This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CJ0401
Judgment of the Court (Second Chamber) of 15 December 2016.#Noémie Depesme and Others v Ministre de l'Enseignement supérieur et de la recherche.#References for a preliminary ruling from the Cour administrative (Luxembourg).#Reference for a preliminary ruling — Freedom of movement of persons — Worker’s rights — Equal treatment — Social advantages — Financial aid for the pursuit of higher education studies — Requirement of a parent-child relationship — Concept of ‘child’ — Child of a spouse or registered partner — Contribution towards the maintenance of that child.#Joined Cases C-401/15 to C-403/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2016.
Noémie Depesme et vs Ministre de l'Enseignement supérieur et de la Recherche.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (il-Lussemburgu).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Drittijiet tal-ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Benefiċċji soċjali – Għajnuna finanzjarja għat-tkomplija ta’ studji f’edukazzjoni ogħla – Kundizzjoni ta’ filjazzjoni – Kunċett ta’ ‘wild’ – Wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat – Kontribuzzjoni għall-manteniment ta’ dan il-wild.
Kawżi magħquda C-401/15 sa C-403/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2016.
Noémie Depesme et vs Ministre de l'Enseignement supérieur et de la Recherche.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (il-Lussemburgu).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Drittijiet tal-ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Benefiċċji soċjali – Għajnuna finanzjarja għat-tkomplija ta’ studji f’edukazzjoni ogħla – Kundizzjoni ta’ filjazzjoni – Kunċett ta’ ‘wild’ – Wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat – Kontribuzzjoni għall-manteniment ta’ dan il-wild.
Kawżi magħquda C-401/15 sa C-403/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:955
** AFFAIRE C-401/15 **
*A9* Cour administrative, appel du 22/07/2015 (3581C)
*P1* Cour administrative, appel du 26/01/2017 (35851 Ca)
http://www.ja.etat.lu/35001-40000/35851Ca.pdf
** AFFAIRE C-402/15 **
*A9* Cour administrative, appel du 22/07/2015 (35848C)
** AFFAIRE C-403/15 **
*A9* Cour administrative, appel du 22/07/2015 (35820C)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
15 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-persuni — Drittijiet tal-ħaddiema — Ugwaljanza fit-trattament — Benefiċċji soċjali — Għajnuna finanzjarja għat-tkomplija ta’ studji f’edukazzjoni ogħla — Kundizzjoni ta’ filjazzjoni — Kunċett ta’ ‘wild’ — Wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat — Kontribuzzjoni għall-manteniment ta’ dan il-wild”
Fil-Kawżi magħquda C-401/15 sa C-403/15,
li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour administrative (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-22 ta’ Lulju 2015, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Lulju 2015, fil-proċeduri
Noémie Depesme (C-401/15),
Saïd Kerrou (C-401/15),
Adrien Kauffmann (C-402/15),
Maxime Lefort (C-403/15)
vs
Ministre de l’Enseignement supérieur et de la Recherche,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal N. Depesme u S. Kerrou, minn P. Peuvrel, avukat, |
— |
għal A. Kauffmann, minn S. Jacquet, avukat, |
— |
għal M. Lefort, minn S. Coï, avukat, |
— |
għall-Gvern Lussemburgiż, minn D. Holderer, bħala aġent, assistita minn P. Kinsch, avukat, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. Kellerbauer, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 TFUE u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1). |
2 |
Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ tliet kawżi bejn, rispettivament, Noémie Depesme flimkien ma’ Saïd Kerrou, Adrien Kauffmann flimkien ma’ Maxime Lefort u l-Ministre de l’Enseignement supérieur et de la Recherche (il-Ministru għall-edukazzjoni ogħla u għar-riċerka, il-Lussemburgu, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) dwar ir-rifjut tal-għoti, għas-sena akkademika 2013/2014, lil N. Depesme kif ukoll lil A. Kauffmann u M. Lefort, ta’ għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal‑15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15): “1. Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid. 2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi [benefiċċji] soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. [...]” |
4 |
L-Artikolu 10 tar’Regolament Nru 1612/68 kien jipprovdi: “1. Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:
[…]” |
5 |
L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 ġie mħassar bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). |
6 |
Il-premessi 3 u 5 tad-Direttiva 2004/38 jiddikjaraw:
[...]
|
7 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva: [...]
[...]” |
8 |
Ir-Regolament Nru 1612/68 ġie mħassar u ssostitwit, b’effett mis-16 ta’ Ġunju 2011, bir-Regolament Nru 492/2011. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 irriproduċa l-kliem tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68. |
9 |
Il-premessa 1 tad-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014, dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU 2014, L 128, p. 8), hija redatta kif ġej: “Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa libertà fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni u wieħed mill-pilastri tas-suq intern fl-Unjoni proklamat fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-implimentazzjoni tiegħu hija żviluppata aktar mil-liġi tal-Unjoni immirata biex tiggarantixxi l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. ‘Membri tal-familja tagħhom’ għandha tinftiehem fl-istess sens tat-terminu kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tapplika wkoll għal membri tal-familja ta’ ħaddiema tal-fruntiera.” |
10 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-applikazzjoni u l-infurzar uniformi fil-prattika tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 45 tat-TFUE u l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011. Din id-Direttiva tapplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw dawk id-drittijiet u għall-membri tal-familja tagħhom (‘ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom’).” |
11 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva: “1. Din id-Direttiva tapplika għas-suġġetti li ġejjin, kif imsemmija fl-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema: [...]
[...] 2. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva huwa identiku għal dak tar-Regolament [Nru 492/2011].” |
Id-dritt Lussemburgiż
12 |
L-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla kienet irregolata, fi żmien il-fatti fil-kawża prinċipali, bil-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla (Mémorial A 2000, p. 1106), kif emendata bil-Liġi tad-19 ta’ Lulju 2013 (Mémorial A 2013, p. 3214, iktar ’il quddiem il-“Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000”). |
13 |
Il-Liġi tad-19 ta’ Lulju 2013, li ġiet adottata b’konsegwenza tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411) u fejn l-emendi magħmula għal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 kienu jirrigwardaw biss is-sena akkademika 2013/2014, inkludiet Artikolu 2bis għal din il-liġi tal-aħħar. |
14 |
L-Artikolu 2bis tal-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 kien redatt kif ġej: “Student li ma huwiex residenti fil-Grand Dukat tal-Lussemburgu jista’ jibbenefika wkoll mill-għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla, suġġett għall-kundizzjoni li jkun il-wild ta’ ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu, ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11 Vol. 19, p. 146)] jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, impjegat jew li jwettaq l-attività tiegħu fil-Lussemburgu, u li dan il-ħaddiem ikun ilu impjegat jew ikun wettaq l-attività tiegħu fil-Lussemburgu għal perijodu mhux interrot ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument li fih tkun saret it-talba għal għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla mill-istudent. L-impjieg fil-Lussemburgu għandu jkun mill-inqas daqs in-nofs tal-perijodu ta’ xogħol normali applikabbli fl-impriża abbażi tal-liġi jew tal-ftehim kollettiv tax-xogħol li huwa fis-seħħ, jekk ikun il-każ. Il-ħaddiem li jaħdem għal rasu jrid ikun baqa’, b’mod obbligatorju u b’mod kontinwu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu abbażi tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tal-Code de la sécurité sociale (kodiċi tas-sigurtà soċjali), waqt il-ħames snin preċedenti għat-talba għal għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla.” |
15 |
Il-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, tħassret bil-Liġi tal-24 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għall-edukazzjoni ogħla (Mémorial A 2014, p. 2188). |
16 |
L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi tal-aħħar jipprovdi: “Jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, l-istudenti u t-tfak tal-iskola ddefiniti fl-Artikolu 2, deskritti minn issa ’l quddiem bit-terminu ’l-istudent’, u li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: [...]
[...]” |
Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari
17 |
Il-kawżi prinċipali jittrattaw il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuniet finanzjarji allokati, għas-sena akkademika 2013/2014, mill-Istat Lussemburgiż lill-istudenti mhux residenti fil-Lussemburgu bil-għan li jsegwu studji f’edukazzjoni ogħla, previsti mil-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000. |
18 |
Konformement mal-imsemmija liġi, din l-għajnuna finanzjarja tingħata lill-istudenti li ma jirrisjedux fil-Lussemburgu bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn ikunu wild ħaddiem impjegat jew mhux impjegat, ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, li dan il-ħaddiem kien impjegat jew eżerċità l-attività tiegħu fil-Lussemburgu matul perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument tat-talba għal għajnuna. |
19 |
Huwa paċifiku li N. Depesme u A. Kauffmann, ċittadini Franċiżi residenti fi Franza, kif ukoll M. Lefort, ċittadin Belġjan residenti fil-Belġju, talbu lill-awtoritajiet Lussemburgiżi, għas-sena akkademika 2013/2014, għajnuna finanzjarja tal-Istat bil-għan li jsegwu studji f’edukazzjoni ogħla fi Franza, fir-rigward tal-ewwel, u fil-Belġju, fir-rigward tat-tieni. |
20 |
Permezz ta’ ittri rispettivament tas-26 ta’ Settembru, tas-17 ta’ Ottubru u tat-12 ta’ Novembru 2013, il-Ministru rrifjuta li jilqa’ dawn it-talbiet, għar-raġuni li N. Depense kif ukoll A. Kauffmann u M. Lefort ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mil-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000. |
21 |
Mit-tliet deċiżjonijiet ta’ rinviju jirriżulta li kull wieħed mill-istudenti inkwistjoni ressaq talba għal għajnuna fejn huma sostnew biss f’dan ir-rigward il-kwalità ta’ ħaddiem impjegat fil-Lussemburgu tal-missier putattiv tagħhom. Għalhekk il-Ministru qies li N. Depesme kif ukoll A. Kauffmann u M. Lefort ma setgħux jiġu kkwalifikati bħala “ulied” ta’ ħaddiem fruntalier, konformement mal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 2bis tal-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, peress li l-missirijiet putattivi tagħhom biss kienu jaħdmu fil-Lussemburgu. |
22 |
Fl-20 ta’ Diċembru 2013, N. Depesme ippreżentat rikors quddiem it-tribunal administratif de Luxembourg (tribunal amministrattiv, il-Lussemburgu) intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Ministru li kienet tirrigwarda lilha. Il-missier putattiv tagħha, S. Kerrou, li kien qed jinvoka l-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem impjegat fil-Lussemburgu u li sostna li kien qed jikkontribwixxi għall-manteniment ta’ N. Depesme intervjena volontarjament fil-kawża mressqa minnha. |
23 |
Fid-29 ta’ Jannar u l-25 ta’ April 2014, kemm M. Lefort u A. Kauffman ippreżentaw rikors simili kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut li kienu jirrigwardawhom quddiem din l-istess qorti. |
24 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-5 ta’ Jannar 2015, it-tribunal amministrattiv de Luxembourg (tribunal amministrattiv, il-Lussemburgu) iddikjara r-rikorsi ta’ N. Depesme u ta’ S. Kerrou, kif ukoll ta’ A. Kauffman u M. Lefort ammissibbli, iżda infondati. |
25 |
N. Depesme u S. Kerrou kif ukoll A. Kauffmann u M. Lefort appellaw kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju. |
26 |
N. Depesme u S. Kerrou jsostnu b’mod partikolari li S. Kerrou, ħaddiem fruntalier il-Lussemburgu għal dawn l-aħħar erbatax-il sena, iżżewweġ, fl-24 ta’ Mejju 2006, lil omm N. Depesme u li, minn dak iż-żmien, it-tlieta li huma jiffurmaw parti mill-istess unità familjari. S. Kerrou jsostni li jikkontribwixxi għall-manteniment ta’ wild martu, inkluż fir-rigward tal-istudji f’edukazzjoni ogħla ta’ dan il-wild, u rċieva allokazzjonijiet għall-familja Lussemburgiżi għal bintu putattiva qabel il-bidu tal-istudji tagħha f’edukazzjoni ogħla. |
27 |
A. Kauffmann isostni li l-ġenituri tiegħu ilhom isseparati sa mis-sena 2003 u ddivorzjaw fl-20 ta’ Ġunju 2005, fejn il-kustodja esklużiva tat-tfal tal-koppja ingħatat lill-omm. Huwa jindika li ommu żżewġet, fl-10 ta’ Marzu 2007, lis-Sur Kiefer, ħaddiem fruntalier il-Lussemburgu, li miegħu A. Kauffmann jidher li ilu jgħix taħt l-istess saqaf sa minn dak iż-żmien. Jidher li Kiefer ikkontribwixxa għall-manteniment u għall-edukazzjoni ta’ A. Kauffmann u rċieva allokazzjonijiet għall-familja Lussemburgiżi għal dan tal-aħħar. |
28 |
M. Lefort isostni li missieru miet, li ommu żżewġet mill-ġdid mas-Sur Terwoigne, ħaddiem fruntalier il-Lussemburgu iktar minn ħames snin ilu, u li, sa mid-data ta’ dan iż-żwieġ, huwa jgħix ma’ ommu u mal-missier putattiv tiegħu fl-istess unità familjari. Jidher li Terwoigne jikkontribwixxi għall-ispejjeż finanzjarji tad-dar u jgħin ukoll fl-ispejjeż tal-istudji ta’ M. Lefort f’edukazzjoni ogħla. |
29 |
Min-naħa tiegħu, l-Istat Lussemburgiż jitlob sabiex jiġu kkonfermati d-deċiżjonijiet tat-tribunal administratif (tribunal amministrattiv) tal-5 ta’ Jannar 2015 u jsostni li N. Depesme kif ukoll A. Kauffmann u M. Lefort ma humiex ulied il-missirijiet putattivi tagħhom fis-sens ġuridiku tal-kelma. |
30 |
Il-Cour administrative (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) tenfasizza li l-kundizzjoni ta’ filjazzjoni, prevista fl-Artikolu 2bis tal-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, ġiet introdotta sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411). |
31 |
Skont il-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni għat-tliet kwistjonijiet pendenti quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “wild” ta’ ħaddiem fruntalier, fis-sens tal-Artikolu 2bis tal-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, fid-dawl ta’ din is-sentenza u tar-rispett tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. B’hekk hija tesponi li “l-kriterju rilevanti espost minn [din is-sentenza] huwa dak tal-livell reali ta’ rabta ta’ student mhux residenti, li qed jitlob għajnuna finanzjarja fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu għal studji f’edukazzjoni ogħla, mas-soċjetà u s-suq tax-xogħol tal-Lussemburgu”. Fil-każ fejn din ir-rabta ma tirriżultax direttament mill-istudent, minħabba l-fatt li ma jkunx residenti, iżda mill-ħaddiem fruntalier ta’ referenza, hija tistaqsi dwar il-kunċett, sew strettament ġuridiku kif ukoll strettament ekonomiku, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tar-rabta ta’ filjazzjoni bejn l-istudent li jitlob għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla u l-ħaddiem fruntalier. Fil-fehma tagħha, dawn iż-żewġ kunċetti huma neċessarji a priori. Fl-ipoteżi fejn il-kunċett ta’ “wild” fis-sens tal-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, tirreferi għal dak ta’ wild dipendenti, tirriżulta għalhekk il-kwistjoni tal-effett eventwali tal-importanza tar-responsabbiltà meħuda mill-ħaddiem fruntalier fir-rigward tal-istudent. Il-Cour administrative (qorti amministrattiva) tippreċiża li din il-kwistjoni tirrigwarda l-paragun tal-livell ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-istudent mill-ħaddiem fruntalier, minn naħa, u mill-ġenitur jew ġenituri tiegħu min-naħa l-oħra. Fl-aħħar nett, hija tistaqsi dwar il-portata tal-intensità tar-rabta tal-ħaddiem fruntalier ma’ wieħed mill-ġenituri tal-istudent. |
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour administrative (qorti amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja, redatta bi kliem identiku fil-Kawżi C‑401/15 sa C‑403/15, b’eċċezzjoni ta’ riżerva fil-Kawża C‑403/15 imsemmija f’parenteżi kwadri: “Bl-għan li jiġu ssodisfatti b’mod effettiv ir-rekwiżiti ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 492/2011], flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 45(2) TFUE, [Kawża C‑403/15: ‘fuq il-bażi tal-Artikolu 33(1) tal-(Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea), flimkien, jekk ikun il-każ, mal-Artikolu 7 tiegħu,’] fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-livell reali ta’ rabta ta’ student mhux residenti, li jitlob għajnuna finanzjarja għal studji ta’ edukazzjoni ogħla, mas-soċjetà u mas-suq tax-xogħol tal-Lussemburgu, Stat Membru fejn ħaddiem bejn il-fruntieri kien impjegat jew eżerċita l-attività tiegħu fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2bis tal-[Liġi emendata tat‑22 ta’ Ġunju 2000], bħala konsegwenza diretta tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal‑20 ta’ Ġunju 2013 [Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411)],
F’din it-tieni perspettiva, il-kontribuzzjoni, b’ipoteżi mhux obbligatorja, tal-ħaddiem transkonfinali, fil-każ fejn din ma tkunx esklużiva, iżda parallela għal dik tal-ġenitur jew tal-ġenituri marbuta permezz ta’ rabta ġuridika ta’ filjazzjoni mal-istudent u marbuta, għaldaqstant, bħala prinċipju, b’obbligu legali ta’ manteniment fir-rigward tiegħu, għandha tissodisfa ċerti kriterji ta’ konsistenza?” |
Fuq id-domanda preliminari
33 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li wild ta’ ħaddiem fruntalier, li jista’ jibbenefika indirettament mill-benefiċċji soċjali msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, bħall-finanzjament tal-istudji mogħtija minn Stat Membru lill-ulied tal-ħaddiema li jeżerċitaw jew li eżerċitaw l-attività tagħhom f’dan l-Istat, għandux jinftiehem fis-sens li dan huwa biss il-wild li għandu rabta ta’ filjazzjoni ma’ dan il-ħaddiem jew jekk jinkludix ukoll wild il-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat tal-imsemmi ħaddiem. F’din l-aħħar ipoteżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar l-effett tal-importanza tal-piż kontributtiv tal-ħaddiem fruntalier fil-manteniment ta’ dan il-wild fuq id-dritt ta’ dan tal-aħħar li jirċievi għajnuna finanzjarja bil-għan li jsegwi studji ta’ edukazzjoni ogħla, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
34 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 45(2) jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, fir-rigward tal-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ xogħol (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Gierch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 34). |
35 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, li l-kliem tiegħu huwa rriprodott fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, huwa l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ benefiċċji soċjali, tar-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din l-aħħar dispożizzjoni (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑205/04, mhux ippubblikata, EU:C:2006:137, punt 15; tal-11 ta’ Settembru 2007, Hendrix, C‑287/05, EU:C:2007:494, punt 53, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et , C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 35). |
36 |
Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, il-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru għandu jibbenefika, fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, mill-istess benefiċċji soċjali bħall-ħaddiema nazzjonali. |
37 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat numru ta’ drabi, fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, li din id-dispożizzjoni sservi ta’ benefiċċju b’mod indiskriminat kemm lill-ħaddiema migranti resident fi Stat Membru ospitanti kif ukoll lill-ħaddiema fruntalieri li, filwaqt li jeżerċitaw l-impjieg tagħhom f’dan l-aħħar Stat Membru, jirrisjedu fi Stat Membru ieħor (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Geven, C‑213/05, EU:C:2007:438, punt 15; tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 33; tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et , C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 37 kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et, C-238/15, EU:C:2016:949 punt 39). |
38 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, għajnuna mogħtija għall-manteniment u għat-taħriġ, bil-għan ta’ twettiq ta’ studji universitarji ċċertifikati bi kwalifika professjonali, tikkostitwixxi benefiċċju soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 38; tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et, C‑238/15, EU:C:2016:949, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-finanzjament tal-istudji mogħti minn Stat Membru lill-ulied tal-ħaddiema jikkostitwixxi, għal ħaddiem migrant, benefiċċju soċjali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7(2) fejn dan tal-aħħar ikompli jipprovdi manteniment tal-wild (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C-20/12, EU:C:2013:411, punt 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant huma benefiċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament mogħti lil dan il-ħaddiem mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Peress li l-għoti tal-finanzjament tal-istudji lil wild ħaddiem migrant jikkostitwixxi benefiċċju soċjali għall-ħaddiem migrant, dan il-wild stess jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni sabiex jikseb dan il-finanzjament jekk, skont id-dritt nazzjonali, dan jingħata direttament lill-istudent (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju hija adita b’rikorsi minn studenti mhux residenti fil-Lussemburgu ppreżentati wara r-rifjut minn dan l-Istat Membru li jagħtihom l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla. Dawn l-istudenti jqisu li jistgħu jibbenefikaw minn din l-għajnuna minħabba r-rabtiet familjari tagħhom ma’ ħaddiem fruntalier, li, filwaqt li ma huwiex missierhom, sar il-konjuġi ta’ ommhom wara d-divorzju tal-ġenituri tagħhom jew, fil-każ ta’ M. Lefort, wara l-mewt ta’ missierha. |
42 |
Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-kliem “wild ta’ ħaddiem migrant”, fis-sens fejn dan jintuża fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, li tista’ tiġi trasposta għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, u b’mod partikolari fis-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), jinkludix ulied il-konjuġi jew is-sieħeb irrikonoxxut mid-dritt nazzjonali ta’ dan il-ħaddiem. |
43 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 1612/68, imħassar bid-Direttiva 2004/38, kien jipprovdi li l-konjuġi ta’ dan il-ħaddiem “u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti” kellhom id-dritt li jinstallaw lilhom infushom mal-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. |
44 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li kemm id-dixxendenti ta’ dan il-ħaddiem kif ukoll dawk tal-konjuġi tiegħu għandhom id-dritt li jinstallaw lilhom infushom mal-imsemmi ħaddiem. Fil-fatt, interpretazzjoni restrittiva tal-imsemmija dispożizzjoni fis-sens li huma biss l-ulied komuni tal-ħaddiem migrant u tal-konjuġi tiegħu li setgħu jibbenefikaw minn dan id-dritt kienet tmur kontra l-għan ta’ integrazzjoni tal-membri tal-familja tal-ħaddiema migranti mfittxija mir-Regolament Nru 1612/68 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 57). |
45 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tosserva li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem, li jibbenefikaw indirettament mill-ugwaljanza fit-trattament irrikonoxxuta lill-ħaddiema migranti mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, kienu l-membri tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1987, Lebon, 316/85, EU:C:1987:302, punt 12). |
46 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 ġie mħassar bid-Direttiva 2004/38, minħabba l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jikkodifika, f’test leġiżlattiv wieħed, id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-ħaddiema impjegati, mhux impjegati, tal-istudenti u tal-persuni l-oħra mingħajr impjieg bil-għan li jissemplifika u li jsaħħaħ dan id-dritt. |
47 |
Fil-kuntest ta’ din ir-riforma, il-leġiżlatur irriproduċa, fil-punt 2(c) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “membru tal-familja”, hekk kif ġie ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-Regolament Nru 1612/68, billi ppreċiżat li dan għandu jinftiehem li jinkludi d-dixxendenti diretti ta’ dan iċ-ċittadin li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti “u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba” irrikonoxxut jew irrikonoxxuta mid-dritt nazzjonali. |
48 |
Hekk kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa f’dan il-kuntest ġurisprudenzjali u leġiżlattiv, espost fil-punti 42 sa 47 ta’ din is-sentenza, li għandhom jidħlu s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411) u t-terminu “wild” użat fiha. |
49 |
B’hekk jidher li l-kliem “wild ta’ ħaddiem migrant”, fis-sens użat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu lil ulied il-konjuġi ta’ dan il-ħaddiem jew tas-sieħeb tiegħu rrikonoxxut mid-dritt nazzjonali. |
50 |
L-argument tal-Gvern Lussemburgiż li d-Direttiva 2004/38 tirrigwarda biss id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom għal moviment u għal residenza b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri u mhux id-dritt tal-ħaddiema fruntalieri li jibbenefikaw mill-istess benefiċċji soċjali bħal dawk ta’ ħaddiema nazzjonali, previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, ma huwiex tali li jinvalida lil din l-interpretazzjoni. |
51 |
Fil-fatt, mill-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mfakkra fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mill-fatt li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 sempliċement irriproduċa, mingħajr bidliet, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, jirriżulta li l-membri tal-familja, li jistgħu jibbenefikaw indirettament mill-ugwaljanza fit-trattament skont ir-Regolament Nru 492/2011, huma l-membri tal-familja fis-sens tad-Direttiva 2004/38. Ebda element ma jagħti lil wieħed x’jifhem li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi, fir-rigward tal-membri tal-familja, distinzjoni stretta bejn il-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttiva 2004/38 u tar-Regolament Nru 492/2011, li skontha l-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fis-sens tad-Direttiva 2004/38 ma humiex neċessarjament l-istess persuni bħall-membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin meta dan jiġi kkunsidrat fil-kwalità tiegħu bħala ħaddiem. |
52 |
Barra minn hekk, il-fatt li l-kliem “wlied ta’ ħaddiema transkonfinali [fruntaliera]”, li jistgħu jibbenefikaw indirettament mill-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, għandu jiġi interpretat fir-rigward tal-kunċett ta’ “membri tal-familja” hekk kif ġie ddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mar-Regolament Nru 1612/68 u rriprodott sussegwentement mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, huwa kkorroborat bid-Direttiva 2014/54, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada fil-21 ta’ Mejju 2016. |
53 |
Fil-fatt, mill-premessa 1 tad-Direttiva 2014/54, li tiddikjara li l-“implimentazzjoni tiegħu hija żviluppata aktar mil-liġi tal-Unjoni immirata biex tiggarantixxi l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom”, jirriżulta li l-espressjoni “‘Membri tal-familja tagħhom’ għandha tinftiehem fl-istess sens tat-terminu kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/38] li tapplika wkoll għal membri tal-familja ta’ ħaddiema tal-fruntiera”. |
54 |
Issa, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2014/54, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa identiku għal dak tar-Regolament Nru 492/2011. Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/54, l-għan tagħha barra minn hekk huwa li jiffaċilita u juniformizza l-mod ta’ kif jiġu applikati u rrispettati d-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 45 TFUE u mill-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament Nru 492/2011. |
55 |
Sa fejn jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-punt 2(c) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, ta’ ħaddiem fruntalier li huwa stess jippreżenta rabtiet suffiċjenti mas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, jidher għalhekk li ulied il-konjuġi jew sieħeb irrikonoxxut mill-imsemmi Stat Membru ospitanti ta’ dan il-ħaddiem fruntalier jistgħu jiġu kkunsidrati bħala uliedu bil-għan li jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-dritt li jirċievu għajnuna finanzjarja għat-twettiq tal-istudji tagħhom f’edukazzjoni ogħla kkunsidrata bħala benefiċċju soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. |
56 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll, essenzjalment, dwar l-effett tal-importanza tal-kontribuzzjoni, mill-ħaddiem fruntalier, għall-manteniment tal-wild tal-konjuġi tiegħu fuq id-dritt ta’ dan il-wild li jibbenefika minn għajnuna finanzjarja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
57 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza jirriżulta li huwa meta l-ħaddiem migrant ikompli jikkontribwixxi għall-manteniment tal-wild li l-finanzjament tal-istudji mogħti mill-Istat Membru lil dan il-wild jikkostitwixxi benefiċċju soċjali għal dan il-ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, imħassar bid-Direttiva 2004/38, kien jipprovdi li “l-mara tiegħu [konjuġi] u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti” kellhom id-dritt li jgħixu mal-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, tkun liema tkun in-nazzjonalità tiegħu. Permezz tad-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra wkoll li għandhom jitqies bħala “membri tal-familja” fis-sens tal-punt 2(c) tal-Artikolu 2 tagħha, “id-dixxendenti diretti [taċ-ċittadin tal-Unjoni] li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba [rikonoxxut/a]”. |
58 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kwalità ta’ membru tal-familja dipendenti, fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, ma kinitx tagħti lok għal dritt għal allowances. Li kieku dan kellu jkun il-każ, ir-riunifikazzjoni tal-familja li kienet tipprevedi din id-dispożizzjoni jkun jiddependi mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, li jvarjaw minn Stat għal ieħor, liema fatt iwassal għall-applikazzjoni mhux uniformi tad-dritt tal-Unjoni. B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament Nru 1612/68 fis-sens li l-kwalità ta’ membru tal-familja dipendenti tirriżulta minn sitwazzjoni ta’ fatt. Dan huwa membru tal-familja li s-sostenn tiegħu huwa żgurat mill-ħaddiem, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu ddeterminati r-raġunijiet tar-rikors għal dan is-sostenn u mingħajr ma wieħed jistaqsi jekk il-persuna kkonċernata tinsabx f’pożizzjoni li tipprovdi għall-bżonnijiet tagħha permezz tal-eżerċizzju ta’ attività remunerata. Din l-interpretazzjoni hija meħtieġa mill-prinċipju li skontu d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema, li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi bażiċi li fuqhom hija mibnija l-Unjoni, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1987, Lebon, 316/85, EU:C:1987:302, punti 21 sa 23). |
59 |
Issa, hekk kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni bħal din għandha tapplika wkoll meta jkun hemm ukoll inkwistjoni l-kontribuzzjoni ta’ ħaddiem fruntalier għall-manteniment tal-ulied tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb irrikonoxxut tiegħu. |
60 |
Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat, f’dan il-każ, li l-kwalità ta’ membru tal-familja dipendenti tirriżulta minn sitwazzjoni ta’ fatt, li għandha tiġi evalwata mill-Istat Membru u, jekk ikun il-każ, mill-qrati nazzjonali. Il-kwalità ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiem fruntalier li huwa dipendenti ta’ dan tal-aħħar tista’ għalhekk tirriżulta, meta tirrigwarda s-sitwazzjoni tal-wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb irrikonoxxut ta’ dan il-ħaddiem, minn elementi oġġettivi bħall-eżistenza ta’ dar komuni bejn dan il-ħaddiem u l-istudent, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu ddeterminati r-raġunijiet tal-kontribuzzjoni tal-ħaddiem fruntalier għall-manteniment tal-istudent u lanqas li jiġi kkwantifikat l-ammont eżatt ta’ dan il-manteniment. |
61 |
Madankollu l-Gvern Lussemburgiż isostni li jkun diffiċli li l-amministrazzjoni kompetenti tintalab tfittex, għal kull każ, jekk u kemm il-ħaddiem fruntalier, ġenitur putattiv ta’ student li jitlob l-għoti tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkontribwixxi għall-manteniment ta’ dan l-istudent. |
62 |
Issa, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li l-ulied huma, fi kwalunkwe każ, meqjusa li huma dipendenti sal-età ta’ 21 sena, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 2(c) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38. |
63 |
Min-naħa l-oħra, mill-proċess fil-pussess tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlatur Lussemburgiż innifsu ssuġġetta l-għoti tal-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Liġi tal-24 ta’ Lulju 2014 applikabbli mis-sena akkademika 2014/2015, għall-kundizzjoni li l-ħaddiem “ikompli jikkontribwixxi għall-manteniment tal-istudent”. Il-Gvern Lussemburgiż ma jistax għalhekk validament isostni li kundizzjoni ta’ kontribuzzjoni għall-manteniment tal-istudent ma tistax tiġi vverifikata mill-amministrazzjoni. |
64 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li wild ħaddiem fruntalier, li jista’ jibbenefika indirettament mill-benefiċċji soċjali msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni, bħall-finanzjament tal-istudji mogħti minn Stat Membru lill-ulied tal-ħaddiema li jeżerċitaw jew li eżerċitaw l-attività tagħhom f’dan l-Istat, ma għandux jitqies li huwa biss wild li għandu rabta ta’ filjazzjoni ma’ dan il-ħaddiem, iżda wkoll wild il-konjuġi jew sieħeb irreġistrat tal-imsemmi ħaddiem, meta dan tal-aħħar jikkontribwixxi għall-manteniment ta’ dan il-wild. Dan l-aħħar rekwiżit jirriżulta minn sitwazzjoni ta’ fatt, li għandu jiġi evalwat mill-amministrazzjoni u, jekk ikun il-każ, mill-qrati nazzjonali, mingħajr ma jkun meħtieġ għalihom li jiddeterminaw ir-raġunijiet ta’ din il-kontribuzzjoni jew li jikkwantifikaw id-daqs eżatt tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
65 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li wild ħaddiem fruntalier, li jista’ jibbenefika indirettament mill-benefiċċji soċjali msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni, bħall-finanzjament tal-istudji mogħti minn Stat Membru lill-ulied tal-ħaddiema li jeżerċitaw jew li eżerċitaw l-attività tagħhom f’dan l-Istat, ma għandux jitqies li huwa biss wild li għandu rabta ta’ filjazzjoni ma’ dan il-ħaddiem iżda wkoll wild il-konjuġi jew sieħeb irreġistrat tal-imsemmi ħaddiem, meta dan tal-aħħar jikkontribwixxi għall-manteniment ta’ dan il-wild. Dan l-aħħar rekwiżit jirriżulta minn sitwazzjoni ta’ fatt, li għandu jiġi evalwat mill-amministrazzjoni u, jekk ikun il-każ, mill-qrati nazzjonali, mingħajr ma jkun meħtieġ għalihom li jiddeterminaw ir-raġunijiet ta’ din il-kontribuzzjoni jew li jikkwantifikaw id-daqs eżatt tagħha. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.