This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011AR0104
Opinion of the Committee of the Regions on ‘Climate change mainstreaming and the future EU budget’ (outlook opinion)
Opinjoni ta’ Prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Baġit futur tal-UE u l-integrazzjoni tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-politiki ġenerali”
Opinjoni ta’ Prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Baġit futur tal-UE u l-integrazzjoni tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-politiki ġenerali”
ĠU C 259, 2.9.2011, p. 26–30
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
2.9.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 259/26 |
Opinjoni ta’ Prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Baġit futur tal-UE u l-integrazzjoni tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-politiki ġenerali”
2011/C 259/05
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
— |
itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x'jaqdu fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020; |
— |
jenfasizza li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini huwa ta’ tħassib ewlieni; |
— |
jemmen li hija meħtieġa iżjed trasparenza biex jiġu ggwidati l-investimenti. L-istatistika għall-użu u l-produzzjoni tal-enerġija għandha tkun disponibbli għall-pubbliku, flimkien mal-istatistika dwar l-emissjonijiet; |
— |
jipproponi li tal-inqas linja prijoritarja waħda speċifika u separata tal-Fondi Strutturali 2014-2020 tkun iddedikata għall-użu u l-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija, u b'hekk dan l-objettiv jingħata l-viżibilità u l-importanza kollha li jistħoqqlu; |
— |
jappella għal fergħa speċifikament urbana tal-Politika tal-Koeżjoni li għandha tagħti appoġġ għall-iżvilupp ta’ Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli, it-titjib u l-espansjoni tat-tisħin distrettwali, is-CHP, il-produzzjoni tal-enerġija u l-użu tal-RES, id-dwal pubbliċi, it-trasport pubbliku u mezzi tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini, eċċ. u toħloq servizzi ta’ appoġġ għall-awtoritajiet lokali bħall-aġenziji tal-enerġija lokali u reġjonali; |
— |
itenni li l-FSE għandu jiffoka fuq l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-bniedem fil-livell lokali li se jkunu kruċjali għall-iżvilupp fil-futur ta’ bliet b'użu baxx tal-enerġija u li se jsaħħu l-ekonomiji lokali; |
— |
jappoġġja mekkaniżmi ta’ finanzjament iktar effiċjenti li jistgħu jrawmu sħubijiet pubbiċi-privati. F'dan il-qasam jistgħu jkunu, pereżempju, self b'interessi baxxi jew mingħajr interessi, garanziji bankarji, fondi lokali li jistgħu jerġgħu jintużaw u għodod oħra innovattivi ta’ inġinerija finanzjarja, li b'konformità mal-prinċipju tal-addizzjonalità għandhom jintużaw f'kombinazzjoni ma’ fondi mogħtija fil-livell lokali u reġjonali mill-Fondi Strutturali. |
Relatur |
Relatur Ġenerali: Ilmar REEPALU (SE/PSE) Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Malmö |
Dokument ta’ referenza |
Ittra mill-Kummissjoni Ewropea tal-14 ta’ Frar 2011 |
I. DAĦLA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Il-prioritajiet ta’ politika tal-UE, il-possibilitajiet u l-ħtiġijiet lokali u reġjonali
1. |
huwa konxju ħafna mill-fatt li t-tibdil fil-klima huwa sfida globali enormi li għandha konsegwenzi konsiderevolment differenti f'termini ta’ impatt reġjonali u lokali. Is-soluzzjoni tal-isfida klimatika titlob li wieħed jiffoka kemm fuq iċ-ċirkostanzi lokali kif ukoll fuq dawk reġjonali u fuq opportunitajiet f'termini ta’ soluzzjonijiet lokali u reġjonali intelliġenti. L-isfidi tat-tibdil fil-klima huma kbar wisq biex Stat Membru wieħed jindirizzahom waħdu u dan huwa preċiżament fejn l-Unjoni Ewropea tista' ġġib valur miżjud; |
2. |
jenfasizza li fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-objettivi ta’ impjieg, innovazzjoni, edukazzjoni, inklużjoni soċjali u klima/enerġija huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin u lkoll huma elementi essenzjali biex jinkiseb l-għan globali tal-koeżjoni soċjali u territorjali. Il-miżuri ewlenin biex jintlaħqu l-miri tal-UE 2020 huma mibnija fuq tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; |
3. |
jiġbed l-attenzjoni li l-Istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 “L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna” hija azzjoni komplementari għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fir-rigward tal-iżvilupp ta’ miżuri indispensabbli b'rabta mas-sostenibbiltà u mal-adattament għat-tibdil fil-klima; |
4. |
itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x'jaqdu fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għall-progress lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju billi jnaqqsu l-konsum tal-enerġija, jiddeċentralizzaw il-provvista tal-enerġija, iżidu l-użu tagħhom ta’ enerġija rinnovabbli u jiżguraw li l-ekosistema tkun kapaċi tirreżisti l-effetti ħżiena tat-tibdil fil-klima, kif ukoll billi jżommu u jżidu l-bjar tas-CO2; |
5. |
jaħseb li klima imprevedibbli thedded is-saħħa pubblika, l-infrastruttura, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ilma, il-bijodiversità, is-sigurtà tal-provvista tal-ikel u l-iżvilupp ekonomiku, u jenħtieġ li tiġi indirizzata permezz ta’ ppjanar, prattiki u teknoloġiji mtejba fil-bliet u fl-ekonomiji rurali tagħna; |
L-azzjoni klimatika bħala mutur tal-ekonomija
6. |
jinsab konvint li l-azzjoni klimatika jista' jkollha impatti pożittivi f'termini ta’ żvilupp ekonomiku, impjiegi ekoloġiċi, reżiljenza, koeżjoni soċjali u kwalità tal-ħajja, dejjem fuq il-bażi tat-tkabbir intelliġenti; għalhekk, jeħtieġ li jiġu identifikati s-setturi u l-benefiċċji li jistgħu jirriżultaw mit-tibdil fil-klima li jistgħu jipprovdu l-possibbiltà ta’ żvilupp ekonomiku; |
7. |
jemmen li l-akkwist pubbliku u l-investiment fil-livell lokali b'relazzjoni mal-klima jistgħu jistimulaw it-tkabbir ġust, inklużiv u sostenibbli. L-integrazzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-finanzjament ambjentali tista' tistimola transizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju; |
8. |
jemmen li l-investiment tal-UE fl-ispeċjalizzazzjoni lokali intelliġenti jista' jappoġġja r-reġjuni għal soluzzjonijiet innovattivi biex jintużaw kundizzjonijiet u opportunitajiet lokali għall-iżvilupp ta’ ekonomiji b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju; |
9. |
jinsab konvint li l-investiment fil-ħolqien ta’ bliet u reġjuni Ewropej sostenibbli jista' jsaħħaħ il-pożizzjoni tan-negozji Ewropej f'suq globali li qed jikber; |
10. |
jemmen li hemm bżonn li s-settur tal-intrapriżi jiġi involut fl-iżvilupp ta’ ekonomiji sostenibbli, billi jitħeġġu politiki u strateġiji li jinkludu l-preokkupazzjonijiet soċjali u ambjentali fit-transazzjonijiet kummerċjali tal-intrapriżi kif ukoll billi dawn jerfgħu r-responsabbiltà għall-konsegwenzi u l-impatt tal-azzjonijiet tagħhom; |
II. IL-BŻONN GĦAL IKTAR AZZJONI U INVESTIMENT
11. |
jenfasizza li f'azzjonijiet li jirrispettaw il-klima jeħtieġu finanzjament sinifikanti fuq perjodu twil. It-transizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u reżistenti għat-tibdil fil-klima se tesiġi li ssir enfasi fuq investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fil-bini, fis-sorsi rinnovabbli, fit-trasport nadif u soluzzjonijiet oħra li jinvolvu sistemi intelliġenti għal użu aħjar tar-riżorsi; kemm iż-żoni urbani kif ukoll dawk rurali madwar l-UE jeħtieġu b'mod urġenti li jiżdied l-appoġġ għal sforzi lokali u reġjonali favur il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għal dan it-tibdil; jinnota li l-Kummissjoni stmat li biex issir it-transizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet, l-UE jkollha bżonn tinvesti medja ta’ EUR 270 biljun ieħor jew 1,5 % tal-PDG kull sena għall-40 sena li ġejjin, u li jekk tiżdied l-azzjoni klimatika jistgħu jinħolqu 1,5 miljun impjieg ieħor sal-2020; |
12. |
jappella biex tissaħħaħ sostanzjalment l-inizjattiva tal-“Patt tas-Sindki”, li għandha tingħata l-mezzi adegwati sabiex il-bliet u r-reġjuni jiġu appoġġjati fil-preparazzjoni operattiva tal-pjani favur l-azzjoni klimatika u biex, f'kooperazzjoni mal-imsieħba internazzjonali bħall-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti, iħejju standards konġunti għall-marka tal-karbonju; |
13. |
itenni b'mod partikolari li skemi ta’ appoġġ għandhom ikunu disponibbli għall-produtturi tal-enerġija rinnovabbli fl-iskali kollha, billi l-użu tal-potenzjal tal-enerġija deċentralizzata lokali u reġjonali huwa indispensabbli sabiex jintlaħqu l-miri 20-20-20 tal-UE; |
14. |
jenfasizza li għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-livell lokali u reġjonali, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini huwa ta’ tħassib ewlieni, billi s-settur tal-bini – jiġifieri l-bini residenzjali u dak kummerċjali – huwa l-akbar utent tal-enerġija u l-akbar produttur ta’ emissjonijiet ta’ CO2 fl-UE, u huwa responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum finali totali tal-enerġija tal-UE; |
15. |
jenfasizza l-ħtieġa għal ħidma intensifikata għal sistemi tat-trasport sostenibbli, tibdil fid-drawwiet tal-persuni rigward it-trasport u vetturi li jużaw karburant nadif, li huma essenzjali għal iktar effiċjenza, inqas emissjonijiet u kwalità tal-arja mtejba. Il-KtR jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li fiż-żoni metropolitani t-trasport pubbliku lokali jkun jirrispetta l-ambjent u jitlob biex jiżdied l-investiment mill-Fondi Strutturali fi trasport pubbliku nadif u fid-dekarbonizzazzjoni; |
16. |
jindika l-importanza li jiġu promossi l-iżvilupp u t-titjib tal-bjar tal-karbonju li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-konċentrazzjoni tad-diossidu tal-karbonju fl-atmosfera, speċjalment fir-reġjuni li għandhom riżorsi ġeoloġiċi u/jew naturali l-aktar adatti; |
17. |
jenfasizza li l-UE trid tonora l-impenji finanzjarji internazzjonali fil-qasam tal-klima; jaqbel mal-fehma li r-riżorsi finanzjarji mis-suq internazzjonali tal-karbonju għandhom ikunu fost is-sorsi li jintużaw biex jiġu ffinanzjati proġetti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
18. |
jemmen li huwa indispensabbli li l-popolazzjoni ssir iktar konxja dwar in-nuqqas ta’ sostenibbiltà tax-xejriet attwali fil-konsum tar-riżorsi; |
19. |
jemmen li hemm bżonn jittejjeb l-iskambju tal-għarfien bejn id-dinja tax-xjenza u dik tal-politika bil-għan li jittejjeb it-teħid tad-deċiżjonijiet fuq il-bażi tal-evidenza xjentifika; |
III. IL-PRINĊIPJI GĦAL AZZJONIJIET FIR-RIGWARD TAL-KLIMA U L-FINANZJAMENT TAGĦHOM
20. |
jemmen li l-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-prinċipju tas-sħubija u l-governanza f'diversi livelli huma prerekwiżiti fundamentali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Fondi Strutturali u jtenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jipparteċipaw b'mod partikolari fit-tfassil, in-negozjar u l-implimentazzjoni tal-kuntratti ta’ sħubija taħt il-Qafas Strateġiku Komuni għall-fondi tal-UE. Dan għandu jitqies bħala opportunità sostanzjali u unika għall-UE biex tiżgura iżjed koerenza fl-infiq tagħha fl-oqsma kollha ta’ politika u fil-livelli kollha ta’ governanza; |
21. |
itenni li huwa kontra li jiġi stabbilit fond uniku monotematiku dwar it-tibdil fil-klima li, billi jkun ibbażat l-aktar fuq riżorsi li attwalment huma allokati taħt il-Fondi Strutturali, jiġbor flimkien l-istrumenti finanzjarji kollha tal-UE li jintużaw biex jiffinanzjaw il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. It-“trasferiment” ta’ fondi mhux biss jista' jirriżulta f'telf nett ta’ riżorsi allokati għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iżda wkoll jista' jixħet dubju fuq l-integrazzjoni tal-proġetti relatati mat-tibdil fil-klima fl-istrateġiji reġjonalizzati tal-iżvilupp; |
22. |
jipproponi li r-reazzjonijiet lokali u reġjonali għat-tibdil fil-klima għandhom jitqiesu bħala komplementari għal politiki internazzjonali, Ewropej u nazzjonali, filwaqt li jsir iktar żvilupp fuq l-iskambju u l-kooperazzjoni bejn reġjuni li qed jiffaċċjaw perikli u opportunitajiet simili; |
23. |
jemmen li għandu jkompli jiġi żviluppat approċċ ta’ governanza f'diversi livelli, billi l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għal dan it-tibdil jistgħu jkunu ta’ suċċess biss meta l-livelli kollha ta’ gvern ikunu involuti. F'dan il-kuntest, il-KtR appella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex japplikaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà; |
24. |
għaldaqstant, jenfasizza l-importanza li l-ostakli amministrattivi jiġu evitati fil-livelli kollha tal-UE. Dan jirrikjedi azzjonijiet ikkoordinati bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea; |
25. |
itenni li għandhom jitħeġġu “alleanzi” settorjali u transsettorjali fl-enerġija u l-klima bejn reġjuni u kumpaniji, sabiex jippromovu l-innovazzjoni u t-transizzjoni rapida għal ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u reżistenti għat-tibdil fil-klima. Sħubijiet pubbliċi-privati bħal dawn għandhom ikunu mmirati b'mod espliċitu lejn l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, l-iżvilupp u t-titjib tal-bjar tal-karbonju, u l-azzjonijiet b'rabta mal-adattament għat-tibdil fil-klima u għal dan il-għan għandhom jingħataw appoġġ speċifiku mill-Fondi Strutturali; |
26. |
jemmen li hija meħtieġa iżjed trasparenza biex jiġu ggwidati l-investimenti. L-istatistika għall-konsum u l-produzzjoni tal-enerġija għandha tkun disponibbli għall-pubbliku, flimkien mal-istatistika dwar l-emissjonijiet u speċjalment dik li tirriżulta mill-evoluzzjoni tal-parametri fiżiċi tal-klima u s-segwitu tan-nefqa baġitarja tal-UE relatata mal-klima sabiex l-UE tkun tista' tiddefinixxi b'mod ċar kemm mill-infiq tagħha huwa relatat mal-azzjoni klimatika; |
IV. PRIJORITÀ U INTEGRAZZJONI
27. |
huwa tal-fehma li l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-politika tal-enerġija għandhom jiġu inklużi fost il-prijoritajiet ewlenin tal-baġit tal-UE; |
28. |
jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jappoġġja l-prinċipji tal-governanza f'diversi livelli. L-azzjonijiet kollha tal-UE għandhom ikunu bbażati fuq approċċ orizzontali, li jikkombina diversi miżuri kontra t-tibdil fil-klima u għall-adattament għal dan it-tibdil, fejn id-diviżjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet politiċi u finanzjarji bejn il-livelli ta’ governanza lokali, nazzjonali u tal-UE kif ukoll bejn il-politiki differenti, hija speċifikata b'mod ċar, sabiex jiġu evitati l-lakuni, l-inkonsistenzi u d-dupplikar tar-reazzjonijiet ta’ politika; |
29. |
jaħseb li l-leġislazzjoni tal-UE u l-kondizzjonalità tal-infiq tal-UE huma elementi ewlenin biex jinkisbu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020, meta wieħed iqis li l-azzjonijiet klimatiċi għandhom jiġu inkorporati fis-sezzjonijiet rilevanti kollha tal-infiq inkluż fil-fondi strutturali, il-fondi għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-kooperazzjoni esterna; dan ifisser li jiġu stabbiliti prijoritajiet ġodda għal politiki li diġà jeżistu sabiex tiġi promossa s-sostenibbiltà, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-istess azzjoni tista' u għandha timmira lejn objettivi differenti f'daqqa; |
30. |
jaħseb li l-allokazzjoni effiċjenti u l-effikaċja ta’ riżorsi baġitarji limitati jistgħu jiġu żgurati l-aħjar jekk l-azzjoni klimatika u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jiġu inklużi bħala prijorità trasversali fi ħdan il-Fondi Strutturali, il-PAK u l-Programmi Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (il-PQ 8 futur). Barra minn hekk, l-istrument Life+ tal-ġejjieni għall-azzjoni relatata mal-ambjent u mal-klima għandu jikkomplementa l-inkorporazzjoni billi aktar fondi jsiru disponibbli għall-azzjoni klimatika u jiġu ttestjati approċċi ġodda għall-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu; |
31. |
jappoġġja perjodu baġitarju ta’ għaxar snin li jista' jipprovdi stabbiltà konsiderevoli u prevedibbiltà għall-programmazzjoni tal-fondi, u jwassal għal enfasi iktar immirata; |
32. |
jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ impenji speċifiċi addizzjonali fl-“Istrateġija dwar l-Enerġija 2011-2020” fir-rigward tal-finanzjament u l-għoti ta’ fondi tal-investiment lokali u reġjonali fl-enerġija sostenibbli, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni enfasizzat ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
V. PROPOSTI GĦAL FINANZJAMENT MINN GĦEJUN VARJI
Il-Politiki ta’ Koeżjoni u l-Fondi Strutturali
33. |
jipproponi li tal-inqas linja prijoritarja waħda speċifika u separata tal-Fondi Strutturali 2014-2020 tkun iddedikata għall-użu u l-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija, u li dan l-objettiv jingħata l-viżibilità u l-importanza kollha li jistħoqqlu; |
34. |
jinnota li l-kunċett ta’ belt sostenibbli qed jinbidel fid-direzzjoni ta’ impjanti ta’ produzzjoni tal-enerġija lokali, żieda fil-mobilità tal-elettriku, l-użu ta’ netwerks intelliġenti u sistemi oħrajn li jsolvu kif għandu jsir użu aħjar tar-riżorsi, u jappella għal fergħa speċifikament urbana tal-Politika tal-Koeżjoni li għandha tagħti appoġġ għall-iżvilupp ta’ Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli, it-titjib u l-espansjoni tat-tisħin distrettwali, is-CHP, il-produzzjoni tal-enerġija u l-użu tal-RES, id-dwal pubbliċi, it-trasport pubbliku u mezzi tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini, eċċ. u toħloq servizzi ta’ appoġġ għall-awtoritajiet lokali bħall-aġenziji tal-enerġija lokali u reġjonali; |
35. |
itenni l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tippromovi soluzzjonijiet lokali dwar l-enerġija u tiżviluppa iktar l-inizjattiva “bliet intelliġenti” (jiġifieri arloġġi tad-dawl intelliġenti u netwerks intelliġenti) sabiex jiġu promossi investimenti nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrifletti din l-intenzjoni tajba fi ħdan il-qafas tal-Fondi Strutturali 2014-2020; |
36. |
jesiġi li l-fondi għall-iżvilupp reġjonali/politika tal-koeżjoni li jintefqu fuq it-titjib tal-użu effiċjenti tal-enerġija fid-djar domestiċi jiżdiedu għal mill-inqas 5 %, li jikkorrispondu għal mill-inqas 15 % fi ħdan il-FEŻR fuq medja madwar l-UE kollha; |
37. |
jenfasizza r-rwol prinċipali tal-Fondi Strutturali sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-għarfien, soluzzjonijiet innovattivi u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li joħloq il-bżonn tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-mitigazzjoni tiegħu u l-adattament għalih; |
38. |
jemmen li hu importanti li jiġu inkoraġġuti approċċi parteċipattivi u pjattaformi tal-għarfien li jinkludu s-setturi kollha involuti fil-qasam tat-tibdil fil-klima, fenomenu li qed jiżviluppa ħtiġijiet ta’ riċerka bbażati fuq il-politika; |
Ir-Riċerka u l-Iżvilupp
39. |
jitlob lill-awtorità baġitarja biex jiġu assigurati fondi adegwati u biex jiżdied l-infiq fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-effetti tat-tibdil fil-klima, il-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u l-adattament għat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari b'relazzjoni mal-enerġija u fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku dwar it-Teknoloġija tal-Enerġija, mhux biss fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali iżda wkoll fil-livell lokali u reġjonali, inkluża l-promozzjoni ta’ clusters u ta’ SMEs innovattivi; |
40. |
jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi t-teknoloġiji sostenibbli u l-fondi għall-innovazzjoni meħtieġa għal teknoloġiji intelliġenti ġodda, billi jiġu integrati bis-sħiħ kwistjonijiet u azzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fil-programmi u l-istrateġiji kollha tal-UE; |
41. |
jenfasizza l-importanza li jinxterdu soluzzjonijiet intelliġenti, innovazzjonijiet ewlenin bħala proġetti ta’ dimostrazzjoni sabiex jinbidlu l-attitudnijiet, jissaħħaħ it-tkabbir ekoloġiku u tiġi appoġġjata l-Istrateġija Ewropa 2020; |
Il-Fond Socjali Ewropew
42. |
jenfasizza li l-Fond Soċjali Ewropew jista' jintuża biex tiġi promossa prattika sostenibbli fil-professjonijiet li diġà jeżistu u biex jiġu żviluppati ħiliet ġodda f'teknoloġiji iktar ekoloġiċi u f'servizzi iktar ekoloġiċi billi l-FSE huwa għodda biex il-ħaddiema u n-negozji jingħataw l-għajnuna ħalli jaddattaw ruħhom għal realtajiet ekonomiċi ġodda; |
43. |
għaldaqstant, itenni li l-FSE għandu jiffoka fuq l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-bniedem fil-livell lokali li se jkunu kruċjali għall-iżvilupp fil-futur ta’ bliet u reġjuni b'użu baxx tal-enerġija li fihom ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri effikaċi b'rabta mal-adattament u/jew il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u li se jsaħħu l-ekonomiji lokali; |
Il-Politika Agrikola Komuni
44. |
jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati l-interazzjoni u l-iżvilupp urban u rurali, pereżempju fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, trasport pubbliku li jirrispetta l-ambjent, il-ħarsien tas-servizzi ambjentali, il-ġestjoni tal-ilma, u n-natura attraenti tagħhom, permezz ta’ approċċ integrat; |
45. |
jemmen li l-Politika Agrikola Komuni għandha tippremja lill-bdiewa u lil dawk li jiġġestixxu l-art għall-forniment ta’ prodotti pubbliċi bħall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, il-konservazzjoni ta’ żoni importanti minħabba r-rwol tagħhom bħala bjar tal-karbonju, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra u l-adattament għall-klima; |
46. |
jemmen li jista' jkun hemm lok għal iżjed kondizzjonalità jew iktar influwenza ekoloġika fuq il-PAK (Pilastru I u Pilastru II tal-PAK); |
47. |
jenfasizza li l-Fond għall-Iżvilupp Rurali (Pilastru II tal-PAK) jibqa' metodu vitali biex il-bdiewa jingħataw l-għajnuna ħalli jkunu innovattivi u għall-appoġġ tad-diversifikazzjoni ta’ ekonomiji rurali, u li għaldaqstant għandu jespandi r-rwol attwali tiegħu b'relazzjoni mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għal dan it-tibdil u l-indirizzar ta’ sfidi ewlenin oħrajn fir-rigward ta’ riżorsi bħall-ġestjoni tal-ilma, tal-bijodiversità u tal-ħamrija; |
Mekkaniżmi ġodda ta’ investiment
48. |
itenni li laqa' b'sodisfazzjon “l-allokazzjoni mill-ġdid ta’ approprjazzjonijiet mhux użati taħt il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) 663/2009, li issa huma disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali għal proġetti tal-enerġija sostenibbli” u jenfasizza li din il-Faċilità Ewropea għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija għandha tiġi kkunsidrata bħala preċedent importanti li għandu jiġi segwit fil-ġejjieni; |
49. |
itenni li teżisti “relazzjoni stretta bejn il-pjani ta’ rkupru u l-investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u fl-enerġiji rinnovabbli fil-kuntest attwali tal-kriżi”; |
50. |
jenfasizza li billi l-iżvilupp ta’ ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u reżistenti għat-tibdil fil-klima fil-livell lokali u reġjonali se jtejjeb il-kompetittività globali tal-Ewropa fil-qasam tal-ekonomija ekoloġika, għandu jkun possibbli li dan jiġi kofinanzjat minn bonds għall-proġetti li jinħarġu mill-BEI; |
51. |
jappoġġja mekkaniżmi ta’ finanzjament iktar effiċjenti li jistgħu jrawmu sħubijiet pubbiċi-privati. F'dan il-qasam jistgħu jkunu, pereżempju, self b'interessi baxxi jew mingħajr interessi, garanziji bankarji, fondi lokali li jistgħu jerġgħu jintużaw u għodod oħra innovattivi ta’ inġinerija finanzjarja, li f'konformità mal-prinċipju tal-addizzjonalità għandhom jintużaw f'kombinazzjoni ma’ fondi mogħtija fil-livell lokali u reġjonali mill-Fondi Strutturali; |
52. |
jappoġġja l-idea li għandu jkun disponibbli finanzjament ġdid billi l-livell lokali u reġjonali jiġi allokat mill-inqas terz mid-dħul mis-sistema ta’ skambju tal-kwoti. L-element prinċipali għad-distribuzzjoni eżatta tad-dħul għandu jiġi stabbilit f'kull Stat Membru fil-kuntest tal-istrateġiji nazzjonali għall-klima, sabiex titqies id-distribuzzjoni differenti ħafna f'kull Stat Membru tar-responsabbiltà relatata mal-ħarsien tal-klima. Il-Kumitat jappella għal użu akbar tat-taxxa fuq il-karbonju madwar l-Ewropa u li f'dan ir-rigward jiġu garantiti mezzi ġodda ta’ finanzjament fil-livelli reġjonali u lokali fi ħdan il-kuntest imsemmi hawn fuq. Peress li għalissa l-bliet u r-reġjuni mhumiex jiġu servuti biżżejjed mis-swieq attwali tal-karbonju, iħeġġeġ bil-qawwa l-appell tal-OECD sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistabbilixxu l-proġetti tagħhom għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta’ serra ffinanzjati mis-sistema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. |
Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2011.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Mercedes BRESSO