Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0125

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-8 ta' Diċembru 2011.
Merck Sharp & Dohme Corp. vs Deutsches Patent- und Markenamt.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundespatentgericht - il-Ġermanja.
Proprjetà intellettwali u industrijali - Privattivi - Regolament (KEE) Nru 1768/92 - Artikolu 13 - Ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għall-prodotti mediċinali - Possibbiltà li jingħata ċertifikat f’każ fejn il-perijodu li jkun għadda bejn id-data meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq fil-Komunità jkun ta’ inqas minn ħames snin - Regolament (KE) Nru 1901/2006 - Artikolu 36 - Estensjoni tat-tul ta’ żmien taċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari.
Kawża C-125/10.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:812

Kawża C-125/10

Merck Sharp & Dohme Corp., li kienet Merck & Co. Inc.

vs

Deutsches Patent- und Markenamt

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundespatentgericht)

“Proprjetà intellettwali u industrijali — Privattivi — Regolament (KEE) Nru 1768/92 — Artikolu 13 — Ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għall-prodotti mediċinali — Possibbiltà li jingħata ċertifikat f’każ fejn il-perijodu li jkun għadda bejn id-data meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq fil-Komunità jkun ta’ inqas minn ħames snin — Regolament (KE) Nru 1901/2006 — Artikolu 36 — Estensjoni tat-tul ta’ żmien taċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Leġiżlazzjonijiet uniformi — Proprjetà industrijali u kummerċjali — Dritt ta’ privattiva — Ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għall-prodotti mediċinali — Żmien ta’ validità taċ-ċertifikat

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1901/2006, Artikolu 36; Regolament tal-Kunsill Nru 1768/92, Artikolu 13)

L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1768/92, dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar prodotti mediċinali għall‑użu pedjatriku moqri flimkien mal-Artikolu 36 għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑prodotti mediċinali jistgħu jkunu suġġetti għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari meta l-perijodu li jkun għadda bejn meta tiġi ppreżentata l‑applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal-ewwel awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq fl-Unjoni Ewropea jkun inqas minn ħames snin. F’dan il-każ, it-terminu tal-estensjoni pedjatrika prevista minn dan l-aħħar regolament jibda jiddekorri mid-data stabbilita billi jitnaqqsu mid-data ta’ skadenza tal-privattiva, id-differenza bejn ħames snin u t-tul ta’ żmien tal‑perijodu li jkun għadda bejn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal‑ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq.

Jekk applikazzjoni għal ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari tiġi rrifjutata minħabba li l-kalkolu previst fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1768/92 iwassal għal tul ta’ żmien negattiv jew żero, id-detentur ta’ privattiva bażika ma jistax jikseb estensjoni tal‑protezzjoni mogħtija minn tali privattiva, anki jekk huwa jkun għamel l-istudji kollha skont il-pjan ta’ investigazzjoni pedjatrika approvat skont l-Artikolu 36 tar‑Regolament Nru 1901/2006. Tali rifjut jista’ jippreġudika l-effettività tar‑Regolament Nru 1901/2006 u jista’ jwassal li jipperikola l-għanijiet intiżi minn dan ir-regolament, jiġifieri l-għan li jiġu kkumpensati l-isforzi li jkunu saru għall‑evalwazzjoni tal-effetti pedjatriċi tal‑prodott mediċinali inkwistjoni.

Għalhekk, mir‑Regolament 1768/92 moqri flimkien mar-Regolament Nru 1901/2006 jirriżulta li ċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari u l-estensjoni pedjatrika li jagħtu flimkien lid-detentur ta’ privattiva bażika, dritt esklużiv għal perijodu massimu ta’ ħmistax-il sena u sitt xhur mid-data tal-ħruġ tal-ewwel ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari tal-prodott mediċinali inkwistjoni fl-Unjoni.

Minn dan it-tul ta’ żmien massimu jirriżulta li estensjoni pedjatrika għandha utilità jekk it-tul ta’ żmien negattiv ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari ma jaqbiżx sitt xhur. Fi kliem ieħor, l-għan tar-Regolament Nru 1901/2006 jintlaħaq meta d‑detentur tal-privattiva bażika jikseb l-ewwel awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali fl‑Unjoni Ewropea f’perijodu bejn erba’ snin u nofs u ħames snin mill-applikazzjoni għall-privattiva bażika. Għalhekk, ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari jista’ jinħareġ meta jkunu għaddew inqas minn ħames snin bejn l‑applikazzjoni għall‑privattiva bażika u d-data tal-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq.

Minn dan isegwi li għandu jiġi kkunsidrat li l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari ma jistax jiġi miċħud sempliċement minħabba l-fatt li t-tul ta’ żmien iddeterminat skont il-metodu ta’ kalkolu previst fl-Artikolu 13(1) tar‑Regolament Nru 1768/92 ma jkunx pożittiv.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar meta għandha tibda tiddekorri l-estensjoni pedjatrika ta’ tul ta’ żmien ta’ sitt xhur, għandu jiġi kkunsidrat li, jekk iż‑żmien li jkun għadda bejn meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal-ewwel awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali inkwistjoni fl-Unjoni jkun ta’ inqas minn ħames snin, il‑punt tat-tluq ta’ din l-estensjoni ma jistax jiġi stabbilit mid-data tal-privattiva bażika, b’mod li l-perijodu taċ-ċertifikat jiġi kkunsidrat ekwivalenti għal żero. Fil‑fatt, tali soluzzjoni tmur kontra l-metodu ta’ kalkolu previst fl-Artikolu 13(1) tar‑Regolament Nru 1768/92, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi li t-terminu taċ‑ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari jikkorrispondi għat-tul ta’ żmien li jkun għadda bejn meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d‑data tal-ewwel awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq fl-Unjoni mnaqqas minn ħames snin. Għalhekk, meta t-terminu ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari ikun negattiv, dan ma jistax jitqarreb għal żero. It-terminu tal-estensjoni pedjatrika previst fir-Regolament Nru 1901/2006 għandu jibda jiddekorri fid-data stabbilita billi titnaqqas mid-data tal-iskadenza tal-privattiva d-differenza bejn ħames snin u t-tul ta’ żmien li jkun għadda bejn meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal privattiva u d-data tal-ewwel awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq.

(ara l-punti 37-42, 45 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Proprjetà intellettwali u industrijali – Privattivi – Regolament (KEE) Nru 1768/92 – Artikolu 13 – Ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għall-prodotti mediċinali – Possibbiltà li jingħata ċertifikat f’każ fejn il-perijodu li jkun għadda bejn id-data meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq fil-Komunità jkun ta’ inqas minn ħames snin – Regolament (KE) Nru 1901/2006 – Artikolu 36 – Estensjoni tat-tul ta’ żmien taċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari”

Fil-Kawża C‑125/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundespatentgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2010, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fid-9 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura

Merck Sharp & Dohme Corp., (li kienet Merck & Co. Inc.)

vs

Deutsches Patent- und Markenamt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus (Relatur), A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Merck Sharp & Dohme Corp., (li kienet Merck & Co. Inc.), minn M. Heinemann, M. Gundt, A. Rollins u A. von Falck, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Menez kif ukoll minn R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u V. Balčiūnaitė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Ficsor u M. Fehér kif ukoll minn Z. Tóth, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u P. A. Antunes, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u F. W. Bulst, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tad-9 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (ĠU L 152, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Merck Sharp & Dohme Corp., (li kienet Merck & Co. Inc., iktar ’il quddiem “Merck”), kontra Deutsches Patent- und Markenamt (Uffiċċju Ġermaniż tal‑privattivi u trademarks) dwar il‑fatt li dan tal-aħħar irrifjuta li joħroġilha ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari (iktar ’il quddiem, iċ‑“ĊPS”) għall-prodott mediċinali sitagliptine.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KEE) Nru 1768/92

3        L-ewwel u t-tieni premessa tar-Regolament tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 200), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar prodotti mediċinali għall-użu pedjatriku u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1768/92, id-Direttiva 2001/20/KE, id-Direttiva 2001/83/KE u r‑Regolament (KE) Nru 726/2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1768/92”) jipprevedu dan li ġej:

“Billi r-riċerka farmaċewtika għandha rwol deċiżiv fit-titjib kontinwu tas-saħħa pubblika;

Billi prodotti mediċinali, speċjalment dawk li huma r-riżultat ta’ riċerka twila u għalja, ma jibqgħux jiġu żviluppati fil-Komunità u fl-Ewropa sakemm ma jkunux mħarsa minn regoli favorevoli li jipprovdu biżżejjed protezzjoni li tinkoraġġixxi din it-tip ta’ riċerka”.

4        It-tielet sal-ħames premessi ta’ dan ir-regolament jipprovdu li l-perijodu li jgħaddi bejn id-data meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal privattiva għal prodott mediċinali ġdid u l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (iktar ’il quddiem “l‑ATS”) għall-imsemmi prodott mediċinali jnaqqas il-protezzjoni effettiva mogħtija mill-privattiva għal żmien li ma jkunx biżżejjed biex jiġu amortizzati l-investimenti li jkunu saru fir-riċerka, li jippenalizza r-riċerka farmaċewtika u joħloq ir-riskju li ċ-ċentri ta’ riċerka jiġu ttrasferiti barra mill-Istati Membri.

5        It-tmien u d-disa’ premessa tal-imsemmi regolament jistabilixxu:

“Billi t-tul taż-żmien tal-protezzjoni mogħtija miċ-[ĊPS] għandu jkun biżżejjed sabiex jipprovdi protezzjoni adegwata u effettiva; billi, għal dan l-iskop, id-detentur kemm ta’ privattiva u kemm ta’ [ĊPS] għandu jkun jista’ jgawdi massimu totali ta’ ħmistax-il sena ta’ esklussività minn meta l-prodott mediċinali inkwistjoni jkun kiseb [l-ATS] għall-ewwel darba [...] fil-Komunità;

Billi l-interessi kollha involuti, inklużi dawk tas-saħħa pubblika, f’settur kumplikat u sensittiv daqs dak tal-farmaċewtiċi għandhom madanakollu jittieħdu inkonsiderazzjoni; billi, għal dan il-għan, iċ-[ĊPS] ma jistax jingħata għal perjodu ta’ iktar minn ħames snin; billi l-protezzjoni mogħtija għandha wkoll tkun strettament limitata għall-prodott li jkun kiseb l-[ATS] bħala prodott mediċinali”.

6        Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1768/92, intitolat “Kundizjonijiet għall-kisba ta’ [ĊPS]”:

“Iċ-[ĊPS] għandu jingħata jekk, fl-Istat Membru fejn tkun ġiet sottomessa l‑applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 u fid-data ta’ dik l‑applikazzjoni:

a)      il-prodott ikun protett minn privattiva bażika fis-seħħ;

b)      il-prodott, peress li huwa prodott mediku, li tkun inħariġitlu [ATS] valida sabiex il-prodott jitqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali tkun ingħatat skont id-Direttiva [tal-Kunsill] 65/65 [, tas-26 ta’ Jannar 1965, dwar l‑approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi, dwar l-ispeċjalitajiet farmaċewtiċi (ĠU 1965, 22, p. 369), kif emendata bid-Direttiva tal‑Kunsill 89/341/KEE, tat-3 ta’ Mejju 1989 (ĠU L 142, p. 11)] jew id-Direttiva [tal-Kunsill] 81/851/KEE [, tat-28 ta’ Settembru 1981, dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 317, p. 1) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 90/676/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1990 (ĠU L373, p.15)], skont il-każ. [...];

ċ)      il-prodott ma kienx diġà suġġett ta’ [ĊPS];

d)      l-[ATS] msemmija f’(b) hija l-ewwel awtorizzazzjoni sabiex il-prodott ikun jista’ jitqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali”.

7        L-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li “[l]-applikazzjoni għal [ĊPS] għandha tiġi ppreżentata fi żmien sitt xhur mid-data ta’ meta l‑[ATS] msemmija fl-Artikolu 3(b) [...] bħala prodott mediċinali tkun ingħatat.”

8        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1768/92 jelenka l-punti li għandhom jissemmew fl-applikazzjoni għal ĊPS. Dan jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafu 1(d)(i) li jekk l‑applikazzjoni għal ĊPS ikollha talba għal estensjoni, din għandha tinkludi kopja tad-dikjarazzjoni li tiċċertifika l-konformità ma’ pjan ta’ investigazzjoni pedjatrika msemmi fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1901/2006.

9        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1768/92, li jipprovdi l-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta’ [ĊPS] jew taċ-ċaħda tiegħu, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Jekk l-applikazzjoni għal [ĊPS] u l-prodott relattiv jissodisfaw il‑kondizzjonijiet stipulati minn dan ir-Regolament, l-awtorità msemmija fl‑Artikolu 9(1) għandha toħroġ iċ-[ĊPS].

2.      L-awtorità msemmija fl-Artikolu 9(1) għandha, mingħajr preġudizzju għall‑paragrafu 3, tiċħad l-applikazzjoni għal [ĊPS] jekk l-applikazzjoni jew il‑prodott relattiv ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stipulati minn dan ir‑Regolament.”

10      L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Żmien ta’ validità taċ‑[ĊPS]”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Iċ-[ĊPS] jidħol fis-seħħ fit-tmiem tat-terminu leġittimu tal-privattiva bażika għal perjodu li jkun twil daqs il-perjodu li jkun għadda mid-data ta’ meta l‑applikazzjoni għal privattiva bażika tkun ġiet ippreżentata sad-data tal-ewwel [ATS] biex il-prodott jitqiegħed fis-suq fil-Komunità imnaqqas b’perjodu ta’ ħames snin.

2.      Minkejja l-paragrafu 1, iż-żmien ta’ validità taċ-[ĊPS] ma jistax jaqbeż ħames snin mid-data ta’ meta jidħol fis-seħħ.

3.      Il-perjodi ta’ żmien imniżżla fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jkunu estiżi b’sitt xhur fil-każ fejn japplika l-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 1901/2006. F’dak il-każ, it-tul tal-perjodu mniżżel fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artiklou jista’ jiġi estiż darba biss.”

11      L-Artikolu 14(a) tar-Regolament Nru 1768/92 jipprovdi li s-[ĊPS] jiskadi “[f]it‑tmiem tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 13”.

12      Ir-Regolament Nru 469/2009, li jikkodifika u jħassar ir-Regolament Nru 1768/92, daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Lulju 2009. L-Artikolu 13 tiegħu huwa fformulat f’termini identiċi għall-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1768/92. Madankollu, minħabba l-fatti tal-każ fil-kawża prinċipali, huwa r-Regolament Nru 1768/92 li jibqa’ japplika għaliha.

 Ir-Regolament Nru 1901/2006

13      Il-premessi 26 u 27 tar-Regolament Nru 1901/2006:

“(26) Għall-prodotti li jaqgħu fl-ambitu tar-rekwiżit li tiġi ppreżentata data pedjatrika, jekk il-miżuri kollha inklużi fil-pjan miftiehem għal investigazzjoni pedjatrika jkunu ġew osservati, jekk il‑prodott ikun awtorizzat mill-Istati Membri kollha u jekk l‑informazzjoni relevanti dwar ir-riżultati ta’ l-istudji tkun inkluża fl-informazzjoni tal-prodott, għandu jingħata premju permezz ta’ estensjoni ta’ 6 xhur taċ-[ĊPS] li nħoloq mir‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 1768/92.[...]

(27)      Applikazzjoni għal proroga taċ-[ĊPS] skond dan ir-Regolament għandha tkun ammissibbli biss fejn jingħata [ĊPS] skond ir-Regolament (KEE) Nru 1768/92.”

14      Skont l-Artikolu 36(1) u (4) tar-Regolament Nru 1901/2006:

“1.      Fejn applikazzjoni skond l-Artikoli 7 jew 8 tinkludi r-riżultati ta’ l-istudji kollha mwettqa b’konformità ma’ pjan ta’ investigazzzjoni pedjatrika approvat, id-detentur tal-privattiva jew taċ-[ĊPS] għandu jkun intitolat għal estensjoni ta’ sitt xhur tal-perijodu msemmi fl‑Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1768/92 [iktar ’il quddiem l-“estensjoni pedjatrika”].

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll fejn it-tlestija tal-pjan ta’ investigazzjoni pedjatrika approvat jonqos milli jwassal għall‑awtorizzazzjoni ta’ indikazzjoni pedjatrika, iżda r-riżultati ta’ l-istudji mwettqa ikunu riflessi fis‑sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott, u jekk ikun xieraq, fil-fuljett ta’ tagħrif tal-prodott mediċinali konċernat.

[...]

4.      Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw għal prodotti li huma protetti minn [ĊPS] taħt ir-Regolament (KEE) Nru 1768/92, jew taħt privattiva li tikkwalifika għall-għoti ta’ [ĊPS]. [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15      Merck hija d-detentriċi ta’ privattiva Ewropea għall-komponenti inibituri tad‑dipeptidyl peptidase għat-trattament jew il-prevenzjoni tad-dijabete. Din il-privattiva bażika, valabbli wkoll għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intalbet fil-5 ta’ Lulju 2002.

16      Fl-14 ta’ Settembru 2007, Merck talbet lid-Deutsches Patent- und Markenamt biex jinħarġilha ĊPS għas‑sustanza farmaċewtika sitagliptine koperta mill-privattiva msemmija, jekk ikun il-każ għall-forma ta’ melħ aċċettabbli f’livell farmaċewtiku, b’mod partikolari għall-fosfat tas-sitagliptine monoidrat. Hija indikat bħala data tal-ewwel ATS, fl‑Unjoni Ewropea u fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-21 ta’ Marzu 2007, li hija d-data tal-awtorizzazzjoni Ewropea mogħtija għall-prodott mediċinali li fih is‑sustanza sitagliptine fosfat monoidrat. Dan il-prodott mediċinali huwa kkummerċjalizzat fl-imsemmi Stat Membru taħt it-trademark Januvia.

17      Din l-applikazzjoni nċaħdet b’deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2008 minħabba li kienu għaddew biss erba’ snin, tmien xhur u sittax-il ġurnata bejn id-data meta ġiet ppreżentata l-applikazzjoni għall-privattiva bażika u dik tal-ħruġ tal-ewwel ATS, b’mod li l-kalkolu tat-tul ta’ żmien taċ-ĊPS kien ser iwassal, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1768/92 għal terminu negattiv ta’ tliet xhur u erbatax-il ġurnata.

18      Merck ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundespatentgericht. Hija sostniet li l-kundizzjonijiet kollha għall-kisba taċ-ĊPS huma sodisfatti f’dan il‑każ, peress li t-tul ta’ żmien taċ-ĊPS ma jagħmilx parti minn dawn il-kundizzjonijiet.

19      Merck issostni li anke jekk iċ-ĊPS ma jistax iwassal għal tul ta’ żmien pożittiv, din madankollu jista’ jkollha tul ta’ żmien żero jew negattiv. L-applikazzjoni tagħha kienet immotivata mix-xewqa li żżomm id-dritt li titlob, sussegwentement, l‑estensjoni taċ-ċertifikat. F’dan is-sens, ġie awtorizzat pjan ta’ investigazzjoni pedjatrika mill‑awtorità kompetenti, fis-27 ta’ Marzu 2009, fejn l‑istudji preskritti f’dan il-pjan għandhom jitlestew qabel l-2017.

20      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1901/2006, li jipprovdi għal kumpens fil-forma ta’ kumpens fil-forma ta’ estensjoni pedjatrika ta’ sitt xhur ibiddilx l-approċċ addottat sal-lum skont liema ċ-ĊPS seta’ jinħareġ biss jekk ikunu laħqu għaddew ħames snin bejn l-applikazzjoni għal privattiva u meta tinkiseb l-ewwel ATS għall-prodott mediċinali inkwistjoni fl-Unjoni. Huwa importanti li jsir magħruf jekk, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, għandux jinħareġ ĊPS għal żmien negattiv jew null.

21      B’hekk l-imsemmija qorti indikat li hija tqis neċessarju li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar‑Regolament Nru 469/2009.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundespatentgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Mediċini jistgħu jkunu suġġetti għall-ħruġ ta’ [ĊPS] meta ż-żmien li bejn id-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal‑ewwel [ATS] biex il-prodott jitqiegħed fis-suq fil‑Komunità jkun inqas minn ħames snin?”

 Fuq id-domanda preliminari

23      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il‑qorti tar-rinviju tirreferi għar-Regolament Nru 469/2009, li jikkodifika u u jabroga r-Regolament Nru 1768/92.

24      Issa, peress li r-Regolament Nru 469/2009 daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Lulju, 2009, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, huwa r‑Regolament Nru 1768/92 li jibqa’ applikabbli għal din tal-aħħar.

25      Barra dan, anki jekk it-tul ta’ żmien tal-estensjoni pedjatrika huwa previst fl‑Artikolu 13(3), tar-Regolament Nru 1768, il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tiegħu huma stabiliti fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1901/2006. Għalhekk, huwa fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ regolamenti li għandha tingħata risposta għad‑domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

26      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1768/92, moqri flimkien mal-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1901/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li prodotti mediċinali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ħruġ ta’ ĊPS meta ż‑żmien li jkun għadda bejn meta l-applikazzjoni għal privattiva bażika tkun ġiet ippreżentata u d-data tal-ewwel ATS fl-Unjoni jkun ta’ inqas minn ħames snin.

27      Fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, din il‑qorti tixtieq tkun taf ukoll jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, l-estensjoni ta’ tul ta’ żmien ta’ sitt xhur prevista fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1901/2006 għandhiex tibda tiddekorri qabel id-data ta’ skadenza tal-privattiva, jiġifieri d-data stabbilita billi jinżamm valur negattiv għaċ-ĊPS, jew inkella jekk huwiex meħtieġ, filwaqt li jitqarreb it-tul ta’ żmien taċ-ĊPS għal żero, li din l-estensjoni tibda tiddekorri mid-data ta’ skadenza tal-imsemmija privattiva.

28      Qabel xejn jaqbel li jiġi osservat li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1768/92 jipprovdi li ċ-ĊPS jipproduċi effett għal perijodu ekwivalenti għall-perijodu li jkun għadda bejn id-data meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal‑ewwel ATS fl-Unjoni, imnaqqas inqas minn ħames snin. Xejn fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew fi kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jagħti ebda raġuni li wieħed jissoponi li dan tal-aħħar neċessarjament jipprekludi li ĊPS ikun għal tul ta’ żmien negattiv.

29      Għaldaqstant jaqbel li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1768/92 kif emendat bir‑Regolament Nru 1901/2006, għandu jiġi interpretat mhux esklużivament fid‑dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal‑għanijiet tas-sistema li jaqa’ taħtha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Hässle, C‑127/00, Ġabra p. I‑14781, punt 55, u tat-3 ta’ Settembru 2009, AHP Manufacturing, C‑482/07,Ġabra p. I‑7295, punt 27).

30      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1768/92, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jipprovdi li meta l‑applikazzjoni għal ĊPS u l-prodott li għandu x’jaqsam miegħu jkunu jissodisfaw r-rekwiżiti previsti mill-istess regolament, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ iċ-ċertifikat. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni tat-tul ta’ żmien pożittiv taċ-ĊPS ma hijiex waħda mill-kundizzjonijiet li jistipulaw il-mertu għall-kisba ta’ tali ċertifikat, elenkati fl‑Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1768/92, u lanqas fost dawk il-kundizzjonijiet ta’ forma, imsemmija fl-Artikoli 7 sa 9 tiegħu.

31      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-għanijiet intiżi mir‑Regolament Nru 1768/92, għandu jiġi mfakkar li l-għan fundamentali tal-imsemmi regolament, kif stabbilit fl‑ewwel u t-tieni premessi tiegħu, huwa li tiġi żgurata protezzjoni biżżejjed biex tħeġġeġ ir-riċerka fl-industrija farmaċewtika, li tikkontribwixxi b’mod deċiżiv għat-titjib kontinwu tas‑saħħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AHP Manufacturing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

32      F’dan ir-rigward, l-adozzjoni tal-imsemmi regolament hija ġġustifikata fit-tielet, raba’ u t-tmien premessa tiegħu, it-tul ta’ żmien insuffiċjenti ta’ protezzjoni effettiva mogħtija mill-privattiva sabiex tammortizza l‑investiment magħmul fir‑riċerka farmaċewtika, fid-dawl tal‑perijodu li jgħaddi bejn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal privattiva għal prodott mediċinali ġdid u l-ħruġ tal‑ATS tal-imsemmi prodott mediċinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AHP Manufacturing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30.

33      Ir-Regolament Nru 1768/92 għandu l-għan li jimla din il-lakuna billi jistabbilixxi ĊPS għall-prodotti mediċinali. Barra dan il-għan, ir-regolament jirrikonoxxi wkoll, kif jirriżulta mid-disa’ premessa tiegħu, il-ħtieġa, f’settur daqstant ikkumplikat u sensittiv bħal dak farmaċewtiku, li jiġu kkunsidrati l-interessi kollha involuti, inklużi dawk tas-saħħa pubblika, billi jkun żgurat li l-monopolju tal-isfruttament hekk iggarantit ma jeċċedix dak li huwa meħtieġ għall-ammortizzazzjoni tal-investimenti u ma jdewwimx indebitament il-mument meta l-prodott inkwistjoni jidħol fid‑dominju pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AHP Manufacturing, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 u 39).

34      Fir-rigward tar-Regolament Nru 1901/2006, li emenda, b’mod partikolari, l‑Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1768/92, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mis-sitta u għoxrin premessa tiegħu, dan għandu l-għan li jikkumpensa l-isforzi li jkunu saru sabiex jiġu evalwati l-effetti pedjatriċi tal-prodotti mediċinali inkwistjoni, billi jingħata lid-detentur ta’ privattiva bażika li jkun għamel riċerka rrakkomandata fil-pjan ta’ investigazzjoni pedjatrika approvat għall-prodott mediċinali inkwistjoni minħabba kumpens fil-forma ta’ estensjoni ta’ sitt xhur taċ-ĊPS.

35      Ċertament, jekk xi ĊPS ta’ tul ta’ żmien negattiv jew żero jkun ta’ ftit valur fih innifsu, xorta jibqa’ l-fatt li mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 1901/2006, tali ĊPS huwa suxxettibbli li jkun ta’ użu għad-detentur ta’ privattiva bażika li jkun jixtieq jikseb l-estensjoni pedjatrika. Fil-fatt, l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1768/92, introdott minn dan l-ewwel regolament, jipprovdi l‑possibilità li t-tul ta’ żmien taċ‑ĊPS jiġi estiż b’sitt xhur, kif ikkalkolat skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, u jista’, għalhekk, li jestendi l-perijodu ta’ ħmistax-il sena ta’ esklużività stabbilit fit-tmien premessa tar‑Regolament Nru 1768/92.

36      Issa, kif jirriżulta mill-premessa 27 tar-Regolament Nru 1901/2006 u mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1768/92 moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1901/2006, l-għoti tal-estensjoni pedjatrika huwa possibbli biss jekk ĊPS jinħareġ taħt ir-Regolament Nru 1768/92.

37      Għalhekk, jekk l-applikazzjoni għal ĊPS tiġi rrifjutata minħabba li l-kalkolu previst fl-Artikolu 13(1) ta’ dan l-aħħar regolament iwassal għal tul ta’ żmien negattiv jew żero, id-detentur ta’ privattiva bażika ma jistax jikseb estensjoni tal‑protezzjoni mogħtija minn tali privattiva, anki jekk huwa jkun għamel l-istudji kollha skont il-pjan ta’ investigazzjoni pedjatrika approvat skont l-Artikolu 36 tar‑Regolament Nru 1901/2006. Tali rifjut jista’ jippreġudika l-effettività tar‑Regolament Nru 1901/2006 u jista’ jwassal li jipperikola l-għanijiet intiżi minn dan ir-regolament, jiġifieri l-għan li jiġu kkumpensati l-isforzi li jkunu saru għall‑evalwazzjoni tal-effetti pedjatriċi tal-prodott mediċinali inkwistjoni.

38      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li mir‑Regolament 1768/92 moqri flimkien mar-Regolament Nru 1901/2006 jirriżulta li ċ-ĊPS u l-estensjoni pedjatrika li jagħtu flimkien lid-detentur ta’ privattiva bażika, dritt esklussiv għal perijodu massimu ta’ ħmistax-il sena u sitt xhur mid-data tal-ħruġ tal-ewwel ATS tal-prodott mediċinali inkwistjoni fl-Unjoni.

39      Minn dan it-tul ta’ żmien massimu jirriżulta li estensjoni pedjatrika għandha utilità jekk it-tul ta’ żmien negattiv ta’ ĊPS ma jaqbiżx sitt xhur. Fi kliem ieħor, l-għan tar-Regolament Nru 1901/2006 jintlaħaq meta d-detentur tal-privattiva bażika jikseb l-ewwel ATS ta’ prodott mediċinali fl-Unjoni Ewropea f’perijodu bejn erba’ snin u nofs u ħames snin mill-applikazzjoni għall-privattiva bażika. Għalhekk, ĊPS jista’ jinħareġ meta jkunu għaddew inqas minn ħames snin bejn l‑applikazzjoni għall-privattiva bażika u d-data tal-ħruġ ta’ tali ATS.

40      Minn dan isegwi li għandu jiġi kkunsidrat li l-ħruġ ta’ ĊPS ma jistax jiġi miċħud sempliċement minħabba l-fatt li t-tul ta’ żmien iddeterminat skont il-metodu ta’ kalkolu previst fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1768/92 ma jkunx pożittiv.

41      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar meta għandha tibda tiddekorri l-estensjoni pedjatrika ta’ tul ta’ żmien ta’ sitt xhur, għandu jiġi kkunsidrat li, jekk iż‑żmien li jkun għadda bejn meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal-ewwel ATS tal-prodott mediċinali inkwistjoni fl-Unjoni jkun ta’ inqas minn ħames snin, il‑punt tat-tluq ta’ din l-estensjoni ma jistax jiġi stabbilit mid-data tal-privattiva bażika, b’mod li l-perijodu taċ-ċertifikat jiġi kkunsidrat ekwivalenti għal żero. Fil‑fatt, tali soluzzjoni tmur kontra l-metodu ta’ kalkolu previst fl-Artikolu 13(1) tar‑Regolament Nru 1768/92, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi li t-terminu taċ‑ĊPS jikkorrispondi għat-tul ta’ żmien li jkun għadda bejn meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal-ewwel ATS fl-Unjoni mnaqqas minn ħames snin.

42      Għalhekk, meta t-terminu ta’ ĊPS ikun negattiv, dan ma jistax jitqarreb għal żero. It-terminu tal-estensjoni pedjatrika previst fir-Regolament Nru 1901/2006 għandu jibda jiddekorri fid-data stabbilita billi titnaqqas mid-data tal-iskadenza tal-privattiva d-differenza bejn ħames snin u t-tul ta’ żmien li jkun għadda bejn meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal privattiva u d-data tal-ewwel ATS.

43      Huwa biss fil-każ li l-perijodu li jkun għadda bejn l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal-ewwel ATS fl-Unjoni tal-prodott mediċinali inkwistjoni jkun eżattament ta’ ħames snin li ĊPS jista’ jkollhu tul ta’ żmien ekwivalenti għal żero u l-punt tat-tluq għall-estensjoni pedjatrika għal perijodu ta’ sitt xhur jikkorrispondi għad-data ta’ skadenza tal-privattiva bażika.

44      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, iċ-ĊPS u l-estensjoni pedjatrika flimkien jagħtu lid-detentur ta’ privattiva bażika tul ta’ żmien ta’ protezzjoni ta’ xahrejn u sittax-il ġurnata li jibda jiddekorri fit-tmiem tat-terminu legali tal‑privattiva bażika. Għalhekk, l-għoti ta’ ĊPS ta’ tul ta’ żmien negattiv f’dan il-każ jippermetti li jintlaħaq l-għan tar‑Regolament Nru 1901/2006.

45      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l‑Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1768/92, moqri flimkien mal‑Artikolu 36 tar‑Regolament Nru 1901/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prodotti mediċinali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ħruġ ta’ ĊPS meta l-perijodu li jkun għadda bejn id-data ta’ meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal‑ewwel ATS fl-Unjoni jkun ta’ inqas minn ħames snin. F’dan il-każ, it-terminu tal-estensjoni pedjatrika prevista minn dan l-aħħar regolament tibda tiddekorri mid-data stabbilita billi jitnaqqsu mid-data ta’ skadenza tal-privattiva, id-differenza bejn ħames snin u t-tul ta’ żmien tal-perijodu li jkun għadda bejn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal-ewwel ATS.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1768/92, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar prodotti mediċinali għall-użu pedjatriku u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1768/92, id-Direttiva 2001/20/KE, id-Direttiva 2001/83/KE u r-Regolament (KE) Nru 726/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 36 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prodotti mediċinali jistgħu jkunu suġġetti għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari meta l-perijodu li jkun għadda bejn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal ewwel ATS fl-Unjoni jkun inqas minn ħames snin. F’dan il-każ, it-terminu tal-estensjoni pedjatrika prevista minn dan l-aħħar regolament tibda tiddekorri mid-data stabbilita billi jitnaqqsu mid-data ta’ skadenza tal-privattiva, id-differenza bejn ħames snin u t-tul ta’ żmien tal-perijodu li jkun għadda bejn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal privattiva bażika u d-data tal‑ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top