Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0081

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Diċembru 2014.
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament — Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — Għażla tal-bażi legali — Artikolu 48 TFUE — Artikolu 79(2)(b) TFUE — Artikolu 217 TFUE.
Kawża C‑81/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2449

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — Għażla tal-bażi legali — Artikolu 48 TFUE — Artikolu 79(2)(b) TFUE — Artikolu 217 TFUE”

Fil-Kawża C‑81/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2013,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn M. Holt kif ukoll minn C. Murrell, E. Jenkinson u S. Behzadi Spencer, bħala aġenti, assistiti minn A. Dashwood, QC,

rikorrent,

sostnut minn:

L-Irlanda, irrappreżentata minn L. Williams, bħala aġent, assistita minn N. Travers, BL, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Finnegan u M. Chavrier, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Aresu u J. Enegren kif ukoll minn S. Pardo Quintillán, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Ó Caoimh u J.‑C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, A. Arabadjiev, M. Berger, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Mejju 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-17 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-6 ta’ Diċembru 2012, dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (ĠU L 340, p. 19, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Il-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (iktar ’il quddiem il-“Ftehim KEE-Turkija”) ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara, mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra. Dan ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10), li ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 238 KEE (li sar l-Artikolu 217 TFUE).

3

Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, l-għan ta’ dan il-ftehim ta’ assoċjazzjoni huwa li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod sħiħ, in-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp mgħaġġel tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tax‑xogħol u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork.

4

L-Artikolu 9 tal-imsemmi ftehim jipprevedi li fl-ambitu tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, “kull diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità hija pprojbita” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 12 tal-istess ftehim jipprovdi li:

“Il-Partijiet kontraenti jaqblu li jiġu mnebbħa mill-Artikoli 48, 49 u 50 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità sabiex gradwalment iwettqu l-moviment liberu tal-ħaddiema bejniethom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

Il-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell, mehmuż mal-Ftehim KEE-Turkija, konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jifforma parti integrali minn dan il-ftehim, jipprovdi fl-Artikolu 36 tiegħu:

“Il-[moviment liberu tal-ħaddiema] bejn l-Istati Membri ta’ l-Komunità u t-Turkija għandha tkun assigurata fi stadji progressivi b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim [KEE-Turkija], bejn it-tmiem tat-tnax u tat-tnejn-u-għoxrin sena wara d-dħul b’effett ta’ dan il-Ftehim.

[...]”

7

Skont l-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali:

“1.   Qabel it-tmiem tal-ewwel sena wara d-dħul b’effett ta’ dan il-Protokoll, il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu jadotta miżuri ta’ sigurtà soċjali għal ħaddiema ta’ nazzjonalità Torka li jiċċaqilqu fil-Komunità u għall-familji tagħhom li jabitaw fil-Komunità.

2.   Dawn id-disposizzjonijiet għandhom jiffaċilitaw lill-ħaddiema ta’ nazzjonalita Torka, b’konformità ma l-arranġamenti li għandhom ikunu stabbiliti, il-perijodu aggregati għall-assigurazzjoni jew l-impieg imwettqa fi Stati Membri ndividwali fir-rigward tal-penzjoni ta’ l-età, il-benefiċji tal-mewt u l-penzjonijiet ta’ l-invalidità, u wkoll fir-rigward tal-provvediment tas-servizzi tas-saħħa għal ħaddiema u l-familji tagħhom li jabitaw fil-Komunità. Dawn il-miżuri m’għandhomx joħolqu l-ebda obligazzjoni fuq l-Istati Membri sabiex jikkonsidraw il-perijodi mwettqa fit-Turkija.

3.   Il-miżuri msemmija hawn fuq għandhom jassiguraw li l-benefiċji tal-familja ikunu mħallsa jekk il-familja tal-ħaddiem tkun tabita fil-Komunità.

4.   Għandu jkun possibbli li tkun trasferita lejn it-Turkija l-penzjoni ta’ l-età, il-benefiċji tal-mewt u l-penzjoni ta’ l-invalidità akwistati permezz tal-miżuri adotti permezz tal-paragrafu 2.

5.   Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’dan l-Artkolu m’għandhomx jaffettwaw id-drittijiet u l-obligi li joriġinaw mill-ftehim bilaterali bejn it-Turkija u l-Istati Membri tal-Komunità, sa kemm dawn il-ftehim jipprovdu għal arranġamenti aktar favorevoli għal ċittadini Torok.”

8

Fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 3/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u l-membri tal-familja tagħhom (ĠU 1983, C 110, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 3/80”). Din id-deċiżjoni tapplika, skont l-Artikolu 2 tagħha, għall-ħaddiema li huma jew li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar u li huma ċittadini tat-Turkija, għall-membri tal-familja ta’ dawn il-ħaddiema li huma residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll għas-superstiti ta’ dawn il-ħaddiema. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha, stabbilit mill-Artikolu 4 tagħha, jinkludi l-leġiżlazzjonijiet dwar il-partijiet tas-sigurtà soċjali li jirrigwardaw il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità, tal-invalidità, tax-xjuħija u tal-mewt, ta’ inċidenti kkaġunati mix-xogħol u ta’ mard kkaġunat mix-xogħol, tal-qgħad kif ukoll il-benefiċċji tal-familji.

9

L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80, intitolat “Ugwaljanza ta’ trattament”, jistipula:

“Bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, il-persuni residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri li għalih japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi u jgawdu l-istess benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta’ dan l-Istat.”

10

It-Titolu III tad-Deċiżjoni Nru 3/80 jinkludi dispożizzjonijiet partikolari dwar il-kategoriji differenti tal-benefiċċji. Dawn id-dispożizzjonijiet essenzjalment jirreferu għal ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35) kif ukoll għal ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall‑implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83).

Id-deċiżjoni kkontestata

11

Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, skont il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, fuq il-bażi tal-Artikolu 48 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE. Il-premessa 1 tagħha tfakkar li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Adizzjonali jistabbilixxu li l-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Unjoni u t-Turkija għandu jitwettaq gradwalment, filwaqt li l-premessi 2 u 4 jiġbor il-kontenut tal-Artikolu 9 ta’ dan il-ftehim u tal-Artikolu 39 ta’ dan il-protokoll billi jindikaw li d-Deċiżjoni Nru 3/80 kienet l-ewwel strument ta’ implementazzjoni. Il-premessi 5 sa 7 tagħha huma redatti kif ġej:

“(5)

Jeħtieġ li jkun żgurat li fil-qasam tas-sigurtà soċjali, l-Artikolu 9 tal-Ftehim u l-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali jiġu implimentati b’mod sħiħ.

(6)

Hemm il-ħtieġa li jiġu aġġornati d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li jinsabu attwalment fid-Deċiżjoni Nru 3/80 sabiex jirriflettu l-iżviluppi fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Għalhekk, id-Deċiżjoni Nru 3/80 għandha titħassar u tiġi ssostitwita b’Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li, f’pass wieħed, timplimenta d-dispożizzjonijet rilevanti tal-Ftehim u tal-Protokoll Addizzjonali rigward il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali.”

12

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-[KEE-Turkija], fir-rigward tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, għandha tiġi bbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.”

13

L-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni anness mad-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”) jinkludi, b’mod partikolari, l-istess premessi bħal dawk iċċitati fil-punt 11 ta’ din is-sentenza. L-Artikolu 1 ta’ dan l-abbozz, intitolat “Definizzjonijiet”, jirreferi, b’mod partikolari għat-termini “ħaddiem”, “membru tal-familja”, “leġislazzjoni” u “benefiċċji”, fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), li ħassar ir-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU L 284, p. 1), li ħassar ir-Regolament Nru 574/72.

14

L-Artikolu 2 tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, intitolat “Persuni koperti”, jipprovdi li din id-deċiżjoni tapplika, minn naħa, għall-ħaddiema Torok li jeżerċitaw jew li eżerċitaw legalment xogħol bil-paga fit‑territorju ta’ Stat Membru u li huma jew li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar kif ukoll għas-superstiti tagħhom u għall-membri tal-familja tagħhom li huma residenti jew li kienu residenti legalment magħhom matul din l-attività b’paga fi Stat Membru u, min-naħa l-oħra, għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stat Membru li legalment jeżerċitaw jew eżerċitaw attività b’paga fit-territorju Tork u li huma jew li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni Torka kif ukoll għas-superstiti tagħhom u għall-membri tal-familja tagħhom li huma jew kienu legalment residenti magħhom matul din l-attività b’paga fit-Turkija.

15

L-imsemmi abbozz jimponi, fl-Artikolu 3 tiegħu, trattament ugwali fil-qasam tal-benefiċċji u jistabbilixxi, fl-Artikolu 4 tiegħu, it-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza għal ċerti benefiċċji. Barra minn hekk, jistabbilixxi, fl-Artikoli 5 u 6 tiegħu, mekkanżimu ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u t-Turkija kif ukoll regoli dwar il-kontroll amministrattiv u mediku.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16

Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

17

Il-Kunsill jitlob li r-rikors jiġi miċħud u li r-Renju Unit jiġi kkundannat ibati l‑ispejjeż.

18

B’deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 2013 u tal-15 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill, filwaqt li l-Irlanda ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit sabiex tkun tista’ tippreżenta osservazzjonijiet matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

19

Ir-Renju Unit, sostnut mill-Irlanda, jikkritika lill-Kunsill talli għażel l-Artikolu 48 TFUE bħala l-bażi legali materjali tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa, fil-fatt, iqis li l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ma hijiex din id-dispożizzjoni, iżda, l-Artikolu 79(2)(b) TFUE. Peress li huwa jqis li din l-aħħar dispożizzjoni ma hijiex il-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ċaħħad lir-Renju Unit mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru li jirriżulta mill-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattati UE u FUE, li ma jadottax din id-deċiżjoni u li ma jkunx marbut biha.

20

Insostenn ta’ dan l-ilment, ir-Renju Unit isostni li l-Artikolu 48 TFUE huwa dispożizzjoni aċċessorja għall-prinċipju tal-moviment liberu, fi ħdan l-Unjoni, tal‑ħaddiema impjegati u li jaħdmu għal rashom li huma ċittadini tal-Istati Membri. Dan l-artikolu ma jistax, għalhekk, jikkostitwixxi bażi legali ta’ miżura, bħad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonċerna essenzjalment il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali favur ċittadini Torok.

21

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 79(2)(b) TFUE jikkostitwixxi bażi legali adegwata ta’ tali miżura peress li dan jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri dwar id-“definizzjoni tad-drittijiet ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti legalment fi Stat Membru inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stati Membri oħra”. L-użu ta’ din id-dispożizzjoni, li serviet ta’ bażi legali għar-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (ĠU L 344, p. 1), kif ukoll għall-adozzjoni, matul is-snin 2010 u 2012, ta’ disa’ deċiżjonijiet simili għad-deċiżjoni kkontestata dwar il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni konklużi ma’ Stati Membri oħra, huwa kompatibbli mal-Artikolu 79(1) TFUE li jipprovdi li l-iżvilupp ta’ politika komuni tal-immigrazzjoni hija intiża mhux biss biex tiżgura amministrazzjoni effikaċi tal-fluss migratorju, iżda wkoll “it-trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istati Membri”. Dan l-użu huwa barra minn hekk konformi mas-sistema parzjali ta’ koordinazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali stabbilita mill-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, b’mod partikolari mal-Artikoli 2(a) u (b), 3 u 4 tagħha.

22

Din l-evalwazzjoni ma titqegħidx f’dubju mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim KEE-Turkija u tal-Protokoll Addizzjonali. Fil-fatt, l-Artikolu 12 ta’ dan il-ftehim u l-Artikolu 36 ta’ dan il-protokoll ma jimplikawx li d-dritt għall-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni li jibbenefikaw minnu ċ-ċittadini tal-Istati Membri jiġi estiż għaċ-ċittadini Torok. Xorta jibqa’ l-fatt li l-ħaddiema Torok ma jgawdux minn dritt ta’ dħul liberu fl-Unjoni u ma għandhomx id-dritt ta’ moviment liberu bejn l-Istati Membri.

23

F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit josserva li r-raġunament segwit fis-sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑431/11, EU:C:2013:589) u Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑656/11, EU:C:2014:97), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjonijiet ikkontestati, meħuda rispettivament fil-kuntest tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), u l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri, minn-naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE-Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni”), setgħu validament jiġu adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 48TFUE, juri li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tagħti lok għal konklużjoni simili.

24

Fil-fatt, b’mod differenti mill-Ftehim ŻEE u mill-Ftehim KE-Svizzera fuq il-moviment liberu tal-persuni, il-Ftehim KEE-Turkija u l-Protokoll Addizzjonali la għandhom l-għan li jestendi s-suq intern għat-Turkija u lanqas li jwettqu l-moviment liberu tal-persuni bejn l-Unjoni u dan l-Istat terz u d-Deċiżjoni Nru 3/80 ma estendietx għal dan tal-aħħar l-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72.

25

Bl-istess mod, b’mod differenti mid-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawżi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (EU:C:2013:589) u Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (EU:C:2014:97), id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex intiża li testendi għat-Turkija s-sistema ġdida ta’ koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali stabbilita bir-Regolament Nru 883/2004, iżda tikkostitwixxi miżura limitata biex tattwa d-drittijiet limitati li jibbenefikaw minnhom attwalment il-ħaddiema Torok skont id-Deċiżjoni Nru 3/80.

26

Barra minn hekk, ma jistax jintuża l-Artikolu 217 TFUE bħala bażi għal deċiżjoni bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata, peress li, skont ir-Renju Unit, għandha ssir distinzjoni bejn id-deċiżjoni li jiġu adottati l-miżuri kollha li ftehim ta’ assoċjazzjoni jinvolvi, li għandha tiġi bbażata fuq dan l-artikolu, u d-deċiżjonijiet meħuda skont tali ftehim, li għandhom jiġu adottati fuq il-bażi tal-bażi legali li tikkorrispondi għall-għan tagħhom.

27

Fir-rigward tar-regoli ta’ vot applikabbli għad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 218(9) TFUE, ir-Renju Unit iqis li ma hijiex ir-regola ta’ applikazzjoni awtomatika tal-maġġoranza kkwalifikata tal-Artikolu 16(3)TUE li għandha tapplika, iżda dik tal-Artikolu 218(8) TFUE.

28

L-Irlanda ssostni li l-eżistenza tal-Protokoll (Nru 21) ma għandu jkollu l-ebda influwenza fuq l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni. Hija tosserva wkoll li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fis-sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (EU:C:2013:589) u Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (EU:C:2014:97), li l-Unjoni setgħet, fuq il-bażi tal-Artikolu 48 TFUE, testendi għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi dispożizzjonijet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali applikabbli fi ħdan l-Unjoni, dan kien jirrigwarda l-ispeċifiċità tal-Ftehim ŻEE u tal-Ftehim KE-Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni. Il-Ftehim KEE-Turkija u l-Protokoll Addizzjonali tiegħu ma jippermettu, fir-rigward tagħhom, l-ebda assimilazzjoni tal-ħaddiema Torok mal-ħaddiema tal-Unjoni.

29

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-analiżi u jsostni li l-Artikolu 48 TFUE huwa l-bażi legali materjali xierqa għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

30

Peress li l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun, b’mod partikolari, ibbażata fuq l-għan u l-kontenut tagħha, hemm bżonn, skont il-Kunsill, li jiġi rrilevat li l-għan tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa li jimplementa d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim KEE-Turkija u tal-Protokoll Addizzjonali li jirrigwardaw il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali skont l-għan ta’ dawn l-atti, jiġifieri t-twettiq gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema bejn il-partijiet kontraenti. Il-fatt li r-regoli maħsuba għandhom portata inqas mifruxa mir-regoli li japplikaw għaċ-ċittadini tal-Unjoni ma jaffettwax lil dan l-għan, iżda jirriżulta minnu li l-Ftehim KEE-Turkija u l-Protokoll Addizzonali jipprovdu li l-moviment liberu tal-ħaddiema għandu jitwettaq gradwalment. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħaddiema Torok ma għadhomx fl-istess sitwazzjoni bħas-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ Stati terzi oħra.

31

Fil-kuntest tal-Ftehim KEE-Turkija, l-emenda maħsuba tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali ma tikkostitwixxix miżura li taqa’ taħt l-iżvilupp tal-politika komuni tal-immigrazzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex intiża li tiżgura amministrazzjoni effikaċi tal-flussi migratorji, iżda li twettaq l-għan ta’ twettiq gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema, billi tistabbilixxi koordinazzjoni parzjali tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bejn il-partijiet kontraenti li tissostitwixxi s-sistema stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 3/80.

32

Barra minn hekk, il-Kunsill iqis, bħar-Renju Unit, li l-Artikolu 217 TFUE ma jistax jikkostitwixxi bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tiegħu, skont il-prinċipju ta’ attribuzzjoni, att tal-Unjoni adottat fil-kuntest ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni għandu jkun ibbażat mhux fuq il-bażi legali ġenerali li serviet għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, iżda fuq il-bażi legali speċifika li tikkorrispondi għall-qasam ta’ azzjoni li taħtu jaqa’ dan l-att. Ir-regola tal-vot applikabbli għal deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan istanza maħluqa minn ftehim ta’ assoċjazzjoni hija ddetterminata minn din il-bażi legali speċifika. Fil-każ li l-Artikolu 217 TFUE jkun il-bażi legali xierqa, ir-regola ta’ vot applikabbli tkun, fil-fehma tiegħu, dik tal-unanimità.

33

Il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija intiża li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-estenzjoni għall-ħaddiema Torok tal-atti l-ġodda tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali u li din l-estensjoni hija indispensabbli biex jiġi ggarantit progessivament il-moviment liberu tal-ħaddiema li jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Ftehim KEE-Turkija. Dan l-għan jiddistingwixxi dan il-ftehim mill-ftehimiet konklużi mal-Istati terzi oħra u ma għandux relazzjoni mal-għanijiet tal-politika tal-immigrazzjoni, li hija qasam kopert mill-Ftehim KEE-Turkija.

34

Barra minn hekk, hija tal-istess fehma bħar-Renju Unit u l-Kunsill li l-Artikolu 217 TFUE ma jistax jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għad-deċiżjoni kkontestata, iżda tqis li, fil-każ li dan ikun il-każ, ir-regola ta’ vot applikabbli tkun, skont l-Artikolu 218(9) TFUE, dik tal-maġġoranza kkwalifikata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 42).

36

F’dan ir-rigward, hija irrilevanti l-bażi legali użata għall-adozzjoni ta’ atti oħra tal-Unjoni li, jekk ikun il-każ, għandhom karatteristiċi simili, peress li d-determinazzjoni tal-bażi legali ta’ att għandha ssir skont l-għan u l-kontenut tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, EU:C:2013:589, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, EU:C:2014:97, punt 48). Għalhekk, għandu mill-ewwel jiġi injorat l-argument tar-Renju Unit ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 79(2)(b) TFUE serva ta’ bażi legali għar-Regolament Nru 1231/2010 u għal deċiżjonijiet oħra li huma simili għad-deċiżoni kkontestata adottati fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni konklużi ma’ Stati terzi oħra.

37

Bl-istess mod, il-Protokoll (Nru 21) ma huwiex ta’ natura li jkollu kwalunkwe natura fir-rigward tal-kwistjoni dwar il-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punti 73 u 74, kif ukoll Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, EU:C:2014:97, punt 49).

38

Min-naħa l-oħra, il-kuntest li fih l-att inkwistjoni jidħol jista’ jkun rilevanti għall-għażla tal-bażi legali tiegħu. Għalhekk, meta dan l-att ikun intiż li jemenda regoli adottati fil-kuntest ta’ ftehim eżistenti, għandu jittieħed kont ukoll ta’ dan il-kuntest u, b’mod partikolari, tal-għan u tal-kontenut ta’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, EU:C:2013:589, punt 48, u Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, EU:C:2014:97, punt 50).

39

F’din il-kawża, peress li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-għan li tistabbilixxi l-pożizzjoni li l-Unjoni għandha tadotta fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim KEE-Turkija fir-rigward tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, hemm bżonn, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li jiġu eżaminati kemm l-għan ta’ dan il-ftehim u l-kontenut tiegħu fil-qasam tas-sigurtà soċjali kif ukoll l-għan u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

40

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-Renju Unit u l-Irlanda, l-Artikolu 79(2)(b)TFUE ma setax jikkostitwixxi l-bażi legali materjali xierqa għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

41

Ċertament, din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Unjoni tadotta miżuri li jiddefinixxu d-drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti regolari fi Stat Membru, inkluż il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-moviment liberu u r-residenza fl-Istati Membri oħra.

42

Madankollu, skont l-imsemmija dispożizzjoni, huwa għall-finijiet tal-Artikolu 79(1) TFUE li tali miżuri jistgħu jiġu adottati, jiġifieri għall-finijiet tal-politika komuni tal-immigrazzjoni intiża li tiżgura amministrazzjoni effikaċi tal-flussi migratorji, trattament ġust taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz residenti b’mod regolari fl-Istati Membri, kif ukoll prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali u tat-traffikar tal-bnedmin u ġlieda msaħħa kontra dawn tal-aħħar.

43

Issa, minn naħa, il-Ftehim KEE-Turkija huwa kkaratterizzat, kif jirriżulta mill-Artikolu 12 tiegħu u mill-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, mir-rieda tal-partijiet kontraenti li jwettqu gradwalment il-moviment liberu tal-ħaddiema bejniethom. Huwa għal dan l-għan li dawn il-partijiet impenjaw, fl-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali, lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni biex jistabbilixxi dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali favur il-ħaddiema Torok li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni u tal-familji tagħhom residenti fi ħdan l-Unjoni.

44

Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata u l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huma b’mod partikolari intiżi sabiex jimplementaw b’mod sħiħ l-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali u jaġġornaw id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 3/80 b’mod li din tal-aħħar tirrifletti l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Unjoni. Barra minn hekk, filwaqt li d-Deċiżjoni Nru 3/80 kellha biss l-għan li tapplika s-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom, l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu l-għan li jadotta sistema ta’ koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali li tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha, kif iddefinit fl-Artikolu 2 tiegħu, il-ħaddiema ċittadini ta’ Stat Membru li jeżerċitaw jew li eżerċitaw legalment attività b’salarju fit-territorju Tork u huma jew li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni Torka, kif ukoll is-superstiti tagħhom, u wkoll il-membri tal-familja ta’ dawn il-ħaddiema bil-kundizzjoni li huma residenti jew kienu residenti legali mal-ħaddiem ikkonċernat matul iż-żmien ta’ xogħol tiegħu fit-Turkija.

45

Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi stadju addizzjonali fit-twettiq gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Unjoni u t-Turkija u fl-iżvilupp tar-rabtiet maħluqa mill-ftehim ta’ assoċjazzjoni tagħhom.

46

Minn dawn il-konstatazzjonijiet kollha jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ssegwi għan li ma huwiex dak tal-politika komuni tal-immigrazzjoni kif imfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, il-fatt li jiġi aċċettat li l-għan prinċipali ta’ din id-deċiżjoni huwa li tiġi żgurata amministrazzjoni effikaċi tal-flussi migratorji u trattament ġust taċ-ċittadini ta’ pajjiż terzi residenti regolarment fl-Istati Membri jwassal għan-negazzjoni tal-kuntest partikolari li fih taqa’ din id-deċiżjoni.

47

Għalhekk, għandu sussegwentement jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 48 TFUE, li ntgħażel mill-Kunsill, jistax waħdu jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

48

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li l-Artikolu 12 tal-Ftehim KEE-Turkija jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija għandu jitwettaq gradwalment billi jkun ispirat mill-Artikoli 48 sa 50 tat-Trattat KEE (li saru l-Artikoli 45 TFUE sa 47 TFUE).

49

Fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni bejn it-Turkija u l-Unjoni, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fil-punt 53 tas-sentenza Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583), tali prinċipju ġenerali ma huwiex previst minn dan il-ftehim u l-Protokoll Addizzjonali.

50

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Ftehim KEE-Turkija u l-Protokoll Addizzjonali ma jestendux għat-Turkija l-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fi ħdan l-Unjoni.

51

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 12 tal-Ftehim KEE-Turkija, billi jistabbilixxi li jnissel l-ispirazzjoni tiegħu mill-Artikoli 48 sa 50 tat-Trattat KEE biex iwettaq gradwalment il-moviment liberu tal-ħaddiema, ma jobbligax lill-partijiet kontraenti biex japplikaw bħala tali r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, b’analoġija, is-sentenza Demirkan, EU:C:2013:583, punt 45), peress li dawn l-artikoli għandhom madankollu, sa fejn huwa possibbli, jiġu estiżi għall-ħaddiema Torok li jibbenefikaw mid-drittijiet li huma rrikonoxxuti lilhom fil-kuntest tal-imsemmi ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenzi Bozkurt, C‑434/93, EU:C:1995:168, punt 20; Ayaz, C‑275/02, EU:C:2004:570, punt 44, u Dülger, C‑451/11, EU:C:2012:504, punt 48).

52

Min-naħa l-oħra, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tagħha, it-twettiq gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema previst fl-Artikolu 12 tal-Ftehim KEE-Turkija għadu ma ntemmx. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, b’differenza mill-ħaddiema tal-Unjoni, iċ-ċittadini Torok ma jibbenefikawx attwalment mill-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni, peress li l-imsemmi ftehim jiggarantixxilhom biss it-tgawdija ta’ ċerti drittijiet fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Derin, C‑325/05, EU:C:2007:442, punt 66, u Demirkan, EU:C:2013:583, punt 53).

53

Fir-rigward tal-kontenut tal-Ftehim KEE-Turkija fil-qasam tas-sigurtà soċjali, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 39(1) u (2) tal-Protokoll Addizzjonali jipprovdi li l-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jistabbilixxi dispożizzjonijiet f’dan il-qasam favur il-ħaddiema Torok li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni u l-familja tagħhom residenti fi ħdan l-Unjoni, peress li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom b’mod partikolari jippermettu lil dawn il-ħaddiema jibbenefikaw mit-total tal-perijodi ta’ assigurazzjoni jew mill-impjieg imwettaq fid-diversi Stati Membri fir-rigward tad-dritt għal ċerti benefiċċji. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali ma jipprovdix għall-adozzjoni ta’ miżuri favur il-ħaddiema tal-Unjoni li jmorru fit-Turkija u jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li d-dispożizzjonijiet li ser jiġu adottati ma jistgħux jimponu fuq l-Istati Membri li jieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi mwettqa mill-ħaddiema Torok fit-Turkija.

54

Konsegwentement, il-Ftehim KEE-Turkija ma jistabbilixxix bejn il-partijiet kontraenti sistema ta’ koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bħal dik stabbilita bir-Regolament Nru 1408/71.

55

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Nru 3/80, adottata skont l-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali, tirreferi, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fil-punti 29 u 30 tas-sentenza Taflan-Met et (C‑277/94, EU:C:1996:315), biss għal ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 u tar-Regolament Nru 574/72.

56

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kontenut u tal-għan tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li din tipprevedi, kif jirriżulta mill-premessi 5 sa 7 tagħha u mill-premessi 6, 7 u 9 tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, redatti b’mod identiku, li l-Artikolu 9 tal-Ftehim KEE-Turkija u l-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali jiġu implementati b’mod sħiħ u li taġġorna d-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni li jinsabu fid-Deċiżjoni Nru 3/80, billi tissostitwixxiha, b’mod li dawn id-dispożizzjonijiet jirriflettu l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Unjoni, jiġifieri dawk li jirriżultaw mill-adozzjoni tar-Regolamenti Nri 883/2004, 987/2009 u 1231/2010.

57

Dan premess, mill-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punti 48 sa 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta, minn naħa, li l-Ftehim KEE-Turkija ma għandux l-għan, b’mod differenti minn dak li kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 50 tas-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (EU:C:2013:589) dwar il-Ftehim ŻEE, li titwettaq b’mod l-iktar sħiħ il-possibbiltà tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital bejn il-partijiet kontraenti, b’mod li s-suq intern imwettaq fit-territorju tal-Unjoni jiġi estiż għat-Turkija, u lanqas, b’mod differenti minn dak li ġie kkonstatat fil-punt 55 tas-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (EU:C:2014:97) dwar il-Ftehim KEE-Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, li bejn dawn il-partijiet jitwettaq il-moviment liberu tal-persuni, u, min-naħa l-oħra, li l-moviment liberu tal-ħaddiema previst mill-Ftehim KEE-Turkija ma huwiex kompletament imwettaq.

58

Barra minn hekk, mill-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, b’mod differenti minn dak li ġie kkonstatat fil-punt 56 tas-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (EU:C:2013:589) dwar il-Ftehim KEE-ŻEE, ir-Regolament Nru 1408/71 ma ġiex integrat fil-Ftehim KEE-Turkija jew fil-Protokoll Addizzjonali b’mod li jwassal għal estensjoni għat-Turkija tar-regoli inklużi fih fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li ġie kkonstatat fil-punti 57 u 58 tas-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, (EU:C:2014:97) dwar il-Ftehim KE-Svizzera dwar il‑moviment liberu tal-persuni, jidher li l-partijiet kontraenti tal-Ftehim KEE-Turkija ma ridux japplikaw bejniethom l-integralità tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 u li t-Turkija ma tistax tiġi assimilata ma’ Stat Membru għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti.

59

Issa, fl-assenza ta’ estensjoni tas-suq intern jew tal-moviment liberu tal-persuni għat-Turkija kif ukoll fl-assenza ta’ estensjoni diġà mwettqa tal-moviment liberu tal-ħaddiema għal din tal-aħħar, jew, tal-inqas, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali u ta’ assimilazzjoni, għall-finijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni, ta’ dan l-Istat terz għal Stat Membru, id-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx validament tiġi adottata biss fuq il-bażi tal-Artikolu 48 TFUE. Fil-fatt, bħala regola ġenerali huwa biss fil-kamp tal-politika u tal-azzjonijiet interni tal-Unjoni jew tal-azzjonijiet esterni marbuta ma’ pajjiżi terzi li jistgħu jiġu assimilati ma’ Stat Membru tal-Unjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, li dan l-artikolu jawtorizza lill-Unjoni biex tadotta miżuri f’dan il-qasam.

60

Fir-rigward ta’ deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni, għandu, għalhekk, jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata setgħetx validament tiġi bbażata fuq l-Artikolu 217 TFUE li jawtorizza lill-Unjoni tikkonkludi ma’ pajjiż terz ftehim li joħloq assoċjazzjoni kkaratterizzata bi drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċeduri partikolari.

61

Din l-awtorizzazzjoni ġenerali ma tippermettix lill-Unjoni, fid-dawl tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE, li tadotta, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni, atti li jeċċedu l-limiti tal-kompetenzi li l-Istati Membri tawha fit-trattati biex tilħaq l-għanijiet li dawn it-trattati jistabbilixxu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 46). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 217 TFUE għandu neċessarjament jagħti lill-Unjoni kompetenza biex iiżgura impenji meħuda fir-rigward ta’ Stati terzi fl-oqsma kollha koperti mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Demirel, 12/86, EU:C:1987:400, punt 9).

62

Minn dan jirriżulta li l-Kunsill jista’, fuq il-bażi tal-Artikolu 217 TFUE, jadotta att fil-kuntest ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni bil-kundizzjoni li dan l-att ikun marbut ma’ qasam ta’ kompetenza speċifika tal-Unjoni u jkun ukoll ibbażat, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, fuq il-bażi legali korrispondenti, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan u tal-kontenut tiegħu, f’dan il-qasam.

63

Ghalhekk, f’din il-kawża, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata la setgħet validament tiġi adottata biss fuq il-bażi tal-Artikolu 217 TFUE u lanqas biss fuq il-bażi tal-Artikolu 48 TFUE, hija setgħet min-naħa l-oħra tiġi bbażata fuq dawn iż-żewġ artikoli flimkien, peress li ttieħdet fil-kuntest ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni u hija intiża li tadotta miżuri ta’ koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali.

64

Minn dan isegwi li l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata inkwantu l-Artikolu 217 TFUE ma ġiex inkluż.

65

Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ din l-ommissjoni, għandu jiġi kkonstatat li din ma kellhiex effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jew fuq il-proċedura segwita għall-adozzjoni tagħha.

66

Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punti 97 u 123 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni u ma hijiex intiża li tikkompleta jew li temenda l-kuntest istituzzjonali ta’ tali ftehim, iżda biss li tiżgura l-implementazzjoni tagħha, huwa, skont id-dispożizzjonijiet flimkien tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE u tal-Artikolu 218 (9) TFUE, b’deċiżjoni meħuda bil-maġġoranza kwalifikata u mingħajr approvazzjoni tal-Parlament Ewropew li l-Kunsill kellu, fi kwalunkwe każ, jadotta d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-ommissjoni tal-Artikolu 217 TFUE mill-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata hija mingħajr konsegwenza fid-dawl tal-Protokoll (Nru 21).

67

Ghalhekk, l-iżball imwettaq fil-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi żball purament formali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata) li ma jwassalx għall-annullament tagħha.

68

Konsegwentement, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

69

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

70

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Irlanda u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

3)

l-Irlanda u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top