This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010A0529(03)
Council Opinion on the updated stability programme of Germany, 2009-2013
Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Ġermanja, 2009-2013
Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Ġermanja, 2009-2013
ĠU C 140, 29.5.2010, p. 12–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
29.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 140/12 |
OPINJONI TAL-KUNSILL
dwar il-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Ġermanja, 2009-2013
2010/C 140/03
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,
Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
TA DIN L-OPINJONI:
(1) |
Fis-26 ta' April 2010 il-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Ġermanja, li jkopri l-perjodu mill-2009 sal-2013. |
(2) |
Wara kontrazzjoni qawwija xprunata mill-esportazzjoni fil-bidu tal-2008/09, il-PDG reali reġa’ tela’ sew f'nofs l-2009, bis-saħħa tal-linji ta' politika espansjonarji u żieda fid-domanda estera. Madankollu, telf mill-ġdid tal-momentum lejn tmiem l-2009, issottolinja l-fraġilità tal-irkupru ekonomiku attwali. Filwaqt li s-suq tal-ħaddiema s'issa baqa’ b'saħħtu, b'riflessjoni tal-arranġamenti parzjalment iffinanzjati mill-gvernijiet dwar xogħol b'ħinijiet iqsar, is-settur bankarju ġarrab telf konsiderevoli kif ukoll telf komplet fil-valuri mill-investimenti f'assi strutturati. Minħabba l-miżuri fiskali ta’ stimolu mdaqqsa (fl-2009 u l-2010) adottati b'konformità mal-Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku (PERE) kif ukoll tnaqqis fid-dħul u nefqa akbar marbutin mal-kriżi, il-baġit tal-amministrazzjoni pubblika qaleb minn pożizzjoni bilanċjata fl-2008 għal żbilanċ ta’ aktar minn 3 % tal-PDG fl-2009. Dawn l-iżviluppi wasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv għall-Ġermanja fit-2 ta’ Diċembru 2009 fejn il-Kunsill stipula l-iskadenza tal-2013 għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv. Filwaqt li fit-terminu medju ta’ żmien l-irkupru għandu jkun appoġġat mir-riformi strutturali tal-imgħoddi, notevolment fis-suq tax-xogħol, karti tal-bilanċi sodi korporattivi jew tal-entitajiet domestiċi u pożizzjoni kompetittiva f'saħħitha, sfida ewlenija ser tkun li jiżdied it-tkabbir potenzjali, partikolarment bit-tisħiħ tas-sorsi interni tat-tkabbir. It-tgħaqqid tal-konsolidazzjoni fiskali neċessarja mal-istabilizzazzjoni tas-settur bankarju, l-iżgurar tal-aċċess għall-finanzi mis-settur nonfinanzjarju u aktar titjib fil-kapaċità tas-suq tal-ħaddiema li jaġġusta ruħu, ser ikunu elementi kruċjali biex jappoġġaw l-irkupru ekonomiku. |
(3) |
Minkejja li ħafna mit-tnaqqis osservat fil-PDG attwali fil-kuntest tal-kriżi huwa ċikliku, il-livell tal-produzzjoni potenzjali wkoll kien affettwat b'mod negattiv. Barra minn hekk, il-kriżi tista’ wkoll taffettwa t-tkabbir potenzjali fit-terminu medju ta’ żmien permezz ta’ anqas investiment, limiti ta’ disponibbiltà ta’ kreditu u żieda fil-qgħad strutturali. Barra minn hekk, l-impatt tal-kriżi ekonomika ser jaggrava l-effetti negattivi tax-xjuħija demografika fuq il-prodott potenzjali u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. F'dan l-isfond ser ikun essenzjali li l-pass tar-riformi strutturali jaċċellera bl-għan li jappoġġa t-tkabbir potenzjali. Partikolarment, għall-Ġermanja huwa importanti li tagħmel riformi fl-oqsma tal-kompetizzjoni fis-servizzi, l-integrazzjoni tas-suq tal-ħaddiema u l-edukazzjoni u t-taħriġ. |
(4) |
Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu jibbaża l-programm jipprevedi li wara waqgħa ta’ 5 % fl-2009, it-tkabbir fil-PDG reali ser jiġi rrestawrat, u jitla’ minn 1,4 % fl-2010 għal rata medja ta’ 2 % matul il-bqija tal-perijodu tal-programm. Meta jiġi vvalutat skont l-informazzjoni disponibbli bħalissa (2), dan ix-xenarju jidher li huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet ta’ tkabbir pjuttost favorevoli. Il-previżjonijiet tat-tkabbir fil-PDG reali kemm għall-2010 kif ukoll għall-2011 huma kemmxejn ogħla mill-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009. Barra minn hekk, il-programm jipprevedi espansjoni kemmxejn akbar tal-konsum privat fl-2011, appoġġata minn xejra aktar favorevoli għall-impjiegi, il-qgħad u ż-żieda fil-pagi. Il-previżjonijiet tal-programm għall-inflazzjoni jistgħu jirriżultaw li jkunu għoljin għall-2011, iżda jidhru li huma realistiċi għall-bqija tal-perijodu tal-programm. |
(5) |
Il-programm jistma li l-iżbilanċ tal-amministrazzjoni pubblika għall-2009 jkun ta’ 3,2 % tal-PDG. Id-deterjorazzjoni sinifikanti minn pożizzjoni baġitarja bilanċjata fl-2008 tirrifletti fil-parti l-kbira tagħha l-impatt tal-istabbilizzaturi awtomatiċi, imma kienet ikkawżata wkoll minn miżuri ta stimolu li jammontaw għal madwar 1,75 % tal-PDG li l-gvern adotta b'konformità mal-PERE. It-tkabbir tal-iżbilanċ kien dovut prinċipalment għan-nefqa minħabba ż-żieda fit-trasferimenti soċjali, investiment pubbliku ogħla u sussidju b'appoġġ għax-xogħol b'ħinijiet iqsar. Skont il-programm, il-politika fiskali hija ppjanata li tibqa’ ta’ appoġġ fl-2010 qabel ma ssir restrittiva fl-aħħar snin tal-programm. Fid-dawl tas-sitwazzjoni baġitarja u ekonomika relattivament favorevoli tal-Ġermanja, l-espansjoni fiskali kontinwa fl-2010 hija adegwata u b'konformità mal-PERE. F'konformità mal-istrateġija ta’ ħruġ sostnuta mill-Kunsill u bil-ħsieb li jiġi kkoreġut l-iżbilanċ eċċessiv sal-2013 u tiġi rrestawrata pożizzjoni sostenibbli fil-finanzi pubbliċi, il-pożizzjoni fiskali espansjonarja fl-2009 u l-2010 hija segwita b'issikkar fiskali konsiderevoli mill-2011 'il quddiem. |
(6) |
Skont il-programm, l-iżbilanċ nominali tal-amministrazzjoni pubblika ser jiżdied minn 3,2 % tal-PDG fl-2009 għal 5,5 % fl-2010, u dan b'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-2 ta’ Diċembru 2009. It-twessigħ ulterjuri l-iżbilanċ fl-2010 huwa xprunat l-aktar mill-miżuri fiskali ta’ stimolu u l-impatt tal-istabilizzaturi awtomatiċi. Id-dħul tal-amministrazzjoni pubblika huwa previst li jiċkien bi kważi 2 % tal-PDG dovuti għal miżuri ta’ għajnuna lill-entitajiet domestiċi (bħat-tnaqqis mit-taxxa tal-kontribuzzjonijiet tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, rati ta’ kontribuzzjoni ridotti għall-assigurazzjoni tas-saħħa, żidiet fl-allokazzjonijiet għat-tfal u allokazzjoni personali bażika ogħla) kif ukoll għal domanda interna aktar dgħajfa. Iż-żieda prevista fin-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika b'madwar 0,5 % tal-PDG tista’ tkun attribwita prinċipalment għall-aggravar tas-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol u t-tkomplija tal-investiment fl-infrastruttura pubblika bħala parti mill-istimolu fiskali (madwar 0,25 % tal-PDG skont il-kalkolu tas-servizzi tal-Kummissjoni). Il-perkors tal-politika fiskali fl-2010 ser jibqa’ prinċipalment espansjonarju, kif rifless miż-żieda ta’ 2,5 % tal-PDG fl-iżbilanċ strutturali (ċiklikament aġġustat, nett ta' miżuri ta’ darba u miżuri oħrajn temporanji, kif ikkalkolat mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-programm skont il-metodoloġija miftiehma komunement). Id-deterjorazzjoni qawwija fil-bilanċ strutturali hija primarjament riżultat tal-miżuri ġodda ta’ stimolu introdotti fl-2010 u effetti li baqgħu minn uħud mill-miżuri ta’ stimolu adottati fl-2009 (eż. ir-rata ridotta ta’ kontribuzzjoni għall-assigurazzjoni tas-saħħa, investiment addizzjonali fl-infrastruttura). Il-bidla fl-iżbilanċ strutturali kkalkolat skont il-metodoloġija miftiehma komunement (approċċ minn fuq għal isfel) li tammonta għal – 2,5 % tal-PDG hija differenti mill-bidla spjegata fl-informazzjoni dwar il-miżuri diskrezzjonarji adottati fl-2010 (approċċ minn isfel għal fuq) stmat mis-servizzi tal-Kummissjoni għal madwar – 1,75 % tal-PDG. Din id-diskrepanza tista' tkun assoċjata mal-effetti negattivi tal-kompożizzjoni fuq id-dħul mit-taxxa, partikolarment minħabba l-konsum privat u ż-żieda fil-pagi dgħajfin, u telfiet eventwali fid-dħul minn taxxi marbuta mal-profitti. |
(7) |
L-għan prinċipali tal-istrateġija baġitarja għat-terminu medju ta’ żmien huwa li jiġi kkoreġut l-iżbilanċ eċċessiv sal-2013 b'medja ta' sforz fiskali annwali ta' madwar 0,75 % tal-PDG fl-2011-2013, konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-2 ta’ Diċembru 2009. Il-programm jipprevedi li l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika ser jitjieb mill-2011 'il quddiem. F'termini nominali, il-konsolidazzjoni hija mistennija sseħħ bl-istess dimensjoni fl-2011 u l-2012 – madwar punt (1) perċentwali għal kull sena – segwit minn aġġustament iżgħar ta’ madwar 0,5 punt perċentwali fl-2013. Il-pjan previst għall-aġġustament huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni teknika ta’ konsolidazzjoni xprunata min-nefqa fil-livell federali (b'sikkatura mifruxa ndaqs fil-kategoriji kollha tan-nefqa ħlief għall-ħlasijiet tal-imgħax u t-trasferimenti għal livelli oħra tal-gvern u għall-esteru). Din is-suppożizzjoni teknika hija relatata mar-rekwiżiti ta’ konsolidazzjoni implikati mir-regola nazzjonali baġitarja ġdida. Il-konsolidazzjoni mistennija hija prevista li tiġġarrab prinċipalment mill-gvern Federali (madwar 2 % tal-PDG tul il-perijodu 2011 u 2013) u anqas mil-Länder (madwar 0,5 % tal-PDG). F'termini strutturali (ikkalkolati mill-ġdid skont il-metodoloġija miftiehma komunement), l-iżbilanċ huwa previst li jitjieb b'madwar 0,5 % tal-PDG fl-2011, madwar 1 % tal-PDG fl-2012 u madwar 0,75 % tal-PDG fl-2013. Fid-dawl taż-żieda fil-pagamenti tad-dejn u l-imgħaxijiet, li jiżdiedu lejn tmiem il-programm, il-bilanċ primarju jeħtieġ jittejjeb aktar malajr mil-iżbilanċ nominali. L-għan tal-Ġermanja għat-terminu medju ta’ żmien huwa li l-baġit tal-amministrazzjoni pubblika jitqarreb lejn il-bilanċ f’termini strutturali. Skont il-programm, dan jimplika objettiv tat-terminu medju (OTM) ta’ – 0,5 % tal-PDG. Minħabba l-aktar previżjonijiet u livell tad-dejn reċenti, l-OTM jirrifletti l-objettivi tal-Patt. Madankollu, il-programm ta’ stabbiltà aġġornat ma jipprevedix li jintlaħaq l-OTM fil-perijodu tal-programm. |
(8) |
L-eżiti baġitarji jistgħu jirriżultaw agħar minn dawk previsti fil-programm, partikolarment fis-sena 2011 u wara. Dan huwa relatat man-nuqqas ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni speċifiċi wara l-2010, il-ħtieġa li r-regola baġitarja nazzjonali l-ġdida tiġi implimentata b'mod effettiv fil-livell ta' gvern ċentrali u sottofederali mingħajr ma jiġu posposti r-rekwiżiti ta' konsolidazzjoni għas-snin l-aktar imbiegħda, l-inċertezza dwar l-introduzzjoni possibbli ta’ aktar qtugħ tat-taxxi previst fil-ftehim ta’ Koalizzjoni u r-rikonċiljazzjoni tagħhom mal-awsterità baġitarja neċessarja kif ukoll mas-suppożizzjonijiet kemmxejn favorevoli ta’ tkabbir. Miżuri addizzjonali ta’ stabilizzazzjoni tas-swieq finanzjarji jistgħu jpoġġu aktar piż fuq il-baġit, minkejja li xi spejjeż tal-appoġġ mill-gvern jistgħu jiddaħħlu lura fil-futur. |
(9) |
Id-dejn gross tal-gvern huwa stmat għal 72,5 % tal-PDG fl-2009, żieda minn 65,9 % fis-sena ta’ qabel. Minbarra ż-żieda fl-iżbilanċ u t-tnaqqis fit-tkabbir tal-PDG, aġġustament sinifikanti fil-fluss tal-istokks (madwar 1 % tal-PDG) jirrifletti primarjament l-operazzjonijiet tas-salvataġġ tal-banek li kkontribwew għaż-żieda fil-proporzjon tad-dejn. Il-proporzjon tad-dejn huwa previst li jiżdied b'9,5 punti perċentwali oħra matul il-perijodu tal-programm għal 82 % tal-PDG, prinċipalment xprunat mit-tkomplija tal-iżbilanċi tal-gvern u, kemmxejn anqas, minn aġġustamenti mhux speċifikati fil-flussi tal-istokks li jżidu d-dejn, ta’ madwar 0,5 % tal-PDG kull sena bejn l-2011 u l-2013. Il-previżjoni tad-dejn inkluża fil-programm tibbaża fuq is-suppożizzjoni li l-livell tad-dejn mhuwiex ser jiġi affettwat mill-istabbiliment ta' “banek problematiċi”. Barra r-riskji marbuta mal-perkors tal-iżbilanċ, l-evoluzzjoni tal-proporzjon tad-dejn hija soġġetta għal riskji relatati ma’ aktar piżijiet relatati mal-istabbilizzazzjoni tas-suq finanzjarju. Il-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern huwa ogħla mill-valur referenzjali fit-Trattat u tendenzjalment ser jogħla matul il-perijodu kollu tal-programm. |
(10) |
Il-previżjonijiet tad-dejn għall-perijodu medju li jassumu li r-rati ta’ tkabbir tal-PDG ser jirkupraw gradwalment biss sal-valuri previsti qabel il-kriżi, u li l-proporzjonijiet tat-taxxi ser jerġgħu lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi u li jinkludu ż-żieda prevista fl-infiq relatat mat-tixjiħ juru li l-strateġija baġitarja prevista fil-programm, meħuda b'valur nominali u mingħajr ebda bidla oħra ta' politika, ma tkunx biżżejjed biex tistabbilizza l-proporzjon tad-dejn-PDG sal-2020. |
(11) |
L-impatt baġitarju fit-tul tat-tixjiħ huwa ftit ogħla mill-medja tal-UE. Il-pożizzjoni baġitarja fl-2009 kif stmata fil-programm tkompli tkabbar l-impatt baġitarju tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq id-diskrepanza fis-sostenibbiltà. Il-kisba ta' bilanċi pożittivi primarji fit-terminu medju ta’ żmien tkun tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi li kienu vvalutati bħala medji fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar is-Sostenibbiltà 2009 (3). |
(12) |
Il-qafas fiskali tal-Ġermanja ssaħħaħ konsiderevolment permezz tar-regola baġitarja ġdida ċċementata fil-Kostituzzjoni f'Awwissu 2009. Fl-istess linja tal-istruttura tal-mekkaniżmu preventiv tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST), ir-regola l-ġdida hija regola ta’ tqarrib lejn il-bilanċ li għall-iżbilanċ strutturali federali tistipula l-livell ta’ 0,35 % tal-PDG mill-2016 'il quddiem b’perijodu ta’ tranżizzjoni li jibda fl-2011. Il-baġits reġjonali tal-Länder għandom ikunu strutturalment ibbilanċjati mill-2020, iżda l-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni rispettivi tagħhom għad mhumiex ċari. Nuqqas ta’ pjanijiet ta’ awsterità fil-livell sottofederali u inċertezzi marbuta mal-bżonnijiet futuri ta’ finanzjament tal-fondi tas-sigurtà soċjali jippreżentaw riskju potenzjali għall-konsolidazzjoni tal-baġit tal-amministrazzjoni pubblika. Madankollu, ir-regola l-ġdida ttejjeb il-kredibbiltà fiskali u tnaqqas konsiderevolment il-manuvrar diskrezzjonarju meta mqabbel mar-regola baġitarja preċedenti li ma kinitx tipprevjeni l-akkumulu tad-dejn fid-deċennji mgħoddija. Il-Kunsill dwar l-Istabbiltà (Stabilitätsrat) maħluq reċentement, magħmul mill-ministri tal-finanzi tal-Bund u tal-Länder, ser jimmonitorja regolarment il-baġits federali u reġjonali, inkluż l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni fil-qafas tal-PST. Madankollu, ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu mhumiex vinkolanti u ma għandux setgħa jimponi sanzjonijiet. Il-qafas il-ġdid huwa ppjanat li jittejjeb aktar permezz tal-qlib minn approċċ minn isfel għal fuq lejn approċċ minn fuq għal isfel tal-ippjanar baġitarju, b'titjib fil-kontroll tan-nefqa mill-Ministeru tal-Finanzi u b'hekk tkun appoġġata l-konformità mal-konsolidazzjoni predeterminata mir-regola baġitarja. Barra minn hekk, il-gvern jippjana riforma gradwali tal-ibbaġitjar federali u s-sistema kontabbli li tiffoka aktar fuq il-valutazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni tad-dħul u l-infiq. |
(13) |
Minkejja l-kwalità kumplessivament tajba tal-finanzi pubbliċi tal-Ġermanja, għad hemm lok għal titjib. Fuq in-naħa tad-dħul, il-kodiċijiet tat-taxxa tal-kumpaniji u tal-introjtu baqgħu kumplessi, u s-sistema tat-taxxa toffri bosta konċessjonijiet fiskali. Minkejja aktar pjanijiet biex jiżdied l-infiq fuq l-edukazzjoni u l-R&Ż, il-proporzjon relattivament baxx ta’ investiment fil-konsum pubbliku jindika li hemm potenzjal għal kompożizzjoni tan-nefqiet orjentata aktar lejn it-tkabbir. Filwaqt li l-programm jirrikonoxxi l-importanza ta’ reviżjoni komprensiva tas-sussidji pubbliċi, ma jelenka l-ebda pjan konkret f'dan ir-rigward. Gwadanni addizzjonali fl-effiċjenza jistgħu jseħħu bit-titjib tal-koordinazzjoni baġitarja bejn il-gvernijiet federali u reġjonali u permezz ta’ aktar riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika (eż. użu akbar tal-immaniġġar tal-kwalità, esternalizzazjoni, gvern elettroniku, tnaqqis fl-impjiegi fis-settur pubbliku, eċċ.) (4). Il-ħtieġa għall-konsolidazzjoni fiskali tillimita l-ambitu tas-sussidji għas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi mill-baġit ġenerali. Modifiki riċenti ad hoc tal-formola tal-aġġustamenti tal-pensjonijiet jippreġudikaw il-kredibbiltà tar-riformi tal-pensjonijiet li saru, minħabba li l-korrezzjoni prevista fis-snin ta' wara tista' tkun diffiċli. Rigward l-assigurazzjoni statutorja tas-saħħa, il-gvern stabbilixxa kumitat speċjali fil-livell ministerjali biex jikkunsidra mill-ġdid il-finanzjament tas-sistema tas-saħħa, b'mod partikolari biex jeżamina l-opzjonijiet għall-frid tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tas-saħħa mill-introjtu mill-pagi bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ħaddiema li ma joriġinawx mill-pagi. L-ewwel riżultati huma mistennija f'Lulju 2010. |
(14) |
Kumplessivament, fl-2010 l-istrateġija baġitarja stipulata fil-programm hija konsistenti mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) tat-2 ta’ Diċembru 2009. Madankollu, mill-2011 'il quddiem, meta jitqiesu r-riskji, l-istrateġija baġitarja ma tistax tkun konsistenti mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) tat-2 ta’ Diċembru 2009. B'mod partikolari, il-pjan ta’ konsolidazzjoni mill-2011 'il quddiem mhuwiex sostnut b'xi miżuri konkreti u ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni dwar l-implimentazzjoni possibbli tal-miżuri espansjonarji proposti fil-ftehim ta’ koalizzjoni l-ġdid tal-gvern u r-rikonċiljazzjoni tagħhom mal-awsterità baġitarja neċessarja. Ir-regola baġitarja nazzjonali - punt ċentrali tal-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni – għad trid tiġi implimentata f'kull livell ta' gvern. Barra minn hekk, jekk l-irkupru ekonomiku jkun aktar kajman milli attwalment mistenni, dan jista’ jippreġudika l-objettivi baġitarji. Fid-dawl tar-riskji, il-medja tal-isforzi fiskali annwali tista’ ma tlaħħaqx l-aġġustament irrakkomandat mill-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7). Fid-dawl tal-projezzjonijiet tad-dejn ippreżentati fil-programm u r-riskju ta’ aktar miżuri possibbli ta’ stabbilizzazzjoni tas-swieq finanzjarji, l-istrateġija baġitarja mhijiex biżżejjed biex treġġa’ lura għan-niżla l-proporzjon tad-dejn imqabbel mal-PDG. Il-konsolidazzjoni maħsuba xprunata min-nefqa, kif ukoll żidiet pjanati fl-infiq fuq l-edukazzjoni u r-R&Ż, ikunu konsistenti mal-mira tal-appoġġ għall-irkupru tat-tkabbir potenzjali. Madankollu, it-tnaqqis proġettat fil-proporzjon kumplessiv tal-investiment taħt il-livell li kien fl-2009 huwa preokkupanti. |
(15) |
Fir-rigward tar-rekwiżiti tad-data speċifikati fil-kodiċi tal-kondotta għall-programmi ta' stabbiltà u konverġenza, il-programm fih xi biċċiet nieqsa fid-data rikjesta u f'dik fakultattiva (5). Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu taħt l-Artikolu 126(7) tat-2 ta’ Diċembru 2009 bil-ħsieb li s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ eċċessiv tinġieb fi tmiemha, il-Kunsill stieden ukoll lill-Ġermanja biex tirrapporta dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill f'kapitolu separat fl-aġġornamenti tal-programmi ta’ stabbiltà. It-taqsima rispettiva tal-aġġornament tal-programm tipprovdi biss informazzjoni limitata ħafna dwar kif il-gvern Ġermaniż qed jippjana li jagħmel progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. |
Il-konklużjoni kumplessiva hija li b'riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-finanzi pubbliċi tal-Ġermanja ddeterjoraw sostanzjalment minħabba l-istabbilizzaturi awtomatiċi u rispons mifrux fil-wisa' f'konformità mal-PERE b'reazzjoni għall-kriżi. Il-konsolidazzjoni prevista bbażata fuq in-nefqa mill-2011 'il quddiem twassal għal korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv sal-2013. Madankollu, meta jitqiesu r-riskji, l-istrateġija baġitarja mill-2011 'il quddiem tista' ma tkunx konsistenti mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) tat-2 ta’ Diċembru 2009. Dan huwa marbut man-nuqqas ta’ miżuri speċifiċi li jsostnu l-pjan propost ta’ awsterità wara l-2010, l-inċertezza dwar l-implimentazzjoni ta’ aktar qtugħ tat-taxxi previst fil-ftehim ta’ koalizzjoni tal-gvern il-ġdid u r-rikonċiljazzjoni tagħhom mal-konsolidazzjoni neċessarja, ir-riskji relatati mal-qawwa tal-irkupru ekonomiku u l-ħtieġa possibbli ta’ aktar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-swieq finanzjarji.
Għaldaqstant, implimentazzjoni sħiħa tal-qafas baġitarju mtejjeb għat-terminu medju ta’ żmien u l-impenn qawwi f'kull livell ta' gvern sabiex jaderixxu miegħu, ser ikunu kruċjali biex tinkiseb il-konsolidazzjoni fiskali prevista. Meta jitqies il-bżonn li tiġi rrikonċiljata l-konsolidazzjoni fiskali neċessarja mat-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija fit-tul, il-konsolidazzjoni prevista bbażata fuq in-nefqa tidher xierqa, bl-istess mod kif tidher iż-żieda ppjanata fl-infiq fuq l-edukazzjoni u r-R&Ż. Fid-dawl tad-dejn pubbliku jiżdied u bidliet ad hoc ripetuti fil-formula tal-aġġustament tal-pensjonijiet kif ukoll inċertezza dwar l-iffinanzjar tal-assigurazzjoni statutorja tas-saħħa, għandha tingħata attenzjoni mill-ġdid lill-miżuri mmirati biex itejbu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul.
Fid-dawl tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq kif ukoll fid-dawl tar-rakkomandazzjoni taħt l-Artikolu 126(7) TFUE tat-2 ta’ Diċembru 2009, il-Ġermanja hija mistiedna sabiex:
(i) |
tispeċifika l-miżuri neċessarji biex isostnu l-konsolidazzjoni prevista; timplimenta l-istrateġija baġitarja għall-2011-2013 kif imfisser fil-programm biex jiġi kkoreġut l-iżbilanċ eċċessiv sal-2013; taħtaf kull opportunità lil hinn mill-isforzi fiskali, kif irrakkomandat fil-PŻE, inkluż permezz ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi aħjar, biex taċċellera t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn gross lura lejn il-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG; |
(ii) |
tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-regola baġitarja kostituzzjonali ġdida f'kull livell ta' gvern, u treġġa' lura d-devjazzjoni mill-formula tal-aġġustament tal-pensjonijiet fl-2008 kif previst. |
Il-Ġermanja hija mistiedna wkoll tissottometti, fil-waqt għall-valutazzjoni tal-azzjoni effettiva taħt il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, addendum għall-programm biex tirrapporta dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) tat-2 ta’ Diċembru 2009 u biex tfisser f'ċertu dettall l-istrateġija ta’ konsolidazzjoni li ser tkun neċessarja biex tersaq lejn il-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv.
Il-Ġermanja hija mistiedna wkoll ittejjeb il-konformità mar-rekwiżiti tad-data tal-kodiċi tal-kondotta.
Paragun ta' projezzjonijiet ewlenin makroekonomiċi u baġitarji
|
|
2008 |
2009 |
2010 |
2011 |
2012 |
2013 |
PDG reali (% ta' bidla) |
PS Jan 2010 |
1,3 |
–5,0 |
1,4 |
2 |
2 |
2 |
COM Nov 2009 |
1,3 |
–5,0 |
1,2 |
1,7 |
m.d. |
m.d. |
|
PS Jan 2009 |
1,3 |
–2,3 |
1,25 |
1,25 |
1,25 |
m.d. |
|
Inflazzjoni tal-IAPK (%) |
PS Jan 2010 |
m.d. |
m.d. |
m.d. |
m.d. |
m.d. |
m.d. |
COM Nov 2009 |
2,8 |
0,3 |
0,8 |
1,0 |
m.d. |
m.d. |
|
PS Jan 2009 |
m.d. |
m.d. |
m.d. |
m.d. |
m.d. |
m.d. |
|
Lakuna bejn il-prodott effettiv u dak potenzjali (6) (% tal-PDG potenzjali) |
PS Jan 2010 |
3,2 |
–2,6 |
–2,1 |
–1,3 |
–1,1 |
–0,9 |
COM Nov 2009 (7) |
3,0 |
–2,9 |
–2,6 |
–2,2 |
m.d. |
m.d. |
|
PS Jan 2009 |
2,2 |
–0,9 |
–0,7 |
–0,7 |
–1,0 |
m.d. |
|
Self mogħti/meħud nett vis-à-vis l-bqija tad-dinja (% tal-PDG) |
PS Jan 2010 |
6,6 |
4,5 |
4,9 |
5 |
5,5 |
5,5 |
COM Nov 2009 |
6,6 |
4,0 |
3,8 |
3,7 |
m.d. |
m.d. |
|
PS Jan 2009 |
7,1 |
7,0 |
7 |
7 |
7 |
m.d. |
|
Dħul ġenerali tal-gvern (% tal-PDG) |
PS Jan 2010 |
43,7 |
44,4 |
42,5 |
42 |
42 |
42 |
COM Nov 2009 |
43,7 |
44,6 |
43,3 |
42,9 |
m.d. |
m.d. |
|
PS Jan 2009 |
44 |
43,5 |
42,5 |
42,5 |
43 |
m.d. |
|
Nefqa ġenerali tal-gvern (% tal-PDG) |
PS Jan 2010 |
43,7 |
47,6 |
48 |
47 |
46 |
45 |
COM Nov 2009 |
43,7 |
48,0 |
48,3 |
47,5 |
m.d. |
m.d. |
|
PS Jan 2009 |
44 |
46,5 |
46,5 |
45,5 |
45,5 |
m.d. |
|
Bilanċ ġenerali tal-gvern (% tal-PDG) |
PS Jan 2010 |
0,0 |
–3,2 |
–5,5 |
–4,5 |
–3,5 |
–3 |
COM Nov 2009 |
0,0 |
–3,4 |
–5,0 |
–4,6 |
m.d. |
m.d. |
|
PS Jan 2009 |
0 |
–3 |
–4 |
–3 |
–2,5 |
m.d. |
|
Bilanċ primarju (% tal-PDG) |
PS Jan 2010 |
2,7 |
–0,6 |
–3 |
–2 |
–0,5 |
0,5 |
COM Nov 2009 |
2,7 |
–0,6 |
–2,2 |
–1,7 |
m.d. |
m.d. |
|
PS Jan 2009 |
2,5 |
0 |
–1 |
0 |
0,5 |
m.d. |
|
Bilanċ aġġustat ċiklikalment (6) (% tal-PDG) |
PS Jan 2010 |
–1,6 |
–1,9 |
–4,4 |
–4,1 |
–3,1 |
–2,3 |
COM Nov 2009 |
–1,5 |
–1,9 |
–3,6 |
–3,5 |
m.d. |
m.d. |
|
PS Jan 2009 |
–1,2 |
–2,4 |
–3,5 |
–2,4 |
–2,1 |
m.d. |
|
Bilanċ strutturali (8) (% tal-PDG) |
PS Jan 2010 |
–1,2 |
–1,8 |
–4,4 |
–3,9 |
–3,0 |
–2,3 |
COM Nov 2009 |
–1,1 |
–1,9 |
–3,6 |
–3,5 |
m.d. |
m.d. |
|
PS Jan 2009 |
–0,8 |
–2,5 |
–3,4 |
–2,4 |
–2,1 |
m.d. |
|
Dejn gross tal-gvern (% tal-PDG) |
PS Jan 2010 |
65,9 |
72,5 |
76,5 |
79,5 |
81 |
82 |
COM Nov 2009 |
65,9 |
73,1 |
76,7 |
79,7 |
m.d. |
m.d. |
|
PS Jan 2009 |
65,5 |
68,5 |
70,5 |
71,5 |
72,5 |
m.d. |
|
Programm ta’ Stabbiltà (PS); It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Id-dokumenti msemmija f'dan it-test jinsabu fuq il-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/index_mt.htm.
(2) Il-valutazzjoni tqis notevolment il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009, iżda wkoll informazzjoni oħra li laħqet saret disponibbli minn dakinhar, inkluż il-previżjoni interim tas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ Frar 2010.
(3) Fil-konklużjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2009 dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi “il-Kunsill jappella lill-Istati Membri biex jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq strateġiji orjentati lejn is-sostenibbiltà fil-programmi tagħhom li jmiss dwar l-istabbiltà u l-konverġenza” u wkoll “jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, tiżviluppa aktar il-metodoloġiji għall-evalwar tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi fil-ħin għar-Rapport ta' Sostenibbiltà li jmiss”, li hu previst għall-2012.
(4) Ara Bundesrechnungshof (2009), “Chancen zur Entlastung und Modernisierung des Bundeshaushalts”.
(5) B'mod partikolari, hija nieqsa d-data dwar introjtu mill-proprjetà, ir-rata ta’ mgħax impliċita fuq id-dejn, kategoriji dettaljati tal-aġġustamenti fil-flussi tal-istokks u l-iżviluppi ċikliċi, filwaqt li l-kategoriji “Kumpens għall-impjegati u konsum intermedju ”u “Ħlasijiet soċjali” jintwerew f'aggregazzjoni differenti. Dan għandu l-effett li jagħmel il-valutazzjoni oġġettivament aktar diffiċli.
(6) Lakuni fir-riżultati u bilanċi aġġustati ċiklikament mill-programmi kif ikkalkulati mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-programmi.
(7) Ibbażat fuq it-tkabbir potenzjali stmat ta' 1,0 %, 0,7 %, 0,9 % u 1,2 % rispettivament fil-perjodu 2008-2011.
(8) Bilanċ aġġustat ċiklikament li jeskludi miżuri ta’ darba biss u miżuri temporanji oħrajn. Miżuri ta’ darba biss u oħrajn temporanji jżidu l-iżbilanċ b'0,4 % tal-PDG fl-2008 u 0,1 % tal-PDG fl-2009 skont l-aktar programm riċenti u b'0,3 % tal-PDG fl-2008 skont il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni ta' Novembru 2009. Ma hemm l-ebda miżura ta’ darba biss jew oħrajn temporanji għas-snin 2010-2013 skont l-aktar programm reċenti u għas-snin 2009-2011 skont il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009.
Sors:
Programm ta’ Stabbiltà (PS); It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.