Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-suq intern tal-gass

Is-suq intern tal-gass

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hija timmira li tintroduċi regoli komuni għat-trażmissjoni, għad-distribuzzjoni, għall-provvista u għall-ħżin ta’ gass naturali* bl-objettivi li tipprovdi aċċess għas-suq u li tippermetti kompetizzjoni ġusta u mhux diskriminatorja.
  • Hija tikkonċerna l-gass naturali, il-gass naturali likwifikat (LNG), il-bijogass u l-gass mill-bijomassa.

PUNTI EWLENIN

Regoli għall-organizzazzjoni tas-settur

Dawn ir-regoli huma mmirati għall-ħolqien ta’ suq sostenibbli kompetittiv, sigur u ambjentalment sostenibbli tal-gass naturali.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jimponu obbligi tas-servizz pubbliku fuq il-kumpaniji tal-gass, li jkopru:

  • is-sikurezza teknika u s-sigurtà tal-provvista;
  • ir-regolarità u l-kwalità tas-servizz;
  • il-prezz;
  • il-protezzjoni ambjentali; u
  • l-effiċjenza enerġetika.

Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jiżguraw li:

  • il-klijenti kollha jkollhom id-dritt li jagħżlu l-fornitur tal-gass tagħhom u li jibdlu l-fornitur faċilment, bl-assistenza tal-operatur, fi żmien 3 ġimgħat;
  • il-klijenti jirċievu data dwar il-konsum rilevanti.

Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għall-monitoraġġ u s-sigurtà tal-provvista u b’mod partikolari:

  • mill-bilanċ tal-provvista u d-domanda fis-suq nazzjonali;
  • mill-provvisti disponibbli;
  • mill-manutenzjoni tan-netwerks; u
  • mill-miżuri li għandhom jittieħdu f’każ ta’ problemi fil-provvista.

Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, tista’ tiġi implimentata kooperazzjoni reġjonali jew internazzjonali.

Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jiżguraw l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali f’livell reġjonali wieħed jew aktar, bħala l-ewwel pass lejn l-integrazzjoni ta’ suq intern liberalizzat kompletament. Is-sistemi iżolati li jiffurmaw “gżejjer tal-gass” iridu jiġu integrati wkoll. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeħtiġilhom jikkooperaw mal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija.

Trażmissjoni, ħżin u LNG

Separazzjoni* u trasparenza tal-kontijiet

Mit-3 ta’ Marzu 2012, il-pajjiżi tal-UE ntalbu jisseparaw is-sistemi ta’ trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni. Dan ifisser li kumpaniji attivi fil-produzzjoni jew fil-provvista tal-gass jew tal-elettriku ma jistgħu jeżerċitaw l-ebda dritt fuq l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, u viċi versa.

Il-pajjiżi tal-UE u l-awtoritajiet kompetenti għandhom id-dritt għall-aċċess għall-kontijiet tal-kumpaniji tal-gass naturali iżda jeħtiġilhom jippreżervaw il-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni. Il-kumpaniji tal-gass naturali jeħtiġilhom iżommu kontijiet separati għall-attivitajiet kollha tagħhom fir-rigward tal-provvista tal-gass, bħat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni.

Ħatra ta’ operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni

Kumpanija jeħtiġilha l-ewwel tiġi ċċertifikata qabel ma tinħatar b’mod uffiċjali bħala operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni. U mbagħad għandha tiġi ppubblikata lista ta’ operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni mill-pajjiżi tal-UE f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, u fejn applikabbli, il-pajjiżi tal-UE għandhom jaħtru operatur wieħed jew aktar tas-sistema tal-LNG u tal-ħżin.

Kompiti tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni

L-operaturi tas-sistema huma responsabbli li:

  • joperaw, iżommu jaħdmu u jiżviluppaw sistemi ta’ trażmissjoni, faċilitajiet tal-ħżin u/jew tal-LNG b’attenzjoni dovuta għall-ambjent;
  • jiżguraw in-nondiskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema;
  • jipprovdu informazzjoni lil kwalunkwe operatur ieħor tas-sistema ta’ trażmissjoni, lil kwalunkwe operatur ieħor tas-sistema ta’ ħżin u/jew lil kwalunkwe operatur ta’ distribuzzjoni sabiex jiżguraw l-interkonnessjoni tat-trażmissjoni u tal-ħżin tal-gass naturali;
  • jipprovdu lill-utenti tas-sistema l-informazzjoni li għandhom bżonn biex jaċċessaw is-sistema.

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jeħtiġilhom jibnu kapaċità transfruntiera suffiċjenti biex jintegraw l-infrastruttura ta’ trażmissjoni Ewropea. Kull sena, jeħtiġilhom jissottomettu lill-awtorità regolatorja pjan ta’ żvilupp tan-netwerk fuq 10 snin li jindika l-infrastruttura ewlenija li jeħtieġ li tinbena jew li tiġi mmodernizzata kif ukoll l-investimenti li għandhom jiġu eżegwiti matul l-10 snin li jkunu ġejjin.

Distribuzzjoni u provvista

Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jaħtru operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew jitolbu lill-kumpaniji li jippossjedu sistemi ta’ distribuzzjoni jew li huma responsabbli minnhom biex jagħmlu dan.

L-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni huma prinċipalment responsabbli biex:

  • jiżguraw il-kapaċità fit-tul tas-sistema f’termini tad-distribuzzjoni tal-gass, l-operazzjoni, il-manutenzjoni, l-iżvilupp u l-protezzjoni ambjentali;
  • jiżguraw it-trasparenza fir-rigward tal-utenti tas-sistema;
  • jipprovdu informazzjoni lill-utenti tas-sistema;
  • ikopru t-telf tal-enerġija u jżommu kapaċità ta’ riżerva.

L-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jeħtieġlu jkun indipendenti f’termini legali minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni.

Organizzazzjoni ta’ aċċess għas-sistema

Il-pajjiżi tal-UE jew l-awtoritajiet regolatorji kompetenti huma responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess nondiskriminatorju ta’ parti terza għas-sistemi ta’ distribuzzjoni u trażmissjoni abbażi ta’ tariffi ppubblikati. Huma jeħtiġilhom jiżguraw li l-klijenti eliġibbli jistgħu jiksbu aċċess għal netwerks ta’ pipelines upstream. Barra minn hekk, jeħtiġilhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-faċilitajiet tal-ħżin u l-linepack (il-ħżin ta’ gass permezz tal-kompressjoni f’sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-gass).

Regoli addizzjonali għas-suq intern tal-gass naturali

Id-Direttiva (UE) 2019/692 tfittex li tindirizza l-ostakli għat-twettiq tas-suq intern tal-gass naturali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli tas-suq tal-UE għal-linji ta’ trażmissjoni tal-gass minn u lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE. L-emendi introdotti permezz ta’ din id-Direttiva huma maħsuba biex jiżguraw li r-regoli applikabbli għal-linji ta’ trażmissjoni tal-gass li jgħaqqdu żewġ pajjiżi tal-UE jew aktar huma applikabbli wkoll, fl-UE, għal-linji ta’ trażmissjoni tal-gass minn u lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE.

MINN META BDIET TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-3 ta’ Settembru 2009 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-3 ta’ Marzu 2011.

Din id-Direttiva rrevokat id-Direttiva 2003/55/KE fit-3 ta’ Marzu 2011.

SFOND

Żewġ komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-2007 dwar il-prospetti għas-suq intern tal-gass u tal-elettriku u investigazzjoni tas-settur fis-swieq tal-gass u tal-elettriku enfasizzaw l-inadegwatezza tar-regoli u tal-miżuri fis-seħħ fir-rigward tas-suq intern u wrew li kienet meħtieġa l-adozzjoni ta’ regoli ġodda.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Gass naturali: gass li jieħu n-nar li jinħoloq b’mod naturali taħt l-art, u li fil-biċċa l-kbira jikkonsisti minn metan u idrokarburi oħra u jintuża l-aktar bħala fjuwil.
Separazzjoni: is-separazzjoni tan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-gass mill-attivitajiet tal-produzzjoni u tal-provvista tal-kumpaniji tal-gass.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94-136)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/73/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, 14.8.2009, pp. 1-14)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Prospetti għas-suq intern tal-gass u tal-elettriku (COM(2006) 841 final, 10.1.2007)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Inkjesta skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fis-setturi Ewropej tal-gass u tal-elettriku (Rapport Finali) (COM(2006) 851 final, 10.1.2007)

l-aħħar aġġornament 17.05.2019

Top