EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0578

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-23 ta’ Jannar 2020.
Kawża mressqa minn Energiavirasto.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 3 – Protezzjoni tal-konsumaturi – Artikolu 37 – Funzjonijiet u kompetenzi tal-awtorità regolatorja – Riżoluzzjoni tat-tilwim barra l-qrati – Kunċett ta’ “entità” – Dritt li jiġi eżerċitat appell kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja – Ilment imressaq minn klijent residenzjali kontra impriża li topera netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku.
Kawża C-578/18.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:35

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

23 ta’ Jannar 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 3 – Protezzjoni tal-konsumaturi – Artikolu 37 – Funzjonijiet u kompetenzi tal-awtorità regolatorja – Riżoluzzjoni tat-tilwim barra l-qrati – Kunċett ta’ “entità” – Dritt li jiġi eżerċitat appell kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja – Ilment imressaq minn klijent residenzjali kontra impriża li topera netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku”

Fil-Kawża C‑578/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Settembru 2018 fil-kawża mressqa minn

Energiavirasto

fil-preżenza ta’:

A,

Caruna Oy,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2019,

wara li qieset l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Energiavirasto, minn N. Kankaanrinta,

għal A, minnu stess,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo u J. Heliskoski, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u Z. Wagner

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Huttunen u O. Beynet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Energiavirasto (l-Awtorità tal-Enerġija, il-Finlandja) u A, dwar ir-rifjut ta’ din l-awtorità li tagħti lil A l-istatus ta’ parti fil-proċedura li tagħha Caruna Oy, impriża li tamministra netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, kienet is-suġġett ta’ lment imressaq minn A.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 37, 42, 51 u 54 tad-Direttiva 2009/72 jipprovdu:

“37.

[…] Ir-regolaturi tal-enerġija għandhom jingħataw ukoll is-setgħat li jikkontribwixxu għall-iżgurar […] li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumatur ikunu kompletament effettivi. […]

(42)

L-industrija u l-kummerċ kollu tal-[Unjoni Ewropea], inklużi l-impriżi żgħar u medji, u ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jkunu qed igawdu mill-benefiċċji ekonomiċi tas-suq intern għandhom igawdu wkoll minn livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur u b’mod partikolari, il-klijenti domestiċi […]. Dawn il-klijenti għandu jkollhom ukoll aċċess għall-għażla, il-ġustizzja, ir-rappreżentanza u għal mekkaniniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim.

[…]

(51)

L-interessi tal-konsumaturi għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ din id-Direttiva u l-kwalità tas-servizzi għandha tkun responsabilità ċentrali tal-intrapriżi tal-elettriku. Id-drittijiet eżistenti tal-konsumaturi jeħtieġ li jissaħħu u jiġu garantiti, u għandhom jinkludu aktar trasparenza. Il-ħarsien tal-konsumaturi għandu jiżgura li, fl-ambitu usa’ tal-[Unjoni], il-konsumaturi kollha jibbenefikaw minn suq kompetittiv. Id-drittijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu infurzati mill-Istati Membri, jewmill-awtoritajiet regolatorji meta l-Istat Membru jkun għamel provvediment għal dan.

[…]

(54)

Id-disponibilità ta’ mezzi effettivi għar-riżoluzzjoni ta’ tiwim għall-konsumaturi kollha tiggarantixxi ħarsien akbar tal-konsumaturi. L-Istati Membri għandhom jintroduċu proċeduri rapidi u effettivi għat-trattar tal-ilmenti.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija [fl-Unjoni] […] Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku u tiċċara l-obbligi tal-kompetizzjoni.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddikjara b’mod partikolari li, “[g]ħall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw d-definizzjonijiet li ġejjini […] ‘klijent domestiku’ tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-konsum tiegħu fid-dar, esklużi attivitajiet kummerċjali jew professjonali.”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, jipprevedi:

“[…]

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipproteġu lill-klijenti finali, u għandhom jiżguraw b’mod partikolari li jkun hemm salvagwardji adegwati biex jipproteġu lill-klijenti vulnerabbli. […] Dawn għandhom jiżguraw livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment fejn jikkonċerna t-trasparenza dwar termini u kondizzjonijiet kuntrattwali, informazzjoni ġenerali, u mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet. […] Fir-rigward għall-anqas tal-klijenti domestiċi, dawk il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness I.

[…]

13.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu indipendenti bħalma hu ombudsman tal-enerġija jew entità tal-konsumatur għat-trattament effiċjenti ta’ lmenti u soluzzjoni ta’ tilwim barra l-qrati.”

7

L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/72 intitolat “Objettivi ġenerali tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprovdi:

“Fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jinkisbu l-objettivi li ġejjin fil-qafas tal-kompiti u s-setgħat tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 37, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali konċernati oħra inklużi awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom:

[…]

(g)

[…] tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur;

[…]”

8

L-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprevedi:

“1.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

[…]

(b)

li jiżguraw il-konformità tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni, u, meta dan ikun relevanti, il-proprjetarji tas-sistema, kif ukoll kwalunkwe impriża tal-elettriku, mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva u taħt leġiżlazzjoni relevanti oħra tal-[Unjoni], inkluż f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet transkonfinali;

[…]

(j)

jissorveljaw […] [i]lmenti tal-klijenti domestiċi […];

[…]

(n)

l-iżgurar, flimkien ma’ awtoritajiet relevanti oħra, li l-miżuri ta’ ħarsien tal-konsumaturi, inklużi dawk imniżżla fl-Anness I, jkunu effettivi u infurzati;

[…]

2.   Meta Stat Membru jkun ipprovda hekk, id-doveri tas-sorveljanza stipulati fil-Paragrafu 1 jistgħu jitwettqu minn awtorità oħra barra l-awtorità regolatorja. F’każ bħal dan, l-informazzjoni li tirriżulta minn dan il-monitoraġġ għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità regolatorja kemm jista’ jkun malajr.

[…]

3.   Addizzjonalment għad-dmirijiet mogħtija lilhom taħt il-Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta operatur ta’ sistema indipendenti jkun ġie maħtur taħt l-Artikolu 13, l-awtoritajiet regolatorji għandhom:

[…]

(b)

[…] jaġixxu bħala l-awtorità għar-riżoluzzjoni ta’ disputi bejn l-operatur tas-sistema indipendenti u l-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe lment imressaq minn kwalunkwe wieħed minnhom taħt il-paragrafu 11;

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jingħatawlhom is-setgħat li jippermettulhom iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 6 b’mod effiċjenti u mingħajr dewmien. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom għall-anqas dawn is-setgħat:

[…]

(e)

drittijiet xierqa ta’ investigazzjonijiet u s-setgħat relevanti ta’ istruzzjonijiet għar-riżoluzzjoni ta’ disputi taħt l-Artikoli 11 u 12.

5.   Addizzjonalment għad-dmirijiet mogħtija u s-setgħat konferiti lilhom taħt il-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu, meta operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jkun inħatar taħt il-Kapitolu V, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jingħataw għall-anqas id-dmirijiet u s-setgħat li ġejjin:

[…]

(c)

jaġixxu bħala awtoritajiet għar-riżoluzzjoni ta’ disputi bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni fir-rigward ta’ kull ilment preżentat taħt il-paragrafu 11;

[…]

11.   Kwalunkwe parti li jkollha lment kontra operatur tas-sistema tat-trasmissjoni jew distribuzzjoni b’rabta mal-obbligi ta’ dak l-operatur skont din id-Direttiva, tista’ tirreferi l-ilment lill-awtorità regolatorja li, waqt li tkun qed taġixxi bħala awtorità li ssolvi t-tilwim, għandha tagħti deċiżjoni fi żmien perjodu ta’ xahrejn minn wara li din tkun irċeviet l-ilment. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn oħra fejn tkun qed tintalab informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet regolatorji. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż bil-qbil tal-persuna li tkun għamlet l-ilment. Id-deċiżjoni tal-awtorita’ regolatorja għandha jkollha effett obbligatorju kemm-il darba u sakemm tiġi rrevokata b’appell.

12.   Kwalunkwe parti li tkun affettwata u li jkollha d-dritt li tressaq ilment dwar deċiżjoni fuq metodoloġiji meħuda skont dan l-Artikolu jew, fejn l-awtorità regolatorja jkollha l-obbligu li tikkonsulta ruħha dwar it-tariffi jew il-metodoloġiji proposti, din tista’, minn talanqas fi żmien xahrejn, jew f’perjodu iqsar kif deċiż mill-Istati Membri, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew il-proposta għad-deċiżjoni, tissottometti l-ilment għall-istħarriġ. Tali lment ma għandux ikollu effett sospensiv.

[…]

15.   L-ilmenti msemmija fil-paragrafi 11 u 12 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżerċitu tad-drittijiet tal-appell taħt il-liġi [tal-Unjoni] u/jew taħt il-liġi nazzjonali.

16.   Id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu motivati u ġustifikati għal kollox sabiex tkun tista’ ssir reviżjoni ġuridika. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku filwaqt li tinżamm il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva.

17.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi adatti fuq il-livell nazzjonali li taħthom, entità affettwata minn deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt tal-appell lil korp li huwa indipendenti mill-partijiet involuti u minn kull gvern.”

9

L-Anness I tad-Direttiva 2009/72 jikkonċerna l-miżuri dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. Mill-punt 1(d) ta’ dan l-anness jirriżulta li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva huma intiżi sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jagħżlu bejn metodi differenti ta’ ħlas li ma jagħmlux diskriminazzjoni indebita bejniethom. Barra minn hekk, il-punt 1(f) tal-imsemmi anness jippreċiża li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva għandhom l-għan li jiżguraw li l-klijenti “jibbenefikaw minn proċeduri trasparenti, sempliċi u effettivi biex jiġu ttrattati l-ilmenti tagħhom. B’mod partikulari, il-konsumaturi kollha għandu jkollhom id-dritt għal livell tajjeb ta’ servizz u ta’ ġestjoni tal-ilmenti mill-fornitur tagħhom tas-servizz tal-elettriku. Proċeduri bħal dawn ta’ soluzzjoni ta’ tilwim bla qrati għandhom iwasslu biex tilwimiet jiġu riżolti b’mod ġust u fil-waqt, preferibbilment fi żmien tliet xhur, b’dispożizzjoni, fejn meħtieġ, ta’ sistema ta’ rimborż u/jew kumpens. Huma għandhom ikunu konformi, kull fejn possibbli, mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għar-riżoluzzjoni extra-ġudizzjarja ta’ disputital-konsumatur [ĠU 1998, L 115, p. 31]”.

Id-dritt Finlandiż

10

Skont l-Artikolu 5 tal-Laki sähkö- ja maakaasumarkkinoiden valvonnasta (590/2013) (il-Liġi Nru 590/2013 dwar is-Sorveljanza tas-Suq tal-Elettriku u tal-Gass (590/2013), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Sorveljanza”), l-Awtorità tal-Enerġija għandha l-inkarigu li tikkontrolla l-konformità mad-dispożizzjonijiet taħt id-dritt nazzjonali u taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea u mal-ordnijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din il-liġi u li twettaq il-ħidmiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 2 li huma assenjati lilha bil-liġi.

11

Skont l-Artikolu 6(1)(13) tal-Liġi dwar is-Sorveljanza, l-Awtorità tal-Enerġija għandha l-inkarigu, fl-attività tagħha bħala l-awtorità regolatorja nazzjonali fi ħdan it-tifsira tad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni rigward is-setturi tal-elettriku u l-gass, li tassigura l-effiċjenza u l-infurzar ta’ miżuri għall-ħarsien tal-konsumatur rigward is-suq tal-elettriku u l-gass.

12

L-Artikolu 57(2) tas-sähkömarkkinalaki (588/2013) (il-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku (588/2013), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku”) jipprovdi li operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni huwa obbligat joffri lill-konsumaturi metodi ta’ ħlas differenti sabiex iħallsu l-fatturi għad-distribuzzjoni tal-elettriku. L-għażliet offruti ma għandhomx jinkludu kundizzjonijiet mhux iġġustifikati jew kundizzjonijiet li jiddiskriminaw bejn gruppi differenti ta’ konsumaturi.

13

L-Artikolu 106(2) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku jipprovdi li l-Awtorità tal-Enerġija hija responsabbli li tikkontrolla l-konformità ma’ din il-liġi u mad-dispożizzjonijiet u l-ordnijiet amministrattivi maħruġa abbażi tagħha, kif ukoll il-konformità ma’ deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni meħuda abbażi ta’ din il-liġi. Taħt din id-dispożizzjoni, is-sorveljanza hija rregolata separatament fil-Liġi dwar is-Sorveljanza. Skont l-Artikolu 106(4), il-Kuluttaja-asiamies (l-Ombudsman għall-Konsumaturi, il-Finlandja) jikkontrolla l-legalità tal-klawżoli tal-kuntratti msemmija fil-Kapitolu 13 tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku (kuntratti tal-elettriku) mill-perspettiva tal-ħarsien tal-konsumatur.

14

L-Artikolu 114 tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku jipprovdi li appell kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Enerġija abbażi tal-Liġi dwar is-Suq tal-Enerġija jista’ jitressaq skont il-proċeduri stabbiliti fil-Hallintolainkäyttölaki (586/1996) (il-Kodiċi dwar il-Proċedura fil-Qrati Amministrattivi (586/1996)). Skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan il-kodiċi, deċiżjoni li kontra tagħha jista’ jitressaq ilment tfisser miżura li permezz tagħha każ ikun jew ġie deċiż jew miċħud bħala inammissibbli. Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan l-istess kodiċi, ilment kontra deċiżjoni jista’ jitressaq minn dik il-parti li lilha tkun indirizzata d-deċiżjoni jew li jkollha d-drittijiet, l-obbligi u l-interessi tagħha direttament affettwati minnha.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

A, li huwa klijent residenzjali, ikkonkluda ftehim ta’ provvista ta’ elettriku ma’ impriża li topera netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, li saret Caruna. Fil-5 ta’ Settembru 2013, huwa indirizza lill-Awtorità tal-Enerġija ittra elettronika sabiex jitlob lil din tal-aħħar tivverifika jekk il-metodu ta’ fatturazzjoni pprattikat minn din l-impriża kienx konformi mal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku, b’mod partikolari fl-Artikolu 57(2) ta’ din il-liġi li jipprovdi li l-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni għandu jipproponi lill-konsumaturi mezzi differenti ta’ ħlas sabiex jirregolaw il-fatturi tal-elettriku tagħhom, u dan skont il-punt 1(d) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72. Wara li eżaminat il-legalità ta’ dan il-metodu ta’ fatturazzjoni, l-Awtorità tal-Enerġija, fil-31 ta’ Marzu 2014, ħadet deċiżjoni li tgħid li Caruna ma kinitx kisret l-Artikolu 57(2) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku u ma kienx hemm lok li jittieħdu miżuri. F’din id-deċiżjoni, A ġie nnominat bħala “applikant għal investigazzjoni”.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ April 2014, l-Awtorità tal-Enerġija ċaħdet l-ilment imressaq minn A kontra l-imsemmija deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2014, bħala inammissibbli, kif ukoll it-talba ta’ A sabiex jingħata l-istatus ta’ parti fil-proċedura. Għalhekk A ppreżenta appell quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) b’appell intiż sabiex tiġi rrikonoxxuta lilu l-kwalità ta’ parti fil-proċedura li hija ttrattata minn din l-awtorità, sabiex jiġu annullati d-deċiżjonijiet adottati minn din tal-aħħar fil-31 ta’ Marzu u fit-28 ta’ April 2014 u sabiex il-kawża tiġi rrinvijata lill-imsemmija awtorità sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid. Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2016, hija laqgħet dawn it-talbiet.

17

L-Awtorità tal-Enerġija ppreżentat appell kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Korkein hallinto oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), billi sostniet li l-fatt li A għamel talba għal investigazzjoni ma jagħtihx l-istatus ta’ parti fid-deċiżjoni meħuda minnha u lanqas id-dritt li jippreżenta appell ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni.

18

Il-qorti tar-rinviju tesponi li hija għandha tiddeċiedi dwar jekk A kellux id-dritt li jadixxi qorti nazzjonali b’appell kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Enerġija li ma tadottax miżuri fir-rigward tal-impriża li topera netwerk.

19

Hija tindika li l-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali ssostni l-pożizzjoni tal-Awtorità tal-Enerġija li, fil-kawża prinċipali, A kellu status ta’ inizjatur sempliċi u ma kellux id-dritt li jippreżenta appell ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità.

20

Madankollu, fl-assenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “parti” fid-Direttiva 2009/72, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 37 tagħha għandux jiġi interpretat fis-sens li klijent domestiku ta’ impriża li topera netwerk, li jqis li kien, bħala konsumatur, leż minħabba l-metodu ta’ fatturazzjoni pprattikat minn din l-impriża u li huwa jindirizza ruħu lill-awtorità regolatorja, jista’ jiġi kklassifikat bħala “parti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u jippreżenta quddiem qorti appell kontra d-deċiżjoni, adottata minn din l-awtorità, li ma tadottax miżuri kontra l-imsemmija impriża.

21

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72[…]għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li hija klijent konsumatur ta’ impriża li topera netwerk u li adixxiet l-awtorità nazzjonali regolatorja b’ilment kontra l-imsemmija impriża għandha tiġi kklassifikata, fis-sens tal-paragrafu 17 tal-imsemmi artikolu, bħala “entità affettwata” minn deċiżjoni tal-imsemmija awtorità u li konsegwentement għandha d-dritt tappella quddiem qorti nazzjonali minn deċiżjoni ta’ din l-istess awtorità li taffettwa lil din l-istess impriża?

2)

Jekk il-persuna msemmija fl-ewwel domanda ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala “entità affettwata” fis-sens tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72, id-dritt tal-Unjoni jagħti lil klijent konsumatur li għandu l-istatus bħal dak tal-appellant fil-kawża prinċipali, abbażi ta’ bażi legali oħra, id-dritt li jipparteċipa, quddiem l-awtorità regolatorja, fit-trattament ta’ talba għal intervent jew id-dritt li jadixxi qorti nazzjonali b’din il-kawża, jew din il-kwistjoni tibqa’ rregolata mid-dritt nazzjonali?”

Fuq id-domandi preliminari

22

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri li jagħtu lill-awtorità regolatorja l-kompetenza li tirregola t-tilwim bejn il-klijenti domestiċi u l-operaturi tan-netwerk u li tagħti, konsegwentement, lill-klijent domestiku li jkun ressaq ilment quddiem din l-awtorità kontra operatur ta’ netwerk, il-kwalità ta’ “parti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u d-dritt li jippreżenta appell kontra d-deċiżjoni meħuda mill-imsemmija awtorità wara dan l-ilment.

23

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/72, din għandha l-għan li tistabbilixxi regoli komuni dwar il-produzzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, kif ukoll dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi, bil-għan ta’ titjib u ta’ integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku kompetittivi fl-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiddetermina b’mod partikolari l-obbligi tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi dawk dwar it-trattament tal-ilmenti u s-soluzzjoni barra mill-qorti tat-tilwim, filwaqt li l-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kompiti u l-kompetenzi tal-awtorità regolatorja.

24

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti din id-dispożizzjoni (sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, A, C‑33/11, EU:C:2012:482, punt 27, u tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 30).

25

F’dan il-każ, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fost il-kompiti u l-kompetenzi li l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha għall-inqas tiġi fdata bihom skont l-Artikolu 37(4)(e) u (5)(c) ta’ din id-direttiva, hemm drittijiet ta’ investigazzjoni xierqa u s-setgħat ta’ investigazzjoni neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwim, skont l-Artikolu 37(11) u (12) tal-imsemmija direttiva, kif ukoll id-dmir li taġixxi bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn l-impriża vertikalment integrata u l-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni wara kull ilment imressaq skont l-Artikolu 37(11) tal-istess direttiva.

26

Din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi li kull parti li jkollha lment kontra operatur ta’ netwerk ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni f’dak li jirrigwarda l-obbligi imposti fuq l-operatur minn din id-direttiva tista’ tindirizza lill-awtorità regolatorja li, bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni tat-tilwima, tieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn, li jista’ jiġi estiż f’ċerti każijiet, wara li jiġi rċevut l-ilment. Id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità hija vinkolanti sakemm ma tiġix annullata wara appell. Fir-rigward tal-Artikolu 37(12) tad-Direttiva 2009/72, dan jipprevedi proċedura li tippermetti lil kull parti leża u li għandha d-dritt li tressaq ilment dwar deċiżjoni dwar il-metodi meħuda bis-saħħa tal-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, jew, meta l-awtorità regolatorja jkollha obbligu ta’ konsultazzjoni, dwar it-tariffi jew il-metodi proposti, li tippreżenta lment għal reviżjoni.

27

Barra minn hekk, l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi, b’mod partikolari fil-paragrafi 15 sa 17 tiegħu, li l-ilmenti msemmija fil-paragrafi 11 u 12 ta’ dan l-artikolu ma jippreġudikawx l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji previsti mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali, li l-awtoritajiet regolatorji għandhom jimmotivaw u jiġġustifikaw bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tagħhom sabiex jippermettu stħarriġ ġudizzjarju u li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi xierqa, fuq livell nazzjonali, jippermettu lil parti leża minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja li teżerċita appell quddiem korp indipendenti mill-partijiet ikkonċernati u minn kull gvern.

28

Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li l-awtorità regolatorja għandha l-kompetenza ta’ organu ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ tilwim meta tittratta lment imressaq skont l-Artikolu 37(11) u (12) tad-Direttiva 2009/72 u li l-partijiet f’dawn il-kawżi jkollhom id-dritt li jippreżentaw appell kontra d-deċiżjoni meħuda minn din l-awtorità wara tali lment, jekk tkun sfavorevoli għalihom.

29

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jippreċiżawx jekk din il-kompetenza tinkludix dik li tkun taf it-tilwimiet bejn il-klijenti domestiċi u l-operaturi ta’ netwerk, u li l-kunċett ta’ “parti” jew “parti leża” li jinsab fl-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72 ma huwiex iddefinit minn din tal-aħħar, b’mod li l-formulazzjoni tal-Artikolu 37 ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk dan il-kunċett jinkludix il-klijent domestiku li jkun ressaq ilment kontra operatur ta’ netwerk għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u, konsegwentement, jekk dan it-tip ta’ kawża jaqax neċessarjament taħt il-ġurisdizzjoni relatata mar-riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ tilwim, li għandha tingħata mill-Istati Membri lill-awtorità regolatorja.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 37(1)(b) tad-Direttiva 2009/72, li jagħti kompitu lill-awtorità regolatorja li tiżgura l-osservanza, mill-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni u, jekk ikun il-każ, mill-proprjetarji tan-netwerk, kif ukoll mill-impriżi tal-elettriku, tal-obbligi imposti fuqhom bis-saħħa ta’ din id-direttiva u ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi oħra tal-Unjoni applikabbli, ma jagħmilx riferiment għall-kompetenza tal-awtorità regolatorja sabiex tirregola t-tilwim.

31

Fit-tieni lok, l-ebda dispożizzjoni tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72 li tagħmel riferiment għall-kompetenza tal-awtorità regolatorja sabiex tirregola t-tilwim ma tirreferi għat-tilwim bejn il-klijenti domestiċi u l-operaturi ta’ netwerk. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-Artikolu 37(3)(b), li jsemmi espressament it-tilwim bejn l-operatur ta’ netwerk indipendenti u l-proprjetarju tan-netwerk ta’ trażmissjoni, tal-Artikolu 37(4)(e), li jipprovdi għal drittijiet ta’ investigazzjoni, u tal-Artikolu 37(5)(c), li jikkonċerna t-tilwim bejn l-impriża vertikalment integrata u l-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni.

32

Fit-tielet lok, l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72, fil-paragrafu 1(j) tiegħu, jagħti kompitu lill-awtorità regolatorja li tissorvelja l-ilmenti tal-klijenti domestiċi u, fil-paragrafu 1(n) tiegħu, li tikkontribwixxi sabiex tiggarantixxi, b’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra, l-effettività u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi dawk stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 37(2) ta’ din tal-aħħar jipprovdi li meta Stat Membru jipprevedi dan, il-dmirijiet ta’ sorveljanza u ta’ kontroll imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jistgħu jiġu eżegwiti minn awtoritajiet li ma humiex l-awtorità regolatorja.

33

Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72 u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li minnu jagħmel parti, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-premessi 42, 51 u 54 ta’ din id-direttiva jistabbilixxu li l-klijenti domestiċi għandhom jibbenefikaw minn mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, li l-interessi tal-konsumaturi huma fil-qalba ta’ din id-direttiva, li l-Istati Membri jew, jekk Stat Membru hekk jipprovdi, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-konsumaturi, li mezzi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim effikaċi u aċċessibbli għall-konsumaturi kollha huma l-garanzija ta’ protezzjoni aħjar tal-konsumaturi u li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri rapidi u effikaċi għat-trattament tal-ilmenti.

34

Fit-tieni lok, kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, l-għan tad-Direttiva 2009/72 huwa b’mod partikolari, skont l-Artikolu 1 tagħha, li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u li jiġu ddefiniti d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku. B’hekk, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi l-obbligi li għandhom l-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi. Huwa jimponi fuqhom, fil-paragrafu 7 tiegħu, li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim. Il-miżuri li għandhom jieħdu l-Istati Membri f’dan ir-rigward, skont din id-dispożizzjoni u l-Anness I tal-imsemmija direttiva, li tirreferi għalih, għandhom l-għan li jiżguraw, skont il-punt 1(f) ta’ dan l-anness, li l-klijenti jibbenefikaw minn proċeduri trasparenti, sempliċi u rħas sabiex jipproċessaw l-ilmenti tagħhom, billi dawn il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarji ta’ kawżi għandhom jippermettu riżoluzzjoni ġusta u rapida tat-tilwim. Għal dan il-għan, l-Artikolu 3(13) tad-Direttiva 2009/72 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu indipendenti, bħal medjatur tal-enerġija jew korp tal-konsumaturi, sabiex jiġi żgurat trattament effikaċi tal-ilmenti u r-riżoluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim.

35

Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-awtorità regolatorja, il-premessa 37 tad-Direttiva 2009/72 tiddikjara li r-regolaturi tal-enerġija għandhom jingħataw is-setgħa li jiggarantixxu l-effett sħiħ tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. L-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-għanijiet ġenerali ta’ din l-awtorità, jipprevedi li din tal-aħħar għandha tieħu l-miżuri raġonevoli kollha sabiex tilħaq l-għanijiet stabbiliti minn dan l-artikolu, fil-kuntest tal-kompiti tagħha u tal-kompetenzi tagħha ddefiniti fl-Artikolu 37 tal-imsemmija direttiva, b’konsultazzjoni mill-qrib, jekk ikun il-każ, mal-awtoritajiet nazzjonali l-oħra kkonċernati, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom. Fost dawn l-għanijiet hemm, fl-Artikolu 36(g) tal-istess direttiva, dak li jingħata kontribut sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi.

36

Ma jirriżulta minn ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72 imsemmija fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, u lanqas minn ebda dispożizzjoni oħra tagħha li l-Istati Membri huma obbligati li jagħtu lill-awtorità regolatorja, bl-esklużjoni ta’ kull awtorità oħra, il-kompetenza għar-riżoluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim bejn il-klijenti domestiċi u l-impriżi tal-elettriku, b’mod partikolari l-operaturi ta’ netwerk.

37

Għall-kuntrarju, minn naħa, il-premessa 51 u l-Artikolu 36(g) tad-Direttiva 2009/72 jikkonfermaw li l-għan mogħti minn din tal-aħħar lill-awtorità regolatorja jikkonsisti, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jikkontribwixxu, b’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra, sabiex tiġi ggarantita l-effettività u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inkluż it-trattament tal-ilmenti, u li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jagħtu kompiti relatati mad-drittijiet tal-konsumaturi jew lill-awtorità regolatorja jew lil awtoritajiet oħra.

38

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar preċiż l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmu indipendenti li jkun inkarigat li jiżgura trattament effikaċi tal-ilmenti u r-riżoluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim, l-Artikolu 3(13) tad-Direttiva 2009/72, bl-użu tal-kliem “bħalma hu ombudsman tal-enerġija jew entità tal-konsumatur”, jindika espressament li l-għażla tal-awtorità responsabbli għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn il-konsumaturi u l-impriżi tal-elettriku tappartjeni lill-Istati Membri.

39

Minn dawn il-konstatazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jattribwixxu l-kompetenza relattiva għar-riżoluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim bejn il-klijenti domestiċi u l-impriżi tal-elettriku lil awtorità li ma hijiex l-awtorità regolatorja, sakemm, skont il-premessa 54 u l-Artikolu 3(7) u (13), kif ukoll il-punt 1(f) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72, l-awtorità nominata tkun indipendenti u teżerċita din il-kompetenza billi timplimenta proċeduri rapidi, effikaċi, trasparenti, sempliċi u rħas għat-trattament tal-ilmenti, li jippermettu riżoluzzjoni ġusta u rapida tat-tilwim.

40

L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu din il-kompetenza lill-awtorità regolatorja, billi l-espressjoni “l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom għall-anqas dawn is-setgħat”, użata fl-Artikolu 37(4) tad-Direttiva 2009/72, tindika li kompetenzi oħra għajr dawk imsemmija espressament fl-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva jistgħu jiġu attribwiti lilha. Meta l-Istat Membru jagħżel li jafda din il-kompetenza lill-awtorità regolatorja, jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 37(11), (16) u (17) tal-imsemmija direttiva li l-kwalità ta’ parti kif ukoll id-dritt li jiġi ppreżentat appell ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja għandhom jiġu rrikonoxxuti lil klijent domestiku.

41

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, l-Awtorità tal-Enerġija u l-Gvern Finlandiż indikaw li l-korp nazzjonali kompetenti sabiex jittratta l-ilment ta’ konsumatur kontra impriża tal-elettriku huwa l-kuluttajariitalautakunta (il-Kummissjoni tat-Tilwim fil-Qasam tal-Konsum, il-Finlandja), li quddiemha l-lanjant għandu l-istatus ta’ parti. Barra minn hekk, dan il-konsumatur jista’ jindirizza lment lill-Ombudsman tal-konsumaturi, li quddiemu l-konsumatur ma għandux, min-naħa l-oħra, l-istatus ta’ parti. Kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, tali dispożittiv ma jmurx kontra d-Direttiva 2009/72, sa fejn l-awtorità extraġudizzjarja maħtura b’dan il-mod hija indipendenti u teżerċita din il-kompetenza billi timplimenta proċeduri rapidi, effikaċi, trasparenti, sempliċi u rħas għat-trattament tal-ilmenti, li jippermettu soluzzjoni ġusta u rapida tat-tilwim.

42

L-Awtorità tal-Enerġija u l-Gvern Finlandiż indikaw ukoll li l-leġiżlazzjoni Finlandiża tobbliga lil din l-awtorità li tittratta t-talbiet għal investigazzjoni indirizzati lilha u li l-istatus tal-applikant għal investigazzjoni huwa dak mhux ta’ parti, iżda ta’ informatur, u dan jippermetti lill-awtorità regolatorja twettaq il-kompitu ta’ sorveljanza tagħha. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Finlandiż ippreċiża li d-deċiżjoni eventwalment meħuda minn din l-awtorità f’dan il-kuntest ma hijiex vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi l-oħra. Tali soluzzjoni ma tidhirx li tmur kontra l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri mid-Direttiva 2009/72, peress li hija tista’ tippermetti t-twettiq tal-kompiti ta’ sorveljanza u ta’ kontroll fdati lill-awtorità regolatorja mill-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, mingħajr ma tippreġudika d-drittijiet tal-konsumaturi previsti minnha u, b’mod partikolari, id-dritt tagħhom li jibbenefikaw minn proċeduri extraġudizzjarji ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim li jissodisfaw ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jagħtu lill-awtorità regolatorja l-kompetenza li tirregola t-tilwim bejn il-klijenti domestiċi u l-operaturi tan-netwerk u li tagħti, konsegwentement, lill-klijent domestiku li jkun ressaq ilment lill-awtorità regolatorja kontra operatur ta’ netwerk il-kwalità ta’ “parti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u d-dritt li jippreżenta appell kontra d-deċiżjoni meħuda minn din l-awtorità wara dan l-ilment.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jagħtu lill-awtorità regolatorja l-kompetenza li tirregola t-tilwim bejn il-klijenti domestiċi u l-operaturi tan-netwerk u li tagħti, konsegwentement, lill-klijent domestiku li jkun ressaq ilment lill-awtorità regolatorja kontra operatur ta’ netwerk il-kwalità ta’ “parti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u d-dritt li jippreżenta appell kontra d-deċiżjoni meħuda minn din l-awtorità wara dan l-ilment.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top