This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0567
Judgment of the Court (First Chamber) of 1 October 2009.#Minister voor Wonen, Wijken en Integratie v Woningstichting Sint Servatius.#Reference for a preliminary ruling: Raad van State - Netherlands.#Free movement of capital - Article 56 EC - Restrictions - Justification - Housing policy - Services of general economic interest.#Case C-567/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-1 ta' Ottubru 2009.
Minister voor Wonen, Wijken en Integratie vs Woningstichting Sint Servatius.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - l-Olanda.
Moviment liberu tal-kapital - Artikolu 56 KE - Restrizzjonijiet - Ġustifikazzjonijiet - Politika ta’ akkomodazzjoni soċjali - Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.
Kawża C-567/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-1 ta' Ottubru 2009.
Minister voor Wonen, Wijken en Integratie vs Woningstichting Sint Servatius.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - l-Olanda.
Moviment liberu tal-kapital - Artikolu 56 KE - Restrizzjonijiet - Ġustifikazzjonijiet - Politika ta’ akkomodazzjoni soċjali - Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.
Kawża C-567/07.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-09021
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:593
*A9* Raad van State, afdeling bestuursrechtspraak, uitspraak van 19/12/2007 (200604981/1)
- Administratiefrechtelijke beslissingen ; Rechtspraak bestuursrecht 2008 nº 48 (*)
- S.E.W. : Tijdschrift voor Europees en economisch recht 2008 p.70-71
- Steyger, E.: Administratiefrechtelijke beslissingen ; Rechtspraak bestuursrecht 2008 nº 48
*P1* Raad van State, afdeling bestuursrechtspraak, brief van 26/11/2012 (200604981/1)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
1 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )
“Moviment liberu tal-kapital — Artikolu 56 KE — Restrizzjonijiet — Ġustifikazzjonijiet — Politika ta’ akkomodazzjoni soċjali — Servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali”
Fil-Kawża C-567/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2007, fil-proċedura
Minister voor Wonen, Wijken en Integratie
vs
Woningstichting Sint Servatius,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Marzu 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Woningstichting Sint Servatius, minn M. de Boer, J. de Pree u P. Slot, avukati, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Irlandiż, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn M. Gray, barrister, |
— |
għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas, R. Somssich u K. Borvölgyi, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz u P. Kucharski kif ukoll minn K. Majcher, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Svediż, minn S. Johannesson, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa, V. Di Bucci, H. van Vliet u A. Nijenhuis, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 KE, 58 KE, 86(2) KE, 87 KE u 88 KE. |
2 |
Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Ministru voor Wonen, Wijken en Integratie (Ministru tad-Djar Pubbliċi, tad-Distretti u tal-Integrazzjoni), iktar ’il quddiem il-“Ministru”) kontra l-Woningstichting Sint Servatius (iktar ’il quddiem is-“Servatius”) dwar ir-rifjut tal-Ministru li jawtorizza lil din tal-aħħar, li hija entità awtorizzata bil-liġi sabiex taħdem fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali fil-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex tinvesti fi proġett immobiljari f’Liège (il-Belġju). |
Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
3 |
L-Artikolu 22(2) tal-Kostituzzjoni Olandiża jipprovdi li “l-Awtoritajiet għandhom jiżguraw li jippromwovu akkomodazzjoni adegwata”. In-natura u l-ambitu ta’ din il-missjoni huma ddefiniti fil-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali (Woningwet) u d-Digriet dwar il-Ġestjoni tal-Qasam tal-Kiri tal-Akkomodazzjoni Soċjali (Besluit beheer sociale-huursector, iktar ’il quddiem il-“BBSH”). |
4 |
L-Artikolu 70(1) tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali jipprovdi li: “Assoċjazzjonijiet li għandhom personalità ġuridika sħiħa u fondazzjonijiet li l-għan tagħhom huwa li joperaw fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u li ma għandhomx l-għan li jiddistribwixxu dividendi ħlief fl-interess tal-akkomodazzjoni soċjali, jistgħu, permezz ta’ Digriet Irjali, jiġu awtorizzati bħala entitajiet li joperaw esklużivament fl-interess tal-akkomodazzjoni soċjali.” |
5 |
Skont l-Artikolu 70c tal-imsemmija liġi: “L-entitajiet awtorizzati għandhom jagħtu prijorità lill-akkomodazzjoni ta’ persuni li, minħabba d-dħul tagħhom jew ċirkustanzi oħra, ikollhom diffikultajiet isibu akkomodazzjoni adegwata […]” |
6 |
L-Artikolu 70d tal-istess liġi jipprovdi li: “1. L-entitajiet awtorizzati huma taħt il-kontroll tal-Ministru responsabbli, skont l-Artikolu 71a(1)(b). 2. Rekwiżiti addizzjonali dwar kontroll għandhom jiġu adottati permezz ta’ regolament ta’ awtorità pubblika jew bis-saħħa ta’ tali regolament. […]” |
7 |
L-Artikolu 120a(1) tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali huwa fformulat kif ġej: “Permezz ta’ regolament ta’ awtorità pubblika jew bis-saħħa ta’ tali regolament, jista’ jiġi stabbilit li, għall-finijiet ta’ esperimentazzjoni, il-Ministru responsabbli jista’ temporanjament, jidderoga jew jawtorizza deroga mid-dispożizzjonijiet ipprovduti f’regolament ta’ awtorità pubblika jew bis-saħħa ta’ tali regolament.” |
8 |
Skont l-Artikolu 9 tal-BBSH, l-emendi tal-istatuti ta’ entità awtorizzata, inkluża l-emenda dwar iż-żona ġeografika tal-attività tagħha, għandhom jiġu approvati mill-Ministru kompetenti. |
9 |
L-Artikolu 11(1) tal-BBSH jipprovdi li “[l-]entità awtorizzata għandha topera biss fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali”. |
10 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 49(1) tal-BBSH jipprovdi li: “Il-Ministru responsabbli jista’ jidderoga jew jawtorizza derogi minn dan id-digriet favur miżuri ta’ esperimentazzjoni li, fil-fehma tiegħu, ikunu fl-interess tal-akkomodazzjoni soċjali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 |
Servatius hija entità awtorizzata, fis-sens tal-Artikolu 70(1) tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali. Skont l-istatuti tagħha, l-għan soċjali tagħha jikkonstisti esklużivament f’attività fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u l-kamp tal-attività tagħha huwa limitat għal ċerti muniċipalitajiet Olandiżi. Servatius hija l-unika azzjonarju u amministratur tal-kumpannija holding Servatius Holding Maastricht BV. |
12 |
Bl-għan li jibnu akkomodazzjonijiet soċjali fil-belt ta’ Liège, li tinsab 30 km ’l bogħod mill-fruntiera Olandiża, Servatius ħolqot, bl-għajnuna ta’ Servatius Holding Maastricht BV, żewġ kumpanniji taħt il-liġi Belġjana u talbet lill-Ministru Olandiż kompetenti sabiex jagħtiha awtorizzazzjoni għal finijiet esperimentali, skont l-Artikolu 120a tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Artikolu 49 tal-BBSH. Dan il-proġett kien jirrigwarda kostruzzjoni magħmula minn abitazzjonijiet għall-bejgħ u għall-kiri, postijiet għall-ipparkjar u bini kummerċjali. |
13 |
Sabiex tiffinanzja dan il-proġett, Servatius selfet il-flus lil waħda mis-sussidjarji Belġjani tagħha, b’rata ta’ 1.5%, wara li hija stess, bħala entità awtorizzata fil-Pajjiżi l-Baxxi, isselfet fuq kundizzjonijiet partikolarment favorevoli. |
14 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2002, il-Ministru rrifjuta li jawtorizza l-proġett ta’ Servatius, minħabba li kien ser isir fil-Belġju. Skont il-Ministru, Servatius ma wrietx li l-imsemmi proġett seta’ jkun ta’ benefiċċju għas-suq tal-proprjetà Olandiż u, b’mod iktar partikolari, għall-persuni li jfittxu akkomodazzjoni fir-reġjun ta’ Maastricht (Pajjiżi l-Baxxi). Għalhekk, il-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ Servatius ma kisibx l-istatus ta’ proġett esperimentali, fis-sens tal-Artikolu 120a tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Artikolu 49 tal-BBSH, li kieku kien jippermettilha tibni l-binja ppjanata fil-Belġju. |
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Diċembru 2003, il-Ministru ddikjara l-ilment imressaq minn Servatius kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni tal-proġett tagħha ta’ kostruzzjoni ta’ din tal-aħħar bħala infondat. |
16 |
Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Mejju 2006, ir-Rechtbank Maastricht (Tribunal tad-Distrett ta’ Maastricht) iddikjara l-appell ippreżentat minn Servatius kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ rifjut bħala fondat, u wara li annullaha, irrinvija l-kawża lill-Ministru filwaqt li ordnalu jadotta deċiżjoni ġdida dwar l-ilment ta’ Servatius. |
17 |
Fid-29 ta’ Ġunju 2006, il-Ministru appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
18 |
Peress li għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 KE, 58 KE u 86(2) KE, 87 KE u 88 KE, ir-Raad van State iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-ewwel sat-tielet domandi
19 |
Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li Stat Membru jeżiġi li entità bħal Servatius, li hija awtorizzata fis-sens tal-Artikolu 70(1) tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali, bħala entità li teżerċita attività fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, tikseb awtorizzazzjoni bil-quddiem sabiex tagħmel investimenti fil-qasam tal-kostruzzjoni fi Stat Membru ieħor, jikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 56 KE. Fil-każ ta’ risposta pożittiva għal din id-domanda, din il-qorti tixtieq tkun taf, minn naħa, jekk din it-tip ta’ restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata minn raġunijiet relattivi għall-interess tal-politika ta’ akkomodazzjoni soċjali fl-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll għall-finanzjament ta’ tali politika, skont deroga espressament permessa mill-Artikolu 58 KE jew minn raġuni imperattiva ta’ importanza ġenerali rikonoxxuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa oħra, jekk tali restrizzjoni hijiex miżura neċessarja u proporzjonata għall-għan li mixtieq jintlaħaq. |
20 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi mfakkar qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-moviment tal-kapital jinkludi t-tranżazzjonijiet li bihom persuni mhux residenti jidħlu għal investimenti fil-proprjetà immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru, kif jirriżulta, barra minn hekk, min-nomenklatura tal-moviment tal-kapital li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [KE, artikolu mħassar mit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10), liema nomenklatura għad għandha l-istess valur indikattiv sabiex tingħata definizzjoni lill-kunċett ta’ moviment tal-kapital (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen, C-370/05, Ġabra p. I-1129, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kliem ieħor, id-dritt li wieħed jakkwista, juża u jittrasferixxi proprjetà immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jiġġenera, meta dan jiġi eżerċitat, moviment ta’ kapital (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et, C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99, Ġabra p. I-2157, punt 29, kif ukoll Festersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22). |
21 |
Għaldaqstant, kif diġà ddeċidiet il-qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 56(1) KE, bħala restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital, jinkludu wkoll dawk li huma ta’ natura li tiddisswadu lir-residenti ta’ Stat Membru milli jinvestu fil-proprjetà immobbli fi Stati Membri oħra (ara, f’din is-sens, is-sentenza Festersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24). |
22 |
B’mod partikolari, dan huwa l-każ ta’ miżuri nazzjonali li jissuġġettaw l-investimenti fil-proprjetà immobbli għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem, li bl-għan tagħhom stess jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle, C-302/97, Ġabra p. I-3099, punt 39, kif ukoll Reisch et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). |
23 |
Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-kawża priċipali, l-entitajiet awtorizzati Olandiżi għandhom preċiżament jissottomettu l-proġetti tagħhom ta’ investimenti fil-proprjetà immobbli transkonfinali għal proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu prova li l-investimenti kkonċernati ser isiru fl-interess tal-akkomodazzjoni soċjali fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-obbligu ta’ dawn l-entitajiet li jiksbu awtorizzazzjoni bil-quddiem mill-Ministru kompetenti, sabiex jinvestu fil-proprjetà immobbli fi Stati Membri oħra barra dak fejn ikollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà tal-moviment tal-kapital. |
25 |
Madankollu, għandu jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza ferm stabbilita, miżuri nazzjonali li jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital jistgħu jiġu ġġustifikati mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu li l-għan tagħhom jintlaħaq u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan fil-fatt jintlaħaq (ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-112/05, Ġabra p. I-8995, punti 72 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Fil-kawża prinċipali il-Gvern Olandiż isostni li s-sistema inkwistjoni ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem, hija ġġustifikata minn ħtiġijiet marbuta mal-politika ta’ akkomodazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat Membru u mill-finanzjament tagħha, minn raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 58 KE, kif ukoll minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali rikonoxxuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
27 |
Għalhekk, tali sistema hija intiża sabiex tiggarantixxi li l-entitajiet awtorizzati jinvestu, skont l-istatut tagħhom, fi proġetti li huma fl-interess tal-akkomodazzjoni soċjali fil-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod partikolari, bl-għan li jiżguraw akkomodazzjoni biżżejjed għal persuni bi dħul baxx jew għal kategoriji oħra tal-popolazzjoni li huma żvantaġġati. Għandu jiġi evitat ukoll li l-faċilitajiet finanzjarji li dawn l-entitajiet igawdu minnhom, minħabba l-missjoni tagħhom skont il-liġi, ma jiġux iddevjati lejn attivitajiet ekonomiċi oħra, u b’hekk jipperikolaw l-effettività u l-finanzjament tal-imsemmija politika ta’ akkomodazzjoni soċjali. |
28 |
Fir-rigward, qabel kollox, tad-derogi permessi mill-Artikolu 58 KE, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki jekk jiġi ammess li l-ħtieġa għal Stat Membru li jippromwovi l-akkomodazzjoni soċjali tista’ tikkostitwixxi interess fundamentali tas-soċjetà, l-ordni pubbliku ma jistax jiġi invokat f’dan il-każ, sa fejn l-ipotetiku nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li għandhom l-entitajiet awtorizzati skont il-liġi, kif ukoll l-eventwali devjazzjoni tal-fondi li jirċievu lejn attivitajiet mhux soċjali, ma jikkostitwixxux, madankollu, dannu reali u gravi biżżejjed li jaffettwa tali interess fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie, C-54/99, Ġabra p. I-1335, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-liġijiet nazzjonali jistgħu jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital għal għanijiet ibbażati fuq il-ġlieda kontra l-pressjoni fuq il-qasam immobiljari jew fuq iż-żamma, bħala miżura ta’ ppjanar tat-territorju, ta’ popolazzjoni permanenti f’żoni rurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Konle, punt 40, Reisch et, punt 34, kif ukoll Festersen, punti 27 u 28). |
30 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, b’analoġija, li ħtiġijiet marbuta mal-politika ta’ akkomodazzjoni soċjali ta’ Stat Membru u mal-finanzjament tagħha jistgħu wkoll jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u, għalhekk, jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet bħal dik stabbilita mill-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Kif jirrileva ġustament il-Gvern Olandiż, kunsiderazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu msaħħa minn ċerti speċifikazzjonijiet li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tas-suq nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħal nuqqas strutturali ta’ akkomodazzjonijiet u densità ta’ popolazzjoni partikolarment għolja. |
31 |
Barra minn hekk, kif sostna ġustament l-imsemmi Gvern, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju ta’ politika soċjali jista’ wkoll jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li tista’ tiġġustifika ostakli għall-moviment liberu tal-kapital (ara, b’analoġija, fir-rigward ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C-372/04, Ġabra p. I-4325, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Wara li dan ġie ppreċiżat, huwa wkoll importanti li jiġi vverifikat jekk l-obbligu ta’ entità awtorizzata li tkun suġġetta għal proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem, qabel ma tkun tista’ twettaq proġett immobiljari fi Stat Membru ieħor barra dak fejn din l-entità jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha, jikkostitwixxix miżura neċessarja u xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza. |
33 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li sistema ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem tista’, f’ċerti każijiet, tkun ċertament neċessarja u proporzjonata għall-għanijiet mixtieqa jekk dawn ma jkunux jistgħu jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi, b’mod partikolari, permezz ta’ sistema ta’ dikjarazzjoni xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et, C-163/94, C-165/94 u C-250/94, Ġabra p. I-4821, punti 23 sa 28; Konle, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44, kif ukoll tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et, C-205/99, Ġabra p. I-1271, punt 35). |
34 |
Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li dan jista’ jkun il-każ fil-kuntest ta’ politika ta’ akkomodazzjoni soċjali li għandha għanijiet bħal dawk stabbiliti mil-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali u mill-BBSH. Fil-fatt, kontroll minn qabel eżerċitat mill-awtorità kompetenti jista’ jkun aħjar sabiex jiżgura li r-riżorsi tal-entitajiet awtorizzati jkunu intiżi sabiex jissodisfaw bi priorità, il-bżonnijiet għal akkomodazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ ċerti kategoriji tal-popolazzjoni, mentri jkun hemm riskju li sistema ta’ verifika a posteriori sseħħ tard wisq, b’mod partikolari meta jkunu diġà saru spejjeż kbar u li ma jistgħux jiġu rkuprati faċilment. |
35 |
Madankollu, għal diversi drabi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva bil-quddiem ma tistax tilleġittimizza aġir arbitrarju min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, b’tali mod li ċċaħħad lid-dispożizzjonijiet Komunitarji, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw libertà fundamentali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-effettività tagħhom. Barra minn hekk, sabiex tali sistema tkun iġġustifikata anki jekk tidderoga minn libertà fundamentali, hija għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, li jiżguraw li din is-sistema tkun xierqa sabiex tillimita bizzejjed l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Madankollu, ma jistax jiġi eskluż, fid-dawl tal-elementi inklużi fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali u tal-BBSH inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jissodisfawx kompletament dawn ir-rekwiżiti. |
37 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, jirriżulta, b’mod partikolari mir-risposta tal-Gvern Olandiż għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jissuġġettaw l-għoti tal-awtorizzazzjoni bil-quddiem mill-Ministru kompetenti għal kundizzjoni waħda biss, jiġifieri dik li l-proġett ippjanat għandu jitwettaq fl-interess tal-akkomodazzjoni soċjali fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif jitlob l-Artikolu 49(1) tal-BBSH. Min-naħa oħra, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali kundizzjoni hijiex sodisfatta, jidher li għandha titwettaq verifika bħal din, każ b’każ, mingħajr ma din tiġi limitata b’test leġiżlattiv u fin-nuqqas ta’ kull kriterju speċifiku u oġġettiv ieħor li jippermetti lill-entitajiet ikkonċernati jsiru jafu minn qabel biċ-ċirkustanzi li fihom ser tiġi milqugħa t-talba tagħhom għal awtorizzazzjoni, u lill-qrati, eventwalment aditi b’rikors ippreżentat kontra awtorizzazzjoni rrifjutata, li jeżerċitaw kompletament l-istħarriġ ġudizzjarju tagħhom. |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ħsara għal verifika ta’ dawn l-elementi mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva bil-quddiem, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ ma titqiesx bħala li hija bbażata fuq kundizzjonijiet li jistgħu jillimitaw b’mod suffiċjenti l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali u għalhekk, li tiġġustifika deroga mill-moviment liberu tal-kapital. |
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel tliet domandi għandha tkun li l-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-eżerċizzju tal-attivitajiet transkonfinali fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali ta’ entitajiet awtorizzati, fis-sens tal-Artikolu 70(1) tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali, għal kisba ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva bil-quddiem, sa fejn tali leġiżlazzjoni mhijiex ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, li jistgħu jillimitaw b’mod suffiċjenti l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq ir-raba’ sas-sitt domandi
40 |
Permezz tar-raba’ sas-sitt domandi li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk sabiex tiġi ġġustifikata miżura restrittiva għall-moviment liberu tal-kapital imposta fuq entitajiet inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali u li ngħataw drittijiet speċjali, Stat Membru jistax jinvoka l-Artikolu 86(2) KE. |
41 |
Fil-kuntest ta’ din il-problema l-imsemmija qorti tistaqsi, minn naħa, jekk impriżi bħal Servatius jistgħux jitqiesu, meta jwettqu wkoll attivitajiet kummerċjali fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, għal parti jew għat-totalità ta’ xogħolhom, bħala impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 86(2) KE, u jekk għal dan l-għan, huwiex neċessarju li l-impriża kkonċernata jkollha kontabbiltà distinta li tippermetti li ssir distinzjoni bejn l-ispejjeż u d-dħul relatati mal-attivitajiet soċjali u dawk ta’ natura kummerċjali. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi dwar il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw l-ambitu tal-importanza ekonomika ġenerali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni u fuq il-modi ta’ kif dan l-interess jista’ jiġi protett. |
42 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li qabel kollox jiġi mfakkar li, meta titqies il-kondiviżjoni tal-kompetenzi fil-kuntest tal-proċedura preliminari, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li trid tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, u din iddeċidiet li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tkun ġiet adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha. |
43 |
Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-problema sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja tkun ta’ natura purament ipotetika jew meta l-interpretazzjoni ta’ regola Komunitarja mitluba mill-qorti nazzjonali, ma tkunx reali jew ma jkollha l-ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61; tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera, C-466/04, Ġabra p. I-5341, punt 48, u tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 53). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja teskludi l-ġurisdizzjoni tagħha meta jkun manifest li d-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tiġi applikata. |
44 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 86(2) KE, meta moqri mal-paragrafu 1 tal-istess Artikolu, jippermetti li jiġi ġġustifikat il-fatt li Stat Membru jagħti lil impriża inkarigata mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, drittijiet speċjali jew esklużivi li jiksru d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, sa fejn it-twettiq tal-missjoni partikolari tagħha ma jkun jista’ jiġi assigurat jekk mhux bl-għoti ta’ dawn id-drittijiet u sa fejn dan l-iżvilupp tal-kummerċ ma jsirx b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Komunità (sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco, C-340/99, Ġabra p. I-4109, punt 52, u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia, C-220/06, Ġabra p. I-12175, punt 78). |
45 |
F’dan il-każ, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan mhuwiex l-għan tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
46 |
Għaldaqstant, l-imsemmija kawża la tirrigwarda l-għoti ta’ drittijiet speċjali jew eslużivi lil Servatius, u lanqas il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ din tal-aħħar bħala servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, iżda tikkonċerna biss il-legalità ta’ limitu impost fuq din l-entità, taħt il-forma ta’ obbligu li tissuġġetta ruħha għal proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem. |
47 |
Għaldaqstant, mhemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ sas-sitt domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE, peress li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. |
Fuq is-seba’ domanda
48 |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk fil-każ li Stat Membru jipprovdi mezzi finanzjarji lil impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, huwiex neċessarju li l-attivitajiet ta’ dawn l-impriżi jkunu delineati territorjalment sabiex jiġi evitat milli dawn il-mezzi finanzjarji jkunu jistgħu jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat, bi ksur tal-Artikolu 87 KE, u milli l-imsemmija impriżi ma joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni billi jużaw dawn il-fondi fi Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi jekk il-fatt li Stat Membru, li fih ma jeżistix obbligu legali li tiġi stabbilita distinzjoni bejn l-attivitajiet ta’ natura kummerċjali u dawk li jaqgħu taħt il-qasam soċjali, jeżiġi li entitajiet awtorizzati li jixtiequ jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ieħor jiksbu awtorizzazzjoni bil-quddiem, jikkostitwixxix miżura neċessarja u proporzjonata bl-għan li tiżgura l-osservanza tal-Artikoli 87 KE u 88 KE. |
49 |
Kif ġie mfakkar fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, il-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża biss f’każijiet eċċezzjonali. Fil-fatt, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni. |
50 |
Madankollu, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali titlob li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi li tistaqsi jew li, tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C-320/90 sa C-322/90, Ġabra p. I-393, punt 6, u tas-7 ta’ Settembru 2006, N, C-470/04, Ġabra p. I-7409, punt 69, kif ukoll digriet tad-9 ta’ April 2008, RAI, C-305/07, punt 16). |
51 |
Huwa wkoll importanti li l-qorti nazzjonali tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u sabiex tqis li jkun neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-kuntest, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti spjegazzjonijiet minimi dwar ir-raġunijiet għall-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tkun qed titlob l-interpretazzjoni tagħhom u dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, Ġabra p. I-10423, punt 46; tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 34, kif ukoll Centro Europa 7, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54). |
52 |
Fil-fatt, l-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lil partijiet oħra interessati, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tkun imħarsa, billi jitqies il-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet interessati (ara s-sentenza tal-1 ta’ April 1982, Holdijk et, 141/81 sa 143/81, Ġabra p. 1299, punt 6, u d-digriet tat-28 ta’ Ġunju 2000, Laguillaumie, C-116/00, Ġabra p. I-4979, punt 14). |
53 |
Għandu jingħad ukoll li l-ħtieġa ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali tapplika, b’mod partikolari, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Équifax u Administración del Estado, C-238/05, Ġabra p. I-11125, punt 23, kif ukoll id-digriet RAI, iċċitat iktar ’il fuq, punt 18). |
54 |
F’dan il-każ għandu jiġi kkonstatat li s-seba’ domanda hija marbuta mal-premessa li fil-kawża prinċipali, għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE tista’ tingħata lil Servatius fl-ipoteżi li din tal-aħħar tuża riżorsi pubbliċi sabiex twettaq proġett futur. Madankollu, la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali ma fihom elementi li jippermettu li eventwalment jiġi stabbilit li tali vantaġġ kellu effettivament jingħata fil-kuntest tat-tranżazzjoni immobiljari, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li barra minn hekk, ma twettqitx minħabba li Servatius ma kisbitx l-awtorizzazzjoni bil-quddiem meħtieġa. |
55 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-kundizzjonijiet li taħthom tali għajnuna kellha jew setgħet tingħata lil Servatius, iżda tirrigwarda biss kwistjoni totalment distinta u indipendenti, jiġifieri l-kontestazzjoni ta’ din l-entità tal-legalità taċ-ċaħda tat-talba tagħha għal awtorizzazzjoni bil-quddiem, magħmula bl-għan li twettaq proġett immobiljari barra mit-territorju Olandiż. |
56 |
Konsegwentement, hemm lok li s-seba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju titqies bħala inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
57 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-eżerċizzju tal-attivitajiet transkonfinali fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali ta’ entitajiet awtorizzati, fis-sens tal-Artikolu 70(1) tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali (Woningwet), għal kisba ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva bil-quddiem, sa fejn tali leġiżlazzjoni mhijiex ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufin minn qabel, li jistgħu jillimitaw b’mod suffiċjenti l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.