Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-Ombudsman Ewropew

L-Ombudsman Ewropew

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2021/1163 li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet għax-xogħol tal-Ombudsman Ewropew. Dawn huma magħrufin bħala Statut tal-Ombudsman Ewropew.

PUNTI EWLENIN

L-Ombudsman:

  • għandu jkun kompletament indipendenti u ma jaċċetta ebda struzzjoni esterna;
  • għandu jgħin biex jiżvela amministrazzjoni ħażina* minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni Ewropea (UE);
  • għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet, proposti għal soluzzjonijiet u suġġerimenti biex tiġi indirizzata kwistjoni, fejn xieraq;
  • ma jistax jikkontesta deċiżjoni ta’ qorti jew il-kompetenza ta’ qorti, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
  • jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

Ilmenti

  • Kull ċittadin tal-UE jew persuna ġuridika jew naturali li tgħix jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru tal-UE tista’, direttament jew permezz ta’ membru tal-Parlament Ewropew, tressaq ilment lill-Ombudsman. L-ilmenti mingħand kwalunkwe persuna jew awtorità oħra mhumiex eliġibbli.
  • Il-persuna li tressaq l-ilment għandha tagħmel dan fi żmien sentejn mid-data meta tkun saret taf bil-fatti li fuqhom huwa bbażat l-ilment u għandha tkun diġà avviċinat lill-organizzazzjoni rilevanti dwar il-fatti rilevanti.
  • L-Ombudsman jiċħad ilmenti li huma lil hinn mill-kompetenza tiegħu jew li huma manifestament infondati u jinforma lill-istituzzjoni meta jiddikjara li lment huwa ammissibbli.
  • L-ilmenti mill-persunal tal-UE għandhom jeżawrixxu l-proċeduri amministrattivi interni kollha qabel ma jiġu riferuti lill-Ombudsman.
  • L-Ombudsman jinforma lill-ilmentaturi dwar l-azzjoni meħuda u jipprova jsolvi l-amministrazzjoni ħażina mal-istituzzjoni kkonċernata. Jekk soluzzjoni tissodisfa lill-ilmentatur u lill-istituzzjoni, il-każ jingħalaq.

Inkjesti

  • L-Ombudsman jista’ jwettaq inkjesti fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara lment, filwaqt li jinforma lill-istituzzjoni rilevanti.
  • L-inkjesti fuq inizjattiva proprja jiffokaw b’mod partikolari fuq każijiet ripetuti, sistemiċi jew partikolarment serji ta’ amministrazzjoni ħażina bħala kwistjoni ta’ interess pubbliku, u jistgħu jiġu segwiti minn proposti tal-aħjar prattika.
  • Il-protezzjoni minn ritaljazzjonijiet tingħata lill-informaturi li jiżvelaw informazzjoni lill-Ombudsman li twassal għal inkjesta.

Segwitu

  • L-Ombudsman jinforma lill-istituzzjoni rilevanti jekk jistabbilixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina u, meta jkun xieraq, jagħmel rakkomandazzjonijiet.
  • L-istituzzjoni tista’ twieġeb lill-Ombudsman, normalment fi żmien 3 xhur. Jekk ma tagħmilx hekk, l-inkjesta tingħalaq u l-Ombudsman jibgħat ir-rapport tiegħu lil dawk kollha kkonċernati.
  • L-Ombudsman jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew fi tmiem kull sessjoni annwali dwar ir-riżultat tal-inkjesti tiegħu. Dan ikun fih valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet, proposti għal soluzzjonijiet u titjib, u dettalji ta’ każijiet li jinvolvu fastidju, żvelar ta’ informazzjoni protetta u kunflitti ta’ interess.

Informazzjoni

  • L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom jipprovdu lill-Ombudsman kwalunkwe informazzjoni mitluba f’inkjesta, mingħajr dewmien.
  • L-informazzjoni, li hija soġġetta għal segretezza professjonali, tkopri d-dokumenti fiżiċi u elettroniċi kollha, inkluż materjal klassifikat tal-UE — suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.
  • L-Ombudsman jista’ jistaqsi lill-uffiċjali tal-UE dwar fatti li jinvolvu inkjesta li tkun għaddejja.
  • L-Ombudsman jieħu ħsieb it-talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti, ħlief għal dawk miksuba waqt inkjesta.

Kundizzjonijiet ġenerali

  • Il-Parlament Ewropew jeleġġi (u għandu s-setgħa li jkeċċi) lill-Ombudsman, li huwa eliġibbli għall-ħatra mill-ġdid fil-bidu tal-leġiżlatura.
  • L-Ombudsman:
    • irid ikun ċittadin tal-UE bi drittijiet ċivili u politiċi sħaħ u ma jridx ikun membru parlamentari nazzjonali jew Ewropew jew ikun serva fil-Kunsill Ewropew jew fil-Kummissjoni Ewropea fi żmien sentejn mis-sejħa għan-nominazzjonijiet;
    • ma jista’ jeżerċita ebda dmirijiet jew kariga politika jew amministrattiva oħra, imħallsin jew le, matul iż-żmien tal-mandat;
    • ikollu l-istess paga, allowances u pensjoni bħal imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja;
    • ikollu baġit adegwat u segretarjat biex tkun żgurata l-indipendenza tiegħu u t-twettiq ta’ dmirijietu;
    • huwa bbażat fi Strasburgu.

Dan ir-regolament jirrevoka u jissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-5 ta’ Awwissu 2021.

SFOND

  • Ir-regolament li jirrevedi l-istatut tal-Ombudsman Ewropew jikkodifika ħafna mill-prattiki tax-xogħol eżistenti tiegħu. Huwa jsaħħaħ il-bażi legali tal-Ombudsman u jintroduċi salvagwardji biex jiggarantixxi aktar l-indipendenza tiegħu.
  • Ir-regolament jirrappreżenta tip speċjali ta’ proċess leġiżlattiv fejn il-Parlament Ewropew għandu d-dritt dirett ta’ inizjattiva leġiżlattiva, il-Kunsill jagħti l-kunsens tiegħu u l-Kummissjoni tagħti l-opinjoni tagħha.
  • Ir-regolament huwa adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.
  • L-Artikolu 20(2)(d) tat-TFUE jirrikonoxxi d-dritt ta’ ċittadin tal-UE li japplika għand l-Ombudsman Ewropew u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirrikonoxxi l-amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali tal-UE.
  • L-Uffiċċju tal-Ombudsman ġie stabbilit mit-Trattat ta’ Maastricht (ara s-sommarju) fl-1992. Kien hemm tliet Ombudsmen sa mill-ewwel wieħed fl-1995.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Amministrazzjoni ħażina. Nuqqas ta’ azzjoni skont il-liġi jew il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2021/1163 tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (ĠU L 253, 16.7.2021, pp. 1–10).

DOKUMENTI RELATATI

Test konsolidat: Ir-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Impjegati Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet istituzzjonali — Kapitolu 1 — L-istituzzjonijiet — Taqsima 1 — Il-Parlament Ewropew — l-Artikolu 228 (ex Artikolu 195 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 150–151).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat li jistabbilixxi Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika — Titolu III — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Kapitolu 1 — Applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — l-Artikolu 106a (ĠU C 203, 7.6.2016, p. 40).

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Titolu V — Drittijiet taċ-ċittadini — Artikolu 41 — id-dritt għal amministrazzjoni tajba (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 401–402).

l-aħħar aġġornament 27.09.2021

Top