Wybierz funkcje eksperymentalne, które chcesz wypróbować

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 62023CJ0129

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-28 ta’ Novembru 2024.
BG Technik cs, a.s. vs Generální ředitelství cel.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Nejvyšší správní soud u Krajský soud v Ostravě.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Intestatura tariffarja 8703 – Vetturi tat-turiżmu u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni – Intestatura tariffarja 8713 – Siġġijiet bir-roti u vetturi oħrajn għall-persuni b’diżabbiltà – Regolament (KE) Nru 718/2009 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1367 – Vettura SELVO 4800 – Kunċett ta’ ‘persuni b’diżabbiltà’.
Kawżi magħquda C-129/23 u C-567/23.

Zbiór orzeczeń – ogólne – sekcja „Informacje o orzeczeniach niepublikowanych”

Identyfikator ECLI: ECLI:EU:C:2024:995

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

28 ta’ Novembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Intestatura tariffarja 8703 – Vetturi tat-turiżmu u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni – Intestatura tariffarja 8713 – Siġġijiet bir-roti u vetturi oħrajn għall-persuni b’diżabbiltà – Regolament (KE) Nru 718/2009 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1367 – Vettura SELVO 4800 – Kunċett ta’ ‘persuni b’diżabbiltà’”

Fil-Kawżi magħquda C‑129/23 u C‑567/23,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqin min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) (C‑129/23) u mill-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava, ir-Repubblika Ċeka) (C‑567/23), permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑19 ta’ Jannar 2023 u tal‑31 ta’ Awwissu 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fit‑3 ta’ Marzu 2023 u fit‑13 ta’ Settembru 2023, fil-proċeduri,

BG Technik cs a.s.

vs

Generální ředitelství cel,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tad-Disa’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, M. Gavalec u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal BG Technik cs a.s., minn M. Z. Urban, daňový poradce (C‑129/23), u V. Vodičková, advokátka (C‑567/23),

għall-Gvern Ċek, minn L. Langrová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hradil u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi tariffarji 8703 u 8713 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad‑9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 304, p. 1), mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 1101/2014 tas‑16 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014, L 312, p. 1), u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1577 tal‑21 ta’ Settembru 2020 (ĠU 2020, L 361, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”). It-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑129/23 tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2009 tal‑4 ta’ Awwissu 2009 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2009, L 205, p. 7), u dik fil-Kawża C‑567/23, dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1367 tas‑6 ta’ Awwissu 2021 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2021, L 294, p. 1).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn BG Technik cs a.s. (iktar ’il quddiem “BG Technik”) u Generální ředitelství cel (id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana, ir-Repubblika Ċeka) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-vetturi SELVO 4800, importati minn BG Technik bejn is-sena 2013 u s-sena 2015 (C‑129/23) kif ukoll matul is-sena 2021 (C‑567/23).

Il‑kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, konkluża fi New York fit‑13 ta’ Diċembru 2006 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas‑26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tan-NU”), intitolat “Mobbiltà personali”, jipprovdi:

“L-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw il-mobbiltà personali bl-ikbar indipendenza possibbli għall-persuni b’diżabbiltà, inkluż permezz ta’:

a)

It-tħaffif tal-mobbiltà personali għall-persuni b’diżabbiltà bil-mod u fiż-żmien tal-għażla tagħhom, u bi prezz li jista’ jintlaħaq;

b)

It-tħaffif tal-aċċess mill-persuni b’diżabbiltà għal għajnuniet tal-mobbiltà ta’ kwalità, tagħmir, teknoloġiji ta’ assistenza u forom ta’ assistenza diretta u intermedjarji, inkluż billi dawn ikunu disponibbli bi prezz li jista’ jista’ jintlaħaq minn kullħadd;

c)

Provvediment ta’ taħriġ fil-ħiliet ta’ mobbiltà lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persunal speċjalizzat li jaħdem mal-persuni b’diżabbiltà;

d)

Inkoraġġiment lill-entitajiet li jipproduċu għajnuniet tal-mobbiltà, tagħmir u teknoloġiji ta’ assistenza biex jikkunsidraw l-aspetti kollha tal-mobbiltà għal persuni b’diżabbiltà.”

Id‑dritt tal‑Unjoni

In-NM

4

Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM, li hija bbażata fuq is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u approvata, flimkien mal-Protokoll tagħha li jemendaha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Volum 2, p. 288, iktar ’il quddiem is-“SA”). In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’6 numri tas-SA, u huma biss is-seba’ u t-tmien numru li jikkostitwixxu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

5

Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit mill-Artikolu 247 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).

6

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta kull sena regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u r-rati tad-dazji doganali, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament għandu jiġi ppubblikat mhux iktar tard mill‑31 ta’ Ottubru f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

7

L-ewwel parti tan-NM tinkludi Taqsima I, iddedikata għar-regoli ġenerali, li s-sezzjoni A tagħha, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subkapitoli qed jingħataw biss għal finijiet ta’ ħeffa tar-referenza; għal finijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tal-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jesiġux mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

6.

Għal finijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tiġi stabbilita skont it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti tas-subintestatua relatati u, mutatis mutandis skont ir-regoli ta’ hawn fuq, bil-kundizzjoni li s-subintestaturi fl-istess livell biss ikunu komparabbli. Għall-finijiet ta’ din ir-regola, it-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

8

It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana”, hija maqsuma f’21 taqsima. It-Taqsima XVII ta’ din il-parti, bit-titolu “Vetturi, inġenji tal-ajru, bastimenti u tagħmir tat-trasport assoċjat”, u li l-kapitolu 87 huwa intitolat “Vetturi ħlief magni u vaguni (rolling-stock) ta’ ferroviji jew linji tat-tramm; u bċejjeċ u aċċessorji tagħhom”.

9

Dan il-kapitolu jinkludi, b’mod partikolari, l-intestaturi u s-subintestaturi li ġejjin:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Rata tad-dazju konvenzjonali (%)

Unità Supplimentari

1

2

3

4

[…]

[…]

[…]

[…]

8703

Karozzi bil-mutur u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni (ħlief dawk tal-intestatura 8702), inkluż stationwagons u karozzi tat-tlielaq:

 

 

8703 10

Vetturi maħsubin apposta għall-ivvjaġġar fuq is-silġ; karozzi tal-golf u vetturi simili:

 

 

8703 10 11

Vetturi maħsubin apposta għall-ivvjaġġar fuq is-silġ, b’magna tal-kombustjoni interna bil-pistuni mqabbda bil-kompressjoni (diżil jew semidiżil) jew b’magna tal-kombustjoni interna bil-pistuni mqabbda bi spark

5

Ġakkijiet;

8703 10 18

– – oħrajn

10

Ġakkijiet;

[…]

[…]

[…]

[…]

8713

Vetturi għall-ġarr ta’ persuni b’diżabbiltà, motorizzati jew le jew immexxijin b’mod ieħor mekkaniku:

 

 

8713 10 00

Mhux immexxijin b’mod mekkaniku

B’xejn

Ġakkijiet;

8713 90 00

– oħrajn:

B’xejn

Ġakkijiet;

[…]

[…]

[…]

[…]

10

In-noti ta’ spjega għan-NM, stabbiliti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2658/87 u ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-6 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, C 137, p. 1), fl-4 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, C 76, p. 1) u fid-29 ta’ Marzu 2019 (ĠU 2019, C 119, p. 1), jiddikjaraw, fir-rigward tas-subintestatura 87139000 tan-NM:

“Vetturi mmotorizzati ddisinjati għal persuni b’diżabbilta’ jintgħarfu minn vetturi ta’ titlu 8703 prinċipalment minħabba li huma għandhom:

veloċità massima ta’ 10 km fis-siegħa, jiġifieri pass tal-mixi mgħaġġel;

wisa’ massimu ta’ 80 cm;

2 settijiet ta’ roti li jmissu l-art;

karatteristiċi speċjali biex itaffu d-diżabbiltà (pereżempju, appoġġ għas-saqajn biex ikunu stabilizzati r-riġlejn).

Vetturi bħal dawn jistgħu jkollhom:

sett addizzjonali ta’ roti (anti-tips);

stering u kontrolli oħrajn (pereżempju, joystick) li jkunu faċli biex timmanipulahom; kontrolli bħal dawn jkunu mwaħħlin ma’ waħda mis-supporti tal-idejn; huma qatt ma jkunu fil-forma ta’ kolonna ta’ l-istering aġġustabbli, separata.

[…]”

Ir‑Regolament Nru 718/2009

11

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 718/2009, il-prodotti deskritti fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tiegħu għandhom jiġu kklassifikati fin-NM taħt il-kodiċi NM indikati fil-kolonna 2 tal-imsemmija tabella.

12

It-tabella mniżżla fl-anness ta’ dan ir-regolament hija kif ġej:

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

1)

2)

3)

1. Vettura b’erba roti li għandha mutur tal-elettriku li jaħdem b’żewg batteriji ta’ 12-il volt -il waħda li jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid. Il-vettura għandha qisien ta’ madwar 48 ċm wisa’, 99 ċm tul u 58 ċm għoli (bid-dahar biex iserraħ fuqu mitwi ‘l isfel), u piż totali ta’ madwar 34,5 kg mingħajr il-batteriji. It-tagħbija massima tagħha hija ta’ madwar 115 kg.

Il-vettura għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

– pjattaforma orizzontali li tgħaqqad flimkien is-sezzjoni ta’ quddiem ma’ ta’ wara,

– roti żgħar (b’qisien ta’ madwar 2,5 × 19,0 ċm) b’tajers li ma jitilfux l-arja,

– siġġu mingħajr poġġamani u qabdiet li jista’ jiġi aġġustat, u li l-għoli tiegħu jista’ jiġi mċaqlaq f’waħda minn żewġ pożiżżjonijiet differenti, u

– kolonna tal-isteering li tista’ tintewa ‘l isfel.

Il-kolonna tal-isteering għandha unità żgħira ta’ kontroll li tinkludi swiċċ ta’ kuntatt, ħorn, wirja tal-enerġija prodotta mill-batterija u buttuna biex biha tista’ tiġi aġġustata l-veloċità massima.

Il-vettura għandha żewġ lievi li jaħdmu bil-behem, biex bihom iżżid il-veloċità, tieqaf jew timxi b’lura. Hija mgħammra wkoll b’roti ta’ wara li ma jinqelbux, ħalli l-vettura ma tinqelibx faċilment. Għandha sistema elettronika doppja biex tieqaf.

Meta l-batteriji jkunu ġew iċċarġjata bis-sħiħ tista’ tkopri distanza massima ta’ madwar 16-il kilometru u tista’ tilħaq veloċità massima ta’ madwar 6,5 km/h

Il-vettura tista’ tiżżarma f’erba’ komponenti ħfief. Ġiet diżinjata għall-użu fid-djar, fuq passaġġi u fi spażji pubbliċi, għal attivitajiet bħal vjaġġi għax-xiri.

8703 10 18

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NM], u bil-kliem tal-kodiċi NM 8703, 8703 10 u 8703 10 18.

Il-vettura hija tip ta’ vettura speċjali għat-trasport tal-persuni.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8713 hija eskluża peress li l-vettura ma’ ġietx iddiżinjata speċifikament għat-trasport tal-persuni b’diżabbilità u ma għandha l-ebda karatteristika speċjali li tista’ ttaffi diżabbilità. (Ara wkoll n- Noti ta’ Spjegazzjoni tas-[SA] għall-intestatura 8713 u n-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-[NM] għas-sottointestatura 8713 90 00).

Għalhekk, il-vettura għandha tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi NM 8703 10 18 bħala vettura bil-mutur li ġiet iddiżinjata prinċipalment għat-trasport tal-persuni.

2. Vettura bi tliet roti li għandha mutur tal-elettriku li jaħdem b’żewg batteriji ta’ 12-il volt il-waħda li jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid. Il-vettura għandha qisien ta’ 61 ċm wisa’, 120 ċm tul u 76 ċm għoli (bid-dahar biex isserrah fuqu mitwi ‘l isfel), u piż totali mingħajr il-batteriji ta’ madwar 46 kg. It-tagħbija massima tagħha hija ta’ madwar 160 kg.

Il-vettura għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

– pjattaforma orizzontali li tgħaqqad flimkien is-sezzjoni ta’ quddiem ma’ ta’ wara,

– roti żgħar (b’qisien ta’ madwar 8,9 × 25,4 ċm) b’tajers li ma jitilfux l-arja,

– siġġu bil-poġġamani u l-qabdiet li jista’ jiġi aġġustat, u li l-għoli tiegħu jista’ jiġi mċaqlaq f’waħda minn tliet pożizzjonijiet differenti, u

– kolonna tal-isteering li tista’ tintewa ‘l isfel.

Il-kolonna tal-isteering għandha unità żgħira ta’ kontroll li tinkludi miter tal-batterija, swiċċ ta’ kuntatt, buttuna biex jinxtegħlu d-dwal, ħorn u buttuna biex biha tista’ tiġi aġġustata l-veloċità massima.

Il-vettura għandha żewġ lievi li jaħdmu bil-behem, biex bihom iżżid il-veloċità, tieqaf jew timxi b’lura. Hija mgħammra wkoll b’roti ta’ wara li ma jinqelbux, ħalli l-vettura ma tinqelibx faċilment. Għandha sistema elettronika doppja biex tieqaf.

Meta l-batteriji jkunu ġew iċċarġjata bis-sħiħ tista’ tkopri distanza massima ta’ madwar 40 kilometru u tista’ tilħaq veloċità massima ta’ madwar 8 km/h.

Il-vettura tista’ tiżżarma f’erba’ komponenti li ma jiżnux ħafna. Ġiet diżinjata għall-użu fid-djar, fuq passaġġi u fi spażji pubbliċi, għal attivitajiet bħal vjaġġi għax-xiri.

8703 10 18

Il-klassifikazzjoni hija determinata permezz tar-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NM] u mill-kliem tal-kodiċi NM 8703, 8703 10 u 8703 10 18.

Il-vettura hija tip ta’ vettura speċjali għat-trasport tal-persuni.

Il-Klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8713 hija eskluża peress li l-vettura ma’ ġietx iddiżinjata speċifikament għat-trasport tal-persuni b’diżabbilità u ma għandha l-ebda karatteristika speċjali li tista’ ttaffi diżabbilità. (Ara wkoll n- Noti ta’ Spjegazzjoni tas-[SA] għall-intestatura 8713 u n-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-[NM] għas-sottointestatura 8713 90 00).

Għalhekk, il-vettura għandha tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi NM 8703 10 18 bħala vettura bil-mutur li ġiet iddiżinjata prinċipalment għat-trasport tal-persuni.


Image

Image

Image 1

Image 2

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2021/1367

13

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2021/1367, il-prodotti deskritti fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tiegħu għandhom jiġu kklassifikati fin-NM taħt il-kodiċi NM korrispondenti indikat fil-kolonna 2 tal-imsemmija tabella.

14

It-tabella mniżżla fl-anness ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni hija kif ġej:

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi - NM)

Raġunijiet

1)

2)

3)

Vettura b’erba’ roti b’mutur elettriku DC 24 V 800 W li jaħdem b’żewġ batteriji 12 V rikarikabbli b’kapaċità ta’ 45Ah. Id-dimensjonijiet approssimattivi tagħha huma s-segwenti: Għandha wisa’ ta’ madwar 65 cm, tul ta’ 125 cm u għoli ta’ 129 cm (imkejjel mas-sit ta’ wara, 85 cm bis-sit ta’ wara mitwi ‘l isfel). Il-piż totali tagħha huwa ta’ madwar 107 kg (108 kg inklużi l-batteriji). It-tagħbija massima tagħha hija ta’ madwar 130 kg.

Il-vettura għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

– pjattaforma orizzontali li tgħaqqad flimkien is-sezzjoni ta’ quddiem ma’ dik ta’ wara; il-pjattaforma ma tista’ tiġi aġġustata bl-ebda mod (eż. mitwija jew inklinata) biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utent,

– żewġ fusien immollati, trażmissjoni tal-fus ta’ wara u bażi tar-roti ta’ 820 mm,

– kapaċità ta’ gradjent ta’ 13,

– ċirku tad-dawran 210 cm,

– żewġ settijiet ta’ tajers li jintefħu (it-tajers ta’ wara huma akbar minn dawk ta’ quddiem),

– sit konfigurabbli, aġġustabbli għall-għoli u li jdur b’irfid u armrests u wiċċ li ma jiżloqx għas-saqajn,

– kolonna aġġustabbli tal-istering li tintewa b’manubriji forma ovali,

– dwal ta’ quddiem u ta’ wara, indicators tad-direzzjoni u mirja retroviżuri.

Il-kolonna tal-istering għandha wkoll dashboard li fiha kaxxa tas-swiċċijiet, kontroll tal-veloċità, buttuna tal-ħorn, buttuna tal-magna mhux ingranata, swiċċ tal-indicator, swiċċ tad-dawl, indikatur tal-istatus tal-batterija u aġġustatur tal-veloċità.

Il-vettura għandha żewġ lievi li jitħaddmu manwalment, biex bihom taċċellera, tieqaf jew timxi b’lura. L-istering jista’ jiġi aġġustat biex jippermetti t-tħaddim b’id waħda.

Għandha sistema ta’ bbrejkjar elettromanjetika riġenerattiva “intelliġenti”.

Bil-batteriji kompletament iċċarġjati, il-vettura għandha medda massima li tilħaq sa 45 kilometru u tista’ tilħaq veloċità massima ta’ madwar 15-16 km/h.

Tista’ tkun mgħammra b’roti żgħar fuq wara biex il-vettura ma tingħelibx faċilment, basket tax-xiri, ħowlder għall-bastun, eċċ.

Il-vettura tista’ tiġi stivata għal finijiet ta’ trasport. Tista’ tintuża fit-toroq, bankini, passaġġi għall-mixi, mogħdijiet fil-parks, pasaġġi għaċ-ċiklisti u ċerti passaġġi għall-ħin liberu, jew f’żoni pedonali (eż. żoni għax-xiri).

8703 10 18

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NM], u bil-kliem tal-kodiċi NM 8703, 8703 10 u 8703 10 18.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8713 bħala trasport għal persuni b’diżabbiltà hija eskluża peress li l-vettura mhijiex imfassla apposta għat-trasport għal persuni b’diżabbiltà: Ma għandha l-ebda karatteristika speċjali biex ittaffi diżabbiltà.

Għalkemm il-vettura hija ddisinjata b’tali mod li l-istering ikun jista’ jiġi kkontrollat b’id waħda u jkun fiha sedil komdu li jdur b’irfid u wiċċ li ma jiżloqx għas-saqajn (u tista’ b’mod fakultattiv tkun mgħammra b’roti żgħar biex ma tingħelibx faċilment), tali karatteristiċi ma jikkostitwixxux oġġettivament karatteristiċi speċjali mfassla biex itaffu diżabbiltà (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-[NM] (CNEN) għas-subintestatura 8713 90 00, in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-[SA] għall-intestatura 8713 u l-opinjoni tal-klassifikazzjoni HS 8703.10/1).

Barra minn hekk, vetturi mgħammra b’kolonna tal-istering aġġustabbli u separata u dawk li jilħqu veloċità massima ta’ aktar minn 10 km fis-siegħa huma esklużi mill-intestatura 8713 (ara wkoll CNEN għas-subintestatura 8713 90 00).

Il-vettura tintuża għat-trasport ta’ persuni u mal-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali ma tistax tingħaraf bħala vettura intiża biss għall-persuni b’diżabbiltà (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362)], abbażi tal-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha li jridu jiġu vverifikati fil-mument tar-rilaxx doganali (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Latvijas propāna gāze,C‑286/15, EU:C:2016:363)]. Kwalunkwe modifika wara r-rilaxx tal-vettura hija injorata bħal ma hija kwalunkwe valutazzjoni tal-vettura li tista’ titwettaq minn awtorità nazzjonali għal finijiet oħra minbarra dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali.

Il-vettura hija tip ta’ vettura speċjali għat-trasport tal-persuni.

Għalhekk, il-vettura trid tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi NM 8703 10 18 bħala vettura bil-mutur prinċipalment maħsuba għat-trasport ta’ persuni, bħall-karozzi tal-golf.

Image

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali

15

BG Technik hija l-importatur, fir-Repubblika Ċeka, tal-vettura “SELVO 4800” (iktar ’il quddiem il-“vettura SELVO”), li hija deskritta bħala vettura b’erba’ roti b’mutur elettriku ta’ 800 W. Id-daqs tagħha huwa ta’ madwar 120 ċm għoli, 60 ċm wisa’ u 125 ċm tul. Hija għandha awtonomija massima ta’ 45 km u l-veloċità massima tagħha hija superjuri għal 10 km fis-siegħa, iżda li ma teċċedix is-16 km fis-siegħa. Din il-vettura għandha post wieħed biss u sedil aġġustabbli u li jdur b’poġġamani. Hija mgħammra, b’mod partikolari, b’kolonna tal-istering distinta, bi brejk awtomatiku elettromanjetiku li jopera fuq ir-roti ta’ wara u żewġ settijiet ta’ tajers, fejn it-tajers ta’ wara huma maħsuba sabiex jiġi evitat li tinqaleb. Hija tinstaq permezz ta’ stering ta’ forma ovali li jinsab fil-kolonna tal-istering. Il-veloċità u d-direzzjoni tiegħu jistgħu jiġu kkontrollati b’id waħda. Il-partijiet ta’ quddiem u ta’ wara tal-imsemmija vettura huma magħqudin permezz ta’ pjattaforma orizzontali li fuqha l-utent jista’ jserraħ saqajh.

16

B’mod konkret, il-vettura SELVO hija kif ġej:

Image

Il-Kawża C‑129/23

17

BG Technik ikklassifikat il-vetturi SELVO importati bejn ix-xahar ta’ Lulju 2013 u x-xahar ta’ Settembru 2015 fis-subintestatura 87139000 tan-NM, bħala “Vetturi għall-ġarr ta’ persuni b’diżabbiltà, motorizzati jew le jew immexxijin b’mod ieħor mekkaniku”, li huma eżenti mid-dazji doganali.

18

Fix-xahar ta’ Mejju 2016, is-Celní úřad pro hlavní město Prahu (l-Uffiċċju Doganali għall-belt kapitali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) impona fuq BG Technik aġġustament tad-dazji doganali relatati ma’ dawn l-importazzjonijiet. Huwa kkunsidra li l-vetturi SELVO jaqgħu taħt is-subintestatura 87031018 tan-NM, bħala “Vetturi maħsubin apposta għall-ivvjaġġar fuq is-silġ; karozzi tal-golf u vetturi simili”, suġġetti għal rata doganali ta’ 10 %.

19

Wara li kkontestat mingħajr suċċess din id-deċiżjoni quddiem id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana, BG Technik ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), li ntlaqa’. Din il-qorti bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tan-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) dwar l-importazzjonijiet tal-vettura SELVO matul perijodu differenti minn dak inkwistjoni fil-Kawża C‑129/23, sabiex tikkunsidra li din il-vettura taqa’ taħt l-intestatura 8713 tan-NM, peress li għandha l-karatteristiċi ta’ vettura għal persuni b’diżabbiltà. Il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) qieset li l-assenza ta’ ċerti karatteristiċi previsti min-Noti ta’ Spjega tan-NM u l-preżenza ta’ kolonna ta’ direzzjoni distinta ma jbiddlux il-funzjoni tal-imsemmija vettura ta’ kumpens għall-persuni li l-kapaċità tagħhom li jimxu hija limitata. Din il-qorti qieset ukoll li r-Regolament Nru 718/2009, li abbażi tiegħu l-vetturi b’kolonna ta’ direzzjoni distinta huma esklużi mill-intestatura 8713 tan-NM, ma kienx applikabbli għall-vetturi SELVO, minħabba li dawn huma maħsuba għal persuni b’diżabbiltà.

20

Id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana ppreżenta appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑129/23, fejn sostna li l-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) kienet naqset milli tqis li, konformement man-noti ta’ spjega tan-NM, mar-Regolament Nru 718/2009, mas-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Lecson Elektromobile (C‑12/10, EU:C:2010:823), u ma’ ċerti opinjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali msemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-vetturi mgħammra b’kolonna ta’ direzzjoni distinta huma esklużi mill-intestatura 8713 tan-NM.

21

Min-naħa tagħha, BG Technik tenfasizza li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss, għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija, il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi kif deskritti fl-intestaturi u fis-subintestaturi tan-NM, li huma vinkolanti, b’differenza min-noti ta’ spjega relatati magħha.

22

In-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tippreċiża li għandha tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk il-vettura SELVO tistax taqa’ taħt l-intestatura 8713 tan-NM, anki jekk taqbeż il-veloċità massima prevista min-Noti ta’ Spjega tan-NM dwar din l-intestatura u jekk għandhiex kolonna ta’ direzzjoni distinta.

23

Din il-qorti tinnota, fl-ewwel lok, id-diverġenzi bejn is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et (C‑198/15, EU:C:2016:362), li estendiet il-kamp tal-intestatura 8713 tan-NM, u s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Lecson Elektromobile (C‑12/10, EU:C:2010:823), minn fejn jirriżulta li dan il-kamp huwa iktar ristrett. Fil-fehma tagħha, id-deskrizzjoni tal-merkanzija li taqa’ taħt l-intestatura 8713, billi tuża l-kelma “diżabbiltà” li hija interpretata fil-punt 34 tal-ewwel sentenza bħala li tindika lill-persuni milquta minn limitazzjoni mhux marġinali tal-kapaċità tal-mixi, tipprovdi biss, fir-realtà, l-użu intenzjonat ta’ din il-merkanzija. Għad irid jiġi ċċarat jekk in-noti ta’ spjega tan-NM, li jeskludu minn din l-intestatura tariffarja b’mod partikolari l-vetturi mgħammra b’kolonna tal-istering distinta, ibiddlux jew le s-sens u l-portata tal-imsemmija intestatura. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, wara l-għoti tas-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et (C‑198/15, EU:C:2016:362), ċerti qrati nazzjonali “iwarrbu taċitament ” in-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM, billi jikklassifikaw vetturi analogi għall-vettura SELVO taħt l-intestatura 8713 tan-NM, filwaqt li l-awtoritajiet doganali ta’ diversi Stati Membri jkomplu jikklassifikaw tali vetturi taħt l-intestatura 8703 ta’ din in-nomenklatura.

24

Fit-tieni lok, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tqis li huwa neċessarju li jiġi kkjarifikat l-effett tar-Regolament Nru 718/2009, li jkopri l-perijodu li matulu seħħew l-importazzjonijiet tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑129/23, fuq il-klassifikazzjoni tariffarja tal-vettura SELVO. Din il-qorti tosserva li dan ir-regolament jiddeskrivi żewġ vetturi analogi għall-vettura SELVO u tikklassifikahom taħt l-intestatura 8703. L-imsemmija qorti tqis li din il-vettura għandha taqa’ wkoll taħt din l-intestatura abbażi tal-punt 35 tas-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2004, Krings (C‑130/02, EU:C:2004:122).

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Tista’ vettura elettrika għall-mobbiltà assistita li l-veloċità massimu tagħha jaqbeż l-10 km fis-siegħa, u li hija mgħammra b’kolonna tal-istering aġġustabbli separata tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 8713 tan-[NM], minkejja n-Noti ta’ Spjega għan-[NM] [ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Mejju 2011 u tal‑4 ta’ Marzu 2015]?

2)

Ir-Regolament [Nru 718/2009] japplika – minbarra għall-vetturi deskritti direttament fih – ukoll għall-vettura elettrika għall-mobbiltà assistita bil-karatteristiċi li ġejjin:

erba’ roti (iż-żewġ roti ta’ wara huma anti-tip);

sedil aġġustabbli u li jdur b’poġġamani,

pjattaforma orizzontali bejn is-sezzjonijiet ta’ quddiem u ta’ wara tal-vettura għall-mobbiltà assistita;

mutur elettriku ta’ 800 W, li jippermetti l-kisba ta’ veloċità sa 16-il km fis-siegħa u awtonomija sa 45 km,

brejk elettromanjetiku tar-roti ta’ wara;

pumi magħluqa mmuntati fuq kolonna tal-istering separata li jistgħu jintwew ‘l isfel u mgħammra b’lievi għall-għażla tal-veloċità?”

Il-Kawża C‑567/23

26

Fl-1 ta’ Novembru 2021, BG Technik ippreżentat dikjarazzjoni doganali dwar 79 vettura SELVO li hija kklassifikat taħt is-subintestatura 87139000 tan-NM, bħala “Vetturi għall-ġarr ta’ persuni b’diżabbiltà, motorizzati jew le jew immexxijin b’mod ieħor mekkaniku”, li huma eżenti mid-dazji doganali.

27

L-uffiċċju doganali kompetenti qies li l-klassifikazzjoni tariffarja proposta minn BG Technik ma kinitx korretta, peress li l-vettura SELVO kienet taqa’ taħt is-subintestatura 87031018 tan-NM Din l-awtorità għalhekk fetħet proċedura ta’ rkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni għall-ammont ta’ CZK 155785 (krona Ċeka) (madwar EUR 6200) u ħarġet avviż ta’ rettifika li kontrih BG Technik ressqet ilment quddiem id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana.

28

Din l-aħħar awtorità ċaħdet dan l-ilment u kkonfermat l-avviż tal-irkupru kkontestat permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2022, li kontriha BG Technik ippreżentat rikors quddiem il-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑567/23.

29

BG Technik issostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1367, li kklassifika l-vettura SELVO taħt is-subintestatura 87031018 tan-NM, “ma huwiex obbligatorju u applikabbli” għal din il-merkanzija. L-uffiċċji doganali tal-Istati Membri “huma stess kienu l-inizjattiva tal-adozzjoni ta’ [dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni]” u “letteralment ħolqu sitwazzjoni li fiha [BG Technik] ma għadx għandha marġni sabiex tindika kwalunkwe żvilupp u karatteristiċi li jippermettu l-użu ta’ [din il-vettura] minn persuni b’diżabbiltà”.

30

Skont BG Technik, il-vettura SELVO ġiet ikklassifikata, permezz ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni teknika tal-Ministerstvo dopravy České republiky (il-Ministeru għat-Trasport tar-Repubblika Ċeka), fil-kategorija “vetturi oħra, siġġijiet tar-roti għal persuni b’diżabbiltà” u tikkostitwixxi dispożittiv mediku, skont deċiżjoni mogħtija fit‑22 ta’ Novembru 2021 mis-Státní ústav pro kontrololu léčiv (l-Istitut Nazzjonali għall-Kontroll tal-Prodotti Mediċinali, ir-Repubblika Ċeka). L-esklużjoni tal-klassifikazzjoni tal-vettura SELVO taħt is-subintestatura 87139000 tan-NM u l-klassifikazzjoni tagħha taħt is-subintestatura 87031018 ta’ din in-nomenklatura ma tirriflettix għalhekk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-funzjoni tal-istess vettura, jiġifieri li hija mgħammra b’faċilitajiet speċjali għat-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà u li hija użata minn persuni b’diżabbiltà u li hija użata minn persuni b’diżabbiltà.

31

Min-naħa tiegħu, id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana jsostni li l-vettura SELVO tikkorrispondi kompletament, minħabba l-kwalitajiet, il-parametri u l-karatteristiċi tagħha, għall-prodott deskritt fl-ewwel kolonna tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1367, li kklassifikaha taħt is-subintestatura 87031018 tan-NM. Il-klassifikazzjoni ta’ din il-vettura fis-subintestatura 87139000 ta’ din in-nomenklatura hija eskluża peress li din il-vettura ma għandha l-ebda karatteristika speċjali għat-trasport tal-persuni b’diżabbilità. Barra minn hekk, dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jeskludi mis-subintestatura 87139000 tan-NM il-vetturi mgħammra b’kolonna tal-istering aġġustabbli distinta, kif ukoll dawk li jilħqu veloċità massima ta’ iktar minn 10 km fis-siegħa.

32

Il-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava) tosserva li, qabel l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1367, applikabbli ratione temporis għall-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑567/23, ir-Repubblika Ċeka kienet indikat li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, l-awtoritajiet doganali huma obbligati jikklassifikaw il-vettura SELVO fl-intestatura 8713 tan-NM. Skont din il-qorti, tali vettura għandha ċerti faċilitajiet li jagħmluha xierqa sabiex tintuża minn “persuni b’diżabbiltà”, konformement mal-interpretazzjoni estensiva ta’ dan il-kunċett kif tirriżulta mis-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et (C‑198/15, EU:C:2016:362). Barra minn hekk, il-fatt li l-vettura SELVO tista’ tintuża minn persuni li ma humiex persuni b’diżabbiltà ma għandux effett fuq il-klassifikazzjoni tariffarja tagħha f’din l-intestatura.

33

Għalhekk, il-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava) għandha dubji dwar l-applikabbiltà tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1367 għall-vettura SELVO, “għar-raġuni li, bl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament [ta’ Implimentazzjoni], il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali rreaġixxa b’mod formalistiku ħafna għall-ġurisprudenza attwali li evalwat [din il-vettura] skont l-użu intenzjonat tagħha”. Skont din il-qorti, l-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni “jelenka direttament il-karatteristiċi tal-merkanzija li ma jistgħux jitqiesu bħala adattamenti għat-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà, fis-sens [tal-]intestatura 8713 tan-NM, li huwa f’kontradizzjoni mal-evalwazzjoni tal-merkanzija skont id-destinazzjoni tagħha”.

34

Il-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava) tqis, fl-aħħar nett, li l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1367 tmur kontra l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni tan-NU u tirrestrinġi mhux biss id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, billi żżid il-prezz tal-vettura SELVO, iżda wkoll, fil-prattika, id-disinn u l-produzzjoni ta’ elementi innovattivi ta’ siġġijiet bir-roti jew vetturi għall-persuni b’diżabbiltà.

35

F’dawn iċ-ċirkustanza, il-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava, ir-Repubblika Ċeka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Siġġu tar-roti elettriku li għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

żewġ fusijiet bil-fus ta’ wara motorizzat;

żewġ settijiet ta’ tajers, fejn it-tajers ta’ wara huma ikbar, sabiex jiġi evitat li s-siġġu tar-roti jinqaleb;

is-siġġu tar-roti huwa kkontrollat permezz ta’ manubriju magħluq li għandu forma ovali mmuntat fuq kolonna ta’ direzzjoni separata, huwa mgħammar b’elementi ta’ kontroll u huwa ddisinjat sabiex tiġi kkontrollata d-direzzjoni u l-veloċità b’id waħda;

is-siġġu tar-roti huwa mgħammar bi brejk elettromanjetiku li jopera fuq ir-roti ta’ wara;

id-dimensjonijiet tas-siġġu tar-roti huma 122 x 63 x 125 cm. (tul, wisa’, għoli) — l-għoli huwa mkejjel bis-sit imqiegħed fil-pożizzjoni ta’ sewqan;

sit li jista jiġi rregolat u li jdur b’post għas-serħan tad-dirgħajn;

pjattaforma orizzontali li tgħaqqad il-parti ta’ quddiem u l-parti ta’ wara tas-siġġu tar-roti;

mutur elettriku ta’ 800 W, li jippermetti l-kisba ta’ veloċità sa 15-il km fis-siegħa u awtonomija sa 45 km,

jista’ jiġi kklassifikat taħt [is-subintestatura] 87139000 tan-[NM] minkejja r-[…]Regolament ta’ Implimentazzjoni [2021/1367]?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36

Permezz ta’ digriet tal‑25 ta’ Ġunju 2004, il-Kawżi C‑129/23 u C‑567/23 ġew magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id‑domandi preliminari

37

Permezz taż-żewġ domandi fil-Kawża C‑129/23 u tad-domanda unika fil-Kawża C‑567/23, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-intestatura 8713 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri merkanzija bħal vettura b’erba’ roti li għandha mutur elettriku, li għandha post wieħed, li għandha sedil aġġustabbli u li jdur b’poġġamani, kolonna tal-istering distinta kif ukoll brejk awtomatiku elettromanjetiku li jaġixxi fuq ir-roti ta’ wara, li huma ddisinjati sabiex jimpedixxu li l-vettura tinqaleb, li huwa kkontrollat permezz ta’ manubriju ta’ forma ovali magħluqa, li tinsab f’din il-kolonna tal-istering, u li l-veloċità massima tagħha hija iktar minn 10 km fis-siegħa, iżda li ma taqbiżx is-16 km fis-siegħa.

38

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa iktar li tagħti kjarifika lill-qrati nazzjonali dwar il-kriterji li l-implimentazzjoni tagħhom tippermetti lil dawn tal-aħħar jikklassifikaw korrettament il-merkanzija inkwistjoni fin-NM iktar milli twettaq hija stess din il-klassifikazzjoni. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija tirriżulta minn konstatazzjoni purament fattwali li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha twettaqha fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Samohýl group,C‑941/19, EU:C:2021:192, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Barra minn hekk, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Samohýl group,C‑941/19, EU:C:2021:192, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-użu li għalih hija intiża l-merkanzija jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan huwa inerenti għal tali merkanzija, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fl-ewwel lok, l-intestatura 8713 tan-NM tinkludi “[v]etturi għall-ġarr ta’ persuni b’diżabbiltà, motorizzati jew le jew immexxijin b’mod ieħor mekkaniku”.

41

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat dan il-kunċett ta’ “persuni b’diżabbiltà”, bħala li jirreferi għall-persuni milquta b’limitazzjoni mhux marġinali tal-kapaċità tagħhom li jimxu, filwaqt li t-tul ta’ din il-limitazzjoni u l-eventwali preżenza ta’ limitazzjonijiet oħra ta’ kapaċitajiet huma irrilevanti. Barra minn hekk, l-espressjoni “għall-[…] persuni b’diżabbiltà” ġiet interpretata fis-sens li l-vettura kkonċernata hija intiża biss għall-persuni b’diżabbiltà. F’dan ir-rigward, ġie ppreċiżat li l-fatt li tali vettura tista’ tintuża, jekk ikun il-każ, minn persuni mingħajr diżabbiltà ma għandux effett fuq il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ din il-vettura fl-intestatura 8713 tan-NM, peress li l-imsemmija vettura ma hijiex adatta, minħabba l-użu inizjali tagħha, għal persuni oħra li ma jbatux minn diżabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punti 26, 2734).

42

Il-klassifikazzjoni tariffarja għandha għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni mhux l-użu possibbli, iżda biss l-użu previst, evalwat abbażi tal‑karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott fid-data tal-importazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 24).

43

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li min-nota ta’ spjega tan-NM dwar l-intestatura 8713 jirriżulta b’mod ċar li l-kriterju determinanti għall-klassifikazzjoni taħt din l-intestatura huwa l-adattament speċjali tal-vettura għall-persuni b’diżabbiltà u li, għaldaqstant, jaqgħu taħt din l-intestatura l-vetturi speċifikament maħsuba għat-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà. Din in-nota ta’ spjega tippreċiża, fl-aħħar paragrafu tagħha, li, għall-kuntrarju, il-vetturi b’mutur mgħammra b’kolonna tal-istering distinta u aġġustabbli huma esklużi minn din l-intestatura u jaqgħu taħt l-intestatura 8703 tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Lecson Elektromobile,C‑12/10, EU:C:2010:823, punti 1920).

44

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-vetturi SELVO għandhom kolonna tal-istering distinta li fuqha jinsabu l-manubriju u l-elementi ta’ kontroll għas-sewqan, li l-veloċità massima tagħhom taqbeż l-10 km fis-siegħa u li għandhom pjattaforma li fuqha s-sewwieq jista’ jqiegħed saqajh kif ukoll sistema biex ma tegħlibx. Barra minn hekk, kif irrilevat, essenzjalment, il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati fil-kuntest tal-Kawżi C‑129/23 u C‑567/23, jidher, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-vettura SELVO li tinsab fid-deċiżjonijiet tar-rinviju f’dawn il-kawżi, li din ġiet maħsuba b’mod partikolari għal persuni anzjani li jsofru minn problemi ta’ saħħa ħfief, li l-kapaċità tagħhom li jimxu hija limitata b’mod marġinali. Għaldaqstant, din il-vettura ma hijiex maħsuba biss għat-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, bla ħsara għall-fatt li tista’, jekk ikun il-każ, tintuża minn din l-aħħar kategorija ta’ persuni.

45

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-intestatura 8713 tan-NM ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tkopri, bħala vettura intiża biss għall-persuni b’diżabbiltà, merkanzija bħal dik deskritta fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi ta’ din il-merkanzija.

46

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li r-Regolament Nru 718/2009, applikabbli matul il-perijodu li matulu seħħew l-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑129/23, jikklassifika fis-subintestatura 87031018 tan-NM żewġ vetturi analogi għall-vettura SELVO. Min-naħa naħa l-oħra, billi jirreferi espressament għas-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et (C‑198/15, EU:C:2016:362), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2021/1367, applikabbli għall-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑567/23, jikklassifika fl-istess subintestatura vettura identika għall-vettura SELVO.

47

Regolament ta’ klassifikazzjoni tal-merkanzija, bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti, jiġi adottat mill-Kummissjoni meta l-klassifikazzjoni fin-NM ta’ merkanzija partikolari tista’ toħloq diffikultà jew tkun is-suġġett ta’ kontroversja. Tali regolament għandu madankollu portata ġenerali peress li ma japplikax għal operatur partikolari, iżda b’mod ġenerali għall-prodotti identiċi għal dak li kien is-suġġett ta’ din il-klassifikazzjoni (sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Stryker EMEA Supply Chain Services,C‑51/16, EU:C:2017:298, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, mit-titoli tal-intestatura 8703 u tal-intestatura 8713 tan-NM jirriżulta li d-differenza bejniethom tirrigwarda l-fatt li l-ewwel intestatura tkopri l-mezzi ta’ trasport għall-persuni inġenerali, filwaqt li t-tieni waħda tapplika speċifikament għall-mezzi ta’ trasport għall-persuni b’diżabbiltà (sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Lecson Elektromobile,C‑12/10, EU:C:2010:823, punt 18, kif ukoll tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 21).

49

Il-fatt li din il-merkanzija bħall-vettura SELVO tista’ tintuża, jekk ikun il-każ, minn persuni b’diżabbiltà, jew anke jkunu adattati għall-użu minn dawn tal-aħħar huwa irrilevanti għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ tali vetturi fl-intestatura 8703 tan-NM, fid-dawl tal-fatt li huma adatti għall-eżerċizzju ta’ diversi attivitajiet oħra mwettqa minn persuni li ma jbatu minn ebda diżabbiltà, iżda li, għal xi raġuni jew oħra, jippreferu jispostaw ruħhom b’mod ieħor għajr il-mixi distanzi qosra, bħall-persuni li jilagħbu l-golf, jew bħal persuni li jagħmlu x-xirja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

50

Peress li l-intestatura 8703 tan-NM diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li tkopri, bħala vetturi għat-trasport tal-persuni, merkanzija li jkollha, bħall-vetturi SELVO, karatteristiċi bħal dawk imsemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Lecson Elektromobile,C‑12/10, EU:C:2010:823, punt 24), u li, kif tosserva l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑129/23, dawn il-vetturi ma humiex identiċi għall-vetturi li huma s-suġġett tar-Regolament Nru 718/2009, iżda biss analogi għalihom, ma huwiex neċessarju li dan ir-regolament jiġi applikat, b’analoġija, għall-vetturi SELVO għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom taħt din l-intestatura tariffarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Medtronic,C‑227/17, EU:C:2018:247, punt 59).

51

Fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑567/23 kif ukoll minn BG Technik sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1367 għall-vettura SELVO, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

52

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq li dan ir-regolament ġie adottat għall-każ speċifiku ta’ BG Technik, li, minn naħa, jipprekludiha milli tindika l-adattamenti u l-karatteristiċi li jippermettu l-użu tal-vetturi tagħha minn persuni b’diżabbiltà, u min-naħa l-oħra, tikser ir-rekwiżit dwar in-natura ġenerali ta’ tali regolament, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Gvern Ċek fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ppreżentati fil-Kawża C‑567/23, li l-għan ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni huwa preċiżament li jiddeskrivi b’mod konkret il-merkanzija li huwa intiż li jikklassifika fin-NM, mingħajr ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni suġġettiva tal-merkanzija, taħt piena li ma jkollux effett utli.

53

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li l-vettura SELVO għandha taqa’ taħt l-intestatura 8713 tan-NM, konformement mad-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet Ċeki, bħad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni teknika tal-Ministeru tat-Trasport tar-Repubblika Ċeka, għandu jitfakkar li l-mod li bih merkanzija hija ttrattata skont leġiżlazzjoni nazzjonali li ssegwi għanijiet oħra minbarra n-NM ma huwiex determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni taħtha. Fil-fatt, din il-klassifikazzjoni għandha b’mod partikolari tippreżerva l-koerenza bejn l-interpretazzjoni tan-NM u dik tas-SA, li hija stabbilita minn konvenzjoni internazzjonali li fiha l-Unjoni hija parti kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, LEK,C‑700/15, EU:C:2016:959, punt 36).

54

It-tielet nett, għalkemm il-ġurisprudenza tal-qrati Ċeki, żviluppata wara s-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et (C‑198/15, EU:C:2016:362), twassal sabiex il-vettura SELVO tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 8713 tan-NM, din il-ġurisprudenza, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑567/23, kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq id-dokumenti tal-awtoritajiet nazzjonali msemmija fil-punt preċedenti, li, kif indika l-Gvern Ċek fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ppreżentati f’din il-kawża, huma bbażati fuq id-deskrizzjoni stess tal-merkanzija mill-importatur jew mill-manifattur. Issa, il-klassifikazzjoni tariffarja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-użu intiż inerenti għall-prodott inkwistjoni. Din l-użu inerenti għandu jiġi evalwat skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu.

55

Ir-raba’ nett, sa fejn BG Technik, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati fil-Kawża C‑567/23, tikkritika lill-Kummissjoni li, qabel l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1367, kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-ġurisprudenza nazzjonali msemmija fil-punt preċedenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-ġurisprudenza ta’ Stat Membru meta hija tadotta regolament ta’ klassifikazzjoni. Fil-fatt, tali regolament huwa intiż sabiex jirrimedja sitwazzjoni ta’ inċertezza legali li tista’ teżisti b’mod partikolari fil-każ ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza jew amministrattivi bejn l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-istess merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Amoena,C‑677/18, EU:C:2019:1142, punt 58).

56

Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument li l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1367 għall-vettura SELVO tmur kontra l-Konvenzjoni tan-NU, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, sa fejn din il-vettura ma hijiex intiża biss għall-persuni b’diżabbiltà, ma jistax jiġi sostnut li l-impożizzjoni ta’ dazji doganali fuq l-imsemmija vettura tikser id-drittijiet ta’ dawn il-persuni. Barra minn hekk, din il-konvenzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha, ma teżiġix li l-vetturi li l-għan tagħhom huwa l-għajnuna għall-mobbiltà jkunu eżentati mid-dazji doganali.

57

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula fil-Kawża C‑129/23 u għad-domanda unika magħmula fil-Kawża C‑567/23 hija li l-intestatura 8713 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tkoprix merkanzija bħal vettura b’erba’ roti li għandha mutur elettriku, li għandha post wieħed, li għandha sedil aġġustabbli u li jdur b’poġġamani, kolonna tal-istering distinta kif ukoll brejk awtomatiku elettromanjetiku li jaġixxi fuq ir-roti ta’ wara, li huma ddisinjati sabiex jimpedixxu li l-vettura tinqaleb, li huwa kkontrollat permezz ta’ manubriju ta’ forma ovali magħluqa, li tinsab f’din il-kolonna tal-istering, u li l-veloċità massima tagħha hija iktar minn 10 km fis-siegħa, iżda li ma taqbiżx is-16 km fis-siegħa.

Fuq l‑ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-intestatura 8713 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad‑9 ta’ Ottubru 2012, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 1101/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013, kif mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1577 tal‑21 ta’ Settembru 2020,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma tkoprix merkanzija bħal vettura b’erba’ roti li għandha mutur elettriku, li għandha post wieħed, li għandha sedil aġġustabbli u li jdur b’poġġamani, kolonna tal-istering distinta kif ukoll brejk awtomatiku elettromanjetiku li jaġixxi fuq ir-roti ta’ wara, li huma ddisinjati sabiex jimpedixxu li l-vettura tinqaleb, li huwa kkontrollat permezz ta’ manubriju ta’ forma ovali magħluqa, li tinsab f’din il-kolonna tal-istering, u li l-veloċità massima tagħha hija iktar minn 10 km fis-siegħa, iżda li ma taqbiżx is-16 km fis-siegħa.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Góra