Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0377

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Szpunar - 8 ta' April 2014.
Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD) - il-Portugall.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ Stat Membru’ - Tribunal Arbitral Tributário - Direttiva 69/335/KEE - Artikoli 4 u 7 - Żieda fil-kapital ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju - Taxxa tal-boll fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1984 - Tneħħija ta’ din it-taxxa tal-boll sussegwentement, imbagħad introduzzjoni mill-ġdid tagħha.
Kawża C-377/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:246

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MACIEJA SZPUNAR

ippreżentati fit-8 ta’ April 2014 ( 1 )

Kawża C‑377/13

Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta, SA

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (il-Portugall)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kunċett ta’ “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE — Tribunal Arbitral Tributário — Ammissibbiltà — Direttiva 69/335/KEE — Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital — Dazju fuq il-kapital — Operazzjonijiet eżenti — Possibbiltà ta’ introduzzjoni mill-ġdid ta’ dazju fuq il-kapital”

1. 

Din il-kawża tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlatur Portugiż għandux il-possibbiltà li jintroduċi mill-ġdid it-taxxa tal-boll — imħassra fl‑1991 — fuq l-operazzjonijiet għaż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital ( 2 ), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985, li temenda d-Direttiva 69/335/KEE ( 3 ). Din il-kwistjoni tidher li hija relattivament sempliċi biex tiġi solvuta abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u tal-istat attwali tal-ġurisprudenza. Il-problema iktar serja hija dik tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa f’din il-kawża, fid-dawl tan-natura partikolari tal-korp li għamel din it-talba.

2. 

Konsegwentement, f’dawn il-konklużjonijiet, ser nittratta fl-ewwel lok il-kwistjoni dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar id-domanda preliminari, qabel ma nittratta fil-qosor il-mertu tal-kawża u nipproponi risposta.

Il-kuntest ġuridiku

Dritt tal-Unjoni

3.

Il-leġiżlazzjoni applikabbli ratione temporis għal din il-kawża toħroġ mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 69/335, kif emendata bid-Direttiva 85/303. Id-Direttiva 69/335 tarmonizza, fl-Istati Membri, id-dazju li jinġabar minn fuq il-kapital tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju, imsejħa, fl-Artikolu 1 tagħha, “dazju kapitali”.

4.

Skont l-Artikolu 4(1)(ċ) u l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 69/335:

“1.   L-operazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għad-dazju kapitali:

[…]

(ċ)

żieda fil-kapital ta’ kumpannija kapitali bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip;

[…].

2.   Is-segwenti transazzjonijiet jistgħu, sakemm kienu ġew intaxxati bir-rata ta’ 1 % sal-1 ta’ Lulju 1984, jissoktaw ikunu bla ħsara għad-dazju kapitali,

a)

żieda fil-kapital ta’ kumpannija kapitali permezz tal-kapitalizzazzjoni tal-profitti jew ta’ riservi permanenti jew temporanji;

[…]”.

5.

L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 69/335 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw mid-dazju kapitali transazzjonijiet, barra dawk li għalihom saret referenza fl-Artikolu 9, li huma sal-1 ta’ Lulju 1984, eżenti jew intaxxati b’kull rata ta’ 0.50 % jew inqas.

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jew jeżentaw mid-dazju kapitali kull transazzjoni barra dawk li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1, jew iżżomm dazju fuqhom b’rata waħda li ma taqbiżx il-1 %.

[…]”.

6.

Skont l-Artikolu 10 tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq:

“Barra d-dazju kapitali, l-Istati Membri m’għandhom jimponu ebda ntaxxar affattu, fir-rigward ta’ kumpanniji, ditti, assoċjazzjonijiet jew persuni ġuridiċi li jaħdmu għal profit:

a)

fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4;

[…]”.

Dritt Portugiż

Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istatus tal-korp tar-rinviju

7.

Skont l-informazzjoni inkluża fid-digriet tar-rinviju u fl-osservazzjonjiet tal-Gvern Portugiż, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ qrati ta’ arbitraġġ fil-qasam fiskali sar possibbli permezz tal-awtorizzazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 124 tal-liġi Nru 3-B/2010, tat-28 ta’ April 2010, li tistabbilixxi l-baġit għas-sena 2010 (Lei no3-B/2010, de 28 de abril de 2010, Orçamento do Estado para 2010 ( 4 ), iktar ’il quddiem il-“liġi Nru 3-B/2010”). Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-arbitraġġ bħala “forma alternattiva ta’ riżoluzzjoni ġudizzjarja tat-tilwimiet fil-qasam fiskali”. Skont l-Artikolu 124(4)(a) sa (q) ta’ din l-istess liġi, l-arbitraġġ għandu jkopri kull tip ta’ tilwima bejn il-persuni taxxabbli u l-awtorità tat-taxxa.

8.

Abbażi tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt preċedenti, id-Digriet-Liġi Nru 10/2011, tal-20 ta’ Jannar 2011, li jirrigwarda l-approvazzjoni tas-sistema legali tal-arbitraġġ fiskali (Decreto-Lei n.o10/2011, de 20 de janeiro de 2011, Regula o regime jurídico da arbitragem em matéria tributária ( 5 ), iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 10/2011”) ġie adottat. Dan id-digriet-liġi jirregola l-ġurisdizzjoni, il-metodi tal-ħatra u r-regoli tal-funzjonament tal-qrati ta’ arbitraġġ fil-qasam fiskali kif ukoll l-effetti tad-deċiżjonijiet tagħhom u r-rimedji possibbli kontra dawn. Id-dispożizzjonijiet essenzjali tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011 ser jiġu ttrattati fil-parti f’dawn il-konklużjonijiet li hija ddedikata għall-eżami tal-ammissibbiltà tar-rinviju preliminari.

Dispożizzjonijiet dwar id-dazju fuq il-kapital

9.

Fl-1 ta’ Lulju 1984, iż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju kienet suġġetta fil-Portugall għal taxxa tal-boll ta’ 2 % u ż-żieda tal-qligħ kapitali kienet eżentata. Fl-1991, iż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju, fi kwalunkwe forma, ġiet eżentata.

10.

Fil-proċedura f’din il-kawża, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 150/99, tal-11 ta’ Settembru 1999, li jintroduċu kodiċi dwar it-taxxa tal-boll (Lei n.o150/99, de 11 de setembro de 1999, Aprova o Código do Imposto do Selo ( 6 )), fil-verżjoni fis-seħħ għall-perijodu 2004-2006, huma applikabbli. L-Anness III ta’ din il-liġi, intitolat, “Tabela Geral do Imposto do Selo (em euro)” [tariffa ġenerali dwar it-taxxa tal-boll (f’ewros)] jiffissa l-ammont ta’ taxxa tal-boll fuq id-diversi operazzjonijiet irregolati minnha. Skont id-Digriet-Liġi Nru 322-B/2001, tal-14 ta’ Diċembru 2001, (Decreto-Lei n.o322-B/2001, de 14 de dezembro de 2001 ( 7 )), il-punt 26 żdied f’dan l-anness; il-punt 26.3 tiegħu kien ifformulat kif ġej:

“Żieda tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip fuq il-valur attwali tal-assi ta’ kull tip ikkontribwiti jew li għandhom jiġu kkontribwiti mill-membri, wara t-tnaqqis tar-responsabbiltajiet assunti u tal-ispejjeż magħmula mill-kumpannija bħala riżultat ta’ kull kontribuzzjoni:0.4 % ( 8 )”.

Il-fatti u l-iżvolġiment tal-proċedura

Fatti, proċedura fil-kawża prinċipali u domanda preliminari

11.

Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta SA (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Ascendi”), kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt Portugiż, wettqet, bejn il-15 ta’ Diċembru 2004 u d-29 ta’ Novembru 2006, erba’ operazzjonijiet ta’ żieda tal-kapital tagħha permezz ta’ konverżjoni, f’kapital azzjonjarju, tal-ammonti dovuti lill-azzjonisti mill-kumpannija. Il-kumpannija Ascendi ħallset, minħabba dawn l-operazzjonijiet, taxxa tal-boll li tammonta għal total ta’ EUR 203 796.

12.

Fit-28 ta’ Marzu 2008, il-kumpannija Ascendi talbet li l-Autoridade Tributária e Aduaneira (awtorità tat-taxxa Portugiża) tirrimborsa dan l-ammont flimkien mal-interessi. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 2012, li hija s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Fit-3 ta’ Diċembru 2012, il-kumpannija Ascendi talbet sabiex jiġi kkostitwit tribunal ta’ arbitraġġ u sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq.

13.

Ir-rikorrenti tinvoka l-illegalità tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 2012 minħabba l-fatt li, fl-opinjoni tagħha, il-leġiżlatur Portugiż ma setax b’mod validu jintroduċi mill-ġdid, fl-2001, taxxa tal-boll fuq l-operazzjonijiet ta’ żieda tal-kapital azzjonarju tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju li kienet tneħħiet fl-1991. L-awtorità tat-taxxa tqis madankollu li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva jippermetti li jiġi introdott mill-ġdid dazju fuq il-kapital fuq l-operazzjonijiet li kienu suġġetti għal tali dazju fl-1 ta’ Lulju 1984, minkejja l-fatt li dawn ġew eżentati wara din id-data.

14.

F’dan il-kuntest, it-Tribunal Arbitral Tributário ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 4(1)(ċ) u (2)(a), 7(1) u 10(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969 (kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985), jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet-Liġi Nru 322-B/2001, tal-14 ta’ Diċembru 2001, li ssuġġettat għal taxxa tal-boll iż-żidiet tal-kapital tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju permezz tal-konverżjoni, f’kapital azzjonarju, tal-pretensjonijiet tal-azzjonisti fir-rigward ta’ servizzi anċillari mwettqa preċedentement favur il-kumpannija, minkejja li dawn is-servizzi anċillari twettqu b’kontribuzzjoni bi flus, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li, fl-1 ta’ Lulju 1984, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet issuġġettat lil dawn iż-żidiet tal-kapital, imwettqa b’dan il-mod, għal taxxa tal-boll, bir-rata ta’ 2 %, u li, f’din l-istess data, hija kienet teżenta mit-taxxa tal-boll iż-żidiet tal-kapital imwettqa b’kontribuzzjoni fi flus?”

Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fit-3 ta’ Lulju 2013. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-kumpannija Ascendi, mill-Gvern Portugiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma torganizzax seduta għas-sottomissjonijiet orali.

Analiżi

Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar id-domanda preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

16.

F’din il-kawża, l-ammissibbiltà tar-rinviju preliminari ma hijiex ikkontestata. Madankollu, it-Tribunal Arbitral Tributário jirrikonoxxi huwa stess fid-digriet tar-rinviju li din il-kwistjoni tista’ toħloq dubji u joffri ċertu numru ta’ argumenti sabiex jiġġustifika l-klassifikazzjoni tiegħu bħala “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru” skont l-Artikolu 267 TFUE. Il-Gvern Portigiż u l-Kummissjoni wkoll eżaminaw din il-problema fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u jaslu għall-konklużjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq id-domanda preliminari li saret.

17.

Id-dubji f’dan ir-rigward huma marbuta mal-fatt li t-Tribunal Arbitral Tributário ma jagħmilx parti mis-sistema bażika tal-qrati ġudizzjarji u amministrattivi fil-Portugall iżda jikkostitwixxi “forma alternattiva ta’ riżoluzzjoni ġudizzjarja tat-tilwimiet fil-qasam fiskali” — kif huwa ddefinit mil-Liġi Nru 3-B/2010. Din il-forma alternattiva ta’ riżoluzzjoni tat-tilwimiet hija bbażata, kif jindika l-bqija tal-isem stess tal-korp tar-rinviju, fuq l-użu ta’ ċerti tekniċi tal-arbitraġġ għar-riżoluzzjoni ta’ tilwimiet bejn persuna taxxabbli u awtorità tat-taxxa. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja — li ser niġi għaliha iktar tard f’dawn il-konklużjonijiet — il-qrati ta’ arbitraġġ stabbiliti permezz ta’ ftehim ma jikkostitwixxux qorti jew tribunal ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 267 TFUE u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari ta’ tali istanzi.

18.

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk in-natura partikolari tat-Tribunal Arbitral Tributário teskludihx milli jkun jista’ jagħmel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

Impossibbiltà għall-qrati ta’ arbitraġġ li jagħmlu talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

Qabelxejn għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li jiġu użati, fl-isem tal-korp, it-termini “arbitraġġ” jew “arbitru” ma jfissirx neċessarjament li dan huwa qorti ta’ arbitraġġ sensu stricto. Fil-fatt, korpi nazzjonali responsabbli għar-riżoluzzjoni tal-kawżi jistgħu jagħmlu użu, fil-kuntest tal-attività tagħhom, mir-regoli tal-proċedura li jikkaratterizzaw lill-qrati ta’ arbitraġġ (pereżempju, possibbiltà għall-partijiet sabiex jaħtru wħud mill-membri tal-qorti, proċedura ssemplifikata u proċedura f’istanza waħda). Dan it-tip ta’ “arbitraġġ” għandu jiġi distint mill-arbitraġġ sensu stricto li huwa bbażat fuq is-setgħa (ir-rieda) tal-partijiet li jissottomettu l-kontroversja għar-riżoluzzjoni quddiem qorti li ma hijiex tal-istat (privata). Din id-distinzjoni hija fundamentali sabiex jiġi kklassifikat il-korp fid-dawl tal-Artikolu 267 TFUE.

20.

Fis-sentenza tagħha tal-1982 fil-Kawża Nordsee ( 9 ), il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li tribunali ta’ arbitraġġ stabbiliti permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet ikunu jistgħu jressqu talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 177 KE (issa l-Artikolu 267 TFUE). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kklassifikatx lill-arbitru bħala “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru” fis-sens tat-Trattat, peress li r-rabta tiegħu mas-sistema tar-rimedji legali kienet wisq dgħajfa ( 10 ). Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata sussegwentement fis-sentenzi Eco Swiss ( 11 ) u Denuit u Cordenier ( 12 ).

21.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huma biss l-awtoritajiet tal-Istati Membri jew l-organi inkarigati minn dawn l-Istati jwettqu l-kompiti fil-qasam tal-protezzjoni legali li jistgħu jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari, sa fejn l-Istati Membri huma responsabbli għall-applikazzjoni u għar-rispett tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju tagħhom. Issa, il-qrati ta’ arbitraġġ fis-sens strett la huma awtoritajiet tal-Istati Membri u lanqas huma organi li jiżguraw, f’isem dawn l-Istati, it-twettiq ta’ kompiti fil-qasam tal-protezzjoni legali, iżda huma istituzzjonijiet privati.

22.

Fl-istess ħin, f’waħda mill-ewwel sentenzi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru” fil-kuntest tal-ammissibbiltà tar-rinviji preliminari, u iktar preċiżament fis-sentenza Vaassen Göbbels ( 13 ) tal-1966, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet il-possibbiltà ta’ rinviju preliminari li ġej minn korp ta’ arbitraġġ stabbilit taħt id-dritt pubbliku. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-istess sens f’kawżi oħra ( 14 ) u, reċentement, fid-digriet tagħha Merck Canada ( 15 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet ir-rinviju preliminari li kien ġej minn organu Portugiż li l-istatus tiegħu huwa simili, għalkemm mhux identiku, għal dak tat-Tribunal Arbitral Tributário.

23.

Kif għandu jiġi kklassifikat f’dawn iċ-ċirkustanzi it-Tribunal Arbitral Tributário fid-dawl tal-ġurisprudenza li għadha kemm issemmiet?

24.

Nibda billi nosserva li n-natura tal-arbitaġġ sensu stricto hija n-natura mhux statali tiegħu. Il-qrati tal-arbitraġġ huma qrati privati inkarigati, minflok il-qrati Statali u skont ir-rieda tal-partijiet, sabiex jeżaminaw u jsolvu kontroversji ( 16 ).

25.

L-ewwel waħda minn dawn il-karatteristiċi tfisser li l-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-arbitaġġ toriġina minn ftehim (klawżola ta’ arbitaġġ). Il-partijiet — fil-kuntest tal-awtonomija tar-rieda — jieħdu deċiżjoni li jissottomettu tilwima għall-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-arbitraġġ. Huma jistgħu wkoll jiddefinixxu l-prinċipji tal-funzjonament tal-qorti tal-arbitraġġ, ir-regoli tal-proċedura kif ukoll il-prinċipji li fuqhom il-qorti tal-arbitaġġ ser tieħu deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża. Meta jissottomettu t-tilwima tagħhom lil qorti tal-arbitraġġ, il-partijiet jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom li jissottomettu t-tilwima tagħhom quddiem qorti Statali u għaldaqstant għar-rimedji legali previsti mill-Istat ( 17 ).

26.

Il-fatt li l-partijiet issottomettew kontroversja quddiem il-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-arbitraġġ jimplika fil-fatt li huma eskludew f’dan ir-rigward il-ġurisdizzjoni tal-qrati Statali. Fl-assenza tal-klawżola tal-arbitraġġ, il-kontroversja ta’ bejn il-partijiet taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Statali. Il-qorti tal-arbitraġġ hija għaldaqstant qorti privata. Għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-possibbiltà stess li tiġi sottomessa kontroversja għall-arbitraġġ għandha tirriżulta mid-dispożizzjonijiet legali. Dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu b’mod partikolari t-tip ta’ tilwimiet li jistgħu jiġu sottomessi għall-arbitraġġ (“zdatność arbitrażowa”, “arbitrability”, “arbitrabilité”, “Schiedsfähigkeit”). Prinċipalment jirrigwardaw tilwimiet li huma rregolati mid-dritt privat ( 18 ).

27.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma nqisx li hemm lok li t-Tribunal Arbitral Tributário jitqies bħala qorti tal-arbitraġġ fis-sens strett, li, b’dan is-sempliċi fatt, ma jistax b’mod validu jagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

28.

Din il-konklużjoni hija ssostanzjata prinċipalment mill-fatt li din ma hijiex qorti maħluqa skont ftehim bejn il-partijiet iżda abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Portugiż iċċitati fil-punti 7 u 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-arbitraġġ fil-qasam fiskali huwa ċertament forma alternattiva ta’ riżoluzzjoni tat-tilwimiet, fis-sens li r-rikorrent, f’dan il-każ il-persuna taxxabbli, għandu l-possibbiltà li jagħżel it-triq tal-arbitraġġ jew qorti amministrattiva. Madankollu, din l-għażla tar-rimedji legali hija prevista fil-liġi u hija miftuħa għall-persuni taxxabbli kollha għal kull tilwima li taqa’ taħt l-Artikolu 124(4)(a) sa (q) tal-Liġi Nru 3-B/2010 u ma tiddependix mill-espressjoni minn qabel tar-rieda tal-partijiet sabiex jissottomettu l-kontroversji tagħhom għall-arbitraġġ.

29.

It-tip ta’ relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dan it-tribunal, jiġifieri dawk fil-qasam fiskali, ukoll jeskludi li t-Tribunal Arbitral Tributário jiġi kklassifikat bħala qorti tal-arbitraġġ sensu stricto. F’dan il-qasam, b’mod differenti mir-relazzjonijiet li huma rregolati mid-dritt privat, mhux biss il-metodi tar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet iżda wkoll u qabel kollox l-eżistenza stess tar-relazzjoni legali u l-kontenut tagħha ma jirriżultawx mir-rieda tal-partijiet iżda huma rregolati esklużivament permezz ta’ dispożizzjonijiet legali li jassoċjaw awtomatikament il-ħolqien ta’ obbligu fiskali ma’ ċerti avvenimenti. Fil-fatt, dan il-qasam ma jippreżentax, min-natura tiegħu, l-arbitrabbiltà li tippermetti li jiġu sottomessi t-tilwimiet li jkunu qamu f’dak ir-rigward għal deċiżjoni ta’ qorti stabbilita permezz tar-rieda tal-partijiet.

30.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li fil-qasam fiskali, waħda mill-partijiet hija dejjem awtorità tal-Istat, li taġixxi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet marbuta mas-setgħa pubblika peress li t-tassazzjoni u l-ġbir tat-taxxi llum huma prerogattiva rriżervata għall-Istat. Dan il-fatt huwa biżżejjed sabiex jipprova li korp inkarigat sabiex isolvi t-tilwimiet f’dan il-qasam, bħat-Tribunal Arbitral Tributário, ma huwiex qorti privata.

31.

L-affermazzjoni li t-Tribunal Arbitral Tributário ma huwiex qorti tal-arbitraġġ fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma tippreġudikax madankollu l-klassifikazzjoni tagħha bħala qorti jew tribunal ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Sabiex tkun tista’ tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward humiex ssodisfatti. Ċerti dubji jistgħu jirriżultaw fir-rigward b’mod partikolari tal-elementi marbuta mal-funzjoni tal-organu eżaminat u li jagħmel użu minn tekniċi li jikkaratterizzaw dawk użati f’qorti tal-arbitraġġ.

Rekwiżiti li jippermettu li l-korp tar-rinviju jiġi kklassifikat bħala qorti jew tribunal ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE

32.

Il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, iżda la t-trattati u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludu d-definizzjoni ġenerali ta’ dan it-terminu. Fid-dawl tad-diversità tal-organi inkarigati, fid-diversi Stati Membri, mir-riżoluzzjoni tat-tilwimiet, għandu jiġi kkunsidrat kemm hija possibbli u neċessarja tali definizzjoni.

33.

Fl-assenza ta’ definizzjoni ġenerali ta’ dan il-kunċett, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha — f’każ ta’ dubju — tevalwa każ b’każ jekk il-korp li għamlilha domanda preliminari kienx effettivament awtorizzat jagħmel dan ( 19 ). Madankollu fil-kuntest ta’ din il-ġurisprudenza, ġie żviluppat sett ta’ rekwiżiti, liema rekwiżiti, mingħajr ma huma determinanti jew eżawrjenti, jipprovdu punt ta’ riferiment sabiex tiġi stabbilita n-natura legali ta’ korp li jkun għamel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu diġà jiġu kkunsidrati bħala “kkodifikati” permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita sew ( 20 ) u huma wkoll imsemmija fil-punt 9 tar-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar il-bidu tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari ( 21 ).

34.

Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk ir-rekwiżiti li jippermettu l-klassifikazzjoni tat-Tribunal Arbitral Tributário bħala qorti jew tribunal ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE humiex issodisfatti. Hemm lok, f’dan ir-rigward, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif diġà fakkart, is-sistema alternattiva tar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet fil-qasam fiskali maħluqa fid-dritt Portugiż tagħmel użu minn tekniċi u regoli tal-proċedura li huma karatteristiċi tal-qrati tal-arbitraġġ u huma differenti mill-prinċipji dwar il-funzjonament tal-qrati tradizzjonali. L-għan huwa li din is-sistema tippermetti riżoluzzjoni rapida tat-tilwimiet u jekk huwa possibbli bl-inqas spejjeż, biex b’hekk tiġi pprovduta alternattiva ġenwina minflok qrati amministrattivi. Din in-natura speċifika għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-kwistjoni dwar jekk id-diversi rekwiżiti ġewx issodisfatti.

– Oriġini legali u permanenza tal-korp

35.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi adita b’domandi preliminari biss minn korp stabbilit b’mod permanenti abbażi tad-dispożizzjonijiet legali ta’ Stat Membru. Din il-kundizzjoni hija, fl-opinjoni tiegħi, issodisfatta. Kif indikajt fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-arbitraġġ fil-qasam fiskali jistrieħ fuq id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 3-B/2010 u d-Digriet-Liġi Nru 10/2011. Dawn l-atti jistabbilixxu sistema permanenti ta’ arbitraġġ fil-qasam fiskali u jiddefinixxu preċiżament il-prinċipji tal-funzjonament tagħha.

36.

Konkretament, il-membri li għandhom jieħdu deċiżjoni ċertament huma magħżula fuq bażi individwali għal kull kawża fuq talba tal-persuna taxxabbli kkonċernata, iżda d-dritt tal-persuna taxxabbli li titlob għall-istabbiliment ta’ qorti tal-arbitraġġ kif ukoll il-metodu tal-ħatra tal-membri tagħha jirriżultaw mid‑dispożizzjonijiet legali. It-talba tal-persuna taxxabbli hija biss l-att li tagħti bidu għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

37.

Il-kwistjoni dwar il-permanenza tat-Tribunal Arbitral Tributário tista’ toħloq l-istess riżervi: peress li l-membri konkretament magħżula sabiex jiddeċiedu jeżistu biss għal bżonn ta’ kawża waħda, jista’ dan il-korp jiġi kkunsidrat bħala permanenti? Madankollu, ma naħsibx li din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata mill-perspettiva tad-diversi membri magħżula sabiex jiddeċiedu f’kawżi speċifiċi iżda minn angolu sistematiku ( 22 ). It-Tribunal Arbitral Tributário ma huwiex qorti ad hoc iżda biss element minn sistema ta’ riżoluzzjoni tat-tilwimiet, li — għalkemm l-attivitajiet tagħha jsiru taħt kompożizzjoni ta’ qorti effimera li tispiċċa fl-istess waqt li jispiċċa l-każ li huma kienu maħtura sabiex jiddeċiedu — huwa, fit-totalità tiegħu, ta’ natura permanenti.

– Natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tal-korp

38.

Skont il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jkun obbligatorju għall-partijiet li jissottomettu l-kontroversji tagħhom lill-korp li għamel domanda preliminari; dan ma għandux għaldaqstant jirriżulta mir-rieda tagħhom biss, kif inhuwa l-każ għall-qrati tal-arbitraġġ sensu stricto. Dan il-każ jirrigwarda korp li jikkostitwixxi element minn “sistema alternattiva ta’ riżoluzzjoni tat-tilwimiet” fil-qasam fiskali. Fi kliem ieħor, il-persuna taxxabbli li tixtieq soluzzjoni legali għat-tilwima kontra l-awtorità tat-taxxa għandha l-għażla: hija tista’ tressaq azzjoni quddiem il-qorti amministrattiva jew titlob l-istabbiliment ta’ qorti ta’ arbitraġġ fil-qasam fiskali u l-awtorità tat-taxxa għandha l-obbligu li tikkonforma ma’ din id-deċiżjoni tal-persuna taxxabbli ( 23 ).

39.

Għaldaqstant nistgħu nistaqsu jekk il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal Arbitral Tributário għandhiex tiġi kkunsidrata bħala obbligatorja għall-partijiet sa fejn il-persuna taxxabbli — jiġifieri ġeneralment il-parti li bdiet il-proċeduri fil-qasam fiskali — ma hijiex obbligata li tressaq azzjoni quddiem dan il-korp iżda tista’ tindirizza l-qorti amministrattiva. Is-sempliċi fatt li l-awtorità tat-taxxa hija obbligata li taċċetta l-għażla tal-qorti skont ir-rieda tal-persuna taxxabbli ma jidhirx li huwa deċiżiv peress li dan huwa parti inerenti mill-ġurisdizzjoni. Fil-fatt, meta rikorrent jagħżel il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, kemm jekk ikun abbażi tad-dispożizzjonijiet legali kif ukoll jekk bi ftehim bejn il-partijiet, fiż-żewġ każijiet il-konvenut ma jistax jikkontesta b’mod validu din il-ġurisdizzjoni ( 24 ).

40.

Fil-fehma tiegħi, l-arbitraġġ fil-qasam fiskali kif jeżisti fil-Portugall għandu bħala karatteristika essenzjali, għall-eżami ta’ din il-kwistjoni, li d-dritt tal-persuni taxxabbli fir-rigward tal-għażla tar-rimedji legali ma jirriżultax mill-inizjattiva tagħhom stess iżda mir-rieda tal-leġiżlatur li stabbilixxa żewġ sistemi differenti ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti mal-awtorità tat-taxxa. L-ebda waħda minn dawn is-sistemi meħuda individwalment ma hija obbligatorja iżda l-persuna taxxabbli għandha tagħżel waħda minnhom jekk tixtieq deċiżjoni ġudizzjarja għall-kontroversja li hija għandha mal-awtorità tat-taxxa. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(2) tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011, il-preżentazzjoni ta’ talba għall-istabbiliment ta’ qorti tal-arbitraġġ teskludi d-dritt li tiġi kkontestata d-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa taħt l-istess motivi quddiem il-qorti amministrattiva. Issa, skont l-Artikolu 24(1) tal-istess digriet-liġi, id-deċiżjoni tal-arbitraġġ deċiża fuq il-mertu torbot lill-awtorità tat-taxxa. Għalhekk, l-arbitraġġ fiskali ma huwiex rimedju legali supplimentari li għandha l-persuna taxxabbli iżda alternattiva ġenwina għall-qrati tradizzjonali. F’dan is-sens, inqis li r-rekwiżit tan-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tal-korp tar-rinviju huwa ssodisfatt ( 25 ).

– Natura kontradittorja tal-proċedura u applikazzjoni tar-regoli ta’ dritt

41.

L-Artikoli 15 sa 20 tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011 jiddefinixxu l-prinċipji li japplikaw għall-proċedura quddiem il-qrati tal-arbitraġġ fil-qasam fiskali. Dawn il-prinċipji jiggarantixxu b’mod partikolari n-natura kontradittorja tal-proċedura u l-ugwaljanza tal-partijiet. Il-ksur ta’ dawn il-prinċipji jista’, skont l-Artikolu 28 tad-Digriet-Liġi, jikkostitwixxi raġuni għal rikors kontra d-deċiżjoni tal-arbitraġġ quddiem il-qorti amministrattiva.

42.

L-Artikolu 2(2) tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011 jipprovdi li l-qrati tal-arbitraġġ fil-qasam fiskali jiddeċiedu f’konformità mar-regoli ta’ dritt u hija eskluża deċiżjoni bbażata fuq l-ekwità. Dan huwa wkoll evidenti, peress li dawn il-qrati għandhom l-għan li jeżaminaw, b’mod partikolari fir-rigward tal-konformità tagħhom mal-liġi, id-deċiżjonijiet amministrattivi fil-qasam fiskali.

43.

Konsegwentement inqis li r-rekwiżiti — imposti mill-ġurisprudenza — dwar in-natura kontradittorja tal-proċedura u l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dritt mill-korp li jiddeċiedi huma, fil-każ tat-Tribunal Arbitral Tributário, issodisfatti b’mod inkontestabbli.

– Indipendenza

44.

Ir-rekwiżit tal-indipendenza għandu jiġi eżaminat minn żewġ aspetti ( 26 ). L-aspett estern jirrigwarda l-indipendenza tal-korp u tal-membri tiegħu minn persuni jew istituzzjonijiet li huma terzi fit-tilwima — setgħa eżekuttiva, korpi li huma fuq livell superjuri eċċ. L-aspett intern jirrigwarda l-imparzjalità tal-membri tal-korp fir-rigward tal-partijiet fit-tilwima u fl-assenza ta’ interess personali fir-riżoluzzjoni speċifika tagħha.

45.

Il-qrati tal-arbitraġġ fil-qasam fiskali ma jagħmlux parti mill-awtorità tat-taxxa u lanqas minn istituzzjonijiet oħra tas-setgħa eżekuttiva. Huma jirrappreżentaw element tas-setgħa ġudizzjarja u joperaw fi ħdan iċ-Centro de Arbitragem Administrativa (Ċentru għall-Arbitraġġ Amministrattiv u Fiskali), li jipprovdilhom servizz amministrattiv u tekniku. Huma indipendenti fid-deċiżjonijiet tagħhom u l-uniku obbligu tagħhom huwa li jirrispettaw il-liġi u l-ġurisprudenza tal-qrati amministrattivi, u bħala prinċipju d-deċiżjonijiet tagħhom huma definittivi u infurzabbli (ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

46.

Dawn il-qrati tal-arbitraġġ fil-qasam fiskali jiddeċiedu f’kompożizzjoni ta’ arbitru wieħed jew ta’ tliet arbitri. L-Artikoli 6 sa 9 tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011 jiffissaw il-metodi għall-ħatra tal-arbitri u r-regoli deontoloġiċi li jirregolawhom. Huma maħtura mill-Conselho Deontológico do Centro de Arbitragem Administrativa (Kunsill Deontoloġiku taċ-Ċentru għall-Arbitraġġ Amministrattiv) u magħżula mil-lista tal-arbitri stabbilita minn din l-istituzzjoni ( 27 ), jew eventwalment, mill-partijiet, f’liema każ dejjem tkun kompożizzjoni ta’ tliet persuni, bil-president maħtur bi qbil maż-żewġ arbitri l-oħra jew, fl-assenza ta’ qbil, mill-kunsill imsemmi preċedentement.

47.

Peress li l-arbitri ma humiex imħallfin professjonisti, l-indipendenza personali tagħhom hija ggarantita fuq bażijiet differenti minn dawk li jirrigwardaw lill-imħallfin. B’mod partikolari, huwa diffiċli li wieħed jitkellem dwar permanenza tal-pożizzjoni peress li l-arbitri huma maħtura għal kawża speċifika li meta din tintemm r-rwol tagħhom jispiċċa wkoll. L-indipendenza tal-arbitri ġejja pjuttost mill-fatt li dawn huma persuni li għandhom pożizzjoni awtonoma u li l-funzjoni ta’ arbitru ma hijiex l-attività professjonali prinċipali tagħhom. Huma għaldaqstant ma għandhomx inkwiet dwar il-konsegwenzi negattivi li jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom minħabba d-deċiżjonijiet tagħhom; dawn l-eventwali konsegwenzi fil-fatt u fi kwalunkwe każ ma għandhom l-ebda impatt fuq l-istatus professjonali u materjali tagħhom.

48.

Għal dak li jirrigwarda l-imparzjalità tal-arbitri u tal-indipendenza tagħhom fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima, l-Artikoli 8 u 9 tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011 joffru garanziji analogi għal dawk li japplikaw għall-imħallfin professjonisti.

49.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq inqis li t-Tribunal Arbitral Tributário jissodisfa il-kriterju tal-indipendenza.

Sunt

50.

It-Tribunal Arbitral Tributário għaldaqstant ma huwiex qorti tal-arbitraġġ maħtur fuq ir-rieda tal-partijiet. Bil-kontra, hemm lok, fl-opinjoni tiegħi, li jitqies bħala element li jagħmel parti minn sistema tal-qrati Portugiżi fuq l-istess livell bħall-qrati ġudizzjarji u amministrattivi. Il-partikolarità ta’ din l-istituzzjoni hija biss li l-leġiżlatur Portugiż iddeċieda li jippermetti lill-persuni taxxabbli jissottomettu t-tilwimiet tagħhom kontra l-awtorità tat-taxxa quddiem qorti li tiffunzjona bl-istess mod iżda b’inqas formalitajiet, iktar rapida u b’inqas spejjeż meta mqabbla mal-qrati amministrattivi ordinarji. Din hija manifestazzjoni ta’ tendenza, li ma teżistix biss fil-Portugall, għal inqas formaliżmu u għal semplifikazzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji billi jintużaw tekniċi u strumenti li jappartjenu għall-mekkaniżmi tar-riżoluzzjoni privata tal-kontroversji. Hija wkoll element ta’ speċjalizzazzjoni tal-qrati u tal-imħallfin li hija neċessarja fil-kuntest tal-kumplessità dejjem tikber fir-relazzjonijiet soċjo-ekonomiċi u, għaldaqstant, anki fit-tilwimiet sottomessi lill-qrati. Dan l-approċċ, li jista’ jissejjaħ post-modern tal-ġustizzja, huwa r-riżultat tal-iżvilupp tas-sistema ġudizzjarja u tas-sistema legali fit-totalità tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax ma tipperċepix dan l-iżvilupp iżda għandha tadatta, bħala konsegwenza ta’ dan, il-prattiki tagħha, u għaldaqstant l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE.

51.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li t-Tribunal Arbitral Tributário għandu jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Huwa fil-fatt jissodisfa r-rekwiżiti, imsemmija preċedentement, iffissati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Lanqas ma nista’ nara raġunijiet oħra għalfejn għandu jiġi miċħud minn din in-natura. Argument supplimentari jidher, bil-kontra, li jiġġustifika tali konklużjoni: skont l-Artikoli 25 sa 28 tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011, id-deċiżjoni ta’ dan it-tribunal tista’ tiġi appellata biss abbażi ta’ difetti proċedurali, bħan-nuqqas ta’ motivazzjoni jew l-inkompatibbiltà ta’ din il-motivazzjoni mal-kontenut tad-deċiżjoni, l-assenza ta’ deċiżjoni jew ksur tar-regoli ta’ proċedura u, fir-rigward tal-mertu, biss f’każijiet eċċezzjonali ta’ ksur tan-normi kostituzzjonali jew tan-nuqqas ta’ osservanza tal-ġurisprudenza tal-qrati amministrattivi. Konsegwentement, rifjut tal-possibbiltà li l-qrati amministrattivi fil-qasam fiskali jkunu jistgħu jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jċaħħad lil din tal-aħħar minn parti sinjifikattiva mill-impatt fuq il-ġurisprudenza tal-qrati Portugiżi fil-qasam fiskali, jiġifieri, f’qasam li huwa ġeneralment armonizzat fid-dritt tal-Unjoni u li għandu effett dirett fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-individwi. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali riskju jagħmel parti miċ‑ċirkustanzi li jimmilitaw favur ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-korp inkwistjoni sabiex ikun jista’ jagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 28 ).

52.

Is-soluzzjoni li nipproponi dwar din il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tad-domanda preliminari f’din il-kawża ma tippreżenta, bl-ebda mod, rimedju għal rinviji preliminari futuri li ġejjin minn persuni jew istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kuntest ta’ metodi alternattivi għar-riżoluzzjoni tal-kontroversji, b’mod partikolari taħt forma ta’ negozjati jew ta’ medjazzjoni ( 29 ). Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta — u dan indipendentement minn jekk jiġux jew le ssodisfatti kriterji oħra — li huma biss il-korpi li jiddeċiedu “fil-kuntest ta’ proċedura li l-iskop tagħha huwa li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja” ( 30 ) li jistgħu jressqu kawża quddiemha skont l-Artikolu 267 TFUE. It-Tribunal Arbitral Tributário jissodisfa din il-kundizzjoni peress li huwa korp indipendenti mill-partijiet, li d-deċiżjonijiet tiegħu huma vinkolanti fuq dawn il-partijiet u li bħala prinċipju huma definittivi, l-istess mod bħalma huma d-deċiżjonijiet tal-qrati tradizzjonali. Il-proċedura quddiem it-Tribunal Arbitral Tributário ma għandhiex għaldaqstant bħala għan ir-riċerka ta’ ftehim bejn il-partijiet u d-deċiżjoni mogħtija ma għandhiex in-natura ta’ rakkomandazzjoni ta’ natura mhux vinkolanti jew ta’ opinjoni. Din il-karatteristika tiddistingwi b’mod ċar din il-qorti minn medjatur u minn organi oħra analogi.

Fuq il-mertu

53.

Din il-kawża tkompli, f’ċertu sens mal-Kawża Optimus - Telecomunicações ( 31 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant għandha l-opportunità sabiex tikkompleta l-ġurisprudenza li bdiet permezz ta’ din is-sentenza.

54.

Għandu qabel kollox jiġi stabbilit liema huma d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 69/335 li japplikaw għall-fatti tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Fil-fatt għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva, minħabba fl-emendi introdotti permezz tad-Direttiva 85/303, ma tipprovdix mudell ta’ prattika leġiżlattiva tajba ( 32 ). Il-qorti tar-rinviju ssemmi fid-domanda preliminari, fost dispożizzjonijiet oħra, l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 69/335, iżda din id-dispożizzjoni ma jidhirx li tapplika fil-proċedura tal-kawża prinċipali. Il-partijiet ċertament ma jaqblux dwar il-kwistjoni tan-natura tal-operazzjonijiet ta’ żieda tal-kapital eżaminati fil-proċedura fil-kawża prinċipali — jiġifieri dwar il-kwistjoni jekk kinux kontribuzzjonijiet fi flus jew b’mod ieħor ( 33 ) — iżda jibqa’ konstanti l-fatt li dawn l-operazzjonijiet ma ħadux il-forma ta’ “kapitalizzazzjoni tal-profitti jew ta’ riżervi permanenti jew temporanji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-direttiva. L-operazzjonijiet kontenzjużi fil-proċedura tal-kawża prinċipali jaqgħu fil-kategorija “żieda fil-kapital ta’ kumpannija kapitali bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip”, imsemmija fl-Artikolu 4(1)(ċ).

55.

Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva. Madankollu din id-dispożizzjoni ma tistax tinqara indipendentement mit-tieni paragrafu tagħha, peress li huwa biss qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet li jistabbilixxi regola koerenti: skont is-sitwazzjoni legali fl-Istat Membru kkonċernat fl-1 ta’ Lulju 1984, japplikaw l-ewwel jew it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7. Jekk inqisu, l-istess bħalma tosserva l-qorti tar-rinviju, li l-proċedura fil-kawża prinċipali għandha bħala għan żieda fil-kapital bil-kontribuzzjoni ta’ assi mhux fi qligħ kapitali — operazzjoni sottomessa għat-taxxa tal-boll ( 34 ) fil-Portugall, fl-1 ta’ Lulju 1984 — għandu japplika l-Artikolu 7(2) ( 35 ).

56.

Għalhekk il-problema legali mqajma f’din il-kawża tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 69/335 jippermettix l-introduzzjoni mill-ġdid tad-dazju fuq il-kapital fuq l-operazzjonijiet, imsemmija fl-Artikolu 4(1)(ċ) ta’ din l-istess direttiva, li kienu sottomessi għal tali dazju fl-1 ta’ Lulju 1984, iżda li sussegwentement kienu ġew eżentati minnu.

57.

Id-Direttiva 69/335, fil-verżjoni oriġinali tagħha, kienet tiffissa l-prinċipji għall-applikazzjoni ta’ dazju fuq il-kapital fuq l-operazzjonijiet li huma ddefiniti f’din l-istess direttiva. Skont l-Artikolu 4 tagħha, l-operazzjonijiet msemmija fl-ewwel paragrafu kellhom jiġu sottomessi għal dazju fuq il-kapital u l-operazzjonijiet imsemmija fit-tieni paragrafu setgħu jiġu sottomessi għaliha. L-Artikolu 7 tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq kien jiffissa r-rati fuq id-dazju fuq il-kapital. Madankollu, id-Direttiva 85/303 emendat kompletament it-test tal‑Artikolu 7 tad-Direttiva 69/335. Fir-rigward tal-operazzjonijiet li, fl-1 ta’ Jannar 1984, kienu eżentati mid-dazju fuq il-kapital jew li kienu ntaxxati b’rata ta’ 0.50 % jew inqas fl-Istati Membri, id-dispożizzjoni timponi l-eżenzjoni definittiva tagħhom [Artikolu 7(1)]. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-operazzjonijiet l-oħra, l-Istati Membri għandhom l-għażla: huma jistgħu wkoll jeżentawhom jew iżommu dazju fuqhom b’rata waħda li ma taqbiżx il-1 % [Artikolu 7(2)].

58.

Fil-premessi tad-Direttiva 85/303, il-leġiżlatur Komunitarju ġġustifika dan id-dispożittiv billi sostna li d-dazju fuq il-kapital jikkawża preġudizzju għall-iżvilupp tal-impriżi u li l-aħjar għażla tkun għaldaqstant li jitneħħa; madankollu, sa fejn it-telf mid-dħul ikkawżat minn dan id-dazju jkun għal xi Stati Membri inaċċettabbli, kien lok li huma jkollhom il-possibbiltà li jkomplu japplikaw dan id-dazju b’rata waħda.

59.

Għalhekk in-natura leġiżlattiva tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335 inbidlet: huwa ma għadux jobbliga lill-Istati Membri jżommu dazju fuq il-kapital fuq l-operazzjonijiet elenkati hemmhekk, peress li dan l-obbligu effettivament tħassar permezz tal-Artikolu 7 tad-Direttiva, fil-verżjoni li tirriżulta mid-Direttiva 85/303, li tikkostitwixxi lex posterior fir-rigward tal-Artikolu 4(1). Issa din id-dispożizzjoni tindika biss id-diversi tipi ta’ operazzjonijiet li japplikaw għalihom id-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dazju fuq il-kapital.

60.

Għadu jrid jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 69/335 jikkostitwixxix klawżola ta’ standstill, li tippermetti biss lill-Istati Membri sabiex iżommu fis-seħħ it-taxxa applikabbli fl-1 ta’ Lulju 1984 (bil-possibbiltà li tiġi aġġustata r-rata tagħha) jew jekk, kif jissuġġerixxi l-Gvern Portugiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jawtorizzax lill-Istati Membri jneħħu u jintroduċu mill-ġdid jekk iridu dazju fuq il-kapital, skont l-orjentazzjonijiet konkreti tal-politika fiskali tagħhom u tal-bżonnijiet baġitarji tagħhom.

61.

Jien naqbel ferm mal-ewwel propożizzjoni. L-ewwel nett, kif jindikaw il-premessi tad-direttiva, ir-rieda tal-leġiżlatur kienet li jneħħi d-dazju fuq il-kapital, u l-possibbiltà li dan jinżamm kienet biss eċċezzjoni minħabba fil-biża’ tat-telf ta’ dħul mill-Istati Membri. Madankollu, jekk Stat Membru neħħa d-dazju fuq il-kapital, it-telf eventwali ta’ dħul li jirriżulta minn dan il-fatt diġa’ seħħ u għaldaqstant l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ dan id-dazju fuq il-kapital ma huwiex iġġustifikat fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur Komunitarju permezz tad-Direttiva 85/303.

62.

It-tieni nett, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 69/335 bħala klawżola ta’ standstill hija kkorroborata permezz tal-loġika ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari sa fejn hija tirreferi għas-sitwazzjoni ġuridika fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1984. Għalkemm il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jħalli lill-Istati Membri l-libertà li jżommu fis-seħħ, ineħħu imbagħad eventwalment jintroduċu mill-ġdid dazju fuq il-kapital, huwa ma ssuġġettax tali għażla għaċ‑ċirkustanza essenzjalment aċċidentali li dak id-dazju fuq il-kapital b’rata partikolari japplika effettivament fl-1 ta’ Lulju 1984. Ir-riferiment għal din id-data preċiża jindika mingħajr dubju r-rieda tal-leġiżlatur li jintroduċi b’dan il-mod klawżola ta’ standstill.

63.

Għandu jiġi nnotat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat l-istess pożizzjoni, ċertament fil-kuntest tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 69/335, dwar sitwazzjoni legali daqsxejn differenti, fis-sentenza tagħha Logstor ROR Polska ( 36 ). Fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar li “Stat Membru li kien irrinunzja skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 69/335, wara l-1 ta’ Lulju 1984, li jissuġġetta ċerti operazzjonijiet għal dazju fuq il-kapital ma jistax jerġa’ jistabilixxi tali tassazzjoni fuq dawn l-istess operazzjonijiet”.

64.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, skont punt 26.3 tal-Anness III tad-Digriet-Liġi Nru 322-B/2001, l-operazzjonijiet kontenzjużi ta’ żieda tal-kapital kienu suġġetti għal taxxa tal-boll ta’ 0.4 %, jiġifieri għal rata li, kieku kienet applikabbli fl-1 ta’ Lulju 1984, kienet twassal neċessarjament għat-tneħħija ta’ dan id-dazju abbażi tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335. Minkejja l-fatt li din ir-rata hija konformi mal-ittra tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu ( 37 ), huwa partikolarment diffiċli li tiġi rrikonċiljata l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ dazju b’dik ir-rata mal-loġika tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 69/335.

Konklużjoni

65.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra r-rinviju preliminari tat-Tribunal Arbitral Tributário bħala ammissibbli u tagħti r-risposta segwenti għad-domanda rrinvijata:

Id-dispożizzjonijiet meħdua flimkien tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid-Direttiva 85/303/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985, u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-introduzzjoni mill-ġdid, mill-Istat Membru, ta’ dazju fuq il-kapital fuq l-operazzjoniijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, li kienu suġġetti għal tali dazju fuq il-kapital fl-1 ta’ Lulju 1984 iżda li sussegwentement kienu ġew eżentati minnha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 122.

( 4 ) Diário da República, 1. seria, no 82, p. 1466-(111).

( 5 ) Diário da República, 1. seria, no 14, p. 370.

( 6 ) Diário da República, I, seria A, no 213, p. 6264.

( 7 ) Diário da República I, seria A, no 288, p. 8278-(12).

( 8 ) Il-punt 26 tat-tariffa ġenerali dwar it-taxxa tal-boll ġie sussegwentement emendat u finalment imħassar, iżda dan il-fatt mhux rilevanti f’dan il-każ.

( 9 ) Sentenza Nordsee, 102/81, EU:C:1982:107.

( 10 ) Ara l-punti 10 sa 13 tas-sentenza. L-elementi intiżi sabiex tiġi eskluża l-ammissibbiltà tar-rinviji preliminari li ġejjin minn qrati arbitrali ssemmew fid-dettall mill-Avukat Ġenerali G. Reischl, fil-konklużjonijiet tiegħu f’Nordsee (102/81, EU:C:1982:31).

( 11 ) Sentenza Eco Swiss, C-126/97, EU:C:1999:269, punt 34.

( 12 ) Sentenza Denuit u Cordenier, C-125/04, EU:C:2005:69, punt 13.

( 13 ) Sentenza Vaassen-Göbbels, 61/65, EU:C:1966:39.

( 14 ) Ara pereżempju s-sentenza Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund i Danmark, 109/88, EU:C:1989:383, punti 7 sa 9.

( 15 ) Digriet Merck Canada, C‑555/13, punti 15 sa 25, EU:C:2014:92.

( 16 ) Dwar in-natura tal-arbitaġġ, ara b’mod partikolari: T.E. Carbonneau, The Law and Practice of Arbitration, New York 2007, T. Ereciński, K. Weitz, Sąd arbitrażowy, Varsavja 2008, J.P. Lachmann, Handbuch für die Schiedsgerichtspraxis, Köln 2008, A. Szumański (red.), Arbitraż handlowy, Varsavja 2010.

( 17 ) T. Ereciński, K. Weitz, op. cit., p. 21.

( 18 ) Id-dottrina tqis prinċipalment il-kwistjoni dwar jekk jirrigwardawx esklużivament tilwimiet dwar proprjetà jew ukoll tilwimiet mhux relatati ma’ proprjetà, iżda ma tqumx il-kwistjoni dwar l-arbitrabbiltà tat-tilwimiet fil-qasam fiskali. Ara A. Szumański (red.), op.cit., p. 8-9. Ara wkoll B. Hanotiau, L’arbitrabilité, Recueil des Cour de l’Académie de Droit International de la Haye, Vol. 296 (2002), La Haye 2003.

( 19 ) L-Avukat Ġenerali D. Ruiz-Jarabo Colomer, fil-konklużjonijiet tiegħu De Coster (C‑17/00, EU:C:2001:366) analizza fid-dettall, għalkemm taħt lenti kritika, il-ġurisprudenza f’dan il-qasam.

( 20 ) Ara b’mod partikolari: is-sentenza Dorsch Consult, C‑54/96, EU:C:1997:413, punt 23; is-sentenza Syfait et, C‑53/03, EU:C:2005:333, punt 29; is-sentenza Forposta (ex Praxis) u ABC Direct Contact, C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 17.

( 21 ) ĠU 2012, C 338, p. 1.

( 22 ) Opinjoni li jaqbel magħha l-Avukat Ġenerali C.O. Lenz fil-konklużjonijiet tiegħu Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund i Danmark (109/88, EU:C:1989:228), punt 21.

( 23 ) Skont id-digriet Nru 112-A/2011, tat-22 ta’ Marzu 2011 (Portaria no 112-A/2011, de 22 de março de 2011, Diário da República, série I, no57), il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-arbitraġġ fil-qasam fiskali bbażata fuq l-Artikolu 4(1) tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011 hija obbligatorja għall-awtorità tat-taxxa fil-kawżi fejn il-valur inkwistjoni jkun inqas minn EUR 10 000 000.

( 24 ) Madankollu għandu jiġi nnotat li n-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tal-korp tar-rinviju għall-konvenut ġiet ikkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala element suffiċjenti sabiex tikkunsidra dan il-kriterju bħala ssodisfatt fis-sentenza tagħha Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund i Danmark (EU:C:1989:383), punt 7.

( 25 ) L-Avukat Ġenerali D. Ruiz-Jarabo Colomer esprima opinjoni simili fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu Emmanuel (C‑259/04, EU:C:2006:50). Fis-sentenza Broekmeulen (246/80, EU:C:1981:218), il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll laqgħet id-domanda preliminari magħmula minn organu professjonali indipendenti minkejja l-fatt li r-rikorrent kellu l-possibbiltà, bħala alternattiva, li jressaq il-kawża quddiem il-qrati ordinarji (ara l-punt 15 tas-sentenza).

( 26 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza RTL Belgium, C‑517/09, EU:C:2010:821, punti 39 u 40.

( 27 ) Dan kien il-każ fil-proċedura fil-kawża prinċipali.

( 28 ) Ara b’mod partikolari is-sentenza Broekmeulen (EU:C:1981:218), punt 16 kif ukoll is-sentenza Gourmet Classic, C‑458/06, EU:C:2008:338, punt 32.

( 29 ) Pereżempju dawk fil-kuntest tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 136, p. 3).

( 30 ) Ara b’mod partikolari d-Digriet Borker, 138/80, EU:C:1980:162, punt 4; sentenza Weryński, C‑283/09, EU:C:2011:85, punt 44; sentenza Bełow, C‑394/11, EU:C:2013:48, punt 39.

( 31 ) Sentenza Optimus - Telecomunicações, C-366/05, EU:C:2007:366.

( 32 ) Din hija wkoll l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, fil-Konklużjonijiet tiegħu Optimus-Telecomunicações, (C‑366/05, EU:C:2007:58), punt 39.

( 33 ) Il-kumpannija Ascendi tiddikjara li l-konverżjoni f’kapital azzjonarju tad-djun tal-azzjonisti fil-konfront tal-kumpannija għandha titqies bħala żieda tal-kapital f’qligħ kapitali. F’dan il-każ, għandha tapplika direttament, f’din il-kawża, is-soluzzjoni tas-sentenza Optimus - Telecomunicações (EU:C:2007:366), li kienet preċiżament tirrigwarda l-konformità mad-direttiva tat-taxxa tal-boll fuq tali operazzjonijiet. Madankollu, il-qorti tar-rinviju jidher li tqis li l-operazzjonijiet kontenzjużi ma kinux jikkonsistu fi qligħ kapitali. Fi kwalunkwe każ din hija kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-fatti, li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

( 34 ) Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Ir-Repubblika tal-Portugall daħlet fil-Komunità Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1986 iżda, skont is-sentenza Optimus–Telecomunicações (EU:C:2007:366), punt 32, l-1 ta’ Lulju 1984 tikkostitwixxi wkoll għal dan l-Istat id-data rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 69/335.

( 36 ) Sentenza Logstor ROR Polska, EU:C:2011:404.

( 37 ) Huwa jippermetti, infakkar, li tiġi applikata rata “li ma taqbiżx il-1 %”.

Top