EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ

Il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ

Dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea (UE) jkopru diversi aspetti.

ATT

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2014 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ (2014/C 183/04) (ĠU C 183, 14.6.2014, p. 18-21).

SOMMARJU

Dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea (UE) jkopru diversi aspetti.

  • 1.

    Jirrikonoxxu li l-qgħad storikament għoli fost iż-żgħażagħ fl-UE minħabba l-kriżi ekonomika żied il-livell tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost iż-żgħażagħ. Dan ġiegħel lil ħafna persuni jitilqu minn pajjiżhom biex ifittxu opportunitajiet aħjar.

  • 2.

    Jikkonfermaw li l-intraprenditorija (soċjali) hija mutur importanti għall-impjiegi ġodda u l-innovazzjoni soċjali, minħabba li żżid l-impjegabilità taż-żgħażagħ. Għandha tingħata għajnuna speċjali lill-gruppi li mhumiex irrappreżentati biżżejjed li jixtiequ jibdew, imexxu jew ikabbru negozju. L-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha jistgħu jgħinu biex jitrawwem spirtu intraprenditorjali (il-kreattività u kapaċitajiet innovattivi).

  • 3.

    Iħeġġu l-investiment fl-edukazzjoni u fi programmi li jippromwovu l-intraprenditorija (soċjali) fost iż-żgħażagħ sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet u l-kwalitajiet transversali tagħhom bħall-inizjattiva, fiduċja, teħid ta’ riskji kkalkulati, kreattività, l-organizzazzjoni u t-tenaċità.

  • 4.

    Huma jidentifikaw punti fokali għall-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ bħal:

    • l-iżvilupp ta’ viżjoni u ħiliet intraprenditorjali fl-iskola u matul attivitajiet ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ, bħall-volontarjat, it-tagħlim ta’ ħiliet diġitali u s-sensibilizzazzjoni kulturali;
    • il-promozzjoni tal-intraprenditorija soċjali li tinkludi valuri sostenibbli u ambjentali u li tikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali billi tinvolvi gruppi vulnerabbli.
  • 5.

    Dawn jappellaw lill-pajjiżi tal-UE biex:

    • jirrikonoxxu l-importanza tal-promozzjoni ta’ edukazzjoni olistika u transsettorjali fl-intraprenditorija minn età bikrija biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;
    • jirrikonoxxu jew jivvalidaw ir-riżultati miksuba permezz tal-ħidma taż-żgħażagħ u t-tagħlim mhux formali/informali (jiġifieri tagħlim barra mill-ambjent normali tal-klassi, li ħafna drabi jinkiseb mill-esperjenza);
    • joffru gwida lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;
    • jgħinu lil negozji ġodda u intrapriżi soċjali jegħlbu ostakli biex ikollhom aċċess għal servizzi ta’ appoġġ u finanzjament, inkluż permezz tal-Fond Soċjali Ewropew u l-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali.
  • 6.

    L-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija 2020 jistiednu lill-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE (skont liema minnhom jista’ jwassal l-aktar riżultati effettivi) biex:

    • itejbu l-viżibbiltà tal-intraprenditorija soċjali;
    • jippromwovu t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u attivitajiet ta’ tagħlim oħra biex titrawwem l-intraprenditorija;
    • jibnu l-kapaċità ta’ dawk li jkunu qegħdin jaħdmu maż-żgħażagħ; u
    • jgħinu lil imprendituri żgħażagħ ixerrdu l-ideat tagħhom aktar faċilment minn naħa għal oħra tal-fruntiera u minn settur għal ieħor.
  • 7.

    Huma jitolbu lill-Kummissjoni biex:

    • tqajjem kuxjenza u tippromwovi prattiki tajbin tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz ta’ pjattaformi bħall-Portal taż-Żgħażagħ Ewropej;
    • twettaq riċerka dwar il-kontribut tax-xogħol taż-żgħażagħ biex tissaħħaħ l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ;
    • ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-imprendituri żgħażagħ u partijiet interessati rilevanti permezz tal-programmi Erasmus+ jew Erasmus għal Intraprendituri Żgħażagħ.

TERMINI EWLENIN

Innovazzjonijiet soċjali: ideat ġodda (prodotti, servizzi u mudelli) li jissodisfaw kemm il-ħtiġijiet soċjali (li jkunu aqwa minn soluzzjonijiet alternattivi) u jirriżultaw f’relazzjonijiet jew kollaborazzjonijiet soċjali ġodda.

Intraprenditorija soċjali: soluzzjonijiet innovattivi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet soċjali.

Ħidma fost iż-żgħażagħ: attivitajiet soċjali, edukattivi jew rikreattivi jew proġetti li jinvolvu ż-żgħażagħ.

l-aħħar aġġornament 24.02.2015

Top