This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012IE1304
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘The 2011 monitoring report on the EU's sustainable development strategy: the EESC evaluation’ (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewopew dwar “Ir-rapport ta’ monitoraġġ għall-2011 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli: il-valutazzjoni tal-KESE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewopew dwar “Ir-rapport ta’ monitoraġġ għall-2011 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli: il-valutazzjoni tal-KESE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
ĠU C 229, 31.7.2012, p. 18–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
31.7.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 229/18 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewopew dwar “Ir-rapport ta’ monitoraġġ għall-2011 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli: il-valutazzjoni tal-KESE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2012/C 229/04
Relatur: is-Sur PALMIERI
Nhar il-25 ta’ Ottubru 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Ir-rapport ta’ monitoraġġ għall-2011 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli: il-valutazzjoni tal-KESE
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Mejju 2012.
Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u 24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’138 vot favur, 9 voti kontra u 12-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE huwa tal-fehma li r-rapport ta’ monitoraġġ tal-Eurostat (2011 monitoring report of the EU sustainable development strategy) huwa strument utli u importanti biex:
— |
jittieħed kont tal-progress li sar s’issa fid-direzzjoni tal-objettivi u l-miri tal-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli Ewropea; |
— |
jiġu riveduti u pperfezjonati l-objettivi, l-azzjonijiet u l-miżuri tal-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli tal-UE, kif ukoll jiġu rfinati l-metodoloġiji u l-istrumenti ta’ kejl tal-iżvilupp sostenibbli utilizzati attwalment; |
— |
jiġu affrontati l-isfidi ġodda li jinqalgħu, b’mod partikolari fid-dawl tal-effetti fuq l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli maħluqa mill-kriżi ekonomika u finanzjarja globali. |
1.2 F’dan ir-rigward, il-KESE jiddispjaċih li ma jeżistix rapport tal-Kummissjoni dwar il-progess fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli fl-UE u jisħaq biex il-Kummissjoni u tal-Istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jirreaġixxu għar-riżultati tar-rapport tal-Eurostat, bħala parti integrali ta’ din l-istrateġija u strument fundamentali għal valutazzjoni politika tal-miżuri implimentati s’issa u biex jiġu definiti d-direzzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-ġejjieni.
1.3 Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li huwa meħtieġ impenn politiku aktar effettiv sabiex jitwettqu l-objettivi tal-Istrateġija, billi jingħata bidu proprju lill-isforzi meħtieġa għal kejl korrett tal-istat tal-iżvilupp sostenibbli, li jimplika valutazzjoni tal-karattru kemm xjentifiku kif ukoll politiku f’termini ta’ effikaċja tal-miżuri ta’ politika żviluppati biex jappoġġjaw is-sostenibbiltà.
1.4 Għal dan il-għan, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iġedded l-istedina biex jitqiesu l-istimoli u r-riflessjonijiet maturati dwar dawn it-temi fl-ambitu tal-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli tiegħu, bil-għan li tingħata vuċi lis-soċjetà ċivili. It-transizzjoni lejn mudell ta’ żvilupp aktar sostenibbli tista’ tkun effettiva biss jekk jiġu attivati proċessi demokratiċi li jsostnu l-għarfien u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni, permezz tal-iżvilupp ta’ strutturi ta’ djalogu bejn is-soċjetà ċivili u l-politiċi responsabbli.
1.5 Il-KESE jenfasizza l-opportunità li jissaħħu r-rabtiet bejn l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli u l-inizjattivi l-oħra ta’ politika importanti tal-UE. Huwa l-karattru trasversali u pervażiv tal-kunċett ta’ sostenibbiltà tal-iżvilupp li jirrikjedi rabta mill-qrib mal-prijoritajiet ta’ politika emerġenti l-oħra kollha (l-ekwità soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u l-qgħad, il-ġustizzja soċjali, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-protezzjoni tan-natura, il-koeżjoni soċjali, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp).
1.5.1 Din l-esiġenza għall-interkonnessjoni bejn l-istrateġiji varji ta’ politika tal-UE tassumi importanza partikolari fil-fażi attwali tal-istorja. Il-konsegwenzi gravi li pprovokat il-kriżi ekonomika globali joħolqu l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-impatti li ġejjin mill-qagħda ekonomika dinjija attwali u l-iżvilupp ta’ strateġiji profondi u strutturati għal żvilupp sostenibbli fuq perjodu twil ta’ żmien.
1.5.2 B’mod partikolari, il-KESE jtenni l-ħtieġa għal kooperazzjoni u integrazzjoni aħjar bejn l-Istrateġija Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli u l-Istrateġija Ewropa 2020 b’tali mod li jkun garantit li l-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar ikunu effettivament orjentati lejn it-twettiq ta’ żvilupp sostenibbli akbar. L-analiżi u r-riċerka ta’ indikaturi ġodda jippermettu li tiġi valutata l-effettività tal-miżuri ta’ inkoraġġiment tal-mudelli ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli, kif ukoll li jiġi alimentat il-proċess ta’ monitoraġġ tal-Ewropa 2020.
1.6 Il-KESE jirrakkomanda t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-iżvilupp sostenibbli, speċjalment wara r-riperkussjonijiet soċjali ġġenerati mill-kriżi ekonomika – b’mod partikolari f’termini ta’ żieda fil-qgħad, fl-inugwaljanzi u r-riskju tal-esklużjoni soċjali – li jolqtu b’mod iktar qawwi lill-kategoriji aktar vulnerabbli u għandhom effett ta’ katina fit-tul fuq il-kundizzjoni tal-għajxien tal-persuni, li jillimitaw ukoll kemm tista’ tittieħed azzjoni favur il-ħarsien tal-ambjent.
1.7 Il-KESE jappoġġja bil-kbir il-promozzjoni ta’ żvilupp ekonomiku li jkun kapaċi jiggarantixxi t-tkabbir tal-ekonomija billi jiġu newtralizzati l-konsegwenzi negattivi għall-ambjent u li jqis il-prinċipji ewlenin tal-ekwità, il-kooperazzjon u l-ġustizzja soċjali (li huma l-bażi tal-istess kunċett tal-iżvilupp sostenibbli).
1.7.1 Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja l-kunċett ta’ tkabbir ekoloġiku u l-iżvilupp ta’ ekonomija ekoloġika li jitwettqu fil-qafas ta’ żvilupp sostenibbli fuq perjodu twil ta’ żmien, li jnaqqsu d-differenzi u l-inugwaljanzi tal-opportunitajiet fit-transizzjoni lejn mudell ta’ żvilupp b’użu baxx tal-karbonju (1).
1.7.2 Il-KESE, f’dan il-kuntest, jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-OIL (l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol) dwar l-impjiegi ekoloġiċi bil-kundizzjoni li fit-transizzjoni lejn ekonomija ekoloġika jiġu garantiti lill-ħaddiema kundizzjonijiet ta’ xogħol dinjitużi u xogħlijiet ta’ kwalità għolja, u b’hekk jiġi evitat li l-ekonomija ekoloġika toħloq mill-ġdid id-diviżjonijiet soċjali li seħħew f’fażijiet oħra ta’ trasformazzjoni.
1.8 Waqt it-transizzjoni lejn is-sostenibbiltà huwa fundamentali li jissaħħaħ l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod speċjali fil-qasam tal-enerġija, sabiex jiġi promoss mudell tal-iżvilupp li jkun jibbaża aktar fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jkun jiddependi inqas fuq il-konsum tal-karburanti fossili u jkompli jnaqqas l-intensità enerġetika tal-ekonomija, kif ukoll għall-impatti pożittivi possibbli fuq it-tkabbir u l-impjiegi bit-tnedija ta’ attivitajiet ġodda u l-promozzjoni tal-kompetittività tal-ekonomija.
1.9 Flimkien mal-kwalità tar-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika, it-taħriġ ukoll għandu rwol fundamentali: dan iressaq lis-soċjetà ċivili lejn mudell differenti ta’ żvilupp, jipprovdi l-istrumenti meħtieġa biex jiffaċċjaw l-isfidi b’mod effettiv li jġib miegħu l-iżvilupp u jsaħħaħ ir-rwol tiegħu ta’ katalist għal tibdil.
1.10 Il-garanzija ta’ provvedimenti adegwati ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli hija madankollu objettiv kruċjali li għandu jipproċedi id f’id ma’ dak tal-implimentazzjoni ta’ parametri aktar effettivi għall-kejl tal-progress miksub lejn sostenibbiltà akbar.
1.11 B’mod partikolari, tajjeb li nkomplu fuq ir-rotta li qabad il-KESE biex tiġi appoġġjata t-tħejjija ta’ indikaturi ġodda għall-kejl tal-progress ekonomiku lil hinn mill-PDG (2), u jeħtieġ ukoll li l-analiżi tibbaża fuq dimensjonijiet kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi, u li tinkludi wkoll stħarriġ dwar il-mod kif l-atturi soċjali jaraw u jivvalutaw il-kwistjoni tas-sostenibbiltà.
1.12 Huwa biss permezz ta’ proċess parteċipattiv u kondiviż bejn l-esperti, il-forzi politiċi u soċjali u s-soċjetà ċivili li ser ikun possibbli li tinħoloq kultura politika u soċjali ġdida li tista’ tħejji idea ta’ żvilupp li tħaddan, billi tgħaqqad, it-tliet dimensjonijiet – ekonomika, soċjali u ambjentali – li fuqhom jibbaża l-kunċett ta’ kwalità u sostenibbiltà tal-progress tal-bniedem.
2. Introduzzjoni
2.1 Ir-rapport ta’ monitoraġġ attwali tal-Eurostat (2011 monitoring report of the EU sustainable development strategy), li jagħti rendikont tal-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli tal-UE għall-2011, joffri qafas dettaljat tal-qagħda tal-Istati Membri tal-Unjoni sentejn wara l-kriżi u b’hekk jippermetti li titwettaq valutazzjoni kritika rigward kemm it-trasformazzjonijiet profondi li qed iseħħu fis-soċjetajiet tagħna, kif ukoll id-dibattitu li għaddej dwar il-possibbiltà li t-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju hija opportunità favur il-ġlieda kontra r-riċessjoni, li tistimola proċess ta’ rkupru produttiv u treġġa’ lura t-tnaqqis fl-impjiegi.
2.2 Minħabba r-rwol tiegħu bħala pont bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u s-soċjetà ċivili organizzata, il-KESE beħsiebu jikkontribwixxi għad-dibattitu li tqajjem minn dan ir-rapport billi jippromovi l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet rappreżentattivi taċ-ċittadini Ewropej għall-valutazzjoni tat-temi u l-proġetti rilevanti għat-tkomplija tas-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp.
2.3 Din l-opinjoni għandha l-għan ukoll li tkun ta’ segwitu għall-opinjonijiet preċedenti mħejjija mill-KESE bi tħejjija għall-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (UN Conference on Sustainable Development- UNCSD) li ser issir f’Rio de Janeiro (Rio + 20) f’Ġunju 2012.
2.3.1 Din l-opinjoni ser tirrappreżenta kontribut tas-soċjetà ċivili bi tħejjija għan-negozjati waqt is-summit Rio + 20, b’mod partikolari rigward waħda miż-żewġ sfidi ewlenin li ser ikunu fil-qofol tas-summit: il-qafas istituzzjonali għal żvilupp sostenibbli.
3. Kummenti ġenerali
3.1 L-analiżi tad-data tar-rapport 2011 tenfasizza kif uħud mir-riżultati milħuqa fil-kisba tal-objettivi tal-istrateġija tal-UE għal żvilupp sostenibbli, jistgħu jiġu attribwiti iktar għall-effett tal-qagħda ekonomika dinjija attwali milli għall-implimentazzjoni ta’ strutturi strateġiċi fit-tul imħejjija għat-twettiq ta’ żvilupp sostenibbli. Hija ta’ prijorità li jiġu analizzati u ffaċċjati l-varjazzjonijiet eżistenti bejn l-Istati Membri fl-isforzi biex jinkisbu dawn l-objettivi.
3.1.1 Mil-lat tal-iżviluppi pożittivi, enfasizzati fir-rapport għall-perjodu bejn l-2000 u llum naraw dan li ġej:
— |
tnaqqis fl-għadd ta’ persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali (minkejja li żdiedet il-kwota tal-ħaddiema foqra); |
— |
żieda fl-istennija tal-għomor u titjib fil-qafas ġenerali tas-saħħa pubblika (minkejja li għadhom jippersistu inugwaljanzi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa); |
— |
tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra u żieda fil-konsum ta’ enerġiji rinnovabbli; |
— |
stabbiltà fl-abbundanza u l-varjetà tal-ispeċijiet ta’ għasafar komuni, bħala indikatur tajjeb tal-qagħda ġenerali tal-bijodiversità u l-integrità tal-ekosistemi. |
3.1.2 Mil-lat tal-iżviluppi negattivi naraw dan li ġej:
— |
żieda fid-domanda għall-materjali, minkejja li ġiet osservata tendenza pożittiva ta’ żieda fil-produttività tar-riżorsi; |
— |
żieda fir-rata tal-impjieg tal-ħaddiema anzjani li madankollu ma tilħaqx il-mira prevista għall-2010; |
— |
iż-żamma tal-attivitajiet tas-sajd lil hinn mil-livelli ta’ sostenibbiltà għall-istokkijiet tal-ħut; |
— |
is-separazzjoni attwali bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-konsum tal-enerġija fit-trasport hija biss relattiva, u ma kienx hemm ċaqliq fit-trasport tal-merkanzija u l-persuni lejn modi tat-trasport b’impatt ambjentali iktar baxx; |
— |
ma ntlaħqitx il-mira prevista għall-2010 ta’ 0,56 % fl-introjtu nazzjonali gross għall-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp. |
3.2 Fir-rigward tal-influwenza tal-kriżi fuq l-iżvilupp pożittiv/negattiv tat-tendenzi analizzati fir-rapport tal-Eurostat, wieħed jinnota li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass li jibdlu l-klima, min-naħa jista’ jiġi attribwit għal użu aktar effiċjenti tal-enerġija u għal użu akbar ta’ karburanti b’użu baxx tal-karbonju, u min-naħa l-oħra ġie determinat ukoll mill-effetti ta’ riċessjoni li rriżultaw mill-kriżi.
3.2.1 L-enerġija, meħtieġa fl-attivitajiet ekonomiċi kollha, tidher bħala l-fattur varjabbli l-aktar marbut mill-qrib mat-tkabbir tal-ekonomija, kif juri t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija finali b’mod parallel mat-tnaqqis fil-PDG. Dan jesiġi b’mod fundamentali li jittieħdu aktar passi ’l quddiem fil-kuntest tas-separazzjoni bejn it-tkabbir ekonomiku u l-pressjonijiet ambjentali permezz tas-separazzjoni bejn il-produzzjoni tal-ġid u l-konsum tal-enerġija.
3.3 Fl-aħħar nett, ix-xenarju ppreżentat fir-rapport tal-Eurostat juri li l-Unjoni Ewropea għamlet progressi kbar fit-triq lejn żvilupp ambjentali, ekonomiku u soċjali sostenibbli; madankollu, l-ekonomija tal-UE għadha intensiva fl-użu tal-enerġija u l-karbonju u għaldaqstant jeħtieġ li jiġu intensifikati l-isforzi favur tibdiliet strutturali profondi sabiex jitnieda proċess ta’ transizzjoni fit-tul, ħieles mill-effetti tal-qagħda ekonomika dinjija attwali.
4. Kummenti speċifiċi
4.1 L-analiżi tal-indikaturi li jkejlu d-dimensjoni tal-iżvilupp soċjoekonomiku fl-evoluzzjoni tiegħu bejn l-2000 u l-2011 turi sew l-effetti tar-riċessjoni ġġenerata mill-kriżi ekonomika globali. Dan huwa evidenti l-aktar fl-analiżi tal-PDG, l-investimenti u l-produttività tax-xogħol.
4.1.1 Ġew reġistrati tendenzi negattivi fir-rigward tal-qgħad u l-impjieg, b’rati partikolarment inkwetanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-qgħad taż-żgħażagħ. Madankollu jidher li kien hemm tendenzi pożittivi fil-każ tat-tfaddil tal-familji bħala risposta għall-kriżi, fit-tkabbir tal-infiq għar-riċerka u l-iżvilupp, u fit-titjib tal-intensità enerġetika, fejn ġiet osservata separazzjoni assoluta.
4.1.2 Il-qasam tal-iżvilupp soċjoekonomiku jkejjel il-progress li sar fil-bini ta’ soċjetà bbażata fuq ekonomija innovattiva u ekoeffiċjenti li tipprovdi standards għoljin ta’ għajxien għas-soċjetà ċivili. Il-kriżi ekonomika influwenzat ħażin il-ksib ta’ dawn l-objettivi. Madankollu, l-iżvilupp ta’ proċess fejn l-ekonomija ssir aktar ekoloġika jista’ jkun ta’ lieva qawwija biex niffaċċjaw ir-riċessjoni billi jikkontribwixxi għall-irkupru fil-produttività u l-impjieg
4.2 L-analiżi tal-progress miksub favur mudelli ta’ produzzjoni u konsum sostenibbli turi tendenzi kontradittorji. Minkejja li l-UE saret aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, għad hemm żieda kontinwa fid-domanda għall-materjali. Mil-lat ta’ enerġija, qed jiżdied il-konsum tal-elettriku iżda qed naraw tnaqqis fil-konsum tal-enerġija finali. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-iskart, niskopru żieda fil-produzzjoni ta’ skart perikoluż filwaqt li naraw tnaqqis fil-kwantità ta’ skart mhux minerali u żieda fir-reċiklaġġ. Barra minn hekk, qed naraw żieda kontinwa fl-għadd ta’ karozzi, iżda ġie reġistrat tnaqqis fl-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu, li l-biċċa l-kbira minnu ġej minn tnaqqis fis-settur tat-trasport u mid-distribuzzjoni ta’ muturi bi prestazzjoni aħjar.
4.2.1 L-istampa mimlija kuntrasti li qed tirriżulta mill-indikaturi analizzati turi li, minkejja li qed isir progress, jinħtieġu aktar sforzi biex jintlaħaq l-objettiv li tiġi eliminata r-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u l-użu tar-riżorsi, filwaqt li tiġi rispettata l-kapaċità ta’ kemm jifilħu l-ekosistemi. Huwa fundamentali wkoll li jitqiesu l-konsum u l-produzzjoni b’mod aktar interdipendenti billi jiġi promoss il-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi investit iktar f’azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni favur mudelli ta’ produttività u konsum aktar responsabbli fir-rigward tal-ambjent.
4.3 L-indikaturi relatati għall-Inklużjoni Soċjali juru tendenzi ta’ żvilupp pjuttost pożittivi, bi tnaqqis tar-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali. Madankollu qed naraw żieda fir-riskju tal-faqar għall-gruppi ta’ persuni ta’ bejn il-25 u l-49 sena, u naraw żieda b’rata anqas baxxa fil-qgħad taż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-24 sena. Jidher, madankollu, li naqsu: l-intensità tal-faqar, l-inugwaljanza fid-dħul, ir-rata tal-qgħad fit-tul u d-differenzi fid-dħul skont is-sessi.
4.3.1 Fost it-tendenzi negattivi jirriżulta li: żdiedet il-kwota ta’ ħaddiema foqra; il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja żdiedet iżda mhux biżżejjed biex tintlaħaq il-mira prevista għall-2010; jeħtieġ li tonqos sew ir-rata ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni.
4.3.2 Jekk l-istampa li jpinġi r-rapport tal-Eurostat hija pożittiva biżżejjed, jeħtieġ li jitjiebu r-riżultati relatati mat-tluq bikri mill-iskola u t-tagħlim tul il-ħajja. Fil-fatt, ir-risku tal-faqar jolqot l-aktar lil dawk li għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni. Barra minn hekk, l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol kruċjali biex jippermettu li n-nies jibbenefikaw mill-opportunitajiet tal-impjieg marbuta mal-iżvilupp tal-ekonomija ekoloġika, li teħtieġ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda koeffiċjenti u l-adattament mill-ġdid tal-kompetenzi b’konformità mal-proċessi ta’ innovazzjoni teknoloġika. Għaldaqstant, it-taħriġ huwa fundamentali, kemm biex jiffavorixxi l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol kif ukoll bħala risposta għall-esiġenzi ta’ dawk li diġà jaħdmu u qed jaffrontaw domandi ġodda li ġejjin mit-trasformazzjoni li qed isseħħ.
4.4 L-analiżi tat-tibdiliet demografiċi tippreżenta titjib sinifikanti relatat mar-rata tal-impjieg tal-ħaddiema anzjani, l-istennija tal-għomor ’il fuq minn 65 sena, u t-tnaqqis tar-riskju tal-faqar għall-persuni ta’ ’l fuq minn 65 sena.
4.4.1 Madankollu, minkejja dan it-titjib naraw żieda fil-livelli kwantitattivi u kwalitattivi tal-infiq fir-rigward tal-benessri u d-dejn pubbliku. It-tibdil demografiku li qed naraw – b’mod partikolari l-iktar rata baxxa ta’ fertilità u stennija tal-għomor l-aktar twila, u l-iżbilanċi interġenerazzjonali li jirriżultaw – jesiġi li nirrispondu għall-isfida li tinħoloq soċjetà soċjalment inklużiva filwaqt li jinżammu livelli sostenibbli għall-infiq pubbliku, fejn l-infiq għall-benessri jitfassal fuq il-bażi ta’ esiġenzi mibdula li jimplikaw domanda akbar għall-pensjonijiet, is-saħħa u l-kura fuq perjodu twil ta’ żmien.
4.5 L-analiżi tas-saħħa pubblika tindika titjib fir-rigward ta’ ħajja itwal u f’iktar saħħa: żdiedet l-istennija tal-għomor, naqsu l-imwiet kaġun ta’ mard kroniku kif ukoll il-każijiet ta’ suwiċidju; ġie reġistrat tnaqqis fil-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi tossiċi, fir-rati tal-inċidenti gravi fuq ix-xogħol u fl-esponiment tat-tniġġis tal-ħoss. Minkejja din l-istampa pożittiva, għadhom jippersistu inugwaljanzi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa fost id-diversi gruppi soċjoekonomiċi.
4.5.1 Il-kunċett tas-saħħa pubblika jinkludi diversi aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-iżvilupp (is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-finanzjament tal-kura medika, l-esponiment għal sustanzi niġġiesa, eċċ.) li jirrappreżentaw waħda mill-isfidi ewlenin tal-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli li teħtieġ li jsiru sforzi fid-direzzjoni ta’ approċċ analitiku integrat sabiex jerġgħu jingħaqdu t-tliet dimensjonijiet tas-sostenibbiltà li, minflok, ta’ spiss jispiċċaw jitqiesu separatament.
4.6 L-analiżi tal-indikaturi relatati mat-tibdil fil-klima u l-enerġija turi xi titjib sinifikanti; madankollu, l-impatt fuq dawn it-tendenzi tal-kriżi ekonomika kien konsiderevoli minħabba r-rabta mill-qrib li hemm bejn l-enerġija u l-iżvilupp ekonomiku. Mil-lat tat-tibdiliet pożittivi naraw: tnaqqis fl-emissjoni tal-gass b’effett ta’ serra li ressaq lill-UE lejn il-kisba tal-mira ta’ tnaqqis ta’ 20 % fl-2020 u l-objettiv ta’ Kyoto stabbilit għall-2012; żieda fil-kwota tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, li sal-2020 tista’ tilħaq l-objettiv tal-20 % ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli mill-konsum intern sħiħ tal-enerġija, u żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport. Fl-aħħar nett ġie reġistrat tnaqqis fid-domanda għall-enerġija.
4.6.1 Mil-lat tat-tibdil pożittiv jidher, madankollu li kien hemm: żieda mill-2000 sal-2009 fid-dipendenza fuq l-enerġija importata; ma ntlaħqitx il-kwota ta’ 21 % tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku; sar ftit progress fil-koġenerazzjoni u fiċ-ċaqliq tal-piż tat-taxxa mix-xogħol lejn l-użu tar-riżorsi.
4.6.1.1 Il-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija huma l-fatturi l-kbar tal-emissjonijiet tas-CO2 u għalhekk tal-impatt ambjentali globali. Dan jagħmel l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tal-enerġija estremament importanti. Fl-istess ħin, l-iżvilupp tas-sorsi rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika, apparti milli jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gass li joħolqu tibdil fil-klima, jista’ jiġġenera wkoll benefiċċji ekonomiċi u soċjali li jiġġeneraw attivitajiet ġodda li joħolqu postijiet tax-xogħol, u b’hekk il-ħarsien tal-ambjient jingħaqad mat-tkabbir ekonomiku u tal-impjieg.
4.6.1.2 Għal dan il-għan jeħtieġ li jiġi evitat li l-kriżi ekonomika tipperikola l-proċessi biex l-ekonomija ssir aktar ekoloġika li qed jitweqqu fil-preżent, iżda li jidhru partikolarment vulnerabbli f’din il-fażi ta’ riċessjoni.
4.7 It-tibdil li sar fil-qasam tat-trasport sostenibbli wkoll jista’ jitqies, parzjalment, bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika. B’mod partikolari, it-tnaqqis fl-inċidenti stradali, kif ukoll it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra u l-konsum tal-enerġija, huma attribwiti għat-tnaqqis fil-volum tat-trasport, fejn is-separazzjoni hija biss relattiva.
4.7.1 F’termini ta’ tendenzi pożittivi jidher li sar progress kemm fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżulta mill-karozzi l-ġodda, kif ukoll fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa fl-arja. Mil-lat tat-tendenzi negattivi nosservaw, minflok, li kemm fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija kif ukoll f’dak tal-persuni ma sarx ċaqliq lejn modi tat-trasport b’impatt ambjentali iktar baxx.
4.7.1.1 Is-settur tat-trasport huwa wieħed kumpless fejn l-elementi kritiċi għandhom oriġini differenti li jinkludu stili ta’ ħajja u mudelli kulturali tal-konsum. F’dan ir-rigward, it-trasport huwa eżempju ta’ kif il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, biex din tkun effettiva, ma tistax tillimita ruħha li tindirizza biss l-azzjonijiet politiċi u l-għażliet tekniċi, iżda, l-ewwel nett, għandha tindirizza liċ-ċittadini fir-rutina tagħhom ta’ kuljum.
4.8 L-isforzi li twettqu fid-direzzjoni tal-ħarsien tar-riżorsi naturali wasslu għal xi riżultati pożittivi, iżda għad hemm passi importanti li jridu jittieħdu. L-abbundanza u l-varjetà ta’ ħafna mill-ispeċijiet tal-għasafar komuni baqgħu stabbli, iżda l-isfruttament żejjed tal-istokkijiet tal-ħut baqa’ ma naqasx (3). Minkejja li żdiedu ż-żoni allokati għall-ħarsien tan-natura, għadha għaddejja l-espansjoni taż-żoni urbani għad-detriment tal-artijiet agrikoli u semi naturali.
4.8.1 Ir-riżorsi naturali mhux biss huma meħtieġa għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-produzzjoni u l-konsum tal-bniedem, iżda fuq dawn jiddependu l-ekwilibrji tal-ekosistemi peress li tibdil f’dawn jista’ jkollu konsegwenzi li ma jistgħux jitreġġgħu lura għad-dinja kollha. Għal din ir-raġuni jeħtieġ impenn akbar biex titwaqqaf id-degradazzjoni ambjentali, permezz tal-konservazzjoni tal-kapital naturali tal-art u tar-riżorsi tiegħu ta’ bijodiversità.
4.8.2 Hemm bżonn urġenti li jiġi affrontat in-nuqqas li jeżisti għall-indikaturi ekoloġiċi biż-żieda ta’ indikaturi addizzjonali, sabiex tiġi riflessa aħjar il-kundizzjoni tar-riżorsi bioloġiċi u l-benefiċċji attwali u futuri għall-pubbliku li jirriżultaw mill-funzjonament tal-ekosistemi.
4.9 L-iżvilupp tal-isħubija globali, mill-2000 ’il quddiem, juri sinjali pożittivi, minkejja l-impatt negattiv li l-kriżi kellha fuq il-flussi kummerċjali (permezz taż-żieda fl-importazzjonijiet minn pajjiżi li qed jiżviluppaw u t-tnaqqis tas-sussidji agrikoli tal-UE) u fuq il-finanzjament favur l-iżvilupp sostenibbli u għall-ġestjoni tar-riżorsi naturali.
4.9.1 Min-naħa l-oħra, però, naraw żieda baxxa fil-kwota tal-introjtu nazzjonali gross allokat għall-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li mhux ser tippermetti li tintlaħaq il-mira prevista għall-2010. Nistgħu naraw ukoll tnaqqis fid-differenza fl-emissjonijiet tas-CO2 bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba żieda fl-emissjonijiet ta’ dawn tal-aħħar u tnaqqis f’dawk tal-pajjiżi tal-Unjoni.
4.9.2 Is-sħubija globali hija dimensjoni fundamentali tal-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli: il-ġlieda kontra l-faqar mifrux, l-inugwaljanzi u n-nuqqas ta’ aċċess għar-riżorsi fil-pajjiżi anqas żviluppati u dawk li qegħdin jiżviluppaw fil-fatt huma sfidi ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli. Minn hawn jirriżulta l-impenn biex jiġu mgħejuna l-pajjiżi l-aktar foqra sabiex b’mod ekwu jżommu l-pass mat-transizzjoni lejn is-sostenibbiltà, filwaqt li jiffaċċjaw it-tkabbir fil-popolazzjoni dinjija, l-istennijiet li dejjem jikbru f’termini ta’ standards tal-għajxien, u ż-żieda tal-konsum tal-materji primi.
4.10 L-indikaturi li jkejlu l-livell ta’ governanza tajba juru tendenzi kemm pożittivi kif ukoll negattivi. Fir-rigward tal-iżvilupp pożittiv naraw: a) tnaqqis sinifikanti fil-każijiet ta’ ksur tal-liġijiet tal-UE fil-livell nazzjonali; b) li mill-2007 sal-2009 it-traspożizzjoni tad-direttivi Ewropej kienet ’il fuq mill-mira ta’ 98,5 %; c) żieda fid-disponibbiltà tal-gvern elettroniku għas-servizzi pubbliċi bażiċi u tal-użu tiegħu min-naħa taċ-ċittadini tal-pajjiżi membri; d) li nofs iċ-ċittadini intervistati ddikjaraw li għandhom fiduċja fil-Parlament Ewropew. F’dak li jirrigwarda l-iżviluppi negattivi naraw: e) tnaqqis fl-għadd ta’ votanti fl-elezzjonijiet nazzjonali marbuta mal-parteċipazzjoni għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li rriżulta aktar baxx mill-parteċipazzjoni għall-elezzjonijiet nazzjonali (aktar minn 20 % differenza f’27 pajjiż, b’pajjiż wieħed biss fejn ir-riżultat ġie bil-kontra); f) li għadhom ma sarux biżżejjed passi ’l quddiem fiċ-ċaqliq tat-tassazzjoni lejn kwota ogħla ta’ taxxi ambjentali fuq it-total tad-dħul fiskali.
4.10.1 Il-kunċett ta’ governanza huwa strettament marbut mal-iżvilupp sostenibbli mad-dikjarazzjoni ta’ prinċipju ta’ ekwità soċjali u interġenerazzjonali li jeħtieġ li l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jagħmlu parti mill-ftehimiet tal-ġenerazzjonijiet attwali. Governanza tajba teħtieġ l-iżvilupp ta’ soċjetà demokratika permezz ta’ parteċipazzjoni sħiħa tal-ekonomija, min-naħa tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili, permezz tat-twaqqif ta’ strutturi ta’ djalogu bejn iċ-ċittadini u l-politiċi responsabbli.
4.11 Il-KESE jqis li l-involviment u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili huma ta’ importanza fundamentali għall-kisba ta’ aktar progress fit-twettiq tal-iżvilupp sostenibbli u għall-konsolidazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli. Sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u biex din tkun tista’ tikkontribwixxi għat-twettiq tal-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ li jitwessa’ l-aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni dwar it-temi tas-sostenibbiltà.
4.12 Sabiex tiġi garantita komunikazzjoni ħafna aktar effikaċi jeħtieġ ukoll li jiġu implimentati parametri aktar effikaċi sabiex jitkejjel il-progress miksub fit-twettiq tal-iżvilupp sostenibbli. B’mod partikolari, tajjeb li titkompla l-mixja li impenja ruħu fiha l-KESE biex tiġi appoġġjata t-tħejjija ta’ indikaturi ġodda għall-kejl tal-progress ekonomiku lil hinn mill-PDG (4), li jkunu kapaċi jinkludu l-valutazzjoni tal-kwalità ambjentali u soċjali f’dik ekonomika. Jeħtieġ ukoll li jingħaqdu d-dimensjonijiet kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi, biex b’hekk ikun hemm ukoll stħarriġ dwar il-mod kif l-atturi soċjali jaraw u jivvalutaw il-kwistjoni tas-sostenibbiltà.
4.13 Fil-verità, l-iżvilupp ta’ sistema informattiva valida, li hija ’l bogħod minn sempliċement kwistjoni ta’ għarfien, jingħaqad mal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni u ma’ dak politiku, u huwa l-bażi li fuqha għandha tinbena s-sistema tal-preferenzi soċjali. Huwa għal din ir-raġuni li d-diskussjoni dwar is-sinifikat innifsu tal-progress soċjali u ambjentali, u r-riċerka sussegwenti għal indikaturi u strumenti interpretattivi ġodda, għandhom jinvolvu b’mod attiv lill-esperti, il-forzi politiċi u soċjali u dawk tas-soċjetà ċivili permezz ta’ parteċipazzjoni demokratika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet.
4.14 Il-KESE jieħu nota wkoll tan-nuqqas ta’ rapport dwar il-prospettivi futuri li jirriżultaw mill-ħidma tal-Eurostat u jistaqsi dwar kif l-iżvilupp tal-politiki u tat-tendenzi futuri ser jiddaħħal kemm fil-ħidma tal-Kummissjoni kif ukoll f’dik tal-Istati Membri.
Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-pożizzjoni tal-KESE dwar it-tħejjija tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio + 20)”, relatur is-Sur Wilms, ĠU C 143, 22.05.2012, p. 39.
(2) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-PDG u lil hinn minnu – l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementari”, ĠU C 181, 21.06.2012, p. 14.
(3) L-opinjoni tal-KESE dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura”, ĠU C 181, 21.06.2012, p. 14.
(4) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-PDG u lil hinn minnu – l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementari”, ĠU C 181, 21.06.2012, p. 14.