This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0465
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 10 September 2024.#European Commission v Ireland and Apple Sales International.#Appeal – State aid – Article 107(1) TFEU – Tax rulings issued by a Member State – Selective tax advantages – Allocation of profits generated by intellectual property licences to branches of non-resident companies – Arm’s length principle.#Case C-465/20 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta’ Settembru 2024.
Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda u Apple Sales International.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem (tax rulings) adottati minn Stat Membru – Vantaġġi tat-taxxa selettivi – Attribuzzjoni tal-profitti ġġenerati minn liċenzji ta’ proprjetà intellettwali lill-fergħat ta’ kumpanniji mhux residenti – Prinċipju ta’ distakkament.
Kawża C-465/20 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta’ Settembru 2024.
Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda u Apple Sales International.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem (tax rulings) adottati minn Stat Membru – Vantaġġi tat-taxxa selettivi – Attribuzzjoni tal-profitti ġġenerati minn liċenzji ta’ proprjetà intellettwali lill-fergħat ta’ kumpanniji mhux residenti – Prinċipju ta’ distakkament.
Kawża C-465/20 P.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:724
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
10 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
Werrej
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża |
|
A. Fuq l‑istorja tal‑grupp Apple |
|
1. F’dak li għandu x’jaqsam mal‑grupp Apple |
|
2. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ ASI u AOE |
|
3. F’dak li għandu x’jaqsam mal‑fergħat Irlandiżi |
|
B. Fuq id‑deċiżjonijiet tat‑taxxa kkontestati |
|
1. Fuq id‑deċiżjoni tat‑taxxa tal‑1991 |
|
a) Fuq il‑bażi taxxabbli ta’ ACL, predeċessur ta’ AOE |
|
b) Fuq il‑bażi taxxabbli ta’ ACAL, predeċessur ta’ ASI |
|
2. Fuq id‑deċiżjoni tat‑taxxa tal‑2007 |
|
C. Fuq il‑proċedura amministrattiva quddiem il‑Kummissjoni |
|
D. Fuq id‑Deċiżjoni kontenzjuża |
|
1. Fuq l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv |
|
a) Fuq il‑kuntest ta’ riferiment |
|
b) Fuq il‑prinċipju ta’ distakkament |
|
c) Fuq ir‑raġunament prinċipali tal‑Kummissjoni dwar l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv minħabba n‑nuqqas ta’ attribuzzjoni lill‑fergħat Irlandiżi tal‑profitti mil‑liċenzji ta’ PI li għandhom ASI u AOE |
|
d) Fuq ir‑raġunament sussidjarju tal‑Kummissjoni dwar l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv minħabba l‑għażla inadegwata tal‑metodi ta’ attribuzzjoni tal‑profitti lill‑fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE |
|
e) Fuq ir‑raġunament alternattiv tal‑Kummissjoni dwar l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv minħabba d‑deroga mill‑kuntest ta’ riferiment ikkostitwit mill‑Artikolu 25 tat‑TCA 97 |
|
f) Konklużjoni tal‑Kummissjoni dwar l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv |
|
2. Fuq l‑inkompatibbiltà, l‑illegalità u l‑irkupru tal‑għajnuna |
|
II. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali |
|
III. Is‑sentenza appellata |
|
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell |
|
V. Fuq l‑appell |
|
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari |
|
B. Fuq l‑ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji fl‑evalwazzjoni tar‑raġunament prinċipali dwar l‑eżistenza ta’ vantaġġ |
|
1. Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel aggravju |
|
a) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
1) Fuq l‑ammissibbiltà u n‑natura effettiva tal‑argumenti tal‑Kummissjoni |
|
2) Fuq il‑mertu |
|
i) Fuq l‑ewwel ilment ibbażat fuq l‑eżistenza ta’ żball ta’ interpretazzjoni tad‑Deċiżjoni kontenzjuża |
|
ii) Fuq it‑tieni u t‑tielet ilment |
|
2. Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel aggravju |
|
a) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
1) Fuq it‑tieni lment ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 107(1) TFUE, fuq żnaturament tad‑dritt Irlandiż u fuq irregolarità proċedurali |
|
i) Fuq l‑ammissibbiltà |
|
ii) Fuq il‑mertu |
|
– Fuq it‑teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi inammissibbli |
|
– Fuq il‑kriterju legali applikabbli skont id‑dritt Irlandiż għad‑determinazzjoni tal‑profitti ta’ kumpannija mhux residenti |
|
– Fuq it‑teħid inkunsiderazzjoni mill‑Qorti Ġenerali tal‑funzjonijiet ta’ Apple Inc. |
|
– Fuq l‑effett tat‑teħid inkunsiderazzjoni tal‑attivitajiet eżerċitati u tal‑funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. fuq il‑klassifikazzjoni ġuridika tal‑fatti |
|
2) Fuq l‑ewwel ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja tas‑sentenza appellata u fuq irregolarità proċedurali |
|
3. Fuq it‑tielet parti tal‑ewwel aggravju |
|
a) L‑argumenti tal-partijiet |
|
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
4. Konklużjonijiet dwar l‑ewwel aggravju tal‑appell |
|
VI. Fuq ir‑rikorsi quddiem il‑Qorti Ġenerali |
|
A. Fuq il‑motivi li jikkonċernaw l‑evalwazzjoni dwar l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv |
|
1. Fuq l‑eżami konġunt tal‑kriterji ta’ vantaġġ u ta’ selettività |
|
2. Fuq l‑identifikazzjoni tal‑kuntest ta’ riferiment u l‑evalwazzjonijiet tal‑Kummissjoni dwar it‑tassazzjoni normali tal‑profitti fis‑sens tad‑dritt fiskali Irlandiż |
|
3. Fuq l‑evalwazzjonijiet tal‑Kummissjoni dwar l‑attivitajiet fi ħdan il‑grupp Apple |
|
4. Fuq in‑natura selettiva tad‑deċiżjonijiet tat‑taxxa kkontestati |
|
a) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
B. Fuq l‑eżistenza ta’ intervent tal‑Istat jew intervent permezz tar-riżorsi tal‑Istat |
|
1. L‑argumenti tal‑partijiet |
|
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
C. Fuq il‑motivi bbażati fuq il‑ksur tar‑rekwiżiti formali essenzjali u, b’mod partikolari, tad‑dritt għal smigħ |
|
1. L‑argumenti tal‑partijiet |
|
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
D. Fuq il‑motivi bbażati fuq ksur tal‑prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi |
|
1. L‑argumenti tal‑partijiet |
|
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
E. Fuq il‑motivi bbażati fuq l‑allegazzjoni li l‑Kummissjoni marret lil hinn mill‑kompetenzi tagħha u ndaħlet fil‑kompetenzi tal‑Istati Membri, b’mod partikolari bi ksur tal‑prinċipju ta’ awtonomija fiskali |
|
1. L‑argumenti tal‑partijiet |
|
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
F. Fuq il‑motivi bbażati fuq in‑nuqqas ta’ motivazzjoni tad‑Deċiżjoni kontenzjuża |
|
1. L‑argumenti tal‑partijiet |
|
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
VII. Fuq l‑ispejjeż |
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem (tax rulings) adottati minn Stat Membru – Vantaġġi tat-taxxa selettivi – Attribuzzjoni tal-profitti ġġenerati minn liċenzji ta’ proprjetà intellettwali lill-fergħat ta’ kumpanniji mhux residenti – Prinċipju ta’ distakkament”
Fil-Kawża C‑465/20 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑25 ta’ Settembru 2020,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, P.‑J. Loewenthal u F. Tomat, bħala aġenti,
rikorrenti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
L‑Irlanda, irrappreżentata minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti, inizjalment assistiti minn P. W. Baker, KC, C. Donnelly, SC, A. Goodman, SC, S. Kingston, SC, u B. Doherty, BL, sussegwentement minn P. W. Baker, KC, C. Donnelly, SC, P. Gallagher, SC, A. Goodman, SC, B. Doherty, BL, u D. Fennelly, BL
Apple Sales International Ltd, stabbilita f’Cork (l-Irlanda),
Apple Operations International Ltd, li kienet Apple Operations Europe Ltd, stabbilita f’Cork,
irrappreżentati minn D. Beard, KC, J. Bourke, barrister, L. Osepciu, barrister, C. Riis‑Madsen, advokat, E. van der Stok, advocaat u A. von Bonin, Rechtsanwalt,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il‑Gran Dukat tal‑Lussemburgu, irrappreżentat inizjalment minn A. Germeaux u T. Uri, sussegwentement minn A. Germeaux u T. Schell, bħala aġenti, assistiti minn J. Bracker u D. Waelbroeck, avocats,
Ir‑Repubblika tal‑Polonja,
L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, irrappreżentata inizjalment minn M. Sánchez Rydelski, C. Simpson u C. Zatschler sussegwentement minn M. Sánchez Rydelski u C. Simpson, bħala aġenti,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, T. von Danwitz, Z. Csehi u O. Spineanu‑Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: M. Longar, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Mejju 2023,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Novembru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Lulju 2020, L‑Irlanda et vs Il‑Kummissjoni (T‑778/16 u T‑892/16, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2021:338), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1283 tat‑30 ta’ Awwissu 2016 dwar għajnuna mill-Istat SA.38373 (2014/C) (ex 2014/NN) implimentata [mogħtija] mill-Irlanda lil Apple (ĠU 2017, L 187, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”). |
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
2 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, li ġew imfissra fil-punti 1 sa 47 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru bil-mod kif ġej. |
A. Fuq l‑istorja tal‑grupp Apple
1. F’dak li għandu x’jaqsam mal‑grupp Apple
3 |
Il-grupp Apple, imwaqqaf fl‑1976 u stabbilit f’Cupertino (l-Istati Uniti), huwa magħmul minn Apple Inc. u mill-kumpanniji kollha kkontrollati minn din tal-aħħar (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“grupp Apple”). Il-grupp Apple jiddisinnja, jimmanifattura u jikkummerċjalizza, fost oħrajn, tagħmir ta’ komunikazzjoni mobbli u multimedjali, computers personali, kif ukoll media players ta’ mużika diġitali, u jbigħ software, servizzi oħra, soluzzjonijiet ta’ provvista ta’ network (networking solutions) u kontenut u applikazzjonijiet diġitali ta’ terzi. Il-grupp Apple jikkummerċjalizza l-prodotti u s-servizzi tiegħu lil konsumaturi, impriżi u awtoritajiet pubbliċi madwar id-dinja, permezz tal-ħwienet fiżiċi tagħha, tal-ħwienet online tagħha u tas-servizzi diretti ta’ bejgħ tagħha (direct sales), kif ukoll permezz ta’ operaturi terzi ta’ networks ċellulari (third-party cellular network carriers), bejjiegħa bl-ingrossa, bejjiegħa bl-imnut u permezz ta’ distributuri. L-attività globali tal-grupp Apple tinqasam f’oqsma funzjonali ewlenin, ġestiti u kkontrollati fl-Istati Uniti minn membri tal-eżekuttiv ibbażati f’Cupertino. |
2. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ ASI u AOE
4 |
Fi ħdan il-grupp Apple, Apple Inc. għandha 100 % tal-ishma ta’ Apple Operations International Ltd (AOI). AOI għandha 100 % tal-ishma tal-kumpannija sussidjarja Apple Operations Europe Ltd (AOE), li kienet magħrufa bħala “Apple Computer Ltd (ACL)”. Din tal-aħħar għandha 100 % tal-ishma tal-kumpannija sussidjarja Apple Sales International Ltd (ASI), li kienet magħrufa bħala “Apple Computer Accessories Ltd (ACAL)” u sussegwentement “Apple Computer International”. ASI u AOE huma t-tnejn ikkostitwiti bħala kumpanniji rregolati mid-dritt Irlandiż, iżda ma humiex residenti fiskali Irlandiżi. |
5 |
Kif indikat fil-premessi 113 sa 115 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, parti kbira mill-membri tal-bordijiet tad-diretturi ta’ ASI u ta’ AOE kienu diretturi, impjegati minn Apple Inc. u stabbiliti f’Cupertino. Fil-premessa 115 ta’ din id-deċiżjoni huma riprodotti estratti minn riżoluzzjonijiet u minn minuti tas-seduti tal-laqgħat ġenerali u tal-bordijiet tad-diretturi ta’ ASI u ta’ AOE. Ir-riżoluzzjonijiet tal-bordijiet tad-diretturi kienu ġeneralment jirrigwardaw suġġetti bħall-ħlas ta’ dividendi, l-approvazzjoni tar-rapporti tad-diretturi jew il-ħatra u r-riżenja ta’ dawn tal-aħħar. B’mod inqas regolari, dawn ir-riżoluzzjonijiet kienu jikkonċernaw il-kostituzzjoni ta’ kumpanniji sussidjarji u l-għoti ta’ mandati lil ċerti diretturi li jkopru attivitajiet differenti, bħall-ġestjoni tal-kontijiet bankarji, ir-relazzjonijiet mal-gvernijiet u mal-korpi pubbliċi, l-awditi, il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, il-kiri, ix-xiri u l-bejgħ tal-assi, ir-riċeviment ta’ merkanzija u l-kuntratti kummerċjali. |
6 |
Apple Inc., minn naħa, u ASI u AOE, min-naħa l-oħra, kienu marbuta bi ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż”). L-ispejjeż maqsuma kienu b’mod partikolari jirrigwardaw ir-riċerka u l-iżvilupp (R & D) tat-teknoloġiji inkorporati fil-prodotti tal-grupp Apple. Il-ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż ġie inizjalment konkluż f’Diċembru 1980 bejn Apple Inc., li dak iż-żmien kienet “Apple Computer Inc.”, u ACL. Fl‑1999, Apple Computer International saret parti għal dan il-ftehim. Il-ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż ġie emendat diversi drabi, b’mod partikolari sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bidliet fil-leġiżlazzjoni applikabbli. |
7 |
Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, il-partijiet aċċettaw li jaqsmu l-ispejjeż u r-riskji tal-attivitajiet ta’ R & D li jikkonċernaw l-assi intanġibbli żviluppati fil-kuntest tal-programm ta’ żvilupp tal-prodotti u servizzi tal-grupp Apple. Il-partijiet qablu wkoll dwar il-fatt li Apple Inc. baqgħet il-proprjetarja legali uffiċjali tal-assi intanġibbli bi spejjeż maqsuma (cost‑shared intangibles), inkluż tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (iktar ’il quddiem il-“PI”) tal-grupp Apple. Barra minn hekk, Apple Inc. tat liċenzji eżenti mir-royalties lil ASI u lil AOE li jippermettulhom jużaw il-PI tal-grupp Apple sabiex, b’mod partikolari, jimmanifatturaw u jbigħu l-prodotti kkonċernati fit-territorji kollha lil hinn mill-kontinent Amerikan. Fl-aħħar nett, il-partijiet għall-ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż kienu marbuta jassumu r-riskji li jirriżultaw minn dan il-ftehim, ir-riskju ewlieni jkun l-obbligu li jitħallsu l-ispejjeż ta’ żvilupp tad-drittijiet ta’ PI tal-grupp Apple. |
8 |
Fl‑2008, ASI kkonkludiet kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni (marketing services agreement) ma’ Apple Inc., li taħtu din tal-aħħar intrabtet li tipprovdi servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, li jinkludu, b’mod partikolari, il-ħolqien, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni, ta’ programmi u ta’ kampanji ta’ promozzjoni. Bħala korrispettiv, ASI intrabtet li tħallas lil Apple Inc. tariffa li tikkorrispondi għal perċentwali tal-“ispejjeż raġonevoli mġarrba” minn Apple Inc. fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, miżjuda b’marġni. |
3. F’dak li għandu x’jaqsam mal‑fergħat Irlandiżi
9 |
ASI u AOE għandhom, kull wieħed minnhom, fergħa fl-Irlanda, indikata bil-lingwa Ingliża bit-terminu “branch”. Dawn il-fergħat ma għandhomx personalità ġuridika separata. |
10 |
Il-fergħa Irlandiża ta’ ASI hija b’mod partikolari responsabbli għall-attivitajiet ta’ xiri, ta’ bejgħ u ta’ distribuzzjoni, assoċjati mal-bejgħ ta’ prodotti bit-trade mark Apple lil entitajiet relatati u lil klijenti terzi fir-reġjuni li jkopru l-Ewropa, il-Lvant Nofsani, l-Indja u l-Afrika (EMEIA), kif ukoll l-Asja‑Paċifiku (APAC). Il-funzjonijiet ewlenin imwettqa fi ħdan din il-fergħa jinkludu x-xiri ta’ prodotti lesti bit-trade mark Apple mingħand manifatturi terzi u marbuta, l-attivitajiet ta’ distribuzzjoni assoċjati mal-bejgħ ta’ prodotti lil entitajiet relatati fir-reġjuni EMEIA u APAC, l-attivitajiet ta’ bejgħ u ta’ distribuzzjoni assoċjati mal-bejgħ ta’ prodotti lil klijenti terzi fir-reġjun EMEIA, il-bejgħ online, l-operazzjonijiet loġistiċi u l-operat tas-servizz ta’ wara l-bejgħ. Il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 55 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li diversi attivitajiet assoċjati mad-distribuzzjoni fir-reġjun APAC kienu twettqu minn entitajiet relatati taħt kuntratti ta’ servizzi. |
11 |
Il-fergħa Irlandiża ta’ AOE hija responsabbli għall-manifattura u għall-immontar ta’ firxa speċjalizzata ta’ prodotti diġitali fl-Irlanda, bħal desktops, laptops u aċċessorji diġitali oħrajn, li hija tforni lil entitajiet relatati fir-reġjun EMEIA. Il-funzjonijiet ewlenin imwettqa fi ħdan din il-fergħa jinkludu l-ippjanar u l-iskedar tal-produzzjoni, l-inġinerija tal-proċessi, il-produzzjoni u l-operat, l-assigurazzjoni u l-kontroll tal-kwalità u l-operazzjonijiet ta’ restawr. |
B. Fuq id‑deċiżjonijiet tat‑taxxa kkontestati
12 |
Permezz tal-ittri tad‑29 ta’ Jannar 1991 u tat‑23 ta’ Mejju 2007, l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi adottaw deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem dwar id-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati”), konformement mal-proposti magħmula f’dan ir-rigward mir-rappreżentanti tal-grupp Apple. Dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa huma deskritti fil-premessi 59 sa 62 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
1. Fuq id‑deċiżjoni tat‑taxxa tal‑1991
a) Fuq il‑bażi taxxabbli ta’ ACL, predeċessur ta’ AOE
13 |
Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Ottubru 1990, indirizzata lill-awtoritajiet fiskali Irlandiżi, il-konsulenti fiskali tal-grupp Apple ddeskrivew l-attivitajiet ta’ ACL fl-Irlanda u dawk eżerċitati mill-fergħa Irlandiża tagħha stabbilita f’Cork (l-Irlanda). Din l-ittra ppreċiżat li din il-fergħa kienet il-proprjetarja tal-assi relatati mal-attivitajiet ta’ manifattura, iżda li ACL baqgħet proprjetarja tal-materjal użat, tal-prodotti li jkunu qegħdin jiġu mmanifatturati u tal-prodotti li jkunu tlestew. |
14 |
Wara skambju ta’ ittri, l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi, permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Jannar 1991, taw il-kunsens tagħhom għall-proposta tal-grupp Apple sabiex il-profitt taxxabbli ta’ ACL fl-Irlanda, imputabbli għad-dħul tal-fergħa Irlandiża tagħha, jiġi kkalkolat skont il-metodu li ġej:
|
b) Fuq il‑bażi taxxabbli ta’ ACAL, predeċessur ta’ ASI
15 |
Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Jannar 1991, il-konsulenti fiskali tal-grupp Apple għarrfu lill-awtoritajiet fiskali Irlandiżi bl-eżistenza ta’ ACAL, li l-fergħa tagħha fl-Irlanda kienet deskritta bħala responsabbli għall-provvista mingħand produtturi Irlandiżi ta’ prodotti għall-esportazzjoni. |
16 |
Fis‑16 ta’ Jannar 1991, ir-rappreżentanti tal-grupp Apple bagħtu ittra lill-awtoritajiet fiskali Irlandiżi li tiġbor fil-qosor it-termini tal-ftehim li kien ġie konkluż waqt laqgħa bejn dan il-grupp u dawn l-awtoritajiet fit‑3 ta’ Jannar 1991 dwar id-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli ta’ ACAL. Skont din l-ittra, il-kalkolu tal-profitt tal-fergħa kellu jkun ibbażat fuq marġni ta’ 12.5 % tal-ispejjeż tal-operat tal-fergħa, minbarra l-materjal għall-bejgħ mill-ġdid. |
17 |
Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Jannar 1991, l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi kkonfermaw it-termini tal-ftehim kif espressi fl-ittra tas‑16 ta’ Jannar 1991. |
2. Fuq id‑deċiżjoni tat‑taxxa tal‑2007
18 |
Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Mejju 2007, il-konsulenti fiskali tal-grupp Apple pproponew lill-awtoritajiet fiskali Irlandiżi sabiex jirrevedu l-metodu ta’ determinazzjoni tal-bażi taxxabbli tal-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE. |
19 |
Fir-rigward tal-fergħa Irlandiża ta’ ASI, il-grupp Apple ppropona li l-profitt taxxabbli attribwit lil din il-fergħa jikkorrispondi għal [kunfidenzjali] tal-ispejjeż tal-operat tagħha, minbarra l-ispejjeż bħall-ammonti ċċarġjati mill-kumpanniji affiljati fi ħdan il-grupp Apple u l-ispejjeż tal-materjal. |
20 |
Fir-rigward tal-fergħa Irlandiża ta’ AOE, il-grupp Apple ppropona li l-profitt taxxabbli attribwit lil din il-fergħa jkun iddeterminat billi jiżdied mal-ammont li jikkorrispondi għal [kunfidenzjali] tal-ispejjeż tal-operat tagħha, minbarra l-ispejjeż bħall-ammonti ċċarġjati mill-kumpanniji affiljati fi ħdan il-grupp Apple u l-ispejjeż tal-materjal, ammont ugwali għal [kunfidenzjali] tad-dħul mill-bejgħ tagħha, li jirrappreżenta d-dħul fuq PI fir-rigward tat-teknoloġija tal-proċess ta’ manifattura (manufacturing process technology) tal-imsemmija fergħa. Il-grupp talab ukoll tnaqqis fit-taxxa “normalment ikkalkolat u awtorizzat” fir-rigward tal-fabbriki u l-bini. |
21 |
Il-grupp Apple ppropona li l-ftehim il-ġdid jidħol fis-seħħ, fir-rigward taż-żewġ fergħat, mill‑1 ta’ Ottubru 2007 u li, sakemm ma jkunx hemm bidla fiċ-ċirkustanzi, japplika għal perijodu ta’ ħames snin, u li sussegwentement jiġi mġedded kull sena. Huwa ssuġġerixxa wkoll li dan il-ftehim ikun jista’ jiġi applikat għal entitajiet ġodda li jistgħu jinħolqu jew jiġu ttrasformati fi ħdan il-grupp Apple, kemm‑il darba l-attivitajiet tagħhom ikunu jikkorrispondu għal dawk eżerċitati minn ASI u minn AOE, rispettivament. |
22 |
Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Mejju 2007, l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi taw il-kunsens tagħhom għall-proposti kollha fl-ittra tas‑16 ta’ Mejju 2007. Dan il-ftehim ġie applikat sas‑27 ta’ Settembru 2014, id-data li fiha għalqet is-sena fiskali 2014. |
C. Fuq il‑proċedura amministrattiva quddiem il‑Kummissjoni
23 |
Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni talbet lill-Irlanda tipprovdilha informazzjoni dwar il-prassi tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa fit-territorju tagħha, b’mod partikolari dwar dawk li ngħataw fir-rigward ta’ ċerti entitajiet tal-grupp Apple, fosthom ASI u AOE. |
24 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”) fir-rigward tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, minħabba li dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa setgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Kummissjoni, wara li eżaminat jekk il-ftehimiet dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment (transfer pricing) fid-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kinux jitbiegħdu mill-kundizzjonijiet li kienu ġew iffissati bejn operaturi indipendenti tas-suq u għalhekk kinux jiddevjaw mill-prinċipju ta’ distakkament, qieset li dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa setgħu taw vantaġġ lill-impriżi li fir-rigward tagħhom kienu ngħataw dawn id-deċiżjonijiet. Dik id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis‑17 ta’ Ottubru 2014. |
25 |
Permezz ta’ ittri tal‑5 ta’ Settembru u tas‑17 ta’ Novembru 2014, l-Irlanda u Apple Inc., rispettivament, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ. |
26 |
Matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, saru diversi skambji u laqgħat bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi u Apple Inc. Barra minn hekk, l-Irlanda u Apple Inc. ippreżentaw żewġ rapporti ad hoc dwar l-attribuzzjoni tal-profitti lill-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE, imħejjija mill-konsulenti tat-taxxa rispettivi tagħhom. |
D. Fuq id‑Deċiżjoni kontenzjuża
27 |
Fit‑30 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża, li tirrigwarda d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati. Wara li ddeskriviet il-kuntest ġuridiku u fattwali (Taqsima 2) u l-proċedura amministrattiva (Taqsimiet 3 sa 7), il-Kummissjoni ffokat fuq l-analiżi dwar jekk kienx hemm għajnuna jew le (Taqsima 8). |
28 |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni rrilevat li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kienu ngħataw mill-amministrazzjoni fiskali Irlandiża u għalhekk kienu imputabbli lill-Istat. Hija qieset li, sa fejn dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa wasslu għal tnaqqis fl-ammont tat-taxxa dovuta minn ASI u minn AOE, l-Irlanda kienet ċediet dħul mit-taxxa, ħaġa li wasslet għal telf ta’ riżorsi tal-Istat (premessa 221 tad-Deċiżjoni kontenzjuża). |
29 |
It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset li, peress li ASI u AOE jagħmlu parti mill-grupp Apple, attiv fl-Istati Membri kollha, id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati setgħu, minħabba f’hekk, jaffettwaw il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea (premessa 222 tad-Deċiżjoni kontenzjuża). |
30 |
It-tielet nett, il-Kummissjoni sostniet li, sa fejn id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kienu wasslu għal tnaqqis fil-bażi taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE, għall-finijiet tal-valutazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji fl-Irlanda, dawn taw vantaġġ lil dawn iż-żewġ kumpanniji (premessa 223 tad-Deċiżjoni kontenzjuża). |
31 |
Barra minn hekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, peress li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati ngħataw biss fir-rigward ta’ ASI u ta’ AOE, setgħet tiġi preżunta n-natura selettiva tagħhom. Madankollu, għall-raġunijiet ta’ kompletezza, il-Kummissjoni kkonstatat li dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa kienu jikkostitwixxu deroga mill-kuntest ta’ riferiment rilevanti, iddefinit bħala s-sistema komuni ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji fl-Irlanda (premessa 224 tad-Deċiżjoni kontenzjuża). |
32 |
Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni rrilevat li, peress li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kienu wasslu għal tnaqqis fl-ammont tat-taxxa dovuta minn ASI u minn AOE, dawn kienu għalhekk ta’ natura li jsaħħu l-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji u li, għalhekk, ifixklu, jew li jheddu li jfixklu, il-kompetizzjoni (premessa 222 tad-Deċiżjoni kontenzjuża). |
1. Fuq l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv
33 |
Fit-Taqsima 8.2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni segwiet l-analiżi fi tliet stadji li tirriżulta mill-ġurisprudenza sabiex tipprova l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv f’dan il-każ. B’hekk, qabel kollox, hija identifikat il-kuntest ta’ riferiment u ġġustifikat l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament. Hija eżaminat imbagħad l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv li jirriżulta minn deroga mill-kuntest ta’ riferiment. Essenzjalment, il-Kummissjoni qieset, abbażi ta’ raġunament prinċipali, raġunament sussidjarju u raġunament alternattiv, li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kienu ppermettew lil ASI u lil AOE jnaqqsu l-ammont tat-taxxa li huma kellhom iħallsu fl-Irlanda tul il-perijodu li matulu dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa damu fis-seħħ, jiġifieri bejn l‑1991 u l‑2014 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”), u li dan it-tnaqqis fl-ammont tat-taxxa kien jirrappreżenta vantaġġ meta wieħed iqabbel lil dawn iż-żewġ kumpanniji ma’ kumpanniji oħra f’sitwazzjoni paragunabbli. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat li l-Irlanda u Apple Inc. ma ressqu ebda argument dwar il-ġustifikazzjoni ta’ dan il-vantaġġ selettiv. |
a) Fuq il‑kuntest ta’ riferiment
34 |
Fil-premessi 227 sa 243 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li l-kuntest ta’ riferiment kien is-sistema komuni ta’ tassazzjoni tal-profitti tal-kumpanniji fl-Irlanda, li l-għan tagħha huwa li jiġu ntaxxati l-profitti tal-kumpanniji kollha suġġetti għat-taxxa fl-Irlanda, residenti jew mhux residenti. Il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl ta’ dan l-għan, il-kumpanniji integrati u l-kumpanniji awtonomi kienu jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli. Għaldaqstant, l-Artikolu 25 tat-Taxes Consolidation Act tal‑1997 (l-Att dwar il-Konsolidazzjoni tat-Taxxi tal‑1997, iktar ’il quddiem it-“TCA 97”), li jipprevedi t-tassazzjoni tal-kumpanniji mhux residenti fuq id-dħul kummerċjali li jkun sar direttament jew indirettament permezz tal-fergħa attiva fl-Irlanda, għandu jitqies bħala parti integrali mill-kuntest ta’ riferiment u mhux bħala kuntest ta’ riferiment distint. |
b) Fuq il‑prinċipju ta’ distakkament
35 |
Fil-premessi 244 sa 263 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni indikat li kemm mill-kliem tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, kif ukoll mill-għan li jfittex li jilħaq dan l-artikolu, kien jirriżulta li din id-dispożizzjoni, li ma tagħti ebda gwida dwar il-mod kif għandu jiġi ddeterminat il-profitt taxxabbli ta’ fergħa Irlandiża, setgħet tiġi applikata biss skont metodu ta’ attribuzzjoni tal-profitti. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li l-Artikolu 107(1) TFUE kien jeżiġi li dan il-metodu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ distakkament, irrispettivament minn jekk l-Istat Membru kkonċernat ikunx inkorpora jew le l-prinċipju ta’ distakkament fis-sistema legali nazzjonali tiegħu. Il-Kummissjoni ibbażat din il-kunsiderazzjoni fuq żewġ premessi. Minn naħa, hija fakkret li kull miżura fiskali adottata minn Stat Membru għandha tosserva r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Min-naħa l-oħra, hija sostniet li mis-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416), irriżulta li tnaqqis fil-bażi taxxabbli minħabba miżura fiskali li tippermetti lil persuna taxxabbli tuża prezzijiet ta’ trasferiment fi tranżazzjonijiet infragrupp li ma jkunux qrib il-prezzijiet iċċarġjati f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni libera, jagħti vantaġġ selettiv lil din il-persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
36 |
B’hekk, il-Kummissjoni sostniet li l-prinċipju ta’ distakkament kien kriterju ta’ riferiment sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpannija integrata bbenefikatx minn vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba miżura fiskali li tiddetermina l-prezzijiet ta’ trasferiment tagħha u, għaldaqstant, il-bażi fiskali tagħha. Dan il-prinċipju jfittex li jiggarantixxi li, għal finijiet fiskali, it-tranżazzjonijiet infragrupp jiġu ttrattati bl-istess mod bħal dawk li jsiru bejn kumpanniji awtonomi mhux integrati. L-applikazzjoni tiegħu tevita inugwaljanza fit-trattament bejn kumpanniji f’sitwazzjoni fattwali u legali simili u dan fid-dawl tal-għan tas-sistema komuni ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji, li huwa li jiġu ntaxxati l-profitti tal-kumpanniji kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-taxxa. |
37 |
Fir-rigward tal-prinċipji żviluppati fil-kuntest tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), il-Kummissjoni indikat li dawn kienu biss linji gwida utli għall-awtoritajiet fiskali sabiex ikun żgurat li l-metodi ta’ attribuzzjoni tal-profitti u dawk li bihom jiġu ffissati l-prezzijiet ta’ trasferiment jipproduċu riżultati konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. |
c) Fuq ir‑raġunament prinċipali tal‑Kummissjoni dwar l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv minħabba n‑nuqqas ta’ attribuzzjoni lill‑fergħat Irlandiżi tal‑profitti mil‑liċenzji ta’ PI li għandhom ASI u AOE
38 |
Prinċipalment, il-Kummissjoni sostniet, fil-premessi 265 sa 321 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-fatt li l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi aċċettaw il-premessa, fid-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, li l-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple li għandhom ASI u AOE kellhom jiġu attribwiti barra mill-Irlanda kien wassal sabiex il-profitti annwali taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda jitbiegħdu minn approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq u konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. |
39 |
Essenzjalment, il-Kummissjoni qieset li l-liċenzji ta’ PI li għandhom ASI u AOE għax-xiri, għall-manifattura, għall-bejgħ u għad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-grupp Apple barra mill-kontinent Amerikan, kienu kkontribwixxew b’mod kunsiderevoli għad-dħul ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji. |
40 |
B’hekk, il-Kummissjoni kkritikat lill-awtoritajiet Irlandiżi talli attribwixxew b’mod żbaljat assi, funzjonijiet u riskji lis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE, meta dawn is-sedi la kellhom preżenza fiżika u lanqas impjegati barra mit-territorju Irlandiż. B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-funzjonijiet relatati mal-liċenzji ta’ PI, il-Kummissjoni qieset li, fl-assenza ta’ persunal fis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE, tali funzjonijiet ma setgħux jitwettqu biss permezz tal-bordijiet tad-diretturi ta’ dawn il-kumpanniji. F’dan ir-rigward, hija rrilevat l-assenza ta’ riferimenti għal diskussjonijiet u għal deċiżjonijiet b’rabta mal-PI fil-minuti tal-laqgħat tal-bordijiet tad-diretturi li kienu ġew ipprovduti lilha. Għaldaqstant, fil-fehma tal-Kummissjoni, sa fejn is-sedi ta’ ASI u ta’ AOE la setgħu jikkontrollaw u lanqas jiġġestixxu l-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple, dawn is-sedi ma kellhomx jiġu attribwiti, f’kuntest ta’ distakkament, il-profitti li nkisbu mill-użu ta’ dawn il-liċenzji. Dawn il-profitti kellhom għalhekk jiġu attribwiti lill-fergħat ta’ ASI u ta’ AOE, li huma biss setgħu effettivament iwettqu funzjonijiet b’rabta mal-PI tal-grupp Apple, liema funzjonijiet huma essenzjali għall-attività kummerċjali ta’ ASI u ta’ AOE. |
41 |
Għaldaqstant, l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi, billi naqsu milli jattribwixxu lill-fergħat ta’ ASI u ta’ AOE l-profitti mill-PI tal-grupp Apple, u dan b’mod mhux konformi mal-prinċipju ta’ distakkament, taw vantaġġ lil ASI u lil AOE, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fil-forma ta’ tnaqqis fil-profitti annwali taxxabbli rispettivi tagħhom. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan il-vantaġġ kien ta’ natura selettiva, peress li wassal għal tnaqqis fil-piż tat-taxxa ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda meta mqabbla mal-kumpanniji mhux integrati li l-profitt taxxabbli tagħhom jirrifletti l-prezzijiet innegozjati fis-suq f’kundizzjonijiet ta’ distakkament. Il-Kummissjoni żiedet tgħid, fl-aħħar nett, li l-applikazzjoni tal-approċċ awtorizzat tal-OECD dwar l-attribuzzjoni tal-profitti lil stabbiliment permanenti (iktar ’il quddiem l-“approċċ awtorizzat tal-OECD”) kienet tippermetti li tinstilet konklużjoni simili. |
d) Fuq ir‑raġunament sussidjarju tal‑Kummissjoni dwar l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv minħabba l‑għażla inadegwata tal‑metodi ta’ attribuzzjoni tal‑profitti lill‑fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE
42 |
Sussidjarjament, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 325 sa 360 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li, anki kieku kellu jitqies li kien iġġustifikat li l-awtoritajiet tat-taxxa Irlandiżi jattribwixxu l-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple li għandhom ASI u AOE barra mill-Irlanda, il-metodi ta’ attribuzzjoni tal-profitti approvati mid-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kienu, fi kwalunkwe każ, wasslu sabiex il-profitti taxxabbli annwali ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji fl-Irlanda jitbiegħdu minn approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq u konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. Fil-fatt, fil-fehma tal-Kummissjoni, dawn il-metodi kienu bbażati fuq għażliet metodoloġiċi inadegwati li kienu wasslu għal tnaqqis fl-ammont tat-taxxa li kellhom iħallsu ASI u AOE meta mqabbla mal-kumpanniji mhux integrati li, skont ir-regoli komuni ta’ tassazzjoni tal-profitti fl-Irlanda, il-profitt taxxabbli tagħhom għandu jkun iddeterminat mill-prezzijiet innegozjati fis-suq f’kundizzjonijiet ta’ distakkament. Għaldaqstant, fil-fehma tal-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, minħabba l-approvazzjoni ta’ dawn il-metodi, kienu taw vantaġġ selettiv lil ASI u lil AOE fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
e) Fuq ir‑raġunament alternattiv tal‑Kummissjoni dwar l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv minħabba d‑deroga mill‑kuntest ta’ riferiment ikkostitwit mill‑Artikolu 25 tat‑TCA 97
43 |
Alternattivament, il-Kummissjoni sostniet, fil-premessi 369 sa 403 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li, anki kieku kellu jitqies li l-kuntest ta’ riferiment huwa kkostitwit biss mill-Artikolu 25 tat-TCA 97, id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kienu taw vantaġġ selettiv lil ASI u lil AOE, fil-forma ta’ tnaqqis fil-bażi taxxabbli tagħhom fl-Irlanda. Minn naħa, il-Kummissjoni qieset li l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97 fl-Irlanda kienet ibbażata fuq il-prinċipju ta’ distakkament. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni wriet li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati tbiegħdu minn approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq u konformi mal-prinċipju ta’ distakkament, ħaġa li tat vantaġġ ekonomiku lil ASI u lil AOE. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni sostniet li, anki kieku kellu jitqies li l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97 ma kinitx ibbażata fuq il-prinċipju ta’ distakkament, kellu jiġi konkluż li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kienu ġew adottati mill-awtoritajiet fiskali Irlandiżi b’mod diskrezzjonali, fl-assenza ta’ kriterji oġġettivi marbuta mas-sistema fiskali Irlandiża, u li, minħabba f’hekk, taw vantaġġ selettiv lil ASI u lil AOE. |
f) Konklużjoni tal‑Kummissjoni dwar l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv
44 |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kienu wasslu għal tnaqqis fit-taxxa li normalment kellhom iħallsu ASI u AOE fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum u li, għaldaqstant, dawn kellhom jitqiesu li taw għajnuna lil dawn iż-żewġ kumpanniji għall-operat tagħhom. Madankollu, hija qieset li, sa fejn ASI u AOE kienu jagħmlu parti mill-grupp Apple, li għandu natura multinazzjonali, u sa fejn dan tal-aħħar kellu jitqies bħala unità ekonomika waħda, fis-sens tal-ġurisprudenza, dan il-grupp kien ibbenefika, kollu kemm hu, mill-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Irlanda permezz tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati (Taqsima 8.3 u 8.4 tad-Deċiżjoni kontenzjuża). |
2. Fuq l‑inkompatibbiltà, l‑illegalità u l‑irkupru tal‑għajnuna
45 |
Il-Kummissjoni rrilevat li dawn il-miżuri ta’ għajnuna kienu inkompatibbli mas-suq intern taħt l-Artikolu 107(3)(c) TFUE u li, peress li ma ġewx ikkomunikati minn qabel, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali mogħtija bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE (Taqsima 8.5 u 9 tad-Deċiżjoni kontenzjuża). |
46 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li l-Irlanda kellha tirkupra l-għajnuna mogħtija mid-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati għall-perijodu mit‑12 ta’ Ġunju 2003, id-data li minnha din l-għajnuna ma baqgħetx affettwata mill-preskrizzjoni u li kellha titqies għalhekk bħala għajnuna “ġdida”, sas‑27 ta’ Settembru 2014, id-data li fiha dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa waqfu milli jiġu applikati. Hija ppreċiżat li l-ammont li kellu jiġi rkuprat kellu jiġi kkalkolat billi jiġu pparagunati t-taxxa li effettivament tħallset u dik li kien ikollha titħallas li kieku, fl-assenza ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa, ġew applikati r-regoli komuni ta’ tassazzjoni tal-profitti (Taqsima 11 tad-Deċiżjoni kontenzjuża). |
47 |
B’risposta għall-argumenti dwar il-ksur tad-drittijiet proċedurali tal-Irlanda u ta’ Apple Inc. matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni indikat li, peress li l-portata tal-investigazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat baqgħet l-istess mid-deċiżjoni tal-ftuħ sal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża, id-drittijiet tagħhom kienu ġew irrispettati bis-sħiħ (Taqsima 10 tad-Deċiżjoni kontenzjuża). |
II. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali
48 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Novembru 2016, l-Irlanda ppreżentat ir-rikors fil-Kawża T‑778/16, intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
49 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Diċembru 2016, ASI u AOE ippreżentaw ir-rikors fil-Kawża T‑892/16, intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
50 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2017, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba tal-Irlanda għal intervent insostenn tal-talbiet ta’ ASI u ta’ AOE fil-Kawża T‑892/16. |
51 |
Permezz ta’ digrieti tad‑19 ta’ Lulju 2017, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali laqa’, minn naħa, it-talbiet għal intervent tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tar-Repubblika tal-Polonja insostenn, rispettivament, tat-talbiet tal-Irlanda u ta’ dawk tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑778/16 u, min-naħa l-oħra, it-talba għal intervent tal-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑892/16. |
III. Is‑sentenza appellata
52 |
Wara li ddeċidiet li l-Kawżi T‑778/16 u T‑892/16 kellhom, minħabba r-rabta bejniethom, jingħaqdu għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza (punt 87 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, qajmu, insostenn tar-rikorsi tagħhom, disa’ u erbatax‑il motiv, rispettivament, liema motivi kienu jikkoinċidu fil-biċċa l-kbira tagħhom. |
53 |
Preliminarjament u għall-finijiet tal-eżami tal-legalità tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali fakkret li, fil-kuntest tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, sabiex jiġi eżaminat jekk id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kkostitwixxewx tali għajnuna, kienet il-Kummissjoni li kellha turi li kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, b’mod partikolari, li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kienu taw vantaġġ selettiv (punti 100 u 101 tas-sentenza appellata). |
54 |
Fir-rigward tal-eżami veru u proprju tal-motivi invokati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fl-ewwel lok, it-tmien motiv fil-Kawża T‑778/16 u l-erbatax‑il motiv fil-Kawża T‑892/16, ibbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha u ndaħlet fil-kompetenzi tal-Istati Membri (punti 103 sa 123 tas-sentenza appellata). Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li, sa fejn il-Kummissjoni kienet kompetenti, fil-kuntest tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, sabiex teżamina jekk id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kinux jikkostitwixxu tali għajnuna, kellhom imbagħad jiġu analizzati l-motivi invokati mill-Irlanda, kif ukoll minn ASI u minn AOE, intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ kull fażi tar-raġunament li l-Kummissjoni kienet fissret fid-Deċiżjoni kontenzjuża sabiex turi l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv f’dan il-każ (punt 124 tas-sentenza appellata). |
55 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali stħarrġet il-motivi bbażati fuq żbalji mwettqa fil-kuntest tar-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni (punti 125 sa 313 tas-sentenza appellata). |
56 |
Qabel kollox, hija ċaħdet bħala infondati l-ilmenti dwar, minn naħa, l-eżami konġunt tal-kriterji ta’ vantaġġ u ta’ selettività (punti 133 sa 139 tas-sentenza appellata) u, min-naħa l-oħra, il-kuntest ta’ riferiment kif iddefinit fid-Deċiżjoni kontenzjuża (punti 140 sa 164 tas-sentenza appellata). |
57 |
Sussegwentement, billi l-kuntest ta’ riferiment iddefinit fid-Deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri s-sistema komuni ta’ tassazzjoni tal-profitti tal-kumpanniji fl-Irlanda, integra, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 25 tat-TCA 97, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kellhom jiġu analizzati l-ilmenti mressqa mill-Irlanda, kif ukoll minn ASI u minn AOE, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (punt 165 tas-sentenza appellata). |
58 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ għal żewġ raġunijiet. |
59 |
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fil-kuntest tar-raġunament prinċipali tagħha, il-Kummissjoni kienet żbaljat fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97 (punt 187 tas-sentenza appellata), tal-prinċipju ta’ distakkament (punt 229 ta’ din is-sentenza) u tal-approċċ awtorizzat tal-OECD (punti 244 u 245 tal-imsemmija sentenza). Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li r-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni kien ibbażat fuq evalwazzjonijiet żbaljati dwar it-tassazzjoni normali fis-sens tad-dritt fiskali Irlandiż applikabbli f’dan il-każ. |
60 |
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti, eżaminati “[g]ħall-finijiet ta’ kompletezza” (punt 250 tas-sentenza appellata), kontra l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet fi ħdan il-grupp Apple. Hija qieset li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li, fid-dawl, minn naħa, tal-attivitajiet effettivament eżerċitati u tal-funzjonijiet effettivament imwettqa mill-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjonijiet strateġiċi meħuda u implimentati barra minn dawn il-fergħat, l-imsemmija fergħat Irlandiżi kellhom jiġu attribwiti l-profitti ġġenerati mill-użu tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitti annwali taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda (punti 310 u 311 tas-sentenza appellata). F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali rreferiet, minn naħa, għall-attivitajiet limitati eżerċitati mill-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE kif indikati fid-Deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, għad-deċiżjonijiet strateġiċi meħuda u implimentati barra minn dawn il-fergħat mill-membri tal-eżekuttiv u mill-impjegati ta’ Apple (punti 255 sa 302 ta’ din is-sentenza), kif ukoll mid-diretturi ta’ ASI u ta’ AOE (punti 301 u 303 sa 309 tal-imsemmija sentenza). |
61 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tar-raġunament sussidjarju tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ilmenti mressqa kontra, l-ewwel nett, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għażla żbaljata tal-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE bħala partijiet ittestjati (tested parties) fl-applikazzjoni tal-metodi ta’ attribuzzjoni tal-profitti li fuqhom kienu bbażati d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati (punti 328 sa 351 tas-sentenza appellata), it-tieni nett, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iżball metodoloġiku fir-rigward tal-għażla tal-ispejjeż tal-operat bħala indikatur tal-livell tal-profitti ta’ dawn il-fergħat (punti 352 sa 417 ta’ din is-sentenza) u, it-tielet nett, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iżball metodoloġiku fir-rigward tal-livelli tar-remunerazzjonijiet aċċettati fid-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati (punti 418 sa 478 tal-imsemmija sentenza). Il-Qorti Ġenerali indikat li, għalkemm in-nuqqasijiet ikkonstatati fil-metodi ta’ kalkolu tal-profitti taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE kienu juru n-natura inkompleta u xi drabi inkoerenti tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, dawn in-nuqqasijiet ma kinux biżżejjed, waħedhom, sabiex jipprovaw l-eżistenza ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (punt 479 tas-sentenza appellata). |
62 |
Fir-raba’ u fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali qieset li kellhom jintlaqgħu l-motivi invokati mill-Irlanda, kif ukoll minn ASI u minn AOE, ibbażati fuq il-fatt li, fil-kuntest tar-raġunament alternattiv tagħha, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti bbażati fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u fuq ksur tad-dritt għal smigħ, imressqa minn ASI u minn AOE kontra l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-imsemmi raġunament (punti 486 sa 504 tas-sentenza appellata). |
63 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, billi qieset li l-Kummissjoni ma kienx irnexxielha turi b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, annullat id-Deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha, mingħajr ma eżaminat il-motivi u l-ilmenti l-oħra invokati u mressqa mill-Irlanda, kif ukoll minn ASI u minn AOE, ikkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha, kif ukoll għal dawk tar-rikorrenti fil-kuntest tal-Kawżi T‑778/16 u T-892/16 u ddeċidiet li l-Irlanda, fil-kuntest tal-Kawża T‑892/16, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell
64 |
Permezz ta’ att ippreżentat fil‑25 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell. |
65 |
Permezz ta’ att ippreżentat fit‑23 ta’ April 2023, l-avukati ta’ ASI u ta’ AOE informaw lill-Qorti tal-Ġustizzja li mit‑2 ta’ April 2023, AOE kienet ġiet assorbita minn AOI wara fużjoni skont id-dritt Irlandiż. Għalhekk, AOI ħadet post AOE bħala parti fil-kawża f’dan il-każ. |
66 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
67 |
L-Irlanda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
68 |
ASI u AOI jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
69 |
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
70 |
L-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
V. Fuq l‑appell
71 |
Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju jirrigwarda l-motivi tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-raġunament prinċipali li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti vantaġġ kien żbaljat. It-tieni aggravju huwa mmirat lejn il-motivi tas-sentenza appellata li jirrigwardaw l-eżami tar-raġunament sussidjarju tal-Kummissjoni. |
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari
72 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-appell essenzjalment idur madwar il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. meta ċaħdet il-konstatazzjonijiet tad-Deċiżjoni kontenzjuża li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati taw vantaġġ lil ASI u lil AOE fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Billi l-Qorti Ġenerali qagħdet fuq il-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. sabiex tiċħad dawn il-konstatazzjonijiet, hija kisret il-prinċipji fiskali fundamentali u r-regoli li jinkorporaw dawn il-prinċipji u, b’dan il-mod, applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “vantaġġ”, bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tippreċiża li, minkejja li l-Qorti Ġenerali approvat il-kriterju legali adegwat, billi qagħdet fuq paragun tal-funzjonijiet ta’ ASI u ta’ AOE ma’ dawk tal-fergħat tagħhom sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ vantaġġ skont l-imsemmija dispożizzjoni, hija applikat kriterju differenti u żbaljat, billi qagħdet fuq paragun tal-funzjonijiet ta’ dawn il-fergħat ma’ dawk ta’ Apple Inc. sabiex tiċħad il-konstatazzjonijiet tad-Deċiżjoni kontenzjuża dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ. |
73 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interventi tal-Istati Membri fl-oqsma li ma ġewx armonizzati fid-dritt tal-Unjoni ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. B’hekk, l-Istati Membri għandhom iżommu ruħhom milli jadottaw kwalunkwe miżura fiskali li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 104, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
74 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ssodisfatti. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew intervent permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, dan l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, huwa għandu jfixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 105, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
75 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-vantaġġ selettiv, din tal-aħħar teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni tkunx ta’ natura li tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn li, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema, ikunu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li jkunu suġġetti għal trattament differenti li essenzjalment jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 106, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
76 |
Sabiex miżura fiskali nazzjonali tiġi kklassifikata bħala “selettiva”, il-Kummissjoni għandha tidentifika, fl-ewwel lok, is-sistema ta’ riferiment, jiġifieri s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u għandha turi, fit-tieni lok, li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn din is-sistema ta’ riferiment, sa fejn tiddistingwi bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema ta’ riferiment, ikunu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. Madankollu, il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” ma jirrigwardax il-miżuri li jiddistingwu bejn impriżi li, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema legali inkwistjoni, ikunu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li huma, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jirnexxilu juri, fit-tielet lok, li din id-distinzjoni hija waħda ġġustifikata, fis-sens li tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li minnha jagħmlu parti dawn il-miżuri (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 107, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
77 |
Id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali nazzjonali, peress li l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tista’ tiġi stabbilita biss billi titqabbel ma’ livell ta’ tassazzjoni “normali” (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 108). |
78 |
B’hekk, id-determinazzjoni tal-impriżi kollha f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli tiddependi mid-definizzjoni minn qabel tas-sistema legali li fid-dawl tal-għan tagħha għandha, jekk ikun il-każ, tiġi eżaminata n-natura paragunabbli tas-sitwazzjoni fattwali u legali rispettiva tal-impriżi ffavoriti mill-miżura inkwistjoni u ta’ dawk li ma humiex hekk iffavoriti (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 109, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
79 |
Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura selettiva ta’ miżura fiskali, huwa għalhekk meħtieġ li s-sistema fiskali komuni jew is-sistema ta’ riferiment applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat tkun identifikata korrettament fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u tkun eżaminata mill-qorti adita b’tilwima li tirrigwarda din l-identifikazzjoni. Peress li d-determinazzjoni tas-sistema ta’ riferiment hija l-punt tat-tluq tal-eżami komparattiv li għandu jitwettaq fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-selettività, żball f’din id-determinazzjoni neċessarjament jivvizzja l-analiżi kollha tal-kundizzjoni relatata mas-selettività (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 110, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
80 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat, fl-ewwel lok, li d-determinazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment, li għandha ssir wara dibattitu kontradittorju mal-Istat Membru kkonċernat, għandha tirriżulta minn eżami oġġettiv tal-kontenut, tal-istruttura u tal-effetti konkreti tar-regoli applikabbli skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 111, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
81 |
Fit-tieni lok, lil hinn mill-oqsma li fihom id-dritt fiskali tal-Unjoni huwa armonizzat, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina, bl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u b’osservanza tal-awtonomija fiskali tiegħu, il-karatteristiċi li jikkostitwixxu t-taxxa, liema karatteristiċi jiddefinixxu, bħala prinċipju, is-sistema ta’ riferiment jew is-sistema fiskali “normali”, li abbażi tagħha għandha tiġi analizzata l-kundizzjoni relatata mas-selettività. Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, għad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, tal-fatt taxxabbli u ta’ kwalunkwe eżenzjoni li t-taxxa hija suġġetta għaliha (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 112, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
82 |
Dan ifisser li huwa biss id-dritt nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi identifikata s-sistema ta’ riferiment fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, liema identifikazzjoni hija, min-naħa tagħha, prerekwiżit indispensabbli sabiex tiġi evalwata mhux biss l-eżistenza ta’ vantaġġ iżda wkoll il-kwistjoni dwar jekk dan tal-aħħar huwiex ta’ natura selettiva (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 113, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
83 |
Madankollu, din il-konklużjoni hija bla ħsara għall-possibbiltà li jiġi kkonstatat li l-kuntest ta’ riferiment innifsu, kif jirriżulta mid-dritt nazzjonali, huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, peress li s-sistema fiskali inkwistjoni tkun ġiet ikkonfigurata skont parametri manifestament diskriminatorji, maħsuba sabiex jiġi evitat dan id-dritt (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 114, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
84 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma rreferietx, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, għall-fatt li s-sistema fiskali inkwistjoni kienet ikkonfigurata skont parametri manifestament diskriminatorji maħsuba sabiex jiġu evitati l-prinċipji applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
85 |
Fil-fatt, dik l-istituzzjoni qieset, fil-kuntest tar-raġunament prinċipali tagħha, li, permezz tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, li l-għan tagħhom kien li jiġi ddeterminat il-profitt taxxabbli tal-kumpanniji Irlandiżi mhux residenti ASI u AOE u dan skont l-Artikolu 25 tat-TCA 1997, l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi taw vantaġġ lil dawn il-kumpanniji, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fil-forma ta’ tnaqqis fil-profitti annwali taxxabbli rispettivi tagħhom, billi naqsu milli jattribwixxu lill-fergħat tal-imsemmija kumpanniji l-profitti ġġenerati mill-operat tal-PI tal-grupp Apple, u dan b’mod mhux konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. Sussidjarjament, il-Kummissjoni qieset li, anki kieku kellu jitqies li kien iġġustifikat li l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi jattribwixxu dawn il-profitti barra mill-Irlanda, il-metodi ta’ attribuzzjoni tal-profitti approvati mid-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kienu, fi kwalunkwe każ, wasslu sabiex il-profitti annwali taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda jitbiegħdu minn approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq u konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. |
86 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki preliminari li għandu jiġi eżaminat dan l-appell. |
B. Fuq l‑ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji fl‑evalwazzjoni tar‑raġunament prinċipali dwar l‑eżistenza ta’ vantaġġ
87 |
Permezz tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji billi kkritikat ir-raġunament prinċipali tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ stabbilit fid-Deċiżjoni kontenzjuża. Dan l-aggravju jinqasam fi tliet partijiet. |
88 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, skont ir-raġunament prinċipali tagħha, kienet essenzjalment sostniet li, sa fejn is-sedi ta’ ASI u ta’ AOE la setgħu jikkontrollaw u lanqas jiġġestixxu l-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple, dawn is-sedi ma kellhomx jiġu attribwiti, f’“kuntest ta’ distakkament”, il-profitti li nkisbu mill-użu ta’ dawn il-liċenzji. Għaldaqstant, dawn il-profitti kellhom jiġu attribwiti lill-fergħat ta’ ASI u ta’ AOE, li huma biss setgħu effettivament iwettqu funzjonijiet b’rabta mal-PI tal-grupp Apple, liema funzjonijiet huma essenzjali għall-attività kummerċjali ta’ ASI u ta’ AOE. B’hekk, il-Kummissjoni qieset li, permezz tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, l-awtoritajiet Irlandiżi kienu, b’mod żbaljat, aċċettaw li l-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple u l-profitti li nkisbu minnhom kellhom jiġu attribwiti kompletament barra mill-Irlanda, jiġifieri lis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE, mingħajr ma vverifikat jekk dawn il-liċenzji u dawn il-profitti kellhomx jiġu imputati, kompletament jew parzjalment, lill-fergħat Irlandiżi ta’ dawn il-kumpanniji skont l-Artikolu 25 tat-TCA 97. |
89 |
Ir-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni huwa għalhekk ibbażat, kif proprju jirriżulta mill-premessi 265 sa 321 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, fuq il-premessa li, sabiex il-profitti jiġu attribwiti korrettament skont l-approċċ tal-entità distinta u l-prinċipju ta’ distakkament stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, kienu l-awtoritajiet Irlandiżi kompetenti li kellhom jivverifikaw jekk il-profitti li jkunu nkisbu mill-użu tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple li għandhom ASI u AOE kellhomx jiġu imputati, kompletament jew parzjalment, lill-fergħat Irlandiżi tagħhom. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-assenza tal-verifiki meħtieġa mill-imsemmija dispożizzjoni wasslet għal tnaqqis fil-piż fiskali ta’ dawn il-kumpanniji, liema tnaqqis tahom vantaġġ selettiv. |
90 |
Il-Kummissjoni waslet għal din il-konklużjoni wara li kkonstatat, b’mod partikolari, li, filwaqt li ma kien hemm ebda prova li s-sedi ta’ ASI u ta’ AOE kienu jieħdu deċiżjonijiet jew kienu jwettqu funzjonijiet b’rabta mal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple, jew li saħansitra kellhom il-kapaċità li jagħmlu dan (premessi 281 sa 293 tad-Deċiżjoni kontenzjuża), il-fergħat Irlandiżi kienu jwettqu diversi funzjonijiet li għalihom l-użu ta’ dawn il-liċenzji kien kruċjali (premessi 294 sa 304 ta’ dik id-deċiżjoni). Il-Kummissjoni tirrikonoxxi fid-deċiżjoni tagħha li l-funzjonijiet prinċipali b’rabta mal-PI tal-grupp Apple kienu jitwettqu minn Apple Inc., kemm bħala kumpannija omm tal-grupp Apple, kif ukoll taħt il-ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż, iżda hija tispjega li dan il-fatt huwa irrilevanti għall-finijiet tat-tqassim tal-profitti ta’ ASI u ta’ AOE bejn is-sedi u l-fergħat rispettivi tagħhom u huwa rilevanti biss fir-rigward tal-kuntest ta’ riferiment applikabbli (premessi 308 sa 318 tal-imsemmija deċiżjoni). |
91 |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-raġunament prinċipalment għal żewġ raġunijiet, li, kif jirriżulta mill-punt 312 tas-sentenza appellata, jikkonċernaw, minn naħa, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tassazzjoni normali fis-sens tad-dritt fiskali Irlandiż applikabbli f’dan il-każ, li jissemmew fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell, u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet fi ħdan il-grupp Apple, li jissemmew fit-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-appell. |
92 |
B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet:
|
1. Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel aggravju
a) L‑argumenti tal‑partijiet
93 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni għamlet analiżi “b’esklużjoni”, ivvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi, b’irregolarità proċedurali u b’nuqqas ta’ motivazzjoni. |
94 |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 125, 183 sa 187, 228, 242, 243 u 249 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-Deċiżjoni kontenzjuża billi ddeċidiet li r-raġunament prinċipali tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ kien ibbażat biss fuq l-assenza ta’ impjegati u ta’ preżenza fiżika fis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE u li hija ma kinitx ipprovat turi li l-fergħat Irlandiżi kienu effettivament iwettqu funzjonijiet li jiġġustifikaw li jiġu attribwiti lilhom il-profitti li jirriżultaw mill-użu tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple li għandhom ASI u AOE. |
95 |
Il-Kummissjoni tenfasizza li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, hija ma għamlitx, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, analiżi “b’esklużjoni” sabiex tissostanzja r-raġunament prinċipali tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ. Kif jirriżulta mill-istruttura u mill-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, hija, għall-kuntrarju, eżaminat b’mod ċar il-funzjonijiet effettivament imwettqa kemm mis-sedi, kif ukoll mill-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE, b’rabta mal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple li għandhom dawn il-kumpanniji sabiex tiġġustifika l-attribuzzjoni, għall-finijiet tat-taxxa, tal-profitti li jirriżultaw mill-użu ta’ dawn il-liċenzji lil dawn il-fergħat. Il-punti 255 sa 295 tas-sentenza appellata stess jikkonfermaw li l-Kummissjoni eżaminat il-funzjonijiet effettivament imwettqa mill-imsemmija fergħat b’rabta mal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple. Għalkemm il-Qorti Ġenerali, kif proprju għamlet ukoll bit-tieni motiv li fir-rigward tiegħu hija ċaħdet ir-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni, setgħet ma taqbilx mal-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar li l-funzjonijiet imwettqa mill-fergħat Irlandiżi kienu jiġġustifikaw li l-profitti li jirriżultaw mill-użu tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple jiġu attribwiti lilhom, ma hemm ebda dubju, madankollu, li l-Kummissjoni eżaminat dawn il-funzjonijiet fid-Deċiżjoni kontenzjuża. |
96 |
Billi ddeċidiet li l-Kummissjoni għamlet analiżi “b’esklużjoni” sabiex tattribwixxi l-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple li għandhom ASI u AOE lill-fergħat Irlandiżi, il-Qorti Ġenerali interpretat, għalhekk, b’mod żbaljat id-Deċiżjoni kontenzjuża u wettqet, konsegwentement, żball ta’ liġi. |
97 |
It-tieni nett, il-fatt li l-Qorti Ġenerali la ħadet inkunsiderazzjoni kif suppost l-istruttura u l-kontenut tad-Deċiżjoni kontenzjuża u lanqas l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar il-funzjonijiet imwettqa mis-sedi u mill-fergħat Irlandiżi b’rabta ma’ dawn il-liċenzji, jikkostitwixxi irregolarità proċedurali. |
98 |
It-tielet nett, il-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 268 sa 283, 286 u 287 tas-sentenza appellata, irrikonoxxiet li l-Kummissjoni, f’dik id-deċiżjoni, kienet eżaminat il-funzjonijiet imwettqa mill-fergħat Irlandiżi sabiex tiġġustifika l-attribuzzjoni, għal finijiet fiskali, tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple lil dawn il-fergħat jivvizzja s-sentenza tagħha b’motivazzjoni kontradittorja u, għaldaqstant, b’nuqqas ta’ motivazzjoni. |
99 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOI, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li hija intiża b’mod partikolari sabiex turi li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni kontenzjuża, la hija ineffettiva u lanqas inammissibbli. Fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-parti, hija ssostni li l-premessi 288 u 289 ta’ din id-deċiżjoni, li huma l-uniċi ċċitati mill-Qorti Ġenerali, mill-Irlanda, kif ukoll minn ASI u minn AOI, sabiex jintwera li hija għamlet analiżi “b’esklużjoni”, ma jagħmlux parti mill-analiżi tal-attivitajiet tal-fergħat Irlandiżi li hija għamlet fil-premessi 294 sa 304 tal-imsemmija deċiżjoni u li wassluha sabiex tattribwixxi l-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple lil dawn il-fergħat. Dawn il-premessi 288 u 289 huma intiżi sabiex iwieġbu l-argument imressaq minn Apple Inc. matul il-proċedura amministrattiva. |
100 |
L-Irlanda ssostni li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset li l-Kummissjoni qagħdet fuq approċċ “b’esklużjoni”. Fil-fatt, mid-Deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament qieset li l-profitti ta’ kumpannija mhux residenti kellhom jiġu attribwiti awtomatikament lill-fergħat Irlandiżi tagħha billi dawn il-profitti ma jistgħux jiġu attribwiti lil partijiet oħra ta’ din il-kumpannija. Il-Qorti Ġenerali mhux biss iddeċidiet li tali approċċ kien fundamentalment inkompatibbli mad-dritt Irlandiż, mal-prinċipju ta’ distakkament u mal-approċċ awtorizzat tal-OECD, iżda qieset ukoll li d-dikjarazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni dwar l-allegata “assenza ta’ kwalunkwe attività fi ħdan [ASI u AOE] barra mill-Irlanda marbuta mal-liċenzji ta’ [PI tal-grupp Apple]” kienu żbaljati. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 251 sa 310 tas-sentenza appellata, ifformulat konstatazzjonijiet fattwali ddettaljati dwar il-fergħat u l-proċess deċiżjonali ta’ ASI u ta’ AOE fl-Istati Uniti u qieset li d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet effettivi tal-fergħat Irlandiżi u tas-sedi ta’ dawn il-kumpanniji ma kinux preċiżi. |
101 |
L-Irlanda ssostni wkoll li, sa fejn il-Kummissjoni ma tidentifika ebda żball ta’ liġi, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli u/jew infondata. Din il-parti hija wkoll ineffettiva. Fil-fatt, anki kieku kellu jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, mill-konstatazzjonijiet fattwali li għamlet fir-rigward tal-fergħat Irlandiżi jirriżulta li l-profitti globali marbuta mal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple ma jistgħux jiġu attribwiti lil dawn il-fergħat, b’mod li tali żball ta’ liġi ma jaffettwax il-fondatezza tas-sentenza appellata. |
102 |
ASI u AOI jsostnu li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli fir-rigward tal-allegata interpretazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni kontenzjuża u, fi kwalunkwe każ, bħala infondata fl-intier tagħha. |
103 |
Huma jqisu li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta qieset li l-Kummissjoni kienet għamlet analiżi “b’esklużjoni” sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ. Il-Qorti Ġenerali ġustament kkonstatat li l-Kummissjoni kienet fil-biċċa l-kbira bbażat l-analiżi tagħha fuq il-fatt li l-profitti ta’ ASI u ta’ AOE kellhom jiġu attribwiti lill-fergħat Irlandiżi “sa fejn dawn il-kumpanniji ma kellhomx preżenza fiżika u lanqas impjegati barra mill-imsemmija fergħat u għalhekk ma setgħux […] jeżerċitaw il-kontroll [tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple]” (punti 39 u 183 tas-sentenza appellata). Din il-konstatazzjoni hija bi qbil mar-raġunament tal-Kummissjoni, imfisser fil-premessa 289 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-funzjonijiet u r-riskji rilevanti “setgħu jitwettqu u jiġu assunti biss mill-fergħat Irlandiżi, minflok mill-uffiċċji prinċipali [sedi]”, peress li dawn tal-aħħar ma kienu jimpjegaw lil ħadd. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tipprova tiżnatura s-sens tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet b’mod espliċitu li d-Deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx limitata għall-approċċ “b’esklużjoni”. Barra minn hekk, is-sentenza appellata ma hijiex ivvizzjata b’irregolarità proċedurali fis-sens li l-Qorti Ġenerali eżaminat fil-fond l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-fergħat Irlandiżi u tas-sedi barra mill-Irlanda. Il-Qorti Ġenerali fissret ukoll b’mod iddettaljat ir-raġunijiet għaliex ġew miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni, b’mod li l-partijiet setgħu jifhmu l-motivi tas-sentenza tagħha u l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tagħmel l-istħarriġ tagħha. Fi kwalunkwe każ, l-argumenti tal-Kummissjoni jikkontestaw konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali u, għalhekk, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. |
104 |
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li l-attribuzzjoni tal-profitti li għamlet il-Kummissjoni ma kinitx konformi mar-regoli fiskali Irlandiżi. Huwa josserva li l-Kummissjoni, fl-appell tagħha, ma hijiex qiegħda tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 25 tat-TCA 97 iżda qiegħda tipprova tapplika l-istess approċċ “b’esklużjoni” bħal dak li hija applikat fid-Deċiżjoni kontenzjuża. |
105 |
Fl-aħħar nett, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA ssostni li fl-evalwazzjoni tagħha sabiex tattribwixxi l-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple, il-Kummissjoni ma għamlitx analiżi “b’esklużjoni”, iżda eżaminat fid-dettall il-funzjonijiet imwettqa, l-assi użati u r-riskji assunti mis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE u mill-fergħat Irlandiżi tagħhom b’rabta ma’ dawn il-liċenzji. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Kummissjoni għamlet analiżi “b’esklużjoni” fid-Deċiżjoni kontenzjuża sabiex tattribwixxi l-profitti ġġenerati mill-użu tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple lil dawn il-fergħat tirriżulta għalhekk minn interpretazzjoni żbaljata ta’ dik id-deċiżjoni, liema interpretazzjoni żbaljata tikkostitwixxi żball ta’ liġi. |
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
106 |
L-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni hija mmirata lejn il-punti 125, 183 sa 187, 228, 242, 243 u 249 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni, billi attribwixxiet, għal finijiet fiskali, il-profitti ġġenerati mill-użu tal-liċenzji ta’ PI lill-fergħat Irlandiżi minħabba li s-sedi ta’ ASI u ta’ AOE la kellhom impjegati u lanqas preżenza fiżika sabiex jiżguraw il-kontroll u l-ġestjoni tagħhom, kienet wettqet attribuzzjoni tal-profitti “b’esklużjoni” li la kienet konformi mal-Artikolu 25 tat-TCA 97, la mal-prinċipju ta’ distakkament, u lanqas mal-approċċ awtorizzat tal-OECD. Il-Kummissjoni tressaq, f’dan ir-rigward, tliet ilmenti u tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali interpretat id-Deċiżjoni kontenzjuża b’mod żbaljat, wettqet irregolarità proċedurali u vvizzjat is-sentenza appellata b’motivazzjoni kontradittorja. |
107 |
Qabelxejn, għandha tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà u n-natura effettiva tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni li huma kkontestati mill-Irlanda, kif ukoll minn ASI u AOI. |
1) Fuq l‑ammissibbiltà u n‑natura effettiva tal‑argumenti tal‑Kummissjoni
108 |
Fl-ewwel lok, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ammissibbiltà tal-argumenti tal-Kummissjoni, l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOI, isostnu li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli fir-rigward tal-allegata interpretazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Huma essenzjalment isostnu li l-possibbiltà ta’ żball fl-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża ma tistax tiġi ekwiparata ma’ żball ta’ liġi li jista’ jiġi invokat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-argumenti tal-Kummissjoni jistgħu jiġu ddikjarati ammissibbli biss kemm‑il darba jkun stabbilit li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut ta’ dik id-deċiżjoni. |
109 |
Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tintlaqa’. |
110 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti. Għalhekk, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ fejn dawn ikunu ġew żnaturati, punt ta’ liġi li huwa suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 29, kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 71). |
111 |
Issa, il-Kummissjoni, billi ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li fid-Deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni kienet segwiet approċċ “b’esklużjoni” li ma kienx konformi mal-analiżi funzjonali meħtieġa skont id-dritt Irlandiż, u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tat-TCA 97, qiegħda tfittex li tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tar-raġunament imfisser f’dik id-deċiżjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-kriterju legali adottat sabiex tiġi identifikata l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE favur il-kumpanniji tal-grupp Apple. |
112 |
Tali kwistjoni tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Bayern et, C‑167/19 P u C‑171/19 P, EU:C:2022:176, punt 47, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
113 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura effettiva tal-argument żviluppat insostenn ta’ din il-parti, l-Irlanda hija żbaljata meta ssostni li, anki kieku kellu jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet l-iżball ta’ liġi msemmi f’din il-parti, mill-konstatazzjonijiet fattwali, stabbiliti fis-sentenza appellata, dwar l-attivitajiet tal-fergħat Irlandiżi jirriżulta li l-profitti globali ġġenerati mil-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple ma setgħux jiġu attribwiti lil dawn il-fergħat. |
114 |
F’dan ir-rigward, huwa ċertament ben stabbilit li aggravju mmirat lejn motivi tas-sentenza appellata li ma jaffettwawx id-dispożittiv ta’ din tal-aħħar huwa ineffettiv u għandu, għalhekk, jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Il‑Kummissjoni u Franza vs TF1, C‑302/99 P u C‑308/99 P, EU:C:2001:408, punti 26 sa 29, kif ukoll tal‑20 ta’ Diċembru 2017, EUIPO vs European Dynamics Luxembourg et, C‑677/15 P, EU:C:2017:998, punti 49 u 50). |
115 |
Issa, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn il-Qorti Ġenerali qagħdet, fir-rigward tar-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni, fuq iż-żewġ motivi mfakkra fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, kienet il-Kummissjoni li kellha tressaq, insostenn tal-appell tagħha, ilmenti li jirrigwardaw dawn iż-żewġ motivi. Għaldaqstant, il-fatt li l-ilmenti żviluppati taħt kull waħda minn dawn il-partijiet tal-ewwel aggravju, ikkunsidrati separatament, ma humiex biżżejjed fihom innifishom, kemm‑il darba kellhom jintlaqgħu, sabiex jinkiseb l-annullament tas-sentenza appellata ma jippermettix li jiġi konkluż li dawn l-ilmenti huma ineffettivi, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt l-ewwel aggravju tal-appell ikkunsidrat fl-intier tiegħu. |
116 |
Għandu jiġi miċħud għalhekk l-argument ibbażat fuq in-natura ineffettiva tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju u għandha, għaldaqstant, tiġi eżaminata l-fondatezza tagħha. |
2) Fuq il‑mertu
i) Fuq l‑ewwel ilment ibbażat fuq l‑eżistenza ta’ żball ta’ interpretazzjoni tad‑Deċiżjoni kontenzjuża
117 |
Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 125, 183 sa 187, 228, 242, 243 u 249 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-Deċiżjoni kontenzjuża billi qieset li r-raġunament prinċipali tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ kien ibbażat biss fuq l-assenza ta’ impjegati u ta’ preżenza fiżika fis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE u li dik id-deċiżjoni ma kinitx ipprovat turi li l-fergħat Irlandiżi ta’ dawn il-kumpanniji kienu effettivament iwettqu funzjonijiet li jiġġustifikaw l-attribuzzjoni lil dawn tal-aħħar tal-profitti ġġenerati mill-użu tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple li għandhom l-imsemmija kumpanniji. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet b’mod żbaljat mid-Deċiżjoni kontenzjuża li l-Kummissjoni kienet wettqet attribuzzjoni tal-profitti “b’esklużjoni”. |
118 |
Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, permezz tal-appell tagħha, ma hijiex tikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 180 sa 182, 184, 209, 227 u 242 tas-sentenza appellata, li skonthom il-Kummissjoni kienet obbligata tagħmel analiżi funzjonali sabiex tidentifika l-attivitajiet “reali” tal-fergħat Irlandiżi b’rabta mal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple meta attribwixxiet il-profitti ġġenerati mill-użu ta’ dawn il-liċenzji lil ASI u lil AOE, pjuttost milli tippreżumi l-eżistenza ta’ dawn l-attivitajiet billi toqgħod fuq l-assenza ta’ impjegati u ta’ preżenza fiżika fis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE. Kif ippreċiżat il-Kummissjoni fir-replika tagħha, hija ma għandhiex il-ħsieb li tikkontesta l-fatt li l-approċċ “b’esklużjoni” effettivament imur kontra d-dritt fiskali Irlandiż u, b’mod partikolari, l-Artikolu 25 tat-TCA 97. |
119 |
Il-Kummissjoni tqis, madankollu, li hija bl-ebda mod ma segwiet raġunament “b’esklużjoni” meta qieset li l-profitti ġġenerati mill-użu tal-liċenzji ta’ PI kellhom jiġu attribwiti, għal finijiet fiskali, lill-fergħat Irlandiżi minħabba li s-sedi ta’ ASI u ta’ AOE la kellhom impjegati u lanqas preżenza fiżika barra minn dawn il-fergħat sabiex jiżguraw il-kontroll u l-ġestjoni ta’ dawn il-liċenzji. |
120 |
F’dan il-każ, mid-Deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta, l-ewwel nett, li r-raġunament tal-Kummissjoni jissejjes fuq il-premessa li, minn naħa, l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97 kienet teħtieġ id-determinazzjoni minn qabel ta’ metodu ta’ attribuzzjoni tal-profitti li din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix u li, min-naħa l-oħra, dan il-metodu kellu jwassal għal riżultat konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. Din il-premessa ma ġietx ikkontestata mill-Qorti Ġenerali, li enfasizzat, madankollu, u dan skont dak li ġie deċiż fis-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punti 96 sa 105), li, għall-kuntrarju tal-fehma tal-Kummissjoni, l-Artikolu 107(1) TFUE ma jobbligax lill-Istati Membri japplikaw dan il-prinċipju u dan irrispettivament mill-kontenut tad-dritt fiskali nazzjonali applikabbli għat-tassazzjoni tal-kumpanniji inkwistjoni. |
121 |
Fil-fatt, fil-punt 221 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod ċar, it-teżi tal-Kummissjoni li jeżisti obbligu awtonomu li jiġi applikat il-prinċipju ta’ distakkament, liema obbligu jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE u jobbliga lill-Istati Membri japplikaw dan il-prinċipju b’mod orizzontali u f’kull qasam tad-dritt fiskali nazzjonali tagħhom. |
122 |
Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid, fil-punt 224 tas-sentenza appellata, li l-livell ta’ tassazzjoni “normali” huwa ddefinit mir-regoli fiskali nazzjonali u l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ għandha tiġi stabbilita fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar. Hija ppreċiżat, madankollu, li, għalkemm dawn ir-regoli nazzjonali jipprevedu li l-fergħat tal-kumpanniji mhux residenti, fir-rigward tal-profitti li jirriżultaw mill-attivitajiet kummerċjali ta’ dawn tal-aħħar fl-Irlanda, u l-kumpanniji residenti għandhom jiġu ntaxxati taħt l-istess kundizzjonijiet, l-Artikolu 107(1) TFUE jippermetti lill-Kummissjoni teżamina jekk il-livell tal-profitti attribwiti lil tali fergħat, aċċettat mill-awtoritajiet nazzjonali għad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli tal-imsemmija kumpanniji mhux residenti, jikkorrispondix għal-livell tal-profitti li jkunu nkisbu mill-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet kummerċjali taħt kundizzjonijiet tas-suq. |
123 |
L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament f’dan il-każ hija għalhekk, kif proprju rrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 210, 211, 218 sa 220 u 247 tas-sentenza appellata, ibbażata fuq ir-regoli fiskali tad-dritt Irlandiż dwar it-tassazzjoni tal-kumpanniji u, għaldaqstant, fuq is-sistema ta’ riferiment identifikata mill-Kummissjoni u kkonfermata mill-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet b’mod espliċitu, fil-punt 239 tas-sentenza appellata, li, għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet l-Irlanda, l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, kif deskritta minn dan l-Istat Membru, kienet essenzjalment tikkorrispondi għall-analiżi funzjonali u fattwali fil-kuntest tal-ewwel stadju tal-approċċ awtorizzat tal-OECD – u dan filwaqt li jiġi ppreċiżat li dan l-ewwel stadju huwa intiż sabiex jiġu identifikati l-assi, il-funzjonijiet u r-riskji li għandhom jiġu attribwiti lill-istabbiliment permanenti ta’ kumpannija. |
124 |
Dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali wassluha, b’mod partikolari, sabiex tiddeċiedi, fil-punti 247 u 248 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda żball meta invokat il-prinċipju ta’ distakkament bħala għodda bil-għan li jiġi eżaminat jekk, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97 mill-awtoritajiet fiskali Irlandiżi, il-livell tal-profitti attribwiti lill-fergħat ta’ ASI u ta’ AOE fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom fl-Irlanda, kif aċċettat fid-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, kienx jikkorrispondi għal-livell tal-profitti li jkunu nkisbu permezz tal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet kummerċjali taħt kundizzjonijiet tas-suq, u meta essenzjalment qagħdet fuq l-approċċ awtorizzat tal-OECD għall-finijiet ta’ din l-applikazzjoni, billi ħadet inkunsiderazzjoni t-tqassim tal-assi, tal-funzjonijiet u tar-riskji bejn dawn il-fergħat u l-partijiet l-oħra ta’ dawn il-kumpanniji. L-imsemmija konstatazzjonijiet għandhom jittieħdu bħala fatta, peress li ma ġewx validament ikkontestati mill-partijiet l-oħra f’dawn il-proċeduri ta’ appell. |
125 |
It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni qieset, fir-rigward tal-metodu ta’ attribuzzjoni tal-profitti bbażat fuq il-prinċipju ta’ distakkament li, fil-fehma tagħha, l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi kellhom isegwu taħt l-Artikolu 25 tat-TCA 97, li l-profitti li kellhom jiġi attribwiti lill-fergħa ta’ kumpannija mhux residenti skont dan l-artikolu huma “l-profitti li [din il-fergħa] tkun iggwadanjat f’kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta [distakkament], b’mod partikolari fin-negozjati tagħha mal-partijiet l-oħrajn tal-kumpanija, li kieku kienet intrapriża separata u indipendenti involuta fl-istess attivitajiet jew f’attivitajiet simili fl-istess kondizzjonijiet jew f’kondizzjonijiet simili, filwaqt li jitqiesu l-assi użati, il-funzjonijiet imwettqin u r-riskji assuti mill-kumpanija permezz tal-fergħa tagħha u permezz tal-partijiet l-oħrajn tal-kumpanija” (premessa 272 tad-Deċiżjoni kontenzjuża). Fil-fehma tal-Kummissjoni, f’dan il-każ kienu għalhekk l-awtoritajiet Irlandiżi li kellhom jivverifikaw, qabel ma japprovaw il-metodu ta’ attribuzzjoni tal-profitti propost minn Apple Inc., jekk, kif proprju sostniet din tal-aħħar, il-liċenzji ta’ PI u l-profitti relatati magħhom kellhomx jiġu attribwiti barra mill-Irlanda. Sabiex jagħmlu dan, huma kellhom jipparagunaw il-funzjonijiet imwettqa, l-assi użati u r-riskji assunti minn ASI u minn AOE permezz tas-sedi u tal-fergħat Irlandiżi tagħhom, rispettivament (premessa 273 tad-Deċiżjoni kontenzjuża). |
126 |
It-tielet nett, il-Kummissjoni analizzat ir-rilevanza u s-sens veru tal-funzjonijiet imwettqa mis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE (premessi 276 sa 294 tad-Deċiżjoni kontenzjuża), mill-fergħat ta’ ASI u ta’ AOE (premessi 295 sa 304 ta’ dik id-deċiżjoni), kif ukoll minn Apple Inc. (premessi 308 sa 318 tal-imsemmija deċiżjoni). Minn dan hija kkonkludiet, b’mod partikolari li, minn naħa, attribuzzjoni barra mill-Irlanda tal-profitti ġġenerati mil-liċenzji ta’ PI li għandhom ASI u AOE ma kinitx tiġi aċċettata mill-fergħat Irlandiżi ta’ dawn il-kumpanniji li kieku kienu impriżi distinti u awtonomi li joperaw taħt kundizzjonijiet tas-suq u li, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-assenza ta’ funzjonijiet imwettqa mis-sedi u/jew fid-dawl tal-attivitajiet eżerċitati minn dawn il-fergħat, dawn il-liċenzji ta’ PI kellhom jiġu attribwiti lil dawn tal-aħħar għall-finijiet fiskali (premessa 305 tad-Deċiżjoni kontenzjuża). |
127 |
Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ddeduċiet mill-eżami kollu tagħha li, fid-dawl tal-metodu ta’ attribuzzjoni tal-liċenzji ta’ PI u tal-profitti relatati magħhom użat mill-awtoritajiet fiskali Irlandiżi, id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kienu wasslu għal tnaqqis sinjifikattiv fil-profitti annwali ta’ ASI u ta’ AOE taxxabbli fl-Irlanda u għalhekk kienu taw lil dawn il-kumpanniji vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessi 320 u 321 tad-Deċiżjoni kontenzjuża). |
128 |
Mill-istadji tar-raġunament imfisser fid-Deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni qieset, qabelxejn, li, sabiex jiġu ddeterminati, konformement mal-Artikolu 25 tat-TCA 97, il-profitti taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda skont il-prinċipju ta’ distakkament, kellhom jiġu pparagunati l-funzjonijiet imwettqa mis-sedi u mill-fergħat Irlandiżi ta’ dawn il-kumpanniji, rispettivament, b’rabta mal-liċenzji ta’ PI. Imbagħad, b’applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, hija wettqet eżami distint tar-rwol ta’ kull waħda minn dawn is-sedi u ta’ kull waħda minn dawn il-fergħat b’rabta ma’ dawn il-liċenzji. Fi tmiem dan l-eżami, hija kkonstatat, minn naħa, assenza ta’ funzjonijiet, fir-rigward tas-sedi, b’rabta mal-liċenzji ta’ PI u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari fil-premessi 296 sa 303 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, rwol attiv tal-fergħat Irlandiżi li jirriżulta mit-twettiq ta’ ċertu numru ta’ funzjonijiet u mill-assunzjoni ta’ riskji marbuta mal-ġestjoni u mal-użu ta’ dawn il-liċenzji. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ funzjonijiet “attivi jew kruċjali” mwettqa mis-sedi hija bbażata fuq l-assenza ta’ provi kuntrarji miġjuba minn Apple Inc., flimkien mal-konstatazzjoni tal-assenza ta’ kapaċità effettiva ta’ dawn is-sedi sabiex iwettqu dawn il-funzjonijiet. B’hekk, ir-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni mhux biss huwa bbażat fuq l-assenza ta’ funzjonijiet imwettqa mis-sedi b’rabta mal-liċenzji ta’ PI, iżda wkoll fuq l-analiżi tal-funzjonijiet effettivament imwettqa mill-fergħat b’rabta ma’ dawn il-liċenzji. |
129 |
Għalhekk, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma hijiex il-konstatazzjoni li s-sedi la kellhom impjegati u lanqas preżenza fiżika barra mill-fergħat Irlandiżi li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-liċenzji ta’ PI u l-profitti relatati magħhom kellhom jiġu attribwiti lil dawn il-fergħat. Il-Kummissjoni siltet din il-konklużjoni wara li qiegħdet ħdejn xulxin żewġ konstatazzjonijiet distinti, jiġifieri, minn naħa, l-assenza ta’ funzjonijiet attivi jew kruċjali mwettqa u ta’ riskji assunti mis-sedi u, min-naħa l-oħra, il-multipliċità u n-natura ċentrali tal-funzjonijiet imwettqa u tar-riskji assunti mill-imsemmija fergħat, u dan b’applikazzjoni tal-kriterju legali stabbilit fil-premessa 272 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
130 |
B’hekk, il-konstatazzjoni fil-punt 186 tas-sentenza appellata, li “fil-kuntest tar-raġunament prinċipali tagħha, il-Kummissjoni ma [kinitx ipprovat] turi li l-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE kienu effettivament ivverifikaw il-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple, meta kkonkludiet li l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi kellhom jattribwixxu lil dawn il-fergħat il-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple”, tiżnatura l-kontenut tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
131 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta hija qieset, billi interpretat id-Deċiżjoni kontenzjuża b’mod żbaljat, li, fir-raġunament prinċipali tagħha, il-Kummissjoni llimitat ruħha għal approċċ “b’esklużjoni”. |
132 |
Dan ifisser li l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandu jintlaqa’. |
ii) Fuq it‑tieni u t‑tielet ilment
133 |
Fid-dawl tal-fatt li ntlaqa’ l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ma hemmx bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra ta’ din il-parti, immirati lejn l-istess evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali. |
2. Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel aggravju
a) L‑argumenti tal‑partijiet
134 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi ammettiet impliċitament, fil-punti 255 sa 302 tas-sentenza appellata, li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. sabiex jiġi ddeterminat il-profitt taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda, ivvizzjat din is-sentenza b’irregolaritajiet proċedurali, b’nuqqas ta’ motivazzjoni, bi żbalji ta’ liġi u bi żnaturament tad-dritt nazzjonali applikabbli. |
135 |
L-ewwel nett, dawn il-punti huma vvizzjati b’irregolarità proċedurali u bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-Kummissjoni indikat li hija spjegat, fil-premessi 308 sa 318 tad-Deċiżjoni kontenzjuża u fin-noti tagħha fl-ewwel istanza, ir-raġunijiet għaliex il-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. b’rabta mal-PI tal-grupp Apple kienu irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, kemm jekk funzjonijiet imwettqa “għall-benefiċċju” ta’ ASI u ta’ AOE u kemm jekk “f’isem” dawn tal-aħħar. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali invokat il-funzjonijiet ta’ Apple Inc. sabiex tiċħad ir-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-ispjegazzjonijiet u mingħajr ma tat risposta għad-domanda dwar jekk l-impjegati ta’ Apple Inc. setgħux jitqiesu li jwettqu funzjonijiet “f’isem” ASI u AOE għall-finijiet tal-attribuzzjoni tal-profitti, jikkostitwixxi irregolarità proċedurali u nuqqas ta’ motivazzjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali, billi tinvoka l-funzjonijiet ta’ Apple Inc., tikkontradixxi l-kriterju legali li hija approvat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, fil-punti 240 u 248 tas-sentenza appellata, li fihom hija rreferiet għall-funzjonijiet imwettqa, għall-attivi użati u għar-riskji assunti mill-fergħat u mill-kumpanniji li dawn il-fergħat tal-aħħar jappartjenu għalihom, mingħajr ma semmiet il-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. Din il-kontradizzjoni tikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni. |
136 |
It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 267, 269, 273 sa 275, 277, 281, 283 u 298 sa 302 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, billi invokat il-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. sabiex tiċħad l-attribuzzjoni lill-fergħat Irlandiżi tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple li għandhom ASI u AOE, kisret l-approċċ tal-entità distinta u l-prinċipju ta’ distakkament. Konsegwentement, hija kklassifikat b’mod żbaljat il-fatti mfissra fil-punti 251 sa 311 ta’ din is-sentenza meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx uriet, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
137 |
Dan l-iżball ta’ liġi jikkonsisti, fl-ewwel lok, f’interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE u fi żnaturament tad-dritt nazzjonali. Peress li, l-ewwel nett, Apple Inc. ma għandhiex il-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple, il-funzjonijiet li hija twettaq b’rabta ma’ din il-PI ma jistgħux jiddeterminaw l-għoti ta’ dawn il-liċenzji lis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE jew lill-fergħat tagħhom. Sussegwentement, mill-approċċ tal-entità distinta u mill-prinċipju ta’ distakkament jirriżulta li Apple Inc., minn naħa, kif ukoll ASI u AOE, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu ttrattati bħala entitajiet distinti għall-finijiet tat-taxxa u li r-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji tagħhom, irregolati minn tranżazzjonijiet infragrupp, għandhom jiġu vvalutati skont il-prinċipju ta’ distakkament. Għall-finijiet tat-tqassim tal-profitti ta’ ASI u ta’ AOE bejn is-sedi u l-fergħat rispettivi tagħhom, jgħoddu biss il-funzjonijiet imwettqa minn dawn is-sedi u dawn il-fergħat. Għalhekk, il-funzjonijiet b’rabta mal-PI tal-grupp Apple mwettqa minn Apple Inc. “għall-benefiċċju” ta’ ASI u ta’ AOE jew “f’isem” dawn tal-aħħar ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu attribwiti lis-sedi jew lill-fergħat tal-imsemmija kumpanniji. Fl-aħħar nett, fil-fehma tal-Kummissjoni, għalkemm il-politiki ta’ grupp jistgħu jservu ta’ bażi għat-tranżazzjonijiet infragrupp bejn kumpanniji assoċjati ta’ grupp multinazzjonali, dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-attribuzzjoni tal-profitti lil stabbiliment permanenti ta’ kumpannija mhux residenti li tappartjeni lil dan il-grupp, kif spjegat fil-premessa 317 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll fin-noti tal-Kummissjoni fl-ewwel istanza. |
138 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali, billi invokat b’mod żbaljat il-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. sabiex tiċħad l-għażla tal-Kummissjoni, konformement mal-approċċ tal-entità distinta, mal-prinċipju ta’ distakkament u mal-istruttura tal-grupp Apple, li tattribwixxi l-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple li għandhom ASI u AOE lill-fergħat Irlandiżi tagħhom, naqset milli tosserva dan l-approċċ u dan il-prinċipju. B’dan il-mod, fil-punti 255 sa 302 tas-sentenza appellata, hija applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ vantaġġ imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE u/jew żnaturat id-dritt nazzjonali. |
139 |
Fir-rigward, qabelxejn, tal-kontroll tal-kwalità, il-ġestjoni tal-installazzjonijiet ta’ R & D u l-ġestjoni tar-riskji korporattivi, imsemmija fil-punti 259 sa 267 u 288 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tqis li l-funzjonijiet u r-riskji kollha li qagħdet fuqhom il-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad ir-raġunament prinċipali tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ kienu assunti minn Apple Inc., kemm bħala kumpannija omm tal-grupp Apple fil-kuntest tal-politiki tal-grupp, kif ukoll “għall-benefiċċju” ta’ ASI u ta’ AOE taħt il-ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż. Kif spjegat il-Kummissjoni fil-premessi 308 sa 318 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, dawn il-funzjonijiet u dawn ir-riskji huma irrilevanti għall-finijiet tat-tqassim tal-profitti ta’ ASI u ta’ AOE bejn is-sedi u l-fergħat rispettivi tagħhom. |
140 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali żbaljat billi, fil-punti 268 sa 284 tas-sentenza appellata, invokat funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. meta hija eżaminat kull waħda mill-funzjonijiet li l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, kienet indikat li l-fergħa Irlandiża ta’ ASI kienet twettaq. Il-politiki u l-istrateġiji mfassla u żviluppati minn Apple Inc. ma għandhom, fil-fatt, ebda rwol fit-tqassim tal-profitti ta’ ASI bejn is-sede tagħha u l-fergħa tagħha. |
141 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-funzjonijiet imwettqa mill-fergħa Irlandiża ta’ AOE, indirizzati fil-punti 285 sa 295 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li dawn ma kinux jiġġustifikaw li l-Kummissjoni attribwixxiet lil din il-fergħa l-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple. |
142 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-eżempji ta’ deċiżjonijiet strateġiċi fi ħdan il-grupp Apple, invokati fil-punti 298 sa 302 tas-sentenza appellata, dawn huma irrilevanti għall-finijiet tat-tqassim tal-profitti ta’ ASI u ta’ AOE bejn is-sedi tagħhom u l-fergħat rispettivi tagħhom. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-allegati provi ta’ kuntratti li “ġew innegozjati u ffirmati mill-kumpannija parent [omm], Apple”, imsemmija fil-punt 301 tas-sentenza appellata, dawn ma ġewx prodotti matul il-proċedura amministrattiva, iżda ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-Kawża T‑892/16, u għalhekk huma inammissibbli. Fir-rigward tal-prokuri li permezz tagħhom il-membri tal-eżekuttiv ta’ Apple Inc. iffirmaw dawn il-kuntratti “għal” ASI, tlieta minnhom ġew ippreżentati biss fl-istadju tar-replika prodotta f’din il-kawża. Il-Qorti Ġenerali, billi qagħdet fuq dawn il-prokuri, li ma kien fihom xejn li jiġġustifika li dawn ma jiġux ippreżentati fl-istadju tar-rikors, wettqet irregolarità proċedurali. Fi kwalunkwe każ, dawn il-provi huma irrilevanti għall-finijiet tat-tqassim tal-profitti ta’ ASI u ta’ AOE bejn is-sedi tagħhom u l-fergħat rispettivi tagħhom. |
143 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni tal-appellati li l-Qorti Ġenerali qieset li huma biss il-funzjonijiet imwettqa mill-fergħat Irlandiżi li kienu rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, u għalhekk la invokat u lanqas ma kellha bżonn tinvoka l-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. sabiex tiċħad ir-raġunament prinċipali tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ. |
144 |
Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li, fil-punti 240, 242, 247 u 248 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali approvat il-kriterju legali, li hija kienet fissret fil-premessi 265 sa 274 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, ibbażat biss fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, bil-għan li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ vantaġġ, tal-attivitajiet eżerċitati, tal-assi użati u tar-riskji assunti mis-sedi u mill-fergħat ta’ ASI u ta’ AOE. Għalkemm l-Irlanda, ASI, AOI u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jaqblux mal-konstatazzjonijiet magħmula f’dawn il-punti, dawn tal-aħħar, billi ma ġewx ikkontestati f’appell inċidentali, issa għandhom l-awtorità ta’ res judicata (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 110). Il-Kummissjoni tirrileva, fl-aħħar nett, li għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Irlanda, ASI, AOI u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-Qorti Ġenerali effettivament applikat kriterju differenti minn dak li approvat, ibbażat fuq paragun bejn il-funzjonijiet imwettqa mill-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE, minn naħa, u dawk imwettqa minn Apple Inc., min-naħa l-oħra. |
145 |
L-Irlanda tqis li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-funzjonijiet “imwettqa minn Apple [Inc.]” huma inammissibbli, ineffettivi u, fi kwalunkwe każ, infondati. |
146 |
L-ewwel nett, l-Irlanda ssostni li dawn l-allegazzjonijiet jiżnaturaw is-sentenza appellata. Hija ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, iċ-ċaħda, mis-sentenza appellata, tar-raġunament prinċipali ma hijiex ibbażata fuq l-allegati “funzjonijiet imwettqa minn Apple [Inc.]”, liema funzjonijiet ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-fergħat Irlandiżi, iżda fuq l-attivitajiet effettivi ta’ dawn il-fergħat u fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kienet ipproduċiet ebda prova li l-imsemmija fergħat kienu effettivament wettqu l-funzjonijiet ewlenin u ġġestixxew ir-riskji marbuta mal-PI tal-grupp Apple. Bi tweġiba għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li d-deċiżjonijiet strateġiċi kollha marbuta mal-PI tal-grupp Apple effettivament ittieħdu fl-Istati Uniti u li d-diretturi ta’ ASI u ta’ AOE kellhom fil-fatt il-kapaċità li jwettqu, u kienu wettqu, il-funzjonijiet essenzjali ta’ dawn il-kumpanniji. |
147 |
It-tieni nett, l-Irlanda tqis li ma jistax jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali wettqet irregolarità proċedurali jew nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali, li ma kinitx obbligata tirrispondi għal kull punt imressaq quddiemha, eżaminat sew l-argumenti tal-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-impjegati ta’ Apple Inc. Fir-rigward tal-provi dwar l-iffirmar tal-kuntratti, li l-ammissibbiltà tagħhom hija kkontestata mill-Kummissjoni, l-Irlanda ssostni li din kienet biss parti mill-provi li qagħdet fuqhom il-Qorti Ġenerali insostenn tal-evalwazzjoni tagħha fil-punt 302 tas-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, rikors għal annullament jista’ jkun ibbażat fuq informazzjoni li ma tkunx ġiet ipprovduta matul il-proċedura amministrattiva, kemm‑il darba din l-informazzjoni kienet disponibbli f’dak iż-żmien u kellha tiġi eżaminata mill-Kummissjoni (sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 71, u tat‑22 ta’ Mejju 2019, Real Madrid Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni, T‑791/16, EU:T:2019:346, punt 118). |
148 |
It-tielet nett, l-Irlanda ssostni li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107 TFUE, kif ukoll fuq żnaturament tad-dritt nazzjonali, fir-realtà jfittxu li jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma ressqet ebda argument u ma ġabet ebda prova insostenn tad-dikjarazzjoni li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-dritt Irlandiż. Din id-dikjarazzjoni hija għalhekk, għal din ir-raġuni, inammissibbli. Il-Kummissjoni lanqas ma spjegat ir-raġunijiet għaliex is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba ksur jew nuqqas ta’ osservanza tal-approċċ tal-entità distinta jew tal-prinċipju ta’ distakkament. |
149 |
Fi kwalunkwe każ, l-argumenti tal-Kummissjoni huma ineffettivi. L-Irlanda ssostni li l-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali juru li mill-applikazzjoni tal-approċċ awtorizzat tal-OECD invokat mill-Kummissjoni jirriżulta li l-profitti li ASI u AOE effettivament ħallsu t-taxxa fuqhom kienu konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. Anki jekk il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żbalji ta’ liġi u kisret l-Artikolu 107 TFUE jew żnaturat id-dritt nazzjonali, ħaġa li ma għamlitx, dan il-fatt ma jistax ibiddel dawn il-konstatazzjonijiet ta’ fatt li l-Kummissjoni ma tistax, fl-assenza ta’ żnaturament tal-provi, tikkontesta. |
150 |
ASI u AOI jsostnu li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondata u/jew ineffettiva. |
151 |
Preliminarjament, huma jsostnu li n-nuqqas fundamentali fl-approċċ tal-Kummissjoni huwa li l-valutazzjoni tagħha tal-attivitajiet ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda hija waħda żbaljata. Il-Qorti Ġenerali eżaminat id-diversi provi u ddeċidiet – ġustament – li, fid-dawl tal-funzjonijiet u tal-attivitajiet eżerċitati mill-fergħat Irlandiżi, il-livell ta’ tassazzjoni ta’ dawn il-kumpanniji fl-Irlanda kien konformi mad-dritt fiskali nazzjonali. Fil-fatt, ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni ma jippermetti li s-sentenza appellata tiġi annullata. |
152 |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tiżbalja meta ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107 TFUE u żnaturat id-dritt nazzjonali. Il-Kummissjoni qiegħda tiżnatura s-sentenza appellata u qiegħda fir-realtà tfittex li tikkontesta l-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali. Issa, il-Kummissjoni ma tindikax liema huma l-provi speċifiċi li l-Qorti Ġenerali żnaturat u b’liema mod din żnaturathom. |
153 |
It-tieni nett, il-Kummissjoni tiżbalja meta ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’irregolarità proċedurali u b’nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma weġbitx l-argumenti tagħha fir-rigward tal-“funzjonijiet imwettqa minn Apple [Inc.]” u tal-impjegati ta’ Apple Inc. li jaġixxu għal ASI u AOE u f’isem dawn tal-aħħar. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ motivazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-partijiet jifhmu r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel l-istħarriġ tagħha fl-istadju ta’ appell, eżaminat u ċaħdet dawn l-argumenti. |
154 |
It-tielet nett, ma jistax validament jingħad li l-Qorti Ġenerali qagħdet fuq provi inammissibbli. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tiżbalja meta tilmenta li l-Qorti Ġenerali qagħdet fuq provi relatati mal-attivitajiet ta’ ASI u ta’ AOE barra mill-Irlanda li ġew prodotti għall-ewwel darba fir-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑892/16. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali kienet marbuta tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha li l-Kummissjoni setgħet kisbet matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 71). Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tiżbalja wkoll meta ssostni li ċerti prokuri mogħtija minn ASI u minn AOE kienu inammissibbli. Fil-fatt, dawn il-kumpanniji għarrfu lill-Kummissjoni bl-importanza tal-prokuri matul il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari billi għaddewlha l-minuti tal-bord tad-diretturi. Għalhekk, ASI u AOI jsostnu li huma kellhom dritt jinkludu dawn il-provi fir-rikors tagħhom u li l-Qorti Ġenerali kellha raġun taċċettahom u teżaminahom, anki jekk fl-aħħar mill-aħħar hija qagħdet fuq il-fatti u l-provi fil-fajl tal-Kummissjoni sabiex timmotiva s-sentenza tagħha. ASI u AOI jsostnu wkoll li l-ilment tal-Kummissjoni huwa, fi kwalunkwe każ, ineffettiv, sa fejn il-prokuri, li jikkonċernaw il-funzjonijiet ta’ dawn il-kumpanniji barra mill-Irlanda, ma humiex ta’ natura li jbiddlu l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni wettqet żball fil-valutazzjoni tagħha tal-attivitajiet tal-imsemmija kumpanniji fl-Irlanda. |
155 |
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jippreċiża li huwa biħsiebu jwieġeb biss ċerti punti mqajma mill-Kummissjoni fl-appell tagħha li jirrigwardaw kwistjonijiet trażversali, u, b’mod partikolari, ir-raġunament prinċipali dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ u l-prinċipji u l-istandard ta’ prova rilevanti fl-eżami tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati. Huwa ma jindirizzax, min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tqassim tal-funzjonijiet bejn id-diversi entitajiet tal-grupp Apple. Huwa sempliċement jinnota, f’dan ir-rigward, li dawn huma esklużivament kwistjonijiet ta’ fatt, li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ appell. |
156 |
Fuq il-mertu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma tistax toqgħod fuq prinċipji fiskali fundamentali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ distakkament u l-approċċ tal-entità distinta, li hija tiddefinixxi b’mod awtonomu u b’nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fiskali nazzjonali. Il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, b’mod partikolari, li l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi titqabbel ma’ livell ta’ tassazzjoni “normali” (punt 223 tas-sentenza appellata) u li għalhekk kien esklużivament fid-dawl tad-dritt fiskali Irlandiż li l-Kummissjoni kellha tivverifika jekk id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kinux wasslu sabiex jinħoloq vantaġġ (punt 234 tas-sentenza appellata). It-tieni nett, il-Kummissjoni injorat totalment l-ewwel parti tas-sentenza appellata li tikkonstata ċar u tond l-applikazzjoni żbaljata minn din l-istituzzjoni tad-dritt fiskali Irlandiż u ma għamlet ebda kumment dwar il-konstatazzjonijiet konklużivi tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari tal-Artikolu 25 tat-TCA 97 li jikkonċerna t-tassazzjoni tal-kumpanniji mhux residenti fl-Irlanda. It-tielet nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-funzjonijiet ta’ Apple Inc., minkejja li ma huwiex neċessarju għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, kien korrett u rilevanti sabiex jiġi kkonfermat li l-fergħat Irlandiżi ma kinux “effettivament” wettqu l-funzjonijiet kollha b’rabta mal-PI tal-grupp Apple. |
157 |
Fl-aħħar nett, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA taqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Hija ssostni li, sabiex tikkonforma ruħha mal-approċċ tal-entità distinta u mal-prinċipju ta’ distakkament, l-awtorità tat-taxxa Irlandiża kellha, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, tevalwa l-funzjonijiet imwettqa mill-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE mqabbla mal-funzjonijiet imwettqa mis-sedi tagħhom b’rabta mal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple li għandhom dawn il-kumpanniji. Dan huwa dak li kkonfermat il-Qorti Ġenerali fil-punt 248 tas-sentenza appellata, billi rrilevat li, “għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, l-attribuzzjoni tal-profitti lill-fergħa Irlandiża ta’ kumpannija mhux residenti kellu jieħu [kellha tieħu] inkunsiderazzjoni t-tqassim tal-assi, tal-funzjonijiet u tar-riskji bejn il-fergħa u l-partijiet l-oħra ta’ din il-kumpannija”. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma applikatx dan il-kriterju sabiex tiċħad ir-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni, fil-punti 251 sa 302 tas-sentenza appellata. |
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
158 |
Essenzjalment, it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell hija mmirata lejn il-punti 251 sa 311 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali eżaminat l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet fi ħdan il-grupp Apple, billi analizzat l-attivitajiet tal-fergħa Irlandiża ta’ ASI (punti 255 sa 284 tas-sentenza appellata), l-attivitajiet tal-fergħa Irlandiża ta’ AOE (punti 285 sa 295 ta’ dik is-sentenza) u l-attivitajiet barra minn dawn il-fergħat (punti 296 sa 309 tal-imsemmija sentenza). |
159 |
Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li, peress li Apple Inc. hija entità distinta minn ASI u AOE, il-funzjonijiet li hija wettqet b’rabta mal-PI tal-grupp Apple fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm tal-grupp jew taħt ftehimiet infragrupp, kemm jekk “għall-benefiċċju” tal-grupp kollu kemm hu jew speċifikament ta’ ASI u ta’ AOE, u kemm jekk “f’isem” dawn tal-aħħar, b’ebda mod ma jaffettwaw it-tqassim tal-profitti li jirriżultaw mill-użu tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple li għandhom dawn iż-żewġ kumpanniji għax-xiri, għall-manifattura, għall-bejgħ u għad-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ dan il-grupp barra mill-kontinent Amerikan. |
160 |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tressaq żewġ ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment, hija tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet irregolarità proċedurali u li l-motivazzjoni tagħha kienet waħda insuffiċjenti u kontradittorja. It-tieni lment jirrigwarda ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, żnaturament tad-dritt Irlandiż u irregolarità proċedurali minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi inammissibbli. |
161 |
Abbażi ta’ argumenti li jikkoinċidu fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-Irlanda, ASI u ASI, kif ukoll il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, isostnu li l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni huma parzjalment inammissibbli, ineffettivi u, fi kwalunkwe każ, infondati. |
162 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat it-tieni lment imressaq mill-Kummissjoni. |
1) Fuq it‑tieni lment ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 107(1) TFUE, fuq żnaturament tad‑dritt Irlandiż u fuq irregolarità proċedurali
163 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi qagħdet fuq il-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc., naqset milli tosserva l-approċċ tal-entità distinta u l-prinċipju ta’ distakkament li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 25 tat-TCA 97. Peress li, skont il-ġurisprudenza, żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali jikkostitwixxi żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva din id-dispożizzjoni wkoll. B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali interpretat korrettament id-dritt Irlandiż billi sostniet, fil-punt 248 tas-sentenza appellata, li, “għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, l-attribuzzjoni tal-profitti lill-fergħa Irlandiża ta’ kumpannija mhux residenti kellu jieħu inkunsiderazzjoni t-tqassim tal-assi, tal-funzjonijiet u tar-riskji bejn il-fergħa u l-partijiet l-oħra ta’ din il-kumpannija”. Madankollu, fil-punti 255 sa 302 ta’ dik is-sentenza, hija applikat “kriterju legali” differenti u żbaljat, billi pparagunat il-funzjonijiet imwettqa mill-fergħat Irlandiżi ma’ dawk imwettqa minn Apple Inc. pjuttost milli ma’ dawk imwettqa mis-sedi ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji fl-Irlanda. |
164 |
Il-Kummissjoni tinvoka wkoll irregolarità proċedurali tal-Qorti Ġenerali sa fejn din tal-aħħar qagħdet fuq provi inammissibbli. |
i) Fuq l‑ammissibbiltà
165 |
L-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment ġiet ikkontestata għal żewġ raġunijiet. |
166 |
L-ewwel nett, l-Irlanda, ASI u AOI, kif ukoll il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, isostnu li dan l-ilment huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi li wettqet il-Qorti Ġenerali. |
167 |
Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. |
168 |
Fil-każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja la għandha ġurisdizzjoni sabiex tistabbilixxi l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l‑Qorti Ġenerali tkun aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, kemm‑il darba dawn il-provi jkunu nkisbu legalment, u kemm‑il darba l-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli proċedurali applikabbli fil-qasam tal-oneru tal-prova u tal-produzzjoni tal-provi jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Għalhekk, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, din l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
169 |
Għalhekk, is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali testendi, b’mod partikolari, għall-ineżattezza materjali ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li jirriżultaw mill-atti tal-proċess, għall-iżnaturament tal-provi, għall-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn tal-aħħar, u għall-kwistjoni dwar jekk ir-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova u tal-produzzjoni tal-provi jkunux ġew osservati (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
170 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet ta’ Apple Inc., wettqet żball li jivvizzja l-analiżi fattwali li hija għamlet fil-punti 251 sa 311 tas-sentenza appellata, kif ukoll ir-riżultati ta’ din l-analiżi, liema żball iwassal għal applikazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali u għal ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE. Issa, permezz tat-tieni lment tagħha insostenn tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni essenzjalment tfittex li tikkontesta l-kriterju li abbażi tiegħu l-Qorti Ġenerali għamlet din l-analiżi, liema kriterju jonqos milli josserva l-kuntest ta’ riferiment rilevanti, u tikkritika l-klassifikazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward. B’hekk, l-argumenti tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
171 |
It-tieni nett, l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOI, isostnu wkoll li l-ilment ineżami huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali dwar id-dritt Irlandiż, mingħajr ma jinvokaw żnaturament ta’ dan id-dritt. L-Irlanda ssostni, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni toqgħod fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Andres (Falliment Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni (C‑203/16 P, EU:C:2018:505), meta hija essenzjalment tgħid li kull żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali jikkostitwixxi żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
172 |
Dawn l-argumenti lanqas ma jistgħu jintlaqgħu. |
173 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi appell ippreżentat minn deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali hija ddefinita mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE. Dan l-artikolu tal-aħħar jipprovdi li l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi u li għandu jsir “skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut”. F’lista li telenka r-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati f’dan il-kuntest, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jippreċiża li l-appell jista’ jkun ibbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 76, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
174 |
Huwa minnu, bħala prinċipju, fir-rigward tal-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fid-dawl tad-dritt nazzjonali, li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jikkostitwixxu evalwazzjonijiet ta’ fatt, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tistħarreġ jekk tali evalwazzjonijiet jikkostitwixxux huma stess ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 77, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
175 |
Issa, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali ddelimitatx b’mod xieraq il-kuntest ta’ riferiment rilevanti u, għalhekk, interpretatx b’mod korrett id-dispożizzjonijiet li jagħmluh, hija punt ta’ dritt li jista’ jkun is-suġġett tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell. Fil-fatt, l-argumenti intiżi li jikkontestaw l-għażla tal-kuntest ta’ riferiment jew is-sinjifikat tiegħu fl-ewwel stadju tal-analiżi tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv huma ammissibbli, peress li din l-analiżi tirriżulta minn klassifikazzjoni ġuridika tad-dritt nazzjonali abbażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 78, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
176 |
Li kieku kellu jiġi aċċettat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddetermina jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta hija adottat id-delimitazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment rilevanti, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tiegħu bħala parametru deċiżiv għall-finijiet tal-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv ikun ifisser li tkun qiegħda tiġi aċċettata l-possibbiltà li l-Qorti Ġenerali wettqet ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri tal-Artikolu 107(1) TFUE, mingħajr ma dan il-ksur ikun jista’ jiġi ssanzjonat fl-istadju ta’ appell, ħaġa li tmur kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 79, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
177 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm il-Qorti Ġenerali identifikat korrettament, fil-punt 248 tas-sentenza appellata, il-kriterju legali applikabbli skont id-dritt Irlandiż fil-kuntest tar-raġunament prinċipali dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija madankollu applikat kriterju differenti, li wassal sabiex tiġi kkontestata l-għażla tas-sistema ta’ riferiment li fid-dawl tagħha għandha tiġi analizzata, fil-kuntest tal-ewwel stadju identifikat fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv. Bl-argumenti tagħha l-Kummissjoni qiegħda tfittex, b’mod iktar speċifiku, li tikkontesta l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 25 tat-TCA 97. Dan il-punt huwa tal-ikbar importanza għall-finijiet tal-analiżi li għandha ssir abbażi tal-Artikolu 107(1) TFUE peress illi għandu effett fuq id-definizzjoni tal-livell ta’ tassazzjoni “normali” fis-sens tad-dritt Irlandiż li abbażi tagħha għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġ skont din id-dispożizzjoni. |
178 |
Għandu jitqies għalhekk li l-Kummissjoni, billi talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ jekk il-Qorti Ġenerali ddeterminatx korrettament il-portata tad-dritt nazzjonali applikabbli għat-tassazzjoni tal-kumpanniji mhux residenti u l-applikazzjoni tiegħu f’dan il-każ, qiegħda tfittex li tikkontesta s-sistema ta’ riferiment li l-Qorti Ġenerali qieset bħala korretta sabiex tiddefinixxi livell ta’ tassazzjoni normali għall-finijiet tal-analiżi tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
179 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ ammissibbiltà mogħtija mill-Irlanda, minn ASI u minn AOI, kif ukoll mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, rispettivament, għandhom jiġu miċħuda. |
ii) Fuq il‑mertu
– Fuq it‑teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi inammissibbli
180 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta rreferiet għall-provi msemmija fil-punt 301 tas-sentenza appellata sabiex tiddeċiedi li l-kuntratti mal-manifatturi terzi (l-Original Equipment Manufacturers, iktar ’il quddiem l-“OEMs”), responsabbli għall-manifattura ta’ parti kbira mill-prodotti mibjugħa minn ASI, u l-kuntratti ma’ klijenti bħall-operaturi tat-telekomunikazzjoni, kienu ġew innegozjati minn diretturi tal-grupp Apple u kienu ġew iffirmati minn Apple Inc. u minn ASI, permezz tad-diretturi rispettivi tagħhom, direttament jew bi prokura. |
181 |
Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-provi – li jikkonsistu, minn naħa, f’diversi skambji ta’ posta elettronika bejn diretturi ta’ Apple Inc. dwar il-kuntratti mal-OEMs u mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni u, min-naħa l-oħra, f’erba’ prokuri mogħtija minn ASI lid-diretturi ta’ Apple Inc. għall-iffirmar tal-kuntratti mal-OEMs u ma’ dawn l-operaturi – sa fejn dawn ma kinux ġew prodotti matul il-proċedura amministrattiva u, fil-każ tal-prokuri, anki għaliex kienu ġew prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali biss fl-istadju tar-replika jew ma ġew prodotti qatt. |
182 |
ASI u AOI ma humiex jikkontestaw li l-imsemmija provi ma ġewx prodotti matul il-proċedura amministrattiva. Huma jsostnu, madankollu, li l-Kummissjoni kienet taf bl-attivitajiet tad-diretturi ta’ ASI u ta’ AOE stabbiliti fl-Istati Uniti, kif ukoll bl-eżistenza u bl-importanza tal-prokuri inkwistjoni u li, li kieku wettqet investigazzjoni xierqa, il-Kummissjoni setgħet tikseb il-provi rilevanti kollha. Barra minn hekk, ASI u AOI jsostnu li l-ilment tal-Kummissjoni huwa ineffettiv, peress li l-prokuri kkonċernati ma humiex ta’ natura li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-valutazzjoni ta’ dik l-istituzzjoni tal-attivitajiet ta’ ASI u AOE fl-Irlanda. |
183 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni fid-dawl tal-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha fid-data li fiha hija tkun adottat din id-deċiżjoni u li hija setgħet, fuq talba tagħha stess, tikseb il-produzzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Il‑Kummissjoni vs Valencia Club de Fútbol, C‑211/20 P, EU:C:2022:862, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
184 |
Il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt jew ta’ liġi li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma jkunux ġew ippreżentati lilha, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina ex officio u abbażi ta’ konġettura l-informazzjoni li setgħet tiġi ppreżentata lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 60). |
185 |
F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-iskambji ta’ posta elettronika bejn diretturi ta’ Apple Inc. dwar kuntratti mal-OEMs u mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni, mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li essenzjalment dawn l-iskambji kienu sempliċement jagħmlu rapport dwar attivitajiet eżerċitati mill-impjegati ta’ Apple Inc taħt il-ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż u li ma kien fihom ebda riferiment espliċitu jew impliċitu għal ASI. Dawn huma għalhekk dokumenti estranji għas-suġġett tal-proċedura amministrattiva, sa fejn dawn kienu jirrigwardaw attivitajiet ta’ entità distinta minn ASI u relazzjonijiet infragrupp estranji għas-suġġett tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati. |
186 |
Għalhekk, ma jistax jingħad, anki kieku wieħed kellu jassumi li l-Kummissjoni setgħet tissuspetta l-eżistenza tagħhom, li hija kienet obbligata titlob il-produzzjoni ta’ din l-informazzjoni matul il-proċedura amministrattiva. Għall-kuntrarju, kienu ASI u AOE li kellhom jippreżentaw l-imsemmija informazzjoni lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva jekk huma kienu jqisu li dik l-informazzjoni setgħet tistabbilixxi l-veraċità u r-rilevanza tan-natura ċentralizzata ta’ deċiżjonijiet strateġiċi fi ħdan il-grupp Apple, meħuda minn diretturi ta’ dan tal-aħħar f’Cupertino. |
187 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-prokuri relatati mal-iffirmar tal-kuntratti mal-OEMs u mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni, huwa stabbilit li dawn huma provi li qagħdet fuqhom il-Qorti Ġenerali fil-punt 301 tas-sentenza appellata. Huwa stabbilit ukoll li l-lista sħiħa tal-prokuri mogħtija mid-diretturi ta’ ASI u ta’ AOE ġiet prodotta biss fl-anness tar-rikors fl-ewwel istanza ppreżentat minn dawn il-kumpanniji, li minn dawn il-prokuri, tlieta, relatati mal-kuntratti mal-OEMs, ġew prodotti biss fl-istadju tar-replika, u r-raba’ waħda, relatata mal-kuntratti mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni, ma ġiet prodotta qatt. Lanqas ma huwa kkontestat li l-minuti tal-laqgħat tal-bordijiet tad-diretturi ta’ ASI u ta’ AOE ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva (iktar ’il quddiem il-“minuti eżaminati mill-Kummissjoni”) ma semmewx il-prokuri relatati mal-iffirmar tal-kuntratti mal-OEMs, iżda semmew biss il-prokura relatata mal-iffirmar tal-kuntratti mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni, li, kif intqal, ma ġiet prodotta qatt. |
188 |
Fir-rigward tal-informazzjoni li l-attenzjoni tal-Kummissjoni nġibdet għaliha matul il-proċedura amministrattiva, għandu jiġi rrilevat li fl-osservazzjonijiet tas‑7 ta’ Settembru 2015, prodotti fl-anness tar-rikors ta’ ASI u ta’ AOE quddiem il-Qorti Ġenerali, il-grupp Apple jsemmi l-eżistenza ta’ sistema ta’ prokuri mogħtija mill-bordijiet tad-diretturi ta’ ASI u ta’ AOE sabiex, b’mod partikolari, jiġu nnegozjati u ffirmati l-kuntratti mal-OEMs u mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni. Madankollu, kif proprju indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn l-osservazzjonijiet jagħmlu biss riferiment vag u impreċiż. |
189 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma kisbitx il-prokuri inkwistjoni matul il-proċedura amministrattiva. B’mod partikolari, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet talbet u eżaminat il-minuti kollha tal-bordijiet tad-diretturi ta’ ASI u ta’ AOE tal-perijodu rilevanti, liema minuti jsemmu dawn il-prokuri fuq fuq biss. |
190 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu ASI u AOE, dan l-ilment tal-Kummissjoni ma huwiex ineffettiv. |
191 |
Fil-fatt, huwa billi qagħdet fuq il-provi msemmija fil-punt 301 tas-sentenza appellata, u b’mod partikolari fuq ċerti prokuri, li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt segwenti, li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet b’mod żbaljat li l-ġestjoni tal-PI tal-grupp Apple, li ASI u AOE kellhom l-liċenzji tagħha, kienet neċessarjament assunta mill-fergħat Irlandiżi ta’ dawn il-kumpanniji. |
192 |
Huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni li hija ddeċidiet, fil-punt 310 ta’ dik is-sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li dawn il-fergħat kellhom, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitti annwali taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda, jiġu attribwiti l-profitti li jirriżultaw mill-użu tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple u li, finalment, fil-punt 312 tal-imsemmija sentenza, hija laqgħet il-motivi mmirati lejn ir-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni u bbażati fuq il-premessa li l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi ma kinux taw vantaġġ lil ASI u lil AOE. |
193 |
Għaldaqstant, l-argument li l-Qorti Ġenerali, billi ħadet inkunsiderazzjoni provi inammissibbli insostenn tal-evalwazzjoni tagħha li tinsab fil-punt 301 tas-sentenza appellata, wettqet irregolarità proċedurali għandu jintlaqa’. |
– Fuq il‑kriterju legali applikabbli skont id‑dritt Irlandiż għad‑determinazzjoni tal‑profitti ta’ kumpannija mhux residenti
194 |
Għalkemm il-partijiet jaqblu li jeskludu, fil-kuntest tal-analiżi funzjonali meħtieġa għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, ir-rilevanza tal-funzjonijiet imwettqa minn entità, f’dan il-każ Apple Inc., distinta mill-kumpannija mhux residenti li l-profitt taxxabbli tagħha għandu jiġi evalwat fl-Irlanda, huma jiddefendu, min-naħa l-oħra, pożizzjonijiet diverġenti dwar il-portata u l-kontenut tal-analiżi meħtieġa skont id-dritt Irlandiż. |
195 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 248 tas-sentenza appellata, identifikat korrettament il-kriterju legali applikabbli skont id-dritt Irlandiż sabiex jiġu ddeterminati l-profitti ta’ kumpannija mhux residenti li huma taxxabbli fl-Irlanda u li dan il-kriterju għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-“tqassim tal-assi, tal-funzjonijiet u tar-riskji bejn il-fergħa u l-partijiet l-oħra ta’ din il-kumpannija”. |
196 |
L-Irlanda tqis, min-naħa tagħha, li l-analiżi rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97 għandha tirrigwarda, kif sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 227 tas-sentenza appellata u kif hija kkonfermat f’diversi punti oħra ta’ dik is-sentenza, l-“attivitajiet reali [tal-fergħat Irlandiżi ta’ kumpannija mhux residenti] u l-valur tas-suq” ta’ dawn l-attivitajiet. Min-naħa tagħhom, ASI u AOI jsostnu li, fil-punti 182 sa 186 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, abbażi tad-dritt Irlandiż, il-profitti li jirriżultaw mill-PI jistgħu jiġu attribwiti lill-fergħa Irlandiża ta’ kumpannija mhux residenti biss jekk il-PI li tiġġenera dawk il-profitti tkun ikkontrollata mill-fergħa. |
197 |
Kemm l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOI, li jqisu li l-attivitajiet eżerċitati mis-sedi huma kompletament irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 9, huma essenzjalment tal-fehma li l-punt 248 tas-sentenza appellata, li fuqu toqgħod il-Kummissjoni, jikkonċerna l-applikazzjoni tal-approċċ awtorizzat tal-OECD u mhux dik tal-Artikolu 25 tat-TCA 97 u li, fi kwalunkwe każ, mill-punt 242 ta’ dik is-sentenza jirriżulta, b’mod partikolari, li dan l-approċċ ma jsostnix l-analiżi komparattiva li fuqha toqgħod il-Kummissjoni, liema analiżi tmur kontra d-dritt Irlandiż. |
198 |
F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li l-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari fil-punt 242 tas-sentenza appellata, li kemm l-Artikolu 25 tat-TCA 97, kif ukoll il-prinċipju ta’ distakkament u l-approċċ awtorizzat tal-OECD, jeħtieġu, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli fl-Irlanda ta’ kumpannija mhux residenti, li tintuża analiżi “funzjonali” sabiex jiġu identifikati l-attivitajiet eżerċitati, l-assi użati u r-riskji assunti mill-fergħa ta’ din il-kumpannija fl-Irlanda. |
199 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 240 tas-sentenza appellata, ammettiet, minn naħa, li, sabiex jiġu identifikati l-funzjonijiet effettivament assunti mill-fergħa Irlandiża ta’ kumpannija mhux residenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, kien meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni t-“tqassim tal-assi, tal-funzjonijiet u tar-riskji bejn il-fergħa u l-partijiet l-oħra ta’ din il-kumpannija”. Min-naħa l-oħra, hija ddikjarat, fil-punt 242 ta’ dik is-sentenza, li l-analiżi intiża sabiex jiġu identifikati l-assi, il-funzjonijiet u r-riskji li għandhom jiġu attribwiti lill-istabbiliment permanenti ta’ kumpannija, abbażi tal-attivitajiet effettivament eżerċitati minn din tal-aħħar, ma setgħetx “issir b’mod astratt, billi jiġu injorati l-attivitajiet u l-funzjonijiet eżerċitati [mwettqa] fi ħdan il-kumpannija kollha kemm hi”. |
200 |
Issa, tali interpretazzjoni hija konformi mal-kliem stess tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, li, bil-għan li jiġi ddeterminat il-profitt taxxabbli ta’ kumpannija mhux residenti fl-Irlanda, jeħtieġ li jiġi identifikat id-“dħul kummerċjali ġġenerat direttament jew indirettament permezz tal-fergħa […] u d-dħul kollu li jirriżulta minn assi jew minn drittijiet użati mil-fergħa, jew ipposseduti minn jew għall-fergħa […]” Mill-kunsiderazzjoni fil-punt 248 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod partikolari li tali identifikazzjoni teħtieġ, kif essenzjalment indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, paragun tal-attivitajiet eżerċitati b’rabta ma’ dawn l-assi mill-partijiet differenti ta’ din il-kumpannija, liema paragun jippermetti li jiġi vverifikat jekk it-tqassim tal-assi fi ħdan il-kumpannija mhux residenti, li ġie aċċettat mill-awtoritajiet fiskali bħala bażi għad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli fl-Irlanda, huwiex konformi mat-tqassim effettiv tal-funzjonijiet, tal-assi u tar-riskji bejn id-diversi partijiet ta’ din il-kumpannija. |
201 |
L-interpretazzjoni sostnuta mill-Irlanda, kif ukoll minn ASI u minn AOI, li, għall-finijiet tal-attribuzzjoni tal-profitti ġġenerati mill-ġestjoni tad-drittijiet ta’ PI skont l-Artikolu 25 tat-TCA 97, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-entità li effettivament tkun proprjetarja ta’ dawn id-drittijiet timplika, fl-aħħar mill-aħħar, fir-rigward tal-kumpanniji mhux residenti, l-attribuzzjoni sistematika tal-profitti ġġenerati mill-użu tal-imsemmija drittijiet lis-sedi ta’ dawn il-kumpanniji. Issa, sa fejn dawn tal-aħħar, mid-definizzjoni tagħhom stess, jinsabu barra mill-Irlanda, tali dħul jaħrab, bħala prinċipju, kwalunkwe tassazzjoni f’dan l-Istat Membru. |
202 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni t-tqassim tal-assi, tal-funzjonijiet u tar-riskji bejn il-fergħat Irlandiżi u l-partijiet l-oħra ta’ ASI u ta’ AOE, u ma qisitx li hija kienet obbligata, skont id-dritt Irlandiż, tanalizza r-rwol li seta’ kellha Apple Inc. |
203 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-kriterju għad-determinazzjoni tal-profitti ta’ kumpannija mhux residenti, li l-Qorti Ġenerali qieset li japplika skont l-Artikolu 25 tat-TCA 97, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tqassim tal-assi, tal-funzjonijiet u tar-riskji bejn il-fergħa u l-partijiet l-oħra ta’ din il-kumpannija, mingħajr ma jeħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol li jkollhom entitajiet distinti. |
204 |
Hemm lok, għalhekk, li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk, kif proprju ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali effettivament qagħditx fuq il-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. b’rabta mal-PI tal-grupp Apple jew jekk, kif isostnu l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOI, l-argument tal-Kummissjoni jiżnaturax il-motivi tas-sentenza appellata fuq dan il-punt. |
– Fuq it‑teħid inkunsiderazzjoni mill‑Qorti Ġenerali tal‑funzjonijiet ta’ Apple Inc.
205 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 259 sa 267 u 288 tas-sentenza appellata, irreferiet għall-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. meta eżaminat il-premessi 289 sa 295 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li attribwixxew lill-fergħat Irlandiżi l-funzjonijiet ta’ kontroll tal-kwalità, ta’ ġestjoni tal-infrastrutturi, ta’ R & D u ta’ ġestjoni tar-riskju korporattiv. |
206 |
F’dan ir-rigward, mill-punti 260 sa 264, 266 u 267 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet u r-riskji assunti minn Apple Inc., u dan filwaqt li jiġi rrilevat li l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, qablu fuq il-fatt li dawn il-funzjonijiet u dawn ir-riskji, relatati mal-PI kollha tal-grupp Apple, mal-iżvilupp tagħha u mal-ġestjoni tagħha, kienu ġew assunti fil-biċċa l-kbira tagħhom minn Apple Inc. fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm tal-grupp jew taħt il-ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż, u ċċentralizzati minnha f’Cupertino. |
207 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali invokat b’mod żbaljat il-funzjonijiet ta’ Apple Inc. meta hija eżaminat il-funzjonijiet li hija kienet qieset li kienu dawk tal-fergħa ta’ ASI. |
208 |
Fil-punti 268 sa 284 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-attivitajiet u l-funzjonijiet imsemmija fil-premessi 296 sa 300 tad-Deċiżjoni kontenzjuża u qieset li dawn ġew effettivament eżerċitati u mwettqa minn din il-fergħa. Hija qieset li dawn l-attivitajiet u dawn il-funzjonijiet, kemm jekk ikkunsidrati separatament jew flimkien, ma kinux jiġġustifikaw l-attribuzzjoni tal-profitti li jirriżultaw mill-użu tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple lill-imsemmija fergħa. L-attivitajiet eżaminati mill-Qorti Ġenerali kienu jinkludu l-kontroll tal-kwalità, diversi attivitajiet ta’ R & D u l-ġestjoni tal-ispejjeż ta’ kummerċjalizzazzjoni lokali (local marketing costs). |
209 |
F’dan ir-rigward, sa fejn għandu x’jaqsam il-kontroll tal-kwalità, għandu jiġi rrilevat, kif proprju ssostni l-Kummissjoni, li din tal-aħħar qieset fid-Deċiżjoni kontenzjuża li din il-funzjoni kienet fost dawk il-funzjonijiet elenkati fil-ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż u assoċjati, f’dan il-ftehim, kemm ma’ Apple Inc. kif ukoll ma’ ASI u AOE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta, fil-punt 269 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi għad-dikjarazzjoni ta’ ASI u ta’ AOE li “kienu okkupati, mad-dinja kollha, fil-funzjoni tal-kontroll tal-kwalità filwaqt li persuna waħda biss kienet impjegata f’din il-funzjoni fl-Irlanda”, hija qiegħda neċessarjament tirreferi għal attivitajiet eżerċitati minn entitajiet distinti minn dawn iż-żewġ kumpanniji tal-aħħar u, b’mod partikolari, għall-attivitajiet ta’ Apple Inc. |
210 |
Fir-rigward tal-punti 273 u 275 tas-sentenza appellata, meta l-Qorti Ġenerali tgħid li l-funzjonijiet ta’ R & D u l-attivitajiet ta’ ġbir u ta’ analiżi tad-data reġjonali mwettqa u eżerċitati mill-impjegati tal-fergħa ta’ ASI huma ta’ natura “awżiljarja”, hija qiegħda tipparaguna għal darba oħra dawn il-funzjonijiet u dawn l-attivitajiet ma’ dawk imwettqa u eżerċitati fuq livell globali minn entitajiet esterni għal ASI. Fl-aħħar nett, fil-punt 277 ta’ din is-sentenza jsiru riferimenti espliċiti għall-politiki u għall-istrateġiji ta’ grupp imfassla minn Apple Inc., u l-Qorti Ġenerali kklassifikat, f’dan il-punt, is-servizz ta’ wara l-bejgħ u ta’ tiswija, AppleCare, li din il-fergħa kienet responsabbli għaliha fir-reġjun EMEIA, bħala servizz ta’ “‘eżekuzzjoni’, skont il-linji gwida u d-direzzjoni strateġika ddefiniti fl-Istati Uniti”. L-istess jgħodd għall-punti 281 u 283 tal-imsemmija sentenza, li jinkludu evalwazzjoni globali tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura “awżiljarja” u ta’ “eżekuzzjoni” tal-attivitajiet tal-imsemmija fergħa. |
211 |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali rreferiet għall-attivitajiet ta’ Apple Inc. meta hija eżaminat il-funzjonijiet imwettqa mill-fergħa Irlandiża ta’ AOE identifikati fil-premessa 301 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
212 |
Dwar dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 290 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tiddikjara, fir-rigward tal-proċessi u tal-ħiliet ta’ manifattura speċifiċi żviluppati minn din il-fergħa fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ manifattura tagħha, li, minkejja li dawn il-ħiliet igawdu mill-protezzjoni ta’ ċerti drittijiet ta’ PI, “dan huwa qasam limitat u speċifiku għall-attivitajiet ta’ din il-fergħa”, li ma jiġġustifikax l-attribuzzjoni lil din tal-aħħar tal-liċenzji kollha ta’ PI tal-grupp Apple. Tali riferiment għal-liċenzji kollha ta’ PI ta’ dan il-grupp ifisser, impliċitament iżda b’mod ċert, li, kif ġustament tiddikjara l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, f’dak il-punt, ipparagunat il-ħiliet żviluppati mill-fergħa Irlandiża ta’ AOE mal-funzjonijiet kollha ta’ R & D relatati mal-PI tal-grupp Apple. |
213 |
Fir-raba’ u fl-aħħar lok, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 298 sa 302 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. meta eżaminat l-attivitajiet eżerċitati barra mill-fergħat ta’ ASI u ta’ AOE. |
214 |
F’dan ir-rigward, minn diversi siltiet mis-sentenza appellata, u b’mod partikolari mill-punti 299 u 300 ta’ din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali fakkret il-funzjonijiet ta’ Apple Inc. u r-rwol tagħha bħala kumpannija omm meta, minn naħa, hija kkonstatat, b’mod ġenerali, in-“natura ċċentralizzata tad-deċiżjonijiet strateġiċi fi ħdan il-grupp Apple, meħuda minn diretturi, f’Cupertino” u meta, min-naħa l-oħra, b’mod iktar speċifiku, fir-rigward tad-deċiżjonijiet fil-qasam R & D, li huma l-bażi tal-PI tal-grupp Apple, hija semmiet il-fatt li “d-deċiżjonijiet dwar il-prodotti li għandhom jiġu żviluppati […] u dwar l-istrateġija ta’ R & D kienu ttieħdu u ġew implimentati minn diretturi [membri tal-eżekuttiv] tal-grupp stabbiliti f’Cupertino”. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “l-istrateġiji għall-introduzzjoni tal-prodotti l-ġodda, u, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni fis-swieq Ewropej […] [kienu] ġew stabbiliti fil-livell tal-grupp Apple, b’mod partikolari mid-diriġenti eżekuttivi [tim eżekuttiv] tal-grupp (Executive Team) taħt id-direzzjoni tad-direttur ġenerali tal-grupp, f’Cupertino”. |
215 |
Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li, fil-punti kollha tas-sentenza appellata kkontestati mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali qagħdet, b’mod espliċitu jew impliċitu, fuq il-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. b’rabta mal-PI tal-grupp Apple taħt il-ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż jew tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni jew fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm tal-grupp, billi pparagunat dawn il-funzjonijiet ma’ dawk imwettqa mill-fergħat Irlandiżi b’rabta mal-liċenzji ta’ PI. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOI, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. la huwa msejjes fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u lanqas fuq l-iżnaturament tagħha. |
– Fuq l‑effett tat‑teħid inkunsiderazzjoni tal‑attivitajiet eżerċitati u tal‑funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. fuq il‑klassifikazzjoni ġuridika tal‑fatti
216 |
L-Irlanda, kif ukoll ASI u AOI, essenzjalment isostnu li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni żbaljat tal-attivitajiet ta’ Apple Inc. huwa, fi kwalunkwe każ, ineffettiv peress li, anki kieku kellu jitqies li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-attivitajiet, l-evalwazzjonijiet li waslet għalihom fi tmiem l-eżami tal-fatti tagħha huma bbażati fuq analiżi tal-attività tal-fergħat Irlandiżi u tas-sedi u fuq il-konstatazzjoni li l-funzjonijiet imwettqa mill-imsemmija fergħat huma “rutina”, liema konstatazzjoni, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, ma kinitx biżżejjed sabiex tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-liċenzji ta’ PI u tal-profitti relatati lil dawn tal-aħħar. |
217 |
F’dan ir-rigward, mill-punt 310 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li l-profitti li jirriżultaw mill-użu tal-liċenzji ta’ PI kellhom, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitti annwali taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda, jiġu attribwiti lill-fergħat Irlandiżi, hija bbażata, minn naħa, fuq l-eżami tal-attivitajiet effettivament eżerċitati minn dawn il-fergħat u, min-naħa l-oħra, fuq id-“deċiżjonijiet strateġiċi meħuda u implimentati barra minn dawn il-fergħat”. |
218 |
Issa, fil-punti 298 sa 309 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, l-eżistenza ta’ sistema deċiżjonali ċċentralizzata fi ħdan il-grupp Apple, immexxija minn Apple Inc., inkluż fir-rigward tal-ġestjoni u l-iżvilupp tal-PI tal-grupp u, min-naħa l-oħra, il-kapaċità tas-sedi ta’ ASI u ta’ AOE li jieħdu, permezz tal-bordijiet tad-diretturi rispettivi tagħhom jew permezz ta’ sistema ta’ delega ta’ setgħat favur membri individwali tal-imsemmija bordijiet, “id-deċiżjonijiet ewlenin għall-kumpannija […] bħall-approvazzjoni tal-kontijiet annwali”. Madankollu, hija la kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ dawn is-sedi fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet strateġiċi meħuda minn Apple Inc. u lanqas l-involviment effettiv tagħhom fl-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet jew fil-ġestjoni attiva tal-liċenzji ta’ PI. L-unika konstatazzjoni f’dan ir-rigward, li tinsab fil-punt 307 tas-sentenza appellata, li ASI u AOE kienu pprovdew informazzjoni li turi li l-verżjonijiet differenti tal-ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż kienu ġew iffirmati minn membri tal-bordijiet tad-diretturi rispettivi tagħhom f’Cupertino, hija kkontestata mill-Kummissjoni taħt it-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, li ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem. |
219 |
B’hekk, fid-dawl tal-importanza, fl-istruttura tas-sentenza appellata, tal-eżami tal-attivitajiet u tal-funzjonijiet ta’ Apple Inc. b’rabta mal-PI tal-grupp Apple, kif ukoll fid-dawl tar-rabta mill-qrib bejn dan l-eżami u dak tal-attivitajiet tal-fergħat ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda, ma jistax jingħad li l-argument ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ dawn l-attivitajiet u funzjonijiet huwa ineffettiv. |
220 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Kummissjoni ġustament issostni li l-Qorti Ġenerali, sabiex tiddeċiedi li l-provi li jippermettu l-attribuzzjoni tal-profitti li jirriżultaw mill-użu tal-liċenzji ta’ PI lill-fergħat ta’ ASI u ta’ AOE ma kinux biżżejjed, ipparagunat b’mod żbaljat il-funzjonijiet imwettqa minn dawn il-fergħat b’rabta ma’ dawn il-liċenzji ma’ dawk imwettqa minn Apple Inc. b’rabta mal-PI tal-grupp Apple, pjuttost milli ma’ dawk effettivament imwettqa mis-sedi b’rabta mal-imsemmija liċenzji. Dan jirriżulta b’mod partikolarment ċar mill-konklużjonijiet intermedji tal-Qorti Ġenerali fl-istadji differenti tal-analiżi tagħha tal-fatti u, b’mod partikolari, fil-punti 266 u 302 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ddikjarat, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat turi li l-korpi amministrattivi tal-fergħat Irlandiżi kienu effettivament wettqu attivament il-ġestjoni, fuq bażi ta’ ġurnata b’ġurnata, “tal-funzjonijiet u tar-riskji kollha relatati mal-PI tal-grupp Apple [elenkati fil-ftehim] ta’ tqassim tal-ispejjeż” u, min-naħa l-oħra, li, peress li d-deċiżjonijiet strateġiċi dwar l-iżvilupp tal-prodotti li huma l-bażi tal-PI tal-grupp Apple kienu ttieħdu għall-grupp kollu f’Cupertino, il-Kummissjoni kienet qieset b’mod żbaljat li l-ġestjoni ta’ din il-PI kienet neċessarjament ġiet assunta minn dawn il-fergħat. |
221 |
B’hekk, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-fergħat ta’ ASI u ta’ AOE kienu jwettqu “funzjonijiet umani sinjifikattivi” (significant people functions) b’rabta mal-PI tal-grupp Apple, hija bbażata fil-biċċa l-kbira fuq eżami tal-funzjonijiet imwettqa fil-livell ta’ Apple Inc., li l-Qorti Ġenerali stess qieset li, skont l-interpretazzjoni tagħha tad-dritt Irlandiż, ma humiex rilevanti f’dan il-każ. |
222 |
L-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq teħid inkunsiderazzjoni żbaljat tal-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. huwa għalhekk fondat. Dan ifisser li t-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel aggravju għandu jintlaqa’ wkoll. |
2) Fuq l‑ewwel ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja tas‑sentenza appellata u fuq irregolarità proċedurali
223 |
Fid-dawl tal-fatt li ntlaqa’ t-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat l-ewwel ilment ta’ din il-parti, immirat lejn l-istess evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali. |
3. Fuq it‑tielet parti tal‑ewwel aggravju
a) L‑argumenti tal-partijiet
224 |
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li, fil-punti 301 u 303 sa 309 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-approċċ tal-entità distinta, il-prinċipju ta’ distakkament u, konsegwentement, l-Artikolu 107(1) TFUE u żnaturat id-dritt nazzjonali, billi ddeċidiet li l-atti formali eżegwiti mid-diretturi ta’ ASI u ta’ AOE kienu jikkostitwixxu funzjonijiet imwettqa mis-sedi tagħhom b’rabta mal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple li għandhom dawn il-kumpanniji. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża u fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li jispjegaw ir-raġunijiet għaliex dawn l-atti ma kinux jikkostitwixxu funzjonijiet imwettqa mis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-metodu tal-entità distinta u tal-prinċipju ta’ distakkament, jikkostitwixxi irregolarità proċedurali u nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti Ġenerali toqgħod fuq provi inammissibbli sabiex issostni l-evalwazzjoni tagħha jixhed wkoll tali irregolarità. |
225 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-irregolarità proċedurali u tan-nuqqas ta’ motivazzjoni li jivvizzjaw is-sentenza appellata, il-Kummissjoni tfakkar il-kontenut tal-ispjegazzjonijiet li hija tat kemm fil-premessi 280 sa 294 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll b’risposta għall-argumenti li l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, kienu ressqu, rispettivament, fir-rikorsi tagħhom fl-ewwel istanza. Dan ifisser, b’mod partikolari, li s-sedi ta’ ASI u ta’ AOE ma setgħux jitqiesu li effettivament wettqu funzjonijiet b’rabta mal-liċenzji ta’ PI li għandhom dawn iż-żewġ kumpanniji. Il-minuti tal-laqgħat tal-bordijiet tad-diretturi ta’ ASI u ta’ AOE, li kienu jikkostitwixxu l-unika prova tad-deċiżjonijiet meħuda mis-sedi tagħhom, ma jurux li dawn tal-aħħar kienu jwettqu tali funzjonijiet. Madankollu, il-Qorti Ġenerali, billi toqgħod fuq dawn il-minuti u billi tobbliga lill-Kummissjoni tipprova li d-deċiżjonijiet ewlenin ta’ ASI u ta’ AOE ma ġewx adottati matul dawn il-laqgħat, timponi fuq din tal-aħħar oneru ta’ prova li huwa impossibbli li jiġi ssodisfatt. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali, billi aċċettat l-argument ta’ ASI u ta’ AOE li l-għoti ta’ prokuri lill-membri tal-eżekuttiv ta’ Apple Inc. sabiex jiffirmaw kuntratti mal-OEMs u mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni “f’isem” ASI u AOE kien jaqa’ taħt il-funzjonijiet imwettqa mis-sedi ta’ dawn il-kumpanniji, meta l-provi insostenn ta’ dan l-argument ġew prodotti għall-ewwel darba fil-mori tal-kawża u kienu għalhekk inammissibbli, wettqet irregolarità proċedurali. |
226 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi qieset li l-atti formali eżegwiti mill-amministraturi ta’ ASI u ta’ AOE jikkostitwixxu funzjonijiet imwettqa mis-sedi ta’ dawn il-kumpanniji b’rabta mal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple, kisret l-approċċ tal-entità distinta u l-prinċipju ta’ distakkament, ħaġa li tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u żnaturament tad-dritt nazzjonali. |
227 |
Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-attribuzzjoni tal-profitti lil fergħa teħtieġ analiżi funzjonali, jiġifieri eżami tal-funzjonijiet imwettqa, tal-assi użati u tar-riskji assunti minn din il-fergħa mqabbla ma’ dawk tal-kumpannija li għaliha tappartjeni din tal-aħħar. Skont l-approċċ awtorizzat tal-OECD, dan l-eżami jinvolvi l-identifikazzjoni tal-“funzjonijiet umani sinjifikattivi” tal-imsemmija fergħa u tal-partijiet l-oħra ta’ din il-kumpannija, u dan b’riferiment “għall-attività deċiżjonali u għall-ġestjoni attiva u mhux għas-sempliċi risposta li tilqa’ jew tiċħad proposta”. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punti 301 u 303 sa 309 tas-sentenza appellata, ekwiparat l-atti formali eżegwiti mill-amministraturi ta’ ASI u ta’ AOE ma’ funzjonijiet imwettqa mis-sedi ta’ dawn il-kumpanniji. Fil-fatt, jekk l-għoti ta’ prokura jew l-iffirmar ta’ ftehimiet jistgħu jkunu biżżejjed sabiex ikun stabbilit it-twettiq ta’ funzjonijiet, il-kunċett ta’ “funzjonijiet umani sinjifikattivi” għall-finijiet tal-analiżi funzjonali jitlef is-sens tiegħu. |
228 |
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali, billi ekwiparat, fil-punti 301, 306 u 307 tas-sentenza appellata, l-għoti ta’ prokuri, l-iffirmar ta’ ftehimiet mal-OEMs u mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni bis-saħħa ta’ dawn il-prokuri, kif ukoll l-iffirmar tal-ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż, ma’ funzjonijiet imwettqa mis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE, naqset milli tosserva l-approċċ tal-entità distinta u l-prinċipju ta’ distakkament, ħaġa li tikkostitwixxi applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE u żnaturament tad-dritt nazzjonali. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali, billi laqgħet, fil-punt 308 tas-sentenza appellata, l-argument tal-Irlanda, kif ukoll ta’ ASI u ta’ AOE, li s-sempliċi preżenza fiżika ta’ amministratur tikkostitwixxi funzjoni mwettqa mis-sedi, mingħajr ma la eżaminat u lanqas ikkonfutat l-argumenti tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, ivvizzjat is-sentenza appellata b’irregolarità proċedurali u b’nuqqas ta’ motivazzjoni. |
229 |
L-Irlanda ssostni, fl-ewwel lok, li t-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-appell għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. L-argumenti tal-Kummissjoni ma jistgħux, fil-fatt, jikkontestaw il-konstatazzjoni ewlenija ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali li l-attivitajiet tal-fergħat Irlandiżi ma jiġġustifikawx l-attribuzzjoni lil dawn tal-aħħar tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple u tal-profitti li jirriżultaw minnhom. Id-Deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn tiddikjara b’mod żbaljat li l-profitti li jirriżultaw mill-użu ta’ dawn il-liċenzji għandhom jiġu attribwiti lil dawn il-fergħat, għandha għalhekk, fi kwalunkwe każ, tiġi annullata. |
230 |
Fit-tieni lok, l-Irlanda ssostni li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni huma, fi kwalunkwe każ, infondati. |
231 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-minuti tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi, l-Irlanda ssostni li bl-iskuża ta’ allegata irregolarità proċedurali u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni, fil-verità, qiegħda tfittex li tikkritika l-konstatazzjonijiet fattwali dwar dawn il-laqgħat u l-importanza li l-Qorti Ġenerali tat lill-provi li ġew ippreżentati lilha. |
232 |
Dan jgħodd ukoll fir-rigward, it-tieni nett, tal-funzjonijiet imwettqa mis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE. Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset li dawn is-sedi setgħu wettqu funzjonijiet b’rabta mal-liċenzji ta’ PI, billi essenzjalment ikkontestat il-konstatazzjonijiet fattwali u l-piż mogħti lill-provi mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, il-Kummissjoni tonqos milli tidentifika kwalunkwe żball ta’ liġi mwettaq f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali. |
233 |
ASI u AOI jsostnu li t-tielet parti tal-ewwel aggravju, li permezz tagħha l-Kummissjoni qiegħda tipprova tiddiskuti l-fatti mill-ġdid, hija inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondata u ineffettiva. |
234 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-minuti tal-bordijiet tad-diretturi, ASI u AOI jsostnu, qabelxejn, li l-Kummissjoni qiegħda tiżnatura l-provi billi ddikjarat li dawn il-minuti kienu l-uniċi provi prodotti matul il-proċedura amministrattiva dwar id-deċiżjonijiet meħuda minn ASI u minn AOE barra mill-Irlanda, minkejja li l-Qorti Ġenerali qagħdet, b’mod partikolari, fuq provi oħra li juru li l-ftehimiet ta’ qsim tal-ispejjeż ġew fil-fatt iffirmati mid-diretturi ta’ dawn il-kumpanniji bbażati fl-Istati Uniti u li dawn tal-aħħar, kif ukoll il-persuni li jaġixxu f’isem l-imsemmija kumpanniji, innegozjaw u kkonkludew kuntratti mal-OEMs u mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni. ASI u AOI jsostnu mbagħad li r-raġunament fil-punt 304 tas-sentenza appellata huwa, fi kwalunkwe każ, biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tifhem il-bażi tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha. ASI u AOI jirrilevaw, fl-aħħar nett, li l-Qorti Ġenerali ma imponietx fuq il-Kummissjoni livell ta’ prova li huwa impossibbli li jiġi ssodisfatt iżda ddeċidiet li din tal-aħħar ma setgħetx tillimita ruħha għal eżami tal-minuti tal-bordijiet tad-diretturi ta’ ASI u ta’ AOE, meta dawn il-kumpanniji kienu informawha li dawn il-minuti ma kinux jikkostitwixxu rendikont eżawrjenti tal-attivitajiet tad-diretturi bbażati fl-Istati Uniti u kienu pprovdewlha diversi provi ta’ dawn l-attivitajiet matul il-proċedura amministrattiva. |
235 |
Fit-tieni lok, ASI u AOI jsostnu li n-negozjar u l-iffirmar tal-kuntratti mal-OEMs u mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni mid-diretturi bbażati fl-Istati Uniti jew, permezz ta’ prokura, minn impjegati tal-grupp Apple, kienu jikkostitwixxu “funzjonijiet umani sinjifikattivi”, imwettqa minn ASI u minn AOE barra mill-Irlanda. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma qagħditx fuq l-iffirmar tal-ftehimiet ta’ qsim tal-ispejjeż jew fuq l-għoti ta’ prokuri sabiex turi li s-sedi ta’ ASI u ta’ AOE kienu jwettqu “funzjonijiet umani sinjifikattivi”, iżda sabiex tiddeċiedi, fil-punti 303 sa 309 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet qieset b’mod żbaljat li l-korpi ta’ tmexxija ta’ ASI u ta’ AOE, b’mod partikolari l-bordijiet tad-diretturi tagħhom, “ma kellhomx il-kapaċitajiet li jeżerċitaw il-funzjonijiet essenzjali” ta’ dawn il-kumpanniji. Għalhekk, is-sentenza appellata la hija vvizzjata b’kontradizzjoni, la bi ksur tal-kunċett ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u lanqas bi żnaturament tad-dritt nazzjonali. |
236 |
Fit-tielet lok, l-ilment tal-Kummissjoni li fih tallega li l-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva l-approċċ tal-entità distinta u l-prinċipju ta’ distakkament, u kisret għalhekk l-Artikolu 107(1) TFUE u żnaturat id-dritt nazzjonali, jitlaq mill-premessa żbaljata li n-negozjar u l-iffirmar tal-kuntratti inkwistjoni ma kinux funzjonijiet imwettqa minn persuni li jaġixxu f’isem u għan-nom ta’ ASI, iżda funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. |
237 |
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni l-argumenti tal-Irlanda, ta’ ASI u ta’ AOI. |
238 |
Fl-aħħar nett, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA taqbel mal-argumenti tal-Kummissjoni. L-atti formali, bħat-tħejjija ta’ prokura jew l-iffirmar ta’ ftehim, ma jikkostitwixxux funzjonijiet effettivament imwettqa mis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE b’rabta mal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple. Dawn l-atti huma biss il-formalizzazzjoni, mid-diretturi ta’ ASI u ta’ AOE, ta’ funzjonijiet effettivament imwettqa minn Apple Inc., bħan-negozjar u l-iffirmar ta’ kuntratti kummerċjali ma’ klijenti bħal operaturi tat-telekomunikazzjoni jew OEMs. Konsegwentement, għalkemm il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet, fil-punt 242 tas-sentenza appellata, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ vantaġġ, hija applikat, madankollu, kriterju żbaljat sabiex tiċħad ir-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni, imfisser fil-punti 303 sa 309 tas-sentenza appellata. |
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
239 |
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, immirata lejn il-punti 301 u 303 sa 309 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni qiegħda tikkontesta b’mod iktar speċifiku l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-attivitajiet tas-sedi ta’ ASI u ta’ AOE. |
240 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx l-argument li hija kienet ressqet quddiemha li l-minuti li l-Kummissjoni kienet eżaminat kienu l-unika prova prodotta minn Apple Inc. matul il-proċedura amministrattiva sabiex tintwera l-eżistenza ta’ funzjonijiet imwettqa mis-sedi. |
241 |
F’dan il-każ, fil-punt 305 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-provi, li, minkejja n-natura sommarja tagħhom, l-estratti mill-minuti eżaminati mill-Kummissjoni kienu biżżejjed sabiex “jinftiehem kif id-deċiżjonijiet ewlenin għall-kumpannija matul kull sena fiskali [kienu] ġew adottati u mdaħħla [f’dawn il-minuti]”. |
242 |
Tali evalwazzjoni, li tippermetti lill-Kummissjoni tifhem ir-raġunijiet għall-importanza li l-Qorti Ġenerali tat lill-imsemmija minuti, minkejja li dawn tal-aħħar huma l-unika prova prodotta matul il-proċedura amministrattiva fir-rigward tal-funzjonijiet tas-sedi, ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, liema każ ma ġiex invokat mill-Kummissjoni. |
243 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li, fil-punt 304 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali imponiet fuqha oneru tal-prova li huwa impossibbli li jiġi ssodisfatt. |
244 |
F’dan il-punt 304, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “l-fatt li l-minuti [eżaminati mill-Kummissjoni] ma jurux dettalji dwar id-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple, dwar il-ftehim ta’ tqassim [qsim] tal-ispejjeż u dwar id-deċiżjonijiet kummerċjali importanti ma jistax jeskludi l-eżistenza ta’ dawn id-deċiżjonijiet infushom”. |
245 |
Kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġunament imfisser fil-punt 304 tas-sentenza appellata, li kieku kellu jiġi kkonfermat, iżomm lill-Kummissjoni milli tkun tista’ tislet argument mill-fatt li l-minuti tal-bordijiet tad-diretturi ta’ kumpannija ma jsemmux ċerti kategoriji ta’ deċiżjonijiet sabiex issostni l-analiżi tagħha li tikkonkludi li dawn id-deċiżjonijiet ma jeżistux. Issa, tali raġunament effettivament jgħabbi lill-Kummissjoni b’oneru ta’ prova eċċessiv. |
246 |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-punt 306 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari, sa fejn il-Qorti Ġenerali tiddikjara li “[mill-minuti eżaminati] jirriżulta li setgħat wiesgħa ħafna ta’ ġestjoni ġew iddelegati favur amministraturi individwali [membri individwali tal-bordijiet tad-diretturi]”. Hija ssostni li, għalkemm huwa minnu li dawn il-minuti kienu kultant jiddokumentaw l-għoti ta’ prokuri mill-bordijiet tad-diretturi, waħda biss minn dawn il-prokuri kienet tikkonċerna l-konklużjoni ta’ kuntratti mal-OEMs u mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni. |
247 |
F’dan ir-rigward, sa fejn il-Kummissjoni, billi tinvoka dan l-argument, qiegħda tfittex li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-valur probatorju tad-dokumentazzjoni fil-minuti tal-prokura msemmija fil-punt preċedenti, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑237/98 P, EU:C:2000:321, punt 50, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs CEVA u Pfizer, C‑198/03 P, EU:C:2005:445, punt 50) u dan filwaqt li jiġi ppreċiżat li, kif proprju indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda regola u ebda prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxu lill-Qorti Ġenerali milli toqgħod fuq element wieħed ta’ prova sabiex tikkonstata l-fatti rilevanti. |
248 |
Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali magħmula, b’mod iktar speċifiku, fil-punti 301, 306 u 307 tas-sentenza appellata, li atti, bħall-għoti ta’ prokuri sabiex, f’dan il-każ, jiġu nnegozjati, iffirmati u emendati ftehimiet, jikkostitwixxu funzjonijiet effettivament imwettqa mis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE b’rabta mal-liċenzji ta’ PI. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi, b’mod partikolari, li n-negozjati għall-konklużjoni ta’ kuntratti kummerċjali, bħall-kuntratti mal-OEMs u mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni, jistgħu, għall-finijiet tal-analiżi funzjonali u fattwali li għandha ssir abbażi tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, jikkostitwixxu “funzjonijiet umani sinjifikattivi”. Madankollu, f’dan il-każ, dawn il-funzjonijiet ma twettqux mis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE, iżda mill-impjegati ta’ Apple Inc., f’isem il-grupp Apple kollu u għall-benefiċċju ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji. Il-punti 301, 306 u 307 tas-sentenza appellata huma wkoll ivvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni u b’motivazzjoni kontradittorja. |
249 |
Dawn l-argumenti tal-Kummissjoni jirriżultaw minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. |
250 |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, meta kkonstatat li d-diretturi ta’ ASI u ta’ AOE kienu pparteċipaw, direttament jew bi prokura, f’negozjati mal-OEMs u mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni jew fil-konklużjoni ta’ kuntratti kummerċjali jew ta’ ftehimiet infragrupp, ma kellhiex il-ħsieb li tiddikjara li s-sedi ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji kienu wettqu “funzjonijiet umani sinjifikattivi” b’rabta mal-liċenzji ta’ PI, iżda sempliċement iddeċidiet, b’mod partikolari fil-punti 302 u 309 tas-sentenza appellata, li d-Deċiżjoni kontenzjuża kienet ikkonkludiet b’mod żbaljat li l-ġestjoni tal-PI tal-grupp Apple kienet ġiet neċessarjament assunta mill-fergħat tal-imsemmija kumpanniji peress li s-sedi tagħhom ma kellhomx il-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni ta’ dawn il-liċenzji. |
251 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm, kif ġie rrilevat fil-punti 193 u 222 ta’ din is-sentenza, dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq provi inammissibbli u fuq teħid inkunsiderazzjoni żbaljat tal-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc., l-argumenti tal-Kummissjoni, miġbura fil-qosor fil-punt 248 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jintlaqgħu. |
252 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel aggravju hija, għar-raġuni mfissra fil-punt 245 ta’ din is-sentenza, parzjalment fondata. |
4. Konklużjonijiet dwar l‑ewwel aggravju tal‑appell
253 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi kollha, l-ewwel aggravju tal-appell għandu jintlaqa’. |
254 |
Mill-eżami ta’ dan l-aggravju jirriżulta, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, b’mod partikolari fil-punti 183 sa 187, 228, 242 u 243 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet adottat approċċ “b’esklużjoni” fl-eżami tagħha tal-attivitajiet eżerċitati, tal-assi użati u tar-riskji assunti mill-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97 u, għaldaqstant, tad-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli fl-Irlanda ta’ dawn il-kumpanniji mhux residenti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 249 tas-sentenza appellata, li r-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni kien ibbażat fuq evalwazzjonijiet żbaljati dwar it-tassazzjoni normali fis-sens tad-dritt fiskali Irlandiż applikabbli f’dan il-każ. |
255 |
Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll irregolarità proċedurali billi ħadet inkunsiderazzjoni provi inammissibbli insostenn tal-evalwazzjoni tagħha fil-punt 301 tas-sentenza appellata (ara l-punt 193 ta’ din is-sentenza). |
256 |
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali, billi ffokat, fl-eżami tagħha tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw l-attivitajiet fi ħdan il-grupp Apple, fuq il-funzjonijiet u fuq ir-riskji assunti minn Apple Inc. b’rabta mal-PI, minflok ma ffokat biss fuq l-attivitajiet eżerċitati mill-fergħat Irlandiżi u mis-sedi ta’ ASI u ta’ AOE, rispettivament, b’rabta mal-ġestjoni u mal-użu tal-liċenzji ta’ PI, għamlet klassifikazzjoni tal-fatti eżaminati billi applikat kriterju legali differenti minn dak li kienet, hija stess, qieset li għandu japplika skont l-Artikolu 25 tat-TCA 97. Dan il-kuntest ta’ riferiment jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tqassim tal-assi, tal-funzjonijiet u tar-riskji bejn il-fergħa u l-partijiet l-oħra tal-kumpannija mhux residenti u, skont il-prinċipji fiskali applikabbli taħt id-dritt Irlandiż, jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol ta’ entitajiet distinti, bħalma hija kumpannija omm tal-kumpannija mhux residenti (ara l-punt 222 ta’ din is-sentenza). |
257 |
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali għabbiet lil-Kummissjoni b’oneru ta’ prova eċċessiv billi, fil-punt 304 tas-sentenza appellata, sostniet li l-fatt li l-minuti eżaminati mill-Kummissjoni ma fihomx dettalji dwar id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ġestjoni tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple, dwar il-ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż u dwar id-deċiżjonijiet kummerċjali importanti, ma jistax jeskludi l-eżistenza ta’ dawn id-deċiżjonijiet fihom innifishom (ara l-punt 245 ta’ din is-sentenza). |
258 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, minn naħa, iddeċidiet li r-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni kien ibbażat fuq evalwazzjonijiet żbaljati dwar it-tassazzjoni normali fis-sens tad-dritt fiskali Irlandiż applikabbli f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, laqgħet l-ilmenti mressqa mill-Irlanda, kif ukoll minn ASI u minn AOE, kontra l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE u dwar l-attivitajiet barra minn dawn il-fergħat. |
259 |
Fid-dawl tal-iżbalji kkonstatati fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn din tilqa’ l-ilmenti kontra r-raġunament prinċipali dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, imressqa mill-Irlanda taħt l-ewwel sat-tielet motiv fil-Kawża T‑778/16 u minn ASI u minn AOE taħt l-ewwel sal-ħames motiv fil-Kawża T‑892/16, sa fejn hija annullat id-Deċiżjoni kontenzjuża u sa fejn iddeċidiet fuq l-ispejjeż. |
VI. Fuq ir‑rikorsi quddiem il‑Qorti Ġenerali
260 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ jew tiddeċiedi l-kawża hija stess b’mod definittiv, f’sitwazzjoni fejn din tal-aħħar tkun fi stat li tiġi deċiża, jew inkella tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi deċiża minn din tal-aħħar. |
261 |
Mir-rikorsi fl-ewwel istanza jirriżulta li l-motivi invokati mill-Irlanda u minn ASI u AOE, rispettivament, huma intiżi, fl-ewwel lok, li jikkontestaw ir-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni, billi jallegaw żbalji li jirrigwardaw l-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv (l-ewwel sat-tielet motiv fil-Kawża T‑778/16 u l-ewwel sas-sitt motiv fil-Kawża T‑892/16) u l-evalwazzjoni dwar il-kunċett ta’ intervent tal-Istat (it-tielet parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑778/16). |
262 |
Fit-tieni lok, l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, sostnew li l-eżami tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva twettaq bi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, u b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ (is-sitt motiv fil-Kawża T‑778/16 u s-seba’ u t-tnax‑il motiv fil-Kawża T‑892/16). |
263 |
Fit-tielet lok, l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, ikkontestaw l-irkupru ordnat mid-Deċiżjoni kontenzjuża, bi ksur, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (is-seba’ motiv fil-Kawża T‑778/16 u l-ħdax‑il motiv fil-Kawża T‑892/16). |
264 |
Fir-raba’ lok, l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, ikkritikaw lill-Kummissjoni talli ndaħlet fil-kompetenzi tal-Istati Membri, billi invokaw, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ awtonomija fiskali (it-tmien motiv fil-Kawża T‑778/16 u l-erbatax‑il motiv fil-Kawża T‑892/16). |
265 |
Fil-ħames u fl-aħħar lok, l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, sostnew li d-Deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx motivata biżżejjed (id-disa’ motiv fil-Kawża T‑778/16 u t-tlettax‑il motiv fil-Kawża T‑892/16). |
266 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi dwar dawn il-motivi kollha. Dawn tal-aħħar kienu effettivament is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u, fid-dawl tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżi sabiex tinġieb fi tmiemha t-tilwima, l-eżami ta’ dawn il-motivi ma jeħtieġ li tittieħed ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ pproċessar tal-fajl. |
267 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis għalhekk li r-rikorsi huma fi stat li jiġu deċiżi u li għandha tingħata deċiżjoni definittiva dwarhom fil-limiti tat-tilwima li hija adita biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑5 ta’ Marzu 2024, Kočner vs Europol, C‑755/21 P, EU:C:2024:202, punt 112). |
A. Fuq il‑motivi li jikkonċernaw l‑evalwazzjoni dwar l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv
268 |
Fil-kuntest li fih ġie kkontestat ir-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni, l-ewwel nett, l-Irlanda lmentat li l-Kummissjoni wettqet eżami konġunt tal-kunċetti ta’ vantaġġ u ta’ selettività (parzjalment it-tieni motiv fil-Kawża T‑778/16). |
269 |
It-tieni nett, kemm l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, ikkritikaw lill-Kummissjoni talli identifikat b’mod żbaljat il-kuntest ta’ riferiment, b’mod partikolari abbażi ta’ evalwazzjonijiet żbaljati tat-tassazzjoni normali fis-sens tad-dritt Irlandiż (parzjalment l-ewwel u t-tieni motiv fil-Kawża T‑778/16 u l-ewwel motiv fil-Kawża T‑892/16), tal-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ distakkament (parzjalment l-ewwel motiv u t-tielet motiv fil-Kawża T‑778/16 u parzjalment l-ewwel motiv u t-tieni motiv fil-Kawża T‑892/16), tal-applikazzjoni inadegwata tal-approċċ awtorizzat tal-OECD (parzjalment it-tieni motiv fil-Kawża T‑778/16 u l-ħames motiv fil-Kawża T‑892/16). |
270 |
It-tielet nett, l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, ikkontestaw l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet fi ħdan il-grupp Apple (l-ewwel motiv fil-Kawża T‑778/16, kif ukoll it-tielet u r-raba’ motiv fil-Kawża T‑892/16). |
271 |
Ir-raba’ nett, huma kkritikaw l-evalwazzjonijiet dwar in-natura selettiva tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati (parzjalment it-tieni motiv fil-Kawża T‑778/16 u s-sitt motiv fil-Kawża T‑892/16). |
1. Fuq l‑eżami konġunt tal‑kriterji ta’ vantaġġ u ta’ selettività
272 |
L-Irlanda essenzjalment issostni li l-Kummissjoni injorat il-prinċipji stabbiliti sew fil-ġurisprudenza billi fixklet il-kriterji ta’ vantaġġ u ta’ selettività u tikkritikaha talli ma eżaminatx dawn iż-żewġ kunċetti separatament. |
273 |
Billi l-Qorti Ġenerali ċaħdet, għar-raġunijiet imfissra fil-punti 134 sa 138 tas-sentenza appellata, l-ilment tal-Irlanda intiż li jikkritika l-eżami konġunt tal-kriterji ta’ vantaġġ u ta’ selettività, mingħajr ma l-Irlanda tikkontesta, f’appell inċidentali, il-fondatezza ta’ din il-parti ta’ din is-sentenza, l-annullament tal-imsemmija sentenza, deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jqegħedx f’dubju dik is-sentenza sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 109, u tat‑23 ta’ Novembru 2021, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑833/19 P, EU:C:2021:950, punt 81). |
274 |
Fil-fatt, l-Artikolu 178(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li t-talbiet tal-appell inċidentali għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma l-portata ta’ dawn it-talbiet tkun limitata għad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali hekk kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, b’differenza mill-Artikolu 169(1) ta’ dawn ir-Regoli li jirrigwarda t-talbiet tal-appell. Dan ifisser li, f’dan il-każ, l-Irlanda setgħet tippreżenta appell inċidentali li jikkontesta ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-argumenti mressqa fl-ewwel istanza. Fl-assenza ta’ tali appell inċidentali, is-sentenza appellata għandha l-awtorità ta’ res judicata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-argumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 110, u tat‑23 ta’ Novembru 2021, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑833/19 P, EU:C:2021:950, punt 82). |
275 |
Madankollu, l-ilment imressaq mill-Irlanda intiż li jikkritika l-eżami konġunt tal-kriterji ta’ vantaġġ u ta’ selettività jikkoinċidi parzjalment mal-ilmenti mmirati b’mod iktar speċifiku lejn l-evalwazzjonijiet dwar in-natura selettiva tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, eżaminati fil-punti 294 sa 311ta’ din is-sentenza. Għalhekk, dawn id-diversi lmenti ser jiġu ttrattati flimkien. |
2. Fuq l‑identifikazzjoni tal‑kuntest ta’ riferiment u l‑evalwazzjonijiet tal‑Kummissjoni dwar it‑tassazzjoni normali tal‑profitti fis‑sens tad‑dritt fiskali Irlandiż
276 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment, għandu jitqies, għall-istess raġunijiet bħal dawk imfissra fil-punti 273 u 274 ta’ din is-sentenza, li s-sentenza appellata, sa fejn ċaħdet, għar-raġunijiet imfissra fil-punti 144 sa 162 tagħha, l-ilmenti mressqa mill-Irlanda u minn ASI u AOE dwar il-kuntest ta’ riferiment kif iddefinit fid-Deċiżjoni kontenzjuża, għandha, fl-assenza ta’ appell inċidentali, l-awtorità ta’ res judicata. Dan ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tagħti deċiżjoni dwar dawn l-ilmenti. |
277 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet dwar it-tassazzjoni normali tal-profitti fis-sens tad-dritt fiskali Irlandiż, jirriżulta, qabelxejn, mill-kunsiderazzjonijiet ifformulati fil-punti 120 sa 130 ta’ din is-sentenza li ma huwiex stabbilit li l-Kummissjoni wettqet biss attribuzzjoni tal-profitti “b’esklużjoni” mhux konformi mal-Artikolu 25 tat-TCA 97, billi qieset li l-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple kellhom jiġu attribwiti lill-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE sa fejn is-sedi ta’ dawn il-kumpanniji la kellhom impjegati u lanqas preżenza fiżika, it-tnejn meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni ta’ dawn il-liċenzji. Għalhekk, ma jistax validament jingħad li l-Kummissjoni ma pprovatx turi li l-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE kienu effettivament eżerċitaw l-attivitajiet b’rabta mal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple, ħaġa li tiġġustifika li l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi kellhom jattribwixxu lil dawn il-fergħat il-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple li għandhom ASI u AOE u li, konsegwentement, skont l-Artikolu 25 tat-TCA 97, id-dħul kummerċjali kollu ta’ ASI u ta’ AOE kellu jitqies li jirriżulta mill-attività tal-imsemmija fergħat. |
278 |
L-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, sostnew imbagħad, taħt l-ewwel motiv fil-Kawża T‑778/16 u taħt l-ewwel u t-tieni motiv fil-Kawża T‑892/16, li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet fiskali Irlandiżi tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, ma setgħetx teżamina, abbażi tal-prinċipju ta’ distakkament, jekk il-livell tal-profitti attribwiti lill-fergħat għall-attivitajiet kummerċjali tagħhom fl-Irlanda, kif aċċettat fid-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, kienx jikkorrispondi għal-livell tal-profitti li kienu jinkisbu permezz tal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet kummerċjali taħt kundizzjonijiet tas-suq. Għall-istess raġunijiet bħal dawk imfissra fil-punti 273 u 274 ta’ din is-sentenza, is-sentenza appellata, sa fejn ċaħdet dawn l-argumenti għar-raġunijiet imfissra fil-punti 192 sa 225 tagħha, għandha, fl-assenza ta’ appell inċidentali, l-awtorità ta’ res judicata. Għalhekk, ma hemmx għalfejn tingħata deċiżjoni dwar dawn l-argumenti. |
279 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, għar-raġunijiet fil-punt 233 sa 239 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-ilment li jallega li l-Kummissjoni kienet essenzjalment qagħdet fuq l-approċċ awtorizzat tal-OECD meta qieset li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, l-attribuzzjoni tal-profitti lill-fergħa Irlandiża ta’ kumpannija mhux residenti kellha tieħu inkunsiderazzjoni t-tqassim tal-assi, tal-funzjonijiet u tar-riskji bejn il-fergħa u l-partijiet l-oħra ta’ din il-kumpannija. Fl-assenza ta’ appell inċidentali, din is-sentenza għandha, f’dan ir-rigward, l-awtorità ta’ res judicata. Għalhekk, ma hemmx għalfejn tingħata deċiżjoni dwar dan l-ilment. |
280 |
Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel aggravju tal-appell, ma huwiex stabbilit li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ distakkament fil-kuntest tar-raġunament prinċipali tagħha, sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika, l-istruttura u l-karatteristiċi partikolari tal-grupp Apple, b’mod partikolari l-funzjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-PI ta’ dan il-grupp imwettqa f’Cupertino. Għalhekk, l-argumenti mressqa mill-Irlanda taħt it-tielet motiv fil-Kawża T‑778/16, sa fejn jikkontestaw il-konklużjonijiet li, abbażi tal-prinċipju ta’ distakkament, waslet għalihom il-Kummissjoni fil-kuntest tar-raġunament prinċipali tagħha, għandhom jiġu miċħuda. |
281 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-motivi kollha mmirati lejn l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-raġunament prinċipali tagħha u li jirrigwardaw, minn naħa, l-identifikazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment u, min-naħa l-oħra, it-tassazzjoni normali fis-sens tad-dritt Irlandiż applikabbli f’dan il-każ, għandhom jiġu miċħuda. |
3. Fuq l‑evalwazzjonijiet tal‑Kummissjoni dwar l‑attivitajiet fi ħdan il‑grupp Apple
282 |
L-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, essenzjalment isostnu li l-attivitajiet u l-funzjonijiet imwettqa mill-fergħat Irlandiżi ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji, identifikati mill-Kummissjoni, jirrappreżentaw biss parti żgħira ħafna mill-attività ekonomika u mill-profitti tal-imsemmija kumpanniji u li, fi kwalunkwe każ, dawn l-attivitajiet u dawn il-funzjonijiet la inkludew il-ġestjoni u lanqas it-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi dwar l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tal-PI. |
283 |
Fil-fehma tal-Irlanda, kif ukoll ta’ ASI u AOE, id-deċiżjonijiet strateġiċi kollha, b’mod partikolari fir-rigward tad-disinn u tal-iżvilupp tal-prodotti, ittieħdu skont strateġija kummerċjali globali ddeterminata f’Cupertino u ġew implimentati mill-korpi ta’ tmexxija taż-żewġ kumpanniji inkwistjoni, barra mill-fergħat Irlandiżi. Għaldaqstant, l-attribuzzjoni lill-fergħat Irlandiżi tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple ma hijiex iġġustifikata. |
284 |
Mill-eżami tal-ewwel aggravju tal-appell jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, aċċettat, b’mod żbaljat, ir-rilevanza tal-funzjonijiet imwettqa minn Apple Inc. għall-finijiet tat-tqassim tal-profitti ta’ ASI u ta’ AOE bejn is-sedi tagħhom u l-fergħat rispettivi tagħhom (it-tieni parti) u, min-naħa l-oħra, wettqet żball ta’ liġi billi kkonstatat li l-korpi ta’ tmexxija ta’ ASI u ta’ AOE kienu, direttament jew bi prokura, wettqu funzjonijiet essenzjali fir-rigward tal-liċenzji ta’ PI (it-tielet parti). |
285 |
Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-attribuzzjoni, għal finijiet ta’ taxxa, tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple lill-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE, kif ukoll l-attribuzzjoni sussegwenti tal-profitti ġġenerati mill-użu ta’ dawn il-liċenzji, jirriżultaw direttament minn applikazzjoni korretta tal-prinċipji fiskali rilevanti għall-istruttura tal-grupp Apple kif stabbilita minn Apple Inc. innifisha permezz tal-ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż deskritt fil-punti 6 u 7 ta’ din is-sentenza. |
286 |
B’hekk, in-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, it-tqassim tal-assi, tal-funzjonijiet u tar-riskji bejn il-fergħat Irlandiżi u l-partijiet l-oħra ta’ ASI u ta’ AOE, u dan mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol li jista’ jkollha Apple Inc., tirriżulta mis-sempliċi għażla magħmula mill-grupp Apple li jittrasferixxi, permezz tal-ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż, l-ispejjeż u r-riskji marbuta mal-PI ta’ dan il-grupp. |
287 |
Għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 310 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni rnexxielha turi li, fid-dawl, minn naħa, tal-attivitajiet effettivament eżerċitati u tal-funzjonijiet effettivament imwettqa mill-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjonijiet strateġiċi meħuda u implimentati mis-sedi ta’ dawn il-kumpanniji li jinsabu barra mill-Irlanda, dawn il-fergħat kellhom jiġu attribwiti l-profitti ġġenerati mill-użu tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitti annwali taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda. |
288 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda wkoll l-ilmenti mressqa mill-Irlanda taħt l-ewwel motiv fil-Kawża T‑778/16 u minn ASI u AOE taħt it-tielet u r-raba’ motiv fil-Kawża T‑892/16, kontra l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE u l-attivitajiet barra mill-imsemmija fergħat. |
4. Fuq in‑natura selettiva tad‑deċiżjonijiet tat‑taxxa kkontestati
a) L‑argumenti tal‑partijiet
289 |
L-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, sostnuti mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, isostnu, qabelxejn, li l-Kummissjoni wettqet żball billi kklassifikat id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati bħala miżuri ta’ għajnuna individwali minħabba s-sempliċi fatt li dawn kienu japplikaw biss għal ASI u għal AOE u, għaldaqstant, billi assumiet, b’mod żbaljat, is-selettività tagħhom. Il-ġurisprudenza li qagħdet fuqha l-Kummissjoni ma ssostnix il-konklużjoni tagħha f’dan il-każ u dan meta wieħed iqis, b’mod partikolari, li, l-ewwel nett, id-deċiżjonijiet tat-taxxa preliminari huma disponibbli għal kull persuna taxxabbli li titlobhom, it-tieni nett, id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati sempliċement japplikaw l-Artikolu 25 tat-TCA 97 għall-fatti stabbiliti fit-talbiet quddiem l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi u, it-tielet nett u konsegwentement, setgħu jiġu adottati deċiżjonijiet tat-taxxa ekwivalenti fir-rigward ta’ kull kumpannija f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ ASI u ta’ AOE u li tkun talbithom. |
290 |
Sussegwentement, l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, essenzjalment isostnu li, fil-kuntest tal-analiżi fi tliet stadji tas-selettività, il-Kummissjoni segwiet approċċ ippreġudikat fir-rigward tas-selettività, billi invokat sistema ta’ riferiment fittizja u billi sostniet li kienet teżisti deroga minn regoli li fir-realtà ma kienu japplikaw għal ebda persuna taxxabbli f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ ASI u ta’ AOE. |
291 |
Fil-fehma ta’ dawn ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, sabiex turi s-selettività tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, kellha tistabbilixxi li dawn tal-aħħar kienu wasslu għal trattament differenti tal-kumpanniji li, fid-dawl tal-għan tal-miżura, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. Fid-dawl tal-għan tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, il-kumpanniji residenti u dawk mhux residenti ma jinsabux f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli fir-rigward tad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli tagħhom fl-Irlanda. |
292 |
Fl-aħħar nett, l-Irlanda ssostni li, sa fejn il-Kummissjoni wriet in-natura selettiva tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, ħaġa li ma għamlitx, id-differenza fit-trattament li huma suġġetti għaliha l-kumpanniji mhux residenti kienet iġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema fiskali Irlandiża, u b’mod partikolari mill-portata territorjali tas-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Irlanda. |
293 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, tikkontesta l-argumenti invokati mill-Irlanda, kif ukoll minn ASI u minn AOE. |
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
294 |
Essenzjalment, l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, qegħdin jikkritikaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura selettiva tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, sa fejn, minn naħa, tali selettività ma tistax tiġi preżunta f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, ma kienx hemm trattament differenti jew selettiv fir-rigward ta’ ASI u ta’ AOE meta mqabbla ma’ impriżi oħra f’sitwazzjoni paragunabbli. L-Irlanda ssostni li, fi kwalunkwe każ, tali trattament, anki li kieku kellu jitqies stabbilit, kien iġġustifikat min-natura u mill-istruttura tas-sistema fiskali Irlandiża. |
295 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li għalkemm ir-rekwiżit ta’ selettività li jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE għandu jingħażel b’mod ċar mill-iskoperta konkomitanti ta’ vantaġġ ekonomiku sa fejn, f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tkun identifikat il-preżenza ta’ vantaġġ, f’sens wiesa’, li jirriżulta direttament jew indirettament minn miżura partikolari, hija obbligata tistabbilixxi, barra minn hekk, li dan il-vantaġġ huwa speċifikament ta’ benefiċċju għal impriża waħda jew iktar (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Fachverband Spielhallen u LM vs Il‑Kummissjoni, C‑831/21 P, EU:C:2023:686, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), ma jistax jiġi eskluż li dawn il-kriterji jistgħu jiġu eżaminati flimkien, peress li mill-eżami li wettqet il-Kummissjoni jirriżulta, minn naħa, li l-miżura inkwistjoni tagħti vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarju tagħha u, min-naħa l-oħra, li dan il-vantaġġ ma huwiex ta’ benefiċċju għal impriżi f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli. |
296 |
Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, ta’ miżuri fiskali, l-eżami tal-vantaġġ u dak tas-selettività jikkoinċidu, sa fejn, sabiex dawn iż-żewġ kriterji jkunu ssodisfatti, jeħtieġ li jintwera li l-miżura fiskali kkontestata twassal għal tnaqqis fl-ammont tat-taxxa li normalment kien ikun dovut mill-benefiċjarju tal-miżura taħt is-sistema fiskali “normali” li tapplika għall-persuni taxxabbli l-oħra fl-istess sitwazzjoni. |
297 |
Kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami li għandha twettaq il-Kummissjoni sabiex tikkonstata s-selettività ta’ skema ta’ għajnuna ta’ natura fiskali jikkoinċidi, fir-rigward tal-identifikazzjoni tas-sistema ta’ riferiment jew tas-sistema fiskali “normali”, ma’ dak li għandu jitwettaq sabiex jiġi vverifikat jekk il-miżura kontenzjuża għandhiex l-effett li tagħti vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Fachverband Spielhallen u LM vs Il‑Kummissjoni, C‑831/21 P, EU:C:2023:686, punt 41). |
298 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-eżami konġunt tagħha tal-vantaġġ u tas-selettività, il-Kummissjoni segwiet l-analiżi fi tliet stadji tas-selettività ta’ miżura fiskali nazzjonali, jiġifieri, l-ewwel, l-identifikazzjoni tas-sistema ta’ riferiment adegwata, imbagħad, l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-miżuri kontenzjużi kinux jikkostitwixxu deroga minn din is-sistema u, fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk tali deroga hijiex iġġustifikata min-natura u mill-istruttura tal-imsemmija sistema. |
299 |
Issa, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni qagħdet, b’mod żbaljat, fuq il-preżunzjoni ta’ selettività li jgawdu minnha l-miżuri ta’ natura individwali, kif stabbilita fil-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑270/15 P, EU:C:2016:489), din tal-aħħar għandha tiġi ddikjarata ineffettiva. |
300 |
Fil-fatt, anki kieku kellu jitqies li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati jimplimentaw l-Artikolu 25 tat-TCA 97 li huwa dispożizzjoni ta’ benefiċċju, b’mod ġenerali u astratt, għal kull kumpannija mhux residenti, u ma jistgħux, għalhekk, jiġu kklassifikati bħala “għajnuna individwali”, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa ġew eżaminati fid-dawl tal-metodu ta’ analiżi fi tliet stadji applikabbli għall-iskemi ta’ għajnuna fiskali kif stabbilit fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 76 ta’ din is-sentenza. |
301 |
Fi ftit kliem, anki kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka preżunzjoni ta’ selettività f’dan il-każ, dan l-iżball jista’ jkollu influwenza fuq il-konstatazzjoni ta’ selettività magħmula mill-Kummissjoni biss jekk din tal-aħħar tkun naqset milli turi, fi tmiem din l-analiżi fi tliet stadji, li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kienu wasslu għal tnaqqis fl-ammont tat-taxxa normalment dovut mill-benefiċjarju tal-miżura li kieku kien suġġett għas-sistema fiskali “normali”, applikabbli għall-persuni taxxabli l-oħra fl-istess sitwazzjoni. |
302 |
Fit-tieni lok, ma ġiex stabbilit li l-Kummissjoni adottat approċċ ippreġudikat fl-analiżi fi tliet stadji tagħha tas-selettività. |
303 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-identifikazzjoni tas-sistema ta’ riferiment, għar-raġunijiet imfissra fil-punt 276 ta’ din is-sentenza, is-sentenza appellata, sa fejn ċaħdet l-ilmenti mressqa mill-Irlanda u minn ASI u minn AOE dwar il-kuntest ta’ riferiment kif iddefinit fid-Deċiżjoni kontenzjuża, għandha, fl-assenza ta’ appell inċidentali, l-awtorità ta’ res judicata. |
304 |
It-tieni nett, l-ilment li l-Kummissjoni ma wrietx li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati jikkostitwixxu deroga mill-kuntest ta’ riferiment li hija identifikat ma jistax jintlaqa’. |
305 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni wriet biżżejjed li dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa jwasslu sabiex ASI u AOE jibbenefikaw minn trattament fiskali favorevoli meta mqabbla mal-kumpanniji residenti ntaxxati fl-Irlanda li ma jistgħux jibbenefikaw minn tali deċiżjonijiet bil-quddiem tal-amministrazzjoni fiskali, jiġifieri b’mod partikolari l-kumpanniji mhux integrati u awtonomi, il-kumpanniji integrati ta’ grupp li jwettqu tranżazzjonijiet ma’ terzi jew il-kumpanniji integrati ta’ grupp li jwettqu tranżazzjonijiet ma’ kumpanniji tal-grupp li huma marbuta magħhom billi jiffissaw il-prezz ta’ dawn it-tranżazzjonijiet f’kundizzjonijiet ta’ distakkament, minkejja li dawn il-kumpanniji jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli fir-rigward tal-għan li tfittex li tilħaq is-sistema ta’ riferiment, liema għan huwa li jiġu ntaxxati l-profitti ġġenerati fl-Irlanda. |
306 |
B’hekk, id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, sa fejn inaqqsu l-ammont annwali ta’ taxxa li ASI u AOE huma obbligati jħallsu fl-Irlanda meta mqabbla, b’mod partikolari, mal-kumpanniji mhux integrati li l-profitt taxxabbli tagħhom jirrifletti l-prezzijiet iddeterminati fis-suq u nnegozjati f’kundizzjonijiet ta’ distakkament, iwasslu għal trattament differenti li jista’ jiġi essenzjalment ikklassifikat bħala derogatorju u diskriminatorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 54). |
307 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-diskriminazzjoni kkawżata mid-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati hijiex iġġustifikata min-natura u mil-loġika tas-sistema ta’ tassazzjoni fl-Irlanda, huwa stabbilit sew li miżura li tidderoga mill-applikazzjoni tas-sistema fiskali ġenerali tista’ tkun iġġustifikata kemm‑il darba din il-miżura tkun tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew mill-prinċipji gwida ta’ din is-sistema fiskali. F’dan ir-rigward, għandha tinstilet distinzjoni bejn, minn naħa, l-għanijiet li tfittex li tilħaq sistema fiskali partikolari u li huma esterni għaliha u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti għas-sistema fiskali nnifisha li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu tali għanijiet. Konsegwentement, vantaġġi fiskali li jirriżultaw minn għan li ma jkollux x’jaqsam mas-sistema fiskali li dawn ikunu jagħmlu parti minnha ma jistgħux jaħarbu mir-rekwiżiti taħt l-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punti 65 u 70, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A‑Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 48). |
308 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont ir-raġunament imfisser fil-premessi 404 sa 411 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li ebda wieħed mill-argumenti mressqa matul il-proċedura amministrattiva, ibbażati, essenzjalment, fuq l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li jgawdi minnha l-Irish Revenue (l-Amministrazzjoni Fiskali, l-Irlanda), fuq il-prassi ta’ din l-amministrazzjoni fiskali u fuq l-“effikaċja tas-sistema fiskali” li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati huma mistennija jikkontribwixxu għaliha, ma kien jiġġustifika t-trattament li gawdew minnu ASI u AOE, li kien jikkonsisti fl-għoti lil dawn il-kumpanniji ta’ vantaġġ selettiv. |
309 |
L-Irlanda ma rnexxilhiex tispjega r-raġunijiet għaliex l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni f’din il-parti tad-Deċiżjoni kontenzjuża huma żbaljati. B’mod partikolari, l-Irlanda ma tgħidx kif il-prinċipju ta’ territorjalità, li hija tinvoka, neċessarjament jeħtieġ trattament favorevoli għall-kumpanniji mhux residenti. Huwa l-Istat Membru li jkun introduċa differenzazzjoni bejn l-impriżi fil-qasam tal-piżijiet fiskali li għandu juri li din hija effettivament iġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema inkwistjoni (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
310 |
Konsegwentement, il-Kummissjoni ġustament qieset fid-Deċiżjoni kontenzjuża, li d-differenzazzjoni fil-qasam tat-trattament fiskali tal-profitti ta’ ASI u ta’ AOE li jġibu magħhom id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati ma kinitx iġġustifikata min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali Irlandiża. |
311 |
F’tali ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti dwar l-eżami tas-selettività ta’ dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa fid-Deċiżjoni kontenzjuża. |
B. Fuq l‑eżistenza ta’ intervent tal‑Istat jew intervent permezz tar-riżorsi tal‑Istat
1. L‑argumenti tal‑partijiet
312 |
L-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li kien hemm intervent tal-Istat jew intervent permezz tar-riżorsi tal-Istat. L-ewwel nett, ma kienx hemm “intervent” sa fejn, f’dan il-każ, l-avviżi maħruġa mill-amministrazzjoni fiskali Irlandiża ma jibdlux id-drittijiet u l-obbligi tal-persuna taxxabbli, iżda sempliċement japplikaw id-dritt fiskali nazzjonali għas-sitwazzjoni partikolari ta’ din tal-aħħar. It-tieni nett, l-Irlanda ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li qalet il-Kummissjoni fil-premessa 221 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, hija ma ċedietx id-dħul mit-taxxa billi żammet ruħha milli tintaxxa l-profitti kollha ta’ ASI u ta’ AOE, sa fejn huma biss il-profitti tal-fergħat ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji li, skont l-Artikolu 25 tat-TCA 97, huma suġġetti għat-taxxa fl-Irlanda. |
313 |
Il-Kummissjoni, minn naħa, issostni li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati huma imputabbli lill-Irlanda peress li ġew adottati mill-amministrazzjoni fiskali tagħha, jiġifieri l-Irish Revenue, li huwa organu tal-Istat. Issa, dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa u l-aċċettazzjoni mill-Irlanda tad-dikjarazzjonijiet fiskali ta’ ASI u ta’ AOE abbażi tal-imsemmija deċiżjonijiet tat-taxxa ma jistgħux jiġu sseparati. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tal-Kummissjoni, sa fejn id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati naqqsu l-profitti taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE għall-finijiet tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, l-Irlanda ċediet id-dħul mit-taxxa u ċediet, għaldaqstant, riżorsi tal-Istat. |
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
314 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, miżura tista’ tiġi kklassifikata bħala intervent mill-Istat jew bħala għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi tal-Istat” jekk, minn naħa, il-miżura tkun mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ dawn ir-riżorsi u, min-naħa l-oħra, il-miżura tkun imputabbli lil Stat Membru (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
315 |
Fl-ewwel lok, il-kundizzjoni tal-imputabbiltà tal-miżura lil Stat Membru teħtieġ li jiġi evalwat jekk l-awtoritajiet pubbliċi ġewx, b’xi mod jew ieħor, involuti fl-adozzjoni ta’ din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 49). |
316 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 221 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kienu imputabbli lill-Irlanda peress li ġew adottati mill-amministrazzjoni fiskali tagħha, jiġifieri l-Irish Revenue, li huwa korp tal-Istat. B’mod iktar preċiż, hija rrilevat li dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa kienu ntużaw minn ASI u minn AOE sabiex jiġi kkalkolat l-ammont li huma kellhom iħallsu kull sena fl-Irlanda bħala taxxa fuq il-kumpanniji, li l-amministrazzjoni fiskali Irlandiża aċċettat dawn il-kalkoli u, abbażi ta’ dan, aċċettat li t-taxxa mħallsa minn dawn il-kumpanniji fl-Irlanda matul il-perijodu rilevanti tikkorrispondi għall-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji li huma kienu obbligati jħallsu. |
317 |
Permezz ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-awtoritajiet pubbliċi ġew involuti fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati. Għaldaqstant, l-allegazzjoni tal-Irlanda li l-miżuri kontenzjużi ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala interventi imputabbli lill-Istat għandha tiġi miċħuda. |
318 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-vantaġġ għandu jingħata “permezz tar-riżorsi tal-Istat”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura tal-Istat li teżenta lil ċerti impriżi minn xi taxxa tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, anki jekk din ma tkunx tinvolvi trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi, peress li din tkun timplika li l-awtoritajiet ikkonċernati ċedew id-dħul mit-taxxa li huma setgħu normalment jipperċepixxu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri, C‑169/08, EU:C:2009:709, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
319 |
Fil-fatt, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit, f’kull każ, trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat sabiex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar ikun jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’hekk, jitqiesu b’mod partikolari bħala għajnuna l-interventi li, taħt forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment jgħabbu l-finanzi ta’ impriża u li, għalhekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues et vs Il‑Kummissjoni et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 100 u 101). |
320 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qalet, fil-premessa 221 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-Irlanda kienet ċediet id-dħul mit-taxxa min-naħa ta’ ASI u ta’ AOE sa fejn id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati japprovaw metodi ta’ attribuzzjoni tal-profitti li jwasslu għal riżultat li impriżi distinti u awtonomi li joperaw taħt kundizzjonijiet tas-suq ma kinux aċċettaw. Dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa effettivament inaqqsu l-profitti taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97 u, b’hekk, l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji li huma obbligati jħallsu fl-Irlanda meta mqabbla mal-kumpanniji l-oħra ntaxxati f’dan l-Istat Membru li l-profitti taxxabbli tagħhom jirriflettu l-prezzijiet iddeterminati fis-suq f’kundizzjonijiet ta’ distakkament. Tali miżuri jtaffu għalhekk il-piżijiet li jgħabbu, bħala prinċipju, il-finanzi ta’ impriża, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 319 ta’ din is-sentenza. |
321 |
Dan ifisser li t-tielet parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑778/16 għandha tiġi miċħuda wkoll. |
C. Fuq il‑motivi bbażati fuq il‑ksur tar‑rekwiżiti formali essenzjali u, b’mod partikolari, tad‑dritt għal smigħ
1. L‑argumenti tal‑partijiet
322 |
L-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni kisret diversi rekwiżiti formali essenzjali u, b’mod partikolari, id-dritt għal smigħ, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża. B’hekk, fir-realtà, il-Kummissjoni ma tatx l-opportunità lill-Irlanda li tipparteċipa f’dibattitu kontradittorju. |
323 |
Hija ssostni, l-ewwel nett, li l-portata tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati mill-Kummissjoni nbidlet bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ u l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Qabelxejn, il-Kummissjoni ma kinitx koerenti fir-rigward tal-bażi legali tar-rekwiżit li l-Irish Revenue kellha tapplika l-prinċipju ta’ distakkament fid-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati. Sussegwentement, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma inkompatibbli fl-approċċ tagħhom ta’ sistema ta’ riferiment. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Irlandiżi ma kinux f’pożizzjoni li jaqsmu l-perspettiva tagħhom dwar il-veraċità u r-rilevanza tal-fatti, kif ukoll dwar il-fatturi li qagħdet fuqhom il-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tagħha. |
324 |
It-tieni nett, l-Irlanda ssostni li d-Deċiżjoni kontenzjuża fiha konstatazzjonijiet fattwali li hija qatt ma kellha l-opportunità li tikkummenta dwarhom. B’hekk, dik id-deċiżjoni tagħmel, għall-ewwel darba, osservazzjonijiet dwar ir-rapporti peritali ppreżentati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva u kunsiderazzjonijiet dwar l-opinjonijiet tal-awtoritajiet fiskali Irlandiżi fuq persuni taxxabbli oħra, li, konsegwentement, hija ma setgħetx tagħti deċiżjoni dwarhom. |
325 |
It-tielet nett, l-Irlanda tiddikjara li saru dikjarazzjonijiet pubbliċi minn uffiċjali tal-Kummissjoni li ppreġudikaw l-eżitu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, b’mod partikolari fl‑2015, jiġifieri ferm qabel ma ġiet adottata d-Deċiżjoni kontenzjuża. |
326 |
Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni naqset milli tosserva d-dmirijiet ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità li hija għandha skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fir-rigward tal-analiżi tagħha tad-dritt fiskali Irlandiż u tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha. L-Irlanda tqis li d-Deċiżjoni kontenzjuża tidher li kienet influwenzata minn kunsiderazzjonijiet mhux rilevanti b’mod partikolari fir-rigward tas-sistema fiskali Irlandiża u tal-attivitajiet tal-grupp Apple. B’mod partikolari, il-fatt, irrilevat mill-Kummissjoni, li l-biċċa l-kbira mid-dħul ta’ ASI u ta’ AOE ma kinitx intaxxata fl-ebda Stat kien jirrigwarda, fir-realtà, id-differenzi u d-diskrepanzi li jeżistu bejn is-sistema fiskali Irlandiża u dik Amerikana. |
327 |
ASI u AOE jsostnu wkoll, l-ewwel nett, insostenn tas-seba’ motiv tagħhom, li l-Kummissjoni kisret diversi rekwiżiti formali essenzjali. Filwaqt li jfakkru li l-allegat benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat kellu jkun f’pożizzjoni li jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, dawn ir-rikorrenti jsostnu, minn naħa, li l-argument prinċipali finalment adottat mill-Kummissjoni, li d-drittijiet ta’ PI tal-grupp Apple li għandhom ir-rikorrenti kellhom jiġu attribwiti lill-fergħat Irlandiżi, ma ssemmiex fid-deċiżjoni ta’ ftuħ u, min-naħa l-oħra, li l-komunikazzjonijiet informali tal-Kummissjoni ma tawx lil Apple Inc. biżżejjed opportunità li twieġeb b’mod effettiv dan l-argument prinċipali. |
328 |
It-tieni nett, ASI u AOE jsostnu, taħt it-tnax‑il motiv tagħhom, li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali li hija għandha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Huma jindikaw li d-Deċiżjoni kontenzjuża hija bbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata li l-funzjonijiet u l-attivitajiet tal-bordijiet tad-diretturi ta’ dawn il-kumpanniji kienu deskritti fl-intier tagħhom fil-minuti tal-laqgħa, minkejja d-dikjarazzjoni ta’ Apple Inc. li tgħid il-kontra. Il-Kummissjoni kellha għalhekk tagħti l-opportunità lil Apple Inc. sabiex tipprovdi informazzjoni addizzjonali f’dan ir-rigward. |
329 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet kollha. |
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
330 |
Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), il-Kummissjoni għandha tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ għajnuna mill-Istat u tinforma lill-partijiet interessati, meta, wara eżami preliminari, hija jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Dan ifisser li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward tal-miżura inkwistjoni fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ din il-proċedura. Madankollu, huwa neċessarju li l‑Kummissjoni tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-partijiet interessati li jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom. |
331 |
F’dan il-każ, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, li ttieħdet wara diversi skambji ta’ ittri bejn l-awtoritajiet Irlandiżi u s-servizzi tal-Kummissjoni u li tistieden lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni fissret ir-raġunijiet li wassluha sabiex tikkonkludi, preliminarjament, li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati kienu jikkostitwixxu għoti ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mill-Irlanda favur Apple Inc., ASI u AOE u li din l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2) u (3) TFUE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kellha d-dubji tagħha dwar il-fatt li l-metodi ta’ attribuzzjoni tal-profitti approvati minn dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa għad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE kienu jirriflettu remunerazzjoni għall-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE li kien jaċċetta operatur indipendenti u prudenti li jopera f’kundizzjonijiet normali tas-suq. |
332 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-ilment li l-Kummissjoni biddlet l-approċċ tagħha bejn id-deċiżjoni ta’ ftuħ u d-Deċiżjoni kontenzjuża, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk, wara l-ewwel valutazzjoni, il-miżura eżaminata tkun tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. |
333 |
Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, dik id-deċiżjoni tista’ sempliċement tiġbor fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, tinkludi valutazzjoni preliminari tal-miżura inkwistjoni intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk din tkunx tikkostitwixxi għajnuna u tfisser ir-raġunijiet li jqajmu dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. |
334 |
Dan ifisser li, f’deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna mill-Istat ma hijiex ta’ natura definittiva. Il-ftuħ ta’ din il-proċedura huwa speċifikament intiż sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikseb l-opinjonijiet neċessarji kollha sabiex hija tkun tista’ tieħu deċiżjoni definittiva fuq dan il-punt. |
335 |
Mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2015/1589 jirriżulta, għalhekk, li, fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-analiżi tal-Kummissjoni tista’ tinbidel, peress li, finalment, hija tista’ tiddeċiedi li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna jew li d-dubji dwar l-inkompatibbiltà tagħha tneħħew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, EDP España vs Naturgy Energy Group u Il‑Kummissjoni, C‑693/21 P u C‑698/21 P, EU:C:2023:989, punt 63). Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u d-deċiżjoni ta’ għeluq ta’ din il-proċedura jistgħu jippreżentaw ċerti diverġenzi, mingħajr, madankollu, ma dawn id-diverġenzi jivvizzjaw din id-deċiżjoni tal-aħħar. |
336 |
Barra minn hekk, anki jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tista’ tinbidel bejn id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u d-deċiżjoni ta’ għeluq ta’ din il-proċedura, din il-bidla mhux neċessarjament taffettwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar. Hija biss bidla fil-pożizzjoni li taffettwa n-natura tal-miżuri inkwistjoni jew tal-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom, li għalhekk twassal għal bidla fis-suġġett tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li tista’ teżiġi lil-Kummissjoni tinforma, għal darba oħra, lill-partijiet interessati sabiex dawn ikunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 71). |
337 |
F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ ftuħ iddefinixxiet b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-Kummissjoni u kienet ċara biżżejjed sabiex ir-rikorrenti jkunu jistgħu jifhmu d-dubji tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati mas-suq intern u sabiex tagħtihom l-opportunità jsostnu l-pożizzjoni tagħhom. |
338 |
Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tiddefinixxi b’mod ċar biżżejjed il-kuntest tal-analiżi tal-Kummissjoni, inkluż fir-rigward tal-prinċipju ta’ distakkament. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni la kienet obbligata tinforma lill-partijiet interessati bil-mod kif inbidlet l-analiżi tagħha matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u lanqas li tirrispondi għal kull rapport li jkun ġie sottomess lilha, kemm‑il darba dan ma jkunx wassal sabiex jinbidel l-għan innifsu ta’ din il-proċedura. |
339 |
It-tieni nett, id-dikjarazzjonijiet tal-persunal tal-Kummissjoni invokati minn ASI u AOE, li ma jirriflettux xi pożizzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ xi wieħed mill-membri tagħha, huma irrilevanti. Fil-fatt, kliem l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Kummissjoni, anki kieku kellu jitqies li jesprimi b’mod ċar xi opinjoni dwar l-eżitu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, ma huwiex ta’ natura li juri li l-Kummissjoni ppreġudikat id-deċiżjoni tagħha. |
340 |
It-tielet nett, ma ġiex stabbilit li, kif issostni l-Irlanda taħt is-sitt motiv tagħha u kif isostnu ASI u AOE taħt it-tnax‑il motiv tagħhom, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u naqset milli twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-fajl billi ma talbitx li tiġi kkomunikata informazzjoni li jidher li hija ta’ natura li tikkonferma, jew tikkonfuta, informazzjoni oħra rilevanti għall-eżami tal-miżura inkwistjoni, iżda li l-affidabbiltà tagħha ma tistax titqies li hija suffiċjentement stabbilita. |
341 |
Jekk ir-rikorrenti kienu tal-fehma li kienet rilevanti xi informazzjoni dwar is-sistema fiskali Irlandiża u l-attivitajiet fi ħdan ASI u AOE barra mill-Irlanda, huma kellhom, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 184 ta’ din is-sentenza, jikkomunikawha matul il-proċedura amministrattiva. Il-fatt li huma ma kkomunikawhiex ma jistax jiġi attribwit lil nuqqas tal-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li twettaq eżami diliġenti u imparzjali. |
342 |
Fl-aħħar mill-aħħar, ir-rikorrenti ġew suffiċjentement informati bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati u bil-fatt li din il-proċedura kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-metodi ta’ attribuzzjoni tal-profitti approvati minn dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa kinux xierqa jew jekk kinux jagħtu vantaġġ selettiv lil ASI u lil AOE. Ir-rikorrenti kellhom il-possibbiltà jippreżentaw l-osservazzjonijiet kollha li huma, bħala partijiet interessati, kienu jqisu rilevanti u effettivament għamlu użu minn din il-possibbiltà. |
343 |
Dan ifisser li l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, ma jistgħux isostnu li d-drittijiet proċedurali tagħhom ġew miksura u li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li hija korrettament wettqet, fil-limiti tas-setgħat tagħha, il-kompitu tagħha li tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jippreżentaw effettivament l-osservazzjonijiet tagħhom matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-għajnuna. |
344 |
B’hekk, għandhom jiġu miċħuda s-sitt motiv fil-Kawża T‑778/16, kif ukoll is-seba’ u t-tnax‑il motiv fil-Kawża T‑892/16. |
D. Fuq il‑motivi bbażati fuq ksur tal‑prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi
1. L‑argumenti tal‑partijiet
345 |
L-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività billi ordnat lill-Irlanda, abbażi ta’ interpretazzjoni mingħajr preċedent tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirkupra l-għajnuna mill-Istat li hija allegatament tat. L-Irlanda ssostni wkoll, għall-istess raġuni, li l-Kummissjoni naqset milli tosserva l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
346 |
Fil-fehma ta’ ASI u AOE, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx prevedibbli fil-mument li fih ġew adottati id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati fl‑1991 u fl‑2007, sa fejn il-Kummissjoni ma kinitx fissritha fil-komunikazzjonijiet tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, l-approċċ awtorizzat tal-OECD u l-linji gwida tal-OECD fil-qasam tal-prezzijiet ta’ trasferiment, adottati fl‑2010, li l-Kummissjoni toqgħod fuqhom fid-Deċiżjoni kontenzjuża, ma kinux jeżistu fil-waqt li fih ġew adottati d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kellhiex tordna l-irkupru tal-għajnuna abbażi tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2015/1589. |
347 |
Barra minn hekk, sa fejn id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati jikkostitwixxu applikazzjoni ta’ regoli ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji mhux residenti, li issa jinsabu fl-Artikolu 25 tat-TCA 97, li ma ġewx emendati, minn tal-inqas, mill‑1967, jiġifieri qabel is-sħubija tal-Irlanda fl-Unjoni, l-allegati miżuri ta’ għajnuna għandhom jitqiesu bħala għajnuna eżistenti li ma tistax, għaldaqstant, tagħti lok għal irkupru. |
348 |
Fil-fehma tal-Irlanda, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi ordnatilha tirkupra, abbażi ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE li ma kinitx prevedibbli fil-mument li fih ġew adottati d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, l-għajnuna mill-Istat li hija allegatament tat. B’mod partikolari, l-użu mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ distakkament jixhed approċċ ġdid fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni kontenzjuża tikser b’mod flagranti d-dritt ta’ Apple Inc. li tkun taf il-portata tal-obbligi legali tagħha u li ma ġġarrabx il-konsegwenzi negattivi ta’ applikazzjoni tad-dritt li ma kinitx prevedibbli fiż-żmien tal-fatti rilevanti. Għal din ir-raġuni wkoll, il-Kummissjoni ma kellhiex, għalhekk, tordna l-irkupru tal-għajnuna. |
349 |
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu essenzjalment isostni dan l-argument. |
350 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, tikkontesta l-fondatezza tal-imsemmija argumenti. |
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
351 |
Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2015/1589, meta tittieħed deċiżjoni negattiva fil-każ ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju tagħha, ħlief jekk dan l-irkupru jmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
352 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta obbligat lill-Irlanda, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, tirkupra l-għajnuna kontenzjuża. Għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, sostnuti mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tali obbligu, fil-fatt, la jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
353 |
Fl-ewwel lok, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, sabiex il-persuni interessati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 100). |
354 |
Fi kliem ieħor, il-persuni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni timponi fuqhom, ikunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jirregolaw ruħhom fid-dawl ta’ dan kollu (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 49). |
355 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali jżomm lill-Kummissjoni milli ddewwem indefinittivament l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 140, kif ukoll tat‑22 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs Salzgitter, C‑408/04 P, EU:C:2008:236, punt 100). |
356 |
Hemm lok li jiġi ppreċiżat, madankollu, li dan il-prinċipju jista’ jiġi invokat biss meta l-Kummissjoni tkun naqset b’mod ċar mill-obbligu tagħha ta’ diliġenza u tkun naqset b’mod manifest fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ kontroll. B’mod partikolari, meta miżura ta’ għajnuna tkun ingħatat mingħajr ma tkun ġiet innotifikata, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tkun damet sabiex tordna l-irkupru tal-għajnuna ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jivvizzja din id-deċiżjoni ta’ rkupru b’illegalità fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs Salzgitter, C‑408/04 P, EU:C:2008:236, punt 106). |
357 |
Fil-premessa 440 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni spjegat li anki jekk id-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati ngħataw fl‑1991 u fl‑2007, dawn qatt ma ġew ikkomunikati lilha. Barra minn hekk, la l-eżistenza u lanqas il-kontenut tagħhom ma kienu magħrufa mill-Kummissjoni qabel Mejju 2013 u l-pubblikazzjoni tar-rapport tas-seduti tal-Permanent Subcommittee on Investigations of the United States Senate (is-Sottokumitat Permanenti dwar l-Investigazzjonijiet tas-Senat tal-Istati Uniti) dwar is-sitwazzjoni fiskali globali tal-grupp Apple. Il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel talba għal informazzjoni tagħha lill-Irlanda fit‑12 ta’ Ġunju 2013, jiġifieri xahar wara. |
358 |
Issa, f’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li r-raġunament li segwiet il-Kummissjoni kien japplika għal deċiżjonijiet tat-taxxa, mhux biss jidher li dan ma kienx ġdid fil-prassi deċiżjonali, kif proprju juru d-deċiżjonijiet iċċitati minn din l-istituzzjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha fl-ewwel istanza, iżda wkoll li, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza preċedenti dwar l-għajnuna mill-Istat ta’ natura fiskali, wieħed seta’ wkoll jipprevedih. |
359 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ċertezza legali meta ordnat l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat. |
360 |
Fit-tieni lok, l-istess konstatazzjoni tapplika fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li jippermetti lil kull operatur ekonomiku li istituzzjoni tkun nisslet fih aspettattivi fondati li jinvokahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il‑Kummissjoni, C‑369/09 P, EU:C:2011:175, punt 123, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
361 |
Fid-dawl tan-natura imperattiva tal-kontroll mill-Kummissjoni tal-għajnuna mill-Istat, l-impriżi li jibbenefikaw minn xi għajnuna jistgħu, bħala prinċipju, ikollhom aspettattiva leġittima li l-għajnuna hija legali biss jekk dik l-għajnuna tkun ingħatat b’osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK, C‑445/19, EU:C:2020:952, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
362 |
Barra minn hekk, ma jidhirx li l-Kummissjoni, bil-mod kif ġabet ruħha, nisslet aspettattivi fondati dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati fid-dawl tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat. |
363 |
Għalhekk, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta ordnat l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat. |
364 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li permezz tiegħu jallegaw, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività billi bbażat id-Deċiżjoni kontenzjuża fuq approċċ awtorizzat tal-OECD wara d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati. Kif proprju qalet il-Kummissjoni fil-premessa 441 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, l-approċċ tagħha huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, li ilu jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Irlanda sa mis-sħubija tagħha fl‑1973, u mhux fuq nuqqas ta’ osservanza tal-kuntest iddefinit fil-livell tal-OECD. Il-Kummissjoni rreferiet biss għal dan il-kuntest sa fejn joffri gwida utli sabiex jiġi ddeterminat jekk metodu li bih jiġi ffissat il-profitt taxxabbli ta’ fergħa jipproduċix approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq u konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. |
365 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument li l-miżuri kontenzjużi għandhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna “eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament 2015/1589 sa fejn l-Artikolu 25 tat-TCA 97 jirriproduċi regoli li kienu jeżistu qabel is-sħubija tal-Irlanda fl-Unjoni. Fil-fatt, il-miżuri rilevanti f’dan il-każ jikkonsistu fid-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati u mhux fir-regoli ta’ tassazzjoni tal-kumpaniji mhux residenti applikabbli skont il-liġi Irlandiża. |
366 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-seba’ motiv fil-Kawża T‑778/16 u l-ħdax‑il motiv fil-Kawża T‑892/16 għandhom jiġu miċħuda. |
E. Fuq il‑motivi bbażati fuq l‑allegazzjoni li l‑Kummissjoni marret lil hinn mill‑kompetenzi tagħha u ndaħlet fil‑kompetenzi tal‑Istati Membri, b’mod partikolari bi ksur tal‑prinċipju ta’ awtonomija fiskali
1. L‑argumenti tal‑partijiet
367 |
L-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, sostnuti mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, essenzjalment isostnu li d-Deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji kostituzzjonali fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li jirregolaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, kif previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 4 u 5 TUE, u tal-prinċipju ta’ awtonomija fiskali tal-Istati Membri li jirriżulta minn dak it-tqassim. Fil-fatt, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-qasam tat-tassazzjoni diretta jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. |
368 |
L-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, jikkritikaw lill-Kummissjoni talli marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha sa fejn hija qagħdet fuq interpretazzjoni unilaterali u żbaljata tad-dritt fiskali Irlandiż, b’mod partikolari tal-Artikolu 25 tat-TCA 97. Hija imponiet ukoll regoli proċedurali għall-valutazzjoni tat-tassazzjoni nazzjonali li ma jeżistux fid-dritt Irlandiż. Barra minn hekk, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha meta ġġustifikat l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża billi kkonstatat li ASI u AOE huma “persuni mingħajr stat fiskali”. |
369 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, tikkontesta dawn l-argumenti. Essenzjalment, hija tfakkar li, għalkemm l-Istati Membri jgawdu minn sovranità fiskali, kull miżura fiskali adottata minn Stat Membru għandha tosserva r-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. |
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
370 |
Skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interventi tal-Istati Membri fl-oqsma li ma jkunux ġew armonizzati fid-dritt tal-Unjoni ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. B’hekk, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, bħalma hija dik li għandhom fil-qasam tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tar-regoli stabbiliti mit-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Konsegwentement, huma għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, iżommu ruħhom milli jadottaw miżuri li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punti 120 u 121, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
371 |
Għalhekk, miżuri ta’ tassazzjoni diretta, bħalma huma deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem mogħtija mill-Istati Membri, jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat kemm‑il darba jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE mfakkra fil-punt 74 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 119). |
372 |
Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-kundizzjoni li l-miżura inkwistjoni għandha tagħti vantaġġ ekonomiku, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ tal-miżuri fiskali, l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi titqabbel ma’ livell ta’ tassazzjoni “normali” (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 56). |
373 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix vantaġġ fiskali, is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni għandha tiġi pparagunata mas-sitwazzjoni li dan kien ikun fiha li kieku, fl-assenza ta’ din il-miżura, ġew applikati fir-rigward tiegħu r-regoli normali ta’ tassazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 92). |
374 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, skont l-Artikolu 25 tat-TCA 97, il-kumpanniji mhux residenti li jeżerċitaw l-attività kummerċjali tagħhom fl-Irlanda permezz ta’ fergħa huma intaxxati, fir-rigward tad-dħul kummerċjali tagħhom, biss fuq il-profitti miksuba minn attivitajiet kummerċjali direttament jew indirettament imputabbli lil din il-fergħa Irlandiża. Għandu jiġi rrilevat ukoll li din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxi ebda metodu speċifiku għad-determinazzjoni tal-ammont tal-profitti imputabbli lill-fergħat Irlandiżi tal-kumpanniji mhux residenti. |
375 |
Issa, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Irlanda kif ukoll mit-trattazzjoni tal-partijiet waqt is-seduta jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tat-TCA 97, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u s-sitwazzjoni tal-fergħa fl-Irlanda, b’mod partikolari l-funzjonijiet imwettqa, l-assi użati u r-riskji assunti minn din il-fergħa. |
376 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 373 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx jeżisti vantaġġ f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tkun f’pożizzjoni li tipparaguna t-trattament fiskali ta’ ASI u ta’ AOE li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, mat-trattament fiskali li kien jingħata lil dawn iż-żewġ kumpanniji li kieku, fl-assenza ta’ dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa, ġew applikati fir-rigward tagħhom ir-regoli normali ta’ tassazzjoni applikabbli fl-Irlanda. |
377 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet applikazzjoni unilaterali tar-regoli fiskali sostantivi u armonizzazzjoni fiskali de facto meta hija eżaminat jekk il-profitti taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda, ikkalkolati skont il-metodi ta’ attribuzzjoni tal-profitti approvati mid-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati, kinux jikkorrispondu għall-profitti li, fl-assenza ta’ dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa, kienu jiġu imputati lill-fergħat Irlandiżi ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji skont l-Artikolu 25 tat-TCA 97, fid-dawl tal-funzjonijiet imwettqa, tal-assi użati u tar-riskji assunti minn dawn il-fergħat. |
378 |
It-tieni nett, insostenn tal-argument tagħha li l-Kummissjoni imponiet regoli proċedurali għall-valutazzjoni tat-tassazzjoni nazzjonali estranji għad-dritt Irlandiż, l-Irlanda ssostni li, fil-premessi 262, 274, 363 u 368 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet sostniet li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati ma kinux ibbażati fuq rapporti ta’ attribuzzjoni tal-profitti, li dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa ma kinux ġew regolarment riveduti u li l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi, qabel ma adottaw dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa, ma kinux investigaw kumpanniji oħra fi ħdan il-grupp Apple, indipendentement mill-post li fih jeżerċitaw l-attività tagħhom. |
379 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm vantaġġ selettiv, prinċipalment, fil-premessi 265 sa 321 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, minħabba n-nuqqas ta’ attribuzzjoni tal-liċenzji ta’ PI tal-grupp Apple lill-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE, sussidjarjament, fil-premessi 325 sa 360 ta’ din id-deċiżjoni, minħabba l-għażla inadegwata tal-metodi ta’ attribuzzjoni tal-profitti lil dawn il-fergħat Irlandiżi u, alternattivament, fil-premessi 369 sa 403 tal-imsemmija deċiżjoni, minħabba l-fatt li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati dderogaw mill-Artikolu 25 tat-TCA 97, u dan b’mod diskrezzjonali. |
380 |
Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni qagħdet fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ regoli ta’ natura proċedurali sabiex tikkonkludi li kien hemm vantaġġ selettiv f’dan il-każ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti mressqa mill-Irlanda, imfakkra fil-punt 368 ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. |
381 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ ASI u ta’ AOE bħala “persuni mingħajr stat fiskali”, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu, b’mod partikolari fil-premessi 52, 276, 277 u 281 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-Kummissjoni effettivament adottat tali klassifikazzjoni fil-kuntest tar-raġunament tagħha li wassalha sabiex tikkonkludi li ma kien hemm ebda preżenza fiżika ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji barra mill-Irlanda. |
382 |
Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni adottat din il-klassifikazzjoni ma jfissirx li hija qagħdet fuq din tal-aħħar sabiex tikkonkludi li kien hemm vantaġġ selettiv. Għall-kuntrarju, il-premessi tad-Deċiżjoni kontenzjuża, imsemmija fil-punt 379 ta’ din is-sentenza, juru li dan ma huwiex il-każ. |
383 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-istess raġunijiet bħal dawk imfissra fil-punt 380ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi l-ilmenti mressqa mill-Irlanda u mill-ASI u minn AOE bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha billi qieset lil dawn iż-żewġ kumpanniji bħala “persuni mingħajr stat fiskali”. |
384 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, it-tmien motiv fil-Kawża T‑778/16 u l-erbatax‑il motiv fil-Kawża T‑892/16, ibbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni marret lil hinn milll-kompetenzi tagħha u li ndaħlet fil-kompetenzi tal-Istati Membri, għandhom jiġu miċħuda. |
F. Fuq il‑motivi bbażati fuq in‑nuqqas ta’ motivazzjoni tad‑Deċiżjoni kontenzjuża
1. L‑argumenti tal‑partijiet
385 |
Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni kontenzjuża, milquta, f’għadd ta’ aspetti, minn diversi nuqqasijiet ta’ motivazzjoni, ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
386 |
Fil-fehma tar-rikorrenti, ir-raġunament tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża ma jidhirx b’mod ċar u inekwivoku u għalhekk ma jippermettix lill-qorti tal-Unjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha. |
387 |
Qabelxejn, din id-deċiżjoni hija nieqsa mill-koerenza fir-rigward tal-identifikazzjoni tar-regola li l-Irlanda kisret, b’mod partikolari f’dak li għandhom x’jaqsmu s-sorsi u l-portata tal-prinċipju ta’ distakkament, imfissra fil-premessi 255 sa 257 tal-imsemmija deċiżjoni. Sussegwentement, il-premessa 451 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li tipprevedi li l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat jista’ jitnaqqas jekk il-bejgħ li jsir minn ASI fir-reġjun EMEIA kien ikkontabbilizzat retroattivament f’pajjiżi oħra minbarra l-Irlanda, tmur kontra l-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-premessi 412 u 413 ta’ din id-deċiżjoni, li l-Irlanda adottat deċiżjonijiet tat-taxxa li naqqsu l-profitti taxxabbli ta’ ASI meta mqabbla ma’ dawk il-profitti li kienu jiġu ntaxxati li kieku din il-kumpannija kienet suġġetta għar-regoli komuni ta’ tassazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed l-eżami tagħha intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk l-allegata għajnuna setgħetx taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkontradixxiet lilha nnifisha billi, fil-premessi 50 u 416 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, irrikonoxxiet li ASI u AOE kienu ġestiti u kkontrollati mill-Istati Uniti filwaqt li, fl-istess ħin, iddikjarat, fil-premessa 286 ta’ din id-deċiżjoni, li dawn il-kumpanniji kienu effettivament ikkontrollati mill-Irlanda. |
388 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. |
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
389 |
Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali li għandu jingħażel mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż (sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 35, u tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 146, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
390 |
Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn ir-raġunijiet ikunu vvizzjati b’xi żbalji, dawn tal-aħħar jaffettwaw il-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni, iżda ma jaffettwawx ukoll il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti minkejja li tesprimi raġunijiet żbaljati. Dan ifisser li l-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
391 |
Barra minn hekk, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet għaliex ittieħdet il-miżura u l-qorti b’ġurisdizzjoni tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑501/00, EU:C:2004:438, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
392 |
Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl ta’ kliemu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 198, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
393 |
Issa, f’dan il-każ, minbarra l-fatt li l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOE, kienu involuti mill-qrib fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li dawn tal-aħħar kienu, fid-dawl tas-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali, f’pożizzjoni li jikkontestaw b’mod effettiv il-fondatezza tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
394 |
Sussegwentement, id-Deċiżjoni kontenzjuża ma fiha ebda lakuna li żżomm lill-Qorti tal-Ġustizzja milli teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tagħha ta’ legalità. |
395 |
Għall-kumplament, għandu jiġi rrilevat, fl-aħħar nett, li r-rikorrenti ma humiex qegħdin jikkritikaw in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-dikjarazzjonijiet fid-Deċiżjoni kontenzjuża, iżda l-fondatezza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet. |
396 |
Għaldaqstant, id-disa’ motiv fil-Kawża T‑778/16 u t-tlettax‑il motiv fil-Kawża T‑892/16 u, għalhekk, il-motivi kollha mmirati lejn ir-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
397 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li n-natura selettiva tal-vantaġġ mogħti lil ASI u lil AOE mid-deċiżjonijiet tat-taxxa kkontestati hija stabbilita b’mod suffiċjenti fid-dritt, abbażi tar-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, sal-punt li ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti invokati mill-Irlanda, kif ukoll minn ASI u AOE, sabiex jiġu kkontestati l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-raġunament sussidjarju u tar-raġunament alternattiv tagħha. Ir-rikorsi għandhom għalhekk jiġu miċħuda. |
VII. Fuq l‑ispejjeż
398 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
399 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn tal-aħħar, japplika għall-proċedura tal-appell, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu mitluba. |
400 |
F’dan il-każ, peress li l-appell tal-Kummissjoni ntlaqa’ u r-rikorsi tal-Irlanda, kif ukoll ta’ ASI u ta’ AOE, kontra d-Deċiżjoni kontenzjuża ġew miċħuda, hemm lok, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni, li l-Irlanda, kif ukoll ASI u AOI, jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni f’dan l-appell u fl-ewwel istanza. |
401 |
L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, japplika wkoll għall-proċedura ta’ appell jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
402 |
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Repubblika tal-Polonja għandhom għalhekk ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
403 |
Skont l-Artikolu 140(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli japplika wkoll għall-proċedura ta’ appell, l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha stess meta hija tkun intervjeniet fil-kawża. |
404 |
Konsegwentement, l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.