Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex
Document 62022CJ0218
Judgment of the Court (First Chamber) of 18 January 2024.#BU v Comune di Copertino.#Request for a preliminary ruling from the Tribunale di Lecce.#Reference for a preliminary ruling – Social policy – Directive 2003/88/EC – Article 7 – Article 31(2) of the Charter of Fundamental Rights of the European Union – Allowance in lieu of days of leave not taken at the end of the employment relationship – National legislation prohibiting payment of that allowance in the event of the voluntary resignation of a public servant – Control of public expenditure – Organisational needs of the public employer.#Case C-218/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Jannar 2024.
BU vs Comune di Copertino.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Tribunale di Lecce.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave mhux meħuda mħallas fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-ħlas ta’ din l-allowance fil-każ ta’ riżenja volontarja ta’ membru tal-persunal tas-servizz pubbliku – Kontroll tal-infiq pubbliku – Ħtiġijiet ta’ organizzazzjoni tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku.
Kawża C-218/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Jannar 2024.
BU vs Comune di Copertino.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Tribunale di Lecce.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave mhux meħuda mħallas fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-ħlas ta’ din l-allowance fil-każ ta’ riżenja volontarja ta’ membru tal-persunal tas-servizz pubbliku – Kontroll tal-infiq pubbliku – Ħtiġijiet ta’ organizzazzjoni tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku.
Kawża C-218/22.
Identificator ECLI: ECLI:EU:C:2024:51
*A9* Tribunale di Lecce, decisione del 22/03/2022 (5868/2020)
*P1* Tribunale di Lecce, Sentenza del 28/05/2024 (5868/2020)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
18 ta’ Jannar 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave mhux meħuda mħallas fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-ħlas ta’ din l-allowance fil-każ ta’ riżenja volontarja ta’ membru tal-persunal tas-servizz pubbliku – Kontroll tal-infiq pubbliku – Ħtiġijiet ta’ organizzazzjoni tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku”
Fil-Kawża C‑218/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Lecce (il-Qorti Distrettwali ta’ Lecce, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura
BU
vs
Comune di Copertino
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal BU, minn A. Russo, avvocata, |
– |
għal Comune di Copertino, minn L. Caccetta, avvocata, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Recchia, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), kif ukoll tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, BU, ex membru tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-Comune di Copertino (il-Komun ta’ Copertino, l-Italja), u, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar dwar ir-rifjut li jħallas lil BU kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas mhux meħud fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol wara r-riżenja volontarja ta’ BU sabiex jirtira kmieni. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Il-premessa 4 tad-Direttiva 2003/88 tipprovdi: “It-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi.” |
4 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Leave annwali”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika. 2. Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.” |
Id‑dritt Taljan
5 |
L-Artikolu 36(3) tal-Kostituzzjoni Taljana jipprevedi: “Il-ħaddiem għandu dritt għal mistrieħ ta’ kull ġimgħa u għal leave annwali mħallas u ma jistax jirrinunzja għalihom.” |
6 |
L-Artikolu 2109 tal-Codice civile (il-Kodiċi Ċivili), intitolat “Perijodu ta’ mistrieħ”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Il-ħaddiem għandu dritt għal ġurnata ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, li normalment ikun il-Ħadd. 2. Huwa għandu wkoll dritt għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, possibbilment kontinwu, f’mument iddeterminat mill-persuna li timpjega, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonnijiet tal-impriża u tal-interessi tal-ħaddiem. It-tul ta’ dan il-perijodu huwa stabbilit mil-liġi, mir-regoli korporattivi, mill-użanzi jew mill-ekwità.” |
7 |
L-Artikolu 5 tad-decreto-legge no 95- Disposizioni urgenti per la revisione della spesa pubblica con invarianza dei servizi ai cittadini nonché misure di rafforzamento patrimale delle imprese del settore bancario (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 95, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet urġenti għar-reviżjoni tal-infiq pubbliku mingħajr bidla tas-servizzi għaċ-ċittadini u miżuri ta’ tisħiħ patrimonjali tal-impriżi tas-settur bankarju), tas‑6 ta’ Lulju 2012 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 156, tas‑6 ta’ Lulju 2012) ikkonvertit f’liġi, kif emendat, permezz tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 135 tas‑7 ta’ Awwissu 2012, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 95”), intitolat “Tnaqqis tal-infiq tal-amministrazzjonijiet pubbliċi”, jipprevedi fil-paragrafu 8 tiegħu: “Il-leave għal vaganzi, ħin ta’ mistrieħ u leave ieħor li huwa intitolat għalih il-persunal, inkluż dak tat-tmexxija, tal-amministrazzjonijiet pubbliċi inklużi fil-kont ekonomiku kkonsolidat tal-amministrazzjoni pubblika, kif identifikati mill-[Istituto nazionale di statistica – ISTAT (Istitut Nazzjonali tal-Istatistika, l-Italja)] skont l-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 196 tal‑31 ta’ Diċembru 2009, kif ukoll tal-awtoritajiet indipendenti, inkluż [il-Commissione nazionale per le società e la borsa – Consob (il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kumpanniji u l-Borża, l-Italja), għandu jittieħed skont id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti rispettivi ta’ dawn l-amministrazzjonijiet, u fl-ebda każ ma jista’ jagħti lok għall-ħlas ta’ kumpens. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll fil-każ fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol tintemm minħabba mobbiltà, riżenja, tkeċċija, irtirar u meta tintlaħaq l-età massima tal-irtirar. Kwalunkwe dispożizzjoni legali u kuntrattwali iktar favorevoli ma tibqax tapplika mid-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet leġiżlattiv. Il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, minbarra li jwassal għall-irkupru tas-somom imħallsa indebitament, iwassal għal responsabbiltà dixxiplinari u amministrattiva għad-direttur responsabbli. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-għalliema u l-persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju li għandu l-kwalità ta’ sostitut temporanju u okkażjonali jew ta’ għalliem bil-kuntratt sat-tmiem tal-korsijiet jew tal-attivitajiet ta’ tagħlim, sa limitu tad-differenza bejn il-ġranet ta’ leave dovuti u l-ġranet li fihom il-persunal inkwistjoni huwa awtorizzat jieħu l-leave tiegħu.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
8 |
BU kien impjegat, mill‑1 ta’ Frar 1992 sal‑1 ta’ Ottubru 2016 mill-Komun ta’ Copertino, fejn kien jokkupa pożizzjoni ta’ “Istruttore direttivo” (għalliem eżekuttiv). |
9 |
Mill‑1 ta’ Ottubru 2016, BU, wara riżenja volontarja, waqaf jaħdem sabiex jirtira kmieni. |
10 |
Peress li qies li huwa kellu dritt għal kumpens finanzjarju għal 79 ġurnata ta’ leave annwali mħallas miksub matul il-perijodu bejn is-sena 2013 u s-sena 2016, BU adixxa lit-Tribunale di Lecce (il-Qorti Distrettwali ta’ Lecce, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba għal kumpens finanzjarju ta’ dawn il-ġranet ta’ leave mhux meħuda. |
11 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Komun ta’ Copertino kkontesta din it-talba bl-invokazzjoni tal-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95. Skont dan tal-aħħar, il-fatt li BU ħa leave matul is-sena 2016 juri li huwa kien jaf bl-obbligu tiegħu, skont din id-dispożizzjoni, li jieħu l-ġranet ta’ leave li huwa kien intitolat għalihom qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol. Barra minn hekk, huwa naqas milli jieħu l-leave rimanenti tiegħu minkejja li kien irriżenja. |
12 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li d-79 ġurnata ta’ leave mhux meħud invokati minn BU jikkorrispondu għal ġranet ta’ leave annwali mħallas previsti mid-Direttiva 2003/88, li minnhom 55 huma dovuti għas-snin ta’ qabel l‑2016 u l-bqija għal din l-aħħar sena ta’ impjieg. Din il-qorti żżid li BU ħa leave matul is-sena 2016, li jikkorrispondi għal ġranet li huwa kien eliġibbli għalihom fis-snin ta’ qabel, li kienu ġew ittrasferiti għas-sena 2013 u għas-snin segwenti. Madankollu, din is-sitwazzjoni ma timplika ebda aġir abbużiv min-naħa ta’ BU, li jista’ jikkorrispondi għal dak indikat fil-punt 48 tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874). |
13 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), fis-sentenza Nru 95/2016, iddeċidiet li l-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95, applikabbli għall-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku u li jipprevedi, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet, li ebda kumpens finanzjarju ma jista’ jitħallas għal-leave mħallas mhux meħud, kien konformi mal-prinċipji stabbiliti mill-Kostituzzjoni Taljana, mingħajr preġudizzju għal dawk tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll għar-regoli tad-dritt internazzjonali. Din il-qorti waslet għal din il-konklużjoni billi identifikat diversi eċċezzjonijiet għal din ir-regola, li ma humiex rilevanti f’dan il-każ. |
14 |
Il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) ħadet inkunsiderazzjoni kemm in-neċessità li jiġi kkontrollat l-infiq pubbliku, kif ukoll ir-restrizzjonijiet organizzattivi għall-persuna li timpjega fis-settur pubbliku, filwaqt li rrilevat li din il-leġiżlazzjoni kienet intiża sabiex ittemm l-użu mingħajr kontroll tal-“kumpens finanzjarju” għal-leave mhux meħud kif ukoll sabiex tafferma mill-ġdid l-importanza tat-teħid effettiv tal-leave. Skont din tal-aħħar, il-projbizzjoni li jitħallas kumpens finanzjarju hija eskluża meta l-leave ma jkunx ittieħed għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem, bħall-marda, iżda mhux fil-każ ta’ riżenja volontarja. |
15 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium (C‑233/20, EU:C:2021:960), iktar u iktar peress li l-għan ta’ kontroll tal-infiq pubbliku jirriżulta mit-titolu stess tal-Artikolu 5 ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv u li l-paragrafu 8 ta’ dan l-artikolu jagħmel parti minn numru ta’ miżuri intiżi għall-iffrankar finanzjarju fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika. |
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Lecce (il-Qorti Distrettwali ta’ Lecce) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà
17 |
Ir-Repubblika Taljana ssostni li d-domandi preliminari huma inammissibbli, peress li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek (C‑341/15, EU:C:2016:576), u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874), tindika b’mod ċar b’liema mod għandu jiġi interpretat id-dritt nazzjonali sabiex ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni, liema interpretazzjoni ġiet adottata mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali). Barra minn hekk, it-tieni domanda tinkludi affermazzjonijiet kontradittorji. |
18 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn għandu jitfakkar li, fid-dawl tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew li r-risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari tkun allegatament evidenti fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ma għandu ebda effett fuq l-ammissibbiltà ta’ tali talba (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 16). |
19 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
Skont il-qorti tar-rinviju, abbażi tal-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95, BU ma jistax jingħata kumpens finanzjarju li qiegħed jitlob, għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas mhux meħud fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, minħabba li huwa temm din ir-relazzjoni b’mod volontarju. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta. |
22 |
Għalhekk, id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mitluba minn din il-qorti ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża u lanqas li l-problema hija ta’ natura ipotetika. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji biex tirrispondi b’mod utli għal dawn id-domandi. |
23 |
Minn dan jirriżulta li d-domandi magħmula huma ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
24 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li, għal raġunijiet relatati mal-kontroll tal-infiq pubbliku u mal-ħtiġijiet organizzattivi tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku, tipprevedi l-projbizzjoni li l-ħaddiem jitħallas kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas miksuba, kemm matul l-aħħar sena ta’ impjieg kif ukoll matul snin preċedenti, li ma ttiħdux fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, meta dan itemm din ir-relazzjoni b’mod volontarju u ma jkunx wera li huwa ma kienx ħa l-leave tiegħu matul l-imsemmija relazzjoni ta’ xogħol għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu. |
25 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem għandu jitqies li huwa prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni Ewropea li għandu importanza partikolari, li minnu ma tistax issir deroga u li l-implimentazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista’ ssir biss fil-limiti espressament stipulati fid-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 19). |
26 |
Għalhekk, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li kull ħaddiem jibbenefika minn leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat, skont il-kundizzjonijiet għall-kisba u għall-għoti previsti mil-leġiżlazzjonijiet u/jew prattiki nazzjonali, jirrifletti u jikkonkretizza d-dritt fundamentali għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
F’dan ir-rigward, mill-kliem stess tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, fil-leġiżlazzjoni interna tagħhom, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u għall-implimentazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas, billi jippreċiżaw iċ-ċirkustanzi konkreti li fihom il-ħaddiema jistgħu jagħmlu użu mill-imsemmi dritt (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, LB (Preskrizzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas),C‑120/21, EU:C:2022:718, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Madankollu, dawn tal-aħħar għandhom jastjenu milli jissuġġettaw għal xi kundizzjoni l-kostituzzjoni stess tal-imsemmi dritt li jirriżulta direttament minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium,C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Għandu jingħad ukoll li d-dritt għal-leave annwali jikkostitwixxi biss wieħed miż-żewġ aspetti tad-dritt għal-leave annwali mħallas bħala prinċipju fundamentali ta’ dritt soċjali tal-Unjoni. Dan id-dritt fundamentali għaldaqstant jinvolvi wkoll dritt għal ksib ta’ ħlas kif ukoll, bħala dritt inerenti għal dan id-dritt għal-leave annwali “imħallas”, id-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux meħud fit-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, job-medium,C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta r-relazzjoni ta’ impjieg tkun intemmet, it-teħid effettiv tal-leave annwali mħallas li għalih il-ħaddiem kellu dritt ma għadux possibbli. Sabiex jiġi evitat li, minħabba din l-impossibbiltà, kull tgawdija mill-ħaddiem ta’ dan id-dritt, anki fil-forma ta’ flus, tkun eskluża, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li, fil-każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-ħaddiem għandu dritt għal kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mhux meħuda (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jistabbilixxi ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ħlief dik relatata mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ impjieg tkun intemmet u, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni ntemmet (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan id-dritt jingħata direttament mill-imsemmija direttiva u ma jistax jiddependi fuq kundizzjonijiet oħra minbarra dawk li huma espliċitament previsti fiha (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger, C‑619/16, EU:C:2018:872, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Minn dan isegwi li, konformement mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, ħaddiem li ma setax jagħmel użu mid-drittijiet kollha tiegħu għal leave annwali mħallas qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, għandu dritt għal allowance għal leave annwali mħallas mhux meħud. F’dan ir-rigward, ma hijiex rilevanti r-raġuni li għaliha r-relazzjoni ta’ xogħol intemmet. Għaldaqstant, il-fatt li l-ħaddiem itemm, fuq talba tiegħu stess, ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, ma għandux jaffettwa d-dritt tiegħu, skont il-każ, għal kumpens finanzjarju għad-drittijiet għal leave annwali mħallas li ma setax jieħu qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu (sentenzi tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016:576, punti 28 u 29, kif ukoll tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punti 32 u 34). |
33 |
L-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li, meta tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol, l-ebda kumpens finanzjarju għal leave annwali mħallas mhux meħud ma jitħallas lill-ħaddiem li ma setax jieħu l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat qabel it-tmiem ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol, b’mod partikolari minħabba li kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u/jew matul il-perijodu ta’ trasferiment tal-leave (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Barra minn hekk, billi jipprevedi li l-perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas ma jistax jiġi ssostitwit b’kumpens finanzjarju, ħlief f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiżgura li l-ħaddiem ikun jista’ jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bl-intenzjoni ta’ protezzjoni effikaċi tas-sigurtà tiegħu u tas-saħħa tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 33). |
35 |
Għalhekk, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas espressament mogħti minn din id-direttiva, li tinkludi wkoll it-telf tal-imsemmi dritt fi tmiem ta’ perijodu ta’ referenza jew ta’ perijodu ta’ trasferiment, sakemm madankollu l-ħaddiem li d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas kellu effettivament il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt mogħti lilu mill-imsemmija direttiva (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-ħaddiem kiseb ġranet ta’ leave annwali mħallas fuq diversi perijodi ta’ referenza, li jidhru li ġew akkumulati, fosthom parti minn dawn il-ġranet, miksuba kemm mis-sena 2013 kif ukoll matul is-sena 2016, li ma kinitx għadha ttieħdet meta r-relazzjoni ta’ xogħol intemmet fl‑1 ta’ Ottubru 2016. Min-naħa l-oħra, jidher li, skont l-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95, dan il-ħaddiem ma għandux dritt għall-kumpens finanzjarju relatat ma’ dawn il-ġranet kollha ta’ leave mhux meħuda għas-sempliċi raġuni li huwa temm b’mod volontarju r-relazzjoni ta’ xogħol billi rtira kmieni, ħaġa li huwa kien f’pożizzjoni li jipprevedi minn qabel. |
37 |
F’dan ir-rigward, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex ittemm l-użu mhux ikkontrollat tal-“kumpens finanzjarju” għal-leave mhux meħud. Għalhekk, b’mod parallel ma’ miżuri ta’ kontroll tal-infiq pubbliku, ir-regola li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għandha l-għan li tafferma mill-ġdid l-importanza tat-teħid effettiv tal-leave fil-konfront tal-ħlas ta’ kumpens finanzjarju. |
38 |
Dan l-aħħar għan jikkorrispondi għal dak imfittex mid-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari mill-Artikolu 7(2) tagħha, li, kif imfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiżgura li l-ħaddiem ikun jista’ jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bl-għan ta’ protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu. |
39 |
Fid-dawl ta’ tali għan, u peress li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas espressament mogħti minn din id-direttiva, li tinkludi wkoll it-telf tal-imsemmi dritt fi tmiem perijodu ta’ referenza jew ta’ perijodu ta’ trasferiment tal-leave, din id-direttiva ma tistax, bħala prinċipju, tipprojbixxi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fi tmiem tali perijodu, il-ġranet ta’ leave annwali mħallas mhux meħud ma jkunux jistgħu jiġu ssostitwiti iktar b’kumpens finanzjarju, inkluż fil-każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol sussegwentement, peress li l-ħaddiem kellu l-possibbiltà jeżerċita d-dritt li l-imsemmija direttiva tagħtih. |
40 |
Ir-raġuni li għaliha r-relazzjoni ta’ xogħol intemmet ma hijiex rilevanti fir-rigward tad-dritt għal kumpens finanzjarju previst fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 32 u 34). |
41 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretata mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), li tipprevedi l-projbizzjoni li jitħallas lill-ħaddiem kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas mhux meħud fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba li dan tal-aħħar temm b’mod volontarju r-relazzjoni ta’ xogħol li torbtu mal-persuna li timpjegah, tistabbilixxi kundizzjoni li tmur lil hinn minn dawk espliċitament previsti fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, kif imfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, din il-projbizzjoni tkopri, b’mod partikolari, l-aħħar sena ta’ impjieg kif ukoll il-perijodu ta’ referenza li matulu r-relazzjoni ta’ xogħol tkun intemmet. Konsegwentement, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita d-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi tad-dritt għal-leave annwali mħallas, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 ta’ din is-sentenza. |
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għad-dritt għal leave mħallas sakemm il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta jiġu osservati, jiġifieri li dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, LB (Preskrizzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas),C‑120/21, EU:C:2022:718, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
F’dan il-każ, il-limitazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-eżerċizzju tad-dritt fundamentali msemmi fl-Artikolu 31(2) tal-Karta hija prevista mil-liġi, b’mod iktar partikolari fl-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95. |
44 |
Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur nazzjonali, li dwarhom il-qorti tar-rinviju qegħda tistaqsi b’mod partikolari, mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda jirriżulta li dawn, kif jirriżultaw mit-titolu tal-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95 u kif interpretati mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), huma, minn naħa, il-kontroll tal-infiq pubbliku, u, min-naħa l-oħra, il-ħtiġijiet organizzattivi tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku, inkluż l-ippjanar razzjonali tal-perijodu ta’ leave u l-inkoraġġiment tal-adozzjoni ta’ aġir xieraq tal-partijiet fir-relazzjoni ta’ xogħol. |
45 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-għan intiż tal-kontroll tal-infiq pubbliku, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-premessa 4 tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta li l-protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema ma tistax tkun suġġetta għal kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-għan marbut mal-ħtiġijiet organizzattivi tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku, għandu jiġi rrilevat li dan jirrigwarda, b’mod partikolari, l-ippjanar razzjonali tal-perijodu ta’ leave u l-inkoraġġiment tal-adozzjoni ta’ aġir xieraq tal-partijiet fir-relazzjoni ta’ xogħol, b’tali mod li jista’ jinftiehem bħala intiż li jinċentiva lill-ħaddiema jieħdu l-leave tagħhom u li jindirizza l-għan tad-Direttiva 2003/88, kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza. |
47 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw mill-prinċipju li jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, li jistabbilixxi li dritt għal-leave annwali mħallas miksub ma jintilifx mal-iskadenza tal-perijodu ta’ referenza u/jew ta’ perijodu ta’ trasferiment stabbilit mid-dritt nazzjonali meta l-ħaddiem ma kienx f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 54). |
48 |
Għall-kuntrarju, meta l-ħaddiem ikun naqas milli jieħu l-leave annwali mħallas tiegħu deliberatament u b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom, wara li kien f’pożizzjoni li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal dan, l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma jipprekludix it-telf ta’ dan id-dritt jew, f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, l-assenza korrelattiva ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud, mingħajr ma l-persuna li timpjega tkun obbligata li ġġiegħel lil dan il-ħaddiem jeżerċita effettivament l-imsemmi dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 56). |
49 |
Għal dan l-għan, il-persuna li timpjega hija b’mod partikolari obbligata, fid-dawl tan-natura imperattiva tad-dritt għal-leave annwali mħallas u sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li tiżgura b’mod konkret u trasparenti li l-ħaddiem ikun effettivament imqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas tiegħu, billi tinċentivah, formalment, fejn meħtieġ, li jagħmel dan, filwaqt li tinformah, b’mod preċiż u fi żmien xieraq, sabiex tiżgura li l-imsemmi leave jkun għadu jista’ jiggarantixxi l-mistrieħ u r-rilassament tal-persuna kkonċernata, li, jekk din ma tiħdux, dan il-leave jintilef fi tmiem il-perijodu ta’ referenza jew il-perijodu ta’ trasferiment awtorizzat, jew ma jkunx jista’ jiġi ssostitwit minn kumpens finanzjarju. L-oneru tal-prova huwa impost fuq il-persuna li timpjega (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punti 45 u 46). |
50 |
Minn dan isegwi li, jekk il-persuna li timpjega ma tkunx tista’ turi li tat prova ta’ kull diliġenza meħtieġa li l-ħaddiem ikun effettivament imqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas li għalih huwa kellu dritt, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, hemm lok li jitqies li t-telf tad-dritt għall-imsemmi leave fit-tmiem tal-perijodu ta’ referenza jew il-perijodu ta’ trasferiment awtorizzat u, f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, l-assenza korrelattiva ta’ ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux meħud, jiksru, rispettivament, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punti 46 u 55). |
51 |
Fi kwalunkwe każ, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-projbizzjoni li jitħallas kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas mhux meħud tkopri dawk li nkisbu matul l-aħħar sena ta’ impjieg kurrenti. |
52 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li, għal raġunijiet relatati mal-kontroll tal-infiq pubbliku u mal-ħtiġijiet organizzattivi tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku, tipprevedi l-projbizzjoni li l-ħaddiem jitħallas kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas miksuba, kemm matul l-aħħar sena ta’ impjieg kif ukoll matul snin preċedenti, li ma ttieħdux fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, meta dan itemm din ir-relazzjoni ta’ xogħol b’mod volontarju u ma weriex li huwa ma kienx ħa l-leave tiegħu matul l-imsemmija relazzjoni ta’ xogħol għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu. |
Fuq l‑ispejjeż
53 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li, għal raġunijiet relatati mal-kontroll tal-infiq pubbliku u mal-ħtiġijiet organizzattivi tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku, tipprevedi l-projbizzjoni li l-ħaddiem jitħallas kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas miksuba, kemm matul l-aħħar sena ta’ impjieg kif ukoll matul snin preċedenti, li ma ttiħdux fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, meta dan itemm din ir-relazzjoni ta’ xogħol b’mod volontarju u ma weriex li huwa ma kienx ħa l-leave tiegħu matul l-imsemmija relazzjoni ta’ xogħol għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.