Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

WTO: ftehim dwar il-kummerċ fis-servizzi

WTO: ftehim dwar il-kummerċ fis-servizzi

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni 94/800/KE dwar il-konklużjoni fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994)

Laqgħa ta’ Negozjati Multilaterali fl-Urugwaj (19861994) — Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-FTEHIM?

Id-deċiżjoni tapprova l-ftehim li stabbilixxa d-WTO f’isem il-Komunità Ewropea (illum l-Unjoni Ewropea - UE), inkluż il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi

PUNTI EWLENIN

Il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) huwa l-ewwel sett ta’ regoli miftiehem fil-livell multilaterali sabiex jiġi rregolat il-kummerċ internazzjonali fis-servizzi. Dan jikkonsisti fi 3 elementi:

  • sett ġenerali ta’ regoli li jinkludu rekwiżiti fundamentali għall-membri kollha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);
  • listi ta’ impenji speċifiċi dwar l-aċċess għas-suq ta’ kull membru tad-WTO; u
  • annessi li jistabbilixxu kundizzjonijiet speċjali li għandhom jiġu applikati għal setturi differenti.

REGOLI ĠENERALI

Il-ftehim GATS japplika għas-servizzi kollha fis-setturi kollha ħlief fis-servizzi tal-awtoritajiet pubbliċi. Dan japplika wkoll għall-miżuri kollha applikabbli għal servizzi meħuda fil-livelli kollha tal-gvern (ċentrali, reġjonali, lokali, eċċ.). Il-ftehim jiddefinixxi 4 metodi tal-provvista ta’ servizz:

  • l-għoti ta’ servizz mit-territorju ta’ membru wieħed fit-territorju ta’ kwalunkwe membru ieħor (pereżempju, telefonati internazzjonali);
  • l-għoti ta’ servizz fit-territorju ta’ membru wieħed lil konsumatur ta’ kwalunkwe membru ieħor (pereżempju, turiżmu);
  • l-għoti ta’ servizz permezz ta’ preżenza kummerċjali ta’ membru fit-territorju ta’ kwalunkwe membru ieħor (pereżempju, servizzi bankarji);
  • l-għoti ta’ servizz permezz ta’ individwi minn pajjiż membru wieħed li qed joqogħdu temporanjament u jaħdmu fit-territorju ta’ membru ieħor (pereżempju, proġetti ta’ kostruzzjoni, mudelli, konsulenti).

Il-ftehim huwa bbażat fuq il-prinċipju tat-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit (MFN), skont liema kull pajjiż membru jittratta n-negozji ta’ pajjiż membru ieħor mhux anqas favorevoli minn tiegħu stess jew dawk minn kwalunkwe pajjiż ieħor. Madankollu, hemm eċċezzjonijiet għal attivitajiet tas-servizzi speċifiċi li huma inklużi f’lista ta’ eżenzjonijiet mir-rekwiżit MFN. Fil-fatt, kull gvern jista’ jistabbilixxi limiti għall-aċċess ta’ kumpaniji barranin għas-suq tiegħu.

Barra minn hekk, membri li jidħlu fi ftehim ta’ kummerċ ħieles jew unjoni doganali jistgħu jilliberalizzaw il-kummerċ fis-servizzi bejniethom mingħajr ma jkollhom jestendu l-ftehim għall-membri l-oħra tal-GATS. Madankollu, il-ftehim bilaterali jew reġjonali tagħhom irid ikollu kopertura settorjali sostanzjali u jrid ikollu l-għan li jnaqqas jew jevita d-diskriminazzjoni.

Sabiex tiġi żgurata trasparenza massima, il-ftehim jirrikjedi lill-gvernijiet jippubblikaw il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti kollha. Dawn il-miżuri jridu jiġu amministrati b’mod raġonevoli, oġġettiv u imparzjali.

Il-ftehimiet bilaterali konklużi bejn il-gvernijiet dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki jridu jkunu miftuħa għal membri oħra li jixtiequ jingħaqdu ma’ dawn il-ftehimiet. Barra minn hekk, kull membru jeħtieġlu jiżgura li l-monopolji u l-fornituri tas-servizzi esklussivi ma jabbużawx mill-pożizzjoni tagħhom. B’mod simili, il-membri jeħtiġilhom jikkonsultaw dwar modi kif jistgħu jeliminaw il-prattiki kummerċjali li jistgħu jillimitaw il-kompetizzjoni.

Trasferimenti u pagamenti internazzjonali għal tranżazzjonijiet attwali lihuma relatati ma’ impenji speċifiċi li ttieħdu skont il-GATS ma jridux ikunu ristretti, ħlief f’każijiet ta’ diffikultajiet ta’ bilanċ tal-pagamenti u taħt ċerti ċirkustanzi.

Impenji speċifiċi

Ir-regoli dwar l-aċċess tas-suq u t-trattament nazzjonali mhumiex rekwiżiti ġenerali iżda impenji speċifiċi inklużi fl-iskedi annessi mal-GATS u dawn jiffurmaw parti integrali mill-ftehim. Dawn l-iskedi jidentifikaw is-servizzi u l-attivitajiet ta’ servizz li għalihom l-aċċess tas-suq huwa ggarantit u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw dan l-aċċess. Ladarba kkonsolidati, dawn l-impenji jistgħu jiġu mmodifikati jew irtirati biss wara negozjati ta’ kumpens mal-pajjiż ikkonċernat.

Għalhekk, kull membru jeħtieġlu jittratta s-servizzi u l-fornituri tas-servizzi ta’ kwalunkwe membru ieħor b’mod mhux anqas favorevoli mit-termini ddikjarati fl-iskeda tiegħu.

Il-ftehim huwa bbażat ukoll fuq il-prinċipji tat-trattament nazzjonali. Fil-fatt, fis-setturi ddikjarati fl-iskeda ta’ kull membru, u soġġett għall-kundizzjonijiet tiegħu, kull pajjiż membru jittratta l-prodotti ta’ pajjiż membru ieħor b’mod mhux anqas favorevoli mill-prodotti nazzjonali tiegħu.

Liberalizzazzjoni progressiva

Il-GATS jipprovdi għan-negozjati, li jibdew fi żmien 5 snin, sabiex jintlaħaq livell ogħla ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi. Il-liberalizzazzjoni se jkollha l-għan li ttejjeb l-impenji fl-iskedi u tnaqqas l-effett negattiv tal-miżuri meħuda mill-gvernijiet.

Mistoqsijiet settorjali

Għadd ta’ annessi li huma relatati ma’ setturi tas-servizzi differenti jiffurmaw parti mill-GATS. Dawn l-annessi ġew imfassla sabiex iqisu ċerti karatteristiċi speċifiċi tas-setturi inkwistjoni.

  • L-anness dwar il-moviment ta’ persuni fiżiċi jawtorizza lill-gvernijiet sabiex jinnegozjaw impenji speċifiċi li japplikaw għas-soġġorn temporanju tal-persuni fit-territorju tagħhom bil-għan li jfornu servizzi. Il-ftehim la japplika għal impjieg permanenti, u lanqas għal miżuri dwar iċ-ċittadinanza jew residenza.
  • L-anness dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-GATS drittijiet tat-traffiku u servizzi relatati ma’ dawn id-drittijiet (prinċipalment ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi bl-ajru li jagħtu drittijiet ta’ nżul). Madankollu, il-GATS japplika għas-servizzi tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru, il-bejgħ u l-kumerċjalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru u servizzi ta’ sistema kompjuterizzata ta’ prenotazzjoni.
  • L-anness dwar is-servizzi finanzjarji (b’mod partikolari servizzi bankarji u servizzi tal-assigurazzjoni) jirrikonoxxi dritt tal-gvern sabiex jieħu miżuri biex jipproteġi lill-investituri, id-depożitanti u d-detenturi ta’ polza tal-assigurazzjoni. Il-ftehim jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu servizzi forniti minn banek ċentrali. Jenħtieġ li jiġi nnutat li fiż-żmien meta ġie konkluż ċ-Ċiklu tal-Urugwaj fl-1994, is-settur tas-servizzi finanzjarji kien possibbli biss li jiġi inkluż fuq bażi temporanja fil-GATS. Għal din ir-raġuni, fl-1998 ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/61/KE li tapprova l-inklużjoni tas-settur fuq bażi permanenti fil-GATS.
  • Fl-aħħar, l-anness dwar it-telekomunikazzjonijiet jistipula li l-gvernijiet jeħtiġilhom jagħtu lil kwalunkwe fornitur ta’ servizz ta’ kwalunkwe membru ieħor aċċess għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet pubbliċi skont termini u kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji.

IMPLIMENTAZZJONI TAL-FTEHIM

Regoli istituzzjonali

Dawn ir-regoli huma relatati, b’mod partikolari, ma’ konsultazzjonijiet u soluzzjoni tat-tilwim u mal-istabbiliment ta’ Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi.

Kontinwazzjoni tan-negozjati

Fi tmiem iċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-gvernijiet qablu li jkomplu n-negozjati f’4 oqsma:

  • telekomunikazzjonijiet bażiċi;
  • trasport marittimu
  • moviment ta’ individwi; u
  • servizzi finanzjarji.

Kellhom isiru aktar negozjati dwar is-sussidji, l-akkwist pubbliku mill-gvern u l-miżuri ta’ salvagwardja.

MINN META BDEW JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-FTEHIM?

Id-deċiżjoni ilha tapplika mit-22 ta’ Diċembru 1994.

Il-ftehim ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 1995.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni 94/800/KE tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, pp. 1–2)

Laqgħa ta’ Negozjati Multilaterali fl-Urugwaj (1986- 1994) — Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU L 336, 23.12.1994, pp. 3–10)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/61/KE tal-14 ta’ Diċembru 1998 rigward il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fir-rigward ta’ materja fil-kompetenza tagħha, tar-riżultati tan-negozjati tal-Organizzazzjoni tal-Kummerċ Dinji fuq servizzi finanzjarji (ĠU L 20, 27.1.1999, pp. 38-39)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/838/KE tat-28 ta’ Novembru 1997 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunitajiet Ewropej, dwar materji fil-kompetenza tagħha, tar-riżultati tan-negozjati tal-WTO dwar is-servizzi bażiċi tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 347, 18.12.1997, pp. 45-58)

l-aħħar aġġornament 23.11.2017

Top