ta’ riskju eżenzjoni preferenzjali mit-taxxa tal-kummerċ. Il-MoRaKG huwa magħmul biex jistabbilixxi fil-liġi l-prattika diġà komuni, murija fl-ittra tal-2003, li teżenta l-fondi tal-immaniġġjar tal-assi mit-taxxa tal-kummerċ.

5.2.   Osservazzjonijiet minn partijiet terzi dwar it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva

(55)

Il-BVK hija tal-opinjoni li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża għandha tittratta l-kumpaniji b’kapital ta’ riskju u tal-ekwità privata kemm domestiċi kif ukoll barranin bl-istess mod bħall-kumpaniji b’kapital ta’ riskju fis-sens tal-MoRaKG. Il-BVK hija wkoll tal-fehma li dan l-objettiv jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas fiskali u legali uniformi għall-kumpaniji ta’ ekwità privata kollha. Il-BVK tissuġġerixxi li dawk il-kumpaniji b’kapital ta’ riskju li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-MoRaKG għandhom jingħataw il-possibbiltà li jieħdu vantaġġ mit-tnaqqis tat-telf b’mod mhux diskriminatorju. Il-BVK terġa’ ttenni li l-projbizzjoni fuq it-tnaqqis tat-telf fl-ATDI tfixkel ħafna l-investimenti tal-kumpaniji b’kapital ta’ riskju u ta’ ekwità privata.

(56)

Il-BIO Deutschland jara Il-MoRaKG bħala titjib fuq l-istatus quo fir-rigward tat-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva. Il-BIO tikkonċentra fuq it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva u taħseb li r-rimedjar immirat ta’ żvantaġġ ma jikkostitwix għajnuna. Peress li b’mod partikolari l-SMEs innovattivi huma żvantaġġati mir-regoli tat-tnaqqis tat-telf eżistenti, il-MoRaKG għandu jitqies bħala regolament ta’ kumpens għall-iżvantaġġ fiskali (Steuerbenachteiligungsausgleichsregelung). Il-BIO ssostni li l-MoRaKG tippermetti li wieħed jiddistingwi l-kumpaniji ta’ investiment kapitali li jipprovdu kapital lill-impriża b’mod ċar u meħtieġ.

5.3.   Osservazzjonijiet minn partijiet terzi dwar il-benefiċċji fiskali għall-investituri privati

(57)

Il-BVK tilqa’ l-objettiv ġenerali ta’ benefiċċji fiskali għal investituri privati stabbiliti fil-MoRaKG. Għall-BVK il-miżura dwar il-benefiċċju fiskali tikkostitwixxi inċentiv raġonevoli għal individwi li jinvestu fis-settur ta’ riskju għoli tal-iffinanzjar fi stadju bikri indirizzat fil-MoRaKG.

(58)

Il-BAND jenfasizza li tali benefiċċji fiskali għal persuni privati li qegħdin jinvestu f’kumpaniji li għadhom kif ġew stabbiliti huma komuni u aktar ġenerużi fi Stati Membri oħra. Il-BAND jilqa’ l-introduzzjoni tal-benefiċċji fiskali għal investituri privati u għalhekk jilqa’ l-MoRaKG. Fl-istess ħin, il-BAND jesprimi dubji fuq jekk il-MoRaKG ikollux effett konsiderevoli ta’ inċentiv fuq il-business angels, minħabba l-vantaġġi tat-taxxa pjuttost baxxi li jseħħu biss wara ħruġ b’suċċess. Il-BAND jikkunsidra li minħabba l-proċedura ta’ dħul parzjali (Teileinkünfteverfahren), il-vantaġġ fiskali minimu għal kull investitur huwa madwar EUR 14 210 u mhux, kif indikat mill-Ġermanja, madwar EUR 22 500. Il-BAND iqis ukoll li l-għajnuna indiretta lill-ID fir-realtà dejjem sejra tkun aktar baxxa mil-livell tal-limitu de minimis ta’ EUR 200 000. Il-vantaġġ iseħħ biss, dejjem jekk iseħħ, fiż-żmien tal-ħruġ tal-investitur.

(59)

Il-BIO taħseb li l-vantaġġ massimu li jingħata lil investitur privat, li jista’ jseħħ biss meta jiġu ssodisfati kundizzjonijiet speċifiċi, huwa ta’ EUR 22 500. Dan l-ammont huwa minimu, mhux konness mal-investiment (li jirriżulta pjuttost mill-bejgħ ta’ ishma) u għalhekk mhux trasferibbli lill-ID.

6.   IL-KUMMENTI TAL-ĠERMANJA DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET MINN PARTIJIET TERZI

(60)

B’ittra datata t-22 ta’ Mejju 2009 il-Ġermanja tat ir-reazzjonijiet tagħha għall-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati.

6.1.   Il-miżura dwar it-taxxa tal-kummerċ

(61)

Il-Ġermanja tinnota li minkejja l-kritika tagħha tal-MoRaKG, il-BVK tikkonferma li l-MoRaKG ma jmurx kontra l-liġi fir-rigward tad-distinzjoni bejn l-attivitajiet kummerċjali u tal-immaniġġjar tal-assi.

6.2.   Il-miżura dwar it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva

(62)

Il-Ġermanja tinnota li l-proposta tal-BVK biex tiġi estiża l-miżura għas-settur kollu tal-ekwità privata sejra tikkawża qligħ mhux previst mhux ġustifikat (ungerechtfertigte Mitnahmeeffekte). Sabiex tiġi mmirata l-miżura, il-Ġermanja ddeċidiet favur id-distinzjoni meħtieġa.

(63)

Il-Ġermanja tenfasizza li l-argumenti tal-BIO jappoġġaw il-fehma tagħha li l-MoRaKG jipprevedi distinzjoni koerenti bbażata fuq kriterji oġġettivi sabiex jiġi evitat l-użu eċċessiv tat-telf (Verlustausnutzung).

6.3.   Il-benefiċċji fiskali għal investituri privati

(64)

Il-Ġermanja tikkunsidra li l-kummenti mill-partijiet interessati jappoġġaw il-fehma tagħha li l-miżura, peress li hija indiretta u insinifikanti, orjentata lejn il-qligħ u mmirata għall-ID fi kwalunkwe post fl-UE, ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat.

7.   EVALWAZZJONI

7.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

7.1.1.   Il-miżura dwar it-taxxa tal-kummerċ

(65)

Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma neħħietx id-dubji tal-Kummissjoni rigward il-“kjarifika” legali allegata fil-MoRaKG tal-ittra tal-2003 fir-rigward tal-eżenzjoni mid-debitu għat-taxxa tal-kummerċ.

(66)

Il-Ġermanja temmen li din il-miżura sejra timplika telf annwali fid-dħul mit-taxxa ta’ EUR 90 miljun. Hija tispjega dan it-telf minħabba inqas “arranġamenti kuntrattwali difettużi”. Il-Kummissjoni ma taħsibx li din il-ġustifikazzjoni hija konvinċenti. Huwa tassew diffiċli li wieħed jemmen li l-kumpaniji b’kapital ta’ riskju għandhom għarfien daqshekk ħażin tal-liġi tat-taxxa li ma jistgħux jevitaw tali “arranġamenti kuntrattwali diffettużi” u d-debitu tat-taxxa li jikkorrispondi. Barra minn hekk, l-opinjoni tal-Kummissjoni hija kkonfermata b’mod ċar minn partijiet terzi, għax il-BVK taħseb li l-MoRaKG ser jikkontribwixxi aktar għall-inċertezza fis-settur.

(67)

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tinnota li huwa ċert li l-miżura sejra timplika telf fir-riżorsi tal-Istat li kieku (fis-sitwazzjoni preċedenti) kien imur favur l-Istat. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura tingħata mir-riżosrsi tal-Istat.

(68)

Mingħajr ma titqies il-kwistjoni tal-kompatibbltà tal-ittra tal-2003 man-natura u l-loġika tas-sistema tat-taxxa Ġermaniża, li hija irrilevanti għal dan il-każ, il-Kummissjoni nnotat fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha li l-MoRaKG jidher li jmur kontra l-ittra, peress li:

il-KKR jistgħu jsibu investituri permezz ta’ marketing lil pubbliku kbir, filwaqt li dan huwa eskluż fl-ittra tal-2003;

il-KKR jistgħu jkollhom bini tan-negozju u jistgħu jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom “b’mod azjendali” (geschäftsmässig), filwaqt li l-ittra tal-2003 ma tippermettihomx li jkollhom “organizzazzjoni proprja sostanzjali” u tillimita n-numru ta’ impjegati u l-użu tal-uffiċċju għal dak li normalment jeħtieġ “patrimonju privat kbir” (privates Großvermögen);

Il-MoRaKG ma jeskludix b’mod espliċitu l-KKR milli jkollhom attività kummerċjali f’kumpaniji tal-portafoll, filwaqt li l-ittra tal-2003 ma tippermettix “attività kummerċjali f’kumpaniji tal-portafoll” kif imsemmi fil-premessa 13.

(69)

Il-kummenti rċevuti matul l-investigazzjoni formali ma neħħewx dawn id-dubji. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tikkonkludi li l-MoRaKG tkabbar il-grupp ta’ benefiċjarji possibbli li m’għandhomx iħallsu t-taxxa tal-kummerċ għaliex huwa possibbli li xi KKR li, skont l-ittra tal-2003, kellhom iħallsu t-taxxa tal-kummerċ jistgħu jkunu eżenti mit-taxxa tal-kummerċ skont il-MoRaKG. Għalhekk, il-miżura li qiegħda tiġi eżaminata tagħti benefiċċju fiskali lil ċerti KKR għaliex tippermettilhom iwettqu ċerti attivitajiet filwaqt li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa, mhux bħall-FKR/FEP kollha l-oħra, li huma soġġetti biss għall-ittra tal-2003 u għalhekk ikollhom jibdew iħallsu t-taxxa jekk iwettqu dawn l-attivitajiet.

(70)

Barra minn hekk, il-miżura tagħti vantaġġ selettiv lil ċerti KKR biss li jaqgħu taħt l-iskop tal-MoRaKG meta mqabbla mal-FKR/FEP. Fil-fatt, il-KKR jibbenefikaw minn din il-miżura biss jekk jikkonformaw mad-definizzjoni stabblitia fil-MoRaKG. Għalhekk l-FKR/FEP li għandhom inqas minn 70 % tal-assi totali tagħhom f’ishma tal-ekwità f’ID ma jistgħux jibbenefikaw mill-miżura anke jekk iwettqu attivitajiet sostanzjalment identiċi. L-istess raġunament japplika għall-FKR/FEP li la għandhom id-domiċilju legali u lanqas it-tmexxija tal-impriża tagħhom fil-Ġermanja. Bħala riżultat, il-FKR/FEP li għandhom stabbiliment ta’ negozju permanenti biss fil-Ġermanja ma jistgħux jibbenefikaw mill-MoRaKG, anke jekk jagħmlu l-istess attivitajiet eżatt bħall-KKR.

(71)

Għalhekk, il-kumpaniji li jappartjenu għal dan il-grupp limitat biss jinħelsu, permezz tar-riżorsi tal-Istat, minn parti mill-ispejjeż operattivi tagħhom (b’mod speċifiku l-ħlas ta’ ċertu taxxa) li normalment ikollhom iħallsu taħt il-qafas legali attwali. Il-benefiċjarji ta’ dan il-vantaġġ huma essenzjalment attivi fil-provvista ta’ ekwità privata u kapital ta’ riskju u huma f’kompetizzjoni ma’ fornituri oħra stabbiliti fil-Ġermanja jew Stati Membri oħra. Għalhekk, din il-miżura fiskali, billi żżid il-mezzi finanzjarji disponibbli għall-benefiċjarji biex iwettqu l-attività tagħhom, issaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom f’relazzjoni ma’ kompetituri oħra fl-UE. Il-miżura ta’ għajnuna għalhekk tista’ taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(72)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura notifikata tat-taxxa tal-kummerċ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lil ċerti KKR fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

7.1.2.   Tnaqqis tat-telf

(73)

Kif imsemmi taħt il-punt 4.2, il-Ġermanja taqbel fil-prinċipju li l-istabbiliment mill-ġdid ta’ trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva għall-KKR li qegħdin jinvestu f’ID huwa selettiv u jiffavorixxi l-ID u l-KKR. Madankollu, il-Ġermanja targumenta li l-KKR u l-ID kienu differenzjati b’mod aċċettabbli u prattiku u li d-distinzjoni hija ġustifikata b’differenzi oġġettivi bejn persuni taxxabbli b’konformità mal-paragrafu 24 tal-Avviż dwar it-Tassazzjoni tan-Negozju (li jiddikjara li xi distinzjonijiet fis-sistema tat-taxxa jistgħu jiġu ġġustifikati b’differenzi oġġettivi bejn il-persuni taxxabbli), għaliex l-introduzzjoni tar-restrizzjoni ġenerali fuq l-użu tat-telf tat-taxxa fl-2008 affettwaw ħafna lis-suq tal-kapital ta’ riskju.

(74)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-miżura hija marbuta b’mod ċar ma’ telf tar-riżorsi tal-Istat u għalhekk tingħata permezz tar-riżorsi tal-Istat. Dan it-telf tat-taxxa jibbenefika lill-ID u lill-KKR għaliex huma l-benefiċjarji ta’ din il-miżura. It-termini aktar ġenerużi għat-tnaqqis tat-taxxa tat-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva li japplikaw għall-ID jekk jiġu akkwistati minn KKR jikkostitwixxu vantaġġ ekonomiku għal dawn iż-żewġ gruppi ta’ kumpaniji għaliex jippermettihom jevitaw il-ħlas tat-taxxa. Fil-fatt, l-ID jibbenefikaw minn trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva għaliex dan jippermettihom li jikkumpensaw għal telf u għalhekk iħallsu inqas taxxa, li kieku kienet tiġi eskluża permezz tar-regoli kontra l-abbuż. Il-KKR huma wkoll kważi benefiċjarji diretti fis-sens li xerrejja oħra ma jistgħux jibbenefikaw mill-kumpens addizzjonali.

(75)

Peress li l-evitar tal-ħlas tat-taxxa huwa essenzjalment disponibbli biss jekk il-KKR jinvestu f’ID, il-miżura tiffavorixxi wkoll lill-ID indirettament. Fil-fatt, din tikkostitwixxi inċentiv għall-KKR biex jinvestu f’ID milli f’kumpaniji oħra li jistgħu jkunu mmirati minn investituri ta’ kapital ta’ riskju fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi. L-ID għalhekk huma f’pożizzjoni li jirċievu kapital ta’ riskju f’ammonti u taħt kundizzjonijiet li ma kinux ikunu possibbli mingħajr il-miżura. Il-miżura għalhekk tista’ ssaħħaħ indirettament il-bażi kapitali tal-ID.

(76)

Jidher xieraq ukoll li wieħed jirrifjuta l-argument tal-Ġermanja skont liema, anke jekk ma jistax jiġi eskluż li d-definizzjoni tal-ID tkopri impriżi f’diffikultà, din il-miżura ma tirrappreżentax vantaġġ għal tali kumpaniji. Fil-fatt, il-Ġermanja targumenta li jekk ID tkun f’diffikultà, mhux sejra tagħmel qligħ li jista’ jikkumpensa għat-telf tagħha u tista’ tiġi ntaxxata. Għaljekk huwa irrilevanti jekk tali impriża tistax tuża t-telf ta’ perijodi preċedenti jew le. Bħala riżultat, skont il-Ġermanja, il-MoRaKG ma joffri l-ebda vantaġġ lill-impriżi f’diffikultà kif definit mid-dritt Komunitarju. Il-Kummissjoni taħseb li dan l-argument mhuwiex plawżibbli, għaliex xerrej ta’ impriża f’diffikultà jew ta’ “kumpanija finta” jista’ fil-fatt ikun b’mod partikolari interessat fit-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva għal finijiet ta’ taxxa.

(77)

Dawn il-vantaġġi jistgħu jaffettwaw il-kummerċ u l-kompetizzjoni. Għall-KKR, il-Kummissjoni eżaminat dan ir-rekwiżit fir-rigward tar-regola tat-taxxa tal-kummerċ fil-premessa 71. Fir-rigward tal-ID, il-Kummissjoni tinnota li dawn il-kumpaniji jistgħu joperaw fi kwalunkwe settur ekonomiku, inklużi dawk li jinvolvu jew li jistgħu jinvolvu kummerċ intra-Komunitarju. Għalhekk, il-vantaġġ ekonomiku li jingħatalhom jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(78)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tinnota li l-miżura hija mingħajr dubju selettiva.

(79)

It-tielet nett, il-Kummissjoni taħseb li l-Ġermanja ma rnexxilhiex turi li l-miżura hija kompatibbli man-natura u l-loġika tas-sistema tat-taxxa Ġermaniża. Anke jekk kien veru li s-suq tal-kapital ta’ riskju kien affettwat b’mod partikolari mir-restrizzjoni fuq l-użu tat-telf tat-taxxa u għalhekk kien hemm ġustifikazzjoni għal trattament speċjali, il-Kummissjoni taħseb li d-distinzjoni magħmula mill-Ġermanja bejn il-persuni taxxabbli mhijiex ġustifikata b’dan ir-raġunament għaliex parti biss mis-settur tal-kapital ta’ riskju hija eżentata mill-projbizzjoni fuq it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva. Jekk id-dikjarazzjonijiet tal-Ġermanja kienu tajbin, ma kienx ikun hemm raġuni oġġettiva biex il-kumpaniji li mhumiex KKR ma jibbenefikawx mill-miżura meta jinvestu fl-istess ID. Madankollu, il-kumpaniji li mhumiex KKR jibbenefikaw mill-miżura biss fil-każ rari li jixtru parteċipazzjoni f’ID minn KKR. Dawn il-fehmiet huma kkonfermati wkoll mill-kummenti tal-BVK fil-punt 0.

(80)

Barra minn hekk, il-miżura ma tidhirx li tikkonforma man-natura u l-loġika tas-sistema tat-taxxa Ġermaniża għaliex il-Ġermanja ma wrietx għaliex il-KKR jistgħu jkunu partikolarment affettwati mir-restrizzjoni fuq l-użu tat-telf tat-taxxa meta jinvestu f’ID u mhux meta jwettqu l-istess attività li jipprovdu kapital lil kumpaniji oħra bħal soċjetajiet li jistgħu wkoll ikollhom diffikultajiet li jaċċessaw għal kapital tar-riskju (b’mod partikolari kumpaniji innovattivi li stabbilixxew ruħhom reċentement).

(81)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li meta l-Ġermanja saħħet il-miżuri kontra l-abbuż fuq it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva permezz tal-Att tar-Riforma tat-Tassazzjoni għall-Kumpaniji tal-2008, kif iddikjarat fil-punt 2.4.1, hija stabbiliet ir-regolament ġenerali tat-taxxa l-ġdid f’dan il-qasam. Billi tippermetti għal termini aktar ġenerużi għat-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva għal grupp ta’ kumpaniji magħżul, dawn il-miżuri kontra l-abbuż ikunu parzjalment irrevokati; dan ma jidhirx li huwa ġġustifikat min-natura u l-loġika tas-sistema tat-taxxa fis-seħħ mill-2008.

(82)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura nnotifikata dwar it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lill-ID u lill-KKR fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

7.1.3.   Benefiċċji tat-taxxa għal investituri privati

(83)

Kif imsemmi fil-punt 4.3, il-Ġermanja ssostni li peress li l-benefiċjarji huma persuni fiżiċi, il-miżura ma’ tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-Ġermanja ssostni wkoll li l-miżura m’għandha l-ebda vantaġġ li jista’ jiġi vverifikat u kkwantifikat għall-ID u għalhekk m’għandha l-ebda impatt fuq il-prezz tal-ishma. L-ammont ta’ taxxa mhux imħallsa minn investituri privati huwa pjuttost żgħir u jingħata biss jekk l-investitur jagħmel ħruġ b’suċċess. Għalhekk, kif targumenta l-Ġermanja, il-miżura għandu jkollha effett ta’ inċentiv limitat biss biex l-individwi jinvestu f’ID. Għalhekk għandu jkollha wkoll effett ta’ tfixkil limitat fuq il-kompetizzjoni bejn l-ID u impriżi li mhumiex ID.

(84)

Kif iddikjarat fil-punt 2.1, din il-miżura timplika telf ta’ riżorsi tal-Istat stmati mill-Ġermanja għal EUR 30 miljun kull sena. Il-miżura għalhekk tingħata permezz tar-riżorsi tal-Istat.

(85)

Il-miżura inkwistjoni tipprovdi lill-individwi inċentivi tat-taxxa biex jinvestu fi grupp magħżul ta’ impriżi (jiġifieri ID) milli f’kumpaniji oħra li jistgħu jkunu mmirati minn investituri f’kapital ta’ riskju fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi. L-ID għalhekk huma f’pożizzjoni li jirċievu kapital ta’ riskju f’ammonti u taħt kundizzjonijiet li ma kinux ikunu possibbli mingħajr il-miżura u taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Il-miżura għalhekk tista’ b’mod indirett issaħħaħ il-bażi kapitali tal-ID. Din l-analiżi hija valida wkoll anke jekk il-vantaġġ fiskali mogħti lill-investituri huwa kontinġenti fuq qligħ futur u l-ammont huwa relattivament limitat, kif enfasizzat mill-Ġermanja u l-partijiet terzi. Fil-fatt, minħabba n-natura tal-miżura huwa estremament diffiċli li jiġi kkwantifikat b’mod preċiż il-vantaġġ li l-ID sejrin jirċievu ex ante  (17). Għalhekk, huwa impossibbli li wieħed jikkonkludi li l-għajnuna mogħtija lill-ID dejjem sejra tkun de minimis. Barra minn hekk, il-fatt li benefiċċju fiskali lill-individwi li qegħdin jinvestu f’ċerti kumpaniji jista’ jinvolvi għajnuna lil dawn il-kumpaniji, ikun xi jkun il-kobor ta’ tali vantaġġi, ġie kkonfermat mill-Qorti (18).

(86)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura dwar il-benefiċċju tat-taxxa fuq id-dħul hija selettiva u tiffavorixxi numru limitat ta’ kumpaniji billi tagħtihom aċċess aħjar għal kapital ta’ riskju milli taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Dan il-vantaġġ jingħata permezz tar-riżorsi tal-Istat għaliex bażikament huwa t-telf tad-dħul mit-taxxa li joħloq l-inċentiv tas-suq għal individwi privati biex jipprovdu kapital lill-ID milli lil kumpaniji oħra li normalment kienu jkunu mmirati fuq il-bażi tal-prospetti tal-qligħ fuq l-investiment li joffri.

(87)

L-estent sa fejn din l-għajnuna tista’ taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membru huwa stabbilit fil-premessa (77) hawn fuq.

(88)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura emendata dwar il-benefiċċju għat-taxxa fuq id-dħul tikkostitwixxi għajnuna tal-Istat lill-ID fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

7.2.   Kompatibbiltà mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat

7.2.1.   Notifika tal-miżura

(89)

Billi nnotifikaw il-MoRaKG qabel ma implimentawh, l-awtoritajiet Ġermaniżi ssodisfaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE. Peress li l-miżuri kollha fil-MoRaKG għandhom l-istess objettiv li jappoġġaw il-provvista ta’ kapital ta’ riskju lill-kumpaniji, il-Kummissjoni analizzat il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni fuq il-bażi tar-regoli stabbiliti fil-Linji Gwida KR.

(90)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll l-applikabbiltà ta’ oqfsa u regolamenti oħra dwar għajnuna mill-Istat għall-miżuri disponibbli, b’mod speċifiku l-qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (19), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (20) (aktar ‘il quddiem “GBER”) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis  (21). B’mod differenti mill-miżuri li qegħdin jiġu eżaminati, dawn l-oqfsa u r-regolamenti jeskludu mill-iskop tal-għajnuna l-impriżi f’diffikultà u l-impriżi fl-industrija tal-bini tal-bastimenti, tal-faħam u tal-azzar u/jew jillimitaw l-għajnuna għall-SMEs. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq il-Kummissjoni hija tal-fehma li minħabba l-iskop ta’ dawn l-oqfsa u r-regolamenti, dawn mhumiex applikabbli għall-miżuri nnotifikati.

7.2.2.   Miżura tat-taxxa tal-kummerċ

(91)

Bħal ma ġie ddikjarat fil-punt 7.1.1, il-miżura dwar t-taxxa tal-kummerċ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lill-KKR. Madankollu, din il-miżura ma tipprovdix b’mod espliċitu inċentivi lill-KKR biex jagħmlu investimenti f’kapital ta’ riskju, tippermettihom biss li jkollhom riżorsi finanzjarji akbar għad-dispożizzjoni tagħhom, li jistgħu jużaw għal kwalunkwe fini (jiġifieri distribuzzjoni tal-benefiċċji akbar lill-imsieħba tagħhom).

(92)

B’mod differenti minn din il-miżura, taħt il-Linji Gwida KR, l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kapital ta’ riskju ma tistax tingħata lil impriżi kbar, impriżi f’diffikultà jew impriżi fl-industrija tal-bini ta’ bastimenti, tal-faħam u tal-azzar. Il-miżura dwar it-taxxa tal-kummerċ, min-naħa l-oħra, tista’ tibbenefika lil tali impriżi, speċjalment impriżi kbar. Għalhekk, l-iskop ta’ din il-miżura mhuwiex kumpatibbli mal-Linji Gwida.

(93)

Il-miżura ma tistax titqies bħala waħda kumpatibbli mal-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida KR għaliex il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu mhumiex issodisfati. Pereżempju, il-Kapitolu 4 jirrikjedi li l-livell massimu ta’ serje ta’ investimenti ma jistax jaqbeż EUR 1,5 miljun għal kull benefiċjarju fuq perijodu ta’ 12-il xhar. Il-miżura li qiegħda tiġi eżaminata m’għandhiex tali limitu. Barra minn hekk, il-Linji Gwida KR jirrikjedu wkoll li l-miżura tiġi ristretta li tipprovdi finanzjar biss sal-istadju ta’ tkabbir għall-impriżi żgħar jew sal-istadju bikri għall-impriżi ta’ daqs medju. Dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx issodisfati għaliex l-ID jistgħu jkunu impriżi kbar.

(94)

Il-miżura mhijiex konformi mar-rekwiżiti ta’ kumulazzjoni u rapportar stabbiliti fil-Kapitolu 6 u fil-punt 7.1 tal-Linji Gwida KR.

(95)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura skont il-Kapitolu 5 tal-Linji Gwida KR. Fil-fatt, skont il-Linji Gwida KR, l-għajnuna mill-Istat għandha timmira għal falliment tas-suq speċifiku li għall-eżistenza tiegħu jkun hemm biżżejjed evidenza. Il-Ġermanja ma ssottomettiet l-ebda evidenza li l-ID huma affettwati minn falliment tas-suq partikolari.

(96)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura dwar it-taxxa tal-kummerċ mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

7.2.3.   It-tnaqqis tat-telf

(97)

Kif stabbilit fil-punt 7.1.2, il-miżura dwar it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fuq livell tal-KKR u tal-ID. Il-forma tal-miżura dwar l-għajnuna hija inċentiv fiskali fis-sens tal-punt 4.2(d) tal-Linji Gwida KR.

(98)

Għall-istess raġunijiet kif enfasizzati hawn fuq fil-premessi 92, 93, 94 u 95, il-Kummissjoni ma tistax tqis din il-miżura kompatibbli mas-suq komuni għaliex la tissodisfa l-kriterji ta’ esklużjoni tal-punt 2.1 tal-Linji Gwida KR, u lanqas ir-rekwiżiti ta’ kumulazzjoni u rappurtar imsemmijin fil-Kapitolu 6 u fil-punt 7.1 tal-Linji Gwida, u lanqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida; lanqas m’hemm evidenza ta’ falliment tas-suq partikolari li jaffettwa l-ID u l-KKR li tista’ tippermetti lill-Kummissjoni tniedi evalwazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri taħt il-Kapitolu 5 tal-Linji Gwida KR.

(99)

Din il-miżura ma teskludix l-akkwist ta’ ishma eżistenti (kapital ta’ sostituzzjoni) fl-ID. Il-finanzi ta’ sostituzzjoni huma, madankollu, esklużi mid-definizzjoni ta’ kapital ta’ riskju fil-Linji Gwida KR.

(100)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-benefiċċju fiskali restrittiv lill-KKR li qegħdin jinvestu f’impriżi inkorporati jidher li jikkontradixxi l-objettiv iddikjarat tal-miżura, b’mod aktar preċiż biex jippromwovi l-kapital ta’ riskju. Fil-fatt, kumpaniji żgħar innovattivi li jeħtieġu kapital ta’ riskju jistgħu jieħdu forom legali li mhumiex dik ta’ kumpaniji inkorporati. Għalhekk, kumpaniji żgħar innovattivi fil-forma ta’ soċjetà ma jibbenefikawx mill-miżura.

(101)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura dwar it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

7.2.4.   Benefiċċji tat-taxxi għal investituri privati

(102)

Kif stabbilit fil-punt 0, il-miżura dwar il-benefiċċju għat-taxxa fuq id-dħul tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat b’mod indirett fuq livell tal-ID. Peress li l-miżura toħloq inċentivi għal investituri privati biex jinvestu f’ID, din tista’ tiffavorixxi investimenti ta’ kapital ta’ riskju skont il-punt 4.2(d) tal-Linji Gwida KR.

(103)

Għall-istess raġunijiet imsemmijin hawn fuq fil-premessi 92, 93, 94 u 95, il-Kummissjoni ma tistax tqis din il-miżura bħala kompatibbli mas-suq komuni għaliex la tissodisfa l-kriterji ta’ esklużjoni tal-punt 2.1 tal-Linji Gwida KR, lanqas ir-rekwiżiti ta’ kumulazzjoni u rapurtar imsemmijin fil-Kapitolu 6 u fil-punt 7.1 tal-Linji Gwida, u lanqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu Chapter 4 tal-Linji Gwida; lanqas m’hemm evidenza ta’ falliment tas-suq partikolari li jaffettwa l-ID u l-KKR li tista’ tippermetti lill-Kummissjoni tniedi evalwazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri taħt il-Kapitolu 5 tal-Linji Gwida KR.

(104)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura dwar il-benefiċċju fiskali fuq id-dħul kif inhi ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Linji Gwida KR. Madankollu, il-miżura għandu jkollha effett ta’ tfixkil limitat biss fuq il-kompetizzjoni bejn l-ID u l-impriżi li mhumiex ID peress li l-inċentiv mogħti lil individwi biex jipprovdu kapital favur l-ID huwa relattivament limitat u għalhekk wieħed jista’ jassumi li l-vantaġġ mogħti lill-ID ser ikun limitat ukoll. Barra minn hekk, il-miżura jista’ jkollha effett ġenerali pożittiv fis-sens li tistimola l-provvista ta’ kapital ta’ riskju lil kumpaniji li jistgħu jeħtieġu kaptial ta’ riskju, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni ekonomika xierqa. Fil-fatt, investituri privati sejrin jagħżlu l-ID inkwistjoni fuq il-bażi tal-prospett li jagħmlu qligħ fuq l-investiment tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni taħseb li l-miżura tista’ tiġi aġġustata għar-rekwiżiti tal-Linji Gwida KR billi jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3 hawn taħt jiġu ssodisfati.

7.3.   Kompatibbiltà mas-suq komuni

(105)

Il-miżura dwar it-taxxa tal-kummerċ u l-miżura dwar it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva, li jistgħu jiffavorixxu lill-KKR, qegħdin jiksru r-regoli tas-suq komuni, b’mod partikolari fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 tat-Trattat KE (ara l-punt 3.5).

(106)

Skont il-Ġermanja, il-MoRaKG fih regoli dettaljati dwar l-istruttura u l-attivitajiet ta’ negozju tal-KKR. Dawn jinkludu b’mod partikolari regolamenti dwar tipi ta’ tranżazzjonijiet u l-politika ta’ investiment tal-KKR, il-kwistjoni tal-integrazzjoni tagħhom fi strutturi ta’ gruppi u d-denominazzjoni minima ta’ investimenti f’tali kumpaniji. Dawn ir-regolamenti sejrin japplikaw għall-KKR kollha. Fil-każ tal-istabbilimenti Ġermaniżi permanenti ta’ kumpaniji ta’ investiment barranin, mhuwiex possibbli li jiġi ggarantit li l-kumpanija sħiħa sejra tikkonforma mar-regolamenti. Rikonoxximent limitat biss tal-istabbiliment Ġermaniż permanenti jista’ jagħti l-possibbiltà li r-regoli jiġu evitati u għalhekk, de facto, invalidati. Regolaturi tas-suq finanzjarju jimmonitorjaw l-impriżi fi ħdan l-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom stess skont ir-regolamenti nazzjonali tagħhom stess, li proporzjon sinifikanti tagħhom huwa armonizzat mal-liġi tal-UE. Fil-qasam tal-iffinanzjar tal-kapital ta’ riskju, madankollu, ir-regolamenti ta’ sorveljanza mhumiex armonizzati mal-liġi tal-UE b’dan il-mod.

(107)

Id-dubji tal-Kummissjoni ma tneħħewx. L-ewwel nett, il-kumpaniji tal-KE u taż-ŻEE b’domiċilju legali (Sitz) ‘il barra mill-Ġermanja u stabbiliment tan-negozju permanenti fil-Ġermanja għandhom fil-prinċipju jkunu eliġibbli meta jkunu jistgħu juru li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-iskemi ta’ għajnuna u mar-regoli dwar l-istruttura u l-attivitajiet tan-negozju tal-KKR (jekk wieħed jassumi li huma kompatibbli mat-Trattat KE). L-argument li BaFin mhuwiex f’pożizzjoni li jissorvelja dawn il-kumpaniji ma jimplikax neċessarjament li jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġ kompetittiv fuq kumpaniji li huma stabbiliti fil-Ġermanja, u lanqas li ma jikkonformawx de facto mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-iskemi ta’ għajnuna u mar-regoli dwar l-istruttura u l-attivitajiet tan-negozju tal-KKR. Għalhekk dan l-argument mhuwiex biżżejjed per se biex jidderoga minn regola fundamentali tat-Trattat KE.

(108)

Fil-qosor, jidher li l-Ġermanja tista’ tasal għall-istess objettiv billi tuża inqas mezzi diskriminatorji (22). Il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-iskemi ta’ għajnuna tista’ tiġi vverifikata, pereżempju permezz ta’ sottomissjoni volontarja għal eżaminazzjoni mill-BaFin, permezz ta’ konfermi mill-awtorità ta’ sorveljanza barranija jew permezz ta’ rapporti ta’ verifika indipendenti. Il-Ġermanja għandha tagħti lill-kumpaniji barranin bi stabbiliment permanenti fil-Ġermanja l-possibbiltà li juru li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-iskemi ta’ għajnuna u mar-regoli dwar l-istruttura u l-attivitajiet tan-negozju tal-KKR.

(109)

Għalhekk, il-Kummissjoni taħseb li l-miżura dwar it-taxxa tal-kummerċ u l-miżura dwar it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva mhumiex kompatibbli mas-suq komuni għaliex ifixklu l-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 tat-Trattat KE.

8.   KONKLUŻJONI

(110)

Il-Kummissjoni temmen li l-miżura ta’ għajnuna dwar il-ħlas tat-taxxa tal-kummerċ għall-KKR mhijiex kompatibbli mat-Trattat KE.

(111)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura ta’ għajnuna dwar it-trasferiment tat-telf għas-sena suċċessiva għal ID akkwistati minn KKR mhijiex kompatibbli mat-Trattat KE.

(112)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura dwar il-benefiċċji fiskali għal investituri privati tista’ ssir kompatibbli mat-Trattat KE taħt il-kundizzjonijiet elenkati hawn taħt fl-Artikolu 3,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja qiegħda tippjana li timplimenta taħt l-Artikolu 1 Sezzjoni 19 u l-Artikolu 4 tal-Abbozz biex Jimmodernizza l-Kundizzjonjiet Ġenerali tal-Investimenti Kapitali (MoRaKG) mhumiex kompatibbli mas-suq komuni.

Dawn l-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat għalhekk ma jistgħux jiġu implimentati.

Artikolu 2

L-iskema ta’ għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja qiegħda tippjana li timplimenta taħt l-Artikolu 1 Sezzjoni 20 tal-MoRaKG hija kompatibbli mas-suq komuni, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 3

L-iskema ta’ għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 1 Sezzjoni 20 tal-MoRaKG għandha tiġi aġġustata sabiex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

id-definizzjoni ta’ impriżi destinatarji għandha tiġi limitata għall-impriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs) kif definit fl-Anness I tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (23);

id-definizzjoni ta’ impriżi destinatarji għandha teskludi l-kumpaniji f’diffikultà u l-kumpaniji mill-industrija tal-bini ta’ bastimenti, tal-faħam u tal-azzar;

is-serje massima ta’ investimenti m’għandhiex taqbeż EUR 1.5 miljun għal kull SME destinatarja fuq kull perijodu ta’ tnax-il xhar u għandha tiġi ristretta għall-finanzjament inizjali (seed financing), il-finanzjament ta’ bidu (start-up) u l-finanzjament ta’ espansjoni;

Il-Ġermanja għandha tiżviluppa mekkaniżmu biex tiżgura li l-miżura tikkonforma mar-regoli ta’ kumulazzjoni u rappurtar stabbilit fil-Kapitolu 6 u fil-punt 7.1 tal-Linji Gwida KR;

l-akkwist ta’ ishma eżistenti (kapitali ta’ sostituzzjoni) f’SME destinatarja għandu jiġi eskluż;

m’għandux ikun hemm rekwiżiti speċjali fir-rigward tal-forma legali tal-impriża destinatarja.

Artikolu 4

Il-Ġermanja għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżoni, bil-miżuri li ttieħdu biex wieħed jikkonforma magħha.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 60, 14.3.2009, p. 9.

(2)  Ara in-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(3)  Il-kumpaniji tal-investiment tal-ekwità huma rreġistrati mal-Awtorità Federali Suprema tal-Istat (Oberste Landesbehörde). Taħt din ir-reġistrazzjoni, tali kumpaniji jistgħu jagħmlu kull tip ta’ investiment privat tal-ekwità.

(4)  Il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna tal-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà; ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(5)  Trattament tat-taxxa fuq id-dħul tal-kapital b’riskju u l-fondi tal-ekwità privati; delimitazzjoni tal-amministrazzjoni tal-kapital privat; ittra mill-BMF tal-20 ta’ Novembru 2003, Gazzetta Fiskali Federali (Bundessteuerblatt – BStBl) 2004, Parti I, Nru. 1, paġna 40.

(6)  BStBl II 2001, p. 809.

(7)  Il-fond ma jistax iżomm organizzazzjoni separata estensiva biex jimmaniġġja l-fond tal-portafoll. Jekk il-fond iħaddem uffiċċju separat, dan ma jagħmilx ħsara bil-kundizzjoni li l-uffiċċju ma jintużax aktar minn dak li jeħtieġ patrimonju privat kbir.

(8)  Infezzjoni kummerċjali, imsejħa kwalifikazzjoni mill-ġdid tad-dħul (Abfärbetheorie), isseħħ, pereżempju, jekk entità li tkun eżentata mit-taxxa tal-kummerċ tibda attività kummerċjali oħra, li min-naħa tagħha kkawżat kontaminazzjoni bir-riżultat li l-entità sħiħa jkollha tħallas it-taxxa tal-kummerċ, anke jekk l-attività kummerċjali rrappreżentat parti żgħira tal-attività globali.

(9)  Attività kummerċjali hija ddefinita bħala attività indipendenti twila li hija eżerċitata bl-għan li jsir qligħ (mhux passatemp) u tista’ tiġi kkaratterizzata bħala parteċipazzjoni fi tranżazzjonijiet ekonomiċi ġenerali (li hija aktar minn servizzi magħmula għall-familja jew għall-ħbieb) u mhija la attività agrikola u lanqas professjoni (avukat, tabib, artist jew għalliem). L-amministrazzjoni tal-assi hija ddefinita bħala attività li hija karatterizzata bl-użu tal-assi fis-sens ta’ ġbir tal-benefiċċji minn valuri intrinsiċi li għandhom jinżammu u fejn l-użu ta’ assi sustanzjali permezz tal-allokazzjoni mill-ġdid ma jingħatax prijorità definita. Il-karatterizzazzjoni bħala attività kummerċjali jew immaniġġjar tal-assi għandha importanza partikolari għall-investimenti f’garanziji jew bini. Jekk ikun hemm dħul kummerċjali, il-qligħ kapitali kollu jkun taxxabbli u soġġett għat-taxxa tal-kummerċ ukoll. Meta l-attività tkun purament amministrazzjoni tal-assi (Vermögensverwaltung), id-dħul mid-diversi sorsi jkun taxxabbli, iżda bejgħ possibbli tas-sors sottostanti jista’ jiġi eżentat mit-taxxa tal-qligħ kapitali (u mit-taxxa tal-kummerċ ukoll).

(10)  Fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Att tal-Investiment.

(11)  Fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Att tal-Investiment.

(12)  ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3.

(13)  Il-fatt li vantaġġ fiskali lill-individwi li qegħdin jinvestu f’ċerti kumpaniji jista’ jirrappreżenta għajnuna għal dawn il-kumpaniji ġie kkonfermat mill-Qorti (ara l-Kawża C-156/98, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, ĠABRA [2000], ECR I-6857).

(14)  ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.

(15)  Id-definizzjoni ta’ ID fl-MoRaKG ma’ taqbilx mad-definizzjoni tal-SME tal-UE. Pereżempju, rigward il-kundizzjoni li ID għandu jkollha, fiż-żmien meta l-parteċipazzjoni tiġi akkwistata minn KRR, kapital proprju ta’ mhux aktar minn EUR 20 miljun, il-Kummissjoni tinnota dan li ġej: it-total tal-karta tal-bilanċ huwa ugwali għas-somma tal-kapital proprju u d-debiti. Id-debiti normalment jirrappreżentaw ammont ħafna aktar għoli mill-kapital proprju. Għalhekk, il-limitu tat-total tal-karta tal-bilanċ għall-SMEs ta’ EUR 43 miljun jinqabeż faċilment. Barra minn hekk, il-limitu ta’ 250 fuq l-għadd ta’ persuni u EUR 50 miljun fuq il-fatturat mhumiex inklużi fid-definizzjoni tal-ID.

(16)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat tal-Finanzi Bundestag, BT-Drucks. 16/9829, p. 5 et seq.: “Għall-interpretazzjoni tar-regolament legali, l-ordni preċedenti tibqa’ tapplika b’mod sussidjarju” (“zur Auslegung der gesetzlichen Regelung bleibe deshalb der bisherige Verwaltungserlass ergänzend anwendbar”).

(17)  Huwa estremament diffiċli li wieħed jistabbilixxi ex ante d-differenza bejn l-ammont/kundizzjonijiet li taħthom kien ikun disponibbli kapital fin-nuqqas tal-miżura u l-ammont/kundizzjonijiet li rriżultaw mill-miżura.

(18)  Kawża C-156/98, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, Ġabra [2000], I-6857, ECR punt 64: “Bħala punt preliminari, wieħed għandu jiftakar li, bħal ma ġie nnotat fil-paragrafu 30 hawn fuq, l-iskema tal-għajnuna inkwistjoni għandha titqies bħala waħda li tagħti għajnuna operattiva lill-impriżi benefiċjarji …” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

(19)  ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.

(20)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(21)  ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5-10.

(22)  Pereżempju fl-għajnuna mill-Istat N 629/07 (ĠU C 206, 1.9.2009, p. 1), l-awtoritajiet Franċiżi pprevedew għall-possibbiltà li jagħtu għajnuna wkoll lil strutturi ta’ investiment barranin li huma ekwivalenti għall-istrutturi bbażati fi Franza mmirati mill-għajnuna li qegħdin jiġu eżaminati f’dak il-każ. Għall-istess punt, ara l-każ ta’ għajnuna mill-Istat N 36/09 (ĠU C 186, 8.8.2009, p. 3).

(23)  Ara in-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.


Top