Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006AR0118

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-effett ta' lieva ( leverage effect ) tal-fondi strutturali

ĠU C 156, 7.7.2007, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 156/1


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-effett ta' lieva (leverage effect  (1)) tal-fondi strutturali

(2007/C 156/01)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Attwalment, l-Ewropa għaddejja minn tibdiliet soċjo-ekonomiċi kbar u sfidi teknoloġiċi li huma ċentrali għall-għan prinċipali ta' l-Aġenda ta' Lisbona 2000, sabiex jinżamm u jiġi żviluppat mudell Ewropew li huwa kapaċi jgħaqqad il-prosperità u s-solidarjetà. L-Ewropa tista' tagħmel dan biss billi żżomm qafas politiku b'saħħtu li jipprovdi lill-atturi bl-istrumenti neċessarji mhux biss sabiex jaħtfu l-opportunitajiet ġodda iżda wkoll sabiex jiġġestixxu l-konsegwenzi. Ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali huma fost dawk li l-aktar li huma esposti għal dawn l-isfidi iżda huma wkoll fl-aħjar pożizzjoni sabiex jittrasformaw orjentazzjonijiet strateġiċi f'azzjonijiet konkreti li huma kapaċi li jimmobilizzaw l-atturi soċjali u ekonomiċi fl-Ewropa kollha.

L-istrateġija rinnovata ta' l-UE għat-tkabbir u l-impjiegi, għalhekk, tista' tirnexxi biss jekk tkun kapaċi timmobilizza r-riżorsi fit-territorji kollha ta' l-Unjoni. Madankollu, kemm il-baġits nazzjonali kif ukoll dak ta' l-UE huma taħt pressjoni, u l-Ewropa għalhekk trid tipprova ssib l-aħjar mezz sabiex jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji disponibbli. Il-KtR jikkunsidra li, minħabba l-orjentazzjoni strateġika u l-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni tiegħu, il-politika ta' koeżjoni għandha effett ta' lieva għad-dispożizzjoni ta' l-Unjoni.

Il-KtR jikkunsidra li l-effett ta' lieva tal-politika ta' koeżjoni ta' l-UE tista' terġa' tissaħħaħ b'mod sinifikanti matul il-perijodu ta' programmar għall-2007-2013. Il-prinċipji tal-politika ta' koeżjoni, ippruvati u ttestjati, ġew ikkumplimentati minn numru ta' miżuri: l-adozzjoni ta' approċċ aktar strateġiku għall-politika ta' koeżjoni, l-allokazzjoni ta' fondi u l-applikazzjoni akbar tagħhom f'setturi prijoritarji, qafas legali mtejjeb għall-adozzjoni ta' skemi innovattivi ta' finanzjament, l-enfasizzar ta' l-importanza dovuta għall-programmi ta' żvilupp urban u kooperazzjoni aħjar fil-livell territorjali.

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

WARA LI KKUNSIDRA d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta' l-24 ta' Marzu 2006, sabiex tikkonsultah dwar dan is-suġġett, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 265 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

WARA LI KKUNSIDRA l-ittra mingħand il-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Lulju 2006 fejn il-KtR intalab jabbozza opinjoni dwar il-konsegwenzi tal-politika reġjonali fuq il-koeżjoni ta' l-UE;

WARA LI KKUNSIDRA d-deċiżjoni tal-President tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 fejn ta istruzzjoni lill-Kummissjoni tiegħu għall-Politika ta' Koeżjoni Territorjali sabiex tabbozza opinjoni dwar dan is-suġġett;

WARA LI KKUNSIDRA l-Opinjoni tiegħu dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Nibnu l-Futur Komuni tagħna: Sfidi tal-Politika u Mezzi Finanzjarji għall-Unjoni Mkabbra 2007-2013 COM(2004) 101 final (CdR 162/2004 fin) (2);

WARA LI KKUNSIDRA l-opinjoni tiegħu dwar it-Tielet Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (CdR 120/2004 fin) (3)

WARA LI KKUNSIDRA l-opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Politika ta' Koeżjoni bħala Sostenn għat-Tkabbir u għall-Impjiegi: Il-Linji ta' Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013 COM(2005) 299 final. (CdR 140/2005 fin);

WARA LI KKUNSIDRA l-abbozz ta' opinjoni tiegħu (CdR 118/2006 rev. 2) adottat fil-11 ta' Diċembru 2006 mill-Kummissjoni tiegħu għall-Politika ta' Koeżjoni Territorjali (rapporteur: Is-Sur Manuel Chaves Conzález (PES/ES) — President tar-Reġjun ta' Andalusia);

adotta l-opinjoni segwenti fis-sessjoni plenarja numru 69 li saret fit-23 ta' Marzu 2007.

1.   Sfond soċjo-ekonomiku u politiku għall-opinjoni

1.1

Fl-24 ta' Marzu 2006, f'ittra ffirmata mill-Kummissarju Wallström, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jabbozza opinjoni ta' analiżi dwar L-effett ta' lieva tal-Politika Ewropea ta' Koeżjoni mill-Fondi Strutturali . Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-opinjoni tal-Kumitat ser tagħti kontribut sostanzjali għar-Raba' Rapport dwar il-Koeżjoni, li għandu jiġi adottat fir-Rebbiegħa 2007.

1.2

Il-Kumitat tar-Reġjuni rċieva wkoll ittra, iddatata l-20 ta' Lulju, mill-President tal-Parlament Ewropew, is-Sur Josep Borrell, fejn talab lill-KtR sabiex jagħti opinjoni fuq ir-rapport ippreparat mill-Membru tal-Parlament Ewropew, is-Sinjura Francisca Pleguezuelos Aguilar (ES/PES), membru tal-kummissjoni ta' l-iżvilupp reġjonali (REGI) tal-Parlament, dwar il-konsegwenzi tal-politika strutturali fuq il-koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni COTER iddeċidiet li din l-opinjoni ta' analiżi ser tikkunsidra wkoll it-talba mingħand il-Parlament.

1.3

Din l-opinjoni tipprova tikkontribwixxi għad-dibattitu dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni fl-Ewropa ta' wara t-tkabbir u l-post li tokkupa fil-baġit ta' l-Unjoni. Skond il-fehma tal-Kumitat, numru ta' proposti preċedenti ġabu fid-dubju l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni f'Unjoni Ewropea li għandha bżonn ta' riforma minħabba t-tkabbir u li hija involuta fil-proċess ta' globalizzazzjoni. Dan ir-rapport primarjament huwa kkonċernat bis-sottostima ta' l-effetti tal-politika ta' koeżjoni li huma inklużi fil-proposti preċedenti.

1.4

Attwalment, l-Ewropa għaddejja minn tibdiliet soċjo-ekonomiċi kbar u sfidi teknoloġiċi li huma ċentrali għall-għan prinċipali ta' l-Aġenda ta' Lisbona 2000, sabiex jinżamm u jiġi żviluppat mudell Ewropew li huwa kapaċi jgħaqqad il-prosperità u s-solidarjetà. L-Ewropa tista' tagħmel dan biss billi żżomm qafas politiku b'saħħtu li jipprovdi lill-atturi bl-istrumenti neċessarji mhux jaħtfu l-opportunitajiet ġodda u jiġġestixxu l-konsegwenzi.

1.5

Ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali huma fost dawk li l-aktar li huma esposti għal dawn l-isfidi iżda huma wkoll fl-aħjar pożizzjoni sabiex jittrasformaw orjentazzjonijiet strateġiċi f'azzjonijiet konkreti li huma kapaċi li jimmobilizzaw l-atturi soċjali u ekonomiċi fl-Ewropa kollha.

1.6

L-istrateġija rinnovata ta' l-UE għat-tkabbir u l-impjiegi, għalhekk, tista' tirnexxi biss jekk tkun kapaċi timmobilizza r-riżorsi fit-territorji kollha ta' l-Unjoni. Madankollu, kemm il-baġits nazzjonali kif ukoll dak ta' l-UE huma taħt pressjoni, u l-Ewropa għalhekk trid tipprova ssib l-aħjar mezz sabiex jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji disponibbli. Il-KtR jikkunsidra li, minħabba l-orjentazzjoni strateġika u l-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni tiegħu, il-politika ta' koeżjoni għandha effett ta' lieva għad-dispożizzjoni ta' l-Unjoni.

1.7

Din l-opinjoni ser tipprova ddaħħal firxa ta' elementi fid-dibattitu, waqt li tagħti konsiderazzjoni wiesgħa ta' l-effett ta' lieva, kif ukoll tikkunsidra numru ta' impatti li l-politika ta' koeżjoni għandha fl-Unjoni kollha. L-anness metodoloġiku jinkludi l-informazzjoni neċessarja sabiex jinftiehem il-metodu xjentifiku u d-dinamika ta' ħidma użati mill-Kumitat fl-abbozzar ta' din l-opinjoni. (4)

2.   Tifsira ta' l-effett ta' lieva

F'din l-opinjoni, il-KtR jipproponi li jiġi adotatt kunċett wiesa' ta' l-effett ta' lieva, li jikkunsidra firxa ta' fatturi li huma importanti sabiex jiġi analizzat l-impatt tal-Fondi Strutturali. Konsegwentament, u b'manjiera globali, din l-opinjoni ser tipprova tikkunsidra l-effett ta' lieva provdut mill-fondi Komunitarji fl-oqsma segwenti:

Aspetti finanzjarji

Aspetti politiċi u strateġiċi tal-konċentrazzjoni tematika

Tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali

Żieda tal-koeżjoni fl-Ewropa.

2.1   Aspetti finanzjarji ta' l-effett ta' lieva

2.1.1

Il-politika ta' koeżjoni toffri valur miżjud konsiderevoli fil-livell Ewropew, peress li r-riżorsi finanzjarji użati mill-Komunità jippermettu sabiex jinkisbu riżultati aħjar u sabiex jiġi assigurat is-sostenn tal-partijiet interessati b'mod aktar effettiv minn dawk użati fil-livelli nazzjonali jew reġjonali. Skond l-istimi tal-Kummissjoni Ewropea (5), kull euro minfuq fil-livell ta' l-UE permezz tal-politika ta' koeżjoni jwassal għal nefqa oħra fir-reġjuni ta' l-Objettiv 1, fuq medja ta' 0.9 euros. Jekk jiġu kkunsidrati r-reġjuni ta' l-Objettiv 2, in-nefqa medja addizzjonali ġġenerata titla' għal 3 euros għal kull euro investit.

2.1.2

Dan l-effett multiplikatur huwa r-riżultat l-ewwel nett tal-konċentrazzjoni tematika u ġeografika tal-Fondi Strutturali. Il-konċentrazzjoni tal-Fondi, flimkien ma' sett raġonevoli ta' strumenti, iżżid il-possibiltajiet li tinkiseb il-massa kritika neċessarja, u għalhekk ikun possibli li jiġi ġġenerat investiment ieħor ulterjuri. Il-kapaċità li jiġi attirat investiment għalhekk jista' jiżdied permezz ta' konċentrazzjoni tematika u ġeografika, peress li dan ifisser li l-investiment jista' jsir bi spejjeż aktar baxxi.

2.1.3

It-tieni nett, effett ta' lieva jinħoloq ukoll b'riżultat tal-varjetà wiesgħa ta' strumenti ta' finanzjament disponibbli, anke jekk l-Istati Membri u r-reġjuni ta' spiss ma jkunux kapaċi jagħmlu l-aħjar użu mill-miżuri kollha li huma potenzjalment disponibbli taħt il-politika ta' koeżjoni. L-istudju msemmi f'din l-opinjoni identifika l-konċessjoni globali, per eżempju, bħala strument flessibli li jista' joħloq u jżid l-effett ta' lieva finanzjarju ta' ħafna proġetti u programmi.

2.1.4

Fost strumenti oħrajn li jistgħu jintużaw sabiex isaħħu l-effett ta' lieva, hemm dawk li huma riżultat ta' l-involviment tal-Fondi Strutturali fi strumenti ta' inġinerija finanzjarja ddestinata għall-intrapriżi, speċjalment l-SMEs, bħal per eżempju l-fondi ta' kapital riskjuż, fondi ta' garanzija, fondi ta' self u fondi ta' żvilupp urban. F'ħafna reġjuni eliġibbli diġà nkisbet esperjenza konsiderevoli bl-użu ta' dawn l-istrumenti ta' sostenn, partikularment fil-qasam tal-finanzjament ta' kapital riskjuż, fil-kors ta' l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali. L-istess jista' jingħad għall-iżvilupp ta' fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw, li jistgħu jagħtu kontribut għall-iżvilupp reġjonali anke wara l-perijodu ta' finanzjament. F'dan il-kuntest huma milqugħa l-inizjattivi Jeremie, Jaspers u Jessica, promossi mill-Bank Ewropew ta' Investiment (EIB) u l-Fond Ewropew ta' Investiment (EIF), fost oħrajn, li jistgħu jaqdu rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni ta' din it-tip ta' miżura.

2.1.5

Dan it-tip ta' strument jista' wkoll iżid il-kapaċità ta' l-awtoritajiet pubbliċi sabiex jikkooperaw ma' l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u mas-settur bankarju privat, li jistgħu jaġixxu bħala sorsi ta' finanzjament għal proġetti oħrajn ta' żvilupp. L-użu ta' dawn l-istrumenti joffri vantaġġi potenzjali oħrajn, bħal flessibiltà akbar fir-rigward tal-ġestjoni tal-Fondi Strutturali kif ukoll likwidità akbar fir-rigward ta' aġenti esterni provduti mill-EIB u mill-EIF.

2.1.6

Fl-aħħar, l-effett ta' lieva jista' jiżdied billi jittejbu serje ta' fatturi li jirrigwardjaw it-tisħiħ tas-sħubijiet pubbliċi-privati. Il-kapaċità li jiġu identifikati l-ostakoli li jiddiswadu lill-investituri privati kif ukoll il-ħolqien u l-appoġġ ta' gruppi ta' proġett (project teams) u ta' sħubijiet mas-settur privat huma elementi kruċjali sabiex jiġi ġġenerat investiment privat f'perijodi relattivament qosra.

2.1.7

Grazzi għall-istabbilità tal-finanzjament tagħha u għall-programmazzjoni multiannwali, il-politika ta' koeżjoni tassigura wkoll il-possibilità li jiġu żviluppati relazzjonijiet b'saħħithom mas-settur privat, li tista' twassal li jiġi ġġenerat investiment akbar fuq perijodu itwal ta' żmien. Dan l-element karatteristiku tal-politika ta' koeżjoni fir-rigward tal-politiki nazzjonali ta' l-istess tip huwa ċertament sors ġdid u addizjonali ta' valur miżjud li m'għandux jiġi injorat.

2.1.8

Dan il-punt għandu jitqiegħed f'kuntest; f'xi Stati Membri, speċjalment l-għaxar Stati Membri ġodda, żieda qawwija ta' l-investimenti pubbliċi tista', fuq perijodu qasir u medju, ittellef milli jintlaħaq il-kriterju relatat mad-defiċit u r-regoli tal-Patt ta' Stabilità u ta' Tkabbir. Użu akbar tas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) jista' joffri soluzzjoni alternattiva valida għal żieda diretta ta' l-investimenti pubbliċi.

2.2   Orjentazzjoni strateġika tal-politika

2.2.1

L-investiment pubbliku għandu jitfisser b'attenzjoni u ppjanat tajjeb fil-livelli kollha. Huwa għalhekk importanti li jiġi enfasizzat li l-politika ta' koeżjoni għandha rwol importanti x'taqdi fl-organizzazzjoni ta' prijoritajiet reġjonali u nazzjonali b'tali mod li tinħoloq sinerġija fil-livell Ewropew. Filfatt, strateġija Ewropea ta' investiment għandha tkun akkumpanjata minn politiki nazzjonali u reġjonali korrispondenti, li għandhom jiġu riflessi f'investiment pubbliku ta' kwalità għolja, b'mod partikulari f'oqsma relatati ma' l-Istrateġija ta' Lisbona u r-rabtiet tagħha ma' l-Istrateġija ta' Gothenburg.

2.2.2

Dan l-investiment jirrigwardja l-edukazzjoni, l-għarfien, l-innovazzjoni u r-riċerka, il-protezzjoni ta' l-ambjent, is-servizzi soċjali, it-tagħlim tul il-ħajja kollha, u t-twaqqif ta' korpi Ewropej. Dan l-investiment mhux biss jolqot lid-domanda; iżda wkoll għandu effetti strutturali fit-tul fuq l-ekonomija, iżid it-tkabbir ekonomiku u jgħin lir-reġjuni jsiru aktar kompetittivi. L-effett ta' lieva maħluq mill-politika ta' koeżjoni huwa għalhekk ikkawżat minn numru differenti ta' fatturi.

2.2.3

L-ewwel nett, dan iseħħ meta l-Istati Membri u r-reġjuni jinkorporaw ideat u approċċi ġodda fil-politiki, sabiex jippromovu r-rwol ta' l-innovazzjoni fl-iżvilupp ekonomiku. L-analiżi ta' l-istudji tal-każijiet wasslet għall-konklużjoni li l-politika ta' koeżjoni ffokat il-prijoritajiet tal-politika nazzjonali fuq oqsma li huma importanti għat-tkabbir ekonomiku, bħall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-politiki attivi fir-rigward ta' l-impjieg u l-inklużjoni soċjali.

2.2.4

Dan il-punt fokali ġie żviluppat b'mod partikulari b'riżultat ta' l-opportunità pprovduta mill-Fondi sabiex jitniedu proġetti pilota, b'approċċi u strumenti ġodda, bħal politiki ta' cluster favur l-innovazzjoni jew l-użu ta' approċċi aktar parteċipattivi. Dan għin sabiex titqajjem kuxjenza u jitwessa' l-iskop tal-kunċett ta' “innovazzjoni”, waqt li jiġu integrati b'suċċess fl-istrateġiji ta' żvilupp reġjonali l-aspetti organizzattivi, finanzjarji, ġestjonali u ta' taħriġ u l-promozzjoni ta' l-innovazzjoni.

2.2.5

It-tieni, il-politika ta' koeżjoni wasslet sabiex jitqiesu l-oqsma ta' politika li preċedentament ma kinux jitqiesu mill-politiki nazzjonali jew reġjonali. Numru ta' proġetti-piloti bħall-Istrateġiji ta' Innovazzjoni Reġjonali (RIS) u l-Azzjonijiet Innovattivi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) gradwalment ġew stabbiliti bħala politiki fondamentali fil-livell nazzjonali u reġjonali. B'mod ġenerali, l-aktar approċċi flessibbli u orjentati lejn is-suq kienu d-denominatur komuni għall-approċċi ġodda introdotti mill-politika ta' koeżjoni.

2.2.6

Fl-aħħar, l-istrateġiji ta' żvilupp maħluqin b'mod konġunt mil-livelli nazzjonali u reġjonali, li huma integrati fil-politika ta' koeżjoni, jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta' approċċi aktar strateġiċi għall-iżvilupp ekonomiku u l-impjieg, li min-naħa tagħhom jippermettu li jiġu implimentati proġetti konkreti. Numru ta' oqsma, bħat-teknoloġija, l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-kapital uman, l-opportunitajiet indaqs u l-ambjent, ġew identifikati bħala fatturi importanti għat-tkabbir u ġew inklużi fil-politiki rilevanti sabiex jinkiseb approċċ aktar integrat.

2.3   It-trawwim tal-kapaċità istituzzjonali

2.3.1

Aspett ieħor li għandu jissemma b'effett ta' lieva fl-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali huwa l-effett tagħhom fuq il-mod kif jaħdmu l-amministrazzjonijiet pubbliċi, impatt li jidher fl-immodernizzar tagħhom, fit-titjib tal-ġestjoni tagħhom u fl-armonizzazzjoni tal-proċeduri tagħhom fil-kuntest Ewropew. Il-politika ta' koeżjoni sostniet l-implimentazzjoni tal-politiki Komunitarji, speċjalment dawk relatati mal-protezzjoni ambjentali u l-opportunitajiet indaqs, kif ukoll ir-ristrutturazzjoni ekonomika u soċjali, b'bażi tal-prijoritajiet stabbiliti fl-Istrateġiji ta' Lisbona u Gothenburg.

2.3.2

F'dan ir-rigward għandha tiġi enfasizzata l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali ta' Riforma bħala elementi prinċipali sabiex jinkisbu l-għanijiet għall-Istrateġija Rinnovata ta' Lisbona u l-koordinazzjoni neċessarja bejn dawn il-pjanijiet u l-Oqsfa Strateġiċi ta' Referenza Nazzjonali 2007-2013.

2.3.3

Għandhom jissemmew ukoll il-promozzjoni tas-sħubijiet, it-titjib tal-kapaċità istituzzjonali għall-ħolqien u l-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi u l-iżvilupp tal-kultura ta' l-evalwazzjoni, it-trasparenza u l-iskambju ta' prattika tajba. Dawn il-fatturi kollha jifformaw parti mis-sistema żviluppata fl-Unjoni Ewropea għall-politika ta' koeżjoni, u b'hekk jikkontribwixxu sabiex itejbu l-gvernanza fil-livelli kollha. Imbagħad l-awtoritajiet japplikaw ħafna minn dawn l-approċċi f'setturi oħrajn. It-twaqqif ta' korpi ġodda, bħall-Aġenziji ta' Żvilupp Reġjonali, iffavorixxa wkoll l-iżvilupp f'ħafna reġjuni ta' l-Unjoni Ewropea.

2.3.4

Il-politika ta' koeżjoni kkontribwixxiet b'mod sostanzjali għall-abbozzar tal-pjanijiet u tal-programmi f'dan il-qasam. Hemm enfasi dejjem akbar fuq dianjożi u analiżi li jitwettqu b'mod rigoruż, it-tħejjija ta' l-objettivi hija aktar preċiża u l-pjanijiet u l-programmi jiġu kkontrollati u evalwati b'mod aħjar, filwaqt li l-ħolqien ta' punti ta' referenza jsir prattika standard. It-tħejjija ta' strateġiji fuq perijodu fit-tul għall-investiment pubbliku saret karatteristika komuni għall-kultura ta' l-ippjanar tal-lum.

2.3.5

Dan żied ukoll il-kapaċità ta' l-Istati Membri sabiex jadottaw u jimplimentaw b'mod effettiv il-leġislazzjoni Komunitarja f'numru ta' oqsma, bħall-ambjent. Il-politika ta' koeżjoni b'mod patikolari wasslet għal tibdiliet sostanzjali fil-leġislazzjoni relatata mas-swieq pubbliċi fl-Istati Membri, li ppermettew l-aċċess u l-ftuħ ta' dawn is-swieq għall-intrapriżi kollha ta' l-UE, u b'hekk issaħħaħ is-suq uniku. Dan l-aspett għandu jingħata konsiderazzjoni partikulari fid-dawl tat-tkabbir riċenti ta' l-UE.

2.3.6

Fl-aħħar, il-politika ta' koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea ffavorixxiet u saħħet ir-rwol tar-reġjuni fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet meta jitħejjew u jiġu implimentati l-politiki reġjonali Komunitarji. Il-kisba ta' massa kritika f'termini umani sabiex tiġi assigurata l-ġestjoni adegwata tal-Fondi għinet sabiex tiġi assigurata awtonomija akbar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u jkun hemm żieda reali fir-reġjonalizzazzjoni u l-awtonomija lokali fl-Unjoni Ewropea.

2.4   Kostruzzjoni koeżiva ta' l-Ewropa

2.4.1

Il-politika ta' koeżjoni kellha wkoll effett ta' lieva fit-tisħiħ tal-koeżjoni ta' l-Ewropa, b'riżultat ta' numru ta' fatturi differenti.

2.4.2

L-ewwel nett, il-prinċipju tas-sħubija u r-rwol attiv li qdew il-mexxejja inkoraġġixxa l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-setturi differenti tas-soċjetà, li kellu rwol prinċipali sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi.

2.4.3

It-tieni nett, il-politika ta' koeżjoni għinet sabiex jinstabu soluzzjonijiet multi-dimensjonali għal problemi kumplessi u diversi ħafna. Il-problemi li jolqtu lir-reġjuni differenti ta' l-UE huma bla dubju ta' xejn differenti u l-kondizzjonijiet u s-sitwazzjonijiet ekonomiċi varji. Madankollu, il-politika ta' koeżjoni wasslet sabiex tiġi kkunsidrata din id-diversità, speċjalment fir-reġjuni periferali u dawk li għadhom lura fl-iżvilupp, u fir-reġjuni l-iktar imbegħda tagħha. Dan l-approċċ ta' tisħiħ tal-koeżjoni influwenza wkoll il-politiki l-oħra ta' l-Istati Membri.

2.4.4

Għalhekk il-politika ta' koeżjoni għinet sabiex toħloq il-kondizzjonijiet xierqa għall-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali ta' l-UE, essenzjalment permezz ta' l-inizjattiva Interreg, li għinet sabiex jingħelbu kunflitti antiki jew firda tal-passat bejn żewġ lati ta' fruntiera. Barra minn dan, il-kooperazzjoni bejn il-muniċipalitajiet u r-reġjuni mingħajr fruntiera komuni żdiedet b'mod qawwi b'riżultat tal-promozzjoni ta' kooperazzjoni interreġjonali u llum il-ġurnata tagħti kontribut mhux insinifikanti għall-iżvilupp ta' strateġiji reġjonali ġodda.

2.4.5

Fil-perijodi l-imgħoddija tal-Fondi Strutturali, ir-rabta mill-qrib bejn l-EFRD u l-EAGGF ħolqot effetti ta' lieva konsiderevoli fir-rigward ta' żvilupp rurali integrat. Bl-għan li jintlaħaq l-objettiv ta' koeżjoni territorjali, ir-rabta bejn l-EFRD u l-EAFRD trid titkompla, almenu fil-livell ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni.

2.4.6

L-effetti tal-programmi Urban kienu partikularment sinifikanti f'dan ir-rigward: kellhom impatt reali kemm fir-riġenerazzjoni fiżika kif ukoll fl-inklużjoni soċjali, u wrew b'mod effettiv liċ-ċittadini kemm il-valur miżjud tal-politika Ewropea kif ukoll l-effiċjenza tal-konċentrazzjoni ta' l-azzjonijiet.

2.4.7

Fl-aħħar nett, il-politika ta' koeżjoni kellha effett multiplikatur kruċjali fuq il-profil ta' l-integrazzjoni Ewropea. Dan l-effett kien akbar minħabba li l-politika ta' koeżjoni għinet ittejjeb is-servizzi pubbliċi u l-kwalità tal-ħajja.

3.   Konklużjonijiet

Fid-dawl tal-fatturi li ġew studjati, il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq jenfasizza li:

3.1

B'riżultat tal-karatteristiċi speċifiċi tagħha (sħubija, addizzjonalità, programmar strateġiku u finanzjar multiannwali), il-politika ta' koeżjoni ta' l-UE kellha numru ta' impatti u effetti ta' lieva sinifikanti.

3.2

Il-politika ta' koeżjoni ta' l-UE tagħti effett ta' lieva fir-rigward ta' ġbir flimkien ta' finanzi u ta' sħubijiet pubbliċi u privati. Taġixxi wkoll ta' katalista għall-iffinanzjar kemm pubbliku kif ukoll privat f'setturi differenti, grazzi għall-istabbiltà tal-mekkaniżmu tagħha ta' finanzjar fuq perijodu ta' programmar multiannwali u l-kapaċità tagħha li timmobilizza l-massa kritika ta' investimenti neċessarja.

3.3

Dan l-effett ta' lieva u l-impatti l-oħrajn tal-politika ta' koeżjoni jseħħu f'kull tip ta' reġjun u f'varjetà kbira ta' programmi u proġetti, irrispettivament mill-ispiża tal-proġett.

3.4

Għandu jiġi nnotat li l-ġestjoni tal-Fondi għandha tiġi ssimplifikata, sabiex jiġi massimizzat l-effett ta' lieva tas-sħubijiet. Barra minn hekk, jekk iż-żoni eliġibbli jibqgħu żgħar u frammentati, il-kooperazzjoni ta' sħubija f'ċerti reġjuni tista' ssir diffiċli, u dan għandu impatt prinċipali fuq l-għażla u l-impenn tas-soċji. Din il-problema madankollu ser tissolva fil-perijodu 2007-2013, peress li ġie deċiż li r-regolamenti l-ġodda ser jabbandunaw it-tqassim f'żoni ta' l-Objettiv 2.

3.5

Il-politika ta' koeżjoni ta' l-UE hija fattur determinanti ta' l-orjentazzjoni strateġika tal-politika. Għandha l-kapaċità u l-potenzjal li tippromovi approċċi innovattivi f'oqsma differenti u li tiggwida numru kbir ta' politiki f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-politika ta' koeżjoni hija forza ta' motivazzjoni, li effettivament torbot il-proċess ta' tfassil ta' objettivi komuni u ambizzjużi ta' l-UE, bħall-Istrateġija ta' Lisbona, ma' l-adozzjoni u l-applikazzjoni tagħhom mill-protagonisti ewlenin ġewwa l-UE.

3.6

Il-politika ta' koeżjoni ta' l-UE taġixxi wkoll bħala strument sabiex jissaħħu r-riżorsi u b'hekk jingħata sostenn deċiżiv lill-miżuri li huma direttament relatati ma' l-Istrateġija ta' Lisbona, ibbażata fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u fuq l-innovazzjoni, li huma fatturi kruċjali għat-tkabbir fuq perijodu medju u fit-tul.

3.7

Fattur essenzjali fis-suċċess tal-programmi u proġetti innovattivi mnedin mill-politika ta' koeżjoni huwa li “kunċetti u approċċi ġodda” huma aċċettati fl-ogħla livelli politiċi u amministrattivi. Il-koerenza ta' l-istrateġiji u l-kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet huma wkoll importanti. Dawn il-fatturi stimulaw l-effett ta' lieva tal-Fondi Strutturali.

3.8

Il-politika ta' koeżjoni ta' l-UE għandha effetti sinifikanti fuq it-trawwim tal-kapaċità istituzzjonali. Bl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija, din inkoraġġixxiet mudell ġdid ta' gvernanza kollaborattiva fuq it-territorju kollu ta' l-UE, waqt li b'mod strateġiku jiġu involuti l-livelli differenti tal-gvern u tas-soċjetà ċivili, u b'hekk jiġi assigurat kapital soċjali u ekonomiku akbar fir-reġjuni u fl-awtoritajiet lokali. Dan ser ikun fattur essenzjali għall-iżvilupp fl-Istati Membri l-ġodda.

3.9

Sabiex jiġi ottimizzat l-effett ta' lieva fuq perijodu fit-tul tal-Fondi Strutturali, għandhom jiġu kkunsidrati l-kuntest ġenerali ta' reġjun u l-identità kulturali tiegħu. Għalhekk għandu dejjem ikun hemm rapport bilanċjat bejn il-kriterji stabbiliti għall-UE kollha u l-prijoritajiet reġjonali. Jekk il-kultura u l-mentalità ta' soċjetà tipprova tinbidel, billi jiġu promossi l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-intraprenditorija u l-kreattività, ikun hemm garanzija li t-tibdiliet li potenzjalment ġew iġġenerati mill-Fondi Strutturali jiġu sostnuti.

3.10

Il-politika ta' koeżjoni ta' l-UE għandha effett ta' lieva favur koeżjoni msaħħa mill-integrazzjoni ta' l-UE. Din għandha l-potenzjal li tintegra diversi tipi ta' territorju fl-Ewropa kollha, tippermetti l-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati, ekonomiċi u soċjali u hija viżibbli u meqjusa bħala politika ta' inklużjoni min-naħa taċ-ċittadini Ewropej grazzi għall-kontribut konkret tagħha sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja.

3.11

Il-politika ta' koeżjoni tipprovdi wkoll effett ta' lieva għat-tkabbir sostenibbli li jirrispetta lill-ambjent, b'hekk jiġi evitat li n-negliġenża tissarraf f'fattur li tillimita t-tkabbir, kif ukoll lill-kwalità tal-ħajja u r-riżorsi naturali.

3.12

Peress li tkopri t-territorju kollu ta' l-UE, fil-livell tal-kontinent, il-politika ta' koeżjoni, tipprovdi qafas favorevoli għal żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat. Waqt li taġixxi fuq il-fatturi kemm ta' konverġenza kif ukoll ta' kompetittività, din toħloq il-kondizzjonijiet essenzjali sabiex tinġabar l-esperjenza u jkun hemm skambju ta' l-aħjar prattika. Barra minn hekk, din tiggarantixxi qafas komplet u integrat li jikkonsolida tagħlim reċiproku u tassigura l-finanzjament u r-riproduzzjoni ta' inizjattivi li rnexxew permezz ta' metodi konkreti ta' implimentazzjoni.

3.13

Il-KtR jikkunsidra li l-effett ta' lieva tal-politika ta' koezjoni ta' l-UE tista' terġa' tissaħħaħ b'mod sinifikanti matul il-perijodu ta' programmar għall-2007-2013. Il-prinċipji tal-politika ta' koeżjoni, ippruvati u ttestjati, ġew ikkumplimentati minn numru ta' miżuri: l-adozzjoni ta' approċċ aktar strateġiku għall-politika ta' koeżjoni, l-allokazzjoni ta' fondi u l-applikazzjoni akbar tagħhom f'setturi prijoritarji, qafas legali mtejjeb għall-adozzjoni ta' skemi innovattivi ta' finanzjament, l-enfasizzar ta' l-importanza dovuta għall-programmi ta' żvilupp urban u kooperazzjoni aħjar fil-livell territorjali. Dawn it-tibdiliet ikkonfermaw li, meta jkun hemm ċaqliq fundamentali fil-politika ta' l-UE, il-politika ta' koeżjoni tista' taqdi rwol ċentrali billi tispira u tappoġġja b'mod prattiku t-tibdil ekonomiku u soċjali fl-UE kollha.

3.14

L-iżvilupp u l-għażla tal-proġetti ġew identifikati bħala fattur prinċipali għas-suċċess: it-tip ta' strument għandu jintgħażel bil-galbu sabiex jinkludi l-elementi li jikkorrespondu l-aħjar mal-kuntest reġjonali u ma' l-objettivi li jridu jintlaħqu.

4.   Rakkomandazzonijiet

Il-Kumitat tar-Reġjuni:

4.1

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tinkorpora l-kunċett ta' effett ta' lieva fl-evalwazzjoni segwenti tas-sitwazzjoni u l-progress attwali tal-politika ta' koeżjoni.

4.2

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jikkunsidraw l-effett ta' lieva bħala qafas approprijat sabiex jiġu evalwati l-politiki ta' l-UE, b'mod partikulari fir-rigward tar-reviżjoni f'nofs it-term tal-baġit Komunitarju.

4.3

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea żżid l-isforzi tagħha sabiex tqajjem kuxjenza lejn il-politika ta' koeżjoni u l-benefiċċji, il-viżibilità u l-immaġni ta' l-istess politika fl-Istati Membri kollha u, b'mod partikulari, fl-awtoritajiet lokali u reġjonali.

4.4

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tkompli fuq il-ħidma li diġà saret sabiex jiġu promossi l-istrumenti finanzjarji differenti taħt il-Fondi Strutturali (Jeremie, Jessica, eċċ) u b'mod partikulari sabiex toħloq il-possibilitajiet neċċesarji fil-qafas tal-liġi tal-kompetizzjoni għall-iżvilupp, fil-livell reġjonali, tal-fondi ta' kapital riskjuż u sistemi ta' garanzija.

4.5

Jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex ineħħu l-burokrazija żejda, jistabbilixxu qafas legali, amministrattiv u finanzjarju li jiffaċilita attività innovattiva u jistimula forom speċifiċi ta' finanzjament għall-kumpaniji innovattivi (inkluż kapital riskjuż, business angels, mikro-krediti, eċċ.).

4.6

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jevalwaw il-progress fir-rigward tas-simplifikazzjoni u d-diċentralizzazzjoni tal-ġestjoni tal-Fondi Strutturali għall-perijodu 2007-2013. B'mod partikulari, huwa rrakkomandat li għandha tingħata attenzjoni partikulari sabiex tiġi assigurata l-proporzjonalità bejn l-ispejjeż amministrattivi u t-tip u d-daqs tal-miżura għandha tingħata attenzjoni partikulari wkoll lill-effetti li l-ispejjeż amministrattivi jkollhom fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

4.7

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu s-sħubija fl-istadji kollha tal-gvernanza u l-ġestjoni tal-Fondi Strutturali, waqt li jimplimentaw miżuri effettivi sabiex jinvolvu l-awtoritajiet reġjonali u lokali u lis-soċjetà ċivili fil-proċess, u jirrakkomanda sħubija approfondita ma' l-ibliet minħabba l-potenzjal tagħhom bħala muturi tat-tkabbir u l-impjieg.

4.8

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament, l-Istati Membri u l-BEI jidentifikaw b'mod ċar l-ostakoli li qegħdin iżommu lill-investituri 'l bogħod milli joħolqu sħubija pubblika-privata (PPPs) fil-qasam tal-ġestjoni tal-proġetti finanzjati mill-Fondi Strutturali. Għalhekk, interpretazzjoni ċara fil-livell ta' l-UE tal-kunċetti elementari tal-PPPs u s-simplifikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna mill-Istat tkun ta' għajnuna kbira. Hemm bżonn ukoll li jinxtered l-għarfien dwar il-benefiċċji u l-problemi potenzjali tal-PPPs fost l-awtoritajiet reġjonali u lokali.

4.9

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jissalvagwardjaw ir-rwol sperimentali u prekursur marbut mal-Fondi Strutturali. F'dan ir-rigward, jirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw ir-riservi ta' effiċjenza kif ukoll strumenti oħrajn sabiex jagħtu kumpens u jespandu l-istrateġiji li l-aktar li rnexxew u sabiex jikkonsolidaw ir-riżultati ta' kooperazzjoni territorjali.

4.10

Jagħmel sejħa lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tirrispetta r-rabta mill-qrib li teżisti bejn il-miżuri tal-Fondi Strutturali u l-programmi ta' żvilupp rurali, u sabiex tiffaċilita l-aħjar allinjament u koordinazzjoni tal-kontenut fuq kull livell u tippromovih, għalkemm teżisti l-ħtieġa għal kontijiet li jkunu separati b'mod ċar.

4.11

Jirrakkomanda li, meta jiġu implimentati l-Fondi Strutturali, għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-objettivi stabbiliti fil-Protokoll ta' Kyoto u li kull min huwa kkonċernat jibqa' fit-triq lejn it-tkabbir sostenibbli rispettuż għall-ambjent.

4.12

Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromovu l-effett ta' lieva meta jipprogrammaw il-Fondi Strutturali, sabiex jinkoraġġixxu l-ħolqien, il-promozzjoni u l-finanzjament ta' proġetti b'effett ta' lieva konsiderevoli, kif ukoll fit-tħejjija tar-rapport u waqt iċ-ċiklu ta' evalwazzjoni.

4.13

Jinnota li hemm bżonn li jitqiesu aspetti reġjonali partikulari fil-livelli kollha fir-rigward ta' politika ta' koeżjoni tal-ġejjieni, peress li “s-saħħa fid-diversità” hija l-muftieħ li tiftaħ il-bieb għas-suċċess ta' l-effetti ta' lieva tal-politika ta' koeżjoni.

4.14

Jirrakkomanda li, sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ ta' l-effett ta' lieva tal-Fondi Strutturali, ir-reġjuni u l-Istati Membri għandhom ikunu rigorużi meta jistabbilixxu koerenza adegwata bejn l-istrateġiji reġjonali, il-pjanijiet nazzjonali ta' riforma, l-oqsfa ta' referenza strateġiċi nazzjonali u l-programmi ta' tħaddim implimentati skond il-politika Ewropea ta' koeżjoni.

4.15

Jipproponi li jiġu indirizzati l-benefiċċji ta' l-effett ta' lieva u li jkun hemm ħidma sabiex titjieb il-kuxjenza pubblika dwar il-benefiċċji potenzjali permezz ta' attivitajiet speċjalizzati u ta' promozzjoni fuq skala wiesgħa u li jinxterdu l-prassi tajba kif isir mill-Kumitat tar-Reġjuni permezz ta' l-Open Days.

4.16

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistudja u tkejjel l-iżvilupp fuq perijodu fit-tul fir-reġjuni, waqt li tiffoka fuq il-fatt li t-tibdil fil-kultura u fil-mentalità tagħhom, kif ukoll komunikazzjoni pubblika li hija trasparenti f'kull każ u li faċli tiftiehem mill-partijiet interessati, huma bżonjużi sabiex jiġi assigurat li dawn ir-reġjuni jagħmlu progress reali fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħhom.

4.17

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi netwerks ta' “Reġjuni għat-Tibdil Ekonomiku” u jirrakkomanda firxa tematika wiesgħa li tirrifletti d-dinamiċi territorjali differenti ta' tibdil, waqt li jsir użu mill-innovazzjonijiet prodotti matul il-perijodu attwali u li għandhom jinvolvu b'mod attiv lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess ta' l-għażla ta' l-oqsma prijoritarji ta' l-inizjattiva u jistenna li jkun involut b'mod sħiħ fl-iżvilupp ta' din l-inizjattiva.

4.18

Jirrakkomanda li l-Istituzzjonijiet Ewropej jadottaw l-approċċ ta' solidarjetà bejn it-territorji bħala dimensjoni fundamentali tal-kunċett tal-koeżjoni ta' l-UE. Il-politika ta' koeżjoni għandha tkompli tkun element ċentrali tal-politika Ewropea ta' integrazzjoni.

Ruma, it-23 ta' Marzu 2007

Il-President

tal- Kumitat tar-Reġjuni

Michel DELEBARRE


(1)  Fin-nuqqas ta' terminu stabbilit fl-ilsien Malti għal-“leverage effect”, u fid-dawl tal-kuntest ta' dan id-dokument, it-traduttur iddecieda li “effett ta' lieva” hija l-aktar frażi li toqrob lejn il-kunċett li qiegħed jiġi analizzat hawnhekk.

(2)  ĠU C 164, 5.7.2005, pġ. 4.

(3)  ĠU C 318, 22.12.2004, pġ. 1.

(4)  http://coropinions.cor.europa.eu/CORopinionDocument.aspx?identifier=cdr\coter-iv\dossiers\cotter-iv-003\cdr118-2006_fin_ac.doc&language=MT

(5)  Kummissjoni Ewropea: KUMM(2005) 299. Politika ta' Koeżjoni bħala Sostenn għat-Tkabbir u għall-Impjiegi: Il-Linji ta' Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013, Brussel, 5 ta' Lulju 2005.


Top