Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-tniġġis tal-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji

It-tniġġis tal-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva (UE) 2015/2193 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi niġġiesa fl-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi regoli sabiex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet fl-arja ta’ diossidu tal-kubrit (SO2), ossidi tan-nitroġenu (NOx) u trab (partikoli) minn impjanti tal-kombustjoni medji*, kif ukoll regoli sabiex isir monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-monossidu tal-karbonju (CO) minn dawn l-impjanti.

L-għan huwa li titnaqqas il-ħsara potenzjali fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li:
    • l-impjanti tal-kombustjoni medji ġodda kollha, jiġifieri impjanti li se jibdew joperaw wara d-19 ta’ Diċembru 2018, ikollhom permess jew ikunu rreġistrati;
    • sal-1 ta’ Jannar 2024, l-impjanti eżistenti kollha b’qawwa (jew kapaċità) termika nominali ta’ aktar minn 5 megawatts (MW) ikollhom permess jew ikunu rreġistrati;
    • sal-1 ta’ Jannar 2029, l-impjanti eżistenti kollha b’qawwa termika nominali ta’ inqas minn jew ugwali għal 5 megawatts (MW) ikollhom permess jew ikunu rreġistrati;
  • Kull awtorità kompetenti ta’ pajjiż tal-UE trid iżżomm reġistru disponibbli għall-pubbliku b’informazzjoni dwar kull impjant, bħat-tip ta’ karburant użat u n-numru mistenni ta’ sigħat ta’ tħaddim annwali.
  • Il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet skont il-kategorija tal-karburant, filwaqt li tagħmel distinzjoni bejn impjanti ġodda u dawk eżistenti. Xi impjanti jistgħu jkunu eżentati mil-limiti.
  • Il-valuri limitu japplikaw mill-20 ta’ Diċembru 2018 għall-impjanti ġodda u sal-2025 jew l-2030 għal impjanti eżistenti, skont id-daqs tagħhom.
  • L-operaturi tal-impjanti jridu:
    • iwettqu monitoraġġ tal-emissjonijiet tagħhom;
    • iżommu rekord, għal mill-inqas sitt snin, tar-riżultati tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet, tas-sigħat ta’ tħaddim, it-tip u l-kwantitajiet tal-karburant użat u dettalji dwar kull funzjonament ħażin jew ħsara.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom:
    • jistabbilixxu spezzjonijiet effettivi biex jikkontrollaw il-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet;
    • jippreżentaw rapport sal-1 ta’ Jannar 2021, lill-Kummissjoni Ewropea bi stima tal-ammont totali ta’ emissjonijiet annwali ta’ CO;
    • jipprovdu lill-Kummissjoni, sal-1 ta’ Ottubru 2026, b’informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva. Din trid tinkludi l-emissjonijiet annwali totali stmati ta’ SO2, NOx u trab (partikoli) mill-impjanti, skont it-tip tagħhom, il-karburant użat u l-kapaċità;
    • jipprovdu lill-Kummissjoni, sal-1 ta’ Ottubru 2031, bit-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni.
  • Il-Kummissjoni sejra:
    • tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien 12-il xahar minn meta tirċievi r-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni;
    • sal-1 ta’ Jannar 2020, tirrevedi l-progress b’rabta mal-effiċjenza fl-enerġija ta’ impjanti tal-kombustjoni medji u tevalwa l-benefiċċji tal-istabbiliment ta’ standards minimi dwar l-effiċjenza enerġetika;
    • sal-1 ta’ Jannar 2023, tevalwa jekk l-aspetti tal-leġiżlazzjoni għandhomx jiġu riveduti, inkluża l-ħtieġa li jiġu stabbiliti valuri limitu tal-emissjonijiet iktar stretti għal impjanti ġodda u li jiġu rregolati l-emissjonijiet tas-CO.
  • Id-direttiva ma tapplikax għal ċerti impjanti tal-kombustjoni, bħal
    • fran tal-kokk;
    • turbini tal-gass u magni użati lil hinn mill-kosta;
    • reatturi użati fl-industrija kimika; u
    • impjanti diġà koperti minn leġiżlazzjoni oħra tal-UE li tirregola l-emissjonijiet tagħhom, bħad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis).
  • Id-direttiva ma tapplikax għal riċerka anċillari, għal attivitajiet ta’ żvilupp u ttestjar.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din tapplika mit-18 ta’ Diċembru 2015. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sad-19 ta’ Diċembru 2017.

SFOND

Il-leġiżlazzjoni timla l-lakuna regolatorja bejn impjanti tal-kombustjoni kbar (ta’ aktar minn 50 megawatt) li huma koperti mid-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u apparat iżgħar, bħal ħiters u bojlers, li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar l-Ekodisinn.

L-impjanti tal-kombustjoni medji jintużaw għal varjetà wiesgħa ta’ applikazzjonijiet (ġenerazzjoni tal-elettriku, tisħin u tkessiħ domestiku/residenzjali, il-forniment ta’ sħana/fwar għal proċessi industrijali, eċċ.).

TERMINU EWLIENI

* Impjant tal-kombustjoni medju: impjant li jaħraq il-karburant u juża s-sħana ġġenerata, b’qawwa termika nominali ugwali għal jew akbar minn 1 MW u inqas minn 50 MW, irrispettivament mit-tip ta’ karburant li juża.

ATT

Direttiva (UE) 2015/2193 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi niġġiesa fl-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji (ĠU L 313, 28.11.2015, p. 1-19)

ATTI RELATATI

Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17–119)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2010/75/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 14.03.2016

Top