Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent minn sustanzi niġġiesa organiċi persistenti

Il-ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent minn sustanzi niġġiesa organiċi persistenti

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2019/1021 dwar il-pollutanti organiċi persistenti

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

PUNTI EWLENIN

POPs huma sustanzi kimiċi perikolużi li jistgħu jaqsmu konfini internazzjonali, ħafna drabi jinstabu ’l bogħod mis-sorsi ta’ emissjoni tagħhom, jippersistu fl-ambjent, jibbijoakkumulaw* u konsegwentement joħolqu theddida għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

Kontrolli fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq* u l-użu

  • Il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-POPs elenkati fl-Anness I, kemm waħedhom, f’taħlita jew f’oġġett*, huwa pprojbit sakemm ma japplikawx ċerti eżenzjonijiet speċifikati fl-anness. L-Anness I ġie emendat diversi drabi permezz ta’ atti delegati adottati mill-Kummissjoni Ewropea . Il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-POPs elenkati fl-Anness II huwa ristrett għal użijiet fejn alternattivi lokalment sikuri, effettivi u bi prezzijiet affordabbli ma jkunux disponibbli għall-Istat Membru tal-UE inkwistjoni.
  • L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom japplikaw kontrolli xierqa għal sustanzi eżistenti (bħal pereżempju permezz ta’ elenkar) u jipprevjenu l-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ kwalunkwe sustanza ġdida li tesebixxi karatteristiċi tal-POPs.
  • L-Istati Membri jistgħu jgħaddu suġġerimenti għall-elenkar lill-Kummissjoni, li, appoġġjata mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), tiddeċiedi jekk tipproponix sustanzi addizzjonali għall-elenkar. L-ECHA tipprovdi assistenza teknika u xjentifika u input għall-proċessi deskritti fir-regolament.

Eżenzjonijiet

  • Hemm eżenzjonijiet minn dawn il-kontrolli li huma permessi għal sustanzi użati għal riċerka fuq skala ta’ laboratorju jew bħala standard ta’ referenza, jew li huma preżenti bħala kontaminant fi traċċi mhux intenzjonat, f’taħlitiet jew f’oġġetti.
  • Eżenzjonijiet oħra japplikaw għal oġġetti li fihom POPs manifatturati qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament, soġġetti għal assigurazzjonijiet u kundizzjonijiet speċifiċi, inkluż rekwiżiti għal notifika lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

Tnaqqis, minimizzazzjoni u eliminazzjoni tal-emissjonijiet

L-Istati Membri jeħtieġ li:

  • iżommu inventarji ta’ sustanzi elenkati fl-Anness III rilaxxati fl-arja, fl-ilma u fuq l-art;
  • jikkomunikaw il-pjanijiet t’azzjoni tagħhom dwar il-miżuri biex jiġu identifikati, kkaratterizzati u mminimizzati l-emissjonijiet ta’ sustanzi, inkluż l-użu ta’ sustanzi sostituti jew immodifikati;
  • jagħtu prijorità għal proċessi alternattivi li jevitaw il-formazzjoni u r-rilaxx ta’ POPs meta jkunu qed jibnu jew jimmodifikaw il-faċilitajiet.

Skart

  • Dawk li jipproduċu jew iżommu l-iskart għandhom jipprevjenu l-iskart milli jinbiegħ, kemm jista’ jkun, ma’ sustanzi elenkati fl-Anness IV.
  • F’ħafna każijiet, skart ikkontaminat għandu jintrema jew jiġi rkuprat* biex jiżgura li l-kontenut POP jinqered jew jiġi ttrasformat.
  • L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produzzjoni, il-ġbir u t-trasportazzjoni tal-iskart kontaminat, flimkien mal-ħażna u t-trattament tiegħu, jkunu traċċabbli u jitwettqu f’kundizzjonijiet li jipprovdu protezzjoni għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2022/2400 jaġġorna l-Annessi IV u V, li jiddeterminaw kif l-skart li fih POPs huwa ttrattat, u b’mod partikolari jekk jistax jiġi riċiklat jew jekk għandux jinqered jew ikun ittrasformat b’mod irriversibbli. L-Annessi IV u V, kif emendat, jinkludu l-pentachlorophenol, li kien tħall barra b’mod mhux intenzjoni meta r-Regolament (KE) Nru 850/2004 ġie revokat u riformulat.
  • Ir-regolament emendatorju iżid ukoll sustanzi ulterjuri fl-Anness IV u jaġġorna l-valuri tal-limitu tal-konċentrazzjoni għal xi sustanzi fl-Annessi IV u V:
    • aċidu perfluworoottaniku u l-melħ tiegħu u l-komposti relatati – użati fit-tessuti li ma jgħaddix minnhom l-ilma u fowms tat-tifi tan-nar;
    • eteri tad-difenil polibromati – ritardanti tal-fjammi li jinsabu fil-plastiks u tessuti li jintużaw f’tagħmir elettriku u elettroniku, vetturi u għamara;
    • hexabromocyclododecane – ritardanti tal-fjammi li jinsabu f’xi skart tal-plastiks u tat-tessuti, speċjalment insulazzjoni tal-polystyrene;
    • paraffini klorinati b’katina qasira – ritardanti tal-fjammi li jinstabu f’xi skart tal-gomma u tal-plastik;
    • dibenzo-p-diossini poliklorinati u dibenzofurans – sustanzi preżenti bħala impuritajiet f’ċerti rmied u fi skart industrijali ieħor;
    • bifenili poliklorinati simili għad-diossini – dawn jistgħu jkunu preżenti bħala impuritajiet f’xi rmied u żjut industrijali;
    • aċidu sulfoniku ta’ perfluworohexane u l-melħ tiegħu u l-komposti relatati – li jinsabu f’tessuti, oġġetti tat-tisjir li ma jwaħħlux u fowms għat-tifi tan-nar;
    • Dicofol - pestiċida, li qabel kienet tintuża fl-agrikoltura.

Ippjanar, monitoraġġ u rappurtaġġ

  • L-Istati Membri għandhom jagħtu l-opportunità lill-pubbliku biex jipparteċipa fit-tħejjija tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom, li għandhom ikunu disponibbli b’mod pubbliku u skambjati mal-Kummissjoni u mal-ECHA, inkluż informazzjoni dwar miżuri li ttieħdu fuq livell nazzjonali biex jiġu identifikati u evalwati siti kontaminati minn POPs, kif xieraq. Il-Kummissjoni trid ukoll iżżomm pjan ta’ implimentazzjoni għall-UE, li għandu jiġi rivedut u aġġornat kif xieraq.
  • Irid jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ monitoraġġ biex jiġbor data ta’ monitoraġġ komparabbli dwar il-preżenza ta’ sustanzi, kif elenkat f’Parti A tal-Anness III tar-regolament, fl-ambjent. L-Istati Membri se jirrappurtaw ukoll fuq l-implimentazzjoni tar-regolament.
  • Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda l-lista ta’ sustanzi fl-Annessi I, II u III ta’ dan ir-regolament, biex tadattahom għall-bidliet fil-lista ta’ sustanzi stabbilita fl-annessi għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma jew għall-Protokoll tal-1979.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (UE) 2019/1021 ilu japplika mill-15 ta’ Lulju 2019.
  • Ir-Regolament (UE) 2022/2400 ilu japplika mill-10 ta’ Ġunju 2023.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Jibbijojakkumulaw. Isiru kkonċentrati fl-iġsma ta’ oġġetti ħajjin.
It-tqegħid fis-suq. Provvista jew disponibbiltà, kemm bi ħlas jew bla ħlas, għal parti terza. L-importazzjoni hi meqjusa wkoll bħala tqegħid fis-suq.
Oġġett. Oġġett li waqt il-produzzjoni jingħata forma, wiċċ jew disinn speċjali, li jiddetermina l-funzjoni tiegħu fi grad akbar mill-kompożizzjoni kimika tiegħu.
L-irkupru tal-iskart. Definit fid-direttiva qafas dwar l-Iskart bħala kull operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha huwa skart li jservi skop utli billi jissostitwixxi materjali oħra li altrimenti kienu jintużaw biex jissodisfaw funzjoni partikolari, jew skart li jkun lest biex jissodisfa dik il-funzjoni, fl-impjant jew fl-ekonomija usa’.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (riformulazzjoni) (ĠU L 169, 25.6.2019, pp. 45–77).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/1021 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) 2022/2400 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jemenda l-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 317, 9.12.2022, pp. 24–31).

Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, pp. 3–30).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE, u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, pp. 1–849). Test ippubblikat mill-ġdid fir-rettifika (ĠU L 136, 29.5.2007, pp. 3–280).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni (COM(2000) 1 final, 2.2.2000).

Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Twila rigward Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (ĠU J L 81, 19.3.2004 pp. 37–71).

l-aħħar aġġornament 24.04.2023

Top