Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Arranġamenti dwar il-votazzjoni fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Arranġamenti dwar il-votazzjoni fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni 2003/223/KE tal-Kunsill dwar emenda lil Artikolu 10.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

  • Din iddaħħal sistema ta’ rotazzjoni tad-drittijiet tal-vot fil-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), biex tiżgura teħid ta’ deċiżjonijiet ġusti u effiċjenti, irrispettiv min-numru ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) li l-munita tagħhom hi l-ewro.
  • Din tillimita n-numru ta’ drittijiet tal-vot ta’ gvernaturi minn banek ċentrali nazzjonali (BĊNs) għal 15 u jistipula r-regoli dwar l-assenjazzjoni u r-rotazzjoni tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Skont l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, kull membru tal-Kunsill Governattiv għandu vot wieħed. Biex iżommu l-kapaċità tal-Kunsill Governattiv għal teħid ta’ deċiżjonijiet effiċjenti u f’waqtu hekk kif Stati Membri ġodda jissieħbu fiż-żona tal-ewro, membri tal-Kunsill Governattiv qablu li n-numru ta’ gvernaturi mill-BĊNs li jeżerċitaw id-dritt tal-vot m’għandux jaqbeż il-15. Id-deċiżjoni taġġusta l-metodu ta’ votazzjoni skont dan.

Kunsill Governattiv

  • Il-Kunsill Governattiv hu wieħed mit-tliet korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-BĊE. Iż-żewġ korpi l-oħra huma l-Bord Eżekuttiv u l- Kunsill Ġenerali.
  • Il-Kunsill Governattiv huwa l-korp ewlieni li jieħu d-deċiżjonijiet. Il-kompiti prinċipali tiegħu huma:
    • li jiddefinixxi l-politika monetarja għaż-żona tal-ewro;
    • li jadotta linji gwida u deċiżjonijiet biex jiksbu dak il-għan; u
    • li jadotta deċiżjonijiet ġenerali superviżorji.
  • Il-Kunsill Governattiv hu magħmul minn sitt membri tal-Bord Eżekuttiv u l-gvernaturi tal-BĊNs tal-Istati Membri taż-żona tal-ewro (bħalissa 20) In-numru ta’ gvernaturi allura jiżdied kull darba li Stat Membru jissieħeb fiż-żona tal-ewro.

Rotazzjoni ta’ drittijiet tal-vot skont gruppi

  • In-numru totali ta’ drittijiet tal-vot fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE hu limitat għal 21. Is-sitt membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom drittijiet tal-vot permanenti. Il-gvernaturi l-oħra jaqsmu 15-il dritt tal-vot li jibqgħu, li jduru fosthom kull xahar.
  • Il-gvernaturi huma allokati għal gruppi li huma fformati konformi ma’ klassifikazzjoni tal-Istati Membri taż-żona tal-ewro, ibbażata fuq:
    • is-sehem tagħhom fil-prodott gross domestiku aggregat skont il-prezzijiet tas-suq (PDG ps)* fl-Istati Membri taż-żona tal-ewro;
    • is-sehem tagħhom fil-karta bilanċjali aggregata totali tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji* tal-Istati Membri taż-żona tal-ewro.
  • Fi ħdan kull grupp, il-gvernaturi jżommu id-drittijiet tal-vot tagħhom għal ammont indaqs ta’ żmien. Gvernatur fl-ewwel grupp ma jistax jivvota inqas frekwenti minn gvernatur fit-tieni grupp.
  • Dawn il-kriterji għandhom l-għan li jiżguraw trasparenza u objettività billi jqisu l-piż ekonomiku tal-Istat Membru fiż-żona tal-ewro u d-daqs tas-settur finanzjarju tiegħu.
  • Id-deċiżjoni tipprovdi sistema ta’ votazzjoni li ddur biex tkun implimentata f’żewġ stadji.

L-ewwel stadju (stadju kurrenti): allokazzjoni ta’ dritt tal-vot meta n-numru ta’ gvernaturi jeċċedi l-15 imma jkun anqas minn 22

  • Mid-data meta n-numru ta’ gvernaturi jeċċedi l-15 u sakemm jilħaq it -22, il-gvernaturi huma allokati għal żewġ gruppi:
    • L-ewwel grupp hu magħmul minn ħames gvernaturi tal-BĊNs li huma kklassifikati l-ogħla bbażat fuq il-kriterja ta’ fuq (bħalissa l-Ġermanja, Franza, l-Italja, Spanja u n-Netherlands);
    • it-tieni grupp hu magħmul mill-gvernaturi l-oħra kollha.
  • Il-ħames gvernaturi fl-ewwel grupp jaqsmu erba’ drittijiet tal-vot u l-gvernaturi l-oħra fit-tieni grupp jaqsmu 11-il dritt tal-vot.
  • Stadju wieħed normalment kien japplika minn Jannar 2009, meta l-Islovakkja ssieħbet maż-żona tal-ewro bħala s-16-il Stat Membru. tagħha Madanakollu, f’Diċembru 2008, il-Kunsill Governattiv ħa deċiżjoni biex jipposponi l-bidu tas-sistema ta’ rotazzjoni ħalli jevita sitwazzjoni fejn gvernijiet fi ħdan xi grupp ikollu frekwenza ta’ votazzjoni ta’ 100%.
  • Minflok, stadju wieħed tas-sistema ġdida ta’ rotazzjoni ddaħħlet fl-1 ta’ Jannar 2015 meta l-Litwanja ssieħbet maż-żona tal-ewro bħala d-19-il-Stat Membru tagħha.

It-tieni stadju (stadju kurrenti): allokazzjoni ta’ dritt tal-vot meta n-numru ta’ gvernaturi jilħaq 22

  • Mid-data meta n-numru ta’ gvernaturi jilħaq 22, il-gvernaturi ser ikunu allokati għal tliet gruppi.
    • l-ewwel grupp ser ikun magħmul mill-ħames gvernaturi li jikklassifikaw l-ogħla abbażi tal-kriterja ta’ fuq;
    • it-tieni grupp ser ikun magħmul minn nofs in-numru totali ta’ gvernaturi. Dan il-grupp hu magħmul mill-gvernaturi tal-BĊNs tal-Istati Membri li jkollhom il-pożizzjonijiet sussegwenti fil-klassifikazzjoni bbażata fuq il-kriterja ta’ fuq.
    • it-tielet grupp hu magħmul mill-gvernaturi l-oħra kollha.
  • Erba’ drittijiet tal-vot ser ikunu assenjati lill-ewwel grupp, tmienja lit-tieni u tlieta lit-tielet.

Implimentazzjoni, aġġustamenti u bidliet futuri

  • Kull meta n-numru ta’ gvernaturi jiżdied, il-kompożizzjoni tal-gruppi ser tkun aġġustata mill-jum li l-gvernatur(i) jissieħeb(jissieħbu) mal-Kunsill Governattiv. Kull meta l-PDG ps aggregat hu aġġustat (meħtieġ kull 5 snin), il-kompożizzjoni tal-gruppi ser tkun aġġustata konformi ma’ kull tibdil u ser tapplika mill-ewwel jum tas-sena ta’ wara.
  • Kwalunkwe deċiżjoni li tkun meħtieġa biex timplimenta d-dettalji operattivi tas-sistema ta’ rotazzjoni ser tittieħed mill-membri kollha tal-Kunsill Governattiv, li jaġixxu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri kollha tiegħu, ma’ u mingħajr dritt tal-vot fil-ħin tad-deċiżjoni.

    Fl-2009, il-Kunsill Governattiv adotta Deċiżjoni 2009/328/EC rigward:

    • ir-rata ta’ rotazzjoni;
    • il-perjodu ta’ rotazzjoni;
    • l-ordni ta’ gvernaturi fi ħdan il-gruppi; u
    • it-tranżizzjoni minn sistema minn żewġ għal tliet gruppi.

SFOND

Konformi mal-arranġamenti istituzzjonali kurrenti tal-BĊE, il-Kunsill Governattiv jieħu l-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet fuq bażi kunsenswali.

Ir-rotazzjoni tal-votazzjoni tqis xi prinċipji fundamentali, bħal “membru wieħed, vot wieħed” għall-gvernaturi li jeżerċitaw dritt tal-vot, parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill Governattiv f’kapaċità personali u indipendenti, rappreżentattività, aġġustament awtomatiku tas-sistema ta’ rotazzjoni u trasparenza.

Il-voti huma eżerċitati personalment jew, bħala eċċezzjoni, b’telekonferanza. Sabiex il-Kunsill Governattiv jivvota, hemm kworum ta’ żewġ terzi tal-membri li jkollhom dritt tal-vot. Il-Kunsill Governattiv jaġixxi b’maġġoranza sempliċi u f’każ ta’ voti ugwali, il-President ikollu l-vot deċiżiv.

Bħalissa, hemm 20 Stat Membru fiż-żona tal-ewro. Il-Kroazja kienet l-aħħar Stat Membru li laħqet il-kriterja u ssieħbet fl-1 ta’ Jannar 2023.

TERMINI EWLENIN

Prodott domestiku gross skont prezzijiet tas-suq (PDG ps). Il-valur tal-flus tal-eżitu gross finali domestiku kollu jew prodott ta’ pajjiż.
Istituzzjonijiet finanzjarji monetarji. Istituzzjoni finanzjarji bħal l-Ewrosistema (BĊE u banek ċentrali nazzjonali) u istituzzjonijiet residenti ta’ kreditu, li flimkien jiffurmaw is-settur li joħroġ il-flus taż-żona tal-ewro.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni 2003/223/KE tal-Kunsill li ltaqa’ fil-kompożizzjoni tal-Kapi ta’ Stat jew ta’ Gvern fil-21 ta’ Marzu 2003 dwar emenda għall-Artikolu 10.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 83, 1.4.2003, pp. 66–68).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni 2004/257/KE tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2004/2) (ĠU L 80 18.3.2004, pp. 33–41).

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2004/257/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 230–250).

Id-Deċiżjoni 2009/5/KE tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2008 biex tipposponi l-bidu tas-sistema ta’ rotazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2008/29) (ĠU L 3, 7.1.2009, pp. 4–5).

l-aħħar aġġornament 13.03.2023

Top