Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0125

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-27 ta' Jannar 2005.
Guy Denuit u Betty Cordenier vs Transorient - Mosaïque Voyages et Culture SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Collège d'arbitrage de la Commission de Litiges Voyages - il-Belġju.
Domandi preliminari - Rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja - Qorti nazzjonali fis-sens ta' l-Artikolu 234 KE - Tribunal ta' l-arbitraġġ.
Kawża C-125/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:69

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (ir-Raba' Awla)

27 ta' Jannar 2005 (*)

«Domandi preliminari – Rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Qorti nazzjonali fis-sens ta' l-Artikolu 234 KE – Tribunal ta' l-arbitraġġ»

Fil-kawża C-125/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE,  imressqa mill-collège d'arbitrage de la Commission de Litiges Voyages (il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni ta' l-4 ta' Diċembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta' Marzu 2004, fil-proċedura

Guy Denuit,

Betty Cordenier

vs

Transorient - Mosaïque VoyagesuCulture SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (ir-Raba' Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta' l-Awla,  N. Colneric u J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur:  R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

- għall-Gvern Belġjan, minn E. Dominkovits, bħala aġent,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u J.‑P. Keppenne, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, p. 59, iktar 'il quddiem id-"Direttiva").

2       Din it-talba kienet giet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Denuit u Cordenier kontra Transorient – Mosaïque Voyages et Culture SA, aġenzija ta' l-ivvjaġġar (iktar 'il quddiem l-"aġenzija"), dwar il-prezz ta' vjaġġ organizzat fl-Eġittu.

 Il-kuntest ġuridiku

3       L-Artikolu 4(4)(a) tad-Direttiva jipprovdi:

"Il-prezzijiet stabbiliti fil-kuntratt ma għandhomx ikunu suġġetti għal ebda reviżjoni kemm-il darba l-kuntratt ma jipprovdix espressament għall-possibiltà ta' reviżjoni 'l fuq jew 'l isfel u jgħid bil-preċiż kif jiġu kkalkulati l-prezzijiet riveduti, u dan biss biex jippermettu għal [varjazzjonijiet] fi:

–       il-prezzijiet tat-trasport, inkluż il-prezz tal-karburant,

–       id-drittijiet, it-taxxi jew l-imposti li jitħallsu fuq ċerti servizzi, bħal ma huma t-taxxi ta' l-atterraġġ jew id-drittijiet ta' l-imbarkazzjoni [imbark] jew id-disimbarkazzjoni [diżimbark] fil-portijiet u fl-ajruporti,

–       ir-rati tal-kambju applikati għall-pakkett partikolari."

4       Id-Direttiva kienet ġiet trasposta fid-dritt Belġjan permezz tal-liġi tas-16 ta' Frar 1994 li tirregola l-kuntratt ta' organizzazzjoni ta' vjaġġi u l-kuntratt ta' bejjiegħ ta' vjaġġi (Moniteur belge ta' l-1 ta' April 1994, p. 8928) u li l-Artikolu 11(1) tagħha, li jikkorrispondi ma' l-imsemmi Artikolu 4(4)(a) tad-Direttiva, jipprovdi:

"Il-prezz stabbilit fil-kuntratt ma għandux jiġi rivedut sakemm il-kuntratt ma jipprovdix espressament għall-possibbiltà li l-prezz jiġi rivedut u jippreċiża kif għandu jiġi kkalkulat u dan sakemm ir-reviżjoni tkun ikkawżata minn varjazzjonijiet:

a)      fir-rati tal-kambju applikati għall-vjaġġ, u/jew

b)      fil-prezz tat-trasport, inkluż il-prezz tal-karburant, u/jew

c)      fil-piżijiet u taxxi li jitħallsu fuq ċerti servizzi.

F'dan il-każ, il-bidliet imsemmija għandhom iwasslu wkoll għal tnaqqis fil-prezz."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5       Denuit u l-mara tiegħu, Cordenier, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, irriżervaw mingħand l-aġenzija vjaġġ u soġġorn kollox kompriż fl-Eġittu, għalihom u għat-tifel tagħhom Thierry, bil-prezz totali ta' 2,765 EUR li kien jinkludi, b'mod partikolari, it-trasport bl-ajru minn Brussell, bir-ritorn, kif ukoll kruċiera fuq in-Nil bejn it-2 u d-9 ta' Marzu 2003.

6       Fil-kundizzjonijiet speċjali ta' l-aġenzija kien hemm miktub li "l-prezz ta' dawn is-servizzi kien ġie kkalkulat abbażi tar-rata tal-kambju tad-dollaru fis-seħħ meta kien ippubblikat dan l-opuskolu (Jannar 2002 – bir-rata ta' 1 EUR = 0.91 USD). Kwalunkwe varjazzjoni ta' aktar minn 10% qabel it-tluq tippermettilna li nibdlu l-prezzijiet tagħna".

7       Wara l-vjaġġ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-aġenzija tħallashom lura parti – jiġifieri 217.61 EUR – mill-prezz totali li kienu diġà ħallsu minħabba li, skondhom, il-prezz kellu jiġi mnaqqas skond il-proporzjon tal-prezz totali tas-servizzi kkalkulat f'dollari minħabba li fil-jum meta siefru, ir-rata tal-kambju ta' din il-munita nbidlet għal 1.08 USD għal 1 EUR.

8       L-aġenzija rrifjutat li tħallas lura lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali billi invokat, b'mod partikolari, l-Artikolu 11(1) tal-liġi tas-16 ta' Frar 1994.

9       Wara dan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu t-talba tagħhom quddiem il-collège d'arbitrage de la Commission de Litiges Voyages, li huwa assoċjazzjoni mingħajr skop ta' qligħ irregolat mid-dritt Belġjan.

10     Minħabba li kkunsidra li l-kwistjoni mressqa quddiemu teħtieġ l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva, il-collège d'arbitrage de la Commission de Litiges Voyages iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Meta klawsola fil-kuntratt li jorbot lill-konsumatur ma' l-organizzatur jew/u mal-bejjiegħ tipprovdi biss għall-possibbiltà li l-prezz jiġi rrivedut 'l fuq u tiddetermina l-metodi preċiżi kif dan għandu jiġi kkalkulat, bl-iskop waħdieni li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-varjazzjonijiet elenkati b'mod eżawrjenti fl-Artikolu 4(4)(a) tad-Direttiva, għandu dan l-Artikolu jiġi interpretat li jimponi b'mod impliċitu li l-prezz għandu jiġi rrivedut 'l isfel skond l-istess metodu ta' kalkolu?

2)      Meta klawsola fil-kuntratt li jorbot lill-konsumatur ma' l-organizzatur jew/u mal-bejjiegħ tipprovdi kemm għall-possibbiltà li l-prezz jiġi rrivedut 'l fuq u kemm għall-possibbiltà li l-prezz jiġi rrivedut 'l isfel mingħajr ma tiddetermina l-metodi preċiżi kif dan għandu jiġi kkalkulat, bl-iskop waħdieni li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-varjazzjonijiet elenkati b'mod eżawrjenti fl-Artikolu 4(4)(a) tad-Direttiva, għandu dan l-Artikolu jiġi interpretat li jwassal għan-nullità tal-klawsola kollha jew li jillimita n-nullità fir-rigward tar-reviżjoni tal-prezz 'l fuq?

3)      Meta klawsola fil-kuntratt li jorbot lill-konsumatur ma' l-organizzatur jew/u mal-bejjiegħ tipprovdi għall-possibbiltà li l-organizzatur tal-vjaġġi u/jew il-bejjiegħ biss jista' jirrevedi l-prezz 'l fuq jew 'l isfel u tiddetermina l-metodi preċiżi kif dan għandu jiġi kkalkulat, bl-iskop waħdieni li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-varjazzjonijiet elenkati b'mod eżawrjenti fl-Artikolu 4(4)(a) tad-Direttiva, għandu dan l-Artikolu jiġi interpretat li jwassal għan-nullità tal-klawsola kollha jew din in-nullità hija limitata fir-rigward tar-reviżjoni tal-prezz 'l fuq?

4)      Meta klawsola fil-kuntratt li jorbot lill-konsumatur ma' l-organizzatur jew/u mal-bejjiegħ tipprovdi għall-possibbiltà li kemm l-organizzatur tal-vjaġġi u/jew il-bejjiegħ u kemm il-konsumatur jistgħu jirrevedu l-prezz 'l fuq jew 'l isfel u tiddetermina l-metodi preċiżi kif dan għandu jiġi kkalkulat, bl-iskop waħdieni li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-varjazzjonijiet elenkati b'mod eżawrjenti fl-Artikolu 4(4)(a) tad-Direttiva, għandu dan l-Artikolu jiġi interpretat li jobbliga lill-organizzatur ta' vjaġġi u/jew lill-bejjiegħ jipproċedi b'reviżjoni tal-prezz 'l isfel jekk din ma kinitx mitluba mill-konsumatur?

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

11     Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat jekk il-collège d'arbitrage de la Commission de Litiges Voyages għandux jitqies bħala qorti fis-sens ta' l-Artikolu 234 KE.

12     Sabiex teżamina jekk l-organu tar-rinviju għandux in-natura ta' qorti ta' Stat Membru fis-sens ta' l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu in kunsiderazzjoni numru ta' elementi, bħal ma huma l-bażi legali ta' l-organu, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni ta' regoli ta' dritt minn dan l-organu, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta' Settembru 1997, Dorsch Consult, C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-30 ta' Mejju 2002, Schmid, C-516/99, Ġabra p. I-4573, punt 34).

13     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tribunal ta' l-arbitraġġ konvenzjonali ma jikkostitwixxix qorti ta' Stat Membru fis-sens ta' l-Artikolu 234 KE meta l-partijiet kontraenti ma jkollhom l-ebda obbligu, la fid-dritt u lanqas fil-fatt, li jirreferu t-tilwima tagħhom għall-arbitraġġ u l-awtoritajiet pubbliċi ta' l-Istat Membru kkonċernat la jkunu involuti fl-għażla li t-tilwima tkun sottomessa għall-arbitraġġ u lanqas ma jkunu meħtieġa jintervjenu ex officio fl-iżvolġiment tal-proċedura quddiem l-arbitru (ara s-sentenzi tat-23 ta' Marzu 1982, "Nordsee" Deutsche Hochseefischerei, 102/81, Ġabra p. 1095, punti 10 sa 12, u ta' l-1 ta' Ġunju 1999, Eco Swiss, C-126/97, Ġabra p. I-3055, punt 34).

14     Fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kwistjoni ġiet sottomessa quddiem il-collège d'arbitrage de la Commission de Litiges Voyages minħabba ftehim ta' arbitraġġ konkluż bejn il-partijiet.

15     Il-leġiżlazzjoni Belġjana ma timponix ir-rikors għal dan it-tribunal ta' l-arbitraġġ bħala l-uniku metodu kif tiġi riżolta kwistjoni bejn individwu u aġenzija ta' l-ivjaġġar. Ċertament, qorti ordinarja li quddiemha titressaq kwistjoni li hija s-suġġett ta' ftehim ta' arbitraġġ għandha tiddikjara lilha nfisha inkompetenti skond l-Artikolu 1679(1) tal-kodiċi tal-ġustizzja Belġjan. Madankollu, il-ġurisdizzjoni tal-collège d'arbitrage de la Commission de Litiges Voyages mhix obbligatorja fis-sens li, fin-nuqqas ta' ftehim ta' arbitraġġ konkluż bejn il-partijiet, individwu jista' jressaq rikors quddiem il-qrati ordinarji biex tkun deċiża l-kwistjoni.

16     Minħabba li, fil-kawża prinċipali, il-partijiet kontraenti m'għandhom l-ebda obbligu, la fid-dritt u lanqas fil-fatt, li jirreferu t-tilwima tagħhom għall-arbitraġġ u l-awtoritajiet pubbliċi Belġjani m'humiex involuti fl-għażla li t-tilwima tkun sottomessa għall-arbitraġġ, il-collège d'arbitrage de la Commission de Litiges et Voyages ma għandux jitqies bħala qorti jew tribunal ta' Stat Membru fis-sens ta' l-Artikolu 234 KE.

17     Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja mhix kompetenti biex twieġeb għad-domandi magħmula mill-collège d'arbitrage de la Commission de Litiges Voyages.

 Fuq l-ispejjeż

18     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-collège d’arbitrage de la Commission de Litiges Voyages, huwa dan li għandu jiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) taqta' u tiddeċiedi:

Il-Qorti tal-Ġustizzja mhix kompetenti biex twieġeb għad-domandi magħmula mill-collège d’arbitrage de la Commission de Litiges Voyages.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top