Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0492

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-17 ta' Ġunju 2010.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Franċiża.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 2006/112/KE - Taxxa fuq il-valur miżjud - Rata mnaqqsa - Artikoli 96 u 98(2) - Punt 15 tal-Anness III - Għajnuna legali - Servizzi ta’ avukati - Kumpens sħiħ jew parzjali mill-Istat.
    Kawża C-492/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:348

    Kawża C-492/08

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Repubblika Franċiża

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2006/112/KE — Taxxa fuq il-valur miżjud — Rata mnaqqsa — Artikoli 96 u 98(2) — Punt 15 tal-Anness III — Għajnuna legali — Servizzi ta’ avukati — Kumpens sħiħ jew parzjali mill-Istat”

    Sommarju tas-sentenza

    Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi

    (Artikoli 96 u 98(2), u punt 15 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112)

    Stat Membru li japplika rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud għas-servizzi pprovduti mill-avukati, mill-avukati tal-Conseil d’État u tal-Cour de cassation u mill-prokuraturi legali, li għalihom jitħallsu totalment jew parzjalment mill-Istat fil-kuntest tal-għajnuna legali, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 96 u 98(2) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

    Fil-fatt, il-punt 15 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, li għalih jirreferi l-Artikolu 98(2) ta’ din l-istess direttiva, jawtorizza lill-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud mhux għas-servizzi kollha pprovduti li jkunu ta’ natura soċjali, iżda biss għal dawk ipprovduti minn organizzazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżit doppju li jkunu huma stess dedikati għall-benesseri soċjali u li jkunu impenjati f’xogħol ta’ assistenza u ta’ sigurtà soċjali. Għaldaqstant, sabiex jiġu osservati l-kliem tal-imsemmi punt 15, Stat Membru ma jistax japplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvista ta’ servizzi minn entitajiet privati bi skop ta’ lukru biss abbażi tal-evalwazzjoni tan-natura ta’ dawn is-servizzi, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għanijiet ta’ dawn l-entitajiet ikkunsidrati fil-globalità tagħhom u l-istabbiltà tal-impenn soċjali tagħhom.

    Fid-dawl tal-għanijiet globali tagħha u tan-nuqqas ta’ stabbiltà ta’ impenn soċjali eventwali, il-kategorija professjonali tal-avukati u tal-prokuraturi legali b’mod ġenerali, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ddedikata għall-benesseri soċjali. B’hekk, li kieku kellu jitqies li s-servizzi pprovduti minn dawn l-avukati u prokuraturi legali fil-kuntest tal-għajnuna legali għandhom natura soċjali u jistgħu jiġu kkwalifikati bħala impenn “fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali”, din iċ-ċirkustanza ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż, f’dan il-każ, li l-imsemmija avukati u prokuraturi legali jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala dedikati għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri u impenjati fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali” fis-sens tal-punt 15 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112.

    (ara l-punti 43, 45-47, 49 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    17 ta’ Ġunju 2010(*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2006/112/KE – Taxxa fuq il-valur miżjud – Rata mnaqqsa – Artikoli 96 u 98(2) – Punt 15 tal-Anness III – Għajnuna legali – Servizzi ta’ avukati – Kumpens sħiħ jew parzjali mill-Istat”

    Fil-Kawża C-492/08,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-14 ta’ Novembru 2008,

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Afonso, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u J. ‑ S. Pilczer, bħala aġenti,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, u A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Frar 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi applikat rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għas-servizzi pprovduti mill-avukati, avukati tal-Conseil d’État [Kunsill tal-Istat (Franza)] u tal-Cour de cassation [Qorti tal-Kassazzjoni (Franza)] u l-prokuraturi legali, li għalihom dawn huma kkumpensati totalment jew parzjalment mill-Istat fil-kuntest tal-għajnuna legali, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 96 u 98(2) tad-Direttiva tal-Kunsill, 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt tal-Unjoni

    2        Id-Direttiva 2006/112 pprovdiet abbozzar ġdid tad-Direttiva tal-Kunsill 77/338/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), li ġiet issostitwita b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007.

    3        L-Artikolu 96 tad-Direttiva 2006/112, li jissostitwixxi l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva, jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi.”

    4        L-Artikolu 97(1) tad-Direttiva 2006/112, li jissostitwixxi t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva, jipprovdi li, “[m]ill-1 ta’ Jannar 2006 sal- 31 ta’ Diċembru 2010, ir-rata standard ma tistax tkun inqas minn 15 %.”

    5        L-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva 2006/112, li jikkorrispondi għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva, jipprovdi:

    “1.      L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.

    2.      Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.

    [...]”.

    6        L-Anness III għad-Direttiva 2006/112, intitolat “Lista ta’ provvisti ta’ merkanzija u servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 98”, isemmi, fil-punt 15, “il-provvista ta’ merkanzija u servizzi minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala devoti għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri u impenjati fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali, sakemm dawk it-transazzjonijiet mhumiex eżenti skond l-Artikoli 132, 135 u 136”. Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-punt 14 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva.

    7        L-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, li jissostitwixxi l-Artikolu 13A(1)(g) tas-Sitt Direttiva jipprovdi bħala wieħed mill-eżenzjonijiet għal ċertu attivitajiet fl–interess pubbliku “il-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk provduti mid-djar ta’ l-anzjani, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali”.

     Id-dritt nazzjonali

    8        L-Artikolu 279 tal-code général des impôts [Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa] (iktar ’il quddiem is-“CGI”) jipprovdi:

    “[...] it-taxxa fuq il-valur miżjud tinġabar b’rata mnaqqsa ta’ 5.50 % fir-rigward ta’:

    f.      servizzi pprovduti mill-avukati, l-avukati tal-Conseil d’État u tal-Cour de cassation u l-prokuraturi legali, li għalihom huma jitħallsu totalment jew parzjalment mill-Istat fil-kuntest tal-għajnuna legali;

    [...]”.

    9        Din id-dispożizzjoni hija applikabbli mill-1 ta’ April 1991 u tirriżulta mill-Artikolu 32 tal-Liġi tal-Finanzi għall-1991 (Liġi Nru 90‑1168 tad-29 ta’ Diċembru 1990), li ssuġġettat is-servizzi pprovduti mill-avukati, mill-avukati tal-Conseil d’État u tal-Cour de cassation u mill-prokuraturi legali għall-VAT.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    10      Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal-10 ta’ April 2006, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża li hija kienet tikkunsidra li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT għas-servizzi pprovduti mill-avukati, mill-avukati tal-Conseil d’État u tal-Cour de cassation u mill-prokuraturi legali, fil-kuntest tal-għajnuna legali, kienet inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(3)(a), moqrija flimkien ma’ dawk tal-Anness H ta’ din id-direttiva.

    11      Fir-risposta tagħha tat-12 ta’ Lulju 2006, ir-Repubblika Franċiża invokat l-għan li tiffavorixxi l-aċċess għall-ġustizzja tal-iktar persuni foqra u sostniet li s-servizzi mogħtija mill-avukati u mill-prokuraturi legali fil-kuntest tal-għajnuna legali jagħmlu parti mill-provvista ta’ servizzi msemmija fil-punt 14 tal-Anness H għas-Sitt Direttiva.

    12      Billi din ir-risposta ma kkonvinċithiex, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Diċembru 2006, bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru fejn stednitu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-ittra.

    13      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2007, ir-Repubblika Franċiża tenniet il-pożizzjoni tagħha li tgħid li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għas-servizzi pprovduti mill-avukati fil-kuntest tal-għajnuna legali hija konformi mad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva.

    14      Billi l-argumenti tar-Repubblika Franċiża ma kkonvinċewx lill-Kummissjoni, din tal-aħħar ippreżentat dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

     L-argumenti tal-partijiet

    15      Qabel kollox, il-Kummissjoni tosserva li peress li t-terminu ffissat għar-Repubblika Franċiża sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata kellu jiskadi f’data wara l-1 ta’ Jannar 2007, u għaldaqstant wara l-abrogazzjoni tas-Sitt Direttiva, jeħtieġ li fil-kuntest ta’ dan ir-rikors jiġu applikati d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2006/112.

    16      B’riferiment għas-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C-83/99, Ġabra p. I‑445, punti 19 u 20), il-Kummissjoni ssostni li sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 98(2) u tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112 jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mill-prinċipju li jgħid li r-rata normali ta’ VAT hija applikabbli, dawn għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv u skont is-sens normali tal-kliem ikkonċernati. Issa, is-servizzi pprovduti mill-avukati, mill-avukati tal-Conseil d’État u tal-Cour de cassation u mill-prokuraturi legali fil-kuntest tal-għajnuna legali, hekk kif jissemmew fl-Artikolu 279(f) tas-CGI, ma jidħlu f’ebda waħda mill-kategoriji elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2006/112 u b’mod partikolari ma jistgħux jiġu pparagunati mal-“provvista ta’ merkanzija u servizzi minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala devoti għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri u impenjati fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali”, imsemmija fil-punt 15 ta’ dan l-Anness.

    17      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni ta’ dan il-punt 15 hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, li min jipprovdi s-servizzi kkonċernati jkollu ċerta kwalità u, it-tieni nett, li dawn ikunu servizzi ta’ ċerta natura.

    18      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Kummissjoni ssostni li minkejja li l-avukati jistgħu jiġu okkażjonalment inkarigati b’missjonijiet ta’ assistenza lill-benefiċjarji ta’ għajnuna legali, b’daqshekk huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala devoti għall-benesseri soċjali”. Anki jekk id-Direttiva 2006/112 ma tispeċifikax il-kundizzjonijiet u l-metodi għar-rikonoxximent ta’ tali natura, xorta waħda jidher li tirrikjedi ċertu livell ta’ permanenza fir-relazzjoni bejn l-Istat Membru u l-persuna taxxabbli li tibbenefika mis-servizzi pprovduti b’rata mnaqqsa. Issa, l-applikazzjoni fi Franza tar-rata mnaqqsa għal ċerti servizzi tal-avukati ma hijiex marbuta ma’ kwalità permanenti ta’ min jipprovdi s-servizz, iżda sempliċement mal-fatt li dawn is-servizzi jingħataw fil-kuntest tal-għajnuna legali. L-interpretazzjoni proposta mir-Repubblika Franċiża biex tiddefendi n-natura kompatibbli tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha ma’ din id-direttiva tfisser li tiġi applikata għalhekk l-eċċezzjoni prevista fil-punt 15 tal-Anness III mhux biss għal dawk li jipprovdu s-servizz, li jibbenefikaw minn status privileġġat mogħti mill-Istat fid-dawl tan-natura soċjali tagħhom, iżda għal kull persuna taxxabbli, taħt il-kundizzjoni biss li s-servizzi inkwistjoni jitħallsu totalment jew parzjalment mill-Istat.

    19      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Kummissjoni tqis li s-servizzi mogħtija mill-avukati fil-kuntest tal-għajnuna legali ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala impenn “fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali”. Dawn is-servizzi fil-fatt jikkonsistu fl-assistenza legali u huma ta’ natura identika għal dawk offerti lill-klijenti li ma jibbenefikawx mill-għajnuna tal-Istat. Il-fatt li l-ħlas mogħti lill-avukat fil-kuntest tal-għajnuna legali huwa ġeneralment ikkunsidrat bħala insuffiċjenti assolutament ma jbiddilx in-natura tas-servizzi pprovduti mill-avukat. Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża hija għaldaqstant żbaljata meta ssostni li l-avukat li jassisti benefiċjarju tal-għajnuna legali jgħaddi minn xogħol ta’ għoti ta’ parir għal xogħol ta’ għajnuna soċjali.

    20      Skont il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni proposta mir-Repubblika Franċiża effettivament tissostitwixxi l-kundizzjoni relatata man-natura tas-servizzi b’kundizzjoni oħra, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ riżorsi tad-destinatarji ta’ dawn is-servizzi. Hija tal-fehma li kieku din l-interpretazzjoni kellha tiġi aċċettata, din tippermetti l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa għas-servizzi kollha ta’ sostenn lill-persuni li l-iktar għandhom bżonn. Il-leġiżlatur Komunitarju madankollu deliberatament għażel li jillimita l-każijiet ta’ applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa ta’ VAT, billi adotta lista eżawrjenti tal-provvista ta’ merkanzija u tal-provvista ta’ servizzi li jistgħu jkunu suġġetti għaliha. Barra minn hekk, il-VAT, bħala taxxa ġenerali fuq il-konsum, ma tippermettix l-applikazzjoni ta’ rati ta’ taxxa differenti skont il-livell ta’ dħul ta’ kull destinatarju tal-prodotti jew tas-servizzi.

    21      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li ma huwiex fondat l-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid li l-applikazzjoni tar-rata normali tal-VAT fuq is-servizzi tal-avukati tikkomprometti l-aċċess għall-ġustizzja għall-iktar persuni li għandhom bżonn. Fi kwalunkwe każ, hija tqis li t-tiftix ta’ dan l-għan ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 li jillimitaw l-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa.

    22      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Artikolu 279(f) tas-CGI huwa kompatibbli mal-Artikoli 96 u 98 tad-Direttiva 2006/112 ladarba s-servizzi li għalihom l-avukati jitħallsu totalment jew parzjalment mill-Istat fil-kuntest tal-għajnuna ġudizzjarja jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet imposti mill-punt 15 tal-Anness III għal din id-direttiva.

    23      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-avukati li jipprovdu servizzi fil-kuntest tal-għajnuna legali jikkostitwixxu organizzazzjonijiet rikonoxxuti minn Franza bħala dedikati għall-benesseri soċjali. B’mod partikolari hija tal-fehma li f’dan ir-rigward għandha tiġi trasposta l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello (C-498/03, Ġabra p. I‑4427), għall-espressjoni identika ta’ “organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala dedikati għall-benesseri soċjali” li tinsab fl-Artikolu 13A(1)(g) tas-Sitt Direttiva, li sar l-Artikolu 132(1)(g), tad-Direttiva 2006/112. Skont din l-interpretazzjoni funzjonali, il-kelma “organizzazzjoni” hija bħala prinċipju wiesgħa biżżejjed biex tinkludi persuni fiżiċi u entitajiet privati bi skop ta’ lukru. Barra minn hekk, ladarba s-Sitt Direttiva, l-istess bħad-Direttiva 2006/112, ma tispeċifikax il-kundizzjonijiet u l-metodi tal-konstatazzjoni tal-karattru soċjali tal-organizzazzjonijiet inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistipula r-regoli dwar kif tali rikonoxximent jista’ jingħata.

    24      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Artikolu 279(f) tas-CGI jissodisfa l-kriterji li għandhom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali meta jiddeterminaw l-organizzazzjonijiet li għandhom natura soċjali, jiġifieri l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi speċifiċi, in-natura ta’ interess ġenerali tal-attivitajiet tal-persuna taxxabbli kkonċernata, il-fatt li l-persuni taxxabbli l-oħra li jipprovdu l-istess servizzi jibbenefikaw minn rikonoxximent simili, kif ukoll il-fatt li l-ispiża tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni hija eventwalment assorbita fil-parti l-kbira minn organizzazzjonijiet ta’ sigurtà soċjali. B’hekk il-provvista ta’ servizzi tal-avukati fil-kuntest tal-għajnuna legali hija s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fiskali speċifiċi, u dawn is-servizzi jikkostitwixxu attività ta’ interess ġenerali, dan għaliex l-avukati kollha li jipprovdu dawn is-servizzi jibbenefikaw minn rikonoxximent u minn sistema simili, u l-ispiża ta’ dan kollu tiġi assorbita totalment jew parzjalment mill-Istat.

    25      Barra minn hekk, l-istabbilità tar-rabta bejn l-Istat u l-avukati, jekk wieħed iqis li din tirrigwarda kriterju rilevanti, hija żgurata mill-fatt li s-servizzi inkwistjoni huma s-suġġett tal-Artikolu 279(f) tas-CGI. Barra minn hekk, li kieku l-avukati kollha ma kellhomx neċessarjament jieħdu f’idejhom xogħol regolari ta’ għajnuna legali, kull wieħed minnhom jista’, f’kull mument, jinħatar mill-president ta’ awla jew mill-president tal-ordni tal-avukati u jkun obbligat jaġixxi skont din in-nomina.

    26      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, ir-Repubblika Franċiża hija tal-fehma li l-avukati li jipprovdu servizzi fil-kuntest tal-għajnuna legali huma involuti f’xogħol ta’ assistenza u ta’ sigurtà soċjali, sa fejn l-għajnuna legali tikkontribwixxi sabiex tiggarantixxi lill-persuni li ma għandhomx il-mezzi l-aċċess għall-ġustizzja, dritt li n-natura fundamentali tiegħu huwa b’mod partikolari rikonoxxut mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), skont kif ġiet implementata fit-12 ta’ Diċembru 2007 fi Strasbourg (ĠU C 303, p. 1).

    27      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Franċiża tipproponi lista ta’ erba’ indikazzjonijiet li fid-dawl tagħhom hija tqis li huwa possibbli li jiġi determinat jekk organizzazzjoni hijiex impenjata f’xogħlijiet ta’ assistenza u ta’ sigurtà soċjali, jiġifieri t-tiftix ta’ għan soċjali favur persuni mingħajr il-mezzi neċessarji, l-implementazzjoni tas-solidarjetà nazzjonali permezz ta’ metodu ta’ finanzjament ridistributtiv, il-karattru mingħajr skop ta’ lukru tas-servizzi pprovduti u r-restrizzjonijiet kbar ħafna li għalihom huwa suġġett min jipprovdi s-servizz.

    28      B’mod partikolari, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ indikazzjonijiet, ir-Repubblika Franċiża tenfasizza li n-natura ta’ din l-għajnuna hija mingħajr skop ta’ lukru, sa fejn il-ħlas fil-forma ta’ somma f’daqqa ma tippermettix lill-avukati jkopru l-ispiża tas-servizzi tagħhom. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-għajnuna legali, l-avukat huwa suġġett għal restrizzjonijiet partikolari peress li huwa marbut li jirreferi għall-kompiti mogħtija lilu f’dan ir-rigward kif ukoll li jaċċetta jwettaq, favur persuni mingħajr il-mezzi neċessarji, servizzi mħallsa mill-Istat fuq livell inferjuri għall-ispejjeż li normalment jitlob.

    29      Ir-Repubblika Franċiża żżid li, sabiex tikkwalifika provvista ta’ servizz bħala “xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali”, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan u tad-destinatarji tagħha tista’ ssir fid-dawl tat-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura u tal-kontenut tagħha. Għall-kuntrarju jiġri ta’ spiss li l-kwalifika ta’ provvista ta’ servizz tirriżulta mill-għadd ta’ elementi differenti. B’hekk attivitajiet li l-kontenut u n-natura tagħhom huma identiċi għandhom jew ma għandhomx, skont il-livell ta’ riżorsi tad-destinatarji tagħhom, jitqiesu bħala xogħlijiet ta’ għajnuna soċjali.

    30      B’hekk, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-funzjoni tradizzjonali tal-avukat li jaġixxi fis-settur liberu u l-attività tal-avukat li jassisti benefiċjarju tal-għajnuna legali. Għalkemm is-servizzi mogħtija fiż-żewġ każijiet huma identiċi, l-għan soċjali u d-dħul limitat tal-benefiċjarji huma tali li jagħtu n-natura ta’ xogħol ta’ għajnuna soċjali lis-servizzi pprovduti mill-avukat.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    31      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tikkonstata nuqqas tal-obbligi li jirriżultaw mill-verżjoni inizjali ta’ att Komunitarju, sussegwentement emendat jew abrogat, li jibqgħu fis-seħħ permezz ta’ dispożizzjonijiet ġodda (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C-275/04, Ġabra p. I‑9883, punt 35, u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C-174/07, punt 31).

    32      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 96 u 98(2) tad-Direttiva 2006/112 jikkorrispondu għal dawk applikabbli diġà qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva skont l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva. B’hekk, fil-kuntest tal-kawża preżenti, il-Kummissjoni tista’ tinvoka n-nuqqas allegat, minkejja l-fatt li hija bbażat ruħha, fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata, fuq id-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-Sitt Direttiva, li kienet applikabbli f’dak iż-żmien.

    33      Fir-rigward tal-mertu ta’ dan ir-rikors, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk is-servizzi pprovduti mill-avukati, mill-avukati tal-Conseil d’État u tal-Cour de cassation u mill-prokuraturi legali fil-kuntest tal-għajnuna legali, skont kif jissemmew fl-Artikolu 279(f) tas-CGI, jikkostitwixxux servizzi pprovduti minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala dedikati għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri u impenjati f’xogħol ta’ assistenza u ta’ sigurtà soċjali, fis-sens tal-punt 15 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, b’mod li r-Repubblika Franċiża hija awtorizzata skont l-Artikolu 98(2) ta’ din id-direttiva sabiex tapplika rata mnaqqsa ta’ VAT għal dawn is-servizzi.

    34      Fin-nuqqas, fid-Direttiva 2006/112, ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala devoti [ddedikati] għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri u impenjati fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali” imsemmi fil-punt 15 tal-Anness III, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest li fih tinsab fi ħdan id-Direttiva 2006/112 (ara, b’analoġija, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u tat-18 ta’ Marzu 2010, Erotic Center, C-3/09, Ġabra I-0000, punt 14).

    35      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ rata jew żewġ rati mnaqqsa ta’ VAT hija possibbiltà rikonoxxuta lill-Istati Membri b’eċċezzjoni għall-prinċipju li jgħid li hija applikabbli r-rata normali. Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni, ir-rati mnaqqsa ta’ VAT jistgħu jiġu applikati biss għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi speċifikati fl-Anness III ta’ din id-direttiva. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li għandhom in-natura ta’ eċċezzjonijiet għal prinċipju għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il‑Kummissjoni vs Spanja, punti 18 u 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u Erotic Center, punt 15).

    36      Fid-dawl tal-għanijiet imfitxxija mil-leġiżlatur, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fir-rigward tal-kunċett ta’ “organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala devoti [dedikati] għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri” fir-rigward tal-Artikolu 13A(1)(g) tas-Sitt Direttiva, li jikkorrispondi għall-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, li bħala prinċipju dan il-kunċett huwa wiesa’ biżżejjed biex jinkludi wkoll persuni fiżiċi u entitajiet privati bi skop ta’ lukru (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 1999, Gregg, C-216/97, Ġabra p. I‑4947, punt 17; tat-3 ta’ April 2003, Hoffmann, C-144/00, Ġabra p. I‑2921, punt 24, kif ukoll Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 u 47).

    37      Fil-fatt, għalkemm it-terminu “organizzazzjoni” jissuġġerixxi l-eżistenza ta’ entità individwalizzata li tissodisfa funzjoni partikolari, xejn ma jipprekludi li dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti minn persuni fiżiċi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Gregg, punt 18, u Hoffmann, punt 24). Bl-istess mod, minkejja li l-iskop ta’ lukru jikkostitwixxi kriterju rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk organizzazzjoni hijiex dedikata għall-benesseri soċjali jew le, hija bl-ebda mod ma teskludi, fi kwalunkwe ċirkustanza, l-eżistenza tat-tali natura (ara s-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

    38      Ebda ġustifikazzjoni ma tiġġustifika l-esklużjoni ta’ din l-analiżi fir-rigward tal-kategorija msemmija fil-punt 15 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112. Bil-kontra, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali b’mod partikolari fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-analiżi magħmula fir-rigward ta’ dispożizzjoni li tikkonċerna l-eżenzjonijiet tal-VAT hija ferm iktar valida għall-Anness III dwar it-tnaqqis fir-rati tal-VAT.

    39      Għaldaqstant, fil-kuntest tal-għajnuna legali, l-avukati, l-avukati tal-Conseil d’État u tal-Cour de cassation u l-prokuraturi legali ma humiex, a priori, esklużi mill-kategorija msemmija fil-punt 15 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 minħabba s-sempliċi fatt li din tirrigwarda entitajiet privati bi skop ta’ lukru.

    40      Madankollu, biex ikunu jistgħu jaqgħu taħt din il-kategorija, jeħtieġ ulterjorment li dawn l-avukati u prokuraturi legali jiġu effettivament rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala li huma dedikati għall-benesseri soċjali u li huma impenjati f’xogħol ta’ assistenza u ta’ sigurtà soċjali.

    41      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex jirrikonoxxu li ċerti organizzazzjonijiet huma dedikati għall-benesseri soċjali. Madankollu din is-setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżerċitata skont id-dritt Komunitarju u b’mod partikolari billi jiġu osservati l-limiti permessi mid-Direttiva 2006/112 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C-141/00, Ġabra p. I‑6833, punti 54 sa 57; Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 52, kif ukoll tad-9 ta’ Frar 2006, Stichting Kinderopvang Enschede, C-415/04, Ġabra p. I‑1385, punt 23).

    42      Dawn il-limiti jinqabżu jekk Stat Membru jirrikonoxxi li ċerti organizzazzjonijiet huma dedikati għall-benesseri soċjali għal skopijiet ta’ applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti servizzi pprovduti minnhom bi ksur tat-termini stess tal-punt 15 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112.

    43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mit-termini ta’ dan il-punt 15 jirriżulta b’mod ċar li dan jawtorizza lill-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT mhux għas-servizzi kollha pprovduti li jkunu ta’ natura soċjali, iżda biss għal dawk ipprovduti minn organizzazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżit doppju li jkunu huma stess dedikati għall-benesseri soċjali u li jkunu impenjati f’xogħol ta’ assistenza u ta’ sigurtà soċjali.

    44      Issa, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jissuġġetta l-possibbiltà tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa biss għall-provvista ta’ servizzi pprovduti minn organizzazzjonijiet li jissodisfaw dan ir-rekwiżit doppju titlef ir-rilevanza tagħha jekk Stat Membru kien liberu li jikkwalifika entitajiet privati bi skop ta’ lukru bħala organizzazzjonijiet fis-sens ta’ dan il-punt 15 minħabba s-sempliċi fatt li dawn l-entitajiet jipprovdu wkoll servizzi b’natura soċjali.

    45      Għaldaqstant, sabiex jiġu osservati kemm it-termini tal-punt 15 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, kif ukoll din l-intenzjoni tal-leġiżlatur, Stat Membru ma jistax japplika rata mnaqqsa ta’ VAT għall-provvista ta’ servizzi minn entitajiet privati bi skop ta’ lukru biss abbażi tal-evalwazzjoni tan-natura ta’ dawn is-servizzi, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għanijiet ta’ dawn l-entitajiet ikkunsidrati fil-globalità tagħhom u l-istabbiltà tal-impenn soċjali tagħhom.

    46      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-għanijiet globali tagħha u tan-nuqqas ta’ stabbiltà ta’ impenn soċjali eventwali, il-kategorija professjonali tal-avukati u tal-prokuraturi legali b’mod ġenerali, skont l-Artikolu 279(f) tas-CGI ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ddedikata għall-benesseri soċjali.

    47      B’hekk, li kieku kellu jitqies li s-servizzi pprovduti mill-avukati u mill-prokuraturi legali fil-kuntest tal-għajnuna legali għandhom natura soċjali u jistgħu jiġu kkwalifikati bħala impenn “fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali”, din iċ-ċirkustanza ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż, f’dan il-każ, li l-imsemmija avukati u prokuraturi legali jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala dedikati għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri u impenjati fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali” fis-sens tal-punt 15 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112.

    48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat bħala fondat ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni.

    49      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi applikat rata mnaqqsa ta’ VAT għas-servizzi pprovduti mill-avukati, mill-avukati tal-Conseil d’État u tal-Cour de cassation u mill-prokuraturi legali, li għalihom jitħallsu totalment jew parzjalment mill-Istat fil-kuntest tal-għajnuna legali, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 96 u 98(2) tad-Direttiva 2006/112.

     Fuq l-ispejjeż

    50      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Billi applikat rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud għas-servizzi pprovduti mill-avukati, mill-avukati tal-Conseil d’État u tal-Cour de cassation u mill-prokuraturi legali, li għalihom jitħallsu totalment jew parzjalment mill-Istat fil-kuntest tal-għajnuna legali, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 96 u 98(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

    2)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.

    Top