Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-iġjene tal-għalf

L-iġjene tal-għalf

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 183/2005 — rekwiżiti għall-iġjene tal-għalf

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • L-objettiv ewlieni huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-ambjent.
  • Dan ir-Regolament jiżgura li s-sikurezza tal-għalf tkun żgurata fl-istadji kollha li jista’ jkollhom impatt fuq is-sikurezza tal-għalf u tal-ikel, inkluża l-produzzjoni primarja*.
  • Dan jintroduċi sistema ta’ responsabbiltà u rekwiżiti li jiżguraw li l-għalf tal-annimali jkun sikur u ta’ kwalità tajba billi tiġi żgurata t-traċċabbiltà tiegħu matul il-katina sħiħa tal-għalf tal-annimali.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-regolament japplika għall-attivitajiet tal-operaturi tan-negozji tal-għalf, li jvarjaw mill-produzzjoni primarja tal-għalf tal-annimali sa u inkluż it-tqegħid tiegħu fis-suq, kif ukoll it-tmigħ tal-annimali għall-produzzjoni tal-ikel u l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-għalf minn u lejn pajjiżi mhux tal-UE.

Esklużjonijiet

Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni:

  • il-produzzjoni domestika privata tal-għalf għal annimali għall-produzzjoni tal-ikel miżmuma għall-konsum domestiku privat u għal annimali li mhumiex miżmuma għall-produzzjoni tal-ikel;
  • it-tmigħ ta’ annimali għall-produzzjoni tal-ikel li jinżammu għall-konsum domestiku privat;
  • il-forniment dirett, mill-produttur, ta’ kwantitajiet żgħar ta’ prodotti primarji lill-konsumatur finali jew lil stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut lokali li jfornu direttament lill-konsumatur finali;
  • it-tmigħ ta’ annimali li mhumiex miżmuma għall-produzzjoni tal-ikel;
  • il-forniment dirett ta’ kwantitajiet żgħar ta’ produzzjoni primarja ta’ għalf fil-livell lokali mill-produttur lill-azjendi agrikoli lokali għall-użu fuq dawk l-azjendi agrikoli;
  • il-bejgħ bl-imnut ta’ ikel għall-annimali domestiċi.

Elementi prinċipali:

  • Ir-reġistrazzjoni obbligatorja tal-operaturi kollha tan-negozji tal-għalf mill-awtorità kompetenti.
  • L-approvazzjoni tal-istabbilimenti tan-negozju tal-għalf li jwettqu operazzjonijiet li jinvolvu iktar sustanzi sensittivi, bħal ċertu addittivi tal-għalf, premixxeli* u għalf kompost*.
  • Introduzzjoni ta’ rekwiżiti obbligatorji għall-produzzjoni tal-għalf fil-livell tal-azjenda agrikola.
  • Rekwiżiti tal-iġjene uniformi li jridu jiġu sodisfatti min-negozji kollha tal-għalf.
  • Prattika tal-iġjene tajba li trid tiġi applikata fil-livelli kollha tal-produzzjoni agrikola u fl-użu tal-għalf.
  • Introduzzjoni tal-prinċipji tal-Analiżi tal-Perikli u Punti Kritiċi (HACCP)* għall-operaturi tan-negozji tal-għalf minbarra fil-livell tal-produzzjoni primarja.
  • Sabiex iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ gwidi tal-UE u nazzjonali għall-prattika tajba fil-produzzjoni tal-għalf.

Negozji tal-għalf responsabbli għall-produzzjoni primarja tal-għalf

Dawn in-negozji għandhom jipprevjenu, jeliminaw jew inaqqsu l-perikli għas-sikurezza tal-għalf matul il-produzzjoni, il-preparazzjoni, it-tindif, l-imballaġġ, il-ħżin u t-trasport ta’ dawn il-prodotti (Anness I). Dawn għandhom iżommu rekords relatati mal-miżuri eżistenti għall-kontroll tal-perikli ta’ kontaminazzjoni.

Operaturi ta’ negozji oħra tal-għalf

  • Dawn in-negozji għandhom jadottaw miżuri li jiggarantixxu s-sikurezza tal-prodotti li jimmanifatturaw, jittrasportaw jew jużaw. Dawn il-miżuri huma ddettaljati fl-Anness II u jirrigwardaw l-aktar:

    • il-faċilitajiet u t-tagħmir;
    • it-taħriġ tal-persunal;
    • l-organizzazzjoni u l-monitoraġġ ta’ stadji differenti tal-produzzjoni;
    • id-dokumenti li l-operaturi jridu jżommu.
  • Dawn għandhom japplikaw ukoll il-prinċipji HACCP u jżommu dokumenti li juru li qed jirrispettawhom.
  • In-negozji jridu:

    • jieħdu azzjonijiet korrettivi meta l-monitoraġġ juri li hemm punt ta’ kontroll kritiku (ara l-prinċipji HACCP) li mhuwiex qed jiġi kkontrollat.
    • jimplimentaw proċeduri interni biex jikkontrollaw li l-miżuri adottati qed jaħdmu effettivament;
    • jżommu rekords li juru li applikaw dawn il-miżuri.

Reġistrazzjoni u approvazzjoni

  • In-negozji tal-għalf (inklużi dawk responsabbli għall-produzzjoni primarja tal-għalf) iridu jirreġistraw mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż rispettiv tagħhom. Dawn iridu jipprovdu informazzjoni aġġornata u jaqblu li jikkoperaw fil-każ ta’ kontrolli.
  • Meta meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-UE, l-operaturi tan-negozji tal-għalf iridu jiżguraw li l-istabbilimenti taħt il-kontroll tagħhom ikunu approvati mill-awtorità kompetenti u ma jistgħux joperaw mingħajr approvazzjoni. Kull pajjiż tal-UE għandu jżomm lista ta’ stabbilimenti approvati. Meta stabbiliment ma jibqax jikkonforma mar-rekwiżiti li jikkontrollaw l-attivitajiet tiegħu, l-approvazzjoni tista’ tiġi sospiża temporanjament jew revokata.

Gwidi għall-prattika tajba

Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-pajjiżi tal-UE joħorġu gwidi għall-prattika tajba fis-settur tal-għalf u dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-HACCP. Dawn iridu jkunu żviluppati skont il-Codex Alimentarius u b’konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati. Fejn jiġu mħejjija gwidi standardizzati tal-UE, il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (magħruf ukoll bħala l-PAFF) jiżgura li l-kontenut ta’ dawn il-gwidi huwa prattikabbli.

Emendi

L-Anness II għar-Regolament ġie emendat darbtejn (permezz tar-Regolament (UE) Nru 225/2012 u r-Regolament (UE) 2015/1905) fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ negozji li jagħmlu prodotti minn żjut veġetali u xaħmijiet mħallta u skont ir-rekwiżiti speċifiċi għall-produzzjoni, il-ħżin, it-trasport u l-ittestjar għad-dijossini.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika sa mill-1 ta’ Jannar 2006.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Poduzzjoni primarja: il-produzzjoni tal-prodotti agrikoli, inkluż it-tkabbir, il-ħsad, it-treddigħ, it-trobbija tal-annimali (qabel il-qtil tagħhom) jew is-sajd li tirriżulta esklussivament fi prodotti li ma jiġux sottoposti għal kwalunkwe operazzjoni wara l-ħsad, il-ġbir jew il-qbid tagħhom ħlief għal trattament fiżiku sempliċi.
Taħlitiet minn qabel: taħlitiet ta’ addittivi tal-għalf jew taħlitiet ta’ addittiv tal-għalf wieħed jew iżjed ma’ materjali tal-għalf jew ilma użati bħala portaturi, mhux maħsuba għat-tmigħ dirett tal-annimali.
Għalf kompost: sustanzi organiċi jew inorganiċi fit-taħlitiet, kemm jekk fihom addittivi kif ukoll le, għat-tmigħ orali tal-annimali fil-forma ta’ għalf komplu jew għalf komplementari.
Il-prinċipji HACCP: dawn jistabbilixxu r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati matul il-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni sabiex jiġu identifikati, permezz ta’ analiżi ta’ riskju, il-punti kritiċi li għandhom jinżammu taħt kontroll sabiex tiġi żgurata s-sikurezza fl-ikel.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (ĠU L 35, 8.2.2005, pp. 1-22)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 183/2005 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-dispożizzjonijiet, is-sistemi u l-prattiki legali eżistenti fl-Istati Membri u fil-livell Komunitarju relatati mar-responsabbiltà fis-setturi tal-ikel u tal-għalf u dwar is-sistemi fattibbli għall-garanziji finanzjarji fis-settur tal-għalf fil-livell Komunitarju skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (COM(2007) 469 final, 14.8.2007).

l-aħħar aġġornament 07.09.2017

Top