EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropea

Il-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2018/1807 — dwar qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropa

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan għandu l-għan li jiżgura li d-data elettronika, ħlief id-data personali, tkun tista’ tiġi pproċessata liberament madwar l-UE kollha.
  • Jipprojbixxi restrizzjonijiet fuq fejn tista’ tinħażen jew tiġi pproċessata d-data.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data mhux personali* li:

  • huwa pprovdut bħala servizz għall-utenti li jgħixu fl-UE;
  • jitwettaq minn individwu, minn kumpanija jew minn organizzazzjoni fl-UE għall-ħtiġijiet tagħhom stess.

Ir-regolament jipprojbixxi miżuri magħrufa bħala rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni*, li jirrestrinġu l-ipproċessar ta’ data għal territorju speċifiku fl-UE, ħlief għal raġunijiet relatati mas-sigurtà pubblika.

Il-pajjiżi tal-UE iridu:

  • jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea minnufih dwar kwlaunkwe rekwiżit potenzjali ġdid ta’ lokalizzazzjoni tad-data;
  • sat-30 ta’ Mejju 2021, iħassru kwalunkwe rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni mhux iġġustifikat jew jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe wieħed li jemmnu li jkun iġġustifikat;
  • jistabbilixxu punt online uniku nazzjonali ta’ informazzjoni li jkun fih ir-rekwiżiti aġġornati kollha ta’ lokalizzazzjoni;
  • jinkarigaw punt uniku ta’ kuntatt biex jidħol f’kuntatt u jikkoopera mal-kontropartijiet f’pajjiżi oħra tal-UE u mal-Kummissjoni, b’mod partikolari rigward talbiet ta’ assistenza.

L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jitolbu aċċess għad-data li tkun tinsab f’pajjiż ieħor tal-UE, jew li tkun maħżuna jew ipproċessata fil-cloud, u li tkun meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet uffiċjali tagħhom.

Il-Kummissjoni trid:

  • tippubblika l-links għall-punti online uniċi nazzjonali ta’ informazzjoni fuq is-sit web tagħha u taġġorna b’mod regolari lista konsolidata ta’ rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni;
  • sad-29 ta’ Mejju 2019, tipprovdi gwida dwar l-interazzjoni bejn ir-regolament u r-Regolament (UE) 2016/679 dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data personali, speċjalment data kemm b’informazzjoni personali kif ukoll b’informazzjoni mhux personali;
  • sad-29 ta’ Novembru 2022, tirrapporta lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar kif qed jiġi applikat ir-regolament.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ il-ħolqien ta’ kodiċijiet awtoregolatorji ta’ kondotta fil-livell tal-UE. Dawn għandhom:

  • jiġu żviluppati f’kooperazzjoni msaħħa mal-partijiet interessati, bħal assoċjazzjonijiet ta’ intrapriżi żgħar u medji, start-ups, utenti u fornituri tas-servizzi tal-cloud;
  • jitlestew sad-29 ta’ Novembru 2019 biex ikunu jistgħu jiġu implimentati sad-29 ta’ Mejju 2020;
  • qoxra
    • l-aħjar prattiki meta tiġi biex tbiddel fornituri ta’ servizzi jew tittrasferixxi d-data*
    • rekwiżiti minimi ta’ informazzjoni għall-utenti professjonali qabel ma jiffirmaw kuntratt għall-ipproċessar ta’ data
    • skemi ta’ ċertifikazzjoni biex ikunu jistgħu jsiru paraguni bejn il-prodotti u s-servizzi ta’ proċessar ta’ data għall-professjonisti
    • komunikazzjoni biex jiżdied l-għarfien dwar il-kodiċijiet ta’ kondotta.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan jidħol fis-seħħ fit-28 ta’ Mejju 2019. Kif intqal fis-sommarju, hemm skadenzi speċifiċi fir-regolament li jridu jiġu rrispettati bħar-revoka, sat-30 ta’ Mejju 2021, ta’ kwalunkwe rekwiżit mhux iġġustifikat ta’ lokalizzazzjoni.

SFOND

Ir-regoli l-ġodda huma mfassla biex iħaffu l-kummerċ transfruntier fl-UE u biex jinħoloq suq uniku għas-servizzi ta’ ħżin u ta’ pproċessar ta’ data, bħall-cloud computing.

Il-ħila li wieħed jagħżel fornitur ta’ servizz tad-data minn kwalunkwe pajjiż fl-UE għandha ġġib magħha servizzi aktar innovattivi msejsa fuq id-data u prezzijiet aktar kompetittivi għan-negozji, għall-konsumaturi u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi.

B’ambjent regolatorju favorevoli, huwa stmat li l-ekonomija tad-data tista’ tiġi tiswa 4 % mill-PDG (prodott domestiku gross) tal-UE sal-2020.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Data mhux personali: kwalunkwe informazzjoni mhux marbuta ma’ individwu identifikat jew li jista’ jiġi identifikat, jiġifieri kwalunkwe data għajr data personali kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR).
Rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni: kwalunkwe miżura legali jew amministrattiva li tiddikjara li l-ipproċessar ta’ data jrid iseħħ f’territorju speċifiku tal-UE.
Trasferiment tad-data: trasferiment tad-data minn fornitur wieħed ta’ servizz għal ieħor, jew lura għas-servers tal-istess kumpanija.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropa (ĠU L 303, 28.11.2018, pp. 59-68)

DOKUMENT RELATAT

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 1-88)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 15.02.2019

Top