IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.10.2015
COM(2015) 484 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u l-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika
{SWD(2015) 191 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru
u l-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika
I.
PROGRESS FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM
L-infrastruttura u l-innovazzjoni tal-enerġija, li huma l-mutur tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR), għadhom importanti llum daqskemm kienu fl-2009 meta ġie stabbilit l-EEPR.
L-informazzjoni dwar il-proġetti kollha tal-EEPR, kif adottati fl-2010, tidher fuq mappa interattiva prodotta mid-DĠ Enerġija u hija disponibbli fuq is-sit web tiegħu permezz ta' din il-ħolqa:
http://ec.europa.eu/energy/eepr/projects/
.
Dan ir-rapport jistabbilixxi l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-proġetti u tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEE F), għal kull parti tal-EEPR. Dan isegwi r-rapport li ġie adottat fl-2014
. Ikopri l-implimentazzjoni tal-proġetti bejn il-31 ta’ Awwissu 2014 u t-30 ta’ Ġunju 2015 u l-pagamenti li saru matul dak il-perjodu.
II.
IMPLIMENTAZZJONI ĠENERALI TAL-PROĠETT
Fl-aħħar ta' Ġunju 2015, minn 59 proġett tlestew kompletament 34 proġett, u l-benefiċjarji tħallsu ammont totali ta' EUR 1 860 487 739 (wara li jitnaqqsu l-ordnijiet ta' rkupru għall-ammont ta' EUR 112 085 349)
Il-parti l-kbira tal-proġetti tlestew u l-promoturi mistennija jippreżentaw l-aħħar talba għall-pagament sa tmiem din is-sena. Il-qagħda tal-infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku hija ġeneralment pożittiva u t-tmien proġetti li fadal jinsabu tajjeb fi triqthom, filwaqt li proġett wieħed bħalissa jinsab sospiż.
Għad fadal xi diffikultajiet, b’mod partikolari għall-integrazzjoni fil-grilja tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta (OWE), u għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS). Dan hu dovut l-aktar għall-ispejjeż għolja tat-teknoloġiji ġodda u r-riskju involut li hu ogħla milli oriġinarjament mistenni.
Il-Kummissjoni għażlet li żżomm l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-investituri dment li tibqa’ ċara l-possibbiltà ta' Deċiżjoni Finali dwar l-Investiment (FID).
1.
l-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku
Is-subprogramm tal-infrastruttura tal-EEPR jappoġġja 44 proġett fi tliet oqsma ewlenin ta’ attivitajiet.
Il-proġetti jiġu implimentati mill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni (TSO) f’kull Stat Membru jew mill-promoturi tal-proġetti. Ġie allokat ammont ta’ EUR 2 267 574, 462, li minnhom, sat-30 ta' Ġunju 2015, kienu ġew żborżati EUR 1 094 297 460 lill-benefiċjarji. Il-pagamenti huma soġġetti għall-impenn sod tal-promoturi li jimplimentaw il-proġett permezz ta’ Deċiżjoni Finali dwar l-Investiment.
Il-proġetti jkopru tliet oqsma:
- Il-proġetti tal-infrastruttura u tal-ħżin tal-gass:
L-infrastruttura tal-gass hija s-sinsla tal-katina tal-provvista tal-enerġija mill-produttur sal-utent aħħari. Il-pipelines ta’ trażmissjoni, il-faċilitajiet ta’ ħżin u t-terminals ta’ rigassifikazzjoni tal-gass naturali likwifikat (LNG) huma fost l-elementi fiżiċi li jiżguraw li l-gass jasal għand il-klijenti fejn u kull meta jkun hemm bżonnu. L-infrastruttura tal-gass trid tkompli tiġi żviluppata u msaħħa fis-snin li ġejjin. Il-bini tal-kollegamenti nieqsa bejn l-Istati Membri se jgħin biex jissalvagwardja l-provvista sikura u biex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ flessibbiltà ġodda u li dejjem jiżdiedu.
- Il-proġetti tal-fluss tal-gass fid-direzzjoni opposta:
Matul il-kriżi tal-gass fl-2009 bejn ir-Russja u l-Ukraina, inqatgħet il-provvista tal-gass lejn il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u ma setgħetx tintlaħaq għal kollox id-domanda tal-importazzjoni. Dan ma kienx dovut għal nuqqas ta' gass fl-Ewropa, iżda minħabba li l-infrastruttura eżistenti ma kellhiex it-tagħmir tekniku u l-kapaċitajiet meħtieġa biex jiġu invertiti l-flussi tal-gass mill-Punent għal-Lvant. Il-programm EEPR ipprovda appoġġ sabiex tiġi indirizzata din il-lakuna u jiġu invertiti l-flussi li hemm fis-seħħ bħalissa fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.
- Il-proġetti tal-infrastruttura tal-elettriku:
L-integrazzjoni tal-ammonti dejjem jiżdiedu ta' elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli varjabbli tirrikjedi investimenti kbar f’infrastruttura ġdida. Barra minn hekk, għadd ta’ Stati Membri għadhom jitqiesu bħala “gżejjer tal-enerġija” billi mhumiex ikkollegati tajjeb mal-ġirien tagħhom u mas-suq intern tal-enerġija.
1.1
il-progress li sar sal-lum
Sal-lum tlestew 31 mill-44 proġett tal-infrastruttura (meta mqabbla mas-27 fil-bidu tal-2014) bi tmien proġetti għadhom għaddejjin u wieħed li jinsab sospiż. Barra minn hekk, l-għajnuna finanzjarja ġiet itterminata għal erba’ proġetti f’Settembru 2014 (Nabucco, Galsi, Poseidon u l-proġett tal-fluss fid-direzzjoni opposta fir-Rumanija). Fis-settur tal-elettriku, tlestew disa' proġetti. L-erba' proġetti li fadal mexjin sew, u wħud minnhom mistennija jitlestew matul din is-sena jew l-aktar tard sal-2016. Fis-settur tal-gass, tlestew 22 proġett; ħamsa mexjin skont l-iskeda, wieħed jinsab attwalment sospiż u erba' ġew itterminati. Il-proġetti kollha tal-fluss fid-direzzjoni opposta u tal-interkonnessjonijiet fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tlestew, ħlief il-proġett tal-fluss fid-direzzjoni opposta fir-Rumanija li ġie tterminat mill-Kummissjoni f’Settembru 2014.
Il-fondi tal-EEPR għenu lill-proġetti biex jiżguraw il-finanzjament tagħhom u, għaldaqstant, biex jevitaw jew inaqqsu d-dewmien. Għaldaqstant, tjiebu kemm is-sikurezza kif ukoll l-affidabbiltà tan-netwerks tal-gass, żdiedu s-sigurtà tal-provvista u d-diversifikazzjoni u tneħħew il-konġestjonijiet kritiċi.
Mill-aħħar rapport ta' implimentazzjoni tal-EEPR tal-2014, sar progress importanti għall-proġetti tal-infrastruttura tal-elettriku u tal-gass. Pereżempju, l-għajnuna finanzjarja żborżata fl-2014 u fl-2015 għenet biex tissaħħaħ is-sistema Daniża ta’ trażmissjoni tal-gass li tlestiet fi tmiem l-2014. L-infrastruttura l-ġdida se tespandi l-kapaċità tat-trażmissjoni tal-gass mill-punt ta’ dħul ta’ Ellund, fil-fruntiera Daniża/Ġermaniża, u se tipprovdi rabta operazzjonali bejn in-netwerk Ġermaniż u s-sistema tat-trażmissjoni Daniża. Barra minn hekk, il-pipeline il-ġdid iżid b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali fid-Danimarka. Dan itaffi l-impatt tal-eżawriment tal-parks tal-enerġija lil hinn mill-kosta u jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali lejn id-Danimarka, l-Iżvezja u lejn ir-reġjun Baltiku, u jtejjeb l-integrazzjoni tas-suq.
Storja oħra ta' suċċess kienet it-tlestija tal-proġett “NordBalt 02” fi tmiem l-2014 li għen biex jitlesta l-aġġornament meħtieġ fil-grija ta' trażmizzjoni interna tal-Litwanja sabiex jiġi ffaċilitat il-fluss tal-elettriku permezz tal-interkonnettur.
Proġett komplut ieħor huwa l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tas-sistema Pollakka tat-trażmissjoni tal-gass fil-punt ta' konnessjoni transfruntier bejn il-Polonja u l-Ġermanja. Il-finanzjament tal-EEPR appoġġja x-xogħlijiet ta' modernizzazzjoni u kostruzzjoni tan-nodu ta' Lasow u l-konnessjoni tal-pipelines fil-Polonja.
L-EEPR appoġġja wkoll il-bini ta’ sezzjoni ta' 48 km ta’ pipeline tal-gass bi fluss fid-direzzjoni opposta bejn Portalegre-Guarda u Cantanhede-Mangualde, li tlestiet fi tmiem l-2014. Il-proġett se jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista fil-Peniżola Iberika billi se tkompli tiġi żviluppata biex tinħoloq it-tielet interkonnessjoni man-netwerk tal-gass Spanjol.
Proġett ieħor li tlesta huwa l-interkonnessjoni bejn Franza u Spanja, tal-proġett li se tgħaqqad is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għan-netwerk u se tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku ta’ Franza u ta’ Spanja, kif ukoll issaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew.
Fir-rebbiegħa tal-2015 ġiet inawgurata konnessjoni ġdida b'kejbil sottomarin ta’ 225 MW bejn l-Italja u Malta. Il-proġett itemm l-iżolament tal-grilja Maltija mill-bqija tal-Ewropa filwaqt li jipprovdi l-enerġija ta' riżerva meħtieġa biex tagħmel tajjeb għan-natura intermittenti tal-enerġija rinnovabbli. Dan se jtejjeb is-sigurtà tal-provvista, inaqqas l-użu ta’ fjuwils fossili u jappoġġja l-espansjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’Malta.
It-tlestija ta' sistema ta’ infrastruttura tal-enerġija mal-UE kollha miexja 'l quddiem bis-saħħa tat-tneħħija tal-ostakli u tal-integrazzjoni ulterjuri tal-"gżejjer tal-enerġija” bħat-tliet Stati Baltiċi, il-Peniżola Iberika, l-Irlanda, Sqallija u Malta.
Sal-lum, hu previst li l-maġġoranza tat-tmien proġetti li għaddejjin bħalissa għandhom jitlestew matul l-2015 u l-2016 u żewġ proġetti biss mistennija li jibqgħu għaddejjin sal-2018 u sal-2019.
L-EEPR jappoġġja l-iżvilupp ta’ proġetti ewlenin tal-infrastruttura tal-enerġija Ewropej fil-kuntest tal-prijoritajiet għall-politika tal-enerġija attwali. Il-linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea
jipprovdu miżuri għall-iżvilupp f'waqtu ta’ proġetti ta’ interess komuni (PCIs) fi tmien kurituri prijoritarji identifikati. B’mod partikolari, il-PCIs huma intitolati li jibbenefikaw minn proċeduri mgħaġġla biex jinkisbu l-permessi għalihom (massimu ta’ tliet snin u nofs), minn inċentivi regolatorji biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ proġetti transfruntiera, u jistgħu jkunu eliġibbli li jirċievu fondi mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF)
.
Minn baġit globali ta’ EUR 30,44 biljun għall-2014-2020 li jkopru t-trasport, l-enerġija, u t-telekomunikazzjoni, l-enerġija tirrappreżenta EUR 5,35 biljun.
Il-mira tas-CEF hija li tappoġġja u tippermetti l-proġetti tal-ogħla rilevanza għall-politika Ewropea dwar l-enerġija. Barra minn hekk, ir-regoli tas-CEF għall-finanzjament tax-xogħlijiet huma stretti ħafna - proġett jista’ jirrikorri għalih bħala “l-aħħar għażla”, meta l-ebda għodda oħra, bħalma huwa l-finanzjament minn tariffi jew il-finanzjament fit-tul bi strumenti ta’ dejn, ma tkun biżżejjed biex tistimola l-investiment.
2. Proġetti għall-Enerġija mir-Riħ Lil Hinn mill-Kosta (OWE)
2.1 Il-progress li sar sal-lum
Is-subprogramm tal-EEPR kien jikkonsisti minn disa' proġetti li jagħtu EUR 565 miljun ta’ appoġġ maqsuma bejn żewġ tipi ewlenin ta’ attivitajiet:
L-ittestjar, il-manifattura u l-varar fuq skala kbira ta’ turbini innovattivi u strutturi ta’ pedamenti lil hinn mill-kosta (sitt proġetti); kif ukoll
L-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq moduli għall-integrazzjoni fil-grilja ta’ ammonti kbar ta’ trażmissjoni elettrika ġġenerata mir-riħ (tliet proġetti).
Tlieta fost disa' proġetti tlestew u tnejn ġew itterminati qabel iż-żmien. Tħallsu EUR 237 603 431 għall-proġetti.
2.2 Il-progress li sar sal-lum skont is-settur
2.2.1 Il-progress fit-Turbini Innovattivi u fl-Istrutturi Lil Hinn mill-Kosta
Il-proġett Nordsee Ost ġarrab xi dewmien minħabba kombinazzjoni ta’ kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fl-2014/15 kif ukoll minħabba kwistjonijiet tekniċi b’konnessjoni mal-grilja u mat-turbini tar-riħ. Ingħatat estensjoni sa tmiem l-2015.
L-implimentazzjoni tal-proġett Aberdeen Offshore Wind Farm - Wind Deployment Centre għadha qed taffaċċja diffikultajiet konsiderevoli. F’Aberdeen, id-diffikultajiet biex jinkisbu kemm il-permessi ta' bini lil hinn mill-kosta kif ukoll dawk ta' fuq l-art (li kienu legalment ikkontestati) dewmu l-proġett. Mhuwiex mistenni li tittieħed deciżjoni finali dwar l-investiment qabel ir-raba’ trimestru tal-2016 (imbagħad isir l-ikkummissjonar fl-2019). Il-proġett Global Tech I ma sabx koinvestitur. Għaldaqstant, f’April 2015 il-Kummissjoni kkonfermat li l-proġett ġie tterminat b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2014.
2.2.2 Progress fl-Integrazzjoni tal-Grilja tar-Riħ
Proġett wieħed, imsejjaħ HVDC Hub, ġie tterminat. Iż-żewġ proġetti li fadal, Kriegers Flak u Cobra Cable, għadhom għaddejjin wara bosta snin ta' diffikultajiet teknoloġiċi u finanzjarji.
Għal Kriegers Flak, il-proposta l-ġdida li saret mill-kumpaniji hija kompatibbli mal-EEPR. Is-sieħba fil-proġett ħadu d-Deċiżjoni Finali dwar l-Investiment fuq il-kunċett tekniku ġdid billi ffirmaw il-Ftehim ta' Kooperazzjoni aġġornat f’Jannar 2015. L-interkonnettur lil hinn mill-kosta hu ppjanat li jiġi kkummissjonat sa tmiem l-2018.
Għal Cobra Cable, il-ftehim ta’ għotja ġie emendat u l-azzjoni ġiet estiża sa Diċembru 2017. L-akkwist tal-konvertituri u tal-kejbil inbeda u l-kuntratt għandu jingħata f’Novembru 2015. Id-Deċiżjoni Finali dwar l-Investiment se tittieħed fit-tieni trimestru tal-2016 jekk il-permessi kollha rilevanti rigward ir-rotta jiġu ggarantiti u l-kuntratti mal-fornituri dwar il-kejbil u l-istazzjonijiet ta' konverżjoni jidħlu fil-baġit ta’ EUR 621 miljun. Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, il-kejbil għandu jibda jitħaddem sentejn wara.
3. Ġbir u Ħżin tal-Karbonju
Is-subprogramm tal-EEPR kien jikkonsisti f'sitt proġetti u f'EUR 1 biljun ta' appoġġ bl-għan li juru l-proċess sħiħ tal-ġbir, tat-trasport u tal-ħżin tal-karbonju.
Proġett wieħed ġie tterminat u pprovda impjanti pilota operattivi għall-ġbir, għat-trasport u għall-ħżin. Tliet proġetti ġew itterminati qabel iż-żmien. Żewġ proġetti għadhom għaddejjin. Tħallsu EUR 426 982 066għal dawn il-proġetti.
Il-progress tal-proġetti tas-CCS
Iż-żewġ proġetti li fadal, ROAD (fin-Netherlands) u Don Valley (fir-Renju Unit), għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet konsiderevoli biex jiksbu l-finanzjament meħtieġ kemm għall-kostruzzjoni kif ukoll għall-operat.
Il-proġett Don Valley miexi tajjeb fir-rigward tal-iżvilupp ta’ infrastruttura għat-trasport u għall-ħżin tas-CO2 li tkun tintuża flimkien mal-proġett kofinanzjat White Rose NER300 kif ukoll proġetti oħra possibbli fiż-żona ta' Humber. Għall-kuntrarju, il-futur tal-impjant tal-elettriku CCS jiddependi għal kollox fuq il-ksib ta' appoġġ operazzjonali mill-iskema Contract for Difference tar-Renju Unit. F’Awwissu 2014, il-Gvern tar-Renju Unit ippubblika dokument dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-politika li jiddeskrivi l-passi li jmiss dwar is-CCS li jinkludu l-iżvilupp ta' skema Contract for Difference xierqa għall-proġetti tas-CCS bħal Don Valley. Il-Kummissjoni se tkompli d-diskussjonijiet tagħha kemm mas-sieħba fil-proġett kif ukoll mal-Gvern tar-Renju Unit dwar l-għażla taż-żmien u l-prospetti għall-kisba ta’ deċiżjoni ta’ investiment finali li tkun pożittiva. Se tiddiskuti wkoll l-emenda ta' ftehim tal-għotja biex tqis id-dewmien fl-iżvilupp tal-iskema CfD u tat-teknoloġija ġdida ppjanata għall-qbid ta' CO2 wara l-akkwiżizzjoni tal-koordinatur tal-proġett minn investitur ġdid f’Diċembru 2014.
Fil-każ tal-proġett ROAD, il-prezz baxx tas-CO2 irriżulta f’diskrepanza fil-finanzjament meta mqabbla mal-kalkoli oriġinali. Il-Kummissjoni Ewropea investiet sforz konsiderevoli sabiex tipprova tlaqqa' flimkien lill-Istati Membri rilevanti, lis-sieħba industrijali kkonċernati u lin-Norveġja biex isibu soluzzjoni. Ir-riżultat kien li l-proġett kien qed jinvestiga soluzzjoni alternattiva dwar il-ħżin, li sadanittant saret disponibbli, u li tnaqqas b’mod sinifikanti l-ispejjeż tat-trasport u tal-ħżin tas-CO2 minħabba li l-pożizzjoni fejn jista' jinħażen is-CO2 issa hija eqreb lejn il-kosta. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll espressjonijiet ta’ interess tanġibbli għat-twaqqif ta’ Kofond ERA-NET fi ħdan Orizzont 2020 biex jappoġġja l-operazzjoni u juża b'mod sħiħ il-potenzjal ta’ tixrid ta’ dak li jkun l-ewwel proġett fl-Ewropa li juri l-applikazzjoni ta’ teknoloġija CCS ta’ wara l-kombustjoni fuq impjant ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam ta' skala kummerċjali. Dan ikun ifisser ukoll li jintwerew b’suċċess it-teknoloġiji li jippermettu li l-impjanti ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam li diġà jeżistu jiġu kkonvertiti għal sorsi differenti ta' enerġija.
III.
IL-FOND EWROPEW GĦALL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA (EEE F)
F’Diċembru 2010, ġew allokati EUR 146,3 miljun mill-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR) għal faċilità finanzjarja għal proġetti tal-enerġija sostenibbli. Intużaw EUR 125 miljun b'kontribuzzjoni tal-UE għall-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEE F), li nħoloq f'Lulju 2011 u li sal-lum laħaq volum totali ta' EUR 265 miljun
, appoġġjat minn faċilità ta’ għotjiet ta’ assistenza teknika b’baġit ta’ EUR 20 miljun u EUR 1,3 miljun għal attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni
L-EEE F jipprovdi finanzjament imfassal apposta (kemm strumenti ta’ dejn u ta’ ekwità) għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, għall-enerġija rinnovabbli u għal proġetti ta’ trasport urban nadif. Il-benefiċjarji huma l-awtoritajiet pubbliċi lokali jew reġjonali jew entitajiet privati li jaġixxu f’isimhom.
1. il-progress li sar sal-lum
Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEE F)
Fl-2014, ġew iffirmati żewġ proġetti ġodda fi Franza u fin-Netherlands. Fi Franza, il-proġett se jipprovdi EUR 5 miljun lil kumpanija privata li tinsab f’idejn ir-Reġjun Rhône Alpes sabiex tiffinanzja r-rinnovazzjoni ta’ binjiet pubbliċi (kulleġġi, skejjel u liċej), matul il-fażi tal-kostruzzjoni u biex twitti t-triq għall-ksib ta’ aktar finanzjament fit-tul. L-approċċ ta’ din il-kumpanija hija eżempju tajjeb tal-mekkaniżmi ta’ aggregazzjoni li huma meħtieġa biex iżidu d-daqs tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika fl-Ewropa.
Fin-Netherlands, il-belt ta’ Venlo ffirmat kuntratt ta’ finanzjament fit-tul għal EUR 8,5 miljun biex tiffinanzja t-titjib tat-tidwil tat-toroq bl-għan li tipprovdi mill-inqas 16 000 punt tad-dawl bid-dwal LED (73 % tat-total ta’ punti tad-dawl tal-belt) u tikseb aktar minn 40 % f’iffrankar tal-enerġija.
Sa mill-ħolqien tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2014, il-Fond iffirma kuntratti ma' disa’ proġetti li jammontaw għal EUR 115-il miljun, li ġġeneraw EUR 216-il miljun ta’ investimenti finali. Barra minn hekk, ġew allokati EUR 70 miljun għal tliet proġetti.
Ġie żviluppat qafas għall-valutazzjoni tal-proġetti u għar-rappurtar dwar l-iffrankar tal-ekwivalenti CO2 u tal-enerġija primarja. Sa tmiem l-2014, l-investimenti tal-EEE F wasslu biex jiġu ffrankati 96 000 tunnellata ta’ CO2, li jistgħu jitqabblu mal-emissjonijiet annwali ta’ekwivalenti CO2 ta’ 12 000 ċittadin Ewropew.
Faċilità ta' Assistenza Teknika
Fl-2014, ġie allokat ammont addizzjonali ta’ EUR 5,5 miljun għal seba’ awtoritajiet lokali biex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ żvilupp tal-proġetti tagħhom. Dan għandu jwassal għal investimenti ta’ EUR 127 miljun, 23 darba ogħla min-nefqa inizjali.
B’kollox, il-faċilità ta’ Assistenza Teknika ffinanzjata mill-Kummissjoni se tkun appoġġjat l-istrutturar ta’ 16-il proġett għall-ammont totali ta’ EUR 17-il miljun. Hemm diversi fatturi li jistgħu jispjegaw għaliex kien hemm ammonti żgħar ta’ fondi mhux allokati. L-ewwel nett, il-proġetti identifikati fil-fażi ta’ eskalazzjoni tal-Fond kienu fi stadju ta’ avvanz/livell ta’ maturità ogħla u għalhekk ma kinux jeħtieġu assistenza teknika. Barra minn hekk, l-esperjenza tal-faċilità ta’ Assistenza Teknika wriet li l-finanzjament ta’ proġetti għall-effiċjenza enerġetika għandu quddiemu bosta sfidi, bħal livell ta’ tħejjija ta’ talbiet aktar baxx minn dak oriġinarjament mistenni meta nbeda l-fond (mit-talbiet għall-assistenza teknika li waslu, ftit kienu lesti biex jiġu sottomessi), tibdil fil-proġetti b'segwitu għat-tibdil politiku fil-gvernijiet, jew l-adattamenti meħtieġa wara l-ewwel sensiela ta’ studji ta’ fattibbiltà.
Attivitajiet li Jżidu s-Sensibilizzazzjoni
Iċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza dwar il-PPP (EPEC)
iffinalizza l-kampanja għaż-żieda tas-sensibilizzazzjoni billi tefa' ħarstu fuq tliet aspetti: l-appoġġ tal-iżvilupp tal-Ikkuntrattar għall-Prestazzjoni tal-Enerġija fl-Istati Membri, it-tħeġġiġ tal-aħjar użu possibbli tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni għall-effiċjenza enerġetika u għall-enerġija rinnovabbli u t-tixrid tal-informazzjoni dwar il-bidliet riċenti fil-politika u fil-prijoritajiet għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (QFP). Abbażi tat-tħejjija ta’ diversi dokumenti ta’ informazzjoni u tal-istrateġiji tal-pajjiżi, ġew organizzati workshops u attivitajiet ta’ segwitu mfassla apposta f’diversi Stati Membri.
Konklużjonijiet ewlenin u prospettiva
L-EEE F se jfittex li jżid il-kopertura ġeografika tiegħu, b’mod partikolari fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, biex jakkomoda l-ħtiġijiet differenti tal-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali Ewropej.
Sa issa, il-Fond stabbilixxa progressivament rekord solidu ta’ investimenti li jrendu profitt u se jfittex b'mod attiv aktar investituri avvanzati biex jingrana dejjem aktar il-kontribuzzjoni tal-UE.
IV.
konklużjonijiet ġenerali
L-EEPR ħalla riżultati tajbin. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti tlestew, b’mod partikolari fir-rigward tal-infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku. Il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li ttemm il-proġetti fejn kien hemm bżonn, u żżomm kontroll strett fuq l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-proġetti.
Is-soluzzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta wriet li hija aktar kumplessa milli kien mistenni, u f'ħames snin inkiseb ħafna għarfien teknoloġiku. L-istess japplika għall-proġetti tas-CCS, li jħabbtu wiċċhom ukoll ma' diffikultatjiet biex jiksbu l-finanzjament komplementari neċessarju, u dan iwassal għal dewmien jew waqfien tal-proġetti.
L-EEE F irnexxa wkoll: ġie stabbilit fond kummerċjali li se jkompli jikber, filwaqt li jipprovdi soluzzjonijiet finanzjarji u jiġġenera l-profitti li jkopru l-ispejjeż amministrattivi, id-dividendi tal-azzjonisti u r-ripagament tal-ispejjeż tal-istabbiliment.