Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0594

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali tal-2013 dwar il-politiki tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp u l-għajnuna esterna u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2012

    /* COM/2013/0594 final */

    52013DC0594

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali tal-2013 dwar il-politiki tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp u l-għajnuna esterna u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2012 /* COM/2013/0594 final */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Rapport Annwali tal-2013 dwar il-politiki tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp u l-għajnuna esterna u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2012

    Il-bini ta’ futur globali b’responsabbiltà u solidarjetà

    L-Unjoni Ewropea (UE) rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi fl-2012 għall-kontribut li tat għall-promozzjoni tal-paċi, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa. Kif xieraq, il-President tal-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni), José Manuel Barroso, fid-diskors tiegħu fiċ-Ċerimonja tal-Premju Nobel rabat din il-kisba mas-solidarjetà u mar-responsabbiltà globali: “Bħala kontinent li filli kien devastat u filli sar wieħed mill-aktar ekonomiji b’saħħithom fid-dinja, bl-aktar sistemi soċjali progressivi, u bħala l-akbar donatur ta' għajnuna fid-dinja, għandna responsabbiltà speċjali fil-konfront ta' miljuni ta' persuni fil-bżonn.”

    Għaldaqstant, l-Ewropa hija fil-qalba tal-isforzi dinjin sabiex jittejjeb l-għajxien permezz tal-iżvilupp. L-UE kollha kemm hi għadha l-akbar donatur fid-dinja ta’ assistenza uffiċjali għall-iżvilupp, li kollettivament ipprovdiet EUR 55,2 biljun fl-2012[1]. L-2012 kienet ukoll l-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Bidla[2], li għandha l-għan li żżid l-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE fit-tnaqqis tal-faqar. B’mod parallel, avvanzaw il-preparamenti fuq qafas globali għal wara l-2015, li għandu lill-UE bħala attur ewlieni. L-UE pprovdiet ukoll appoġġ mgħaġġel u deċiżiv f’sitwazzjonijiet fraġli u ta’ kriżi, bħan-nixfa fis-Saħel u l-kunflitti fis-Sirja u f'Mali.

    L-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Bidla

    L-Aġenda għall-Bidla, li ġiet approvata mill-Kunsill fl-14 ta’ Mejju 2012, tistabbilixxi approċċ aktar strateġiku għat-tnaqqis tal-faqar li għandu l-għan li jkompli jżid l-impatt tal-politika tal-UE għall-iżvilupp[3]. Għal dan l-iskop, l-Aġenda tipproponi sensiela ta’ bidliet ewlenin fil-mod li bih tingħata l-assistenza tal-UE. Dawn jinkludu, inter alia, approċċ differenzjat sabiex l-għotja tkun immirata lejn fejn hija l-aktar meħtieġa u fejn jista’ jkollha l-akbar impatt f’termini ta’ tnaqqis tal-faqar; konċentrazzjoni fuq massimu ta’ tliet setturi għal kull pajjiż; aċċenn aktar ċar fuq tmexxija tajba, fuq id-demokrazija u fuq id-drittijiet tal-bniedem u t-tkabbir inklussiv u sostenibbli; użu akbar ta’ mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament; titjib fil-koerenza tal-politiki u tisħiħ fil-koordinazzjoni u fl-azzjonijiet konġunti mal-Istati Membri.

    L-Aġenda għall-Bidla bħalissa qed tiġi implimentata. Diversi komunikazzjonijiet adottati matul l-2012 iffukaw fuq aspetti speċifiċi bħall-"Protezzjoni Soċjali fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea"[4]; "L-Għeruq ta’ Demokrazija u Żvilupp Sostenibbli: Il-Kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-Relazzjonijiet Esterni"[5] u "L-Approċċ tal-UE għar-Reżiljenza: Nitgħallmu mill-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel"[6]. Il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp – avveniment annwali dwar kwistjonijiet globali u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp – iffukaw fuq tema ċentrali tal-Aġenda għall-Bidla: it-tkabbir inklussiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem.

    Fl-2012, il-Kummissjoni rrikorriet aktar għal mekkaniżmi ta' taħlit, fejn l-għotjiet u riżorsi oħrajn bħal self u ekwità huma kkombinati sabiex tinħoloq taħlita adattata ta' miżuri ta' finanzjament għal proġetti speċifiċi. L-UE stabbilixxiet tliet mekkaniżmi ta' taħlit ġodda li jikkombinaw l-Asja, il-Karibew u l-Paċifiku. Konsegwentement, l-għotjiet tal-UE, li ammontaw għal aktar minn EUR 400 miljun, ippermettew li jsiru proġetti ta’ investiment f’pajjiżi benefiċjarji, b’volum totali ta’ finanzjament ta' proġetti li jqarreb l-EUR 10 biljun.

    Il-Kummissjoni bdiet ukoll tiddefinixxi qafas ġenerali għar-rappurtar tar-riżultati u għar-riforma ta' sistemi ta’ monitoraġġ u ta' rappurtar b'rabta mal-implimentazzjoni ta’ proġetti u ta' programmi. Fl-2012, l-ipprogrammar konġunt tal-UE u tal-Istati Membri tmexxa 'l quddiem f’sitt pajjiżi: l-Etjopja, il-Gana, il-Gwatemala, il-Laos, Mali u r-Rwanda. L-ipprogrammar konġunt f’Ħaiti u fis-Sudan t’Isfel kien diġà beda bħala parti minn proċess aktar bikri, sabiex jittejbu r-riżultati u l-impatt tal-għajnuna. Barra minn hekk, tnieda proċess biex jiġi estiż l-ipprogrammar konġunt, u qed tiġi vvalutata l-fattibbiltà tiegħu f’aktar minn 40 pajjiż ġdid.

    Is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni

    Fl-2012, 870 miljun ruħ kien għad ma kellhomx aċċess għal kwantità suffiċjenti ta' ikel. Il-komunikazzjoni fuq ir-reżiljenza, adottata f’Ottubru, iddeskriviet għaxar passi kritiċi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza fost l-iktar nies vulnerabbli fid-dinja. Dawn varjaw minn strateġiji nazzjonali tar-reżiljenza u pjanijiet ta' prevenzjoni/ġestjoni tad-diżastri għal sistemi ta’ twissija bikrija effiċjenti f’pajjiżi suxxettibbli għad-diżastri kif ukoll approċċi innovattivi għall-ġestjoni tar-riskju. Il-politika tibni fuq riżultati promettenti tal-inizjattivi tal-UE li jistimulaw ir-reżiljenza fis-Saħel u fil-Qarn tal-Afrika: l-Alleanza Globali għall-Inizjattiva dwar ir-Reżiljenza (Alliance Globale pour l'Initiative Résilience - AGIR-Saħel) u l-Appoġġ għar-Reżiljenza tal-Qarn tal-Afrika (Supporting HoA Resilience - SHARE). It-tnejn li huma għandhom l-għan li jkissru ċ-ċiklu vizzjuż ta’ nixfa, ġuħ u faqar permezz ta’ koordinazzjoni sostnuta bejn l-assistenza umanitarja u l-assistenza fl-iżvilupp.

    Fi tliet snin, il-faċilità tal-ikel tal-UE ta' biljun Euro tejbet l-għajxien ta' aktar minn 59 miljun ruħ f’49 pajjiż, u pprovdiet appoġġ indirett għal madwar 93 miljun ruħ oħra. Żewġ programmi li għenu sabiex jiffaċilitaw dawn l-avvanzi huma l-programm ta’ tilqim għall-bhejjem, li rriżulta fl-inokulazzjoni ta’ aktar minn 44,6 miljun bhima, u programm ta’ taħriġ fil-produzzjoni agrikola għal 1,5 miljun ruħ.

    In-nutrizzjoni hija element ewlieni fil-politika tal-iżvilupp. Fl-2012, l-UE impenjat lilha nnifisha li tgħin lill-pajjiżi sħab biex inaqqsu l-għadd ta’ tfal li jbatu minn żvilupp imxekkel b’mill-inqas 7 miljuni sal-2025. Konsegwentement, il-Programm Tematiku tal-UE għas-Sigurtà tal-Ikel ipprovda EUR 5 miljun, permezz tas-segretarjat tal-moviment iddedikat għaż-żieda fin-nutrizzjoni (Scaling Up Nutrition - SUN), biex jappoġġja l-isforzi nazzjonali u biex jiżgura li tingħata nutrizzjoni adegwata lill-ommijiet mill-bidu tat-tqala tagħhom sa ma uliedhom jagħlqu sentejn. Tlieta u tletin pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp, li jirrappreżentaw 59 miljun tifel u tifla mill-165 miljun tifel u tifla li kellhom żvilupp imxekkel, issieħbu fil-moviment SUN sal-aħħar tal-2012. L-UE wkoll kellha rwol attiv fis-Summit tal-G8 f’Mejju fejn tnediet l-"Alleanza l-ġdida għat-titjib fis-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni”[7]. Fil-ħarifa tal-2012 bdiet titħejja komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tan-nutrizzjoni materna u tat-tfal, prevista li tiġi adottata f’Marzu 2013.

    Il-protezzjoni soċjali

    Ħafna drabi, l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà jitħallew barra mill-ħolqien tal-ġid. Mill-popolazzjoni dinjija, 20 % biss għandhom aċċess għal protezzjoni soċjali xierqa, u n-nuqqas tagħha tirrappreżenta ostaklu għall-iżvilupp sostenibbli u fit-tul. F’Awwissu, il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni dwar il-protezzjoni soċjali, li tispjega kif il-kooperazzjoni fl-iżvilupp tista’ ssaħħaħ il-politiki u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Din tinkludi proposti maħsuba biex jappoġġjaw lill-pajjiżi sħab, b'mod partikolari fil-qafas tal-bażijiet ta' protezzjoni soċjali, biex jiġu ppromulgati u implimentati miżuri għall-ħolqien tal-impjiegi u għal titjib fl-opportunitajiet tax-xogħol u biex jingħata l-appoġġ tal-UE għall-indirizzar tal-kawżi sottostanti tan-nuqqas ta’ sigurtà soċjali. Il-proposti - f'konformità ma’ dawk tal-Aġenda għall-Bidla fuq approċċ aktar komprensiv lejn l-iżvilupp tal-bniedem - kienu mressqa wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa u se jiġu diskussi mill-ministri tal-iżvilupp tal-UE u mill-Parlament Ewropew fl-2013. L-UE esprimiet ukoll l-appoġġ tagħha għall-kunċett ta’ bażijiet ta' protezzjoni soċjali definiti f'livell nazzjonali, ikkontribwixxiet għall-approvazzjoni tiegħu mill-G20 u għall-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Bażijiet ta' Protezzjoni Soċjali fil-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol tal-2012.

    L-appoġġ għall-pajjiżi fi tranżizzjoni

    Il-komunikazzjoni konġunta "Appoġġ tal-UE għal Bidla Sostenibbli f’Soċjetajiet fi Tranżizzjoni"[8] adottata f’Ottubru, eżaminat dak li tista' toffri l-UE biex tgħin lill-pajjiżi fi tranżizzjoni jiksbu trasformazzjoni sostenibbli ta' suċċess. Hija tibni fuq l-esperjenzi li l-UE stess kisbet mill-proċess tat-tkabbir, mill-politika tal-viċinat u mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp, kif ukoll mill-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u mill-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK). Il-komunikazzjoni konġunta tistabbilixxi għadd ta’ miżuri konkreti biex jitjieb il-mod li bih l-UE tappoġġja lil dawn il-pajjiżi jiksbu riformi dejjiema.

    L-enerġija sostenibbli għal kulħadd

    L-appoġġ li ngħata għall-objettivi tal-inizjattiva tan-NU “Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd” (SE4ALL) qabad ritmu tajjeb fl-2012. Grupp ta’ Livell Għoli - li huwa membru fih il-Kummissarju għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs - mexxa l-ewwel fażi tal-inizjattiva li għandha l-għan li timmobilizza l-gvernijiet, is-settur privat u s-soċjetà ċivili biex jipprovdu aċċess universali għas-servizzi moderni tal-enerġija, biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-livelli kollha u biex jirduppjaw is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija globali.

    Il-Kummissjoni u l-Presidenza Daniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’April organizzaw Summit SE4ALL tal-UE, li matulu l-President tal-Kummissjoni Barroso ppropona l-għan ambizzjuż li tingħata għajnuna lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex jipprovdu aċċess għal servizzi ta’ enerġija sostenibbli lil 500 miljun ruħ sal-2030. Il-Kummissjoni impenjat EUR 400 miljun għal azzjonijiet relatati mal-enerġija fl-Afrika sub-Saħarjana permezz ta’ mekkaniżmi ta' taħlit. Hija implimentat ukoll faċilità ta’ assistenza teknika tal-UE ta' EUR 65 miljun u aktar minn EUR 75 miljun huma previsti għal proġetti ta' elettrifikazzjoni taż-żoni rurali fir-reġjun tal-AKP.

    Aktar minn 12-il miljun ruħ għandhom jibbenefikaw minn titjib fl-aċċess għas-servizzi moderni tal-enerġija bis-saħħa tal-proġetti li kienu diġà ffinanzjati mill-Faċilità għall-Enerġija madwar ir-reġjun tal-AKP.

    Rio+20: lejn ekonomija aktar ekoloġika

    Waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) f’Ġunju, l-UE żgurat impenji f’oqsma bħalma huma l-ilma, l-oċeani, l-artijiet u l-ekosistemi, ix-xogħol deċenti, il-protezzjoni soċjali, l-enerġija, l-agrikoltura sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel. Il-Konferenza adottat id-dikjarazzjoni "Il-futur li Rridu"[9]. Għall-ewwel darba ġie rikonoxxut li ekonomija ekoloġika inklussiva hija għodda importanti biex jinkiseb żvilupp sostenibbli u biex jitnaqqas il-faqar. Ġie rikonoxxut ukoll li jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti biex jiġu indirizzati x-xejriet mhux sostenibbli tal-produzzjoni u tal-konsum. Il-Konferenza ħarġet il-possibbiltà li ssir kooperazzjoni ma' firxa wiesgħa ta’ pajjiżi disposti biex jiġu żviluppati politiki dwar l-ekonomija ekoloġika bħala impriża komuni. Ġie deċiż ukoll li jiġu żviluppati Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), kif ukoll alternattivi għal strateġija effikaċi ta' finanzjament tal-iżvilupp sostenibbli.

    Il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs)

    Il-proġetti u l-programmi tal-UE qed jikkontribwixxu fil-kisba tal-MDGs madwar il-kontinenti u r-reġjuni kollha. B’mod ġenerali, id-dinja għamlet progress impressjonanti fir-rigward tal-MDGs. Skont l-aħħar ċifri disponibbli[10], il-proporzjon tal-popolazzjoni dinjija li tinsab f'faqar estrem diġà naqset bin-nofs, qabel l-iskadenza tal-2015.

    Sar titjib sostanzjali f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur, ir-rata ta' reġistrazzjoni fl-iskola primarja u r-rati globali tal-infezzjoni tal-HIV, anke jekk għadhom jeżistu differenzi bejn iż-żoni urbani u dawk rurali f’dawn is-setturi. Għad hemm sfidi, b’mod partikolari f'ċerti partijiet tal-Afrika sub-Saħarjana u fil-pajjiżi milquta mill-kunflitt li għadhom lura. Globalment, għad baqa’ xogħol xi jsir partikolarment fil-ġlieda kontra l-ġuħ, il-mortalità materna u tat-tfal, il-kwalità tal-ilma u s-sanità.

    Fl-2012 tnedew għadd ta’ programmi fil-qafas tal-Inizjattiva tal-UE fir-rigward tal-MDGs b'pakkett ta' biljun Euro. L-inizjattiva fir-rigward tal-MDGs għandha l-għan li tħeġġeġ progress aktar mgħaġġel tal-MDGs f’36 pajjiż tal-AKP, billi tipprovdi fondi għall-għanijiet li għadhom l-aktar lura kif ukoll billi tipprovdi fondi bbażati fuq il-prestazzjoni għall-pajjiżi li implimentaw l-għajnuna b’suċċess.

    Il-konkretizzazzjoni tal-inizjattiva fir-rigward tal-MDGs:

    Il-provvista tal-ilma għaż-żoni ttraskurati fit-Togo

    Permezz tal-inizjattiva tal-UE fir-rigward tal-MDGs ġew allokati EUR 16,7 miljun għas-settur tal-ilma u tas-sanità fir-reġjun marittimu tan-Nofsinhar tat-Togo, fejn tgħix kważi nofs il-popolazzjoni u fejn hemm konċentrazzjoni ta' 90 % tal-attività ekonomika. F'din iż-żona, 13 % biss tan-nies għandhom aċċess għall-ilma tax-xorb sikur u nadif, li jinkiseb minn għejun tradizzjonali tal-ilma jew minn pompi. Sal-2016, se jinbnew jew jiġu rinnovati 467 għajn tal-ilma u 6 000 latrina, filwaqt li se jingħata taħriġ lil 8 500 ħaddiem pubbliku u parti interessata. Żewġ proġetti, organizzati konġuntement bejn il-UNICEF u s-Salib l-Aħmar tal-Ġermanja, għandhom l-għan li jipprovdu l-ilma tax-xorb u installazzjonijiet sanitarji lil 140 komunità rurali fir-reġjun kif ukoll li jipprovdu taħriġ fl-iġjene lill-familji, b'enfasi partikolari fuq it-tfal.

    It-tħejjija ta’ qafas għal wara l-2015

    Il-preparamenti għall-Avveniment Speċjali tan-NU ddedikat għar-rieżami tal-progress dwar il-kisba tal-MDGs (Settembru 2013) u b'mod aktar ġenerali tad-diskussjonijiet dwar il-qafas il-ġdid għal wara l-2015 qabdu ċertu ritmu matul l-2012. Bdiet il-ħidma fuq komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li tinkludi konsultazzjoni pubblika, u f’Lulju, il-Kummissarju Piebalgs inħatar bħala membru tal-Bord ta’ Livell Għoli tan-NU għal wara l-2015. Il-komunikazzjoni, li għandha tiġi adottata fi Frar 2013, se tipproponi prinċipji għal approċċ tal-UE dwar qafas globali għal wara l-2015 li jikkombina l-eradikazzjoni tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli, inklużi r-rieżami tal-MDGs u s-segwitu tal-Konferenza Rio+20. Huwa mistenni li l-approċċ jiġi approvat mill-Kunsill f’Ġunju 2013.

    L-UE fid-dinja

    Il-governanza tajba, li hija vitali għall-iżvilupp inklussiv u sostenibbli, kienet punt ċentrali fl-2012. F'konformità mal-Aġenda għall-Bidla u mal-Komunikazzjoni konġunta tal-2011 "Id-Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE: Lejn Approċċ Aktar Effettiv"[11], l-UE użat il-firxa tal-istrumenti esterni tagħha biex tiffaċilita r-riformi f’pajjiżi li għaddejjin minn tranżizzjoni, bil-għan li tintervjeni attivament f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi sabiex tiżgura l-istabbiltà u tappoġġja elezzjonijiet ħielsa u ġusti. L-UE naqqset mir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi li qegħdin jiksru d-drittijiet tal-bniedem u imponiet firxa wiesgħa ta’ miżuri restrittivi kontra r-reġimi repressivi, biex minflok torjenta l-għajnuna lejn is-soċjetà ċivili u l-popolazzjonijiet milquta. Dan kien il-każ fis-Sirja, fejn l-aggravament tal-kriżi umanitarja u l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem wasslu biex l-UE ssospendiet l-għajnuna finanzjarja bilaterali tagħha u imponiet pakkett qawwi ta’ sanzjonijiet, biex minflok torjenta l-appoġġ direttament lejn il-popolazzjoni milquta.

    Kollox ma’ kollox, il-kooperazzjoni tal-UE madwar id-dinja kompliet tiffoka fuq il-kisba tal-MDGs. Minkejja l-prospetti tajbin sabiex tinkiseb edukazzjoni primarja universali sal-2015, għadu improbabbli li l-Afrika sub-Saħarjana tilħaq l-MDGs ewlenin sal-iskadenza stabbilita. Il-faqar estrem, il-mortalità tat-tfal u s-saħħa materna għadhom jikkostitwixxu sfidi kbar. L-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-UE fl-Afrika sub-Saħarjana tat riżultati tajbin fl-2012; l-impenji ta’ finanzjament totali ammontaw għal EUR 4,014 biljun. Diversi pajjiżi qabżu l-miri annwali tagħhom minħabba li l-implimentazzjoni ta’ proġetti u programmi kienet aħjar milli mistennija. L-aktar eżempju notevoli kien l-iżburżar ta’ porzjon ta' appoġġ baġitarju ta’ EUR 40 miljun favur il-Malawi f’Diċembru 2012 wara l-iżviluppi pożittivi fil-pajjiż.

    Sabiex tittejjeb b’mod sostenibbli r-reżiljenza tal-popolazzjonijiet l-iktar vulnerabbli fir-reġjun tas-Saħel, il-Kummissjoni organizzat konferenza ta’ livell għoli f’Ġunju. Il-konferenza qablet li tniedi sħubija għar-reżiljenza permezz ta’ inizjattiva li tinvolvi diversi partijiet interessati (AGIR–Saħel/Alliance globale pour l'initiative Résilience - Saħel).

    AGIR tipprovdi pjan direzzjonali biex tiżdied ir-reżiljenza tal-vittmi ta’ malnutrizzjoni kronika fir-reġjun. Apparti investiment ta’ EUR 750 miljun mifruxa fuq tliet snin biex jinbnew xbieki staġjonali ta’ sikurezza, intlaħaq kunsens ukoll fuq il-ħtieġa li jsir investiment fil-kura tas-saħħa u f'setturi soċjali oħra, fil-funzjonament tas-swieq tal-ikel u fl-awtonomija tan-nisa, inklużi dawk li jaħdmu fl-agrikoltura.

    Sabiex tikkumplimenta l-assistenza tal-UE fuq skala kbira orjentata lejn il-Qarn tal-Afrika (HoA) wara n-nixfa tal-2011, il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva SHARE (Supporting HoA Resilience - Appoġġ għar-Reżiljenza tal-Qarn tal-Afrika) biex tinkoraġġixxi l-investiment fl-oqsma tal-irkupru u tar-reżiljenza. Il-pjanijiet li jammontaw għal aktar minn EUR 250 miljun ġew iffurmati biex iżidu l-involviment tal-UE fl-2012-13. Dawn inkludew l-appoġġ għall-produzzjoni agrikola u tal-bhejjem, għan-nutrizzjoni, għas-saħħa tal-bhejjem, għall-provvista tal-ilma kif ukoll għall-immaniġġjar tar-riżorsi naturali. Fil-qafas tal-inizjattiva SHARE, il-Kummissjoni tenfasizza li għandha ssir enfasi relattiva ikbar fuq il-pjanuri tal-Qarn, li jikkoinċidu fil-biċċa l-kbira tagħhom mal-oqsma fejn il-pastoraliżmu (agrikolu) huwa dominanti. L-inizjattiva SHARE tagħmel parti mill-Qafas Strateġiku għall-HoA li jipprovdi approċċ olistiku għall-impenn tal-UE fir-reġjun, u li għandu l-għan li jappoġġja l-poplu tiegħu biex jikseb aktar paċi, stabbiltà, sigurtà u prosperità taħt gvern responsabbli. Firxa wiesgħa ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp u erba’ missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK li għaddejjin bħalissa qed jikkontribwixxu wkoll għal dan il-Qafas Strateġiku.

    Tul is-sena 2012 kollha, l-UE kellha rwol ewlieni f’Mali, fl-iżgurar tal-mobilizzazzjoni internazzjonali, wara rewwixta tal-armata/kolp ta’ Stat u t-theddida ta’ akkwist tal-kontroll tan-Nofsinhar ta' Mali minn gruppi terroristiċi. Fil-ħidma tagħha biex tiżblokka s-sitwazzjoni politika, l-UE ħadet miżuri biex terġa' tinbena l-armata u kkontribwixxiet b’mod sinifikanti għall-isforzi tal-forzi Afrikani u Franċiżi għall-intervent, li ġie approvat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-bidu tal-2013. Biex tikseb appoġġ għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż, l-UE se torganizza konferenza ta' donaturi fuq Mali f’Mejju 2013. Il-kriżi enfasizzat ir-rilevanza tal-approċċ komprensiv tal-UE u d-determinazzjoni tagħha li tagħti kontribut sostanzjali għar-rikostruzzjoni, għall-istabbilizzazzjoni u għall-bini ta’ paċi dejjiema, b’mod partikolari fit-Tramuntana ta’ Mali. Filwaqt li soluzzjoni dejjiema għall-kriżi politika u ta’ sigurtà f’Mali tibqa’ meħtieġa għall-paċi u l-iżvilupp fis-Saħel, għandhom jiġu indirizzati wkoll kwistjonijiet ta' sigurtà u ta' żvilupp mifruxa mas-Saħel kollu.

    Ir-responsabbiltà reċiproka u impenn kondiviż favur id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt huma fil-qalba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) imġedda[12], li fuq kollox tfittex li tappoġġja "demokrazija profonda". Saru diversi allokazzjonijiet skont il-programmi umbrella maħsuba biex jingħata appoġġ addizzjonali lill-viċinati tan-Nofsinhar u tal-Lvant: is-Sostenn għas-Sħubija, ir-Riforma u t-Tkabbir Inklussiv (SPRING) u l-Integrazzjoni u Kooperazzjoni fis-Sħubija tal-Lvant (EaPIC).

    Tul is-sena 2012 kollha, l-UE implimentat ir-rispons tagħha għar-Rebbiegħa Għarbija li laqtet partijiet tal-Viċinat tan-Nofsinhar, f'konformità mal-prinċipju ta’ “iżjed għal iżjed”[13], approċċ ibbażat fuq l-inċentivi mfassal biex jappoġġja lis-sħab li jwettqu r-riformi u li jibnu “demokrazija profonda”. Il-programm umbrella SPRING jagħti forma tanġibbli lil dan il-prinċipju billi jipprovdi appoġġ addizzjonali lill-pajjiżi sħab li juru impenn ġenwin u progress reali.

    L-iżgurar tal-edukazzjoni għat-tfal Sirjani spostati

    It-tfal Sirjani spostati li huma esklużi mill-edukazzjoni qed jiġu megħjuna permezz ta’ programm tal-UE b'pakkett ta' EUR 10 miljun. Implimentat permezz tal-UNICEF, l-objettiv tiegħu hu li jipprovdi l-aċċess lil 5500 tifel u tifla vulnerabbli mis-Sirja u mill-Ġordan f'39 skola madwar il-Ġordan għal edukazzjoni formali bla ħlas u għal servizzi edukattivi oħra rilevanti, flimkien mat-tfal f’komunitajiet ospitanti fil-Ġordan. Il-proġett jappoġġja s-sistema edukattiva tal-Ġordan fil-livelli nazzjonali u komunitarji.

    Fil-Viċinat tal-Lvant, il-kooperazzjoni tal-UE kompliet tappoġġja l-proċessi ta’ riforma tal-pajjiżi sħab. Il-komunikazzjoni konġunta "Is-Sħubija tal-Lvant: Pjan Direzzjonali għas-Summit tal-Ħarifa 2013"[14] adottata f'Mejju, kienet pass importanti fit-tħejjija tal-ħidma futura. Il-pjanijiet direzzjonali bilaterali u multilaterali ta’ akkumpanjament se jiggwidaw l-implimentazzjoni tas-Sħubija matul il-perjodu ta' preparamenti għas-Summit ta’ Vilnius. L-EaPIC appoġġjat l-Armenja, il-Ġeorġja u l-Moldova b’assistenza finanzjarja ikbar.

    L-UE kienet partikolarment attiva fl-Asja fl-2012, b’serje ta’ laqgħat, żjarat u summits ta’ livell għoli bla preċedent, li laħqu l-qofol tagħhom fid-9a' Summit tal-ASEM fil-Laos li sar f’Novembru. Sar progress tajjeb fir-rigward tal-Ftehimiet Qafas, tal-Ftehimiet ta’ Sħubija u ta' Kooperazzjoni u tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles ma’ diversi sħab Asjatiċi. L-UE kompliet taħdem mal-organizzazzjonijiet reġjonali. Hija qablet dwar pjan ta’ azzjoni ġdid mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), li jiffoka fuq l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir inklussiv għall-perjodu 2013-17.

    Ir-riforma fil-Mjanmar/Burma

    L-UE qiegħda tappoġġja t-tranżizzjoni politika u ekonomika notevoli li qed isseħħ fil-Mjanmar/Burma u ssospendiet il-miżuri restrittivi f’Mejju 2012. Il-Kummissjoni issa impenjat ruħha f'kollaborazzjoni sħiħa mal-gvern dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li żdiedet b’aktar mid-doppju fil-valur u li l-portata tagħha ġiet estiża. Fi Frar 2012,  il-Kummissarju Piebalgs żar il-Mjanmar/Burma u ħabbar li se jitqiegħed għad-dispożizzjoni pakkett ta’ EUR 150 miljun mifrux fuq sentejn b’appoġġ għar-riformi demokratiċi tal-pajjiż, sabiex jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' tkabbir u żvilupp sostenibbli għall-popolazzjoni kollha. Dan il-pakkett, li EUR 100 miljun tiegħu diġà ġew impenjati fi tmiem l-2012, jibni fuq l-appoġġ eżistenti għas-saħħa, għall-edukazzjoni, għall-għajxien, għan-nies spustati u għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-gvern. Ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President Ashton formalment fetħet l-uffiċċju ġdid tal-UE f’Yangon matul iż-żjara tagħha f’April, u f’Settembru l-UE tat bidu għall-proċeduri biex terġa' tiġi stabbilita s-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati, li se tgħin lill-Mjanmar/Burma biex testendi l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Ewropa. Iċ-Ċentru għall-Paċi tal-Mjanmar, li għandu rwol kruċjali għall-proċess ta’ paċi etnika, inawgurat mill-President Barroso f’Novembru 2012, irċieva fondi inizjali tal-UE.

    L-Afganistan kompla jkun prijorità. F’Mejju, il-Kunsill tenna l-impenn fit-tul tal-UE fil-konfront tal-pajjiż u wiegħed li, minn tal-inqas, jibqa' jżomm il-livelli ta’ assistenza wara li jirtiraw it-truppi fl-2014 u li jsostni l-isforzi tal-Afganistan biex jissaħħu l-operazzjonijiet tal-pulizija ċivili u l-istat tad-dritt. Dawn l-impenji ffurmaw il-bażi tal-impriżi tal-UE matul il-konferenzi internazzjonali li saru f’Chicago, f'Kabul u f’Tokjo. Matul l-2012, l-appoġġ tal-UE għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni soċjali ammonta għal EUR 185 miljun. L-UE kompliet bl-impenn tagħha fir-rigward tal-istat tad-dritt, b’enfasi partikolari fuq l-operazzjonijiet tal-pulizija. L-Afganistan jibbenefika wkoll minn linji tematiċi ta’ appoġġ bħalma huma d-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili u s-sigurtà tal-ikel.

    L-Asja Ċentrali, li għadha fraġli u vulnerabbli ħafna, hija reġjun importanti għall-UE. L-impenji tal-UE fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ammontaw għal total ta' EUR 117-il miljun fl-2012. L-Istrateġija UE-Asja Ċentrali, li ġiet eżaminata mill-ġdid fl-2012[15], tibqa’ effettiva u l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin laqa' bis-sħiħ it-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Istati tal-Asja Ċentrali u kkonferma r-rilevanza tal-istrateġija. L-oqsma kollha ta’ prijorità msemmija fl-istrateġija jibqgħu importanti: id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-demokratizzazzjoni; iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni; l-iżvilupp ekonomiku, il-kummerċ u l-investiment; l-enerġija u t-trasport; is-sostenibbiltà ambjentali u l-ilma, kif ukoll il-ġlieda kontra t-theddid u l-isfidi komuni. Fl-2012, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE enfasizzat l-edukazzjoni, l-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi u l-Faċilità ta’ Investiment għall-Asja Ċentrali (IFCA), kif ukoll l-iżvilupp tas-settur privat u s-sigurtà transfruntiera fil-livell reġjonali.

    L-Amerika Latina kollha kemm hi għamlet progress sinifikanti lejn il-kisba tal-MDGs. Il-kooperazzjoni bilaterali tal-UE mal-pajjiżi tal-Amerika Latina ffukat fuq firxa wiesgħa ta’ setturi inklużi l-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-edukazzjoni, il-klima u l-bijodiversità u l-appoġġ lill-ekonomija.

    Ir-relazzjonijiet mar-reġjun tal-Karibew matul l-2012 ikkonċentraw fuq is-segwitu u l-finalizzar ta' għadd ta’ inizjattivi mnedija fis-snin preċedenti. It-tkomplija u t-tisħiħ tad-djalogu politiku mar-reġjun baqgħu prijorità, u sar djalogu politiku bejn l-UE u l-Forum tal-Karibew tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (Cariforum). Il-Faċilità tal-Investiment għall-Karibew twaqqfet fl-2012, biex tiġi mnedija uffiċjalment fil-bidu tal-2013.

    Bir-rendiment ekonomiku impressjonanti li għandu u bl-impenn dejjem aktar b'saħħtu u mifrux tiegħu fir-rigward tal-valuri demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem, ir-Reġjun tal-Amerika Latina u tal-Karibew kompla jikseb aktar importanza għall-UE matul l-2012. Fl-istess ħin, ir-relazzjonijiet ġew ikkaratterizzati wkoll minn xejra inkwetanti lejn prassi kummerċjali restrittiva, bħar-restrizzjonijiet tal-ħruġ ta' liċenzji ta' importazzjoni applikati fl-Arġentina, li kellhom effett negattiv fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali.

    L-2012 rat l-adozzjoni tal-komunikazzjoni konġunta “Lejn sħubija għall-iżvilupp imġedda bejn l-UE u l-Paċifiku”[16]. L-UE sostniet l-impenn tagħha fir-rigward tar-reġjun tal-Paċifiku, fejn il-qofol tiegħu ntlaħaq meta pparteċipat fit-43 Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku li sar f’Awwissu fil-Gżejjer Cook. Dan l-avveniment laqqa' flimkien lill-mexxejja tal-istati tar-reġjun biex jidentifikaw il-prijoritajiet kif ukoll biex jipprovdu kontribut siewi għal titjib fl-effiċjenza tal-għajnuna għall-iżvilupp. It-tieni laqgħa ministerjali tal-Forum UE-Gżejjer tal-Paċifiku li seħħet f’Ġunju kopriet is-sigurtà, il-governanza, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-iżvilupp, it-tibdil fil-klima u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-oċeani.

    Minkejja l-isforzi kontinwi u koordinati, il-Paċifiku għadu lura milli jikseb l-MDGs kollha. Fl-2012, ġew approvati diversi proġetti tal-UE f’pajjiżi tal-Paċifiku (AKP) biex jiġi appoġġjat il-progress lejn il-kisba tal-għanijiet, inkluż finanzjament mill-inizjattiva tal-MDGs.

    F’Ġunju l-Kummissjoni pproponiet abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u t-Territorji ekstra-Ewropej (OCTs) mal-UE[17]. L-10 Forum OCT-UE sar fi Brussell f’Jannar mal-parteċipanti mill-OCTs u mal-erba' Stati Membri li huma marbuta magħhom (id-Danimarka, Franza, ir-Renju Unit u l-Pajjiżi l-Baxxi). Il-parteċipanti f'dan il-Forum iddiskutew it-tiġdid tal-assoċjazzjoni kif ukoll l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tar-riżorsi skont il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

    Ħarsa ’l quddiem

    Is-sena 2013 se tkun sena kruċjali għall-orjentazzjoni tad-diskussjonijiet dwar il-qafas għal wara l-2015. F'dan ir-rigward, fi Frar 2013, il-Kummissjoni għandha tadotta l-Komunikazzjoni tagħha "Ħajja deċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli". Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-dokument huma mistennija li jiġu adottati f’Ġunju 2013, u b'hekk jikkonsolidaw l-approċċ komuni tal-UE fir-rigward tad-diskussjonijiet dwar il-qafas għal wara l-2015. Dan huwa partikolarment importanti fid-dawl tal-Avveniment Speċjali tan-NU ddedikat għar-rieżami tal-progress dwar il-kisba tal-MDGs f’Settembru 2013. L-objettiv globali ta’ dan il-qafas ġdid għal wara l-2015 għandu jkun li jiżgura "Ħajja deċenti għal kulħadd" sal-2030, billi jtemm il-faqar fid-dimensjonijiet kollha tiegħu (ekonomiċi, soċjali, ambjentali) u billi jagħti lid-dinja futur sostenibbli.

    Il-Kummissjoni se tikkumplimenta dan bi sforzi kbar biex toħloq dibattitu pubbliku dwar din it-tema: Ir-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2013, mistenni li jiġi ppubblikat f’April 2013 u li hu intitolat "Wara l-2015: azzjoni globali għal futur inklussiv u sostenibbli"[18] se jġib miegħu kontributi ulterjuri min-naħa tal-UE għad-djalogu globali. Il-Jiem Ewropej għall-Iżvilupp f’Novembru 2013 se jiffukaw ukoll fuq il-futur tal-iżvilupp.

    In-negozjati mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-2014-20 se jkomplu għaddejjin fid-dawl tal-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali li jwassal għall-adozzjoni tar-regolamenti dwar l-istrumenti finanzjarji sal-2013. Il-Kummissjoni se tkompli timplimenta l-Aġenda għall-Bidla li se tkun ukoll fil-qalba tal-ipprogrammar skont il-QFP tal-2014-20.

    Filwaqt li d-divrenzjar mhux se jibda qabel ma jkun hemm l-istrumenti finanzjarji l-ġodda, il-Kummissjoni diġà se tkun qed taħdem sabiex tiżgura li t-tranżizzjoni għal sħubijiet ġodda ma tkunx ta’ tfixkil. Dan se jiffoka fuq is-sostenibbiltà fit-tul permezz tal-implimentazzjoni ta’ programmi skont il-QFP attwali.

    [1]               http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/137320.pdf

    [2]               COM(2011) 637 final, 13.10.2011

    [3]               http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/foraff/130243.pdf

    [4]               COM(2012) 446 final, 20.8.2012

    [5]               COM(2012) 492 final, 12.9.2012

    [6]               COM(2012) 586 final, 3.10.2012

    [7]               L-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni, IP-12-490, 18.5.2012

    [8]               JOIN(2012) 27 final, 3.10.2012

    [9]               http://www.un.org/en/sustainablefuture

    [10]             http://www.un.org/millenniumgoals/pdf/MDG%20Report%202012.pdf

    [11]             COM(2011) 886 final, 12.12.2011

    [12]             Ir-relazzjoni evolventi tal-UE mas-sħab tagħha fil-Viċinat u t-tranżizzjoni fin-Nofsinhar tal-Mediterran ġew stabbiliti b'segwitu għar-rieżami strateġiku tal-PEV fl-2011. Il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-RGħ/VP tal-25.5.2011 dwar “Risposti Ġodda għal Viċinat fi Trasformazzjoni” iddeskriviet il-viżjoni l-ġdida tal-PEV u kompliet tibni fuq il-komunikazzjoni konġunta, “Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża man-Nofsinhar tal-Mediterran”, adottata fit-8.3.2011.

    [13]             Il-komunikazzjoni konġunta COM (2011) 0200, 8.3.2011

    [14]             JOIN(2012) 13 final, 15.5.2012

    [15]             It-3179 laqgħa tal-Kunsill "AFFARIJIET BARRANIN": http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/foraff/131149.pdf

    [16]             JOIN/2012/06 final, 21.3.2012

    [17]             COM(2012) 362 final, 16.7.2012. Il-proposta kienet ibbażata fuq analiżi bir-reqqa ta’ din id-deċiżjoni, fuq ir-riżultat ta’ bosta konsultazzjonijiet, fuq dikjarazzjonijiet politiċi tal-Kummissjoni, tal-Kunsill, tal-OCTs u tal-Istati Membri, kif ukoll fuq studji esterni.

    [18]             http://www.erd-report.eu/erd/index.html

    Top