Kies de experimentele functies die u wilt uitproberen

Dit document is overgenomen van EUR-Lex

Document 62009CJ0398

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta' Settembru 2011.
    Lady & Kid A/S et. vs Skatteministeriet.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Østre Landsret - id-Danimarka.
    Taxxi nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni - Arrikkiment indebitu minħabba r-rabta li teżisti bejn l-introduzzjoni ta’ din it-taxxa u t-tneħħija ta’ taxxi oħra.
    Kawża C-398/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-07375

    ECLI-code: ECLI:EU:C:2011:540

    Kawża C-398/09

    Lady & Kid A/S et

    vs

    Skatteministeriet

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret)

    “Nuqqas ta’ rimbors ta’ taxxa indebitament imħallsa — Arrikkiment indebitu minħabba r-rabta li teżisti bejn l-introduzzjoni ta’ din it-taxxa u t-tneħħija ta’ taxxi oħra”

    Sommarju tas-sentenza

    Dritt tal-Unjoni — Effett dirett — Taxxi nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Ħlas lura — Rifjut — Kundizzjoni — Arrikkiment indebitu — Kunċett — Riperkussjoni diretta fuq ix-xerrej tal-ammonti indebitament imħallsa mill-persuna taxxabbli


    Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-irkupru ta’ pagament mhux dovut għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-irkupru ta’ pagament mhux dovut jista’ jagħti lok għal arrikkiment indebitu biss fil-każ meta l-ammonti indebitament imħallsa minn persuna taxxabbli skont taxxa miġbura fi Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jkunu ġew ittrasferiti direttament fuq ix-xerrej. Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi lil Stat Membru milli jirrifjuta r-rimbors ta’ taxxa illegali minħabba li l-ammonti indebitament imħallsa mill-persuna taxxabbli ġew paċuti minn tfaddil li jirriżulta mit-tneħħija konkomitanti ta’ ġbir ieħor, peress li tali tpaċija ma tistax titqies, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, bħala arrikkiment indebitu fir-rigward ta’ din it-taxxa.

    Peress li r-riperkussjoni diretta tat-taxxa indebita fuq ix-xerrej tikkostitwixxi l-unika eċċezzjoni għad-dritt għar-rimbors ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, huwa eskluż li l-qorti nazzjonali, meta tapplika d-dritt nazzjonali tagħha, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni mezzi oħra possibbli, għal rifjut ta’ rimbors ta’ taxxa illegali, minbarra r-riperkussjoni.

    (ara l-punti 25, 26 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    6 ta’ Settembru 2011 (*)

    “Nuqqas ta’ rimbors ta’ taxxa indebitament imħallsa – Arrikkiment indebitu minħabba r-rabta li teżisti bejn l-introduzzjoni ta’ din it-taxxa u t-tneħħija ta’ taxxi oħra”

    Fil-Kawża C‑398/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ottubru 2009, fil-proċedura

    Lady & Kid A/S,

    Direct Nyt ApS,

    A/S Harald Nyborg Isenkram- og Sportsforretning,

    KID-Holding A/S

    vs

    Skatteministeriet,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, K. Schiemann u D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, M. Safjan (Relatur), M. Berger u A. Prechal, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Settembru 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Lady & Kid A/S et, minn H. Peytz, avukat,

    –        għall-Gvern Daniż, minn T. Winkler, bħala aġent, assistit minn S. Fugleholm, avukat,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u N. Fenger, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju fil-qasam ta’ irkupru ta’ pagament mhux dovut.

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Lady & Kid A/S, Direct Nyt ApS (iktar ’il quddiem “Direct Nyt”), A/S Harald Nyborg Isenkram- og Sportsforretning (iktar ’il quddiem “Harald Nyborg”) u KID-Holding A/S u l-iSkatteministeriet (Ministeru tal-Kontribuzzjonijiet) dwar ir-rifjut li jagħtihom ir-rimbors ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju (iktar ’il quddiem it-“taxxa illegali”).

     Il-kuntest ġuridiku

    3        Bil-Liġi Nru 840, tat-18 ta’ Diċembru 1987, ir-Renju tad-Danimarka stabbilixxa, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1988, taxxa ta’ persuna li timpjega magħrufa bħala kontribuzzjoni ta’ appoġġ għas-suq tal-impjieg (arbejsmarkedsbidrag, iktar ’il quddiem l-“AMBI”). L-AMBI, li t-taxxa tagħha kienet stabbilita għal 2.5 %, kienet, bħala prinċipju, ikkalkolata fuq l-istess bażi taxxabbli bħat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem it-“VAT”). Madankollu, din ma kinitx titħallas fil-mument tal-importazzjoni ta’ merkanzija fit-territorju Daniż, iżda kienet tinġabar fuq it-totalità tal-prezz ta’ bejgħ tal-merkanzija, mill-ewwel bejgħ tagħhom fuq dan it-territorju.

    4        Bi tpattija għall-introduzzjoni tal-AMBI, ċertu numru ta’ kontribuzzjonijiet sigurtà soċjali, li kellhom jitħallsu mill-impriżi Daniżi, bis-somma ta’ madwar DKK 10 300 DKK għal kull impjegat full-time, tneħħew.

    5        L-għan ta’ din ir-riforma fiskali kien li titneħħa r-rabta bejn il-kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu u n-numru ta’ ħaddiema, sabiex tistimula t-tkabbir u tiżviluppa l-impjieg, filwaqt li żżomm in-newtralità fir-rigward tal-pjan tal-finanzi pubbliċi.

    6        L-AMBI inġabret mingħand impriżi Daniżi matul il-perijodu bejn l-1 ta’ 1988 u l-31 ta’ Diċembru 1991 inklużi, u l-Liġi Nru 840, tat-18 ta’ Diċembru 1987, tħassret b’Liġi tal-21 ta’ Diċembru 1991 b’effett mill-1 ta’ Jannar 1992.

    7        Matul is-sena 1989, il-legalità tal-AMBI ġiet ikkontestata minn impriżi importaturi quddiem l-Østre Landsret, li qieset li għandha tressaq id-domanda tal-kompatibbiltà tal-AMBI mad-dritt Komunitarju quddiem l-Qorti tal-Ġustizzja. B’risposta, permezz tas-sentenza Dansk Denkavit u Poulsen Trading tal-31 ta’ Marzu 1992 (C‑200/90, Ġabra p. I‑2217), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol 1, p. 23) tipprekludi taxxa bħal dik tal-AMBI, peress li tali taxxa:

    –        kienet titħallas kemm għall-attivitajiet suġġetti għall-VAT kif ukoll għall-attivitajiet oħrajn ta’ natura industrijali jew kummerċjali li jikkonsistu fil-provvista ta’ servizzi bi ħlas;

    –        tinġabar, għal dak li jirrigwarda l-impriżi suġġetti għall-VAT, fuq bażi taxxabbli identika għal dik li kienet użata għall-VAT jiġifieri, fil-forma ta’ perċentwali fuq l-ammont tal-bejgħ, wara tnaqqis tal-ammont tax-xiri li jkun sar;

    –        ma titħallasx, għall-kuntrarju tal-VAT, fil-mument tal-importazzjoni, iżda tinġabar fuq it-totalità tal-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija importata fil-mument tal-ewwel bejgħ tagħha fl-Istat Membru kkonċernat;

    –        ma għandhiex, għall-kuntrarju tal-VAT, tkun indikata separatament fuq il‑fattura, u

    –        tinġabar fl-istess ħin bħall-VAT.

    8        Wara din is-sentenza, il-Liġi Nru 389, tal-20 ta’ Mejju 1992, li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ Mejju 1992, ġiet introdotta sabiex tispeċifika l-modalitajiet ta’ rimbors tal-AMBI illegalment miġbura. Hija tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    “Artikolu 1

    Ir-regoli ġenerali tad-dritt Daniż jirregolaw jekk u, skont il-każ, sa liema punt, jeżisti dritt għar-rimbors jew għal kumpens għal ammont li tħallsu lit-Teżorier pubbliku skont il-Liġi Nru 840 tat-18 ta’ Diċembru 1987 dwar il-kontribuzzjoni ta’ appoġġ għas-suq tal-impjieg, kif verżjoni emendata tagħha.

    Artikolu 2

    […]

    2. L-ammont mitlub għandu jiġi speċifikat u ġġustifikat; barra minn hekk, għandu jiġi akkumpanjat minn dokumenti li jippermettu li jiġi evalwat jekk il-kontribwent soffriex dannu.”

    […]”

    9        Il-Liġi Nru 389, tal-20 ta’ Mejju 1992, ġiet issupplimentata biċ-Ċirkulari Nru 122, tal-10 ta’ Lulju 1996 li, għall-finijiet tat-trattament amministrattiv tat-talbiet għal rimbors, stabbilixxa l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti mill-impriża importatriċi, jiġifieri li:

    –        l-impriża trid tkun kienet f’kompetizzjoni reali mal-produtturi Daniżi ta’ prodotti simili;

    –        l-iffrankar li l-impriża tkun għamlet mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u minn ħlasijiet oħra għandhom ikunu inqas mill-ammonti mħallsa għall-AMBI;

    –        is-sitwazzjoni kompetittiva tal-impriża għandha tkun iddeterjorat bir-riforma tas-sistema fiskali, fi kliem ieħor għandhom ikunu involuti prodotti Daniżi kkaratterizzati minn spejjeż salarjali għoljin tant li impriża Daniża tkun iffrankat iktar mill-perspettiva tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali milli l-importatur fuq il-prodotti kompetituri;

    –        il-kompetituri Daniżi għandhom ikunu ffrankaw ammont ħafna ikbar mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali milli mill-ammonti li huma ħallsu għall-AMBI;

    –        l-iżvantaġġ kompetittiv ma għandux ikun insinjifikattiv;

    –        l-AMBI ma għandhiex tinġabar permezz ta’ żieda fil-prezzijiet.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kienu kollha joperaw fil-kummerċ bl-imnut, bejn is-sena 1997 u s-sena 1988, ippreżentaw, quddiem il-Københavns Byret, rikorsi kontra l-iSkatteministeriet sabiex jiksbu l-annullament tad-deċiżjonijiet li jirrifjutaw it-talbiet tagħhom għar-rimbors tal-AMBI illegalment miġbura. Ir-rifjut għal rimbors li huma ġew miċħuda minnu ġie mmotivat mill-fatt li l-iffrankar magħmul minn dawn l-impriżi minħabba t-tneħħija tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, matul il-perijodu li fih huma kellhom iħallsu l-AMBI, kien superjuri mill-ammonti li huma kienu ħallsu għall-AMBI u li l-AMBI mħallsa mill-imsemmija impriżi kienet, konsegwentement, ikkumpensata kompletament.

    11      Ir-rikorsi ġew miċħuda fl-erba’ kawżi bis-sentenza tal-Københavns Byret tas-16 ta’ Diċembru 2002. Għaldaqstant, fit-13 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw quddiem l-Østre Landsret.

    12      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta s-segwenti:

    –        KID-Holding A/S operat, taħt l-isem Daells Varehus, ħwienet kbar li jbiegħu numru ta’ prodotti differenti, fosthom prodotti tessili importati. Din il-kumpannija ħallset total ta’ DKK 20 053 556 għall-AMBI u ffrankat total ta’ DKK 23 151 291 għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

    –        Lady & Kid A/S operat, taħt l-ismijiet Daells Discount A/S u Madeleine, ħwienet ta’ skont li jbiegħu għażla limitata tal-gamma ta’ prodotti ta’ Daells Varehus, il-parti l-kbira prodotti tessili. Din il-kumpannija ħallset total ta’ DKK 779 986 DKK għall-AMBI u ffrankat, matul l-istess perijodu, total ta’ DKK 1 872 901 DKK għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

    –        Harald Nyborg operat ċertu numru ta’ ħwienet kbar li jbiegħu oġġetti ta’ hardware, tagħmir sportiv, aċċessorji għall-karozzi u materjali agrikoli. Din il-kumpannija ħallset total ta’ DKK 5 333 609 DKK għall-AMBI u ffrankat DKK 3 322 105 DKK għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

    –        Direct Nyt operat biss fis-settur tal-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti importati. Din il-kumpannija ħallset total ta’ DKK 709 933 għall-AMBI u, peress li ma kellhiex impjegati, ma ffrankat ebda kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bi tpattija għal dan il-ħlas.

    13      Matul il-proċeduri quddiem l-Østre Landsret, l-iSkatteministeriet irrikonoxxiet li Harald Nyborg u Direct Nyt kienu biegħu, sa ċertu punt, prodotti importati li kienu jikkompetu ma’ prodotti Danizi għall-ispejjeż ta’ impjieg sinjifikattivi, li t-tneħħija tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma kellhiex riperkussjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodotti Daniżi u li dawn iż-żewġ impriżi ma setgħux għaldaqstant, għal raġunjiiet ta’ kompetizzjoni, iżidu l-prezzijiet tagħhom bl-ammont addizzjonali marbut mal-AMBI. Barra minn hekk, filwaqt li qieset li l-AMBI ma ġietx ittrasferita fuq individwi oħrajn, l-iSkatteministeriet iddeċidiet li tirrimborsa l-AMBI lill-imsemmija impriża, għat-total ta’ DKK 760 349, flimkien mal-interessi korrispondenti, u ta’ DKK 319 469 DKK, ukoll flimkien mal-interessi korrispondenti, rispettivament.

    14      Matul dawn l-istess proċeduri, il-partijiet fil-kawża prinċipali ftehmu wkoll li jqisu li 35 % mix-xiri ta’ Harald Nyborg jirrigwarda prodotti importati u li 84 % mill-AMBI mħallsa minn din l-impriża kien jikkonċerna dawn il-prodotti, kif ukoll li 40 % mix-xiri ta’ Daells Varehus kien ikkostitwit minn prodotti importati u li 94 % mill-AMBI mħallsa minn din tal-aħħar kien jikkonċerna dawn il-prodotti. Bl-istess mod, l-imsemmija partijiet irrikonoxxew li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali preċedenti kienu affettwaw, proporzjonalment, il-kummerċ tal-prodotti importati u dak tal-prodotti Daniżi ugwalment.

    15      Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali qiegħdu fid-dubju l-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-iSkatteministeriet mad-dritt Komunitarju, l-Østre Landsret qieset neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju fil-qasam ta’ irkupru ta’ pagament mhux dovut. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti:

    “1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Jannar 1997, Comateb et (C‑192/95 sa C-218/95, [Ġabra p. I-165]), għandha tiġi interpretata fis-sens li t-trasferiment ta’ taxxa illegali għal fuq prodott jippresupponi li t-taxxa ġiet ittrasferita għal fuq ix-xerrej tal-prodott fil-kuntest tat-tranżazzjoni kummerċjali inkwistjoni jew it-trasferiment għal fuq il-prezzijiet jista’ wkoll isir fir-rigward tal-prezzijiet ta’ merkanzija oħra waqt tranżazzjonijiet kummerċjali kompletament differenti qabel jew wara l-bejgħ tal-prodott rilevanti, pereżempju fil-kuntest ta’ evalwazzjoni sħiħa ta’ dan it-trasferiment fuq perijodu ta’ erba’ snin għal dak li jikkonċerna numru kbir ta’ gruppi ta’ prodotti li jinkludu kemm prodotti importati kif ukoll prodotti mhux importati?

    2)      Il-kunċett Komunitarju ta’ “trasferiment” għandu jiġi interpretat fis-sens li taxxa illegali miġbura waqt il-bejgħ ta’ prodotti tista’ tiġi kkunsidrata bħala ttrasferita biss jekk il-prezz tal-prodott ikun żdied meta mqabbel mal-prezz applikat immedjatament qabel l-introduzzjoni tat-taxxa jew it-taxxa tista’ wkoll tiġi kkunsidrata bħala ttrasferita jekk, fil-mument tal-introduzzjoni tat-taxxa illegali, l-impriża suġġetta għat-taxxa bbenefikat minn tfaddil [iffrankar] fuq taxxi oħra miġbura fuq bażi differenti ta’ taxxa u jekk, konsegwentement, l-impriża żammet il-prezzijiet tagħha kif kienu?

    3)      Il-kunċett Komunitarju ta’ “arrikkiment indebitu” għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimbors ta’ taxxa illegali miġbura waqt il-bejgħ ta’ prodotti jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jwassal għal arrikkiment indebitu jekk l‑impriża tkun ibbenefikat, qabel jew wara l-bejgħ tal-prodott intaxxat, minn tfaddil dovut għat-tneħħija ta’ taxxi oħra miġbura fuq bażi oħra ta’ taxxa, fil-każ fejn din it-tneħħija ta’ taxxi oħra hija wkoll ta’ benefiċċju għal impriżi oħra u b’mod partikolari impriżi li ma jħallsux it-taxxa illegali jew li jħallsuha f’miżura inqas?

    4)      Fil-każ fejn taxxa illegali kellha l-konsegwenza, minħabba l-istruttura tagħha, li l-oneru fiskali sostnut mill-impriżi li jimportaw merkanzija kien proporzjonalment ogħla minn dak ta’ impriżi li jixtru fil-biċċa l-kbira prodotti mis-suq nazzjonali u fejn l-introduzzjoni tat-taxxa illegali ssir flimkien mat-tneħħija ta’ taxxa oħra legali miġbura fuq bażi oħra ta’ taxxa li kellha inċidenza proporzjonali fuq iż-żewġ tipi ta’ impriżi fl-istess miżura u indipendentement mill-kompożizzjoni tax-xiri tal-impriżi, qed jiġi mistoqsi dan li ġej:

    a)      id-dritt Komunitarju jippermetti li jiġi rrifjutat, kompletament jew parzjalment, ir-rimbors tat-taxxa illegali lil impriża li timporta merkanzija abbażi tat-trasferiment u l-arrikkiment indebitu sa fejn ir‑rifjut għandu l-konsegwenza li l-impriża, li tkun ħallset ammont proporzjonalment ogħla għat-taxxa illegali minn impriża simili li xtrat prodotti simili mis-suq nazzjonali, ser tkun, fl-istess kundizzjonijiet, żvantaġġata minħabba dan il-fatt mill-effett tar-riforma fiskali u tar-rifjut tar-rimbors meta mqabbla ma’ impriżi simili li, fil-biċċa l-kbira, xtraw mis-suq nazzjonali?

    b)      ir-rimbors tat-taxxa illegali fis-sitwazzjoni kkunsidrata jista’, mill-aspett kunċettwali, iwassal għal “arrikkiment indebitu” u jista’, konsegwentement, jiġi rrifjutat jekk ir-rimbors – anki jekk it-taxxa hija kkunsidrata bħala li ġiet ittrasferita – huwa neċessarju sabiex b’hekk l-effett tar-riforma fiskali jibqa’ l-istess, f’każ fejn il-bqija tal-kundizzjonijiet l-oħra jibqgħu barra minn hekk l-istess, wara li jkun sar ir-rimbors eventwali għall-impriżi li importaw merkanzija u għall-impriżi li xtraw prodotti nazzjonali?

    ċ)      ir-rifjut tar-rimbors f’tali sitwazzjoni, li jimplika li l-impriżi li fil-biċċa l-kbira xtraw mis-suq nazzjonali u bbenefikaw minn vantaġġ meta mqabbla mal-impriżi li fil-biċċa l-kbira rrikorrew għall-importazzjoni, imur kontra d-dritt Komunitarju għal raġunijiet oħra u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ trattament ugwali?

    d)      jirriżulta mir-risposta għat-tielet domanda li ma huwiex permess li jiġi rrifjutat ir-rimbors tat-taxxa indebitament miġbura abbażi tal-arrikkiment indebitu, sa fejn tali rimbors ineħħi biss il-vantaġġ li minnu bbenefikaw l-impriżi li xtraw mis-suq nazzjonali meta mqabbla mal-impriżi li fil-biċċa l-kbira rrikorrew għall-importazzjoni?”

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq it-tieni u t-tielet domandi

    16      It-tieni u t-tielet domandi, li għandhom jiġi eżaminati l-ewwel u flimkien, għandhom jinftiehmu bħala li jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment biss ta’ taxxa illegali imposta permezz ta’ żieda tal-prezz tal-bejgħ ta’ prodotti li waqtu l-imsemmija taxxa nġabret jistax, fil-każ ta’ irkupru ta’ pagament mhux dovut, jagħti lok għal arrikkiment indebitu tal-persuna taxxabbli jew jekk arrikkiment indebitu jistax ukoll jirriżulta minn tfaddil magħmul wara t-tneħħija konkomitanti ta’ ħlasijiet oħrajn miġbura fuq bażi taxxabbli differenti, anki meta l-persuna taxxabbli ma biddlitx il-prezzijiet ta’ bejgħ tagħha.

    17      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn u jikkumplimenta d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet Komunitarji li jipprojbixxu tali taxxi. Għaldaqstant, l-Istat Membru huwa obbligat, fil-prinċipju, li jirrimborsa t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1993, San Giorgio, 199/82, Ġabra p. 3595, punt 12; tal-21 ta’ Settembru 2000, Michaïlidis, C‑441/98 u C‑442/98, Ġabra p. I‑7145, punt 30; tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer, C‑309/06, Ġabra p. I‑2283, punti 35, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2010, Direct Parcel Distribution Belgium, C‑264/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).

    18      Madankollu, b’eċċezzjoni għall-prinċipju tar-rimbors ta’ taxxi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-ħlas lura ta’ taxxa indebitament miġbura tista’ tiġi ttrasferita meta din twassal għal arrikkiment indebitu ta’ dawk eliġibbli. Il-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti f’dan ir-rigward mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma timponix għaldaqsant ir-rimbors ta’ imposti, dazji u taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni meta huwa stabbilit li l-persuna responsabbli li tħallas dawn id-dazji tkun effettivament ittrasferixxiethom fuq individwi oħrajn (ara s-sentenza Comateb et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

    19      Fil-fatt, f’tali kundizzjonijiet, il-ħlas tat-taxxa indebitament miġbura ma kienx imġarrab mill-operatur iżda mix-xerrej li fuqu ġiet ittrasferita t-taxxa. Għaldaqstant, ir-rimbors lill-operatur tat-taxxa mħallsa li huwa diġà ttrasferixxa fuq ix-xerrej tkun ekwivalenti għalih għal ħlas doppju li jista’ jikkwalifika bħala “arrikkiment indebitu”, filwaqt li jibqgħu ma jkunux irrimedjati l-konsegwenzi li jirriżultaw għax-xerrej tat-taxxa illegali (sentenza Comateb et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

    20      Madankollu, peress li tali rifjut għal rimbors ta’ taxxa imposta fuq il-bejgħ ta’ prodotti kien limitat għal dritt suġġettiv li jirriżulta mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Għalhekk, ir-riperkussjoni diretta tat-taxxa indebita fuq ix-xerrej tikkostitwixxi l-unika eċċezzjoni għad-dritt għar-rimbors ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    21      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li, anki fl-ipoteżi li jkun stabbilit li l-impożizzjonii tat-taxxa indebita tkun ittrasferita fuq terzi, ir-rimbors tagħha lin-negozjant ma jwassalx neċessarjament għall-arrikkiment indebitu ta’ dan tal-aħħar, peress li l-integrazzjoni tat-total tal-imsemmija taxxa fil-prezzijiet ipprattikati tista’ tikkawżalu dannu marbut mat-tnaqqis tal-volum tal-bejgħ tiegħu (ara s-sentenza Comateb et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 sa 32; Michaïlidis, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35, kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2003, Weber’s Wine World et, C‑147/01, Ġabra p.1‑11365, punti 98 u 99).

    22      L-istess, Stat Membru ma jistax jipprekludi talba għal rimbors ta’ taxxa illegali, minħabba li l-ammont tal-imsemmija taxxa kien ekonomikament paċut bit-tneħħija ta’ ġbir legali ta’ ammont ekwivalenti.

    23      Fil-fatt, għalkemm ir-rimbors ta’ taxxa illegali lil negozjant li ttrasferixxa l-ammont fuq il-klijenti tiegħu jista’, fil-kundizzjonijiet mfakkra iktar ’il fuq, iwassal għal arrikkiment indebitu ta’ dan in-negozjant, dan ma japplikax fil-każ ta’ allegata tneħħija ta’ taxxa oħrajn marbuta mal-istituzzjoni ta’ taxxa kuntrarja mad-dritt tal-Unjoni.

    24      Tali tneħħija tirriżulta minn għażliet magħmula mill-Istat Membru fil-qasam tal-fiskalità, li huma l-espressjoni tal-politika ġenerali tiegħu fi kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali. Tali għażliet jistgħu jikkawżaw il-konsegwenzi l-iktar diversi li, irrispettivament mid-diffikultajiet li jista’ jkun hemm sabiex jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt taxxa, verament, issostitwit purament u sempliċement oħra, jipprekludu li r-rimbors ta’ taxxa illegali f’tali kuntest jista’ jitqies bħala li tagħti lok għal arrikkiment indebitu.

    25      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mis-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1979, McCarren (177/78, Ġabra p. 2161), u tat-13 ta’ Diċembru 1983, Apple and Pear Development Council (222/82, Ġabra p. 4083). Fil-fatt, anki jekk, fil-punt 25 tal-imsemmija sentenza McCarren u fil-punt 41 tas-sentenza Apple and Pear Development Council, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li l-qorti nazzjonali, meta tapplika d-dritt nazzjonali tagħha, tista’ tipprekludi r-rimbors ta’ taxxa illegali għal raġuni oħra mir-riperkussjoni tagħha, ir-riperkussjoni diretta tat-taxxa indebita fuq x-xerrej tikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-punt 20 ta’din is-sentenza, l-unika eċċezzjoni għad-dritt għar-rimbors ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    26      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi magħmula għandha tkun li l-irkupru ta’ pagament mhux dovut jista’ jagħti lok għal arrikkiment indebitu biss fil-każ meta l-ammonti indebitament imħallsa minn persuna taxxabbli skont taxxa miġbura fi Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni ġew ittrasferiti direttament fuq ix-xerrej. Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi lil Stat Membru milli jirrifjuta r-rimbors ta’ taxxa illegali minħabba li l-ammonti indebitament mħallsa mill-persuna taxxabbli ġew paċuti minn tfaddil li jirriżulta mit-tneħħija konkomitanti ta’ ġbir ieħor, peress li tali tpaċija ma tistax titqies, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, bħala arrikkiment indebitu fir-rigward ta’ din it-taxxa.

    27      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u għat-tielet domandi, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel u r-raba’ domandi.

     Fuq l-ispejjeż

    28      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

    Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-irkupru ta’ pagament mhux dovut għandom jiġu interpretati fis-sens li l-irkupru ta’ pagament mhux dovut jista’ jagħti lok għal arrikkiment indebitu biss fil-każ meta l-ammonti indebitament imħallsa minn persuna taxxabbli skont taxxa miġbura fi Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni ġew ittrasferiti direttament fuq ix-xerrej. Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi lil Stat Membru milli jirrifjuta r-rimbors ta’ taxxa illegali minħabba li l-ammonti indebitament mħallsa mill-persuna taxxabbli ġew paċuti minn tfaddil li jirriżulta mit-tneħħija konkomitanti ta’ ġbir ieħor, peress li tali tpaċija ma tistax titqies, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, bħala arrikkiment indebitu fir-rigward ta’ din it-taxxa.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

    Naar boven