This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008XC0723(07)
Notice of initiation of an anti-subsidy proceeding concerning imports of sodium metal originating in the United States of America
Avviż ta' ftuħ ta' proċedura kontra s-sussidju fir-rigward ta' importazzjonijiet tal-metall tas-sodju li joriġina mill-Istati Uniti ta' l-Amerika
Avviż ta' ftuħ ta' proċedura kontra s-sussidju fir-rigward ta' importazzjonijiet tal-metall tas-sodju li joriġina mill-Istati Uniti ta' l-Amerika
ĠU C 186, 23.7.2008, p. 35–36
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.7.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 186/35 |
Avviż ta' ftuħ ta' proċedura kontra s-sussidju fir-rigward ta' importazzjonijiet tal-metall tas-sodju li joriġina mill-Istati Uniti ta' l-Amerika
(2008/C 186/11)
Il-Kummissjoni rċeviet ilment b'konformità ma' l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), li jallega li l-importazzjonijiet tal-metall tas-sodju, li joriġinaw mill-Istati Uniti ta' l-Amerika (“il-pajjiż ikkonċernat”), qegħdin jiġu sussidjati u għalhekk qegħdin joħolqu ħsara materjali għall-industrija Komunitarja.
1. L-ilment
L-ilment tressaq fl-10 ta' Ġunju 2008 mill-uniku produttur tal-Komunità, Metaux Speciaux (MSSA S.A.S)(“il-kwerelant”).
2. Il-prodott
Il-prodott li allegatament qed jiġi ssussidjat huwa s-sodju, f'ammonti kbar, li joriġina fl-Istati Uniti ta' l-Amerika (“il-prodott ikkonċernat”), iddikjarat normalment fi ħdan il-kodiċi NM ex 2805 11 00. Din il-kodiċi NM qed tingħata biss għall-informazzjoni.
3. L-allegazzjoni ta' sussidju
Huwa allegat li l-produtturi tal-prodott ikkonċernat mill-Istati Uniti ta' l-Amerika bbenefikaw minn għadd ta' sussidji mill-Istat mogħtija mill-Gvern ta' l-Istat ta' New York. Is-sussidji jikkonsistu minn allokazzjonijiet fil-qafas tal-“Power Programs” għall-Iżvilupp Ekonomiku ta' l-Istat ta' New York: “Replacement Power” u “Expansion Power”.
Huwa allegat li dawn l-iskemi huma sussidji billi jinvolvu kontribut finanzjarju mill-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika jew Gvernijiet statali oħrajn u jikkonferixxu benefiċċju lid-destinatarji, jiġifieri l-esportaturi/produtturi tal-metall tas-sodju. Huwa allegat li huma limitati għal kumpaniji speċifiċi u għalhekk speċifiċi u kompensatorji.
4. L-allegazzjoni ta' ħsara
Il-kwerelant ta evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Istati Uniti ta' l-Amerika żdiedu b'mod ġenerali f'termini assoluti u f'termini ta' sehem mis-suq.
Qed jiġi allegat li l-volumi u l-prezzijiet tal-prodott importat ikkonċernat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq is-sehem mis-suq miksub u l-livell ta' prezzijiet applikati mill-industrija Komunitarja, bir-riżultat li hemm effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni globali, il-qagħda finanzjarja u l-qagħda ta' l-impjieg ta' l-industrija Komunitarja.
5. Il-Proċedura
Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija Komunitarja jew f'isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta' proċediment, il-Kummissjoni qiegħda b'dan tagħti bidu għal investigazzjoni skond l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.
5.1. Il-proċedura għad-determinazzjoni ta' l-issussidjar u l-ħsara
L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Istati Uniti ta' l-Amerika hux qed ikun issussidjat u jekk dan is-sussidju kkawżax ħsara.
(a) Il-Kwestjonarji
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-industrija Komunitarja u lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' produtturi fil-Komunità, lill-esportaturi/produtturi fl-Istati Uniti ta' l-Amerika, lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' esportaturi/produtturi, lill-importaturi, lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat li jkun qiegħed jesporta.
(b) Ġbir ta' informazzjoni u smigħ ta' seduti
Il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu informazzjoni barra mit-tweġibiet għall-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Din l-informazzjoni u din l-evidenza ta' sostenn għandha tasal għand il-Kummissjoni fiż-żmien stipulat fil-punt 6(b).
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fiż-żmien stipulat fil-punt 6(c).
5.2. Il-proċedura għall-evalwazzjoni ta' l-interess Komunitarju
Skond l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku u fil-każ li l-allegazzjonijiet ta' ssussidjar u ħsara kkważati minħabba f'hekk huma ssostanzjati, se tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-adozzjoni tal-miżuri kompensatorji tmurx kontra l-interess Komunitarju. Għal din ir-raġuni il-Kummissjoni tista' tibgħat kwestjonarji lill-industrija magħrufa tal-Komunità, l-importaturi, l-għaqdiet rappreżentanti tagħhom, l-utenti rappreżentanti u l-organizzazzjonijiet rappreżentanti tal-konsumatur. Tali partijiet, inklużi dawk li mhumiex magħrufa mill-Kummissjoni, dment li jipprovaw li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, jistgħu, fi ħdan il-limiti ta' żmien stabbiliti fil-punt 6(b), jippreżentaw ruħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni b'tagħrif. Il-partijiet li jkunu aġixxew f'konformità mas-sentenza preċedenti jistgħu jitolbu seduta ta' smigħ filwaqt li jfissru r-raġunijiet partikolari għala għandhom jinstemgħu fiż-żmien stipulat fil-punt 6(c). Ta' min jinnota li kull tagħrif imressaq skond l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku se jitqies biss jekk ikun sostnut minn evidenza fattwali fiż-żmien meta jitressaq.
6. Il-limiti ta' żmien
(a) Biex il-partijiet jitolbu kwestjonarju
Il-partijiet kollha interessati għandhom jitolbu kwestjonarju malajr kemm jista' jkun, iżda mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
(b) Biex il-partijiet jippreżentaw ruħhom, jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull tagħrif ieħor
Il-partijiet interessati kollha, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom għandhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom, iressqu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Ta' min jinnota li l-eżerċizzju tal-biċċa l-kbira mid-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi milli l-parti tippreżenta ruħha matul il-perjodu msemmi qabel.
(c) Seduti
Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 40 jum.
7. Sottomissjonijiet bil-miktub, tweġibiet għall-kwestjonarju u korrispondenza
Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati jridu jsiru bil-miktub (mhux b'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-fax tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inklużi t-tagħrif mitlub f'dan l-avviż, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta minn partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Limitati” (2) u, skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati b'verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
Kummissjoni Ewropea |
Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ |
Direttorat H |
Uffiċċju: J-79 4/23 |
B-1049 Brussell |
Fax (32-2) 295 65 05 |
8. Nuqqas ta' kooperazzjoni
F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess, jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti ta' żmien, jew b'mod sinifikanti tfixkel l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skond l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.
Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha titwarrab u għandhom jintużaw il-fatti disponibbli. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skond l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.
9. L-iskeda ta' l-investigazzjoni
L-investigazzjoni se tingħalaq, skond l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku fi żmien 13-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Skond l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn 9 xhur mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
10. L-ipproċessar ta' dejta personali
Ta' min jinnota li kull data personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' l-individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dejta bħal din (3).
11. L-Uffiċjal għas-Smigħ
Ta' min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta' difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent ta' l-Uffiċjal għas-Smigħ tad-DĠ Trade. Huwa jagħmilha ta' intermedjarju bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn hemm bżonn, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-protezzjoni ta' l-interessi tagħhom f'dan il-proċediment, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjonijiet tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet ta' l-Uffiċjal għas-Smigħ tal-websajt tad-DĠ Trade (http://ec.europa.eu/trade).
(1) ĠU L 288, 21.10.97, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).
(2) Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Huwa protett skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skond l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar Sussidji u Miżuri Kompensatorji.