This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62004CJ0421
Judgment of the Court (First Chamber) of 9 March 2006.#Matratzen Concord AG v Hukla Germany SA.#Reference for a preliminary ruling: Audiencia Provincial de Barcelona - Spain.#Reference for a preliminary ruling - Article 3(1)(b) and (c) of Directive 89/104/EEC - Grounds for refusal to register - Articles 28 EC and 30 EC - Free movement of goods - Measure having equivalent effect to a quantitative restriction - Justification - Protection of industrial and commercial property - National word mark registered in a Member State - Trade mark consisting of a term borrowed from the language of another Member State in which it is devoid of distinctive character and/or descriptive of the goods in respect of which the trade mark was registered.#Case C-421/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-9 ta' Marzu 2006.
Matratzen Concord AG vs Hukla Germany SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Audiencia Provincial de Barcelona - Spanja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 89/104/KEE - Raġunijiet għar-rifjut ta' reġistrazzjoni - Artikoli 28 KE u 30 KE - Moviment liberu tal-merkanzija - Miżura li għandha effett ekwivalenti - Ġustifikazzjoni - Protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali - Trade mark verbali nazzjonali rreġistrata fi Stat Membru - Trade mark magħmula minn kelma meħuda minn lingwa ta' Stat Membru ieħor li fih il-kelma m'għandhiex karattru distintiv u/jew deskrittiv tal-prodotti li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata.
Kawża C-421/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-9 ta' Marzu 2006.
Matratzen Concord AG vs Hukla Germany SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Audiencia Provincial de Barcelona - Spanja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 89/104/KEE - Raġunijiet għar-rifjut ta' reġistrazzjoni - Artikoli 28 KE u 30 KE - Moviment liberu tal-merkanzija - Miżura li għandha effett ekwivalenti - Ġustifikazzjoni - Protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali - Trade mark verbali nazzjonali rreġistrata fi Stat Membru - Trade mark magħmula minn kelma meħuda minn lingwa ta' Stat Membru ieħor li fih il-kelma m'għandhiex karattru distintiv u/jew deskrittiv tal-prodotti li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata.
Kawża C-421/04.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:164
*A9* Audiencia Provincial de Barcelona, auto de 28/06/2004 (280/2002)
*P1* Audiencia Provincial de Barcelona, Sección 15ª, sentencia de 27/06/2006 (280/02)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)
tad-9 ta' Marzu 2006 (*)
"Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 89/104/KEE – Raġunijiet għar-rifjut ta' reġistrazzjoni – Artikoli 28 KE u 30 KE – Moviment liberu tal-merkanzija – Miżura li għandha effett ekwivalenti – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali – Trade mark verbali nazzjonali rreġistrata fi Stat Membru – Trade mark magħmula minn kelma meħuda minn lingwa ta' Stat Membru ieħor li fih il-kelma m'għandhiex karattru distintiv u/jew deskrittiv tal-prodotti li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata"
Fil-kawża C-421/04
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Audiencia Provincial ta' Barċellona (Spanja), permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Ġunju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta' Ottubru 2004, fil-proċedura
Matratzen Concord AG
vs
Hukla Germany SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, N. Colneric, J.N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:
– għal Matratzen Concord AG, minn L. Gibert Vidaurre, abogado,
– għal Hukla Germany SA, minn I. Davi Armengol, abogado,
– għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, minn C. Jackson, bħala aġent, assistita minn Himsworth, barrister
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Vidalil u N. B. Rasmussen, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-24 ta' Novembru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 28 KE u 30 KE.
2 Din it-talba kienet ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Matratzen Concord AG (iktar 'il quddiem "Matratzen Concord"), u Hukla Germanay SA (iktar 'il quddiem "Hukla") rigward il-validità ta' trade mark nazzjonali.
Il-kuntest ġuridiku
3 Skond l-Artikolu 28 KE, "Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri."
4 L-Artikolu 30 KE jgħid:
"Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 28 u 29 inklużi m’għandhomx jeskludu projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet dwar l-importazzjoni, esportazzjoni jew transitu meta dawn ikunu ġustifikati abbażi ta' […] protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali. Madankollu dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet m’għandhomx jikkostitwixxu la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri."
5 L-ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru, 1988 intiża biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, iktar 'il quddiem id-"Direttiva"), tipprevedi, fis-seba' premessa tagħha, li "l-ksib ta’ l-[għanijiet] li din l-approssimazzjoni tal-liġijiet qed taspira għalihom tirrikjedi li l-k[u]ndizzjonijiet għall-kisba u ż-żamma ta' trade mark irreġistrata huma, ġeneralment identiċi fl-Istati Membri kollha" u li "r-raġunijiet għal rifjut jew invalidità li jikkonċernaw it-trade mark nnifisha […] għandhom ikunu elenkati b'mod komplet".
6 L-Artikolu 3 tad-Direttiva telenka r-raġunijiet għal rifjut ta' reġistrazzjoni ta' trade mark jew ta' invalidità ta' trade mark irreġistrata. B'mod partikolari, il-paragrafu 1(b) u (c) jiddisponi:
"Is-segwenti m'għandhomx jiġu [r]reġistrati jew jekk [ir]reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati [i]nvalidi:
[…]
b) trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;
c) trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ biex jiddesinjaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-merkanzija jew li jagħtu s-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz".
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7 Hukla hija proprjetarja tat-trade mark verbali nazzjonali MATRATZEN, irreġistrata fi Spanja fl-1 ta' Mejju 1994 sabiex tiddiżinja, b'mod partikolari, "għamara għal mistrieħ bħal sodod, sufani-sodod, sodod individwali, bennieni, sufani, braned, bunk beds u sodod għat-trabi, sodod li jintlewew, casters għal sodod u għamara, komodini, siġġijiet, pultruni u banketti, frejmijiet għas-sodod, sodod tat-tiben, saqqijiet u mħaded", li jaqgħu taħt il-klassi 20 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.
8 Fl-10 ta' Ottubru 1996, Matratzen Concord ressqet quddiem l-Uffċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI) talba għar-reġistrazzjoni, bħala trade mark Komunitarja, ta' trade mark komposta, verbali u figurativa, li tinkludi fost l-oħrajn il-kelma "Matratzen", għal diversi prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 10, 20 u 24 skond il-Ftehim ta' Nizza.
9 Wara li Hukla ressqet oppożizzjoni għal din ir-reġistrazzjoni billi bbażat ruħha fuq it-trade mark Spanjola preċedenti MATRATZEN, l-imsemmija applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta' deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tal-31 ta' Ottubru 2000. Ir-rikors imressaq minn Matratzen Concord kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs l-UASI – Hukla Germany (Matratzen) (T-6/01, Ġabra p. II-4335), ikkonfermata, fl-appell, permezz tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' April 2004, Matratzen Concord vs l-UASI (C-3/03 P, Ġabra p. I-3657).
10 Fl-istess waqt tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni quddiem il-korpi ta' l-UASI u wara, quddiem il-qrati Komunitarji, Matratzen Concord ressqet quddiem il-Juzgado de Primera Instancia Nru 22 ta' Barċellona (Spanja) rikors għal annullament tat-trade mark nazzjonali MATRATZEN abbażi ta' l-Artikolu 11(1)(a), (e) u (f) tal-liġi Nru 32/1988, ta' l-10 ta' Novembru 1988, fuq it-trade marks (Ley 32/1988, ta' l-10 ta' Novembru, ta' Marcas, BOE Nru 272, tat-12 ta' Novembru 1988). Hija sostniet, fis-sustanza, li, fid-dawl tal-fatt li l-kelma "Matratzen" tfisser "saqqu" fil-lingwa Ġermaniża, l-isem kompost mit-trade mark in kwistjoni huwa ġeneriku u seta' jqarraq bil-konsumaturi rigward in-natura, il-kwalità, il-karatteristiċi jew l-oriġini ġeografika tal-prodotti li jkollhom l-imsemmija trade mark.
11 Minħabba li r-rikors tagħha ġie miċħud permezz ta' sentenza tal-5 ta' Frar 2002, Matratzen Concord appellat minn din is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial ta' Barċellona.
12 Din il-qorti ssostni li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija l-identifikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi li għandha l-imsemmija trade mark u li, f'dan is-sens, il-ġurisprudenza Spanjola tqis l-ismijiet meħuda minn lingwa barranija bħala arbitrarji, kapriċċużi jew fantasjużi, ħlief meta juru xebh ma' kelma Spanjola, li jagħti x'jifhem li l-konsumatur medju jaf it-tifsira tagħhom jew li akkwistaw tifsira reali fuq is-suq nazzjonali.
13 L-Audiencia Provincial ta' Barċellona tistaqsi, madankollu, jekk din l-interpretazzjoni hijiex konformi mal-kunċett ta' "suq uniku". Hija tqis li l-ismijiet ġeneriċi fil-lingwi ta' l-Istati Membri għandhom jibqgħu disponibbli għal użu minn kwalunkwe intrapriża stabbilita f'dawn l-Istati. Ir-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark fi Stat Membru tiffaċilita sitwazzjonijiet ta' monopolju, li jkollhom jiġu miċħuda sabiex jiġu assigurati l-forzi normali tas-suq, u tista' tkun ta' xkiel għall-projbizzjoni ta' kull restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri, imsemmija fl-Artikolu 28 KE.
14 Il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-kawża pendenti quddiemha, it-trade mark Spanjola MATRATZEN tagħti lill-proprjetarju tagħha pożizzjoni li tista' tgħinu jillimita jew jirrestrinġi l-importazzjoni ta' saqqijiet li ġejjin minn Stati Membri ta' lingwa Ġermaniża u, għaldaqstant, li jostakola l-moviment liberu tal-merkanzija.
15 Madankollu, din il-qorti tistaqsi jekk limitazzjonijiet jew restrizzjonijiet bħal dawn jistgħux jiġu ġġustifikati fuq il-bażi ta' l-Artikolu 30 KE. F'dan ir-rigward, hija ssostni li, fis-sentenza tagħha tat-3 ta' Lulju 1974, Van Zuylen (192/73, Ġabra p. 731), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat il-preeminenza tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija fuq il-protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet ta' proprjetà industrijali u qieset li s-soluzzjoni kuntrarja twassal għal qsim mhux mixtieq tas-swieq, li jkun ta' ħsara għall-moviment liberu tal-merkanzija u li joħloq restrizzjonijiet moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.
16 Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha kienet teħtieġ l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 30 KE, l-Audiencia Provincial ta' Barċellona ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
"Il-validità tar-reġistrazzjoni ta' trade mark fi Stat Membru tista' tikkostitwixxi restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati Membri meta t-trade mark in kwistjoni m'għandhiex karattru distintiv jew tintuża fil-kummerċ sabiex tkopri l-prodott li hija tipproteġi jew it-tip tiegħu, il-kwalità tiegħu, il-kwantità tiegħu, l-iskop intiż tiegħu, il-valur tiegħu, l-oriġini ġeografika tiegħu, jew karatteristiċi oħra tal-prodott, u meta hija miktuba f'lingwa ta' Stat Membru ieħor li mhijiex dik mitkellma fl-Istat ta' reġistrazzjoni, bħalma jista' jkun fil-każ tat-trade mark Spanjola "MATRATZEN" intiża sabiex tkopri saqqijiet u prodotti konnessi magħhom?"
Fuq id-domanda preliminari
17 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikoli 28 KE u 30 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu reġistrazzjoni fi Stat Membru, bħala trade mark nazzjonali, ta' kelma meħuda minn lingwa ta' Stat Membru ieħor li fiha l-imsemmija kelma m'għandhiex karattru distintiv jew deskrittiv tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret talba għar-reġistrazzjoni.
18 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta' kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, imwaqqfa permezz ta' l-Artikolu 234 KE, hija l-kompetenza ta' din ta' l-aħħar li tagħti lill-imħallef nazzjonali risposta utli li tgħinu jiddeċiedi l-kawża quddiemu. F'din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja jista' jkollha tieħu in kunsiderazzjoni regoli ta' dritt Komunitarju li għalihom l-imħallef nazzjonali ma għamilx referenza fid-domanda tiegħu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta' Mejju 2000, Schiavon, C-230/98, Ġabra p. I-3547, punt 37, u ta' l-20 ta' Mejju 2003, Ravil, C-469/00, Ġabra p. I-5053, punt 27).
19 Hekk kif jirriżulta mis-seba' premessa tagħha, id-Direttiva tirregola b'mod komplet ir-raġunijiet ta' rifjut jew ta' annullament ta' reġistrazzjoni rigward it-trade mark infisha.
20 Issa, skond ġurisprudenza kostanti, miżura nazzjonali f'qasam li kien is-suġġett ta' armonizzazzjoni kompleta fuq il-livell Komunitarju għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' din il-miżura ta' armonizzazzjoni u mhux dawk tad-dritt primarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-20 ta' Marzu 1997, Phytheron International, C-352/95, Ġabra p. I-1729, punt 17; tat-13 ta' Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C-324/99, Ġabra p. I-9897, punt 32, u ta' l-14 ta' Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 81).
21 Għaldaqstant, huwa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, u b'mod aktar partikolari ta' l-Artikolu 3 tagħha, rigward ir-raġunijiet assoluti ta' rifjut jew ta' annullament ta' reġistrazzjoni, u mhux ta' l-Artikoli 28 KE u 30 KE, li għandu jiġi evalwat jekk id-dritt Komunitarju jipprojbixxix ir-reġistrazzjoni ta' trade mark nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
22 L-Artikolu 3 tad-Direttiva ma jinkludi ebda raġuni ta' rifjut ta' reġistrazzjoni li tirreferi speċifikament għat-trade marks komposti minn kelma meħuda minn lingwa ta' Stat Membru li mhux dak tar-reġistrazzjoni, li fiha l-kelma m'għandhiex karattru distintiv jew deskrittiv tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.
23 Barra minn hekk, tali trade mark ma taqax neċessarjament taħt ir-raġunijiet ta' rifjut ta' reġistrazzjoni bbażati fuq nuqqas ta' karattru distintiv jew ta' karattru deskrittiv tat-trade mark, imsemmija rispettivament fil-punti (b) u (c) ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva.
24 Fil-fatt, sabiex jiġi evalwat jekk trade mark nazzjonali għandhiex karattru distintiv jew hijiex deskrittiva tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għandha titqies il-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat, jiġifieri fil-kummerċ u/jew tal-konsumatur medju ta' l-imsemmija prodotti jew servizzi, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, fit-territorju li fih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara s-sentenzi ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punt 29, u tat-12 ta' Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, Ġabra p. I-1619, punt 77, u Henkel, C-218/01, Ġabra p. I-1725, punt 50).
25 Issa, jista' jkun li, minħabba differenzi lingwistiċi, kulturali, soċjali u ekonomiċi bejn l-Istati Membri, trade mark li, fi Stat Membru, m'għandhiex karattru distintiv jew ma tagħtix deskrizzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, ikollha dawn il-karatteristiċi fi Stat Membru ieħor (ara, b'mod analogu, rigward in-natura qarrieqa ta' trade mark, is-sentenza tas-26 ta' Novembru 1996, Graffione, C-313/94, Ġabra p. I-6039, punt 22).
26 Għaldaqstant, l-Artikolu3(1)(b) u (c) tad-Direttiva ma jipprojbixxix ir-reġistrazzjoni fi Stat Membru, bħala trade mark nazzjonali, ta' kelma meħuda minn lingwa ta' Stat Membru ieħor li fih din il-kelma m'għandhiex karattru distintiv jew hija deskrittiva tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ħlief meta dawk ikkonċernati fl-Istat Membru li fih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkunu kapaċi jagħrfu t-tifsira ta' din il-kelma.
27 Din l-interpretazzjoni tad-Direttiva hija konformi mal-kundizzjonijiet tat-Trattat, u b'mod partikolari dawk ta' l-Artikoli 28 KE u 30 KE.
28 Hija fil-fatt ġurisprudenza kostanti li, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, it-Trattat ma jaffettwax l-eżistenza tad-drittijiet irrikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru fil-qasam tal-proprjetà intelletwali, imma jillimita biss, skond iċ-ċirkustanzi, l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet (sentenzi tat-22 ta' Ġunju 1976, Terrapin, 119/75, Ġabra p. 1039, punt 5, u tat-22 ta' Jannar 1981, Dansk Supermarked, 58/80, Ġabra p. 181, punt 11, u d-digriet Matratzen Concord vs l-UASI, iċċitat iktar 'il fuq, punt 40).
29 Skond din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 42 tad-digriet Matratzen Concord vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq – li fiha diġà kienet ġiet ikkontestata t-trade mark Spanjola MATRATZEN, suġġett tal-kawża prinċipali -, li l-prinċipju ta' moviment liberu tal-merkanzija ma jipprojbixxix lil Stat Membru milli jirreġistra, bħala trade mark nazzjonali, marka li, fil-lingwa ta' Stat Membru ieħor, hija deskrittiva tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati.
30 Din l-osservazzjoni tapplika wkoll fil-każ fejn il-marka in kwistjoni, fil-lingwa ta' Stat Membru li mhux dak tar-reġistrazzjoni, ma jkollhiex karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.
31 Għandu jingħad ukoll li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 59 sa 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-reġistrazzjoni fi Stat Membru ta' trade mark bħal dik fil-kawża prinċipali ma tipprojbixxix kull użu, minn operaturi ekonomiċi oħra fl-imsemmi Stat Membru, tal-kelma li tikkostitwixxi din it-trade mark.
32 Bħala konklużjoni, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(b) u (c), tad-Direttiva ma jipprojbixxix ir-reġistrazzjoni, fi Stat Membru, bħala trade mark nazzjonali, ta' kelma meħuda minn lingwa ta' Stat Membru ieħor li fiha l-imsemmija kelma m'għandhiex karattru distintiv jew deskrittiv tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ħlief meta dawk ikkonċernati fl-Istat Membru li fih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkunu kapaċi jagħrfu t-tifsira ta' din il-kelma.
Fuq l-ispejjeż
33 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:
L-Artikolu 3(1)(b) u (c) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru, 1988 intiża biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, ma jipprojbixxix ir-reġistrazzjoni, fi Stat Membru, bħala trade mark nazzjonali, ta' kelma meħuda minn lingwa ta' Stat Membru ieħor li fih il-kelma m'għandhiex karattru distintiv jew hija deskrittiva tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ħlief meta dawk ikkonċernati fl-Istat Membru li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkunu kapaċi jagħrfu t-tifsira ta' din il-kelma.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.