This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62006CJ0460
Judgment of the Court (Third Chamber) of 11 October 2007.#Nadine Paquay v Société d’architectes Hoet + Minne SPRL.#Reference for a preliminary ruling: Tribunal du travail de Bruxelles - Belgium.#Social policy - Protection of pregnant women - Directive 92/85/EEC - Article 10 - Prohibition on dismissal from the beginning of pregnancy to the end of maternity leave - Period of protection - Decision to dismiss a female worker during that period of protection - Notification and implementation of the decision to dismiss after the expiry of that period - Equal treatment for male and female workers - Directive 76/207/EEC - Articles 2(1), 5(1), and 6 - Direct discrimination on grounds of sex - Sanctions.#Case C-460/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-11 ta' Ottubru 2007.
Nadine Paquay vs Société d’architectes Hoet + Minne SPRL.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal du travail de Bruxelles - il-Belġju.
Politika socjali - Protezzjoni tan-nisa tqal - Direttiva 92/85/KEE - Artikolu 10 - Projbizzjoni ta' tkeċċija mill-bidu tat-tqala sa’ tmiem il-liv tal-maternità - Perijodu ta' protezzjoni - Deċiżjoni ta' tkeċċija ta’ ħaddiema waqt dan il-perijodu ta' protezzjoni - Notifika u implementazzjoni tad-deċiżjoni ta' tkeċċija wara l-iskadenza ta' l-imsemmi perijodu - Trattament ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa - Direttiva 76/207/KEE - Artikoli 2(1), 5(1), u (6) - Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess - Sanzjonijiet.
Kawża C-460/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-11 ta' Ottubru 2007.
Nadine Paquay vs Société d’architectes Hoet + Minne SPRL.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal du travail de Bruxelles - il-Belġju.
Politika socjali - Protezzjoni tan-nisa tqal - Direttiva 92/85/KEE - Artikolu 10 - Projbizzjoni ta' tkeċċija mill-bidu tat-tqala sa’ tmiem il-liv tal-maternità - Perijodu ta' protezzjoni - Deċiżjoni ta' tkeċċija ta’ ħaddiema waqt dan il-perijodu ta' protezzjoni - Notifika u implementazzjoni tad-deċiżjoni ta' tkeċċija wara l-iskadenza ta' l-imsemmi perijodu - Trattament ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa - Direttiva 76/207/KEE - Artikoli 2(1), 5(1), u (6) - Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess - Sanzjonijiet.
Kawża C-460/06.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-08511
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:601
*A9* Tribunal du travail de Bruxelles, 18e chambre, jugement du 06/11/2006 (06/20613 ; RG nº 44.748/97)
Kawża C-460/06
Nadine Paquay
vs
Société d’architectes Hoet + Minne SPRL
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula
mit-tribunal du travail de Bruxelles)
“Politika soċjali — Protezzjoni tan-nisa tqal — Direttiva 92/85/KEE — Artikolu 10 — Projbizzjoni ta’ tkeċċija mill-bidu tat-tqala sa’ tmiem il-leave tal-maternità — Perijodu ta’ protezzjoni — Deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema waqt dan il-perijodu ta’ protezzjoni — Notifika u implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija wara l-iskadenza ta’ l-imsemmi perijodu — Trattament ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa — Direttiva 76/207/KEE — Artikoli 2(1), 5(1) u (6) — Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess — Sanzjonijiet”
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Ottubru 2007
Sommarju tas-Sentenza
1. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu – Direttiva 92/85 – Projbizzjoni ta’ tkeċċija – Kamp ta’ applikazzjoni
(Direttiva tal-Kunsill 92/85, Artikolu 10)
2. Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Aċċess għall-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol – Trattament ugwali – Tkeċċija diskriminatorja
(Direttivi tal-Kunsill 76/207, Artikoli 2(1), 5(1) u 6, u 92/85, Artikoli 10 u 12)
1. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi mhux biss milli tiġi nnotifikata deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba tqala u/jew it-twelid ta’ tarbija fil-perijodu ta’ protezzjoni previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iżda wkoll li jittieħdu miżuri ta’ preparazzjoni għal deċiżjoni bħal din, bħat-tfixxija u l-previżjoni ta’ sostitut definittiv ta’ l-impjegat ikkonċernat, qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu.
(ara l-punti 33, 38 u d-dispożittiv 1)
2. Deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba t-tqala u/jew it-twelid ta’ tarbija tmur kontra l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol, ikun xi jkun il-mument meta din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiġi nnotifikata, anki jekk tiġi notifikata wara t-tmiem tal-perijodu ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu. Fejn it-tali deċiżjoni ta’ tkeċċija tmur kontra kemm l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 kif ukoll l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, il-miżura magħżula minn Stat Membru skond l-Artikolu 6 ta’ din l-aħħar direttiva sabiex tissanzjona l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha tkun għall-inqas ekwivalenti għal dik prevista mid-dritt nazzjonali b’eżekuzzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85.
(ara l-punti 42, 54 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
11 ta’ Ottubru 2007 (*)
“Politika socjali − Protezzjoni tan-nisa tqal − Direttiva 92/85/KEE − Artikolu 10 − Projbizzjoni ta’ tkeċċija mill-bidu tat-tqala sa’ tmiem il-leave tal-maternità − Perijodu ta’ protezzjoni – Deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema waqt dan il-perijodu ta’ protezzjoni − Notifika u implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija wara l-iskadenza ta’ l-imsemmi perijodu − Trattament ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa − Direttiva 76/207/KEE − Artikoli 2(1), 5(1) u (6) − Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess − Sanzjonijiet”
Fil-kawża C‑460/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-tribunal du travail de Brussell (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Novembru 2006, fil-proċedura
Nadine Paquay
vs
Société d’architectes Hoet + Minne SPRL,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, U. Lõhmus, J. N. Cunha Rodrigues, A. Ó Caoimh (Relatur), u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek, bħala aġent,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 2(1), 5(1) u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40), u ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, p. 1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn N. Paquay (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) u s-Société d’architectes Hoet + Minne SPRL (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”) dwar it-tkeċċija tar-rikorrenti.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
Id-Direttiva 76/207
3 Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 76/207 għandha l-għan li ddaħħal fis-seħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjieg, inkluża l-promozzjoni, u taħriġ professjonali u għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol.
4 L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 76/207 jipprovdi li dan il-prinċipju jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir referenza għall-istat maritali jew tal-familja.
5 L-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva jiddisponi li din hija bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet rigward il-ħarsien tan-nisa, speċjalment dwar it-tqala u l-maternità.
6 Skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 76/207, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għal dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sensji, tfisser li lill-irġiel u lin-nisa għandhom jiġu ggarantiti l-istess kundizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.
7 Skond l-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-sistema legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri meħtieġa sabiex il-persuni kollha li jqisu li sarilhom xi tort bin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fis-sens ta’ l-Artikoli 3, 4 u 5 ta’ l-isess direttiva jkunu jistgħu jkomplu t-talbiet tagħhom permezz ta’ proċedura ġudizzjarja wara li jkunu possibbilment irrikorrew għand l-awtoritajiet kompetenti l-oħra.
Id-Direttiva 92/85
8 Jirriżulta mid-disa’ premessa tad-Direttiva 92/85 li l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li jkunu welldu reċentement jew ħaddiema li jkunu qed ireddgħu m’għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għal nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa.
9 Skond il-ħmistax-il premessa ta’ din id-Direttiva, ir-riskju ta’ tkeċċija għal raġunijiet assoċjati mal-kundizzjoni tagħhom jista’ jkollu effetti li jagħmlu ħsara fuq l-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li jkunu welldu reċentement jew li jkunu qed ireddgħu, billi għandha ssir dispożizzjoni biex tiġi pprojbita din it-tkeċċija.
10 L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 jipprovdi hekk:
“Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema [tqal, li jkunu welldu reċentement jew li jkunu qed ireddgħu], fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi:
1) l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-vakanzi [leave] tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha;
2) jekk ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, tiġi mkeċċa waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija tagħha, bil-miktub;
3) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, minn konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija llegali skond il-punt 1.”
11 Skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri neċessarji biex jippermettu lill-ħaddiema kollha li jħossuhom aggravati min-nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva li jfittxu l-pretensjonijiet tagħhom permezz ta’ proċess ġudizzjarju u/jew, skond liġijiet jew prattika nazzjonali, billi jirrikorru għal awtoritajiet kompetenti oħra.
12 Skond l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrativi neċessarji biex jikkonformaw magħha mhux aktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni tagħha, jiġifieri d-19 ta’ Ottubru 1994.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
13 Skond l-Artikolu 40 tal-liġi tas-16 ta’ Marzu 1971 fuq ix-xogħol (Moniteur belge tat-30 ta’ Marzu 1971, p. 3931):
“Il-persuna li timpjega ħaddiema tqila ma tistax tieħu passi bil-għan li ġġib fi tmiem unilateralment ir-relazzjoni ta’ xogħol sa mill-mument meta tiġi informata bit-tqala sa’ l-iskadenza ta’ terminu ta’ xahar mit-tmiem tal-leave tal-maternità, ħlief għal raġunijiet mhux marbuta ma’ l-istat fiżiku li jirriżulta mit-tqala jew it-twelid.
L-oneru tal-prova ta’ dawn il-motivi jaqa’ fuq minn iħaddem. Fuq talba tal-ħaddiem, il-persuna li tħaddem trid tinformaha b’dan bil-miktub.
Jekk il-motivazzjoni invokata sabiex tiġġustifika t-tkeċċija ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-ewwel paragarafu, jew fin-nuqqas ta’ motivazzjoni, il-persuna li tħaddem għandha tħallas lill-ħaddiema kumpens fiss daqs il-paga grossa ta’ sitt xhur, bla ħsara għall-kumpensi dovuti lill-ħaddiem fil-każ ta’ ksur tal-kuntratt tax-xogħol.”
14 Il-liġi ta’ l-4 ta’ Awwissu 1978 ta’ riorjentazzjoni ekonomika (Moniteur belge tas-17 ta’ Awwissu 1978, p. 9106) ittrasponiet id-Direttiva 76/207 fid-dritt Belġjan u t-titolu V tagħha jipprovdi miżuri ta’ protezzjoni ġuridika fil-qasam ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.
15 L-Artikolu 131 ta’ din il-liġi jipprovdi li kull persuna li tqis li sofriet dannu tista’ tressaq, quddiem il-qorti kompetenti, azzjoni bil-għan li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tat-titolu V tagħha.
16 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li t-titolu V tal-Liġi ta’ l-4 ta’ Awwissu 1978 ma jipprovdix sanzjoni ċivili speċifika f’dan ir-rigward.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17 Ir-rikorrenti, impjegata f’uffiċċju ta’ periti tal-konvenuta sa mill-24 ta’ Diċembru 1987, kienet tinsab bil-leave tal-maternità mix-xahar ta’ Settembru sa’ l-aħħar tax-xahar ta’ Diċembru 1995.
18 Il-leave tagħha tal-maternità ntemm fil-31 ta’ Diċembru 1995 u l-perijodu ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija, mill-bidu tat-tqala sat-tmiem tal-leave tal-maternità, intemm, skond id-dritt Belġjan, fil-31 ta’ Jannar 1996.
19 Ir-rikorrenti tkeċċiet permezz ta’ ittra rreġistrata tal-21 ta’ Frar 1996, fi żmien meta l-perijodu ta’ protezzjoni kien intemm, permezz ta’ avviż minn qabel ta’ 6 xhur li beda fl-1 ta’ Marzu 1996. Il-konvenuta temmet il-kuntratt fil-15 ta’ April 1996 permezz tal-ħlas ta’ kumpens li jikkorrispondi mal-bilanċ tal-perijodu ta’ avviż minn qabel.
20 Il-qorti tar-rinviju ssostni li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tar-rikorrenti ttieħdet meta hija kienet tqila u qabel il-31 ta’ Jannar 1996, jiġifieri qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija, u li din id-deċiżjoni kienet iffabrikata.
21 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, waqt it-tqala, il-konvenuta poġġiet f’gazzetta, fis-27 ta’ Mejju 1995, avviż bil-għan li tirrekluta segretarja u fis-6 ta’ Ġunju 1995, wieġbet lill-applikant li l-“post huwa vakanti sa minn nofs Settembru 1995 sa Jannar 1996”, li jikkorrispondi għall-perijodu mistenni ta’ leave tal-maternità, “u mbagħad minn Awwissu 1996”, jiġifieri mill-iskadenza ta’ dak li jkun il-perijodu ta’ avviż minn qabel ta’ 6 xhur normalment notifikat wara l-perijodu ta’ protezzjoni. Mhuwiex ikkontestat li fid-data tas-27 ta’ Mejju 1995, il-kumpannija kienet taf bit-tqala u li l-avviż kien jikkonċerna l-post tax-xogħol okkupat mir-rikorrenti.
22 Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-konvenuta poġġiet avviż ieħor f’Ottubru 1995, jiġifieri ftit żmien wara l-bidu tal-leave tal-maternità, li fih użat il-kliem li ġej: “comptabilité, McIntosch, disp. Imm., pr carr. ds pet. équip” (kontabbiltà, McIntosch, disponibbli immedjatament, prospetti ta’ karriera, xogħol f’tim żgħir). Mhux ikkontestat li r-referenza “pr carr.”, tfisser “sabiex [tagħmel] karriera”, li jikkonferma li l-intenzjoni tal-kumpannija kienet li tipprovdi sostitut permanenti tar-rikorrenti u li d-deċiżjoni f’dan is-sens ittieħdet meta l-rikorrenti kienet tqila.
23 Fir-rigward tal-motivi tat-tkeċċija, u fid-dawl tal-fatt li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq minn iħaddem, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, f’sentenza tas-26 ta’ April 2006, li l-ispjegazzjonijiet li l-konvenuta tipprova tagħti għat-tkeċċija, jiġifieri nuqqas ta’ adattament għall-evoluzzjoni tal-professjoni ta’ l-arkitettura, mhumiex ipprovati, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li ċ-ċertifikati magħmula fl-1 ta’ Marzu 1996 jindikaw li r-rikorrenti dejjem ħadmet “b’mod li ssodisfat perfettament lil min iħaddimha”. Hija b’hekk ikkunsidrat li t-tkeċċija tar-rikorrenti ma kinitx mhux marbuta mat-tqala, jew għall-inqas, maċ-ċirkustanza tat-twelid ta’ tarbija.
24 Il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet li l-Artikolu 40 tal-liġi tas-16 ta’ Marzu 1971, hekk kif interpretat fid-dawl tax-xogħolijiet preparatorji tagħha, ma tipprekludix li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tittieħed fil-perijodu ta’ protezzjoni, sakemm in-notifika lill-ħaddiema sseħħ aktar minn xahar wara t-tmiem tal-leave tal-maternità.
25 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal du travail de Bruxelles iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) L-Artikolu 10 tad-Direttiva [92/85] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi biss milli tiġi nnotifikata deċiżjoni ta’ tkeċċija fil-perijodu ta’ protezzjoni previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew jipprojbixxi, ukoll, li tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija u li tiġi ppreparata s-sostituzzjoni definittiva ta’ l-impjegat, qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni?
2) It-tkeċċija nnotifikata wara l-perijodu ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, iżda li mhijiex etranea mill-maternità u/jew mit-twelid ta’ tarbija, tmur kontra l-Artikolu 2(1) (jew 5(1)) tad-Direttiva [76/207], u jekk dan huwa l-każ, is-sanzjoni għandha tkun għall-inqas ekwivalenti għal dak li d-dritt nazzjonali jipprovdi b’eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
26 Permezz ta’ l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi mhux biss li tiġi nnotifikata deċiżjoni tat-tkeċċija minħabba t-tqala u/jew ta’ twelid ta’ tarbija fil-perijodu ta’ protezzjoni previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iżda wkoll li tittieħed deċiżjoni tali ta’ tkeċċija u li tiġi ppreparata s-sostituzzjoni definittiva ta’ ħaddiema bħal din, qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu.
27 F’dan ir-rigward, jinħtieġ li mill-bidu jiġi mfakkar li l-għan tad-Direttiva 92/85 huwa li jiġi inċentivat it-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li jkunu welldu reċentement, jew li jkunu qed ireddgħu.
28 F’dan il-qasam, il-Qorti sostniet ukoll li l-għan imħaddan mir-regoli tad-dritt Komunitarju li jirregolaw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa tqal jew li jkunu welldu reċentement huwa li jipproteġi lill-ħaddiema qabel u wara li jwelldu (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, McKenna, C‑191/03, Ġabra p. I‑7631, punt 42).
29 Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 92/85, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà qieset li, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni u, b’mod partikolari, ta’ l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, protezzjoni kontra t-tkeċċija kellha tiġi rrikonoxxuta lill-mara mhux biss waqt il-leave tal-maternità, iżda wkoll tul it-tqala kollha. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, tkeċċija f’dawn il-perjodi tista’ taffettwa biss lin-nisa u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bażata fuq is-sess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Handels‑ og Kontorfunktionærernes Forbund, C‑179/88, Ġabra p. I‑3979, punt 15; tat-30 ta’ Ġunju 1998, Brown, C‑394/96, Ġabra. p. I‑4185, punti 24 sa 27, u McKenna, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).
30 Huwa preċiżament fid-dawl tar-riskju li tkeċċija eventwali taffettwa s-sitwazzjoni fiżika u psikoloġika tal-ħaddiema tqal, li jkunu welldu reċentement jew li jkunu qed ireddgħu, inkluż fosthom ir-riskju partikolarment serju li jista’ jħajjar lill-ħaddiema tqal jinterrompu volontarjament it-tqala tagħhom, li l-leġiżlatur Komunitarju, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, ippreveda protezzjoni partikolari għall-mara billi pprojbixxa t-tkeċċija fil-perijodu li jmur mill-bidu tat-tqala sa l-aħħar tal-leave tal-maternità (ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Webb, C‑32/93, Ġabra p. I‑3567, punt 21; Brown, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18; ta’ l-4 ta’ Ottubru 2001, Tele Danmark, C‑109/00, Ġabra p. I‑6993, punt 26, u McKenna, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).
31 Jinħtieġ li jingħad ukoll li, fl-imsemmi perijodu, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 ma ppreveda ebda eċċezzjoni jew deroga għall-projbizzjoni ta’ tkeċċija tal-ħaddiema tqal, ħlief fil-każijiet eċċezzjonali mhux marbuta ma’ l-istat tagħhom u bil-kundizzjoni li minn iħaddem jiġġustifika bil-miktub ir-raġunijiet ta’ tkeċċija bħal din (sentenzi ċċitati Webb, punt 22; Brown, punt 18, u Tele Danmark, punt 27).
32 Fl-aħħar nett, għandu jingħad li, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri ma jistgħux jibdlu l-portata tal-kunċett ta’ “tkeċċija” u b’hekk jiċħdu l-effetti mixtieqa ta’ protezzjoni li huma mogħtija minn din id-dispożizzjoni u li jikkompromettu l-effett utli tagħha.
33 Fir-rigward ta’ l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 92/85 u, b’mod aktar partikolari, ta’ dawk imfittxija mill-Artikolu 10 tagħha, jinħtieġ li jingħad li l-projbizzjoni tat-tkeċċija tal-mara tqila, li welldet reċentement u li qed tredda’ fil-perijodu ta’ protezzjoni mhijiex limitata għan-notifikazzjoni tad-deċiżjoni tat-tkeċċija. Il-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni lil dawk il-ħaddiema teskludi kemm it-teħid ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija kif ukoll l-adozzjoni ta’ preparattivi ta’ tkeċċija bħat-tfixxija u l-previżjoni ta’ sostitut definittiv ta’ l-impjegat ikkonċernat minħabba t-tqala u/jew it-twelid ta’ tarbija.
34 Fil-fatt, hekk kif il-gvern Taljan ġustament sostna, persuna li tħaddem, bħal dik fil-kawża pinċipali, li tiddeċiedi li tissostitwixxi ħaddiema tqila, li welldet reċentement jew li qed tredda’ minħabba l-istat tagħha u li, fid-dawl tas-sostituzzjoni tagħha, tieħu passi konkreti mill-mument fejn hija taf bit-tqala tagħha tkun qegħda eżattament tħaddan l-għan ipprojbit mid-Direttiva 92/85, jiġifieri t-tkeċċija ta’ ħaddiema minħabba l-istat tagħha ta’ tqala jew tat-twelid ta’ tarbija.
35 Għandu jingħad li interpretazzjoni kuntrarja, li tillimita l-projbizzjoni tat-tkeċċija għan-notifika biss ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija fil-perijodu ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, iċċaħħad dan l-Artikolu mill-effett utli tagħha u tista’ tipperikola riskju ta’ evażjoni, minn min iħaddem, ta’ din il-projbizzjoni għad-detriment tad-drittijiet protetti mid-Direttiva 92/85 tan-nisa tqal, li jkunu welldu reċentement u li jkunu qed ireddgħu.
36 Madankollu, hemm lok li jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punt 31 tas-sentenza preżenti, ħaddiema tqal, li jkunu welldu reċentement jew li jkunu qed ireddgħu jistgħu, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 92/85, jitkeċċew fil-perijodu ta’ protezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni f’każijiet ta’ eċċezzjoni mhux konnessi ma’ l-istat tagħhom, ammessi mil-leġiżlazzjonijiet u/jew il-prattiċi nazzjonali.
37 Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, huma l-qrati nazzjonali li għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 97/80/KE tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar l-oneru tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU 1998, L 14, p. 6), li, skond l-Artikolu 3(1)(a) tiegħu japplika għas-sitwazzjonijiet koperti mid-Direttiva 92/85, fejn hemm diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/80 li, meta persuna tqis li hija leża mill-innosservanza fil-konfront tagħha tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tipprova, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta, huwa l-konvenut li għandu jressaq il-prova li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali.
38 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jeħtieġ li tingħata tweġiba għall-ewwel domanda li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi mhux biss li tiġi nnotifikata deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba tqala u/jew it-twelid ta’ tarbija fil-perijodu ta’ protezzjoni previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iżda wkoll li jittieħdu miżuri ta’ preparazzjoni għal deċiżjoni bħal din qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu.
Fuq it-tieni domanda
39 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk deċiżjoni ta’ tkeċċija, minħabba tqala u/jew tat-twelid ta’ tarbija, innotifikata wara t-tmiem tal-perijodu ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, tmurx kontra l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207 u, min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni fejn ikun seħħ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/207, jekk il-miżura magħżula mill-Istat Membru skond l-Artikolu 6 ta’ din l-aħħar imsemmija direttiva sabiex tissanzjona l-ksur ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhiex tkun għall-inqas ekwivalenti għal dak previst mid-dritt nazzjonali fl-implementazzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85.
40 Għal dak li jikkonċerna l-ewwel parti tat-tieni domanda, għandu jingħad li, hekk kif jirriżulta mill-punt 29 tas-sentenza preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li protezzjoni kontra t-tkeċċija għandha tiġi rrikonoxxuta lill-mara mhux biss waqt il-leave tal-maternità, iżda wkoll waqt it-tqala kollha. It-tkeċċija ta’ ħaddiema waqt it-tqala tagħha jew waqt il-leave tal-maternità tagħha għal raġunijiet marbuta mat-tqala u/jew mat-twelid ta’ tarbija tammonta għal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess li tmur kontra l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207.
41 Hekk kif jirriżulta mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda u, b’mod partikolari, mill-punti 35 u 38 tas-sentenza preżenti, il-fatt li deċiżjoni ta’ tkeċċija bħal din tiġi nnotifikata wara t-tmiem tal-perijodu ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 huwa irrilevanti. Kull interpretazzjoni oħra ta’ l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207 tillimita l-portata tal-protezzjoni mogħtija mid-dritt Komunitarju lill-mara tqila, li tkun welldet reċentement u li tkun qed treddgħa, kontra l-istruttura u l-evoluzzjoni tar-regoli tad-dritt Komunitarju li jirregolaw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa f’dan il-qasam.
42 Konsegwentement jeħtieġ li tingħata tweġiba għall-ewwel parti tat-tieni domanda li deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba t-tqala u/jew it-twelid ta’ tarbija tmur kontra l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, ikun xi jkun il-mument meta dik id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiġi nnotifikata u anki jekk din tiġi nnotifikata wara t-tmiem tal-perijodu ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85.
43 Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni domanda, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207, l-Istati Membri huma marbuta jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jippermettu lil kull persuna li tqis li ntlaqtet minn diskriminazzjoni, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tmur kontra l-Artikoli 2(1) u 5(1) ta’ din id-direttiva, tinvoka d-drittijiet tagħha ġudizzjarjament. Obbligu bħal dan jimplika li l-miżuri in kwistjoni jkunu suffiċjentement effikaċi sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 76/207 u li jkunu jistgħu jiġu invokati b’mod effettiv quddiem il-qrati nazzjonali mill-persuni kkonċernati (ara s-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Marshall, C‑271/91, Ġabra p. I‑4367, punt 22).
44 L-imsemmi Artikolu 6 ma jimponix fuq l-Istati Membri miżura speċifika fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, iżda jħalli lill-Istati Membri l-libertà li jagħżlu minn fost is-soluzzjonijiet differenti xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 76/207, abbażi tas-sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jseħħu (sentenzi ta’ l-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann, 14/83, Ġabra p. 1891, punt 18, u Marshall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).
45 Madankollu, l-għan huwa dak li tintlaħaq ugwaljanza vera ta’ opportunitajiet u konsegwentment dan ma jistax jintlaħaq fin-nuqqas ta’ miżuri xierqa sabiex din l-ugwaljanza tintlaħaq meta din ma tiġix osservata. Dawn il-miżuri b’hekk għandhom jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi u għandhom ikollhom fir-rigward ta’ minn iħaddem effett disswassiv reali (sentenza Marshall, iċċitata, punt 24).
46 Ħtiġijiet bħal dawn jinvolvu t-teħid in kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi proprji għal kull każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Meta l-kumpens finanzjarju jitqies li huwa l-mod sabiex jintlaħaq l-għan indikat qabel, dan għandu jkun adegwat fis-sens li huwa jippermetti li jikkumpensa totalment id-danni effettivament subiti minħabba t-tkeċċija diskriminatorja, skond ir-regoli nazzjonali applikabbli (sentenza Marshall, iċċitata, punti 25 u 26).
47 Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri huma wkoll marbuta li jieħdu l-miżuri neċessarji li jippermettu lil kull persuna li tikkunsidra ruħa milquta min-nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva, inklużi dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 10 tagħha, li jinvokaw id-drittijiet tagħhom ġudizzjarjament. L-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 92/85 jipprovdi speċifikament li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jipproteġu lill-ħaddiema tqal, li jkunu welldu reċentement u li jkunu qed ireddgħu kontra l-konsegwenzi tat-tkeċċija illegali bis-saħħa tal-punt 1 ta’ din id-dispożizzjoni.
48 Jirriżulta mir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, u għall-ewwel parti tat-tieni domanda, li n-notifika ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, adottata minħabba t-tqala u/jew it-twelid ta’ tarbija, lill-ħaddiema fil-perijodu ta’ protezzjoni, imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, it-teħid tat-tali deċiżjoni f’dan il-perijodu, anki n-nuqqas ta’ notifika, u l-preparazzjoni ta’ sostituzzjoni definittiva ta’ din il-ħaddiema għall-istess raġunijiet, imorru kontra l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207 kif ukoll l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85.
49 Filwaqt li jiġi rrikonoxxut li l-Istati Membri mhumiex marbuta, la skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 u lanqas skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85, li jadottaw miżura determinata, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-punt 45 tas-sentenza preżenti, il-miżura magħżula għandha tkun tat-tip li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi, għandha jkollha effett dissważiv reali fir-rigward ta’ minn iħaddem u fi kwalunkwe każ għandha tkun adegwata għad-dannu subit.
50 Jekk, bis-saħħa ta’ l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 u sabiex tkun konformi mal-ħtiġijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tas-sanzjonijiet, Stat Membru jagħżel li jissanzjona l-innosservanza ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 10 permezz ta’ l-għoti ta’ kumpens finanzjarju determinat, isegwi li, hekk kif sostna l-gvern Taljan f’dan il-każ, il-miżura magħżula minn dan l-Istat Membru, fil-każ ta’ ksur, f’ċirkustanzi identiċi, tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fl-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207 għandha tkun għall-inqas ekwivalenti.
51 Jekk il-kumpens magħżul minn Stat Membru bis-saħħa ta’ l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85 jitqies li huwa neċessarju sabiex jipproteġi lill-ħaddiema kkonċernati, huwa diffiċli li wieħed jifhem kif kumpens iktar baxx adottat sabiex jikkonforma ma’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 jista’ jitqies li huwa adegwat għad-dannu subit jekk l-imsemmi dannu jkun ġie kkawżat mit-tkeċċija f’ċirkustanzi identiċi u kuntrarji għall-Artikoli 2(1) u 5(1) ta’ din l-aħħar direttiva.
52 Barra minn hekk, hekk kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, billi jagħżlu s-soluzzjoni adegwata sabiex jiggarantixxu l-għan tad-Direttiva 76/207, l-Istati membri għandhom jiżguraw li l-ksur tad-dritt Komunitarju jiġi sanzjonat f’kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jkunu simili għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali li jkun ta’ natura u ta’ importanza simili (sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 68/88, Ġabra p. 2965, punt 24, u tat-22 ta’ April 1997, Draehmpaehl, C‑180/95, Ġabra p. I‑2195, punt 29). Dan ir-raġunament japplika mutatis mutandis għall-ksur tad-dritt Komunitarju ta’ natura u ta’ importanza simili.
53 Konsegwentement, jinħtieġ li tingħata risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda li, peress li deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba tqala u/jew tat-twelid ta’ tarbija, innotifikata wara t-tmiem tal-perijodu ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, tmur kontra kemm l-aħħar dispożizzjoni tad-Direttiva 92/85 kif ukoll l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, il-miżura magħżula minn Stat Membru bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 ta’ din l-aħħar imsemmija direttiva sabiex tissanzjona l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha tkun għall-inqas ekwivalenti għal dik prevista mid-dritt nazzjonali b’eżekuzzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85.
54 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jinħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda li deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba t-tqala u/jew it-twelid ta’ tarbija tmur kontra l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, ikun xi jkun il-mument meta din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiġi nnotifikata, anki jekk tiġi nnotifikata wara t-tmiem tal-perijodu ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85. Fejn it-tali deċiżjoni ta’ tkeċċija tmur kontra kemm l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 kif ukoll l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, il-miżura magħżula minn Stat Membru skond l-Artikolu 6 ta’ din l-aħħar direttiva sabiex tissanzjona l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha tkun għall-inqas ekwivalenti għal dik prevista mid-dritt nazzjonali b’eżekuzzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85.
Fuq l-ispejjeż
55 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi mhux biss milli tiġi nnotifikata deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba tqala u/jew it-twelid ta’ tarbija fil-perijodu ta’ protezzjoni previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iżda wkoll li jittieħdu miżuri ta’ preparazzjoni għal deċiżjoni bħal din qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu.
2) Deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba t-tqala u/jew it-twelid ta’ tarbija tmur kontra l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol, ikun xi jkun il-mument meta din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiġi nnotifikata, anki jekk tiġi notifikata wara t-tmiem tal-perijodu ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85. Peress li t-tali deċiżjoni ta’ tkeċċija tmur kontra kemm l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 kif ukoll l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, il-miżura magħżula minn Stat Membru bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 ta’ din l-aħħar direttiva sabiex tissanzjona l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha tkun għall-inqas ekwivalenti għal dik prevista mid-dritt nazzjonali b’eżekuzzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.