Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62001CJ0397

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta' Ottubru 2004.
Bernhard Pfeiffer (C-397/01), Wilhelm Roith (C-398/01), Albert Süß (C-399/01), Michael Winter (C-400/01), Klaus Nestvogel (C-401/01), Roswitha Zeller (C-402/01) u Matthias Döbele (C-403/01) vs Deutsches Rotes Kreuz, Kreisverband Waldshut eV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Arbeitsgericht Lörrach - il-Ġermanja.
Politika soċjali - Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema - Direttiva 93/104/KE - Kamp ta' applikazzjoni - Ħaddiema ta' salvataġġ li jakkompanjaw ambulanzi fil-kuntest ta' servizz ta' salvataġġ organizzat mid-Deutsches Rotes Kreuz - Portata tal-kunċett ta' "trasport fit-triq" - Tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa - Prinċipju - Effett dirett - Deroga - Kundizzjonijiet.
Każijiet Magħquda C-397/01 sa C-403/01.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:584

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta' Ottubru 2004 (*)

"Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 93/104/KE – Kamp ta' applikazzjoni – Ħaddiema ta' salvataġġ li jakkompanjaw ambulanzi fil-kuntest ta' servizz ta' salvataġġ organizzat mid-Deutsches Rotes Kreuz – Portata tal-kunċett ta' "trasport fit-triq" – Tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa – Prinċipju – Effett dirett – Deroga – Kundizzjonijiet"

Fil-kawżi magħquda C-397/01 sa C-403/01,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Arbeitsgericht Lörrach (Il-Germanja), permezz ta' deċiżjonijiet tas-26 ta' Settembru 2001, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Ottubru 2001, fil-proċeduri

Bernhard Pfeiffer (C-397/01),

Wilhelm Roith (C-398/01),

Albert Süß (C-399/01),

Michael Winter (C-400/01),

Klaus Nestvogel (C-401/01),

Roswitha Zeller (C-402/01),

Matthias Döbele (C-403/01)

 vs

Deutsches Rotes Kreuz, Kreisverband Waldshut eV,

 IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C.W.A. Timmermans, C. Gulmann, J.-P. Puissochet u J. N. Cunha Rodrigues, Presidenti ta' Awli, R. Schintgen (Relatur), F. Macken, N. Colneric, S. von Bahr u K. Lenaerts, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Bernhard Pfeiffer, Wilhelm Roith, Albert Süß, Michael Winter u Klaus Nestvogel, kif ukoll Roswitha Zeller u Matthias Döbele, minn B. Spengler, Rechtsanwalt,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Sack u H. Kreppel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta' Mejju 2004,

wara li rat id-digriet tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura tat-13 ta' Jannar 2004,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Marzu 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Bernhard Pfeiffer, Wilhelm Roith u Klaus Nestvogel, kif ukoll għal Roswitha Zeller u Matthias Döbele, minn B. Spengler,

–       għal Albert Süß u Michael Winter, minn K. Lörcher, Gewerkschaftssekretär,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing, bħala aġent,

–       għall-Gvern Franċiż, minn R. Abraham, G. de Bergues u C. Bergeot-Nunes, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn A. Cingolo, avvocata dello Stato,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Jackson, bħala aġent, assistita minn A. Dashwood, barrister,

–       għall-Kummissjoni, minn J. Sack u H. Kreppel,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' April 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, tat-12 ta' Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, p. 1), kif ukoll ta' l-Artikoli 1(3), 6 u 18(1)(b)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta' Novembru 1993, dwar xi aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 307, p. 18).

2       Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' kawżi bejn Bernhard Pfeiffer, Wilhelm Roith, Albert Süß, Michael Winter, Klaus Nestvogel, Roswitha Zeller u Matthias Döbele, li jeżerċitaw jew li kienu eżerċitaw attivitajiet ta' ħaddiema ta' salvataġġ, u d-Deutsches Rotes Kreuz, Kreisverband Waldshut eV [is-sezzjoni ta' Waldshut ta' l-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Ġermaniża (aktar 'il quddiem id-"Deutsches Rotes Kreuz")], organizzazzjoni li timpjega jew li kienet timpjega r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, dwar il-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tipprovdi għal ħin ta' xogħol fil-ġimgħa ta' aktar minn 48 siegħa.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Id-Direttivi 89/391 u 93/104 kienu ġew adottati abbażi ta' l-Artikolu 118 A tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew issostitwiti mill-Artikoli 136 KE sa 143 KE).

4       Id-Direttiva 89/391 hija d-direttiva qafas li tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali fil-qasam ta' sigurtà u ta' saħħa tal-ħaddiema. Dawn il-prinċipji ġew sussegwentament żviluppati permezz ta' sensiela ta' direttivi partikolari fosthom id-Direttiva 93/104.

5       L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391 jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha kif ġej:

"1.      Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta' attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta' servizz, edukattivi, kulturali, ta' serħan etċ.).

2.      Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta' servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b'mod inevitabbli jmorru kontra tagħha.

F'dak il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikunu żgurati sa fejn ikun possibbli fid-dawl ta' l-għanijiet ta' din id-Direttiva."

6       Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/104, intitolat "Skop u qasam ta' applikazzjoni":

"1.      Din id-Direttiva tiffissa rekwiżiti minimi għas-sigurtà u s-saħħa fl-organizzazzazjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.      Din id-Direttiva tapplika għal:

a)      perjodi minimi ta' serħan ta' kuljum, serħan ta' kull ġimgħa u leave annwali, għal pawża u ħin massimu ta' xogħol f'ġimgħa;

u

b)      ċerti aspetti ta' xogħol ta' bil-lejl, xogħol tax-shift u ritmi tax-xogħol.

3.      Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta' attività, kemm pubblika kif ukoll privata, fil-limitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva, bl-eċċezjoni tat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija, fit-triq, bil-baħar, bil-kanali interni u fil-lagi, sajd fil-baħar, xogħol ieħor fuq il-baħar u l-attivitajiet ta' tobba waqt li qed jitħarrġu.

4.      Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE għandhom ikunu applikabbli fl-intier tagħhom għall-oqsma imsemmija fil-paragrafu 2, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet iktar stretti u/jew speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva."

7       L-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/104, li jinsab taħt it-Titolu "Definizzjonijiet", jipprovdi li:

"Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ħin tax-xogħol tfisser kull perjodu li l-ħaddiem ikun qed jaħdem, għad-disposizzjoni ta' min iħaddem, qed iwettaq l-attivitajiet tiegħu u d-dmirijiet li jtih, skond il-liġijiet u/jew il-prattiċi nazzjonali;

2)      perjodu ta' serħan tfisser kull ħin li matulu ma jsirx xogħol;

[…]"

8       Is-Sezzjoni II ta' l-imsemmija direttiva tipprovdi l-miżuri li l-Istati Membru huma obbligati jadottaw sabiex kull ħaddiem igawdi minn, b'mod partikolari, perijodi minimi ta' serħan kuljum kif ukoll ta' serħan fil-ġimgħa u tirregola wkoll it-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa.

9       Fir-rigward tat-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa, l-Artikolu 6 ta' l-istess direttiva jipprovdi li:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, b'konformità mal-ħtieġa li tiġi protetta s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

[…]

2)      il-medja ta' ħin maħdum għal kull perjodu ta' sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma taqbiżx it-48 siegħa."

10     L-Artikolu 15 tad-Direttiva 93/104 jipprovdi li:

"Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa id-dritt ta' l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrativi aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew li jippermettu l-applikazzjoni ta' ftehim kollettiv jew ta' ftehim konkluż bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema."

11     Skond l-Artikolu 16 ta' l-imsemmija direttiva:

"L-Istati Membri jistgħu jistipulaw:

[…]

2)       għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6 (ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa), perjodu ta' referenza ta' mhux aktar minn erba' xhur.

[…]"

12     L-istess direttiva, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta' ċerti attivitajiet, tistabbilixxi sensiela ta' derogi għal diversi mir-regoli bażiċi tagħha sakemm ċerti kundizzjonijiet jiġu sodisfatti. F'dan ir-rigward, l-Artikolu 17 tagħha jipprovdi li:

"1.      Tenut kont xieraq tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-Artikoli 3, 4, 5, 6, 8 jew 16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-attività konċernata, d-dewmien tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew pre-determinat jew jista' jkun determinat mill-ħaddiema infushom, u b'mod partikolari fil-każ ta':

a)      eżekuttivi maniġerjali jew persuni oħra bis-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet awtonomi;

b)      ħaddiema tal-familja

jew

c)      ħaddiema li jiffunzjonaw f'ċerimonji reliġjużi fil-knejjes u f'komunitajiet reliġjużi.

2.      Jistgħu ikunu adottati derogi permezz ta' liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta' ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija sakemm il-ħaddiema konċernati jingħataw perjodi xierqa ta' mistrieħ b'kumpens jew f'każijiet ta' eċċezzjoni fejn mhux possibbli, għal raġunijiet oġġettivi, [jagħtu perjodi ekwivalenti ta' serħan b'kumpens, u li l-ħaddiema konċernati huma mogħtija protezzjoni xierqa:

2.1.      mill-Artikolu 3, 4, 5, 8 u 16:

[…]

ċ)      f'każ ta' attivitajiet li jinvolvu il-bżonn tal-kontinwità tas-servizz jew tal-produzzjoni, partikolarment;

i)      servizzi relatati ma' l-ilqugħ, it-trattament u/jew il-kura provduti mill-isptarijiet u stabbilimenti simili, instituzzjonijiet residenzjali u ħabsijiet;

[…]

iii)      l-istampa, ir-radju, it-televiżjoni, il-produzzjoni ċinematografika, is-servizzi postali u tat-telekommunikazzjoni, l-ambulanzi, is-servizzi tal-protezzjoni kontra n-nar u tal-protezzjoni ċivili;

[…]

3.      Jistgħu isiru derogi mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 permezz ta' ftehim kollettiv jew ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija fil-livell nazzjonali jew reġjonali jew, b'konformità mar-regoli stipulati minnhom, permezz ta' ftehim kollettiv jew ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija fl-livell aktar baxx.

[…]

Id-derogi provduti fl-ewwel u t-tieni sottoparagrafu għandhom ikunu permessi bil-kundizzjoni li perjodi ta' serħan b'kumpens ekwivalenti jingħataw lill-ħaddiema konċernati jew, f'każi ta' eċċezzjoni fejn mhux possibbli għal raġunijiet oġġettivi li jiggarantixxu dawn il-perjodi, il-ħaddiema konċernati jingħataw protezzjoni xierqa.

[…]

4.      L-għażla tad-deroga mill-punt 2 ta' l-Artikolu 16, provdut fil-paragrafu 2, il-punti 2.1. u 2.2. u fil-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu, ma tistax tirriżulta fi twaqqif ta' perjodu ta' referenza li jaqbeż is-sitt xhur.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom l-għażla, sakemm hija konformi mal-prinċipji ġenerali rigward il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, li jħallu, għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi jew għal raġunijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-organizzazzjoni tax-xogħol, sabiex bi ftehim kollettiv jew […] ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija jagħmlu perjodi ta' referenza li ma' jaqbżux it-12-il xahar.

[…]"

13     L-Artikolu 18 tad-Direttiva 93/104 jipprovdi kif ġej:

"1.      a)     L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva sat-23 ta' Novembru 1996, jew għandhom jiżguraw li sa din id-data iż-żewġ naħat ta' l-industrija jwaqqfu l-miżuri meħtieġa bi ftehim, filwaqt li l-Istati Membri jkollhom l-obbligu li jieħdu kull pass neċessarju li jgħinhom biex jiggarantixxu f'kull ħin li d-disposizzjonijiet preskritti b'din id-Direttiva huma mħarsa.

b)      i)     Madankollu, Stat Membru għandu jkollu l-għażla li ma japplikax l-Artikolu 6, waqt li jirrispetta il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, sakemm jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li:

–       l-ebda persuna li tħaddem ma teħtieġx li ħaddiem jaħdem aktar minn 48 siegħa fuq perjodu ta' sebat ijiem, maħdum bħala medja għal perjodu ta' referenza imsemmi fil-punt 2 ta' l-Artikolu 16, jekk ma [t]kunx qabel kis[bet] il-kunsens tal-ħaddiem li jagħmel dan ix-xogħol,

–       l-ebda ħaddiem ma hu suġġett għal [xi] detriment minn min iħaddmu għar-raġuni li ma jridx jagħti l-kunsens tiegħu biex jagħmel dan ix-xogħol,

–       min iħaddem iżomm reġistru kurrenti tal-ħaddiema kollha li jagħmlu dan ix-xogħol,

–       ir-reġistru jkun disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet konnessi mas-sigurtà u/jew is-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jillimitaw il-possibilità li jinqabżu s-sigħat massimi tax-xogħol fil-ġimgħa,

–       min iħaddem jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom b'informazzjoni dwar każijiet fejn ingħata l-kunsens mill-ħaddiema biex jagħmlu xogħol li jaqbeż it-48 siegħa fuq perjodu ta' sebat ijiem, maħduma bħala medja għal perjodu msemmi fil-punt 2 ta' l-Artikolu 16.

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14     Id-dritt Ġermaniż dwar ix-xogħol jagħmel distinzjoni bejn il-ħin tax-xogħol ta' permanenza ("Arbeitsbereitschaft"), il-ħin tax-xogħol ta' l-għassa ("Bereitschaftsdienst") u l-ħin li matulu l-ħaddiem iżomm ruħu lest għal li jista' jinqala' ("Rufbereitschaft").

15     Dawn it-tliet kunċetti mhumiex definiti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali iżda l-karatteristiċi tagħhom jirriżultaw mill-ġurisprudenza.

16     Il-ħin tax-xogħol ta' permanenza ("Arbeitsbereitschaft") jkopri l-ħin li matulu l-ħaddiem ikun obbligat iżomm ruħu għad-dispożizzjoni tal-prinċipal tiegħu fil-post tax-xogħol u jkun, barra minn hekk, obbligat li jibqa' kontinwament ikkonċentrat sabiex, fil-każ ta' bżonn, ikun jista' jintervjeni immedjatament.

17     Matul il-ħin tax-xogħol ta' l-għassa ("Bereitschaftsdienst"), il-ħaddiem huwa obbligat li jkun preżenti f'post iddeterminat mill-prinċipal, ġewwa jew barra l-istabbiliment tiegħu, u li jżomm ruħu lest sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu fuq it-talba tal-prinċipal, iżda huwa awtorizzat jistrieħ jew jokkupa lilu nnifsu kif jixtieq sakemm is-servizzi professjonali tiegħu ma jkunux meħtieġa.

18     Il-ħin li matulu l-ħaddiem iżomm ruħu lest għal li jista' jinqala' ("Rufbereitschaft") huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-ħaddiem mhux marbut li jibqa' preżenti f'post iddeterminat mill-prinċipal iżda jkun biżżejjed jekk il-ħaddiem ikun f'pożizzjoni li jkun jista' jiġi kkuntattjat f'kull ħin sabiex, fuq talba tal-prinċipal, ikun jista' jwettaq il-kompiti professjonali tiegħu fi żmien qasir.

19     Fid-dritt Ġermaniż dwar ix-xogħol, huwa biss il-ħin tax-xogħol ta' permanenza ("Arbeitsbereitschaft") li, bħala regola ġenerali, jitqies fl-intier tiegħu bħala ħin tax-xogħol. Mill-banda l-oħra, kemm il-ħin tax-xogħol ta' l-għassa ("Bereitschaftsdienst) u kemm il-ħin li matulu l-ħaddiem iżomm ruħu lest għal li jista' jinqala' ("Rufbereitschaft") huma kkwalifikati bħala ħin ta' mistrieħ, minbarra dik il-parti li matulha l-ħaddiem ikun effettivament eżerċita l-kompiti professjonali tiegħu.

20     Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-tul tal-ħin tax-xogħol u l-perijodi ta' mistrieħ tinsab fl-Arbeitszeitgesetz (Liġi dwar il-Ħin tax-Xogħol), tas-6 ta' Ġunju 1994 (BGB1. 1994 I, p. 1170, aktar 'il quddiem l-"ArbZG"), adottata sabiex tkun trasposta d-Direttiva 93/104.

21     L-Artikolu 2(1) ta' l-ArbZG jiddefinixxi l-ħin tax-xogħol bħala l-perijodu bejn il-bidu u t-tmiem tax-xogħol, minbarra l-perijodi ta' serħan.

22     Skond l-Artikolu 3 ta' l-ArbZG:

"Il-ħin tax-xogħol ta' kuljum tal-ħaddiema m'għandux ikun ta' aktar minn 8 sigħat. Dan il-ħin jista' jiġi mtawwal sa 10 sigħat iżda dan biss bil-kundizzjoni li, fuq perijodu ta' 6 xhur tal-kalendarju jew ta' 24 ġimgħa, dan il-ħin ma jaqbiżx medja ta' 8 sigħat kuljum."

23     L-Artikolu 7 ta' l-ArbZG huwa miktub kif ġej:

"(1) Huwa possibbli li, permezz ta' ftehim kollettiv jew ta' ftehim fi ħdan impriża bbażat fuq ftehim kollettiv:

1.      b'deroga għall-Artikolu 3,

a)      li l-ħin tax-xogħol jiġi estiż għal aktar minn 10 sigħat kuljum, anki mingħajr kumpens, meta l-ħin tax-xogħol jinkludi, b'mod regolari u f'proporzjoni konsiderevoli, perijodi ta' xogħol ta' permanenza ('Arbeitsbereitschaft'),

b)      li jiġi stabbilit perijodu ta' kumpens ieħor,

c)      li l-ħin tax-xogħol jiġi mtawwal sa 10 sigħat kuljum, mingħajr kumpens, matul massimu ta' 60 ġurnata fis-sena,

[…]"

24     L-Artikolu 25 ta' l-ArbZG jipprovdi li:

"Meta, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-liġi, ftehim kollettiv eżistenti jew li għadu jipproduċi effetti wara din id-data jkun fih regoli derogatorji fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) jew (2) […] li jmorru oltre l-limiti massimi stabbiliti fid-dispożizzjonijiet imsemmija, dawn ir-regoli m'għandhomx jintlaqtu. Il-ftehim fi ħdan impriża bbażati fuq ftehim kollettivi għandhom jiġu assimilati ma' ftehim kollettivi bħal dawk imsemmija fl-ewwel sentenza […]"

25     Il-Tarifvertrag über die Arbeitsbedingungen für Angestellte, Arbeiter und Auszubildende des Deutschen Roten Kreuzes (ftehim kollettiv dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' l-impjegati, l-ħaddiema u l-apprendisti ta' l-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Ġermaniża, aktar il-quddiem id-"DRK-TV") jipprovdi, b'mod partikolari, dan li ġej:

"Artikolu 14  Ħin tax-xogħol normali

(1)      Il-ħin tax-xogħol normali huwa, bħala medja, ta' 39 siegħa fil-ġimgħa, bl-esklużjoni tal-perijodi ta' serħan (38 siegħa u nofs fl-1 ta' April 1990). Bħala regola ġenerali, il-medja tal-ħin tax-xogħol normali fil-ġimgħa għandha tiġi kkalkulata fuq perijodu ta' 26 ġimgħa.

Jista' jiġi stabbilit perijodu itwal fil-każ ta' ħaddiema li jwettqu l-kompiti tagħhom b'rotazzjoni jew b'xiftijiet.

(2)      Il-ħin ta' xogħol normali jista' jiġi mtawwal […]

a)      sa 10 għaxar sigħat kuljum (medja ta' 49 siegħa fil-ġimgħa) jekk il-ħin tax-xogħol regolarment jinkludi perijodi ta' permanenza (‘Arbeitsbereitschaft’) li, bħala medja, jkunu ta' mill-anqas sagħtejn kuljum,

b)      sa 11-il siegħa kuljum (medja ta' 54 siegħa fil-ġimgħa) jekk il-ħin tax-xogħol regolarment jinkludi perijodi ta' permanenza (‘Arbeitsbereitschaft’) li, bħala medja, jkunu ta' mill-anqas tliet sigħat kuljum,

c)      sa 12-il siegħa kuljum (medja ta' 60 siegħa fil-ġimgħa) jekk il-ħaddiem għandu sempliċement ikun preżenti fil-post tax-xogħol sabiex, f'każ ta' bżonn, iwettaq ix-xogħol meħtieġ.

[...]

(5)       Fuq istruzzjonijiet tal-prinċipal tiegħu, il-ħaddiem huwa obbligat li, barra l-ħin normali tax-xogħol, jinsab f'post iddeterminat mill-prinċipal tiegħu fejn ikun jista' jiġi msejjaħ sabiex jidħol għax-xogħol jekk ikun hemm bżonn [xogħol ta' l-għassa ("Bereitschaftsdienst")]. Il-prinċipal jista' jeżiġi xogħol ta' l-għassa bħal dan biss safejn ikun mistenni ċertu ammont ta' xogħol iżda, skond l-esperjenza, għandu jipprevali l-perijodu li matulu ma jsirx xogħol.

[...]"

26     L-Artikolu 14(2) tad-DRK-TV huwa s-suġġett ta' osservazzjoni li tgħid:

"Fil-qasam ta' applikazzjoni ta' l-Anness 2 fir-rigward tal-kollaboraturi tas-servizz ta' salvataġġ u tas-servizz ta' trasport tal-morda, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni n-nota fl-Artikolu 14(2) [tad-DRK-TV]."

27     Dan l-Anness 2 jinkludi dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi għall-persunal tas-servizzi ta' salvataġġ u ta' trasport tal-morda. In-nota rilevanti tindika li t-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa ta' 54 siegħa previst fl-Artikolu 14(2)(b) tad-DRK-TV għandu jitnaqqas gradwalment. Konsegwentament, huwa previst li, mill-1 ta' Jannar 1993, dan it-tul ta' ħin massimu għandu jitnaqqas minn 54 għal 49 siegħa.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

28     Il-preżenti talbiet għal deċiżjoni preliminari oriġinaw minn seba' kawżi.

29     Mid-dokumenti li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li d-Deutsches Rotes Kreuz tiġġestixxi, b'mod partikolari, is-servizz ta' salvataġġ fuq l-art f'parti mill-Landkreis ta' Waldshut. Id-Deutsches Rotes Kreuz tiġġestixxi l-istazzjonijiet ta' salvataġġ ta' Waldshut (Il-Ġermanja), ta' Dettighoffen (Il-Ġermanja) u ta' Bettmaringen (Il-Ġermanja), li huma okkupati 24 siegħa kuljum, kif ukoll l-istazzjon ta' Lauchringen (Il-Ġermanja), li huwa okkupat matul 12-il siegħa kuljum. Is-servizzi ta' salvataġġ f'każ ta' emerġenza fuq l-art huma pprovduti permezz ta' ambulanzi u ta' vetturi mediċi ta' l-emerġenza. L-ekwipaġġ ta' ambulanza huwa kompost minn żewġ paramediċi filwaqt li l-ekwipaġġ ta' vettura medika ta' l-emerġenza huwa kompost minn ħaddiem ta' salvataġġ u tabib ta' l-emerġenzi. Meta jkunu informati dwar emerġenza dawn il-vetturi jmorru fuq il-post sabiex jipprovdu assistenza medika lill-pazjenti. Bħala regola ġenerali, dawn imbagħad jittieħdu l-isptar.

30     Fl-imgħoddi, Bernhard Pfeiffer u Klaus Nestvogel kienu impjegati mid-Deutsches Rotes Kreuz bħala ħaddiema ta' salvataġġ filwaqt li r-rikorrenti l-oħra fil-kawżi prinċipali kienu għadhom impjegati minn din l-organizzazzjoni meta ressqu r-rikorsi tagħhom quddiem il-qorti tar-rinviju.

31     Il-partijiet fil-kawżi prinċipali qegħdin sostanzjalment jikkontestaw il-kwistjoni ta' jekk, meta jiġi kkalkulat it-tul ta' ħin ta' xogħol massimu fil-ġimgħa għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni l-perijodi ta' xogħol ta' permanenza ("Arbeitsbereitschaft") li l-ħaddiema kkonċernati huma jew kienu obbligati jwettqu fil-kuntest ta' l-impjieg tagħhom fis-servizz tad-Deutsches Rotes Kreuz.

32     Ir-rikorsi mressqa minn Bernhard Pfeiffer u Klaus Nestvogel quddiem l-Arbeitsgericht Lörrach għandhom bħala suġġett azzjoni għall-ħlas tas-sigħat ta' sahra li huma ħadmu oltre t-48 siegħa fil-ġimgħa. Fil-fatt, dawn ta' l-aħħar qiegħdin jallegaw li huma kienu inġustament mitluba jaħdmu aktar minn medja ta' 48 siegħa fil-ġimgħa bejn Ġunju 2000 u Marzu 2001. Konsegwentament, huma qiegħdin jitolbu lil din il-qorti tikkundanna lid-Deutsches Rotes Kreuz tħallashom is-somom grossi ta' DEM 4,335.45 (għal 156.85-il siegħa ta' sahra bir-rata grossa ta' DEM 29.91) u DEM 1,841.88 (għal 66.35-il siegħa ta' sahra bir-rata grossa ta' DEM 27.76), flimkien ma' l-interessi minħabba dewmien fil-ħlas.

33     Min-naħa tagħhom, l-azzjonijiet introdotti mir-rikorrenti l-oħra quddiem l-imsemmija qorti għandhom bħala suġġett id-determinazzjoni tat-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa li huma marbutin jaħdmu għad-Deutsches Rotes Kreuz.

34     Il-partijiet fil-kawżi prinċipali qablu, fid-diversi kuntratti ta' impjieg tagħhom, li japplikaw id-DRK-TV.

35     L-Arbeitsgericht Lörrach jikkonstata li, abbażi ta' dawn ir-regoli kuntrattwali, il-ħin ta' xogħol medju fil-ġimgħa fis-servizz ta' salvataġġ ġestit mid-Deutsches Rotes Kreuz kien ta' 49 siegħa. Fil-fatt, il-ħin ta' xogħol normali ġie mtawwal bis-saħħa ta' l-Artikolu 14(2)(b) tad-DRK-TV fid-dawl ta' l-obbligu tal-ħaddiema kkonċernati li jwettqu xogħol ta' permanenza ("Arbeitsbereitschaft") għal mill-anqas medja ta' 3 sigħat kuljum.

36     Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jqisu li d-dispożizzjonijiet adottati mid-Deutsches Rotes Kreuz sabiex tistabbilixxi t-tul ta' ħin ta' xogħol fil-ġimgħa bħala 49 siegħa huma llegali. F'dan ir-rigward huma jibbażaw irwieħhom fuq id-Direttiva 93/104 u fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Ottubru 2000, Simap (C-303/98, Ġabra p. I-7963). Skondhom, l-Artikolu 14(2)(b) tad-DRK-TV jikser id-dritt Komunitarju billi jipprovdi għal ħin ta' xogħol itwal minn 48 siegħa fil-ġimgħa. Barra minn hekk, l-imsemmija regoli fil-ftehim kollettiv ma jistgħux ikunu ġġustifikati fid-dawl tar-regola derogatorja prevista fl-Artikolu 7(1)(1)(a) ta' l-ArbZG. Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu li, fuq dan il-punt, din il-liġi ma tittrasponix b'mod korrett id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104. Għaldaqstant, huma jqisu li d-deroga li tinsab fl-ArbZG għandha tiġi interpretata skond id-dritt Komunitarju u li, fin-nuqqas ta' dan, hija ma tkun bl-ebda mod applikabbli.

37     Mill-banda l-oħra, id-Deutsches Rotes Kreuz titlob li r-rikorsi jiġu miċħuda. Hija ssostni, b'mod partikolari, li r-regoli tagħha dwar il-prolongazzjoni tal-ħin tax-xogħol jirrispettaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-ftehim kollettivi.

38     L-Arbeitsgericht Lörrach, li quddiemha tressqu dawn il-kawżi, għandha dubju, l-ewwel nett, dwar jekk l-attività tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 93/104.

39     Minn naħa, l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/104, li, fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha, jagħmel riferiment għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391, jeskludi minn dan il-kamp diversi oqsma safejn hemm kunflitt inevitabbli bejn il-karatteristiċi partikolari inerenti għal ċerti attivitajiet speċifiċi u dan il-kamp ta' applikazzjoni. Madankollu, skond il-qorti tar-rinviju, din l-esklużjoni għandha tikkonċerna biss dawk l-attivitajiet in kwistjoni li huma intiżi sabiex jassiguraw is-sigurtà pubblika u l-ordni pubblika, li huma indispensabbli għall-ġid komuni u li, minħabba n-natura tagħhom, mhumiex tali li jistgħu jiġu ppjanati bil-quddiem. Bħala eżempju hija ssemmi l-katastrofi l-kbar. Mill-banda l-oħra, is-servizzi ta' salvataġġ fil-każ ta' emerġenza m'għandhomx jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn iż-żewġ direttivi, anki jekk l-ħaddiema ta' salvataġġ huma meħtieġa li jkunu lesti sabiex jintervjenu 24 siegħa kuljum, peress li xorta huwa possibbli li l-funzjonijiet u l-ħinijiet tax-xogħol ta' kull wieħed minn dawn il-ħaddiema jkunu ppjanati minn qabel.

40     Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ddeterminat jekk ix-xogħol fi ħdan is-servizz ta' salvataġġ fuq l-art għandux jiġi kkunsidrat bħala attività li taqa' fil-qasam tat-"trasport fit-triq" fis-sens ta' l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/104. Jekk dan il-kunċett jitqies li jkopri kull attività li tiżvolġi f'vettura li tintuża fit-toroq pubbliċi, is-servizz ta' salvataġġ ipprovdut permezz ta' ambulanzi u ta' vetturi mediċi ta' l-emerġenza jkollu jitqies li jaqa' f'qasam bħal dan peress li parti importanti minn din l-attività tinvolvi l-vjaġġ lejn il-postijiet fejn tkun inqalgħet l-emerġenza u t-trasport tal-pazjenti lejn l-isptar. Madankollu, is-servizz ta' salvataġġ normalment jopera f'kuntest ġeografiku limitat, ġeneralment ġo Landkreis, b'tali mod li d-distanzi ma jkunux twal u l-interventi jkunu għal żmien limitat. Għalhekk, ix-xogħol fi ħdan servizz ta' salvataġġ fuq l-art għandu jiġi distint mill-attività tipika ta' trasport fit-triq. Madankollu, jibqgħu xi dubji f'dan ir-rigward minħabba s-sentenza ta' l-24 ta' Settembru 1998, Tögel (C-76/97, Ġabra p. I-5357, punt 40).

41     It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-medja ta' 48 siegħa bħala t-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa, prevista fl-Artikolu 18(1)(b)(i) tad-Direttiva 93/104, jeħtieġx aċċettazzjoni espressa u mingħajr ambigwità mill-ħaddiem ikkonċernat jew jekk inkella huwiex biżżejjed li dan il-ħaddiem jagħti l-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni ta' ftehim kollettiv fl-intier tiegħu minħabba dan il-ftehim jipprovdi, b'mod partikolari, għall-possibbiltà li jkun maqbuż it-tul ta' ħin massimu ta' 48 siegħa.

42     Fl-aħħar nett, l-Arbeitsgericht Lörrach għandha dubju dwar jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/104 huwiex inkundizzjonat u preċiż biżżejjed sabiex individwu jkun jista' jinvokah quddiem qorti nazzjonali fl-eventwalità li li l-Istat Membru ma jkunx ittraspona din id-direttiva b'mod korrett. Fil-fatt, fid-dritt Ġermaniż, jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 14(2)(b) tad-DRK-TV, li hija applikabbli għall-kuntratti ta' impjieg konklużi bejn il-partijiet fil-kawżi prinċipali, taqa' fil-qafas tal-possibbiltajiet ipprovduti mil-leġiżlatur fl-Artikolu 7(1)(1)(a) ta' l-ArbZG, din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar tippermetti lill-prinċipal jiddeċiedi li jtawwal it-tul ta' ħin tax-xogħol ta' kuljum mingħajr korrispettiv, b'tali mod li l-limitazzjoni tat-tul medju ta' ħin għal 48 siegħa fil-ġimgħa, li tirriżulta mill-Artikolu 3 ta' l-ArbZG, kif ukoll mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/104, tiċċaħħad mill-effett tagħha.

43     Peress li kkunsidrat li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, is-soluzzjoni tal-kawżi li kellha quddiemha kienet teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, l-Arbeitsgericht Lörrach iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti, li huma miktubin f'termini identiċi fil-kawżi C-397/01 sa C-403/01, lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      a)     Ir-riferiment, magħmul fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/104 […] għall-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 […], li jipprovdi li [dawn id-]direttivi mhumiex applikabbli meta partikolaritajiet inerenti għal ċerti attivitajiet speċifiċi fil-qasam tal-protezzjoni ċivili jipprekludu b'mod inevitabbli l-applikabbiltà tad-direttiva, għandu jinftiehem fis-sens li l-attività tar-rikorrenti bħala ħaddiema ta' salvataġġ hija inkluża f'din l-esklużjoni?

         b)     Il-kunċett ta' trasport fit-triq [li jinsab] fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/104/KE għandu jinftiehem fis-sens li mill-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva huma esklużi biss l-attivitajiet ta' trasport li, min-natura tagħhom, jinvolvu l-ivvjaġġar fuq distanzi kbar u li, għaldaqstant, il-ħin ta' trasport tagħhom ma jkunx jista' jiġi stabbilit minħabba n-natura imprevedibbli ta' kumplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu jew inkella fis-sens li dan il-kunċett jkopri wkoll l-attività tas-servizzi ta' salvataġġ fuq l-art li minn ta' l-anqas jinkludu wkoll is-sewqan tal-vetturi ta' salvataġġ u l-akkompanjament tal-pazjent matul il-vjaġġ?

2)      Fid-dawl tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja […] fil-kawża […] Simap (punti 73 u 74), l-Artikolu 18(1)(b)(i) għandu jinftiehem fis-sens li t- titwil tal-ħin tax-xogħol għal aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa għandu jissemma f'kunsens mogħti individwalment mill-ħaddiem jew li dan il-kunsens jista' jikkonsisti wkoll fil-fatt li l-ħaddiem u l-prinċipal qablu fil-kuntratt ta' impjieg li l-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom jiġu rregolati permezz ta' ftehim kollettiv li jippermetti titwil tal-ħinijiet tax-xogħol fil-ġimgħa għal aktar minn 48 siegħa?

3)      Il-formulazzjoni ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/104 […] hija inkundizzjonata u preċiża biżżejjed sabiex individwi jkunu jistgħu jinvokaw id-dispożizzjonijiet tiegħu quddiem il-qrati nazzjonali meta l-Istat ma jkunx ittraspona d-direttiva fid-dritt nazzjonali b'mod korrett? "

44     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Novembru 2001, il-kawżi C-397/01 sa C-403/01 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza.

45     Permezz ta' deċiżjoni ta' l-14 ta' Jannar 2003, il-Qorti tal-Ġustizzja ssospendiet il-proċedura fil-kawżi msemmija sal-ġurnata tas-seduta għat-trattazzjonijiet orali fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-9 ta' Settembru 2003, Jaeger (C-151/02, Ġabra p. I-8389), seduta li nżammet fil-25 ta' Frar 2003.

46     Permezz ta' digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Jannar 2004, il-proċedura orali fil-kawżi C-397/01 sa C-403/01 infetħet mill-ġdid.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq id-domanda 1(a)

47     Permezz tad-domanda 1(a), il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391 u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/104 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-attività tal-ħaddiema ta' salvataġġ, eżerċitata fil-kuntest ta' servizz ta' salvataġġ mediku ta' emerġenza bħal dak in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija direttivi.

48     Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/104 jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha billi jirreferi espressament għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391. Għaldaqstant, qabel ma jiġi ddeterminat jekk attività bħal dik tal-ħaddiema ta' salvataġġ li jakkumpanjaw ambulanza jew vettura medika ta' l-emerġenza fil-kuntest ta' servizz ta' salvataġġ organizzat mid-Deutsches Rotes Kreuz taqax fil-qasam ta' applikazzjoni tad-Direttiva 93/104, għandu jiġi eżaminat, preliminarjament, jekk din l-attività taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 89/391 (ara s-sentenza Simap, iċċitata aktar 'il fuq, punti 30 u 31).

49     Skond l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 89/391 tapplika "għas-setturi ta' attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati", li fosthom wieħed isib speċifikament l-attivitajiet ta' servizzi b'mod ġenerali.

50     Madankollu, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(2), l-imsemmija direttiva ma tapplikax meta karatteristiċi partikolari inerenti għal ċerti attivitajiet speċifiċi, b'mod partikolari fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, jipprekludu dan b'mod inevitabbli.

51     Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-attività ta' ħaddiema ta' salvataġġ li jakkompanjaw ambulanza jew vettura medika ta' l-emerġenza, fil-kuntest ta' servizz ta' salvataġġ lill-persuni feruti jew lill-morda organizzat minn assoċjazzjoni bħal ma hija d-Deutsches Rotes Kreuz, mhijiex ta' natura li taqa' taħt l-esklużjoni msemmija fil-punt preċedenti.

52     Fil-fatt, kemm mill-għan tad-Direttiva 89/391, jiġifieri l-promozzjoni tat-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, u kemm mill-kliem ta' l-Artikolu 2(1) tagħha, jirriżulta li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-direttiva għandu jitqies b'mod wiesa'. Minn dan isegwi li l-eċċezzjonijiet għal dan il-kamp ta' applikazzjoni, previsti fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(2) għandhom jiġu interpretati b'mod restrittiv (ara s-sentenza Simap, iċċitata aktar 'il fuq, punti 34 u 35, u d-digriet tat-3 ta' Lulju 2001, CIG, C-241/99, Ġabra p. I-5139, punt 29).

53     Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 ma jeskludix mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-direttiva s-servizzi ta' protezzjoni ċivili bħala tali iżda biss "ċerti attivitajiet [speċifiċi]" ta' dawn is-servizzi li l-karatteristiċi partikolari tagħhom huma ta' natura tali li jipprekludu b'mod inevitabbli l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti mill-imsemmija direttiva.

54     Għaldaqstant, din l-eċċezzjoni għall-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 89/391, definita b'mod wiesa', għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-applikazzjoni tagħha għal dak li huwa assolutament meħtieġ sabiex jiġu mħarsa dawk l-interessi li hija tawtorizza lill-Istati Membri li jipproteġu.

55     F'dan ir-rigward, l-esklużjoni li tinsab fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 kienet biss ġiet adottata għall-uniċi għanijiet li jkun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-servizzi indispensabbli għall-protezzjoni tas-sigurtà, tas-saħħa kif ukoll ta' l-ordni pubblika fil-każ ta' ċirkustanzi ta' gravità u ta' skala eċċezzjonali – per eżempju katastrofi – li jkunu kkaratterizzati mill-fatt li, minħabba n-natura tagħhom, ma jippermettux li jkun ippjanat il-ħin tax-xogħol tal-gruppi ta' intervent u ta' salvataġġ.

56     Madankollu, is-servizz ta' protezzjoni ċivili fis-sens strett limitat b'dan il-mod, li huwa msemmi fl-imsemmija dispożizzjoni, huwa nettament distint mill-attivitajiet ta' salvataġġ tal-persuni feruti jew tal-persuni morda li huma in kwistjoni fil-kawżi prinċipali.

57     Fil-fatt, anki jekk servizz bħal dak imsemmi mill-qorti tar-rinviju jkollu jaffaċċja avvenimenti li, mid-definizzjoni tagħhom, mhumiex prevedibbli, l-attivitajiet li dan is-servizz jimplika f'kundizzjonijiet normali u li, barra minn hekk, jikkorrispondu għall-inkarigu li jkun ġie preċiżament mogħtija lil servizz bħal dan, xorta jibqgħu ta' natura tali li jkunu jistgħu jiġu organizzati bil-quddiem, inkluż f'dak li jikkonċerna l-ħinijiet tax-xogħol tal-persunal tas-servizz.

58     Għaldaqstant, dan is-servizz m'għandu l-ebda karatteristika partikolari li tipprekludi b'mod inevitabbli l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, b'tali mod li mhuwiex kopert mill-esklużjoni prevista fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 li, għall-kuntrarju, hija applikabbli għal servizz bħal dan.

59     Fir-rigward tad-Direttiva 93/104, mill-kliem stess ta' l-Artikolu 1(3) tagħha, jirriżulta li din tapplika għas-setturi ta' attività kollha, privati jew pubbliċi, imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391, bl-eċċezzjoni ta' ċerti attivitajiet partikolari li huma elenkati b'mod eżawrjenti.

60     Madankollu, l-ebda waħda minn dawn l-attivitajiet ma hija rilevanti fir-rigward ta' servizz bħal dak in kwistjoni fil-kawżi prinċipali. B'mod partikolari, huwa evidenti li l-attività tal-ħaddiema ta' salvataġġ li, fil-kuntest ta' servizz ta' salvataġġ mediku ta' emerġenza, jakkompanjaw lill-pazjenti f'ambulanza jew f'vettura medika ta' l-emerġenza, ma tistax tiġi mqabbla ma' dik ta' tobba li għadhom qegħdin jitħarrġu li, fir-rigward tagħhom, skond l-Artikolu 1(3) tagħha, ma tapplikax id-Direttiva 93/104.

61     Għaldaqstant, attività bħal dik li msemmija mill-qorti tar-rinviju taqa' wkoll fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 93/104.

62     Kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, din il-konklużjoni hija sostnuta wkoll mill-fatt li l-punt 2.1(ċ)(iii) ta' l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 93/104 isemmi b'mod espress, b'mod partikolari, is-servizzi ta' ambulanza. Li kieku l-attività msemmija kienet diġà eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 93/104 fl-intier tagħha bis-saħħa ta' l-Artikolu 1(3) tagħha, l-inklużjoni tagħha fil-punt imsemmi kienet tkun mingħajr ebda utilità. Għall-kuntrarju, din l-inklużjoni turi li l-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa l-prinċipju ta' l-applikabbiltà ta' din id-direttiva għal attivitajiet ta' natura bħal din filwaqt li pprovda l-fakultà li, f'ċirkustanzi ddeterminati, ikun hemm deroga minn ċerti dispożizzjonijiet partikolari ta' l-imsemmija direttiva.

63     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda 1(a), għandha tkun li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391 u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/104 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-attività tal-ħaddiema ta' salvataġġ, eżerċitata fil-kuntest ta' servizz ta' salvataġġ mediku ta' emerġenza bħal dak in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija direttivi.

 Fuq id-domanda 1(b)

64     Permezz tad-domanda 1(b), il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta' "trasport fit-triq", fis-sens ta' l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/104, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-attività ta' servizz ta' salvataġġ mediku ta' emerġenza minħabba l-fatt li din l-attività tikkonsisti, ta' l-anqas parzjalment, fl-użu ta' vettura u l-akkompanjament tal-pazjent matul il-vjaġġ lejn l-isptar.

65     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/104, din id-direttiva "għandha tapplika għas-setturi kollha ta' attività […] bl-eċċezzjoni tat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija, fit-triq, bil-baħar, bil-kanali interni u fil-lagi […]".

66     Fis-sentenza tagħha ta' l-4 ta' Ottubru 2001, Bowden et (C-133/00, Ġabra p. I-7031), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-ħaddiema kollha impjegati fis-settur tat-trasport fit-triq, inkluż il-persunal li jaħdem fl-uffiċċju, huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija direttiva.

67     Bħala eċċezzjonijiet għas-sistema Komunitarja fil-qasam ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol stabbiliti mid-Direttiva 93/104, l-esklużjonijiet mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha msemmija fl-Artikolu 1(3) tagħha għandhom jingħataw interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħhom għal dak li huwa assolutament meħtieġ sabiex jitħarsu l-interessi li dawn l-esklużjonijiet huma intiżi sabiex jipproteġu (ara, b'analoġija, is-sentenza Jaeger, iċċitata aktar 'il fuq, punt 89).

68     Issa, is-settur tat-trasport kien ġie eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 93/104 għar-raġuni li, f'dan is-settur, kienet diġa teżisti leġiżlazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi dwar, b'mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol minħabba n-natura partikolari ta' l-attività in kwistjoni. Madankollu, din il-leġiżlazzjoni mhijiex applikabbli għal operazzjonijiet ta' trasport imwettqa f'sitwazzjoni ta' emerġenza jew bħala missjonijiet ta' salvataġġ.

69     Barra minn hekk, is-sentenza Bowden et, iċċitata aktar 'il fuq, hija bbażata fuq il-fatt li l-prinċipal kien jagħmel parti minn wieħed mis-setturi ta' trasport espressament elenkati fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/104 (ara l-punti 30 sa 41 ta' l-imsemmija sentenza). Mill-banda l-oħra, ma jistax jiġi sostnut li meta d-Deutsches Rotes Kreuz tipprovdi servizz ta' salvataġġ mediku ta' emerġenza bħal dak in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-attività tagħha taqa' fis-settur tat-trasport fit-triq .

70     Il-fatt li din l-attività tikkonsisti parzjalment fl-użu ta' vettura ta' emerġenza u l-akkompanjament tal-pazjent matul it-trasport tiegħu lejn l-isptar mhuwiex determinanti peress li l-għan prinċipali ta' l-attività in kwistjoni huwa li tingħata l-ewwel għajnuna medika lil persuna marida jew feruta u mhux li titwettaq operazzjoni li tagħmel parti mis-settur tat-trasport fit-triq.

71     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li s-servizzi ta' ambulanza huma espressament imsemmija fil-punt 2.1(ċ)(iii) ta' l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 93/104. Issa, din l-inklużjoni, li hija intiża sabiex tippermetti l-possibbiltà ta' deroga minn ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi ta' l-imsemmija direttiva, tkun żejda kieku servizzi bħal dawn kienu diġà esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-direttiva fl-intier tagħha bis-saħħa ta' l-Artikolu 1(3) tagħha.

72     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta' "trasport fit-triq", imsemmi fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/104 ma jinkludix servizz ta' salvataġġ mediku ta' emerġenza bħal dak in kwistjoni fil-kawżi prinċipali.

73     Is-sentenza Tögel, iċċitata aktar 'il fuq, li għaliha rreferiet il-qorti tar-rinviju, ma ddgħajjef din l-interpretazzjoni bl-ebda mod peress li s-suġġett ta' din is-sentenza ma kienx l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/104 iżda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), li l-kontenut u l-għan tagħha m'għandhom l-ebda rilevanza għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 93/104.

74     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda 1(b) għandha tkun li l-kunċett ta' "trasport fit-triq", fis-sens ta' l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/104, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix l-attività ta' servizz ta' salvataġġ mediku ta' emerġenza minkejja li din l-attività tikkonsisti, ta' l-anqas parzjalment, mill-użu ta' vettura u l-akkompanjament tal-pazjent matul il-vjaġġ lejn l-isptar.

 Fuq it-tieni domanda

75     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 18(1)(b)(i) tad-Direttiva 93/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi kunsens espress b'mod espliċitu u liberu minn kull ħaddiem individwalment sabiex it-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa ta' 48 siegħa, kif previst fl-Artikolu 6 ta' l-imsemmija direttiva, jkun imtawwal b'mod validu jew jekk f'dan ir-rigward huwiex biżżejjed li l-kuntratt ta' impjieg tal-ħaddiem ikkonċernat jirreferi għal ftehim kollettiv li jippermetti titwil bħal dan.

76     Sabiex tingħata risposta għad-domanda fformulata mill-ġdid b'dan il-mod, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li kemm mill-Artikolu 118 A tat-Trattat, li huwa l-bażi ġuridika tad-Direttiva 93/104 kif ukoll mill-ewwel, mir-raba', mis-seba' u mit-tmien premessi ta' din id-direttiva, u wkoll mill-kliem stess ta' l-Artikolu 1(1) tagħha, jirriżulta li l-għan ta' din id-direttiva huwa li tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema billi tagħtihom il-benefiċċju ta' perijodi minimi ta' serħan – b'mod partikolari ta' kuljum u ta' kull ġimgħa – kif ukoll ta' perijodi ta' pawża adegwati, u billi tipprovdi għal limitu massimu fir-rigward tat-tul ta' ħin ta' xogħol fil-ġimgħa.

77     Mill-banda l-oħra, fis-sistema stabbilita mid-Direttiva 93/104, huma biss uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha, li huma elenkati b'mod eżawrjenti, li jistgħu ikunu s-suġġett ta' derogi adottati mill-Istati Membri jew mill-imsieħba soċjali. Barra minn hekk, l-implementazzjoni ta' derogi bħal dawn hija suġġetta għal kundizzjonijiet stretti ta' natura li jassiguraw protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

78     B'hekk, l-Artikolu 18(1)(b)(i) ta' l-istess direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom l-għażla li ma japplikawx l-Artikolu 6 tagħha sakemm jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema u sakemm jissodisfaw ċertu numru ta' kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 18(1)(b)(i).

79     B'mod partikolari, l-ewwel inċiż ta' l-imsemmi Artikolu 18(1)(b)(i) jeżiġi li t-tul ta' ħin ta' xogħol ma jaqbiżx it-48 siegħa matul perijodu ta' sebat ijiem, ikkalkulat bħala medja fuq il-perijodu ta' referenza msemmi fil-punt 2 ta' l-Artikolu 16 tad-Direttiva 93/104 filwaqt li l-ħaddiem ikun jista' madankollu jagħti l-kunsens tiegħu biex jaħdem għal tul ta' ħin itwal minn 48 siegħa fil-ġimgħa.

80     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonkludiet, fil-punt 73 tas-sentenza Simap, iċċitata aktar 'il fuq, li, kif jirriżulta mill-kliem tiegħu stess, l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 18(1)(b)(i) tad-Direttiva 93/104 jeżiġi l-kunsens individwali tal-ħaddiem.

81     Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni, fil-punt 74 ta' l-istess sentenza, li l-kunsens espress mir-rappreżentanti ta' sindikat fil-kuntest ta' ftehim kollettiv jew ta' ftehim ieħor mhuwiex ekwivalenti għal dak mogħti mill-ħaddiem stess, kif previst fl-ewwel inċiż ta' l-imsemmi Artikolu 18(1)(b)(i).

82     Din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-għan tad-Direttiva 93/104, li hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema billi tassiguralhom, b'mod partikolari, it-tgawdija effettiva ta' limitu massimu tat-tul ta' ħin ta' xogħol fil-ġimgħa kif ukoll ta' perijodi minimi ta' serħan. Għaldaqstant, kull deroga minn dawn ir-rekwiżiti minimi għandha tkun akkompanjata mill-garanziji kollha meħtieġa sabiex, fl-eventwalità li l-ħaddiem ikkonċernat jiġi inkoraġġut jirrinunzja għal dritt soċjali mogħti direttament lilu mill-imsemmija direttiva, huwa jagħmel dan b'mod liberu u b'għarfien sħiħ tal-fatti kollha. L-importanza ta' dawn ir-rekwiżiti tiżdied minħabba li l-ħaddiem għandu jitqies bħala l-parti dgħajfa fil-kuntratt ta' impjieg b'tali mod li huwa neċessarju li tkun evitata sitwazzjoni fejn il-prinċipal igawdi mill-fakultà li jinjora r-rieda tal-parti l-oħra fil-kuntratt jew li jimponilha restrizzjoni tad-drittijiet tagħha mingħajr ma din il-parti ma tkun esprimiet il-kunsens tagħha f'dan ir-rigward b'mod espliċitu.

83     Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma rilevanti wkoll fir-rigward tas-sitwazzjoni li għaliha tirreferi t-tieni domanda.

84     Minn dan isewgi li, sabiex issir deroga valida mit-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/104, li huwa ta' 48 siegħa, il-kunsens tal-ħaddiem għandu jingħata mhux biss individwalment iżda għandu jkun espress ukoll b'mod espliċitu u liberu.

85     Dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux sodisfatti meta l-kuntratt ta' impjieg tal-ħaddiem ikkonċernat jagħmel biss riferiment għal ftehim kollettiv li jawtorizza t-titwil tat-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa. Fil-fatt, bl-ebda mod ma hu ċert li, meta kkonkluda kuntratt bħal dan, il-ħaddiem kkonċernat kien jaf bir-restrizzjoni magħmula fir-rigward tad-drittijiet tiegħu taħt id-Direttiva 93/104.

86     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 18(1)(b)(i) tad-Direttiva 93/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi kunsens espress b'mod espliċitu u liberu minn kull ħaddiem individwalment sabiex it-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa ta' 48 siegħa, kif previst fl-Artikolu 6 ta' l-imsemmija direttiva, ikun imtawwal b'mod validu. F'dan ir-rigward, mhuwiex biżżejjed li l-kuntratt tax-xogħol tal-ħaddiem ikkonċernat jirreferi għal ftehim kollettiv li jippermetti titwil bħal dan.

 Fuq it-tielet domanda

87     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk, fil-każ ta' traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva 93/104, l-Artikolu 6(2) ta' din id-direttiva jkunx jista' jiġi interpretat bħala li għandu effett dirett.

88     Kif jirriżulta kemm mill-kliem tagħha u kif ukoll mill-kuntest tagħha, din id-domanda għandha żewġ aspetti: l-ewwel aspett jikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/104 sabiex il-qorti tar-rinviju tkun f'pożizzjoni li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tar-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju, filwaqt li t-tieni aspett tad-domanda jikkonċerna l-kwistjoni jekk, minħabba li l-Istat Membru kkonċernat ittraspona b'mod inkorrett l-imsemmija dispożizzjoni fid-dritt intern, din id-dispożizzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex individwu jkun jista' jinvokaha quddiem il-qrati nazzjonali f'ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawżi prinċipali.

89     Għaldaqstant, dawn iż-żewġ aspetti għandhom jiġu eżaminati wieħed wara l-ieħor.

 Fuq il-portata ta' l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/104

90     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/104 jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex, skond ir-rekwiżiti ta' protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, it-tul ta' ħin ta' xogħol medju għal kull perijodu ta' sebat ijiem ma jaqbiżx it-48 siegħa, inklużi s-sigħat ta' sahra.

91     Mill-Artikolu 118 A tat-Trattat, li huwa l-bażi ġuridika tad-Direttiva 93/104, mill-ewwel, mir-raba', mis-seba' u mit-tmien premessi tagħha, mill-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew miżmuma fi Strasburgu fid-9 ta' Diċembru 1989, li l-paragrafu 8 u l-ewwel inċiż tal-paragrafu 19 tagħha huma mfakkra fir-raba' premessa ta' l-imsemmija direttiva, kif ukoll mill-kliem stess ta' l-Artikolu 1(1), jirriżulta li l-għan ta' din id-direttiva huwa li tistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta' approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar, b'mod partikolari, it-tul tal-ħin tax-xogħol. Din l-armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju fil-qasam ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema billi tagħtihom il-benefiċċju ta' perijodi minimi ta' serħan – b'mod partikolari ta' kuljum u ta' kull ġimgħa – kif ukoll ta' perijodi ta' pawża adegwati (ara s-sentenza Jaeger, iċċitata aktar 'il fuq, punti 45 sa 47).

92     Id-Direttiva 93/104 ukoll timponi, b'mod partikolari fl-Artikolu 6(2) tagħha, limitu massimu ta' 48 siegħa bħala t-tul ta' ħin medju ta' ġimgħa tax-xogħol, limitu massimu li, fir-rigward tiegħu, huwa espressament ippreċiżat li jinkludi s-sigħat ta' sahra.

93     F'dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ħin tax-xogħol ta' l-għassa ("Bereitschaftsdienst") maħdum minn ħaddiem taħt skema li titlob il-preżenza fiżika tiegħu fil-post iddeterminat mill-prinċipal tiegħu għandu jitqies fl-intier tiegħu bħala li jikkostitwixxi perijodi ta' xogħol fis-sens tad-Direttiva 93/104, irrispettivament mill-fatt li, matul dan il-ħin, il-ħaddiem ikkonċernat effettivament ma jwettaqx attività professjonali kontinwa (ara s-sentenza Jaeger, iċċitata aktar 'il fuq, punti 71, 75 u 103).

94     L-istess għandu jingħad għall-perijodi ta' xogħol ta' permanenza ("Arbeitsbereitschaft") maħduma minn ħaddiema ta' salvataġġ fil-kuntest ta' servizz ta' salvataġġ li neċessarjament jinvolvi perijodi ta' inattività xi ftit jew wisq estiżi bejn l-interventi ta' emerġenza.

95     Għaldaqstant, perijodi ta' permanenza bħal dawn għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-intier tagħhom meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat t-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġurnata u fil-ġimgħa.

96     Barra minn hekk, jidher illi fis-sistema stabbilita mid-Direttiva 93/104, filwaqt li l-Artikolu 15 tagħha jippermetti b'mod ġenerali l-applikazzjoni jew l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, huma biss ċerti dispożizzjonijiet ta' din id-direttiva, li huma msemmija b'mod espliċitu, li jistgħu jkunu s-suġġett ta' derogi mill-Istati Membri jew mill-imsieħba soċjali (ara s-sentenza Jaeger, iċċitata aktar 'il fuq, punt 80).

97     Issa, minn naħa, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/104 huwa msemmi biss fl-Artikolu 17(1) tagħha filwaqt li mhuwiex ikkontestat li din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar tikkonċerna attivitajiet li m'għandhom l-ebda relazzjoni ma' dawk imwettqa minn ħaddiema ta' salvataġġ bħalma huma r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali. Mill-banda l-oħra, il-punt 2.1(ċ)(iii) ta' l-Artikolu 17(2) jirreferi għall-"attivitajiet li jinvolvu il-bżonn tal-kontinwità tas-servizz" li fosthom wieħed isib, b'mod partikolari, is-servizzi ta' "l-ambulanzi", iżda din id-dispożizzjoni tipprovdi biss għall-possibbiltà ta' deroga għall-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 ta' l-imsemmija direttiva.

98     Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 18(1)(b)(i) tad-Direttiva 93/104 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom id-dritt li ma japplikawx l-Artikolu 6 tagħha sakemm jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema u sakemm jissodisfaw ċertu numru ta' kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 18(1)(b)(i). Madankollu, hemm qbil li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma użatx din il-possibbiltà ta' deroga (ara s-sentenza Jaeger, iċċitata aktar 'il fuq, punt 85).

99     Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux jiddeterminaw unilateralment il-portata tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104 billi jissuġġettaw għal xi kundizzjoni jew restrizzjoni l-applikazzjoni tad-dritt tal-ħaddiema li t-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa ma jaqbiżx l-48 siegħa, kif previst fl-Artikolu 6(2) ta' din id-direttiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Jaeger, iċċitata aktar 'il fuq, punti 58 u 59). Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tmur kontra l-għan ta' din id-direttiva, jiġifieri li tiggarantixxi protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema billi effettivament tassiguralhom perijodi minimi ta' serħan (ara s-sentenza Jaeger, iċċitata aktar 'il fuq, punti 70 u 92).

100   F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl kemm tal-kliem ta' l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/104 u kemm ta' l-għan u ta' l-istruttura ta' din id-direttiva, il-limitu massimu ta' 48 siegħa bħala t-tul ta' ħin medju ta' xogħol fil-ġimgħa, inklużi s-sigħat ta' sahra, jikkostitwixxi regola tad-dritt soċjali Komunitarju ta' importanza partikolari li minnha għandu jibbenefika kull ħaddiem bħala rekwiżit minimu intiż sabiex jassigura l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu (ara, b'analoġija, is-sentenza tas-26 ta' Ġunju 2001, BECTU, C-173/99, Ġabra p. I-4881, punti 43 u 47), b'tali mod li ma jidhirx li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tawtorizza perijodi ta' xogħol fil-ġimgħa ta' aktar minn 48 siegħa, inkluż il-ħin ta' xogħol ta' permanenza ("Arbeitsbereitschaft"), hija kompatibbli mar-rekwiżiti ta' l-imsemmija dispożizzjoni.

101   Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda, meqjusa mill-ewwel aspett tagħha, għandha tkun li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li, fir-rigward tal-perijodi ta' xogħol ta' permanenza ("Arbeitsbereitschaft") maħduma minn ħaddiema ta' salvataġġ fil-kuntest ta' servizz ta' salvataġġ mediku ta' emerġenza pprovdut minn organizzazzjoni bħalma hija d-Deutsches Rotes Kreuz, għandha l-effett li tippermetti, jekk ikun il-każ permezz ta' ftehim kollettiv jew ta' ftehim fi ħdan impriża bbażat fuq ftehim kollettiv bħal dan, li jinqabeż it-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa ta' 48 siegħa stabbilit minn din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-effett dirett ta' l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/104 u l-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan fil-kawżi prinċipali

102   Peress li, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma tidhirx li hija konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/104 fir-rigward tat-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa, għandha tiġi eżaminata wkoll il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 6(2) ta' din id-direttiva jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex ikollu effett dirett.

103   F'dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta' direttiva jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat, jew meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan ikun ittrasponiha b'mod inkorrett (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta' Novembru 1991, Francovich et, C-6/90 sa C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 11, u tal-11 ta' Lulju 2002, Marks & Spencer, C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 25).

104   Issa, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/104 jissodisfa dawn il-kriterji peress li, f'termini li mhumiex ekwivoki, jimponi fuq l-Istati Membri obbligu preċiż dwar ir-riżultat li jridu jilħqu li ma jinkludi l-ebda kundizzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regola li huwa jistabbilixxi, jiġifieri li għandu jiġi stabbilit limitu massimu ta' 48 siegħa, inklużi s-sigħat ta' sahra, fir-rigward tat-tul ta' ħin medju ta' xogħol fil-ġimgħa.

105   Minkejja li d-Direttiva 93/104 tħalli ċertu marġni ta' diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-modalitajiet li huma jagħżlu sabiex jimplementawha, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-perijodu ta' referenza li għandu jiġi stabbilit għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6 tagħha, u minkejja li, barra minn hekk, hija tippermetti li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-artikolu, dawn iċ-ċirkustanzi ma jolqtux il-karattru preċiż u inkundizzjonat ta' l-Artikolu 6(2). Fil-fatt, minn naħa, mill-kliem ta' l-Artikolu 17(4) ta' din id-direttiva jirriżulta li l-perijodu ta' referenza fl-ebda każ ma jista' jkun ta' aktar minn tnax-il xahar u, min-naħa l-oħra, il-fakultà ta' l-Istati Membri li jagħżlu li ma japplikawx l-Artikolu 6 hija suġġetta għar-rispett tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 18(1)(b)(i) ta' l-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, huwa possibbli li tiġi ddeterminata l-protezzjoni minima li għandha tiġi implementata f'kull każ (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Simap, iċċitata aktar 'il fuq, punti 68 u 69).

106   Konsegwentament, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/104 jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ikollu effett dirett.

107   Huwa meħtieġ ukoll li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi ġuridiċi li għandha tasal għalihom qorti nazzjonali minn din l-interpretazzjoni f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali fejn il-partijiet huma individwi.

108   F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b'mod kostanti, li direttiva ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi fir-rigward ta' individu u għaldaqstant ma tistax, bħala tali, tiġi invokata kontrih (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta' Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 48; ta' l-14 ta' Lulju 1994, Faccini Dori, C-91/92, Ġabra p. I-3325, punt 20, u tas-7 ta' Jannar 2004, Wells, C-201/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 56).

109   Minn dan isegwi li anki dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta' direttiva intiża sabiex tikkonferixxi drittijiet jew sabiex timponi obbligi fuq individwi ma tistax tiġi applikata bħala tali fil-kuntest ta' kawża bejn individwi biss.

110   Madankollu, minn ġurisprudenza li, mis-sentenza ta' l-10 ta' April 1984, Von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. 1891, punt 26), hija wkoll stabbilita, jirriżulta li l-obbligu ta' l-Istati Membri, taħt direttiva, li jiksbu r-riżultat previst minnha kif ukoll id-dmir tagħhom, bis-saħħa ta' l-Artikolu 10 KE, li jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew speċjali li huma xierqa sabiex jassiguraw it-twettiq ta' dan l-obbligu, jorbot lill-awtoritajiet kollha ta' l-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, lill-awtoritajiet ġudizzjarji (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta' Novembru 1990, Marleasing, C-106/89, Ġabra p. I-4135, punt 8; Faccini Dori, iċċitata aktar 'il fuq, punt 26; tat-18 ta' Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 40, u tal-25 ta' Frar 1999, Carbonari et, C-131/97, Ġabra p. I-1103, punt 48).

111   Fil-fatt, huma b'mod partikolari l-qrati nazzjonali li għandhom jassiguraw il-protezzjoni ġuridika li l-individwi jgawdu taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u li għandhom jiggarantixxu l-effett sħiħ ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

112   Dan ikun aktar u aktar il-każ meta l-qorti nazzjonali jkollha quddiemha kawża li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet interni li, bħal f'dan il-każ, kienu introdotti speċifikament sabiex tiġi trasposta direttiva li hija intiża sabiex tikkonferixxi drittijiet lill-individwi. L-imsemmija qorti għandha, fid-dawl tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE, tassumi li l-Istat Membru, ladarba uża l-marġni ta' diskrezzjoni li jgawdi taħt din id-dispożizzjoni, kellu l-intenzjoni li jissodisfa kompletament l-obbligi tiegħu taħt id-direttiva kkonċernata (ara s-sentenza tas-16 ta' Diċembru 1993, Wagner Miret, C-334/92, Ġabra p. I-6911, punt 20).

113   Barra minn hekk, meta tapplika d-dritt intern u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta' leġiżlazzjoni adottata speċifikament sabiex timplementa r-rekwiżiti ta' direttiva, il-qorti nazzjonali hija marbuta li tinterpreta d-dritt nazzjonali, safejn dan ikun possibbli, fid-dawl tat-test u ta' l-għan tad-direttiva in kwistjoni sabiex b'hekk tilħaq ir-riżultat intiż mid-direttiva u, b'hekk, tikkonforma ruħha mat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE (ara f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Von Colson u Kamann, punt 26; Marleasing, punt 8 u Faccini Dori, punt 26; ara wkoll is-sentenzi tat-23 ta' Frar 1999, BMW, C-63/97, Ġabra p. I-905, punt 22; tas-27 ta' Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C-240/98 sa C-244/98, Ġabra p. I-4941, punt 30, u tat-23 ta' Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C-408/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21).

114   Ir-rekwiżit ta' interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa inerenti fis-sistema tat-Trattat f'dak li jippermetti lill-qorti nazzjonali tassigura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt Komunitarju meta taqta' l-kawża li jkollha quddiemha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta' Mejju 2003, Mau, C-60/01, Ġabra p. I-4791, punt 34).

115   Minkejja li l-prinċipju ta' interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, impost b'dan il-mod mid-dritt Komunitarju, jikkonċerna l-ewwel nett id-dispożizzjonijiet interni introdotti sabiex jittrasponu d-direttiva in kwistjoni, dan il-prinċipju mhuwiex madankollu limitat għall-interpretazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet iżda jeżiġi li l-qorti nazzjonali tieħu in kunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali fl-intier tiegħu sabiex tevalwa safejn dan jista' jiġi applikat b'tali mod li ma jwassalx għal riżultat kuntrarju għal dak intenzjonat mid-direttiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Carbonari et, iċċitata aktar 'il fuq, punti 49 u 50).

116   F'dan ir-rigward, jekk id-dritt nazzjonali, permezz ta' l-applikazzjoni tal-metodi ta' interpretazzjoni li huwa jirrikonoxxi, jippermetti, f'ċerti ċirkustanzi, li dispożizzjoni tas-sistema ġuridika interna tiġi interpretata b'tali mod li jkun evitat kunflitt ma' regola oħra ta' dritt intern jew li, għal dan il-għan, tkun limitata l-portata ta' din id-dispożizzjoni billi tkun applikata biss safejn tkun kompatibbli ma' l-imsemmija regola, il-qorti hija obbligata tuża l-istess metodi sabiex tilħaq ir-riżultat intenzjonat mid-direttiva.

117   Għaldaqstant, f'dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li għandha quddiemha kontroversji bħal dawk fil-kawżi prinċipali, li jaqgħu fil-qasam ta' applikazzjoni tad-Direttiva 93/104 u li l-oriġini tagħhom tinsab f'fatti li seħħew wara li skada it-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, li għandha, meta tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali intiżi speċifikament sabiex jittrasponu din id-direttiva, tinterpretahom, safejn ikun possibbli, b'tali mod li jkunu jistgħu jiġu applikati b'mod konformi ma' l-għanijiet tad-direttiva in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta' Lulju 2000, Centrosteel, C-456/98, Ġabra p. I-6007, punti 16 u 17).

118   F'dan il-każ, il-prinċipju ta' interpretazzjoni konformi għaldaqstant jeżiġi li l-qorti tar-rinviju tagħmel dak kollu li huwa fil-kompetenza tagħha, billi tikkunsidra r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali, sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-Direttiva 93/104 sabiex twaqqaf it-titwil tal-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa kif stabbilit fl-Artikolu 6(2) tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Marleasing, iċċitata aktar 'il fuq, punti 7 u 13).

119   Konsegwentament, għandu jiġi konkluż li, meta jkollha quddiemha kawża li hija esklużivament bejn individwi, qorti nazzjonali hija obbligata li, meta tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern adottati sabiex jittrasponu l-obbligi previsti f'direttiva, tieħu in kunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u li tinterpretahom, safejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll ta' l-iskop ta' din id-direttiva sabiex tasal għal soluzzjoni konformi ma' l-għan tad-direttiva. Għaldaqstant, fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tagħmel dak kollu li huwa fil-kompetenza tagħha sabiex twaqqaf it-titwil tal-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa li, fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/104, huwa stabbilit bħala 48 siegħa.

120   Fid-dawl tar-raġunament preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li:

–       l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li, fir-rigward tal-perijodi ta' xogħol ta' permanenza ("Arbeitsbereitschaft") maħduma minn ħaddiema ta' salvataġġ fil-kuntest ta' servizz ta' salvataġġ mediku ta' emerġenza pprovdut minn organizzazzjoni bħalma hija d-Deutsches Rotes Kreuz, jkollha l-effett li tippermetti, jekk ikun il-każ permezz ta' ftehim kollettiv jew ta' ftehim fi ħdan impriża bbażat fuq ftehim kollettiv bħal dan, li t-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa jkun ta' aktar minn 48 siegħa kif stabbilit f'din id-dispożizzjoni;

–       l-imsemmija dispożizzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ikollha effett dirett;

–       meta jkollha quddiemha kawża li hija esklużivament bejn individwi, il-qorti nazzjonali hija obbligata li, meta tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern adottati sabiex jittrasponu l-obbligi previsti minn direttiva, tieħu in kunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u tinterpretahom, safejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll ta' l-iskop ta' din id-direttiva sabiex tasal għal soluzzjoni li hija konformi ma' l-għan tad-direttiva. Għaldaqstant, fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tagħmel dak kollu li huwa fil-kompetenza tagħha sabiex twaqqaf it-titwil tal-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/104, huwa stabbilit bħala 48 siegħa.

 Fuq l-ispejjeż

121   Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta' u tiddeċiedi li:

1)      a)     L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, tat-12 ta' Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta' Novembru 1993, dwar xi aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-attività tal-ħaddiema ta' salvataġġ, eżerċitata fil-kuntest ta' servizz ta' salvataġġ mediku ta' emerġenza bħal dak in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija direttivi.

b)      Il-kunċett ta' "trasport fit-triq", fis-sens ta' l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/104, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix l-attività ta' servizz ta' salvataġġ mediku ta' emerġenza minkejja li din l-attività tikkonsisti, ta' l-anqas parzjalment, mill-użu ta' vettura u l-akkompanjament tal-pazjent matul il-vjaġġ lejn l-isptar.

2)      L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 18(1)(b)(i) tad-Direttiva 93/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi kunsens espress b'mod espliċitu u liberu minn kull ħaddiem individwalment sabiex it-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa ta' 48 siegħa, kif previst fl-Artikolu 6 ta' l-imsemmija direttiva, ikun imtawwal b'mod validu. F'dan ir-rigward, mhuwiex biżżejjed li l-kuntratt tax-xogħol tal-ħaddiem ikkonċernat jirreferi għal ftehim kollettiv li jippermetti titwil bħal dan.

3)      −       L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li, fir-rigward tal-perijodi ta' xogħol ta' permanenza ("Arbeitsbereitschaft") maħduma minn ħaddiema ta' salvataġġ fil-kuntest ta' servizz ta' salvataġġ mediku ta' emerġenza pprovdut minn organizzazzjoni bħalma hija d-Deutsches Rotes Kreuz, jkollha l-effett li tippermetti, jekk ikun il-każ permezz ta' ftehim kollettiv jew ta' ftehim fi ħdan impriża bbażat fuq ftehim kollettiv bħal dan, li t-tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa jkun ta' aktar minn 48 siegħa kif stabbilit f'din id-dispożizzjoni;

         −       l-imsemmija dispożizzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ikollha effett dirett;

–       meta jkollha quddiemha kawża li hija esklużivament bejn individwi, il-qorti nazzjonali hija obbligata li, meta tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern adottati sabiex jittrasponu l-obbligi previsti minn direttiva, tieħu in kunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u tinterpretahom, safejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll ta' l-iskop ta' din id-direttiva sabiex tasal għal soluzzjoni li hija konformi ma' l-għan tad-direttiva. Għaldaqstant, fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tagħmel dak kollu li huwa fil-kompetenza tagħha sabiex twaqqaf it-titwil tal-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/104, huwa stabbilit bħala 48 siegħa.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top