This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CJ0400
Judgment of the Court (Second Chamber), 16 January 2014.#Secretary of State for the Home Department v M. G.#Request for a preliminary ruling from the Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London.#Reference for a preliminary ruling — Directive 2004/38/EC — Article 28(3)(a) — Protection against expulsion — Method for calculating the 10‑year period — Whether periods of imprisonment are to be taken into account.#Case C‑400/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Jannar 2014.
Secretary of State for the Home Department vs M. G.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 28(3)(a) – Protezzjoni kontra t-tkeċċija – Metodu ta’ kalkolu tal-perijodu ta’ għaxar snin – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ priġunerija.
Kawża C‑400/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Jannar 2014.
Secretary of State for the Home Department vs M. G.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 28(3)(a) – Protezzjoni kontra t-tkeċċija – Metodu ta’ kalkolu tal-perijodu ta’ għaxar snin – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ priġunerija.
Kawża C‑400/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:9
*A9* Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) London, order of 24/08/2012 (IA/28906/2010)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
16 ta’ Jannar 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 28(3)(a) — Protezzjoni kontra t-tkeċċija — Metodu ta’ kalkolu tal-perijodu ta’ għaxar snin — Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ priġunerija”
Fil-Kawża C‑400/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Awwissu 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Awwissu 2012, fil-proċedura
Secretary of State for the Home Department
vs
M. G.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal G., minn R. Drabble, QC, L. Hirst, barrister, u E. Sibley, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn A. Robinson, bħala aġent, assistit minn R. Palmer, barrister, |
— |
għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam u N. Grünberg, bħala aġenti, |
— |
għall-Irlanda, minn E. Creedon, bħala aġent, assistita minn D. Conlan Smyth, barrister, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u C. Tufvesson, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Secretary of State for the Home Department (Ministru tal-Intern tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) u G., dwar deċiżjoni intiża li tkeċċi lil din tal-aħħar mit-territorju tar-Renju Unit. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont il-premessi 23 u 24 tad-Direttiva 2004/38:
|
4 |
Taħt l-intestatura “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
|
5 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom. [...]”. |
6 |
Il-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza”, jinkludi l-Artikoli 6 sa 15 tagħha. L-Artikolu 6 jirrigwarda d-“[d]ritt ta’ residenza sa tliet xhur”. L-Artikolu 7 jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, “[d]ritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”. |
7 |
Taħt il-Kapitolu IV tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti”, l-Artikolu 16 tagħha, li huwa intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, jipprovdi: “1. Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III. 2. Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin. 3. Il-kontinwità tar-residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f’sena, jew minn assenzi ta’ dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità [ħlas], mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz. 4. Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.” |
8 |
Taħt il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”, jinsab l-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, li huwa intitolat “Prinċipji ġenerali”, u li jipprovdi: “1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni [jew] tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi. 2. Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri. Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati. 3. Sabiex ikun aċċertat jekk il-persuna kkonċernata tirrappreżentax periklu għall-politika pubblika [ordni pubbliku] jew għas-sigurtà pubblika, fil-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni, mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tal-waslien tal-persuna kkonċernata fit-territorju jew mid-data tar-rappurtaġġ tal-preżenza tagħha fit-territorju, kif previst fl-Artikolu 5(5), jew fil-mument li tinħareġ il-karta ta’ residenza, l-Istat Membru ospitanti jista’, jekk dan jitqies bħala essenz[j]ali, jitlob lill-Istat Membru ta’ oriġini u, jekk hemm il-bżonn [lil] [S]tati Membri oħra, biex jipprovdu informazzjoni dwar rekordji tal-pulizija [rekords kriminali] preċedenti li jista’ jkollha l-persuna kkonċernata. Dan l-istħarriġ m’għandux isir b’mod sistematiku. L-Istat Membru kkonsultat [għandu] jagħti r-risposta tiegħu fi żmien xahrejn. 4. L-Istat Membru li ħareġ il-passaport jew il-karta ta’ l-identità għandu jħalli lit-titolar tad-dokument li tkeċċa minħabba politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika minn Stat Membru ieħor biex jerġa’ jidħol fit-territorju tiegħu mingħajr xi formalità anke jekk id-dokument m’għadux validu aktar jew jekk iċ-ċittadinanza tat-titolar qed tiġi kkontestata.” |
9 |
L-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Protezzjoni minn tkeċċija” u li wkoll jinsab taħt il-Kapitolu VI tagħha, jipprovdi: “1. Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika [ordni pubbliku] jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini. 2. L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew ta’ sigurtà pubblika. 3. Deċiżjoni ta’ tkeċċija m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:
|
Id-dritt tar-Renju Unit
10 |
Ir-Regolament tal-2006 dwar l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) Regulations 2006, jimplementa, fid-dritt tar-Renju Unit, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38. |
11 |
L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, intitolat “Deċiżjonijiet adottati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika” jiżgura t-traspożizzjoni tal-Artikoli 27 u 28 ta’ din id-direttiva. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
G. hija ċittadina Portugiża. Fit-12 ta’ April 1998, hija daħlet fir-Renju Unit flimkien ma’ żewġha, li wkoll huwa Portugiż. G. kellha impjieg bejn ix-xahar ta’ Mejju 1998 u dak ta’ Marzu 1999. Matul dan l-aħħar xahar, hija waqfet taħdem sabiex ikollha l-ewwel wild tagħha, li twieled f’Ġunju tal-istess sena. Matul is-snin 2001 u 2004, G. u żewġha kellhom żewġ ulied oħra. Matul il-perijodu tagħha ta’ inattività u sas-separazzjoni tal-koppja fix-xahar ta’ Diċembru 2006, G. kienet sostnuta finanzjarament minn żewġha. Minkejja din is-separazzjoni, G. u żewġha baqgħu miżżewġin. |
13 |
Fix-xahar ta’ April 2008, ulied G. tqiegħdu f’familja tar-rispett (foster care family) wara twissija mill-persunal tal-isptar li l-ġrieħi li kien qiegħed ibati minnhom wieħed minnhom ma ġewx ikkawżati b’mod aċċidentali. Fil-21 ta’ Novembru 2008, il-qorti tal-familja ddeċidiet li G. kienet responsabbli għall-ġrieħi kkawżati fuq wieħed minn uliedha. Billi ġiet iddikjarata ħatja għal kap ta’ akkuża ta’ abbuż fiżiku u ġrieħi fuq persuna ta’ inqas minn 16-il sena, fis-27 ta’ Awwissu 2009 G. ġiet ikkundannata għal 21 xahar priġunerija. |
14 |
Wara l-kundanna ta’ G., il-kustodja tat-tfal ingħatat lir-raġel tal-persuna kkonċernata. Filwaqt li hija kienet tinsab il-ħabs, G. ngħatat dritt ta’ aċċess għal uliedha, taħt sorveljanza u fil-pubbliku. Madankollu, fix-xahar ta’ April 2010, l-awtoritajiet lokali interrompew dawn iż-żjarat u talbu li dan id-dritt jiġi sospiż sax-xahar ta’ Awwissu ta’ wara. Fil-5 ta’ Lulju 2011, il-qorti tal-familja ddeċidiet li żżomm is-sorveljanza, li tillimita ż-żjarat, fil-forma ta’ kuntatti indiretti, u li tipprojbixxi ċerti atti, filwaqt li rrilevat li G. kienet għadha trid turi li hija kienet kapaċi tgħix ħajja stabbli u mingħajr konsum tad-droga. |
15 |
Fil-11 ta’ Mejju 2010, matul is-soġġorn tagħha fil-ħabs, G. ppreżentat, lis-Secretary of State, applikazzjoni għal karta ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit. Fit-8 ta’ Lulju 2010, is-Secretary of State ċaħad din l-applikazzjoni u ordna t-tkeċċija ta’ G. għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-2006 dwar l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea). |
16 |
Fil-11 ta’ Lulju 2010, G., li kienet skontat il-piena tagħha, madankollu baqgħet f’detenzjoni, peress li kienet ingħatat id-deċiżjoni tas-Secretary of State li tordna t-tkeċċija tagħha. F’din id-deċiżjoni, is-Secretary of State qies, l-ewwel nett, li l-protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 hija bbażata fuq l-integrazzjoni taċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti u li tali integrazzjoni ma setgħetx titwettaq matul is-soġġorn tiegħu fil-ħabs. It-tieni nett, huwa qies li G. lanqas ma setgħet tibbenefika mill-protezzjoni intermedja kontra t-tkeċċija peress li, minn naħa, hija ma kinitx uriet li kisbet dritt ta’ residenza permanenti u li, min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, kienu jeżistu raġunijiet serji ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika li jiġġustifikaw it-tkeċċija tal-persuna kkonċernata. It-tielet nett, is-Secretary of State ikkonstata li, a fortiori, G. lanqas ma setgħet tibbenefika mill-protezzjoni bażika kontra t-tkeċċija. |
17 |
G. ressqet azzjoni quddiem il-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber). Dan tal-aħħar, fl-10 ta’ Jannar 2011 laqa’ din l-azzjoni billi qies li G. kienet irrisjediet fir-Renju Unit qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, għal perijodu ta’ iktar minn għaxar snin, u li s-Secretary of State ma kienx wera l-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika. Il-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) madankollu qies li G., fl-assenza ta’ prova li tistabbilixxi li żewġha kellu impjieg jew li huwa eżerċita, b’xi mod ieħor, drittijiet mogħtija mit-Trattat FUE, ma tatx prova tal-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens tad-Direttiva 2004/38. |
18 |
Is-Secretary of State appella d-deċiżjoni tal-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) quddiem il-qorti tar-rinviju. Permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata fit-13 ta’ Awwissu 2011, din l-aħħar qorti annullat id-deċiżjoni tal-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) minħabba l-fatt li din kienet tikkontradixxi l-ġurisprudenza interna. |
19 |
Fil-kuntest tal-proċedura mibdija quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Secretary of State irrikonoxxa li G. kienet kisbet dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens tad-Direttiva 2004/38, fix-xahar ta’ Mejju 2003 u li hija ma tilfitx dan id-dritt sussegwentement. Il-pożizzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali madankollu jibqgħu diverġenti f’dak li jikkonċerna kemm il-metodu ta’ kalkolu tal-perijodu ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll l-evalwazzjoni, f’dan il-każ, tar-raġunijiet jew tal-motivi serji ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 28(1) u (2) ta’ din id-direttiva. |
20 |
Matul il-proċeduri quddiem il-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) u l-qorti tar-rinviju, il-proċeduri mibdija dwar materji familjari ntemmu, wara li r-raġel ta’ G. iċċaqlaq għal Manchester (ir-Renju Unit), matul ix-xahar ta’ Settembru 2011. Il-priġunerija ta’ G. baqgħet fis-seħħ sal-20 ta’ Marzu 2012. |
21 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
22 |
Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk il-perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandux jingħadd b’lura, sa mid-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata, jew jekk, għall-kuntrarju, dan għandux jibda mill-bidu tar-residenza ta’ din il-persuna, u, min-naħa l-oħra, jekk dan il-perijodu għandux ikun kontinwu. |
23 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkonstata li, minkejja li ċertament huwa minnu li l-premessi 23 u 24 tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxu protezzjoni partikolari għall-persuni li huma ġenwinament integrati fl-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari meta hemmhekk dawn ikunu twieldu u rrisjedew ħajjithom kollha, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38, il-kriterju determinanti jinsab fil-kwistjoni ta’ jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni rrisjediex f’dan l-Istat Membru għall-għaxar snin ta’ qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C-145/09, Ġabra p. I-11979, punt 31). |
24 |
Minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-perijodu meħtieġ għall-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jibda mar-residenza legali fl-Istat Membru ospitanti tal-persuna kkonċernata, il-perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin meħtieġ għall-għoti tal-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi kkalkolat b’lura, sa mid-data tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ dik il-persuna. |
25 |
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ċittadin tal-Unjoni rrisjediex fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin ta’ qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, li huwa kriterju determinanti għall-għoti tal-protezzjoni msaħħa li din id-dispożizzjoni tipprevedi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti kollha rilevanti f’kull każ ineżami, b’mod partikolari t-tul ta’ kull waħda mill-assenzi tal-persuna kkonċernata mill-Istat Membru ospitanti, it-tul akkumulat u l-frekwenza ta’ dan l-assenzi kif ukoll ir-raġunijiet li jkunu mmotivaw lill-persuna kkonċernata meta tkun telqet minn dan l-Istat Membru u li jistgħu jistabbilixxu jekk dawn l-assenzi jimplikawx l-ispostament, lejn Stat ieħor, taċ-ċentru tal-interessi personali, familjari jew professjonali tagħha (sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). |
26 |
Tali kunsiderazzjonijiet kellhom l-għan li jirrispondu għall-kwistjoni ta’ sa fejn l-assenzi mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ixekklu lill-persuna kkonċernata milli tibbenefika mill-protezzjoni msaħħa prevista f’din id-dispożizzjoni u kienu jitilqu mill-konstatazzjoni preliminari tal-fatt li l-istess dispożizzjoni ma kienet tagħmel ebda riferiment għaċ-ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għall-interruzzjoni tal-perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin għall-finijiet tal-ksib tad-dritt għall-imsemmija protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 29). |
27 |
Issa, peress li l-kriterju determinanti għall-għoti tal-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 jinsab fil-fatt li l-persuna kkonċernata tkun irrisjediet fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin ta’ qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija u peress li l-assenzi mit-territorju ta’ dan l-Istat jistgħu jaffettwaw tali għoti, għandu jitqies li l-perijodu ta’ residenza msemmi f’din id-dispożizzjoni għandu, bħala prinċipju, ikun kontinwu. |
28 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni u t-tielet domandi tkun li l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin imsemmi f’din id-dispożizzjoni għandu, bħala prinċipju, ikun kontinwu u kkalkolat b’lura, sa mid-data tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata. |
Fuq l-ewwel u r-raba’ domandi
29 |
Permezz tal-ewwel u r-raba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li perijodu ta’ priġunerija tal-persuna kkonċernata huwa ta’ natura li jinterrompi l-kontinwità tar-residenza, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, konsegwentement, li jaffettwa l-għoti tal-protezzjoni msaħħa li hija tipprevedi, inkluż fil-każ fejn din il-persuna tkun irrisjediet fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin ta’ qabel il-priġunerija tagħha. |
30 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li s-sistema ta’ protezzjoni kontra l-miżuri ta’ tkeċċija stabbiliti bid-Direttiva 2004/38 hija bbażata fuq il-livell ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati fl-Istat Membru ospitanti, b’mod li iktar ma l-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom tkun qawwija fl-Istat Membru ospitanti, iktar għandu jkun hemm protezzjoni qawwija fir-rigward tagħhom kontra t-tkeċċija, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li din it-tkeċċija tista’ tikkawża ħsara serja lill-persuni li, billi jkunu għamlu użu mid-drittijiet u l-libertajiet konferiti mit-Trattat FUE, integraw ruħhom ġenwinament fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 u 25). |
31 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tasserixxi, matul l-interpretazzjoni li hija għamlet tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, li, l-impożizzjoni, mill-qorti nazzjonali, ta’ piena ta’ priġunerija f’ħabs hija ta’ natura li turi n-nuqqas ta’ osservanza, mill-persuna kkonċernata, tal-valuri espressi mis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti fid-dritt kriminali ta’ dan tal-aħħar, b’mod li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ priġunerija għall-finijiet tal-ksib, mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, tad-dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, ikun imur kontra l-għan imfittex minn din id-direttiva bl-istabbiliment ta’ dan id-dritt ta’ residenza (sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere, C‑378/12, punt 26). |
32 |
Sa fejn il-livell ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati huwa l-bażi essenzjali kemm tad-dritt ta’ residenza permanenti kif ukoll tas-sistema ta’ protezzjoni kontra l-miżuri ta’ tkeċċija previsti bid-Direttiva 2004/38, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw li l-perijodi ta’ priġunerija ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti jew li dawn il-perijodi jinterrompu l-kontinwità tar-residenza għall-finijiet ta’ din il-kisba, għandhom ukoll japplikaw fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-Direttiva. |
33 |
Minn dan isegwi li l-perijodi ta’ priġunerija ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għoti tal-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 u li dawn il-perijodi jinterrompu, bħala prinċipju, il-kontinwità tar-residenza, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
34 |
Fir-rigward ta’ din il-kontinwità ta’ residenza, fil-punt 28 ta’ din is-sentenza tfakkar li l-perijodu ta’ għaxar snin meħtieġ għall-għoti tal-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu, bħala prinċipju, ikun kontinwu. |
35 |
Issa, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ sa fejn id-diskontinwità tar-residenza matul l-għaxar snin ta’ qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata xxekkel lil din tal-aħħar milli tibbenefika mill-protezzjoni msaħħa, hemm lok li ssir evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata kull darba fil-mument preċiż li tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). |
36 |
F’dan ir-rigward, peress li l-perijodi ta’ priġunerija jinterrompu, bħala prinċipju, il-kontinwità tar-residenza, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, huma jistgħu, flimkien mal-elementi l-oħra li jirrappreżentaw it-totalità tal-aspetti rilevanti f’kull każ ineżami, jittieħdu inkunsiderazzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38, matul l-evalwazzjoni globali meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni stabbiliti preċedentement mal-Istat Membru ospitanti nkisrux, b’mod li l-protezzjoni msaħħa intiża bl-imsemmija dispożizzjoni tingħata jew ma tingħatax (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34). |
37 |
Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-effett taċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata rrisjediet fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin ta’ qabel il-priġunerija, għandu jitfakkar li, minkejja li, hekk kif tfakkar fil-punti 24 u 25 tas-sentenza preżenti, il-perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin meħtieġ għall-għoti tal-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi kkalkolat b’lura, sa mid-data tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ din il-persuna, billi l-kalkolu magħmul skont din id-dispożizzjoni huwa differenti minn dak li jsir għall-finijiet tal-għoti tad-dritt ta’ residenza pemanenti, tali ċirkustanza tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni globali msemmija fil-punt ta’ qabel dan. |
38 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u r-raba’ domandi għandha tkun li l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodu ta’ priġunerija tal-persuna kkonċernata huwa, bħala prinċipju, ta’ natura li jinterrompi l-kontinwità tar-residenza, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li jaffettwa l-għoti tal-protezzjoni msaħħa li hija tipprevedi, inkluż fil-każ fejn din il-persuna tkun irrisjediet fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin ta’ qabel il-priġunerija tagħha. Madankollu, din iċ-ċirkustanza tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni globali meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni stabbiliti preċedentement mal-Istat Membru ospitanti ġewx interrotti jew le. |
Fuq l-ispejjeż
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.