EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0304

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta' Lulju 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Franċiża.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Sajd - Obbligi ta' kontroll imposti fuq Stati Membri - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Inadempjenza - Artikolu 288 KE - Ħlas ta' somma f'daqqa - Impożizzjoni ta' pagamenti ta' penalità.
Kawża C-304/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:444

62002J0304



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-304/02

li għanda bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 228KE, ippreżentat fis-27 ta' Awissu 2002,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Nolin, H. van Lier, u T. van Rijn, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u A. Colomb, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

Komposta minn M. V. Skouris, President, P. Jann (Relatur), C. W. A. Timmermans, Presidenti ta' Awla, C. Gulmann, J.P. Puissochet et, u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali, wara M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali, u H. v. Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bill-miktub u wara s-seduta tat-3 ta' Marzu 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-29 ta' April 2004,

wara li rat id-digriet sabiex terġa' tinfetaħ il-proċedura orali tas-16 ta' Ġunju 2004 u wara s-seduta tal-5 ta' Ottubru 2004,

wara li semgħet is-sottomissjonijiet orali :

- tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn G. Marenco, C. Ladenburger u T. van Rijn, bħala aġenti,

- tar-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn R. Abraham, G. de Bergues u A. Colomb, bħala aġenti,

- tar-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn J. Devadder, bħala aġent,

- tar-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn T. Boek, bħala aġent,

- tar-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn A. R. Jacobsen u J. Molde, bħala aġenti,

- tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W. D. Plessing, bħala aġent,

- tar-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn Aik Samoni u E. M. Mamouna, bħala aġenti,

- tar-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn N. Diaz Abad, bħala aġent,

- ta' l-Irlanda, irrappreżentata minn D. O'Donnell u P. Mc Cann, bħala aġenti,

- tar-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent,

- tar-Repubblika ta' Ċipru, irrappreżentata minn D. Lyssandrou u E. Papageorgiou, bħala aġenti,

- tar-Repubblika ta' l-Ungerija, irrappreżentata minn R. Somssich u A. Muller, bħala aġenti,

- tar-Renju ta' l-Olanda, irrappreżentat minn J. van Bakel, bħala aġent,

- tar-Repubblika ta' l-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl, Rechtsanwalt,

- tar-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn T. Nowakowski, bħala aġent,

- tar-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes, bħala aġent,

- tar-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä, bħala aġent u

- tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn M. D. Anderson, QC,

- wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex :

- tikkonstata li r-Repubblika Franċiża, peress li ma ħaditx il-miżuri meħtieġa sabiex teżegwi s-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza (C-64/88, Ġabra p. I-2727), naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 228 KE,

- tikkundanna lir-Repubblika Franċiża sabiex tħallas lill-Kummissjoni, fuq il-kont "Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea", penali tà 316 500 EUR kuljum sa ma timplementa l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza l-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, u dan mid-data tal-qari ta' din is-sentenza u sa l-eżekuzzjoni s-sentenza l-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar il-fuq;

- tikkundanna lir-Repubblika Franċiża tbagħti l-ispejjeż.

Il-leġiżlazzjoni komunitarja

Il-leġiżlazzjoni dwar il-kontrolli

2. Il-Kunsill kien stabilixxa ċerti miżuri ta' kontroll għall-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti ta' l-Istati Membri. Dawn il-miżuri ġew iddefiniti suċċessivament permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru. 2057/82 tad-29 ta' Ġunju 1982 li jistabbilixxi ċerti miżuri ta' kontroll għall-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti ta' l-Istati Membri (ĠU L 220, p.1), li ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru. 2241/87 tat-23 ta' Lulju 1987 li jistabbilixxi ċerti miżuri ta' kontroll għall-attivitajiet tas-sajd (ĠU L 207 p.1), dan ukoll imħassar u sostitwit, wara l-1 ta' Jannar 1994, bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika komuni tas-sajd (ĠU L 261, p.1).

3. Il-miżuri ta' kontroll iddefiniti permezz ta' dawn ir-Regoli huma, essenzjalment, identiċi.

4. L-Artikolu 1 (1) u (2), tar-Regolament Nru. 2847/93 jipprovdi :

"1. Sabiex tiġi żgurata konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, qiegħda b'dan tiġi mwaqqfa sistema Komunitarja li tinkludi b'mod partikolari dispożizzjonijiet għall-verifika teknika ta':

- miżuri ta' konservazzjoni u amministrazzjoni ta' riżorsi,

- miżuri strutturali,

- miżuri dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq,

ukoll ċerti dispożizzjonijiet dwar l-effettività tas-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati f'każijiet fejn il-miżuri msemmija hawn fuq ma jiġux osservati.

2. Għal dan il-għan kull Stat Membru għandu jadotta, skond ir-regoli tal-Komunità, miżuri xieraq biex jiżguraw l-effettività tas-sistema. Għandu jpoġġi mezzi suffiċjenti għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti biex ikunu jistgħu jwettqu x-xogħol tagħhom ta' spezzjoni u kontroll kif ipprovdut f'dan ir-Regolament".

5. L-Artikolu 2(1) ta' l-istess Regolament jipprovdi :

"Sabiex tiġi żgurata konformità mar-regoli kollha fis-seħħ dwar il-miżuri ta' konservazzjoni u kontroll, kull Stat Membru għandu, fit-territorju u fl-ibħra marittimi tiegħu suġġetti għas-sovranità jew l-ġurisdizzjoni tiegħu, jivverifika l-attività tas-sajd u l-attivitajiet relatati. Għandu jispezzjona l-bastimenti tas-sajd u jinvestiga l-attivitajiet kollha biex b'hekk tkun tista' ssir il-verifika ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż l-attivitajiet ta' l-inżul, bejgħ, trasport u ħażna tal-ħut u r-reġistrazzjoni ta' l-inżul u l-bejgħ".

6. Skond l-Artikolu 31 (1) u (2) ta' l-imsemmi Regolament :

"1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li miżuri xierqa jittieħdu, inkluż azzjoni amministrattiva jew proċeduri kriminali skond il-liġi nazzjonali tagħhom, kontra l-persuni naturali jew legali responsabbli fejn ma tkunx ġiet rispettata l-politika komuni tas-sajd, partikolarment wara verifika jew spezzjoni mwettqa bis-saħħa ta' dan ir-Regolament.

2. Il-proċeduri mibdija bis-saħħa tal-paragrafu 1 għandhom ikunu kapaċi, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, li effettivament iċaħħdu dawk responsabbli mill-benefiċċju ekonomiku tal-ksur jew tal-produzzjoni ta' riżultati proporzjonati għas-serjetà ta' dan il-ksur, li effettivament jiskoraġġixxu reati oħra ta' l-istess tip".

Il-leġiżlazzjoni teknika

7. Il-miżuri tekniċi dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd previsti permezz ta' regoli fuq il-kontrolli ġew stabbiliti b'mod partikolari fir-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru. 171/83 tal-25 ta' Jannar 1983 (ĠU L 24, p.14), li ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru. 3094/86 tas-7 ta' Ottubru 1986 (ĠU L 288, p.1), dan ukoll imħassar u ssostitwit, wara l-1 ta' Lulju 1997, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 894/97 tad-29 ta' April 1997 (ĠU L 132, p.1), li min-naħa tiegħu kien imħassar b'mod parzjali u ssostitwit, wara l-1 ta' Jannar 2000, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998, dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar [ta' frieħ] ta' organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, p.1).

8. Il-miżuri tekniċi stabbiliti permezz ta' dawn ir-Regoli huma, essenzjalment, identiċi.

9. Dawn il-miżuri jikkonċernaw, b'mod partikolari, id-daqs minimu tal-malji tax-xbiek, il-projbizzjoni li jinżiedu ċerti strumenti max-xbiek li jippermettu l-ostruzzjoni tal-malji jew li jnaqqsu d-dimensjoni tagħhom, il-projbizzjoni li jinbiegħ ħut li ma jkunx laħaq id-daqs minimu (iktar 'il quddiem "il-ħut ta' daqs żgħir"), ħlief għall-qabdiet li jkunu jirrapreżentaw biss persentaġġ limitat tal-qabda (iktar 'il quddiem "qabdiet supplementari")

Is-sentenza il-Kummissjoni vs Franza

10. Fis-sentenza l-Kummissjoini vs Franza, iċċitata iktar 'il-fuq, il-Qorti tal-Ġustiżżja qatgħet u ddeċidiet :

"Ir-Repubblika Franċiża peress illi ma assiguratx, mill-1984 sa l-1987, kontroll li jiggarantixxi r-rispett tal-miżuri tekniċi komunitarji għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, kif previst fir-Regolament [Nru.171/83] u fir-Regolament [Nru. 3094/86], naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha permezz ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament [Nru. 2057/82] kif ukoll permezz ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament [Nru. 2241/87]."

11. F'din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja laqagħat ħamsa mill-ilmenti mressqa kontra r-Repubblika Franċiża :

- nuqqas ta' kontrolli f'dak li jirrigwarda d-daqs minimu tal-malji tax-xbiek (punti 12 sa 15 tas-sentenza);

- nuqqas ta' kontrolli f'dak li jirrigwarda t-tqiegħid max-xbiek ta' ċerti strumenti projbiti mill-leġiżlazzjoni komunitarja (punti 16 u 17 tas-sentenza),

- nuqqas ta' Stat li jwettaq l-obbligi ta' kontroll fir-rigward tal-qabdiet supplementari (punti 18 u 19 tas-sentenza);

- nuqqas ta' Stat li jwettaq l-obbligi ta' kontroll f'dak li jirrigwarda r-rispett tal-miżuri tekniċi ta' konservazzjoni li jipprojbixxu il-bejgħ tal-ħut ta' daqs żgħir (punti 20 sa 23 tas-sentenza);

- nuqqas ta' Stat li jwettaq l-obbligu li jippersegwixxi vjolazzjonijiet (punt 24 tas-sentenza).

Il-proċedura prekontenzjuża

12. Permezz ta' ittra tat-8 ta' Novembru 1991, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jikkomunikawlha l-miżuri meħuda sabiex tiġi eżegwita s-sentenza l-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq. Fit-22 ta' Jannar 1992, l-awtoritajiet Franċiżi rrispondew li huma "kienu beħsiebhom jagħmlu kull ma kien possibbli għalihom sabiex jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet" komunitarji.

13. Waqt diversi missjonijiet effettwati f'portijiet Franċiżi, l-ispetturi tal-Kummissjoni kienu kkonstataw li kien hemm titjib fis-sitwazzjoni, iżda sabu diversi nuqqasijiet fil-kontrolli eżerċitati mill-awtoritajiet Franċiżi.

14. Wara li kienet stiednet lir-Repubblika Franċiża sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ħarġet, fis-17 ta' April 1996, Opinjoni Motivata li fiha kkonstatat li s-sentenza l-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, ma kinitx ġiet imwettqa fuq il-punti li ġejjin :

- nuqqas ta' konformità, mal-leġiżlazzjoni komunitarja, tal-miżura dwar id-daqs minimu tal-malji tax-xbiek,

- insuffiċjenza tal-kontrolli, li tippermetti l-bejgħ ta' ħut ta' daqs żgħir;

- attitudni permissiva ta' l-awtoritajiet Franċiżi fil-persegwiment tal-vjolazzjoni.

15. Filwaqt li ġibdet l-attenzjoni fuq l-eventwalità ta' penalitajiet finanzjari għal nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni stabiliet żmien ta' xahrejn sabiex ir-Repubblika Franċiża tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex teżegwi s-sentenza l-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq.

16. Fil-kuntest ta' skambju ta' ittri bejn l-awtoritajiet Franċiżi u d-dipartimenti tal-Kummissjoni, l-imsemmija awtoritajiet żammew lil din ta' l-aħħar infurmata dwar il-miżuri li kienu ħadu u li kienu qed ikomplu jimplementaw fil-qasam ta' tisħiħ ta' kontrolli.

17. Fl-istess ħin, ġew effettwati missjonijiet ta' spezzjoni f'portijiet Franċiżi. Fuq il-bażi tar-rapporti li ġew elaborati wara ż-żjara mill-24 sat-28 ta' Awwissu 1996 f'Lorient, f'Guilvinec u f'Concarneau, mit-22 sas-26 ta' Settembru 1997 f'Guilvinec, f'Concarneau u f'Lorient, mit-13 sas-17 ta' Ottubru 1997 f'Marennes-Oléron, f'Arcachon u f'Bayonne, mit-30 ta' Marzu sa' l-4 ta' April 1998 f'Bretagne du sud u f'Aquitaine, mill-15 sad-19 ta' Marzu 1999 f'Douarnenez u f'Lorient kif ukoll, mit-13 sat-23 ta' Lulju 1999, f'Lorient, f'Bénodet, f'Loctudy, f'Guilvenec, f'Lesconil u f'Saint Guénolé, id-dipartimenti tal-Kummissjoni waslu għall-konklużjoni li kien għad baqa żewġ problemi, jiġifieri, min-naħa, insuffiċenza ta' kontrolli li tippermetti l-bejgħ tal-ħut ta' daqs żgħir u, min-naħa l-oħra, l-attitudni permissiva ta' l-awtoritajiet Franċiżi fil-persegwiment tal-vjolazzjonijiet.

18. Ir-rapporti ta' l-ispetturi wasslu lill-Kummissjoni sabiex toħroġ, fis-6 ta' Ġunju 2000, Opinjoni Motivata addizzjonali, li fiha hi kkonstatat li s-sentenza l-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il-fuq, ma ġietx imwettqa fuq iż-żewġ punti msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni indikat li, f'dan il-kuntest, hi kienet tqis bħala "partikolarment gravi l-fatt li dokumenti pubbliċi dwar bejgħ bl-irkant jużaw b'mod uffiċjali l-kodiċi "00" bi ksur ċar tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2406/96 tas-26 ta' Novembru 1996 li jistabbilixxi standards komuni għall- marketing għal ċerti prodotti ta' l-industrija tas-sajd" (ĠU L 334, p.1). Hi ġibdet l-attenzjoni fuq l-eventwalità ta' penalitajiet finanzjarji.

19. Fir-risposta tagħhom ta' l-1 ta' Awwissu 2000, l-awtoritajiet Franċiżi sostanzjalment sostnew li, wara l-aħħar rapport ta' spezzjoni, kienu saru tibdiliet importanti fil-kontrolli nazzjonali tas-sajd. Fiha kienet saret riorganizzazzjoni interna, bit-twaqqif ta' "ċellula", li iktar tard saret "missjoni" tal-kontroll tas-sajd, u li kienet ibbenefikat minn tisħiħ tal-mezzi ta' kontroll, permezz, b'mod partikolari, tad-disponibbiltà ta' petrowl bowts u ta' sistema ta' sorveljanza fuq skrin tal-pożizzjoni tal-bastimenti kif ukoll it-tqassim mal-personàl ta' kontroll ta' l-istruzzjonijiet għall-użu.

20. Waqt missjoni ta' spezzjoni mit-18 sat-28 ta' Ġunju 2001, fil-lokalitajiet ta' Guilvinec, ta' Lesconil, ta' Saint Guénolé u ta' Loctudy, l-ispetturi tal-Kummissjoni kkonstataw id-dgħjufija tal-kontrolli, il-preżenza ta' ħut ta' daqs żgħir u l-bejgħ ta' dan il-ħut taħt il-kodiċi "00".

21. Permezz ta' ittra tas-16 ta' Ottubru 2001, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni kopja ta' ċirkolari indirizzata lid-direttorati reġjonali u dipartimentali ta' l-affarijiet marittimi, li kienet tordnalhom iwaqqfu l-użu tal-kodiċi "00" sa mill-31 ta' Diċembru u li japplikaw, minn dik id-data, is-sanzjonijiet preskritti għall-operaturi li ma jikkonformawx ruħhom magħha. L-imsemmija awtoritajiet sostnew li kien hemm żieda, wara l-1998, fin-numru ta' persegwimenti tal-ksur tar-regoli dwar id-daqs minimu u tal-karattru li jiskoraġixxi tal-pieni mogħtija. Dawn kienu wkoll jagħmlu parti mill-adozzjoni, fl-2001, ta' pjan ta' kontroll ġenerali tas-sajd, li kien jistabilixxi prijoritajiet, fosthom l-implementazzjoni ta' pjan ta' ripopolament tal-marlozz u l-kontroll strett tar-rispett tad-daqsijiet minimi.

22. Minħabba li r-Repubblika Franċiża għadha sal-ġurnata tal-lum ma wettqitx is-sentenza l-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23. Bħala tweġiba għall-mistoqsija li għamlitilha l-Qorti tal-Ġustizzja in vista tas-seduta tat-3 ta' Marzu 2004, il-Kummissjoni infurmat li, wara li ġie ppreżentat dan ir-rikors, id-dipartimenti tagħha kienu wettqu tliet missjonijiet ġodda ta' spezzjoni (mill-11 sas-16 ta' Mejju 2003 f'Sète u f'Port Vendres, mid-19 sal-20 ta' Ġunju 2003 f'Lesconil, f'St Guénolé u f'Guilvenec, kif ukoll mill-14 sat-22 ta' Lulju 2003 f'Port-la-Nouvelle, f'Sète, f'Grau-du-Roi, f'Carro, f'Sanary sur-Mer u f'Toulon). Skond il-Kummissjoni, mir-rapporti ta' dawn il-missjonijiet jirriżulta li ġewwa l-Bretanja n-numru ta' bejgħ ta' ħut ta' daqs żgħir kien naqas, iżda li kien għad hemm problemi fuq il-kosta mediterranja f'dak li jirrigwarda t-tonn ta' denbu ikħal. Irriżulta ukoll li l-kontrolli ta' meta l-ħut jitniżżel l-art kienu ftit frekwenti.

24. Il-Kummissjoni spjegat li, sabiex tkun tista' tikkunsidra l-effettività tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi, ikun neċessarju għaliha li tiddisponi mir-rendikonti u mill-bilanċi statistiċi li jirrigwardaw l-implementazzjoni tad-diversi miżuri ta' organiżazzjoni ġenerali ta' kontroll tas-sajd li semma l-Gvern Franċiż.

25. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja stednitu jindika n-numru ta' kontrolli fuq il-baħar u fuq l-art li, wara li sar dan ir-rikors, l-awtoritajiet Franċiżi kienu wettqu sabiex jiġu rrispettati r-regoli dwar id-daqs minimu tal-ħut kif ukoll in-numru ta' vjolazzjonijiet li ġew ikkonstatati u l-azzjonijiet ġudizzjarji meħuda kontra dawn il-vjolazzjonijiet, il-Gvern Franċiż ippreżenta, fit-30 ta' Jannar 2004, dati statistiċi ġodda. Minn dawn irriżulta li n-numru ta' kontrolli, ta' konstatazzjonijiet ta' vjolazzjonijiet u ta' kundanni fis-sena 2003 kienu naqsu meta mqabbla mas-sena 2002.

26. L-ispjegazzjoni mogħtija mill-Gvern Franċiż għat-tnaqqis tal-kontrolli fuq il-baħar kienet il-mobilitazzjoni tal-bastimenti Franċiżi sabiex jaħdmu kontra t-tniġġis ikkawżat mill-għarqa tat-tanker Prestige u, għat-tnaqqis fil-kontrolli fuq l-art, it-titjib fid-dixxiplina tas-sajjieda. Hu spjega t-tnaqqis ta' kundanni mogħtija minħabba l-effetti tal-Liġi Nru. 2002-1062 tas-6 ta' Awwissu 2002, li tat amnestija (ĠURF Nru. 185, tad-9 ta' Awissu 2002, p. 13647), filwaqt li saħaq fuq iż-żieda fl-ammont medju ta' l-ammendi mogħtija.

Fuq l-allegat nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu

Fuq l-area ġeografika in kwistjoni

27. Preliminarjament, irid jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni magħmula fil-parti operattiva tas-sentenza l-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, fejn intqal li r-Repubblika Franċiża ma assiguratx kontroll li jiggarantixxi r-rispett tal-miżuri tekniċi komunitarji għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd previsti mir-Regolameni Nru. 171/83 u 3094/86, tirrigwarda biss, kif jirriżulta mid-delimitazzjoni effettwata fl-Artikolu 1(1) ta' dawn ir-Regoli, il-qbid u t-tniżżil fl-art tar-riżorsi tas-sajd li jinstabu f'ċerti żoni tal-grigal ta' l-Atlantiku.

28. Kif sostna l-Gvern Franċiż u kif ippreċiżat il-Kummissjoni fis-seduta tat-3 ta' Marzu 2004, dan ir-rikors għaldaqstant jirrigwarda biss is-sitwazzjoni fl-istess zoni.

Fuq id-data ta' referenza

29. Il-Kummissjoni indirizzat l-ewwel Opinjoni Motivata lir-Repubblika Franċiża fl-14 ta' April 1996, u Opinjoni Motivata addizzjonali fis-6 ta' Ġunju 2000.

30. Minn dan isegwi li d-data ta' referenza sabiex jiġi kkunsidrat l-allegat nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu tinstab fl-iskadenza tat-terminu preskritt fl-Opinjoni Motivata addizzjonali tas-6 ta' Ġunju 2000, jiġifieri xahrejn wara li ġiet innotifikata din ta' l-aħħar (sentenza tat-13 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-474/99, Ġabra p. I-5293, punt 27, u l-Kummissjoni vs il-Greċja, C-33/01, Ġabra p. I-5447, punt 13).

31. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Franċiża tiġi kkundannata tħallas pagamenti ta' penalità, irid ukoll jiġi stabbilit jekk l-allegat nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu baqax għaddej sa ma l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-fatti.

Fuq il-firxa ta' l-obbligi imposti lill-Istati Membri fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd

32. L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru. 2847/93, li jikkostitwixxi, fil-qasam tas-sajd, espressjoni partikolati ta' l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri permezz ta' l-Artikolu 10 KE, jipprevedi li dawn ta' l-aħħar għandhom jadottaw miżuri xierqa sabiex jassiguraw l-effettività tas-sistema komunitarja ta' konservazzjoni u amministrazzjoni ta' riżorsi f'dak li jirigwarda s-sajd.

33. Ir-Regolament Nru. 2847/93 jistabbilixxi f'dan ir-rigward responsabbiltà konġunta ta' l-Istati Membri (ara, dwar ir-Regolament Nru. 2241/87, is-sentenza tas-27 ta' Marzu 1990, Spanja vs il-Kunsill, C-9/89, Ġabra p. I-1383, punt 10). Din ir-responsabbiltà konġunta timplika li, la darba Stat Membru jonqos mill-obbligi tiegħu, dan joħloq preġudizzju għall-interessi ta' l-Istati Membri l-oħra u ta' l-operaturi ekonomiċi tagħhom.

34. Ir-rispett ta' l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri permezz tar-regoli komunitarji huwa fundamentali sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni taż-żoni tas-sajd, il-konservazzjoni tar-riżorsi bioloġiċi tal-baħar u l-isfruttament tagħhom għal żmien twil u f'kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali xierqa (ara, dwar in-nuqqas ta' rispett tas-sistema tal-kwoti għal ħarġiet ta' sajd mill-1991 sa l-1996, is-sentenza tal-25 ta' April 2002, il-Kummissjoni vs Franza, C-418/00 u C-419/00, Ġabra p. I-3969, punt 57).

35. Għal dan il-għan, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru. 2847/93, li jirriproduċi l-obbligi previsti fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru. 2241/87, jimponi fuq l-Istati Membri l-kkontroll ta' l-attività tas-sajd u ta' l-attivitajiet relatati. Dan jitlob li l-Istati Membri jispezzjonaw il-bastimenti tas-sajd u jikkontrollaw l-attivitajiet kollha, b'mod partikolari l-attivitajiet tat-tniżżil fl-art tal-ħut, tal-bejgħ, tat-trasport u ħażna tal-ħut u r-reġistrazzjoni tat-tniżżil fl-art tal-ħut u tal-bejgħ.

36. L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru. 2847/93, li jirriproduċi l-obbligi previsti fl-Artikolu 1(2) tar-Regoli Nru. 2057/82 u 2241/87, jimponi fuq l-Istati Membri li jippersegwixxu l-vjolazzjonijiet li jiġu kkonstatati. Huwa jindika li f'dan ir-rigward il-proċeduri mibdija għandhom ikunu ta' natura tali li effettivament iċaħħdu lil dawk responsabbli mill-benefiċċju ekonomiku tal-vjolazzjoni jew li jipproduċu riżultati proporzjonati għas-serjetà tal-vjolazzjoni b'tali mod li effettivament jiskoraġġixxu infrazzjonijiet oħra ta' l-istess natura.

37. Ir-Regolament Nru. 2847/93 jagħti wkoll indikazzjonijiet preċiżi dwar il-kontenut tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri u li jridu jkunu intizi sabiex jassiguraw lilhom infushom ir-regolarità tal-ħarġiet ta' sajd fl-għan ta' prevenzjoni u repressjoni fl-istess ħin ta' l-irregolaritajiet eventwali u ta' repressjoni ta' dawn. Dan l-għan jimplika li l-miżuri implementati għandhom ikollhom karattru effettiv, proporzjonati u li jiddiswadu. Kif ġie rrilevat mill-Avukat Generali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 2004, għandu jkun hemm, għall-persuni li jeżerċitaw attività ta' sajd jew attività relatata, riskju serju, f'każ ta' ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, li jinqabdu u li jiġu mogħtija lilhom sanzjonijiet adegwati.

38. Hu fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonjiet li jrid jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika Franċiża ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex teżegwi s-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq.

Fuq l-ewwel ilment: insuffiċjenza ta' kontroll

L-argumenti tal-partijiet

39. Il-Kummissjoni ssostni li mill-kostatazzjonijiet magħmula mill-ispetturi tagħha jirriżulta li l-kontroll eżerċitat mill-awtoritajiet Franċiżi f'dak li jirrigwarda r-rispett tad-dispożizzjonijiet komunitarji dwar id-daqs minimu tal-ħut għadu difettuż.

40. Iż-żieda fin-numru ta' spezzjonijiet li semma l-Gvern Franċiż ma humiex ta' natura tali li jistgħu jibdlu dawn il-konstatazzjonijiet minħabba li dawn jirrigwardaw biss spezzjonijiet fuq il-baħar. Fir-rigward tal-pjanijiet ta' kontroll adottati minn dan il-Gvern fl-2001 u fl-2002, ma humiex, fihom infushom, ta' natura tali li jtemmu l-allegat nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu. L-implementazzjoni ta' dawn il-pjanijiet tissuponi, fil-fatt, li jridu jiġu stabbiliti b'mod preliminari l-għanijiet, indispensabbli sabiex tiġi kkunsidrata l-effettività u l-operabilità ta' dawn il-pjanijiet. Barra minn dan huwa meħtieġ ukoll li dawn ta' l-aħħar jiġu fil-fatt applikati b'mod effettiv, ħaġa li l-missjonijiet efettwati fil-portijiet Franċiżi, wara li dawn daħlu fis seħħ, ma ppermettewx li jiġi stabbilit.

41. Il-Gvern Franċiż josserva, l-ewwel nett, li r-rapporti ta' spezzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni qed tibbaza ruħha qatt ma ġew mgħarrfa lill-awtoritajiet Franċiżi, u li għalhekk ma kienux fil-pożizzjoni li jirrispondu għall-affermazzjonijiet li jinstabu fihom. Barra minn dan, dawn ir-rapporti huma x'aktarx ibbażati fuq sempliċi suppożizzjonijiet.

42. Hu jgħid ukoll li, wara li ġiet mogħtija s-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, hu kompla jsaħħaħ l-istrumenti ta' kontroll tiegħu. Dan it-tisħieħ ħa l-forma ta' żieda fin-numru ta' spezzjonijiet fuq il-baħar u l-adozzjoni, fl-2001, ta' pjan ta' kontroll ġenerali, ikkompletat, fl-2002, bi pjan ta' kontroll "daqsijiet minimi ta' qabda". Dwar l-effettività ta' dawn il-miżuri, hu jenfasizza li n-nuqqas ta' kummerċalizzazzjoni ta' ħut ta' daqs żgħir seta' jiġi kkonstatat matul diversi missjonijiet ta' verifika effettwati mill-ispetturi tal-Kummissjoni.

43. Fl-aħħar nett, skond il Gvern Franċiż, il-Kummissjoni tillimita ruħa li tafferma li l-miżuri meħuda minnu ma humiex xierqa, iżda ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar dawk li jistgħu jġibu fit-tmiem l-allegat nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44. Bħal proċedura stabbilità fl-Artikolu 226 KE (ara, dwar in-nuqqas ta' rispett tas-sistema tal-kwoti għal ħarġiet ta' sajd 1988 u 1990, is-sentenza ta' l-1 ta' Frar 2001, il-Kummissjoni vs Franza , C-333/99, Ġabra p. I-1025, punt 33), il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 228 KE isserraħ fuq il-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta' Stat Membru li jirrispetta l-obbligi tiegħu.

45. Fil-każ in eżami, il-Kummissjoni pprovdiet in sostenn ta' l-ilmenti tagħha rapporti ta' missjonijiet fformolati mill-ispetturi tagħha.

46. L-argument tal-Gvern Franċiż, mqajjem fl-istadju tal-kontroreplika, li jgħid li r-rapporti li għalihom il-Kummissjoni tagħmel referenza fir-rikors tagħha ma jistgħux jiġu użati bħala prova tal-persistenza tan-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu minħabba li qatt ma ġew trażmessi lill-awtoritajiet Franċiżi, ma jistax jiġi milqugħ.

47. Mill-eżami tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni jirriżulta li r-rapporti kollha ta' wara l-1998, li ġew iddepożitati fl-inkartazzjoni tal-proċess fil-verżjoni integrali jew taħt forma ta' sunt dettaljat, jirreferu għal rendikonti ta' laqgħat li matulhom l-awtoritajiet Franċiżi kienu ġew infurmati bir-riżultati tal-missjonijiet ta' spezzjoni u li għaldaqstant kellhom l-opportunità li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konstatazzjonijiet ta' l-ispetturi tal-Kummissjoni. Jekk din ir-referenza ma tinstabx fir-rapporti preċedenti, li ġew iddepożitati fl-inkartazzjoni tal-proċess taħt forma ta' estratti li jillimitaw ruħhom għall-konstatazzjonijiet tal-fatti magħmula mill-imsemmija spetturi, f'dan ir-rigward hu biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Gvern Franċiż, fl-ittra tiegħu ta' l-10 ta' Awissu 2000 indirizzata lill-Kummissjoni bħala tweġiba għall-Opinjoni Motivata addizzjonali tas-6 ta' Ġunju 2000, ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-kontenut ta' dawn ir-rapporti mingħajr ma kkontesta l-mod li biħ dawn ġew trażmessi lill-awtoritajiet Franċiżi.

48. F'dawn il-kundizzjonijiet, irid jiġi eżaminat jekk l-informazzjoni li tinsab fir-rapporti tal-missjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni huma ta' natura tali li jistgħu jistabbilixxu konstatazzjoni oġġettiva tal-persistenza ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu min-naħa tar-Repubblika Franċiża fir-rigward ta' l-obbligi ta' kontroll tagħha.

49. Fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-għeluq tat-terminu preskritt fl-Opinjoni Motivata addizzjonali tas-6 ta' Ġunju 2000, jirriżulta, mir-rapporti li tirreferi għalihom il-Kummissjoni f'din l-Opinjoni (ara l-punt 17 ta' din is-sentenza), li l-ispetturi setgħu jikkonstataw il-preżenza ta' ħut ta' daqs żgħir matul kull waħda mis-sitt missjonijiet li huma effettwaw. Dawn setgħu jikkonstataw, b'mod partikolari, l-eżistenza ta' suq għall-marlozz ta' daqs żgħir, mibjugħ taħt l-isem ta' "merluchons" [marlozz żgħir] jew "friture de merluchons" [qali ta' marlozz żgħir] u mibjugħ, bi ksur tar-regoli ta' bejgħ stabbiliti permezz tar-Regolament Nru. 2406/96, bil-kodiċi "00".

50. Matul ħamsa minn dawn is-sitt missjonijiet, it-tniżżil fl-art u l-bejgħ ta' ħut ta' daqs żgħir seħħ fin-nuqqas ta' kontroll ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Kif irrikonoxxa l-Gvern Franċiż fir-risposta tiegħu tas-6 ta' Awwissu 2000 għall-Opinjoni Motivata addizzjonali tas-6 ta' Ġunju 2000, il-persuni li l-ispetturi ltaqgħu magħhom "ma kienux jaqgħu taħt il-kategoriji ta' aġenti awtorizzati s abiex jikkonstataw il-ksur tar-Regolamentazzjoni tas-sajd jew għall-amministrazzjoni ta' l-affarijiet marittimi". Waqt is-sitt missjoni, l-ispetturi kkonstataw li ħut ta' daqs żgħir kien imniżżel l-art u mibjugħ fil-preżenza ta' awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jikkonstataw il-ksur tal-leġizlazzjoni tas-sajd. Dawn l-awtoritajiet madankollu astenew ruħhom milli jippersegwixxu dawk li wettqu l-vjolazzjoni.

51. Dawn l-elementi jippermettu li tiġi kkonstatata l-persistenza ta' prassi ta' bejgħ ta' ħut ta' daqs żgħir fin-nuqqas ta' intervent effettiv ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li tippreżenta grad ta' kostanza u ta' ġeneralità ta' natura tali li tipperikola serjament, minħabba l-effett kumulattiv tagħha, l-għanijiet tas-sistema komunitarja ta' konservazzjoni u amministrazzjoni ta' riżorsi f'dak li jirrigwarda s-sajd.

52. Minn barra dan, ix-xebħ u r-ripetizzjoni tas-sitwazzjonijiet ikkonstatati fir-rapporti kollha jippermettu li jiġi kkonkluż li dawn il-każijiet setgħu jseħħu biss minħabba insuffiċenza strutturali tal-miżuri implementati mill-awtoritajiet Franċiżi u, konsegwentement, nuqqas min-naħa ta' dawn l-awtoritajiet li jwettqu l-obbligu li jipproċedu għall-kontrolli effettivi, proporzjonati u li jiddiswadu imposti fuqhom mil-leġiżlazzjoni komunitarja (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-1 ta' Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

53. Għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li, fit-tmiem tat-terminu preskritt fl-Opinjoni Motivata addizzjonali tas-6 ta' Ġunju 2000, ir-Repubblika Franċiża, peress li ma assiguratx kontroll ta' l-attivitajiet tas-sajd skond il-ħtiġijiet previsti mid-dispożizzjonijiet komunitarji, ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex teżegwi s-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, u b'hekk naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 228 KE.

54. Fir-rigward tas-sitwazzjoni fid-data ta' l-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni disponibbli turi l-persistenza ta' nuqqasijiet serji.

55. Barra minn hekk, waqt il-missjoni effettwata fil-Bretanja f'Ġunju 2001 (ara l-punt 20 ta' din is-sentenza), l-ispetturi tal-Kummissjoni setgħu għal darba oħra jikkonstataw il-preżenza ta' ħut ta' daqs żgħir. Tnaqqis fin-numru ta' każijiet ta' bejgħ ta' tali ħut ġie kkonstatat matul missjoni oħra fl-istess Reġjun f'Ġunju 2003 (ara l-punt 23 ta' din is-sentenza). Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma hijiex determinanti fir-rigward tal-konverġenza tal-konstatazzjonijiet, li jidhru fir-rapporti stabbiliti matul dawn iż-żewġ missjonijiet, dwar in-nuqqas ta' effetività tal-kontrolli ta' l-art.

56. Fil-mument li l-Kummissjoni tipprovdi biżżejjed elementi li juru l-persistenza tan-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, huwa l-Istat Membru interessat li għandu jikkonstata b'mod sostanzjali u dettaljat l-informazzjoni ppreżentata u l-konsegwenza tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta' Settembru 1988, il-Kummissjoni vs il-Greċja, 272/86, Ġabra p. 4875, punt 21, u tad-9 ta' Novembru 1999, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punti 84 sa 87).

57. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni dwar iż-żieda ta' kontrolli wara li ġew adottati l-pjanijiet fl-2001 u fl-2002, li sostna il-Gvern Franċiż fis-sottomissjonijiet ta' difiża tiegħu, tikkuntrasta ma' l-informazzjoni mogħtija mill-istess Gvern fir-risposti għall-mistoqsiji tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 26 ta' din is-sentenza), li minnha ħareġ li, meta mqabbel mas-sena 2002, fis-sena 2003 in-numru ta' kontrolli fuq l-art u fuq il-baħar kien naqas.

58. Anke jekk din l-informazzjoni diverġenti kella tiġi kkunsidrata, kif isostni l-Gvern Franċiż, bħala indikatriċi tat-titjib tas-sitwazzjoni, xorta jibqa l-fatt li l-isforzi kkunsentiti ma humiex ta' natura tali li jiġġustifikaw in-nuqqas kkonstatat ta' Stat li jwettaq obbligu li ġie kkonstatat (sentenza ta' l-1 ta' Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).

59. F'dan il-kuntest, l-argument tal-Gvern Franċiż li jgħid li t-tnaqqis tal-kontrolli ikun iġġustifikat minħabba dixxiplina eżerċitata aħjar mis-sajjieda ma jistax iktar jiġi milqugħ.

60. Fil-fatt, kif l-istess Gvern Franċiż sostna fis-sottomissjonijiet ta' difiża tiegħu, it-teħid ta' azzjonijiet immirati sabiex jibdlu għall-aħjar l-imġieba u l-mentalità jikkostitwixxu proċess twil. Għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat li n-nuqqas strutturali, matul perjodu mifrux fuq iktar minn għaxar snin, ta' kontrolli mmirati sabiex jiġu rrispettati r-regoli dwar id-daqs minimu tal-ħut wassal, fost l-operaturi interessati, għal imġieba li tista' tiġi korretta biss wara azzjoni li ddum fiż-żmien.

61. F'dawn il-kundizzjonijiet, fuq il-bażi ta' l-elementi ċirkustanzjati ppreżentati mill-Kummissjoni, l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Franċiż ma hijiex sostanzjata biżżejjed sabiex turi li l-miżuri li hu implementa dwar il-kontroll ta' l-attivitajiet tas-sajd għandhom il-karattru effetiv meħtieġ sabiex jissodisfa l-obbligu tiegħu li jassigura l-effettività tas-sistema komunitarja ta' konservazzjoni u amministrazzjoni tar-riżorsi li jirrigwardaw is-sajd (ara l-punti 37 u 38 ta' din is-sentenza).

62. Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, fid-data ta' meta l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-fatti li ġew ippreżentati lilha, ir-Repubblika Franċiża, peress li ma assiguratx kontroll ta' l-attivitajiet tas-sajd skond il-ħtiġijiet previsti mid-dispożizzjonijiet komunitarji, ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex teżegwi s-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, u b'hekk naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 228 KE.

Fuq it-tieni lment: in nuqqas ta' persegwimenti

L-argumenti tal-partijiet

63. Il-Kummissjoni ssostni li l-persegwimenti meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi għall-ksur tad-dispożizzjonijiet komunitarji f'dak li jirrigwarda d-daqs minimu tal-ħut ma humiex biżżejjed. B'mod ġenerali, l-insuffiċjenza ta' kontrolli jkollha effett fuq in-numru ta' persegwimenti. Barra dan, mill-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Franċiż jirriżulta li, anke jekk tiġi kkonstatata vjolazzjoni, il-persegwimenti ma jkunux sistematiċi.

64. Dwar l-istatistika ppreżentata mill-Gvern Franċiż qabel it-tmiem taż-żmien stabbilit fl-Opinjoni Motivata addizzjonali tas-6 ta' Ġunju 2000, il-Kummissjoni ssostni li dawn huma wisq globali, minħabba li jirrigwardaw it-totalità tat-territorju Franċiż u li ma jippreċiżawx in-natura tal-vjolazzjoni persegwita.

65. Fir-rigward ta' l-informazzjoni mogħtija iktar tard, il-Kummissjoni tikkunsidra li din ma tippermettix li jiġi dedott minnha li l-awtoritajiet Franċiżi japplikaw politika ta' sanzjonijiet li jiddiswadu f'dak li jirrigwarda l-ksur tar-regoli dwar id-daqs minimu tal-ħut. Hi tgħid li, għas-sena 2001, il-Gvern Franċiż issinjala, skond ir-Regoli tal-Kunsill (KE) Nru. 1447/1999, ta' l-24 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi lista tal-modi ta' mġieba li jiksru serjament ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd (ĠU L 167, p.5) u tal-Kummissjoni (KE) Nru. 2740/1999 tal-21 ta' Diċembru 1999, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 328, p. 62), 73 każ ta' ksur tar-regoli dwar id-daqs minimu tal-ħut. Iżda, 8 każi biss, iġifieri 11 %, kienu taw lok għall-impożizzjoni ta' ammenda.

66. Għalkemm tagħraf li ċ-ċirkulari tal-Ministru tal-Ġustizzja tas-16 ta' Ottubru 2002, li għaliha jirreferi l-Gvern Franċiż, tikostitwixxi miżura xierqa, il-Kummissjoni ssostni madankollu li għandu jiġi verifikat il-mod li biħ din ser tkun applikata. F'dan ir-rigward, hi tosserva li l-aħħar ċifri trażmessi minn dan il-Gvern għas-sena 2003 juru tnaqqis fil-kundanni mogħtija.

67. Il-Gvern Franċiż isostni li, wara l-1991, in-numru ta' vjolazzjonijiet ippersegwiti u l-importanza tal-kundanni mogħtija telgħin b'mod kostanti. Hu jemfasizza madankollu li eżami purament statistiku tan-numri ta' ksur persegwit ma jistax, waħdu, jagħti stampa ta' l-effettività tas-sistema ta' kontroll fil-miżura li tali eżami hu msejjes fuq is-suppożizzjoni, mhux ippruvata, ta' stabbiltà fin-numru tal-vjolazzjonijiet.

68. Il-Gvern Franċiż jagħmel referenza għal ċirkulari li l-Ministru tal-Ġustizzja indirizza, fis-16 ta' Ottubru 2002, lill-prosekuturi ġenerali tal-qrati ta' l-appell ta' Rennes, ta' Poitiers, ta' Bourdeaux u ta' Pau, li fiha jirrakkomanda persegwiment sistematiku tal-vjolazzjonijiet kif ukoll li jiġi mitluba ammendi li jiddiswadu. Hu jagħaraf madanakollu li din iċ-ċirkolari ma setgħatx tipproduċi l-effett sħiħ tagħha la fl-2002 u lanqas fl-2003 minħabba l-Liġi Nru. 2002-1062, li tikkonċedi amnestiji għall-vjolazzjoni mwettqa qabel is-17 ta' Mejju 2002 sakemm l-ammenda ma kinitx taqbeż is-750 EUR.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69. L-obbligu ta' l-Istati Membri li jishru sabiex il-ksur tar-regoli komunitarji jkun suġġett għal sanzjonijiet ta' natura effettiva, proporzjonati u li jiddiswadu huwa ta' importanza essenzjali fil-qasam tas-sajd. Fil-fatt, jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jastjenu ruħhom b'mod sistematiku milli jippersegwixxu lil dawk responsabbli għal tali vjolazzjoni, kemm il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni tar-riżorsi tas-sajd kemm l-applikazzjoni uniformi tal-politika komuni tas-sajd jintilfu (ara, dwar in-nuqqas ta' rispett tas-sistema tal-kwoti għal ħarġiet ta' sajd 1991 u l-1992, is-sentenza tas-7 ta' Diċembru 1995, il-Kummissjoni vs Franza, C-52/95, Ġabra p. I-4443, punt 35).

70. F'dak li jirrigwarda, fil-każ in eżami, is-sitwazzjoni fit-tmiem taż-żmien preskritt fl-Opinjoni Motivata addizzjonali tas-6 ta' Ġunju 2000, hu biżżejjed li jiġu mfakkra l-kostatazzjonijiet magħmula fil-punti 49 sa 52 ta' din is-sentenza. Peress li ġie stabbilit li vjolazzjonijiet li setgħu jiġu kkonstatati mill-awtoritajiet nazzjonali ma ġewx irrilevati u li ma ġew stabbiliti ebda proċessi-verbali kontra dawk li wettqu l-ksur, irid jiġi kkonstatat li l-imsemmija awtoritajiet naqsu milli jwettqu l-obbligu li jippersegwixxu impost fuqhom mir-regoli komunitarji (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).

71. Fir-rigward tas-sitwazzjoni fid-data meta l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-fatti, hemm bżonn li ssir referenza għall-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 54 u 61 ta' din is-sentenza, li jqisu l-persistenza ta' nuqqasijiet serji fil-kontrolli. Fir-rigward ta' dawn il-konstatazzjonijiet, iż-żieda fin-numru ta' vjolazzjonijiet persegwiti, li semma l-Gvern Franċiż, ma tistax tiġi meqjusa li hija suffiċjenti. Fil-fatt, kif osserva dan il-Gvern, eżami purament statistiku tan-numri ta' vjolazzjonijiet ippersegwiti ma jistax, waħdu, jagħti stampa ta' l-effetività ta' sistema ta' kontroll.

72. Minn barra dan, kif indikat il-Kummissjoni, mill-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Franċiż joħroġ li ma jiġux ippersegwiti l-vjolazzjonijiet kollha kkonstatati. Jidher ukoll li l-vjolazzjonijiet li jiġu ppersegwit mhux kollha jkunu suġġett għal sanzjonijiet li jiddisswadu. Barra minn hekk, il-fatt li ħafna vjolazzjonijiet setgħu jibbenefikaw mil-Liġi ta' amnestija Nru. 2002-1062 juri li, f'dawn il-każijiet kollha, ġew mogħtija ammendi ta' anqas minn 750 EUR.

73. F'dawn il-kundizzjonijiet, fid-dawl ta' l-elementi ċirkustanzjati ppreżentati mill-Kummissjoni, l-informazzjoni fornità mill-Gvern Franċiż ma hijiex sostanzjata biżżejjed biex turi li l-miżuri li hu implementa, għal dak li jirrigwarda l-persegwiment tal-ksur tar-regoli tas-sajd, kellhom il-karattru effettiv, proporzjonat u li jiddisswadi meħtieġ sabiex iwettaq l-obbligu tiegħu li jassigura l-effettività tas-sistema komunitarja tal-konservazzjoni u l-amministrazzjoni tar-rizorsi f'dak li jirigwarda s-sajd. (ara l-punti 37 u 38 ta' din is-sentenza.)

74. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, kemm fit-tmiem tat-terminu preskritt fl-Opinjoni Motivata addizzjonali tas-6 ta' Ġunju 2000 kemm fid-data meta l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-fatti li ġew ipprezentati lilha, ir-Repubblika Franċiża, peress li ma assiguratx li l-ksur tar-regoli ta' l-attivitajiet tas-sajd jiġu persegwiti skond il-ħtiġijiet previsti mid-dispożizzjonijiet komunitarji, ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex teżegwi s-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, u b'hekk naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 228 KE.

Dwar il-penalitajiet finanzjarji għan-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu

75. Sabiex jiġi sanzjonat in-nuqqas ta' eżekuzzjoni tas-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex timponi fuq ir-Repubblika Franċiża l-ħlas ta' penalità kuljum mill-qari ta' din is-sentenza sal-ġurnata meta jintemm in-nuqqas. Fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari ta' dan in-nuqqas, il-Qorti tal-Ġustizzja jidrilha xieraq li teżamina ukoll jekk l-impożizzjoni ta' ħlas ta' somma f'daqqa tikkostitwixxix miżura xierqa.

Dwar il-possibbiltà ta' l-aggregazzjoni ta' pagamenti ta' penalità u ta' ħlas ta' somma f'daqqa

L-argumenti tal-partijiet u osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

76. Meta ġew mistiedna jesprimu ruħhom fuq il-mistoqsija dwar jekk, fil-kuntest ta' proċedura mressqa skond l-Artikolu 228 (2) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tistax, jekk ssib li l-Istat Membru in kwistjoni ma kkonformax ruħu mas-sentenza tagħha, timponilu l-ħlas ta' somma f'daqqa u ta' pagamenti ta' penalità flimkien, il-Kummissjoni, il-Gvernijiet Daniżi, Olandiżi, Finlandiżi u tar-Renju Unit qalu iva.

77. L-argument tagħhom hu bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li dawn iż-żewġ miżuri huma komplementari, minħabba li jippersegwu, kull waħda min-naħa tagħha, effet li jiddisswadi. L-użu flimkien ta' dawn il-miżuri għandu jiġi meqjus bħala l-istess mezz wieħed sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit permezz ta' l-Artikolu 228 KE, jiġifieri mhux biss li l-Istat Membru in kwistjoni jiġi mħeġġeġ jikkonforma ruħhu ma' l-ewwel sentenza, iżda wkoll, f'perspettiva iktar ġenerali, li titnaqqas il-possibbiltà li vjolazzjoni analoga tiġi mwettaqa mill-ġdid.

78. Il-Gvernijiet Franċiżi, Belġjani, Ċeki, Ġermaniżi, Griegi, Spanjoli, Irlandiżi, Taljani, Ċiprijotti, Ungeriżi, Awstriaċi, Pollakki u Portugizi sostnew teżi kuntrarja.

79. Huma jibbażaw ruħhom fuq il-formulazzjoni ta' l-Artikolu 228 (2) KE u fuq l-użu tal-konġunzjoni "jew", li huma jagħtuha sens disġuntiv, kif ukoll fuq l-għan ta' din id-dispożizzjoni. Peress li din ma għandhiex natura punittiva, l-Artikolu 228 (2) KE ma jfittix li jikkastiga l-Istat Membru li jkun qed jonqos iżda biss li jħeġġuh iwettaq is-sentenza li kkonstatat in-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu. Ikun impossibli li jingħarfu bejniethom diversi perjodi ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, hija biss it-totalità tat-tul ta' żmien tan-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu li għandha tiġi kkunsidrata. L-aggregazzjoni ta' penalitajiet finanzjarji tmur kontra l-prinċipju li jipprojbixxi li l-istess imġieba tkun suġġetta għal piena doppja. Barra dan, fin-nuqqas ta' linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-kriterji li għandhom ikunu applikati għall-kalkolu ta' somma ta' ħlas f'daqqa, l-impożizzjoni ta' tali somma mill-Qorti tal-Ġustizzja tmur kontra l-prinċipji taċ-ċertezza legali u tat-trasparenza. Din tkun ukoll ta' preġudizzju għat-trattament ugwali bejn l-Istati Membri, minħabba li tali miżura ma ġietx ikkunsidrata fis-sentenzi ta' l-4 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni vs il-Greċja (C-387/97, Ġabra p. I-5047), u tal-25 ta' Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-278/01, Ġabra p. I-14141).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80. Il-proċedura prevista fl-Artikolu 228 (2) KE għanda bħala għan li tħeġġeġ lill-Istat Membru li jkun qed jonqos sabiex iwettaq is-sentenza li kkonstatat in-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu u, permezz ta' dan, tassigura l-applikazzjoni effettiva tad-dritt komunitarju. Il-miżuri previsti f'din id-dispożizzjoni, jiġifieri s-somma ta' ħlas f'daqqa u pagamenti ta' penalità, it-tnejn li huma intiżi għal dan l-istess għan.

81. L-applikazzjoni ta' waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ miżuri jiddependi mill-attitudni ta' kull waħda minnhom li tilħaq l-għan mixtieq fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami. Jekk l-impożizzjoni ta' pagamenti ta' penalità tkun tidher partikolarment xierqa sabiex tħeġġeġ Stat Membru jtemm, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta' Stat li, fin nuqqas ta' tali miżura, x'aktarx jibqa jippersisti, l-impożizzjoni ta' somma ta' ħlas f'daqqa tiddependi l-aktar fuq il-kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta' l-Istat Membru in kwistjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, b'mod partikolari meta n-nuqqas baqa' għaddej għal żmien twil wara s-sentenza li kienet inizjalment ikkonstata.

82. F'dawn il-kundizzjonijiet ma huwiex eskluż li jsir użu miż-żewġ tipi ta' sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 228 (2) KE b'mod partikolari meta, in-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, fl-istess ħin, baqa' għaddej għal żmien twil u x'aktarx jibqa' għaddej.

83. L-interpretazzjoni hekk mogħtija ma għandhiex tittieħed li hija kontra l-użu, fl-Artikolu 228 (2) KE, tal-konġunzjoni "jew" sabiex tgħaqqad flimkien il-penalitajiet finanzjarji li jistgħu jiġu imposti. Hekk kif sostnew il-Kummissjoni u il-Gvernijiet Daniżi, Olandiżi, Finlandiżi u tar-Renju Unit, din il-konġunzjoni tista', mill-perspettiva lingwistika, ikollha sens kemm ta' alternattiva kemm ta' aggregazzjoni, u għandha għalhekk tiġi moqrija fil-kuntest li fiħ tkun użata. Fir rigward ta' l-għan imfittex mill-Artikolu 288 KE, l-użu tal-konġunzjoni "jew" fit-tieni paragrafu ta' din id-dispożizzjoni għandha tiġi mifhuma fis-sens aggregattiv.

84. L-oġġezzjoni mqajma, b'mod partikolari, mill-Gvernijiet Ġermaniżi, Griegi, Ungeriżi, Awstriaċi u Pollaki, li tgħid li l-impożizzjoni aggregattiva ta' pagamenti ta' penalità u ta' somma ta' ħlas f'daqqa, peress li tieħu in konsiderazzjoni għal darbtejn l-istess perjodu li fiħ seħħ in-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, tmur kontra l-prinċipju ne bis in idem , għanda wkoll tiġi miċħuda. Fil-fatt, peress li kull sanzjoni għanda l-funzjoni proprja tagħha, din għanda tiġi ddeterminata b'mod li taqdi tali funzjoni. Minn dan isegwi li, fil-każ ta' kundanna għall-ħlas ta' pagamenti ta' penalità u fl-istess ħin ta' somma ta' ħlas f'daqqa, it-tul ta' żmien li fiħ seħħ in-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu jiġi meqjus bħala kriterju fost l-oħrajn, sabiex jiġi ddeterminat il-livell xieraq ta' infurzar u ta' deterrent.

85. L-argument, invokat b'mod partikolari mill-Gvern Belġjan, li jgħid li, fin-nuqqas ta' linji gwida adottati mill-Kummissjoni għall-kalkolu ta' somma ta' ħlas f'daqqa, l-impożizzjoni ta' tali somma tmur kontra l-prinċipji taċ-ċertezza legali u tat-trasparenza ma jistax jiġi milqugħ iktar. Fil-fatt, jekk tali linji gwida jikkontribwixxu b'mod effettiv sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza, il-previdibbiltà u ċ-ċertezza legali ta' l-azzjoni mmexxija mill-Kummissjoni (ara, dwar il-linji gwida li jirigwardaw il-kalkolu ta' pagamenti ta' penalità, is-sentenza ta' l-4 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni vs il-Greċja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 87), jibqa biss il-fatt li l-użu tas-setgħa mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta' l-Artikolu 228 (2) KE ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tadotta tali regoli, li, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jorbtu idejn il-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenżi ċċitati iktar 'il fuq ta' l-4 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni vs il-Greċja, punt 89, u tal-25 ta' Novembru 2003, il-Kummissjoni vs Spanja, punt 41)

86. Dwar l-oġġezzjoni mqajma mill-Gvern Franċiż, li tgħid li l-impożizzjoni aggregattiva ta' pagamenti ta' penalità u ta' somma ta' ħlas f'daqqa f'din il-kawża tkun ta' preġudizzju għat-trattament ugwali minħabba li tali miżura ma ġietx prevista fis-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq ta' l-4 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni vs il-Greċja u tal-25 ta' Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, irid jiġi rrilevat li jmiss lill-Qorti tal-Ġustizzja, f'kull kawża, tikkunsidra, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami, il-penalitajiet finanzjarji li jridu jiġu adottati. F'dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li aggregazzjoni ta' miżuri ma ġietx imposta f'kawżi deċizi preċedentement ma huwiex, waħdu, ta' ostakolu għall-impożizzjoni ta' tali aggregazzjoni f'kawża oħra, sakemm, fir-rigward tan-natura, il-gravità u l-persistenza tan-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu li ġie kkonstatat, tali aggregazzjoni tidher li tkun xierqa.

Fuq is-setgħa ta' kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-penalitajiet finanzjarji li jistgħu jiġui mposti.

L-argumenti tal-partijiet u l-osservazzjonijiet ipprezentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

87. Dwar il-mistoqsija jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun meħtieġ, tistax tmur lil hinn mit-talbiet tal-Kummissjoni, u tordna lil Stat Memebru il-ħlas ta' somma f'daqqa, anke jekk il-Kummissjoni ma tkun għamlet l-ebda talba f'dan is-sens, il-Kummissjoni u l-Gvernijiet Ċeki, Ungeriżi u Finlandiżi rrispondew iva. Għal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddisponi f'dan ir-rigward minn setgħa ta' diskrezzjoni li jestendi għad-determinazzjoni tas-sanzjoni meqjusa l-aktar xierqa, indipendentement mit-talbiet tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward.

88. Il-Gvernijiet Franċiżi, Belġjani, Daniżi, Ġermaniżi, Griegi, Spanjoli, Irlandiżi, Taljani, Olandiżi, Awstriaċi, Pollakki u Portugiżi ma humiex ta' l-istess fehma. F'dan ir-rigward huma jressqu argumenti fuq il mertu u fuq proċedura. Fuq il-mertu, huma jsostnu li l-użu ta' tali setgħa diskrezzjonali min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja jkun ta' preġudizzju għall-prinċipji taċ-ċertezza legali, tal-previdibbiltà, tat-trasparenza u tat-trattament ugwali. Il-Gvern Ġermaniż iżid li l-Qorti tal-Ġustizzja, f'kull każ, ma għandhiex il-leġittimità politika meħtieġa biex tagħmel użu minn tali setgħa f'qasam fejn il-kunsiderazzjonijiet ta' opportunità politika għandhom rwol kunsiderevoli. Fuq il-proċedura, il-Gvernijiet imsemmija iktar 'il fuq jenfażizzaw li setgħa daqsekk wiesa' ma hijiex kompatibbli mall-prinċipju ġenerali ta' proċedura ċivili komuni għall-Istati Membri kollha li jgħid li l-Imħallef ma jistax imur lil hinn mit-talbiet tal-partijiet, u jinsistu fuq il-ħtieġa ta' proċedura kontenzjuża, li tippermetti lill-Istat Membru in kwistjoni li jeżerċita d-dritt ta' difiża tiegħu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89. Dwar l-argumenti bbażati fuq il-prinċipji taċ-ċertezza legali, tal-previdibbiltà, tat-trasparenza u tat-trattament ugwali, hemm bżonn li ssir referenza għall-kunsiderazzjoni magħmula fil-punti 85 u 86 ta' din is-sentenza.

90. F'dak li jirrigwarda l-argument tal-Gvern Ġermaniż ibbażat fuq in-nuqqas ta' leġittimità politika tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar penali finanzjarja mhux mitluba mill-Kummissjoni, wieħed għandu jiddistingwi d-diversi stadji tal-proċedura prevista fl-Artikolu 228 (2) KE. La darba l-Kummissjoni tkun użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha dwar il-bidu ta' proċedura għal-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu (ara, b'mod partikolari, dwar l-Artikolu 226 KE, is-sentenza tal-25 ta' Settembru 2003, il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-74/02, Ġabra p. I-9877, punt 17, u tal-21 ta' Ottubru 2004, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-477/03, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 11), il-mistoqsija jekk l-Istat Membru in kwistjoni wettaqx jew le sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja hija sottoposta għal proċedura ta' ġuriżdizzjoni fejn il-kunsiderazzjonijiet politiċi ma humiex pertinenti. Hu fl-eżerċizzju tal-funzjoni ġuriżdizzjonali tagħha li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra f'liema miżura s-sitwazzjoni li teżisti fl-Istat Membru in kwistjoni hija konformi jew le ma l-ewwel sentenza u, jekk ikun il-każ, tikkunsidra l-gravità ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu persistenti. Minn dan isegwi li, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Novembru 2004, l-opportunità li tiġi imposta penalità finanżjarja u l-għażla tas-sanżjoni li fiċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami tkun l-aktar waħda adatta tista' tiġi kkunsidrata biss fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li trid tingħata skond l-Artikolu 228 (2) KE, u għaldaqstant toħroġ mill-ambitu politiku.

91. L-argument li jgħid li, billi titbiegħed jew tmur lil hinn mit-talbiet tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tikser prinċipju ġenerali ta' proċedura ċivili li jipprojbixxi lil-Imħallef milli jmur lil hinn mit-talbiet tal-partijiet, ma huwiex fondat. Il-proċedura prevista fl-Artikolu 228 (2) KE hija, fil-fatt, proċedura ġuriżdizzjonali speċjali, tad-dritt komunitarju, li ma tistax tiġi mqabbla ma proċedura ċivili. Il-kundanna għall-ħlas ta' pagamenti ta' penalità jew/u ta' somma ta' ħlas f'daqqa ma hijiex maħsuba sabiex tikkumpensa kwalunkwe ħsara li setgħet saret mill-Istat Membru in kwistjoni, iżda sabiex teżerċita fuq dan theddida ekonomika li ġġielu jtemm in-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu li ġie kkonstatat. Il-Penalitajiet finanzjarji imposti jridu għalhekk jiġu deċiżi skond il-grad ta' persważjoni meħtieġa sabiex l-Istat Membru in kwistjoni jibdel l-imġieba tiegħu.

92. Dwar id-drittijiet ta' difiża li għandu jibbenefika minnhom l-Istat Membru in kwestjoni, li fuqhom insistew il-Gvernijiet Franċiżi, Belġjani, Olandiżi, Awstriaċi u Finlandiżi, irid jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 11 tal-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Novembru 2004, li l-proċedura prevista fl-Artikolu 228 (2) KE għandu jiġi kkunsidrat bħala proċedura ġuridika speċjali għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi, fi kliem ieħor, bħala meżż ta' eżekużżjoni. Għalhekk hu f'dan il-kuntest li għandhom ikunu apprezzati l-garanziji proċedurali li minnhom għandu jiddisponi l-Istat Membru in kwistjoni.

93. Minn dan isegwi li, la darba ġiet ikkonstatata l-persistenza ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu fid-dritt komunitarju fil-kuntest ta' proċedura kontenzjuża, id-drittijiet ta' difiża li jridu jiġu rikonoxxuti lill-Istat Membru li jkun naqas f'dak li jirrigwarda l-penalitajiet finanzjarji previsti jridu jieħdu in konsiderazzjoni l-għan imfittex, jiġifieri jassiguraw u jiggarantixxu li jerġa jiġi stabbilit ir-rispett tal-legalità.

94. Fil-każ in eżami, dwar il-materjalità ta' l-imġieba li setgħet tagħti lok għall-impożizzjoni ta' penalitajiet finanzjarji, ir-Repubblika Franċiża kellha l-opportunità li tiddefendi ruħha matul il-proċedura prekontenzjuża kollha li damet sejra għal kważi disa' snin u li ipproduċiet żewġ Opinjonijiet Motivati, kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub u tas-seduta tat-3 ta' Marzu 2004 f'din il-kawża. Dan l-eżami tal-fatti wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata l-persistenza tan-nuqqas li r-Repubblika Franċiża twettaq l-obbligi tagħha (ara l-punt 74 ta' din is-sentenza).

95. Il-Kummissjoni li, fiż-żewġ Opinjonijiet Motivati, kienet ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika Franċiża fuq ir-riskju ta' penalitajiet finanzjarji (ara l-punti 15 u 18 ta' din is-sentenza) indikat lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kriterji (ara l-punt 98 ta' din is-sentenza) li jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex jiġu ddeterminati l-penalitajiet finanzjarji maħsuba sabiex jeżerċitaw pressjoni ekonomika suffiċenti fuq ir-Repubblika Franċiża sabiex iġġielha ttemm, fl-iqsar żmien possibbli, in-nuqqas tagħha li twettaq obbligu kif ukoll il-kunsiderazzjoni rispettiva li trid tingħata lil dawn il-kriterji. Ir-Repubblika Franċiża esprimiet ruħha fuq dawn ta' l-aħħar matul il-proċedura bil-miktub u s-seduta tat-3 ta' Marzu 2004.

96. Permezz tad-digriet tas-16 ta' Ġunju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom fuq il-mistoqsija jekk, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li Stat Membru ma ħax il-miżuri meħtieġa sabiex jeżegwixxi sentenza preċedenti u fejn il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil dan l-Istat iħallas pagamenti ta' penalità, il-Qorti tal-Ġustizzja tistax timponi lill-Istat Membru in kwistjoni l-ħlas ta' somma f'daqqa, jew, jekk ikun il-każ, ta' somma ta' ħlas f'daqqa u ta' pagamenti ta' penalità. Il-partijiet instemgħu matul is-seduta tal-5 ta' Ottubru 2004.

97. Minn dan isegwi li r-Repubblika Franċiża kienet fil-pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-elementi kollha ta' dritt u ta' fatt meħtieġa sabiex tiġi ddeterminata l-persistenza u l-gravità tan-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu ikkontestat lilha kif ukoll fuq il-miżuri li jistgħu jiġu deċiżi sabiex dan jintemm. Fuq il-bażi ta' dawn l-elementi, li kienu s-suġġett ta' dibattitu kontenzjuż, imiss lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina, fuq il-bażi tal-livell ta' persważjoni jew disważjoni li jidrilha meħtieġ, il-penalitajiet finanzjarji xierqa sabiex tassigura l-eżekuzzjoni kemm jista' jkun malajr tas-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il-fuq, u tipprevjeni r-repetizzjoni ta' ksur analogu tad-dritt komunitarju.

Fuq il-penalitajiet finanzjarji xierqa fil-każ in eżami

Fuq l-impożizzjoni ta' pagamenti ta' penalità

98. Il-Kummissjoni, li bbażat ruħha fuq il-metodu ta' kalkolu li ddefiniet fil-Komunikazzjoni tagħha 97/C 63/02, tat-28 ta' Frar 1997, dwar il-metodu ta' kalkolu ta' pagamenti ta' penalitajiet previsti fl-Artikolu [228] tat-Trattat KE (ĠU C 63, p.2), talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex timponi lir-Repubblika Franċiża pagamenti ta' penalità ta' 316 500 EUR għal kull ġurnata ta' dewmien sabiex tissanzjona n-nuqqas ta' eżekuzzjoni tas-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il-fuq, li jibdew jiddekorru mid-data tal-qari tas-sentenza f'din il-kawża u sal-ġurnata meta s-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il-fuq, tkun ġiet eżegwita.

99. Il-Kummissjoni tqis li l-kundanna għal-ħlas ta' pagamenti ta' penalità hi l-aktar strument xieraq sabiex iġġib fit-tmiem, fl-iqsar żmien possibbli, il-vjolazzjoni ikkonstatata u li, fil-każ in eżami, pagamenti ta' penalità ta' 316 500 EUR għal kull ġurnata ta' dewmien hija adatta għall-gravità u għat-tul ta' żmien tal-vjolazzjoni meta wieħed iqis il-ħtieġa li s-sanzjoni tkun effettiva. Dan l-ammont ġie kkalkolat bil-multiplikazzjoni ta' bażi uniformi ta' 500 EUR għall-koeffiċjent ta' 10 (fuq skala minn 1 sa 20) għal-gravità tal-vjolazzjoni, għall-koeffiċjent ta' 3 (fuq skala minn 1 sa 3) għat-tul ta' żmien tal-vjolazzjoni u għall-koeffiċjent ta' 21,5 (ibbażat fuq il-prodott gross domestiku ta' l-Istat Membru in kwistjoni u fuq in-numru ta' voti fil-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea) meqjus bħala li jirrapreżenta l-kapaċità ta' ħlas ta' l-Istat Membru in kwistjoni.

100. Il-Gvern Franċiż isostni, prinċipalment, li ma hemmx lok li jiġu mogħtija pagamenti ta' penalità għaliex hu kien ġab fit-tmiem in-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, u, sussidjarjament, li l-ammont tal-pagamenti ta' penalità ma huwiex proporżjonat.

101. Hu jsostni li, f'dak li jirrigwarda l-gravità tal-vjolazzjoni, il-Kummissjoni kienet ipproponiet fis-sentenza ta' l-4 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni vs il-Greċja, iċċitata iktar 'il fuq, koeffiċjent ta' 6, meta n-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu kien jirrigwarda s-saħħa pubblika u li ma kienet ittieħdet l-ebda miżura sabiex tiġi eżegwita s-sentenza preċedenti, żewġ elementi li ma jinstabux fil-każ in eżami. Għalhekk, il koeffiċjent ta' 10, propost mill-Kummissjoni f'din il-kawża, ma huwiex aċċettabbli.

102. Il-Gvern Franċiż isostni wkoll li l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, ma jistgħux jipproduċu effetti immedjati. Jekk titqies id-differenza inevitabbli bejn l-adozjoni ta' miżuri u n-natura perċettibbli ta' l-impatt tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni t-totalità tal-periodu li għadda bejn il-qari ta' l-ewwel sentenza u dak tas-sentenza li trid tinagħta.

103. F'dan ir-rigward, jekk hu ċar li pagamenti ta' penalità jistgħu jħeġġu l-Istat Membru li jkun naqas sabiex itemm, fl-iqsar żmien possibbli, in-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu li ġie kkonstatat (sentenza tal-25 ta' Novembru 2003, il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42), irid jiġi mfakkar li l-proposti tal-Kummissjoni ma jorbtux idejn il-Qorti tal-Ġustizzja u jikkostitwixxu biss bażi utli ta' riferiment (sentenza ta' l-4 ta' Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs il-Greċja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 89). Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' kunsiderazzjoni tagħha, imiss lill-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi l-pagamenti ta' penalità b'tali mod li dawn ikunu, min-naħa, adatti għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu li ġie kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta' ħlas ta' l-Istat Membru in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq ta' l-4 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni vs il-Greċja, punt 90, u tal-25 ta' Novembru 2003, il-Kummissjoni vs Spanja, punt 41).

104. Fid-dawl ta' dan kollu u kif issuġġeriet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha, tat-28 ta' Frar 1997, il-kriterji bażiċi li jridu jiġu kkunsidrati sabiex tiġi assigurata n-natura impożittiva tal-pagamenti ta' penalità sabiex ikun hemm applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt komunitarju huma, prinċipalment, it-tul taż-żmien tal-vjolazzjoni, il-grad ta' gravità tiegħu u l-kapaċita ta' ħlas ta' l-Istat Membru in kwistjoni. Għall-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji, għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi u ta' l-urġenza li jista' jkun hemm sabiex l-Istat Membru in kwistjoni jikkonforma ruħu ma l-obbligi tiegħu (sentenza ta' l-4 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni vs il-Greċja, iċċitata iktar il-fuq, punt 92).

105. Fir-rigward tal-gravità tal-ksur u, b'mod partikolari, tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, irid jiġi mfakkar li wieħed mill-elementi l-aktar importanti tal-politika komuni tas-sajd huwa l-isfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi tal-baħar fuq bażi sostenibbli, f'kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali xierqa. F'dan il-kuntest, il-protezzjoni tal-frieħ huwa determinanti sabiex jerġgħu jiġu kkostitwiti l-ħażniet tal-ħut. In-nuqqas ta' rispett tal-miżuri tekniċi ta' konservazzjoni previsti mill-politika komuni, b'mod partikolari l-ħtiġijiet dwar id-daqs minimu tal-ħut, għalhekk jikkostitwixxu periklu serju għall-ħarsien ta' ċerti speċi u ta' ċerti postijiet tas-sajd u jipperikolaw il-persegwiment ta' l-għan essenzjali tal-politika komuni tas-sajd.

106. Peress li l-miżuri amministrattivi adottati mill-awtoritajiet Franċiżi ma ġewx implementati b'mod effettiv, dawn ma humiex ta' natura tali li jnaqqsu l-gravità tan-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu li ġie kkonstatat.

107. Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni dawn l-elementi, il-koeffiċjent ta' 10 (fuq skala minn 1 sa 20) għalhekk jirifletti b'mod xieraq il-grad ta' gravità tal-vjolazzjoni.

108. Dwar it-tul ta' żmien tal-vjolazzjoni, ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa konsiderevoli, anke jekk wieħed jieħu d-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u mhux id-data tal-qari tas-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq (ara, f'dan is sens, is-sentenza ta' l-4 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni vs il-Greċja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 98). F'dawn il-kundizzjonijiet, il-koeffiċjent ta' 3 (fuq skala minn 1 sa 3) propost mill-Kummissjoni jidher xieraq.

109. Il-proposta tal-Kummissjoni li jiġi mmoltiplikat ammont bażi għall koeffiċjent ta' 21,1 ibbażat fuq il-prodott gross domestiku tar-Repubblika Franċiża u fuq in-numru ta' voti li din għanda fil-Kunsill, tikostitwixxi mod xieraq kif tiġi riflessa l-kapaċita ta' ħlas ta' dan l-Istat Membru filwaqt li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq ta' l-4 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni vs il-Greċja, punt 88, u tal-25 ta' Novembru 2003, il-Kummissjoni vs Spanja, punt 59).

110. Il-moltiplikazzjoni ta' l-ammont bażi ta' 500 EUR bil-koeffiċjenti ta' 21,1 (għall-kapaċità ta' ħlas), b' 10 (għall-gravità tal-ksur) u bi 3 (għat-tul taż-żmien tal-ksur) twassal għal ammont ta' 316 500 EUR kuljum.

111. F'dak li jirrigwarda l-perjodiċità tal-pagamenti ta' penalità, hemm bżonn madankollu li jiġi kkunsidrat il-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi addottaw provedimenti amministrattivi li jistgħu iservu ta' kuntest għall-implementazzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq. Madankollu, l-adattamenti meħtieġa għall-prattiċi preċedenti ma jistgħux ikunu immedjati u l-impatt tagħhom ma jistax ikun perċepit mill-ewwel. Minn dan isegwi li l- konstatazzjoni eventwali tat-tmiem tal-vjolazzjoni ma tistax isseħħ ħlief wara perjodu li jippermetti valutazzjoni globali tar-riżultati miksuba.

112. Minħabba dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-pagamenti ta' penalità għandhom jiġu imposti fuq bażi semestrali u mhux kulljum.

113. Meta wieħed jikkunsidra t-totalità ta' l-elementi li jinsabu iktar 'il fuq, ir-Repubblika Franċiża għanda tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fuq il-kont "Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea", pagamenti ta' penalità ta' 182,5 x 316 500 EUR, iġifieri 57 761 250 EUR għal kull perjodu ta' sitt xhur mill-qari ta' din is-sentenza sa meta s-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar il-fuq, ma tkunx ġiet eżegwita kompletament.

Fuq l-impożizzjoni ta' somma ta' ħlas f'daqqa

114. F' sitwazzjoni tali bħal dik li hi s-suġġett ta' din il-kawża, jekk jiġi kkunsidrat il-fatt li n-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu baqa' għaddej għal perjodu twil wara s-sentenza li kienet oriġinalment ikkonstatatu u jekk jiġu kkunsidrati l-interessi pubbliċi u privati in kwistjoni, il-kundanna għall-ħlas ta' somma f'daqqa (ara l-punt 81 ta' din is-sentenza) hija opportuna.

115. Tkun kunsiderazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ in eżami jekk l-ammont stabbilit tas-somma ta' ħlas f'daqqa li r-Repubblika Franċiża trid tħallas, tkun 20 000 000 EUR

116. Ir-Repubblika Franċiża għanda għalhekk tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fuq il-kont "Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea", somma ta' ħlas f'daqqa ta' 20 000 000 EUR.

Dwar l-ispejjeż

117. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

Parti operattiva


Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi

1) Peress li ma assiguratx kontroll ta' l-attivitajiet tas-sajd skond il-ħtiġijiet previsti mid-dispożizzjonijiet komunitarji, u

peress li ma assiguratx li l-ksur tar-regoli dwar l-attivitajiet tas-sajd jiġi persegwit skond il-ħtiġijiet previsti mid-dispożizzjonijiet komunitarji,

ir-Repubblika Franċiża ma implementatx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza (C-64/88), u b'hekk naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 228 KE.

2) Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fuq il-kont "Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea", pagament ta' penalità ta' 57 761 250 EUR għal kull perjodu ta' sitt xhur mill-qari ta' din is-sentenza sa meta s-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar il-fuq, ma tkunx ġiet eżegwita kompletament.

3) Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fuq il-kont "Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea", somma ta' ħlas f'daqqa ta' 20 000 000 EUR.

4) Ir-Repubblika Franċiża għanda tbati l-ispejjeż.

Top