This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019IR4601
Opinion of the European Committee of the Regions — Stepping up EU action to protect and restore the world’s forests
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE għall-protezzjoni u għar-restawr tal-foresti tad-dinja
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE għall-protezzjoni u għar-restawr tal-foresti tad-dinja
COR 2019/04601
ĠU C 324, 1.10.2020, p. 48–52
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
1.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 324/48 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE għall-protezzjoni u għar-restawr tal-foresti tad-dinja
(2020/C 324/08)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
1. |
jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea għat-tisħiħ tal-isforzi għall-protezzjoni u għar-restawr tal-foresti tad-dinja; jinnota b’dispjaċir il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-proposti mressqa; |
2. |
jirrikonoxxi l-isforzi tal-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar deċennji biex iżżid l-ammont ta’ art mgħottija b’foresti permezz ta’ programmi estiżi ta’ afforestazzjoni, u bis-saħħa ta’ leġislazzjonijiet stretti tal-Istati Membri dwar il-foresti li jiżguraw riforestazzjoni u tkabbir mill-ġdid naturali; jinsab imħasseb, madankollu, bir-rata allarmanti ta’ degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja, speċjalment foresti primarji, li jinkludu kemm foresti intatti kif ukoll foresti ġestiti (1); |
3. |
jenfasizza l-importanza tal-foresti primarji bħala hotspots tal-bijodiversità li jipprovdu servizzi tal-ekosistema li jikkontribwixxu għas-saħħa tal-bniedem (użu farmaċewtiku, nutrizzjoni, pjanti mediċinali), għall-inklużjoni soċjali (saħħa mentali, promozzjoni tal-impjieg f’żoni rurali, ekoturiżmu, eċċ.), kif ukoll ir-rwol ewlieni tagħhom biex l-ambjent jiġi protett mid-deżertifikazzjoni, l-għargħar, id-degradazzjoni tal-istruttura idroġeoloġika, l-erożjoni tal-ħamrija, it-temp estrem, it-tnaqqis fix-xita, l-arja mniġġsa, eċċ.; jirrikonoxxi wkoll li l-foresti ġestiti b’mod sostenibbli, imkabbra mill-bniedem kif ukoll foresti indiġeni maturi jikkontribwixxu għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità; |
4. |
jirrikonoxxi li d-deforestazzjoni huwa fenomenu kumpless ħafna b’fatturi multipli warajh, prinċipalment fosthom domanda dejjem akbar minn popolazzjoni globali li qed tikber għal ikel, għalf, bijoenerġija, injam u komoditajiet oħra; jenfasizza li d-deforestazzjoni hija t-tieni l-akbar sors ta’ emissjonijiet antropoġeniċi ta’ gassijiet serra li ġejjin mill-bniedem u fattur ewlieni wara t-telfien tal-bijodiversità (2); |
5. |
jenfasizza li l-prevenzjoni tat-telf tal-foresti jista’ jkollha diversi benefiċċji għan-nies u għall-ekosistemi inkluż il-konservazzjoni tal-bijodiversità, tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz tal-assorbiment tal-karbonju — waħda mill-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima l-aktar effettivi – il-provvista ta’ servizzi tal-ekosistemi li jistgħu jixprunaw it-tkabbir sostenibbli u bioekonomija tal-foresti ġdida bbażati fuq l-użu razzjonali u sostenibbli tar-riżorsi; |
6. |
jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu miżuri regolatorji u rakkomandazzjonijiet maħsuba biex jissodisfaw id-diverġenzi nazzjonali, reġjonali u lokali speċifiċi sabiex jiġu miġġielda b’mod effettiv il-forom kollha ta’ deforestazzjoni u degradazzjoni tal-ekosistemi tal-foresti oriġinali li jipprovdu stokk tal-karbonju u l-bijodiversità, filwaqt li jipprovdu wkoll il-finanzjament adegwat; |
7. |
jenfasizza li r-restawr tal-foresti, b’mod partikolari fl-iżjed reġjuni deforestati tal-Ewropa, għadu fost l-aktar strateġiji effettivi għall-adattament u l-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima; f’dan ir-rigward, l-espansjoni tas-sistemi agroforestali, permezz tat-tħawwil ta’ siġar fl-art ikkultivata u l-mergħat, jista’ jkollha rwol dejjem aktar importanti; |
8. |
jitlob koerenza tal-politiki sabiex l-isforzi, l-għanijiet u l-eżiti tal-politiki differenti, inkluża l-Politika Agrikola Komuni (PAK) il-ġdida, l-impenji internazzjonali tal-UE, jiġifieri l-Istrateġija Ewropea għall-Bijodiversità sal-2030, l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, il-politika kummerċjali tagħha u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, jiġu allinjati fi strateġija komprensiva dwar is-sostenibbiltà b’għanijiet u miżuri ta’ implimentazzjoni ċari, u li tqis kif xieraq il-bilanċ soċjali, ekonomiku u ambjentali; |
Prijorità 1: It-tnaqqis tal-impronta tal-konsum tal-UE fuq l-art u l-garanzija tal-konsum ta’ prodotti minn ktajjen ta’ provvista li ma jinvolvux deforestazzjoni fl-UE
9. |
jenfasizza li l-UE għandha tiggarantixxi l-konsum ta’ prodotti minn ktajjen ta’ provvista li ma jinvolvux deforestazzjoni li mhumiex fl-UE bħala punt ċentrali fil-proċess tal-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja; jistieden lill-UE tpoġġi lill-konsumaturi fil-qalba tal-proċess biex b’hekk jiġu influwenzati s-swieq li jiddependu fuq il-konverżjoni problematika ta’ foresti primarji biex jipproduċu prodotti li jintużaw ħafna bħal kafè, kawkaw, żejt tal-palm u bhejjem; |
10. |
jiġbed l-attenzjoni għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u qerda tal-ambjent fi ktajjen tal-provvista ta’ prodotti differenti (eż. fażola tas-sojja, żejt tal-palm, zokkor, kawkaw, laħam taċ-ċanga, materja prima għal bijokarburanti eċċ.), u jenfasizza li l-inizjattivi volontarji tas-settur privat u tal-industrija finanzjarja s’issa ma kinux biżżejjed biex iwaqqfu jew ireġġgħu l-proċess tad-deforestazzjoni globali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħmel obbligatorja l-konformità mal-istandards ambjentali u mad-Diliġenza Dovuta (3) fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem; |
11. |
jiġbed l-attenzjoni li n-nirien fil-foresti jirrappreżentaw it-theddida ewlenija għall-konservazzjoni tal-ekosistemi tal-foresti f’ħafna Stati Membri u reġjuni tal-UE. Huwa kruċjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu ffaċilitati biex itejbu aktar ir-reżiljenza tagħhom għad-diżastri, meta wieħed iqis li huma dawk li jagħtu l-ewwel rispons. It-trażżin tad-diżastri permezz ta’ azzjonijiet tal-komunitajiet lokali huwa l-aktar mod rapidu u effettiv kif tista’ tiġi limitata l-ħsara kkawżata min-nirien fil-foresti; |
12. |
jistieden lill-Kummissjoni tieħu varjetà ta’ azzjonijiet biex tinċentiva l-involviment attiv tal-konsumaturi fl-għażla, fil-promozzjoni u fl-użu ta’ oġġetti aktar sostenibbli, inkluż, iżda mhux limitat għall-istabbiliment ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-UE speċifiċi għal prodotti li ma jinvolvux deforestazzjoni, l-integrazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni diġà disponibbli għal prodotti bbażati fuq il-foresti li tinkludi kemm il-Ġestjoni tal-Foresti kif ukoll il-Katina tal-Kustodja (4) f’valutazzjoni aktar komprensiva, li tapplika wkoll għal prodotti li mhumiex ibbażati fuq il-foresti, li jinkludu: ġestjoni tal-foresti sostenibbli; sistemi ta’ gestjoni u produzzjoni tal-foresti bbażati fuq inqas użu ta’ riżorsi naturali (eż. ilma), sustanzi kimiċi (eż. pestiċidi) u enerġija (karburanti fossili u l-enerġija b’mod ġenerali); aspetti li ma jinvolvux id-deforestazzjoni fil-produzzjoni ta’ prodotti li mhumiex ibbażati fuq il-foresti; il-promozzjoni ta’ prodotti b’impronta tat-trasport limitata (eż. ditta taż-żona, marka tal-karbonju); u valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) ta’ prodotti li jikkwantifikaw l-impatt ambjentali tagħhom u biex ikun jista’ jsir it-tqabbil tal-prestazzjoni ambjentali tagħhom; |
13. |
jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam permezz tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-pjan ta’ ħidma tal-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT) 2018-2022, b’mod partikolari billi tiġi msaħħa l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam; |
14. |
jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-komunikazzjoni u l-promozzjoni ta’ prodotti li ġejjin minn forestrija sostenibbli mal-konsumaturi billi tiżvuluppa tikketta speċifika li tindika r-rata ta’ deforestazzjoni ta’ prodott u ttejjeb/tintegra l-bażi tad-data/sistemi ta’ informazzjoni Ewropej li huma diġà disponibbli (eż. il-bażi tad-data tal-Ekotikketta) bi prodotti li ma jinvolvux deforestazzjoni li għandhom ikunu faċli biex jintgħarfu; |
15. |
jistieden lill-Kummissjoni tibda proċeduri biex tivverifika l-preċiżjoni tal-informazzjoni u l-valutazzjonijiet miġbura fis-sistema tal-informazzjoni Ewropea sabiex ittejjeb il-fiduċja fl-informazzjoni mogħtija, inklużi rekwiżiti stretti ta’ traċċabbiltà li jiggarantixxu l-oriġini tal-prodotti, u sistemi aktar b’saħħithom ta’ monitoraġġ u infurzar sabiex ikunu ta’ għajnuna biex jiġu evitati l-frodi u t-tikkettar qarrieqi tal-prodotti; jissuġġerixxi li jiġu kkunsidrati politiki ta’ provvista oħra, b’mod partikolari f’pajjiżi b’rata għolja ta’ deforestazzjoni u kopertura baxxa ta’ ċertifikazzjoni u/jew rata għolja ta’ qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, eż. obbligu li jiġu pprovduti provi li l-provvista tal-prodotti kienet waħda sostenibbli, inkluża dokumentazzjoni ta’ kummerċ fil-materjali bejn l-operaturi, u informazzjoni dwar il-politiki tal-akkwist tal-partijiet kollha fil-katina tal-provvista; |
16. |
iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE jmexxu bl-eżempju billi jimmodifikaw l-imġiba, l-akkwisti u l-kuntratti ta’ qafas tagħhom lejn l-użu ta’ prodotti mill-forestrija sostenibbli; jistieden, barra minn hekk, lill-persunal u lill-membri tiegħu jikkumpensaw l-emissjonijiet tal-karbonju marbuta mat-titjiriet tagħhom relatati mal-KtR billi jappoġġjaw finanzjarjament proġetti ta’ forestrija sostenibbli; |
17. |
jenfasizza li l-akkwist pubbliku, li jirrappreżenta madwar 14 % tal-PDG fl-UE, joffri xprun potenzjalment b’saħħtu biex jiġu żgurati kuntratti ta’ provvista ta’ prodotti aktar sostenibbli għall-akkwist ta’ xogħol, oġġetti jew servizzi minn kumpaniji. Għal dan l-għan, l-introduzzjoni, fid-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku, ta’ projbizzjoni fuq l-akkwist pubbliku ta’ prodotti li ġejjin mid-deforestazzjoni tista’ twassal għal impatti pożittivi rilevanti fuq il-promozzjoni ta’ prodotti li ma jinvolvux deforestazzjoni; |
18. |
jinnota li l-promozzjoni ta’ bidla fl-imġiba tal-konsumaturi lejn dieti bbażati fuq il-pjanti li huma aktar tajbin għas-saħħa b’konsum għoli ta’ frott u ħaxix (li għandhom ikunu ċċertifikati li ma jinvolvux deforestazzjoni), u b’hekk inaqqsu l-konsum globali tal-laħam, tista’ tippromovi u tippreserva s-saħħa taċ-ċittadini u tal-pjaneta f’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Bliet C40 dwar Ikel Tajjeb (5); din il-bidla trid tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” li tippromovi konsum, kemm jista’ jkun, lokali u sostenibbli fir-rigward tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem; |
19. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib sinerġiji u rabtiet ma’ proġetti u inizjattivi li għaddejjin bħalissa u li huma relatati mal-ħolqien ta’ foresti urbani jew peri-urbani u kurituri ekoloġiċi fil-livell sottonazzjonali, nazzjonali u Ewropew kif ukoll barra mill-Ewropa; jinnota li dawn l-inizjattivi għandhom ħafna benefiċċji ambjentali u soċjali (servizzi tal-ekosistema) għal nies li jgħixu fil-bliet konnessi, li jinkludu arja nadifa, regolazzjoni tal-fluss tal-ilma, protezzjoni tal-ħamrija mill-erożjoni mill-ilma u mir-riħ, restawr ta’ art degradata, reżiljenza għad-diżastri u għat-tibdil fil-klima, temperaturi ta’ matul il-jum fis-sajf aktar baxxi, provvista ta’ ikel, bijodiversità urbana akbar, saħħa fiżika u mentali aħjar, iż-żieda fil-valur tal-proprjetà, eċċ.; |
20. |
jitlob l-involviment taċ-ċittadini Ewropej u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tal-atturi kummerċjali u tal-partijiet interessati li jbigħu l-prodotti tagħhom fis-suq Ewropew (eż. kumpaniji multinazzjonali) f’dawn l-attivitajiet; jinnota r-rwol tagħhom fil-protezzjoni tal-foresti u l-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza fir-rapportar korporattiv tagħhom dwar responsabbiltajiet soċjali u ambjentali (f’konformità mad-Direttiva 2014/95/UE); |
Prijorità 2: Ħidma fi sħubija ma’ pajjiżi prodotturi biex jitnaqqsu l-piżijiet fuq il-foresti u biex il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tiġi protetta mid-deforestazzjoni, u Prijorità 3: Tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali biex jitwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u jiġi mħeġġeġ ir-restawr tal-foresti;
21. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-deforestazzjoni tiġri l-aktar f’pajjiżi li mhumiex fl-UE. Ħafna mill-injam prodott f'dawn il-pajjiżi jiġi kkunsmat lokalment, u madankollu l-adozzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-injam għadha baxxa, peress li l-ispiża għall-kisba taċ-ċertifikazzjoni hija għolja wisq, b’mod partikolari għall-azjendi agrikoli ż-żgħar, li qed jikkompetu wkoll ma' injam konvenzjonali orħos jew saħansitra maħsud illegalment. B’mod simili, jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali għall-mod li bih għandhom jiġu ċċertifikati l-prodotti bbażati fuq il-foresti, bħall-gomma naturali, li huma prodotti minn numru kbir ta’ bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar; |
22. |
jitlob titjib fl-edukazzjoni ambjentali f’pajjiżi li qed jiżviluppaw fejn jinsabu l-foresti primarji bħala aspett ewlieni fis-sensibilizzazzjoni f’dawn il-pajjiżi dwar l-importanza tar-riżorsi ambjentali tagħhom stess; jinnota li l-involviment dirett taċ-ċittadini f’dawn l-inizjattivi edukattivi ambjentali jista’ jġib ħafna benefiċċji, bħal:
|
23. |
jinnota li l-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra l-possibbiltà li tipproponi li l-foresti primarji jkunu siti ta’ patrimonju tal-UNESCO sabiex tgħin tipproteġihom mid-deforestazzjoni u żżid il-possibbiltà li tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku għall-protezzjoni tagħhom; |
24. |
jenfasizza li, flimkien mal-multifunzjonalità, il-bijodiversità hija tema ewlenija oħra li għandha titqies meta jiġi diskuss il-qafas tal-politika tal-UE dwar il-forestrija; jinnota li kull darba li sseħħ id-deforestazzjoni u tiġi eliminata foresta primarja jew indiġena matura, ikun hemm telf ta’ bijodiversità li diffiċli tinġieb lura peress li ż-żona tkun ġiet degradata ħafna; |
25. |
jilqa’ b’sodisfazzjon l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 li ssaħħaħ il-livell ta’ ambizzjoni tal-UE li tmexxi azzjonijiet biex ittemm ħesrem it-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistemi fl-Ewropa kollha, u tippożizzjoni lill-UE bħala l-mexxejja fid-dinja fl-indirizzar tal-kriżi globali tal-bijodiversità, inkluż, pereżempju, billi jiġu stabbiliti żoni protetti għal mill-inqas 30 % tal-art; billi jiġu introdotti miri legalment vinkolanti fil-livell tal-UE marbutin mar-restawr tan-natura, u jkun hemm protezzjoni iżjed stretta tal-foresti li għad fadal fl-UE, kemm dawk primarji kif ukoll dawk primordjali; billi tiġi implimentata l-ġestjoni sostenibbli ta’ foresti sekondarji (6); u billi jiġu restawrati l-ekosistemi degradati fl-art permezz tar-restawr tal-foresti, il-ħamrija u l-artijiet mistagħdra u l-ħolqien ta’ spazji ħodor fil-bliet; |
26. |
jitlob sforzi ħafna akbar biex jintlaħqu l-miri relatati mal-forestrija fl-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u biex jintlaħaq qbil dwar qafas politiku ambizzjuż għal wara l-2020 dwar il-bijodiversità globali li għandu jiġi adottat fil-15-il Konferenza li jmiss tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (UN CBD COP 15), kif ukoll abbażi tal-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġija sal-2020; |
27. |
jinsisti li l-ftehimiet kummerċjali jiġu vvalutati fid-dawl tal-objettiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jkunu bbażati fuq l-iżvilupp sostenibbli; jitlob li jissaħħu l-kapitoli tagħhom dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-ġlieda kontra d-deforestazzjoni, u li d-deforestazzjoni tiġi integrata fil-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali; F’dan ir-rigward, billi d-deforestazzjoni fl-Amażonja tal-Brażil laħqet livelli rekord b’qabża ta’ 84 fil-mija f’nirien fil-foresti pluvjali (7), jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jissospendu r-ratifika tal-UE-Mercosur sakemm il-gvern Brażiljan ma jreġġax din it-tendenza; |
28. |
jitlob kontribut akbar tal-forestrija attiva, adattiva u parteċipattiva fl-Istrateġija tal-UE għall-Forestrija ta’ wara l-2020 rigward iż-żamma u t-tisħiħ tal-bijodiversità, u b’hekk il-kisba sħiħa tal-benefiċċji li jistgħu jġibu l-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema. Dawn l-attivitajiet u l-isforzi kollha għandhom jikkontribwixxu għal, u jippromovu, politika globali dwar il-bijodiversità li tkun aktar ambizzjuża fejn l-Ewropa tħeġġeġ li jkun hemm tmexxija responsabbli; |
Prijorità 4: Jiġu allokati mill-ġdid il-finanzi biex jappoġġjaw prattiki tal-użu tal-art aktar sostenibbli, u Prijorità 5: Tiġi appoġġjata d-disponibbiltà ta’, il-kwalità ta’, u l-aċċess għal informazzjoni dwar il-foresti u l-ktajjen ta’ provvista ta’ komoditajiet. Appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni
29. |
jenfasizza li l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ mill-Kummissjoni biex jiġu protetti u rrestawrati l-foresti fl-UE u madwar id-dinja għandhom jiġu kkomunikati b’mod wiesa’ liċ-ċittadini Ewropej ħalli jiżdied l-appoġġ għal dawn il-miżuri u l-effettività tagħhom; |
30. |
jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf bażi tad-data Ewropea li tiġbor fiha proġetti li diġà saru u li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u pajjiżi terzi kif ukoll proġetti bilaterali bejn Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi sabiex jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq il-foresti tad-dinja; jenfasizza l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti; |
31. |
iħeġġeġ lill-UE tniedi strateġija ta’ “Industrijalizzazzjoni, Diġitalizzazzjoni u Dekarbonizzazzjoni” (IDD) għall-promozzjoni ta’ materjali ekoloġiċi ta’ sostituzzjoni b’bażi tal-injam, li l-oriġini u l-marka tal-karbonju tagħhom tiġi kkomunikata lill-konsumaturi, u tagħti inċentiv għaċ-ċertifikazzjoni ta’ ekomaterjali ħielsa mid-deforestazzjoni, u b’hekk jissaħħaħ l-użu tagħhom f’setturi bħall-kostruzzjoni, it-tessuti, il-prodotti kimiċi jew l-industrija tal-imballaġġ; |
32. |
jistieden lill-UE tkompli tiżviluppa programmi ta’ riċerka u monitoraġġ bħal Copernicus, il-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja u programmi oħra ta’ monitoraġġ sabiex tiġi ssorveljata l-katina tal-provvista ta’ komoditajiet ħalli jkunu jistgħu jiġu identifikati u jingħataw twissijiet bikrin dwar prodotti li kkawżaw deforestazzjoni jew degradazzjoni ambjentali matul il-fażi tal-produzzjoni tagħhom; |
33. |
jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Forestrija fid-dawl tal-importanza tal-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja. |
Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Apostolos TZITZIKOSTAS
(1) https:/ /www.cbd.int/forest/definitions.shtml
(2) https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0959378018314365#fig0005
(3) Ġeneralment, il-kunċett tad-Diliġenza Dovuta fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem jinftiehem bħala mezz li bih il-kumpaniji jistgħu jidentifikaw, jipprevjenu, jimmitigaw u jwieġbu għall-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem li jħallu l-attivitajiet tagħhom jew dawk marbuta mar-relazzjonijiet tan-negozju tagħhom. https://corporatejustice.org/priorities/13-human-rights-due-diligence
(4) eż. Forest Stewardship Council® (FSC®), Programme for the Endorsement of Forest Certification TM (PEFCTM), eċċ.
(5) Skont id-Dikjarazzjoni tal-Bliet C40 dwar Ikel Tajjeb, il-bliet jimpenjaw li: jallinjaw il-politiki dwar l-akkwist tal-ikel tagħhom mal-Planetary Health Diet (Dieta tajba għall-Pjaneta), idealment billi jkun ġej minn agrikoltura organika, jappoġġjaw żieda globali fil-konsum ta’ ikel tajjeb għas-saħħa bbażat fuq il-pjanti fil-bliet tagħna billi ssir bidla minn dieti li mhumiex sostenibbli u mhumiex tajbin għas-saħħa https://www.c40.org/press_releases/good-food-cities
(6) https:/ /www.cbd.int/forest/definitions.shtml.
(7) Istitut Nazzjonali Brażiljan għar-Riċerka Spazjali, 2019.