This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CJ0238
Judgment of the Court (Second Chamber) of 14 December 2016.#Maria do Céu Bragança Linares Verruga and Others v Ministre de l'Enseignement supérieur et de la recherche.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal administratif.#Reference for a preliminary ruling — Freedom of movement of persons — Equal treatment — Social advantages — Regulation (EU) No 492/2011 — Article 7(2) — Financial aid for higher education studies — Students not residing in the territory of the Member State concerned subject to the condition that they be the children of workers who have been employed or who have pursued their professional activity in that Member State for a continuous period of at least five years — Indirect discrimination — Justification — Objective of increasing the proportion of residents with a higher education degree — Whether appropriate — Proportionality.#Case C-238/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2016.
Maria do Céu Bragança Linares Verruga et vs Ministre de l'Enseignement supérieur et de la Recherche.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal administratif.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla – Kundizzjoni għall-istudenti li mhux residenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat li jkunu wlied ħaddiema li kienu impjegati jew eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom f’dan l-Istat Membru għall-perijodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin – Diskriminazzjoni indiretta – Ġustifikazzjoni – Għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla – Natura xierqa – Proporzjonalità.
Kawża C-238/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2016.
Maria do Céu Bragança Linares Verruga et vs Ministre de l'Enseignement supérieur et de la Recherche.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal administratif.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla – Kundizzjoni għall-istudenti li mhux residenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat li jkunu wlied ħaddiema li kienu impjegati jew eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom f’dan l-Istat Membru għall-perijodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin – Diskriminazzjoni indiretta – Ġustifikazzjoni – Għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla – Natura xierqa – Proporzjonalità.
Kawża C-238/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:949
*A9* Tribunal administratif, 20/05/2015 (34378)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
tal-14 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-persuni — Ugwaljanza fit-trattament — Vantaġġi soċjali — Regolament (UE) Nru 492/2011 — Artikolu 7(2) — Għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla — Kundizzjoni għall-istudenti li ma humiex residenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat li dawn ikunu wlied ħaddiema li kienu ġew impjegati jew li kienu eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom f’dan l-Istat Membru matul perijodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin — Diskriminazzjoni indiretta — Ġustifikazzjoni — Għan intiż sabiex iżid il-proprzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla — Natura xierqa — Proporzjonalità”
Fil-Kawża C-238/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal administratif (qorti amministrattiva il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Mejju 2015, fil-proċedura
Maria do Céu Bragança Linares Verruga,
Jacinto Manuel Sousa Verruga,
André Angelo Linares Verruga
vs
Ministre de l’Enseignement supérieur et de la Recherche,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ April 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Maria do Céu Bragança Linares Verruga et, minn G. Thomas u L. Urbany, avukati, |
— |
għall-Gvern Lussemburgiż, minn D. Holderer, bħala aġent, assistita minn P. Kinsch, avukat, |
— |
għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff u C. Thorning, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Norveġiż, minn I. Jansen, C. Anker u M. Schei, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof, M. Kellerbauer u D. Martin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Maria do Céu Bragança Linares Verruga kif ukoll Jacinto Manuel Sousa Verruga u André Angelo Linares Verruga kontra l-ministre de l’Enseignement supérieur et de la Recherche (ministru għall-edukazzjoni ogħla u għar-riċerka, il-Lussemburgu) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li A. Linares Verruga jibbenifika minn għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15) kif emendat bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1612/68”) kien tħassar b’effett mis-16 ta’ Ġunju 2011 bir-Regolament Nru 492/2011. |
4 |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 41 ta’ dan l-aħħar regolament, ir-riferimenti li jsiru għar-Regolament Nru 1612/68 għandhom jinftiehmu bħala li jsiru għar-Regolament Nru 492/2011. |
5 |
L-Artikolu 7 ta’ dan l-aħħar regolament jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68. “1. Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiem nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid. 2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali. […]” |
6 |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, “[i]ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk”. |
7 |
L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1 Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat.Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti. 2 B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.” |
Id-dritt Lussemburgiż
8 |
L-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla hija rregolata mil-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla (Mémorial A 2000, p. 1106, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla”), li ġiet emendata diversi drabi. |
9 |
Din l-għajnuna finanzjarja tingħata taħt forma ta’ borża ta’ studju u ta’ self u tista’ tintalab indipendentement mill-Istat li fih l-applikant beħsiebu jsegwi l-edukazzjoni ogħla tiegħu. |
10 |
Wara emendi introdotti permezz tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tal-liġi tas‑26 ta’ Lulju 2010 (Mémorial A 2010, p. 2040), L-Artikolu 2 tal-liġi dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla tiddefinixxi l-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna bil-kliem li ġejjin: “Jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, l-istudenti ammessi biex isegwu l-edukazzjoni ogħla u li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
11 |
Il-leġiżlazzjoni applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta wara l-emenda tal-liġi dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla permezz tal-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013 (Mémorial A 2013, p. 3214) (iktar ’il quddiem il-“liġi emendata tat‑22 ta’ Ġunju 2000”). |
12 |
L-Artikolu 2a tal-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, kif imdaħħal mill-punt 1 tal-Artikolu 1 tal-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013, jipprovdi: “Student li ma joqgħodx fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu jista’ jibbenefika wkoll mill-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla, bil-kundizzjoni li jkun wild ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera impjegat jew li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Lussemburgu, u li dan il-ħaddiem kien impjegat jew kien eżerċita l-attività tiegħu fil-Lussemburgu matul perijodu kontinwu għal mill-inqas ħames snin mill-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla mill-istudent. L-impjieg fil-Lussemburgu għandu jkun mill-inqas nofs il-perijodu normali tax-xogħol applikabbli fl-impriża bis-saħħa tal-liġi jew tal-ftehim kollettiv tax-xogħol, jekk ikun il-każ, fis-seħħ. Il-ħaddiem li jaħdem għal rasu għandu jkun affiljat b’mod obbligatorju u kontinwu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu bis-saħħa tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali matul il-ħames snin ta’ qabel ma ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla.” |
13 |
Sussegwentement, il-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 kienet tħassret permezz tal-liġi tal-24 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla (Mémorial A 2014, p. 2188), li ma kinitx fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, il-kundizzjoni tax-xogħol tal-ġenitur tal-istudent mhux residenti matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin fil-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja kienet ġiet abbandunata għal kundizzjoni ta’ xogħol tal-ġenitur tal-istudent mhux residenti matul perijodu ta’ mill-inqas ħames snin matul perijodu ta’ referenza ta’ seba’ snin ta’ qabel id-data tat-talba għall-kisba tal-għajnuna finanzjarja. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 |
A. Linares Verruga, student fl-università ta’ Liège (il-Belġju), joqgħod mal-ġenituri tiegħu, M. Bragança Linares Verruga u J.M. Sousa Verruga, f’Longwy (Franza). M. Bragança Linares Verruga ilha taħdem fil-Lussemburgu bħala persuna impjegata mill-15 ta’ Mejju 2004, b’interruzjoni waħda għall-perijodu bejn l-1 ta’ Novembru 2011 sal‑15 ta’ Jannar 2012. J.M. Sousa Verruga ħadem f’dan l-Istat Membru bħala persuna impjegata bejn l-1 ta’ April 2004 u t‑30 ta’ Settembru 2011 kif ukoll bejn l-4 ta’ Diċembru 2013 u s‑6 ta’ Jannar 2014. Peress li fl-1 ta’ Frar 2014 huwa fetaħ impriża fil-Lussemburgu huwa ħadem għal rasu minn din id-data. |
15 |
A. Linares Verruga talab, bħala student, l-għoti, għas-semestru tax-xitwa tas-sena universitarja 2013/2014, ta’ għajnuna finanzjarja mill-Istat Lussemburgiż għall-edukazzjoni ogħla, fir-rigward tal-preparazzjoni għal diploma. |
16 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2013, il-Ministru għall-Edukazzjoni ogħla u għar-Riċerka rrifjuta li jaċċetta din it-talba għall-għajnuna finanzjarja billi bbaża ruħu fuq l-inosservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2a tal-liġi emendata tat‑22 ta’ Ġunju 2000. |
17 |
Fit-23 ta’ Diċembru 2013, A. Linares Verruga u l-ġenituri tiegħu ppreżentaw rikors amministrattiv kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2014, il-Ministru għall-Edukazzjoni ogħla u għar-Riċerka ċaħad dan ir-rikors. |
18 |
A. Linares Verruga talab ukoll lill-Istat Lussemburgiż l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla għas-semestru tas-sajf tas-sena universitarja 2013/2014. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Marzu 2014, il-Ministru għall-Edukazzjoni ogħla u għar-Riċerka rrifjuta li jaċċetta din it-talba għal għajnuna finanzjarja għal raġunijiet identiċi għal dawk imsemmija fid-deċiżjoni tiegħu tat‑28 ta’ Novembru 2013. |
19 |
Għaldaqstant, A. Linares Verruga u l-ġenituri tiegħu, fil‑15 ta’ April 2014, adixxew it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) b’rikors għar-riforma jew l-annullament tad-deċiżjoni tal-Ministru għall-Edukazzjoni ogħla u għar-Riċerka tat-28 ta’ Novembru 2013, dik tal-14 ta’ Jannar 2014 u dik tal‑24 ta’ Marzu 2014. |
20 |
Quddiem din il-qorti, A. Linares Verruga u l-ġenituri tiegħu sostnew, prinċipalment, li l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla tikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), li għaliha għandu dritt kull ħaddiem. Sussidjarjament, huma jsostnu li din l-għajnuna tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, b’tali mod li l-għoti tagħha huwa suġġett għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iddikjarata f’din id-dispożizzjoni. |
21 |
Il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-imsemmija għajnuna ma tikkostitwix benefiċċju tal-familja fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 u jikkontesta l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1612/68 għall-kawża prinċipali. Dan il-gvern isostni wkoll li l-kwalità ta’ ħaddiem ta’ wieħed mill-ġenituri ta’ student mhux residenti fil-Lussemburgu ma hijiex suffiċjenti waħedha sabiex tagħti lok għad-dritt ta’ dan tal-aħħar għall-għajnuna mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla. Skont l-imsemmi gvern, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), ippermettiet lill-leġiżlatur nazzjonali li jissuġġetta l-għoti ta’ tali għajnuna għall-osservanza tal-kundizzjoni li biha ħaddiem transkonfinali ijkun ħadem fl-Istat Membru kkonċernat għal perijodu ta’ żmien sinjifikattiv. Issa, fil-kawża prinċipali, il-konjuġi Verruga ma jissodisfawx din il-kundizzjoni. |
22 |
It-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) ma aċċettax, fl-ewwel lok, l-argument ta’ A. Linares Verruga u tal-ġenituri tiegħu li biha l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla tikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004. F’dan ir-rigward, huwa josserva li dan ir-regolament jirrigwarda l-benefiċċji relatati mal-kontribuzzjonijiet obbligatorji tal-ħaddiema impjegati u li jaħdmu għal rashom u li benefiċċju ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ħlief jekk ikopri riskju soċjali. Issa, it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) tqis li l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla ma għandhiex bħala għan li tkopri tali riskju. |
23 |
Skont din il-qorti, l-imsemmija għajnuna finanzjarja ma tistax titqies bħala korrispettiv għat-tneħħija tal-allowances tal-familja għal studenti li għandhom iktar minn 18-il sena. Permezz tan-nomina tal-istudenti bħala benefiċjarji tal-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, il-leġiżlatur Lussemburgiż xtaq jiddedika l-kunċett tal-“awtonomija tal-istudent”, jiġifieri d-dritt ta’ dan tal-aħħar li jkun jista’ jsewgi l-edukazzjoni ogħla tal-għażla tiegħu, irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja u mill-volontà tal-ġenituri tiegħu, bl-intenzjoni b’mod partikolari li jinkoraġixxi ż-żieda tal-proporzjon tal-persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla fil-populazzjoni residenti fil-Lussemburgu. It-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla hija suġġetta biss għal kundizzjonijiet akkademiċi u li tingħata fil-forma ta’ borża ta’ studju jew self fejn l-ammonti jvarjaw biss skont is-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali personali tal-istudent kif ukoll l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni li jridu jitħallsu minnu. |
24 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argumenti ta’ A. Linares Verruga u tal-ġenituri tiegħu bbażati fuq l-inkompatibbiltà tal-liġi emendata tat‑22 ta’ Ġunju 2000 mar-Regolament Nru 1612/68, it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-‑Lussemburgu) tikkunsidra li, sakemm il-finanzjament tal-edukazzjoni mgħoti minn Stat Membru lil ulied il-ħaddiema jikkostitwixxi, għal ħaddiem migrant, vantaġġ soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-kawża prinċipali. |
25 |
Barra minn hekk, din il-qorti tosserva, li, fis-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C-20/12, EU:C:2013:411), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ residenza prevista fl-Artikolu 2(b) tal-liġi dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, kif emendata bil-liġi tas-26 ta’ Lulju 2010, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba nazzjonalità bejn il-persuni residenti fil-Lussemburgu u dawk li, mingħajr ma jirrisjedu f’dan l-Istat Membru, huma wlied il-ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività hemmhekk. |
26 |
Skont it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu), għalkemm, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kien possibbli għall-leġiżlatur Lussemburgiż li jeżiġi, għall-iskopijiet tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, li l-ħaddiem transkonfinali, ġenitur tal-istudent, ikun ħadem fil-Lussemburgu matul perijodu minimu determinat, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma ddeċidietx li tali rekwiżit għandu jikkostitwixxi kundizzjoni esklużiva u li perijodu ta’ xogħol ta’ ħames snin f’dan l-Istat Membru għandu jkun l-uniku kriterju ammissibbli. Għall-kuntrarju, fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura esklużiva wisq ta’ regola li tiffavorixxi kriterju wieħed biss għall-evalwazzjoni tal-grad ta’ konnessjoni tal-ħaddiem transkonfinali mas-soċjetà Lussemburgiża kif ukoll ir-relevanza u l-ġustifikazzjoni tal-kriterji li jippermettu li jidentifikaw probabbilità raġonevoli tar-ritorn tal-istudent fil-Lussemburgu wara li jispiċċa l-istudji tiegħu. |
27 |
Sussegwentement, it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu), tirrileva li l-għoti tal-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla ġiet irrifjutata lil A. Linares Verruga minħabba interruzzjoni ta’ xahrejn u nofs fl-eżerċizzju minn ommu ta’ attività ta’ ħaddiema impjegata fil-Lussemburgu, minkejja l-fatt li din tal-aħħar eżerċitat tali attività matul perijodu globali ta’ kważi tmien snin, għalkemm tali rifjut ma kienx ikun, taħt l-istess kundizzjonijiet, mogħti lil ħaddiem residenti fl-imsemmi Stat Membru. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu), tistaqsi jekk il-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 2a tal-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 għandhiex natura eċċessiva. Hija tosserva li diskriminazzjoni indiretta hija pprojbita fil-prinċipju, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata, jiġifieri li hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan leġittimu u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiskeb dan il-għan. F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li l-Gvern Lussemburgiż iressaq bħala ġustifikazzjoni n-neċessità li jiżgura li teżisti rabta bejn il-ħaddiem transkonfinali u s-soċjetà Lussemburgiża li tippermetti li wieħed jassumi li, wara li jkun ibbenefika mill-għajnuna mill-Istat sabiex jiffinanzja l-istudji tiegħu, l-istudent, wild ta’ tali ħaddiem, jirritorna fil-Lussemburgu sabiex iqiegħed it-tagħrif li huwa kiseb għas-servizz tal-iżvilupp tal-ekonomija ta’ dan l-Istat Membru. |
29 |
Skont it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu), il-Gvern Lussemburgiż jaf bin-natutra eċċessiva u diskriminatorja tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 2a tal-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, peress li l-liġi tal-24 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla ssostiwixxiet il-kundizzjoni ta’ perijodu ta’ xogħol kontinwu ta’ ħames snin bil-kundizzjoni ta’ perijodu totali ta’ xogħol ta’ ħames snin fuq perijodu ta’ referenza ta’ seba’ snin, bil-għan li tippermetti li jitqiesu l-interruzzjonijiet ta’ xogħol, b’mod partikolari, il-perijodi ta’ qgħad. Madankollu, din il-qorti tqis, li, minkejja din il-bidla fil-kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmija għajnuna, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 mar-Regolament Nru 1612/68 hija xorta waħda kapaċi li tinfluwenza d-deċiżjoni rigward l-eżitu tad-deċiżjonijiet tal-Ministru tal-Edukazzjoni ogħla u għar-Riċerka fil-kawża prinċipali. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-kundizzjoni imposta fuq l-istudenti li ma jirrisjedux fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu mill-Artikolu 2a tal-[liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000], bl-esklużjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe kriterju ta’ rabta, jiġifieri li wieħed ikun wild ta’ ħaddiema li kienu impjegati jew li eżerċitaw l-attività tagħhom fil-Lussemburgu għal perjodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument tat-talba għall-għajnuna finanzjarja, hija ġġustifikata mill-kunsiderazzjonijiet ta’ politika tal-edukazzjoni u ta’ politika baġitarja invokati mill-Istat Lussemburgiż, u xierqa, rispettivament ipproporzjonata meta mqabbla mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri li dan l-Istat ifittex li jinkoraġġixxi ż-żieda fil-proporzjon tal-persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla, filwaqt li jfittex li jiggarantixxi li dawn il-persuni, wara li jkunu bbenefikaw mill-possibbiltà offruta mill-iskema ta’ għajnuna kkonċernata għall-finanzjament tal-istudju tagħhom, li jkunu saru skont il-każ barra mill-pajjiż, jirritornaw lejn il-Lussemburgu sabiex iqiegħdu l-għarfien li jkunu akkwistaw għas-servizz tal-iżvilupp ekonomiku ta’ dan l-Istat Membru?” |
Fuq id-domanda preliminari
31 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 492/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġizlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-‑kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla lill-istudenti mhux residenti għall-kundizzjoni li tal-inqas wieħed mill-ġenituri ta’ dan tal-aħħar ikun ħadem f’dan l-Istat Membru matul perijodu minimu u kontinwu ta’ ħames snin fil-mument tat-talba għall-għajnuna finanzjarja, iżda ma tipprevedix tali kundizzjoni fir-rigward ta’ studenti residenti fuq it-territorju tal-imsemmi Stat Membru, bil-għan li tinkoraġġixxi ż-żieda fil-proporzjon tar-residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla. |
Osservazzjonijiet preliminari
32 |
Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, li dakinhar kienet tirriżulta mill-liġi dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, kif emendata bil-liġi tas-26 ta’ Lulju 2010. |
33 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla għal kundizzjoni ta’ residenza tal-istudent u għalhekk stabbilixxiet differenza fit-trattament bejn il-persuni residenti fil-Lussemburgu u dawk li, mingħajr ma jkunu residenti f’dan l-Istat Membru, huma wlied ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività fl-imsemmi Stat Membru. |
34 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-fatt li kundizzjoni ta’ residenza hija imposta fuq studenti, ulied ħaddiema transkonfinali, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità, li hija bħala prinċipju pprojbita, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 46). |
35 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ residenza prevista mill-liġi dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, kif emendata bil-liġi tas-26 ta’ Lulju 2010, kienet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tal-interess ġenerali rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni intiż sabiex jippromwovi t-tkomplija ta’ edukazzjoni ogħla u li jżid b’mod sinjifikattiv, il-proporzjon ta’ dawk li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla residenti fil-Lussemburgu (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punti 53, 56 u 68). |
36 |
Min-naħa l-oħra, fl-analiżi tagħha tan-neċessità tal-kundizzjoni ta’ residenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din tal-aħħar eċċediet dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan intiż sabiex iżid il-proporzjon tar-residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla, sal-punt fejn hija ostakolat it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra potenzjalment rappreżentattivi tal-livell reali ta’ konnessjoni tal-applikant għall-għajnuna finanzjarja inkwistjoni mas-soċjetà jew mas-suq tax-‑xogħol tal-Istat Membru kkonċernat, bħalma huwa l-fatt li wieħed mill-ġenituri, li jkompli jipprovdi għall-manteniment tal-istudent, huwa ħaddiem transkonfinali, li għandu impjieg permanenti f’dan l-Istat Membru u diġà ħadem f’dan tal-aħħar għal perijodu sinjifikattiv (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 83). |
37 |
Wara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013 emendat il-liġi dwar l-għajnuna finanzjara mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla b’mod li testendi l-benefiċċju ta’ din l-għajnuna lill-istudent li ma huwiex residenti fil-Lussemburgu bil-kundizzjoni li jkun wild ħaddiem impjegat jew jaħdem għal rasu, ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea impjegat jew li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Lussemburgu u li dan il-ħaddiem kien impjegat jew eżerċita l-attività tiegħu fil-Lussemburgu għall-perijodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument tat-talba għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla mill-istudent. |
38 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mill-emenda tikkostitwixxix diskriminazzjoni possibbli u, f’dak il-każ, jekk hijiex oġġettivament iġġustifikata. |
Fuq l-eżistenza ta ’ diskriminazzjoni
39 |
Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li l-kontenut huwa fformulat fl-istess kliem bħal dak tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, il-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jibbenefika, fuq it-territorju ta’ Stati Membri oħrajn, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali. Din id-dispożizzjoni tibbenefika mingħajr distinzjoni kemm lill-ħaddiema migranti residenti fi Stat Membru ospitanti, kif ukoll lill-ħaddiema transkonfinali li, filwaqt li jeżerċitaw l-impjieg bi ħlas tagħhom fl-Istat Membru tal-aħħar, huma residenti fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints, C‑57/96, EU:C:1997:564, punt 50, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 37). |
40 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għajnuna mogħtija għall-manteniment u għat-taħriġ intiża sabiex titkompla l-edukazzjoni universitarja li twassal għal kwalifika professjonali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali għall-ħaddiem migrant, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 34, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 38), fejn il-wild ta’ ħaddiem migrant jista’ juża din id-dispożizzjoni huwa nnifsu sabiex jikseb dan il-finanzjament jekk, skont id-dritt nazzjonali, dan jingħata direttament lill-istudent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini, C‑3/90, EU:C:1992:89, punt 26; tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 48, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 40). |
41 |
Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni indiretta li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (ara s-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 40). |
42 |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla kemm għal kundizzjoni ta’ residenza tal-istudent fuq it-territorju Lussemburgiż kif ukoll, għall-istudenti mhux residenti fuq dan it-territorju, għall-kundizzjoni li wlied ħaddiema li ħadmu jew eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fil-Lussemburgu matul perijodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin mill-mument tat-talba għall-għajnuna finanzjarja. Anki jekk hija tapplika bla distinzjoni għal ċittadini Lussemburgiżi u għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra, kundizzjoni bħal din ta’ perijodu ta’ xogħol minimu u kontinwu ma hijiex prevista għall-istudenti li huma residenti fuq it-territorju Lussemburgiż. |
43 |
Tali distinzjoni bbażata fuq ir-residenza, tista’ tkun ta’ ħsara għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra, sa fejn il-persuni mhux residenti huma normalment persuni li ma humiex ċittadini (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 38, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 44). |
44 |
Għalhekk, din tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità li ma hijiex ammissibbli ħlief bil-kundizzjoni li tkun oġġettivament iġġustifikata. Sabiex tkun iġġustifikata, hija għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-kisba ta’ għan leġittimu, u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dan il-għan. |
Fuq l-eżistenza ta ’ għan leġittimu
45 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-għan imfittex mil-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 huwa identiku għall-għan soċjali li kien ġie invokat biex jiġġustifika l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411). Dan l-għan huwa intiż li jżid b’mod sinjifikattiv fil-Lussemburgu dik il-parti ta’ residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla. |
46 |
Issa, fil-punti 53 u 56 tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-għan soċjali invokat mill-Gvern Lussemburgiż sabiex jiġġustifika l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża li wasslet għall-għoti ta’ din is-sentenza u intiż sabiex jippromwovi t-tkomplija ta’ edukazzjoni ogħla huwa għan ta’ interess ġenerali, rikonoxxut fuq livell tal-Unjoni. Fil-fatt azzjoni mnedija minn Stat Membru sabiex jiżgura li l-popolazzjoni residenti jkollha livell għoli ta’ taħriġ tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità. |
47 |
Li jibqa’ huwa li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjoni ta’ perijodu ta’ xogħol kontinwu ta’ ħames snin fil-mument tat-talba għall-borża ta’ studju hijiex xierqa u neċessarja sabiex jinkiseb l-imsemmi għan. |
Fuq in-natura xierqa tal-kundizzjoni tal-perijodu tax-xogħol minimu u kontinwu
48 |
Skont il-Gvern Lusemburgiż, fuq liema opinjoni essenzjalment jaqblu l-Gvernijiet Daniż u Norveġiż, il-kundizzjoni ta’ perijodu tax-xogħol fil-Lussemburgu minimu u kontinwu ta’ ħames snin hija intiża sabiex jiżgura li l-għajnuna finanzjarja tingħata biss lill-istudenti li għandhom rabta ta’ konnessjoni mas-soċjetà Lussemburgiża tali li teżisti probabbiltà għolja ta’ installazzjoni fil-Lussemburgu u ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol Lussemburgiż fi tmiem l-edukazzjoni ogħla. Dan il-għan jinkiseb jekk il-ġenitur, ħaddiem transkonfinali, għandu impjieg permanenti fil-Lussemburgu u diġà ħadem hemmhekk għal perijodu sinjifikattiv, għaliex dan jikkostitwixxi element rappreżentattiv tal-livell reali ta’ konnessjoni mas-soċjetà jew mas-suq tax-xogħol Lussemburgiż. Ċirkustanzi bħal dawn jippermettu li wieħed jassumi li l-eżempju tal-ġenituri x’aktarx ser jinfluwenza, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, l-għażla tal-karriera tal-istudent. |
49 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward ta’ ħaddiema migranti u transkonfinali, il-fatt li għandu hom aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, bħala prinċipju, joħloq rabta ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà ta’ dan l-Istat li tippermettilhom li hemmhekk jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbla mal-ħaddiema nazzjonali fir-rigward ta’ vantaġġi soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 65, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 63). |
50 |
Ir-rabta tal-integrazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-ħaddiema migranti jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-politika soċjali tal-Istat Membru ospitanti bil-kontribuzzjonijiet fiskali u soċjali li huma jħallsu f’dak l-Istat, bis-saħħa tal-attività ta’ impjieg li jeżerċitaw. Għalhekk, huma għandhom jibbenefikaw taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 66, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 63). |
51 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li leġiżlazzjoni nazzjonali indirettament diskriminatorja u li tirrestrinġi l-għoti ta’ vantaġġi soċjali lill-ħaddiema transkonfinali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 fl-assenza ta’ rabta suffiċjenti mas-soċjetà li fiha jeżerċitaw attività mingħajr ma jirrisjedu hemmhekk tista’ tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-‑għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann, C‑212/05, EU:C:2007:437, punti 30 sa 35 u 37; tat-18 ta’ Lulju 2007, Geven, C‑213/05, EU:C:2007:438, punt 26; tal-11 ta’ Settembru 2007, Hendrix, C‑287/05, EU:C:2007:494, punti 54 u 55, kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 64). |
52 |
Għalhekk, fil-punti 26 u 28 sa 30 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Geven (C‑213/05, EU:C:2007:438), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li tipprevedi li dawk li jistgħu jitolbu benefiċċju soċjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huma biss dawk il-ħaddiema li, permezz tal-għażla tar-residenza tagħhom, stabbilixxew rabta effettiva mas-soċetà ta’ dan l-Istat Membru, kif ukoll, fir-rigward tal-ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività professjonali fl-imsemmi Stat Membru filwaqt li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, dawk li jeżerċitaw attività professjonali li taqbeż il-limitu ta’ impjieg minuri, peress li kontribuzzjoni oġġettiva għas-suq tax-xogħol nazzjonali kienet meqjusa bħala li tikkostitwixxi wkoll element validu ta’ integrazzjoni mas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat. |
53 |
Fil-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-kundizzjoni tar-residenza minn qabel tal-istudent fil-Lussemburgu kienet meqjusa bħala l-unika kundizzjoni ta’ natura li tistabbilixxi rabta ta’ konnessjoni ma’ dan l-Istat Membru. |
54 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali kundizzjoni ta’ residenza kienet xierqa sabiex tikseb l-għan intiż sabiex jippromwovi t-tkomplija tal-edukazzjoni ogħla u li żżid, b’mod sinjifikattiv, il-proporzjon ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla residenti fil-Lussemburgu, iżda hija kienet ta’ natura esklużiva wisq (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 76). Fil-fatt, l-eżistenza ta’ probabbiltà raġonevoli li l-benefiċjarji tal-għajnuna jiġu lura sabiex jistabbilixxu ruħhom fil-Lussemburgu u jqiegħdu ruħhom għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku ta’ dan tal-aħħar, tista’ tiġi stabbilita minn elementi oħra għajr tali kundizzjoni (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 77). |
55 |
Fost dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-impjieg tal-ġenituri tal-istudent ikkonċernat, għal perijodu sinjifikattiv fl-Istat Membru li qiegħed jagħti l-għajnuna mitluba, jista’ jkun xieraq sabiex juri l-livell reali tar-rabta mas-soċjetà jew is-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C 20/12, EU:C:2013:411, punt 78). |
56 |
Fil-kawża prinċipali, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, (C 20/12, EU:C:2013:411), l-ewwel nett, il-benefiċjarji tal-għajnuna finanzjarja ma humiex il-ħaddiema stess, iżda wliedhom mhux residenti fil-Lussemburgu, li jfittxu li jistudjaw bla distinzjoni fil-Lussemburgu jew fi Stat Membru ieħor li jkun, u, it-tieni nett, ir-rabta mas-soċjetà Lussemburgiża tista’ tidher, f’dan ir-rigward, inqas b’saħħitha fir-rigward tal-ulied tal-ħaddiema transkonfinali iktar milli tal-ħaddiema migranti residenti fil-Lussemburgu. |
57 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher leġittimu li l-Istat li jagħti l-għajnuna jfittex li jiżgura li l-ħaddiem transkonfinali effettivament għandu rabta ta’ integrazzjoni mas-soċjetà Lussemburgiża billi jeżiġi rabta suffiċjenti sabiex jiġġieled kontra r-riskju li jidher bħala “turiżmu ta’ boroż ta’ studju”, invokat mill-gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet. |
58 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi aċċettat li l-kundizzjoni ta’ perijodu ta’ xogħol minimu fil-Lussemburgu ta’ ġenitur ħaddiem transkonfinali, meħtieġ mill-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 sabiex ulied il-ħaddiema transkonfinali jkunu jistgħu jitolbu l-benefiċċju ta’ għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, hija ta’ natura li tistabbilixxi tali rabta ta’ dawn il-ħaddiema mas-soċjetà Lussemburgiża, kif ukoll probabbiltà raġonevoli li l-istudent jiġi lura l-Lussemburgu wara li dan ikun lesta l-istudji tiegħu. |
Fuq in-natura neċessarja tal-kundizzjoni tal-perijodu ta ’ xogħol minimu u kontinwu
59 |
Għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjoni dwar il-perijodu minimu u kontinwu ta’ xogħol fil-mument tat-talba tal-għajnuna finanzjarja ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan mixtieq. |
60 |
Fil-punt 76 tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, billi impona kundizzjoni ta’ residenza bħal dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ta preferenza lil element li ma huwiex neċessarjament l-uniku element rappreżentattiv tal-livell reali ta’ rabta tal-persuna kkonċernata ma dan l-Istat Membru. |
61 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li rabta suffiċjenti tal-istudent mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li tippermetti li tiġi konkluża probabbiltà raġonevoli li huwa jiġi lura sabiex jistabbilixxi ruħu f’dan l-Istat Membru u jqiegħed ruħu għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ dan, tista’ tirriżulta wkoll mill-fatt li dan l-istudent jirrisjedi waħdu jew mal-ġenituri tiegħu fi Stat Membru konfinanti mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u li l-ġenituri tiegħu ilhom, għal perijodu kunsiderevoli, jaħdmu fil-Lussemburgu u jgħixu fil-prossimità ta’ dan l-aħħar Stat Membru (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 78). |
62 |
Fir-rigward tal-possibbiltajiet li l-leġiżlatur Lussemburgiż għandu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sa fejn l-għajnuna hija komposta minn, pereżempju, self, sistema ta’ finanzjament li tissuġġetta l-għoti ta’ dan is-self, jekk mhux saħansitra l-kumplament tiegħu, jew in-nuqqas ta’ rimbors tiegħu, għall-kundizzjoni li l-istudent li jibbenefika minnu jiġi lura l-Lussemburgu wara li jkun spiċċa l-istudji tiegħu barra mill-pajjiż, sabiex jaħdem u jirrisjedi hemmhekk, tista’ tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex, mingħajr ma ssir ħsara lill-ulied ta’ ħaddiema transkonfinali (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 79). |
63 |
Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat ir-riskju li jkun hemm “turiżmu ta’ boroż ta’ studju”, u li jiġi żgurat li ħaddiem transkonfinali jippreżenta rabtiet suffiċjenti mas-soċjetà Lussemburgiża, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, fil-punt 80 tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-possibbiltà li jissuġġetta l-għoti tal-għajnuna finanzjarja għall-kundizzjoni li l-ħaddiem transkonfinali, ġenitur tal-istudent mhux residenti fil-Lussemburgu, ikun ħadem f’dan l-Istat Membru matul perijodu minimu speċifiku. |
64 |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-leġiżlatur nazzjonali uża l-possibbiltà li ġiet offruta lilu mill-punt 80 tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), billi ispira ruħu b’analoġija mill-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, li jirreferi għall-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti, ifformulati fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva. Issa, din id-dispożizzjoni tal-aħħar espressament tipprevedi l-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti minn “[I]ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti”. |
65 |
Madankollu, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 83 sa 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-analoġija mal-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 issuġġerita mill-Gvern Lussemburgiż, ma hijiex rilevanti sabiex tiġġustifika r-rekwiżit ta’ perijodu kontinwu ta’ xogħol ta’ ħames snin impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali. |
66 |
Fil-fatt, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, li jipprevedi kundizzjoni ta’ perijodu minimu ta’ residenza kontinwu sabiex jiżgura l-għoti ta’ dritt ta’ residenza permanenti għal persuni stabbiliti permanentement fl-Istat Membru ospitanti tinsab, kif enfasizzat ukoll espressament, barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 80 tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), f’kuntest ieħor minn dak ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema nazzjonali u ħaddiema migranti. Barra minn hekk, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi espressament li l-possibbiltà miftuħa minn din id-dispożizzjoni li tirrifjuta li tagħti, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, għajnuna għall-istudju, inkluż għat-taħriġ professjonali, taħt forma ta’ boroż ta’ studju jew ta’ self, tapplika biss għal persuni li ma humiex ħaddiema impjegati, il‑persuni li jaħdmu għal rashom, il-persuni li jżommu t-tali status u l-membri tal-familja tagħhom. |
67 |
Għalhekk huwa biss sabiex jintwera b’liema mod id-dritt tal-Unjoni jippermetti, fil-kuntest taċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi, li jiġi evitat ir-riskju li jkun hemm “turiżmu ta’ boroż ta’ studju”, li l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet fil-punt 80 tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), għall-Artikolu 16(1) u għall-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. |
68 |
Għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju tal-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla kienet irrifjutata lil A. Linares Verruga għalkemm il-ġenituri tiegħu ħadmu fil-Lussemburgu matul perijodu totali ta’ iktar minn ħames snin, b’xi interruzzjonijiet qosra biss matul il-ħames snin li ppreċedew it-talba għall-għajnuna finanzjarja. |
69 |
Regola bħal dik prevista mill-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti lill-istudenti mhux residenti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla għall-kundizzjoni li jkollhom ġenitur li ħadem fil-Lussemburgu b’mod kontinwu matul perijodu minimu ta’ ħames snin fil-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja, mingħajr ma tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jagħtu din l-għajnuna meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-ġenituri ħadmu, minkejja xi interuzzjonijiet qosra, fil-Lussemburgu matul perijodu sinjifikattiv, f’dan il-każ għal kważi tmien snin, ta’ iktar minn ħames snin, matul il-perijodu li ppreċeda din it-talba, timponi restrizzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan leġittimu intiż sabiex iżid in-numru ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla fi ħdan il-populazzjoni residenti, sakemm tali interruzzjonijiet ma humiex ta’ natura li jiksru r-rabta bejn l-applikant għall-għajnuna finanzjarja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu. |
70 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla lill-istudenti mhux residenti għall-kundizzjoni li tal-inqas wieħed mill-ġenituri ta’ dawn tal-aħħar ikun ħadem f’dan l-Istat Membru matul perijodu minimu u kontinwu ta’ ħames snin fil-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja, iżda ma tipprevedix tali kundizzjoni fir-rigward ta’ studenti residenti fuq it-territorju tal-imsemmi Stat Membru, bl-għan li tinkoraġġixxi ż-żieda tal-proporzjon tar-residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla. |
Fuq l-ispejjeż
71 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla lill-istudenti mhux residenti għall-kundizzjoni li tal-inqas wieħed mill-ġenituri ta’ dawn tal-aħħar ikun ħadem f’dan l-Istat Membru matul perijodu minimu u kontinwu ta’ ħames snin fil-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja, iżda ma tipprevedix tali kundizzjoni fir-rigward ta’ studenti residenti fuq it-territorju tal-imsemmi Stat Membru, bl-għan li tinkoraġġixxi ż-żieda tal-proporzjon tar-residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.