EUR-Lex De toegang tot het recht van de Europese Unie

Terug naar de EUR-Lex homepage

Dit document is overgenomen van EUR-Lex

Document 52012DC0072

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)

/* COM/2012/072 final */

52012DC0072

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) /* COM/2012/072 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 4

2........... L-għan tal-Istatut............................................................................................................ 4

3........... Applikazzjoni tal-Istatut SCE: L-inventarju tal-SCEs....................................................... 5

4........... fatturi pożittivi u negattivi li jolqtu t-twaqqif ta’ SCE, skont il-konsultazzjoni pubblika........ 6

4.1........ Xejra ġenerali................................................................................................................. 6

4.2........ Stimuli pożittivi u speċifiċi għall-kooperattivi għat-twaqqif ta' SCE.................................... 6

4.3........ Evalwazzjoni ta’ vantaġġi oħra allegati............................................................................. 6

4.4........ Fatturi negattivi............................................................................................................... 7

5........... Raġunijiet għaliex l-istatut ta’ SCE, relattivament, ma kellux suċċess................................. 7

6........... Il-kwistjoni tas-simplifikazzjoni........................................................................................ 8

7........... Xejriet fid-distribuzzjoni tal-SCEs................................................................................... 8

8........... Rappurtaġġ dwar kwistjonijiet speċifiċi u emendi possibbli għar-regolament...................... 9

8.1........ Rappurtaġġ dwar kwistjonijiet speċifiċi b'referenza għall-Artikolu 79 tar-Regolament........ 9

8.2........ Is-simplifikazzjoni tar-referenzi għal-liġijiet nazzjonali...................................................... 10

9........... KONKLUŻJONI........................................................................................................ 11

1. Introduzzjoni

Ir-Regolament dwar is-Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE mill-isem Latin tagħha Societas Cooperativa Europaea) ġie adottat nhar it-22 ta’ Lulju 2003[1], sentejn wara l-adozzjoni tal-Istatut ta' Kumpanija Ewropea (SE mill-isem Latin tagħha Societas Europaea)[2]. Ir-Regolament tal-SCE huwa kkumplimentat bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE dwar l-involviment tal-ħaddiema fis-SCE (id-‘Direttiva SCE’)[3]. L-iskadenza għall-adattament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għar-Regolament u d-Direttiva dwar l-SCE ġiet iffissata għat-18 ta' Awwissu 2006.

2. L-għan tal-Istatut

L-għan ewlieni tal-Istatut huwa li jiffaċilita l-attivitajiet transkonfinali u transnazzjonali tal-kooperattivi[4]. Bħall-Istatut ta’ SE, l-Istatut ta’ Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) huwa strument legali fakultattiv. Għall-attivitajiet/operat transkonfinali tagħhom, l-azjendi jistgħu jagħżlu li jieħdu l-għamla ta' SCE jew ta’ kooperattiva nazzjonali.

SCE tista’ tinħoloq fi kwalunkwe minn dawn il-modi li ġejjin:

· billi ssir il-konverżjoni ta’ kooperattiva nazzjonali li għandha stabbilimenti fi Stat Membru ieħor;

· permezz tal-fużjoni ta’ żewġ kooperattivi jew aktar minn Stati Membri differenti;

· minn ħames persuni fiżiċi u kumpaniji ta' kull għamla legali ta' negozju jew akar li joperaw f'pajjiżi differenti;

· minn żewġ kumpaniji jew ħames persuni fiżiċi residenti f'mill-inqas żewġ Stati Membri.

F’dawn il-każijiet kollha hemm bilfors element transnazzjonali, billi l-fundaturi jridu jkunu ġejjin minn tal-anqas żewġ pajjiżi.

L-għan tal-istatut ta’ SCE huwa li jneħħi x-xkiel legali għall-ħolqien u l-immaniġġjar ta’ gruppi kooperattivi minn Stati Membri differenti. L-attivitajiet ta’ negozju transkonfinali tagħhom jixxekklu minn nuqqas ta' qbil bejn il-liġijiet dwar il-kooperattivi li japplikaw fil-pajjiżi differenti. Ir-Regolament dwar l-SCE jara li jrażżan dawn il-problemi billi jippermetti lill-kooperattivi jirristrutturaw irwieħhom permezz ta' fużjonijiet transkonfinali. Dan jippermetti li SCE tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn Stat Membru ieħor għajr dak fejn tkun ġiet stabbilita l-ewwel darba. Ir-Regolament jagħti s-setgħa lil SCE li tagħżel is-sistema ta’ governanza korporattiva li hija l-aktar adatta għaliha. Tista’ tkun sistema fuq binarju wieħed jew fuq tnejn; il-Bord tad-Diretturi jista’ jkollu jew ma jkollux kumitat superviżorju.

L-Artikolu 79 tar-Regolament dwar l-SCE jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni tiegħu ħames snin mindu jkun daħal fis-seħħ. Dan ir-rapport għandu jinkludi, fejn jixraq, proposti għall-emendar tar-Regolament. L-applikazzjoni tad-Direttiva, li tipprevedi arranġamenti għall-involviment tal-impjegati fl-SCE, ġiet reveduta fl-2010[5].

Biex tinġabar id-dejta meħtieġa għal dan ir-rapport, id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-Intrapriżi u l-Industrija (DĠ ENTR) ikkummissjona studju[6] estern, li nħareġ f’Settembru 2010. F’April 2011, id-DĠ ENTR nieda konsultazzjoni pubblika dwar ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijeit ta’ dan l-istudju. Fl-istess waqt, fl-Att dwar is-Suq Uniku[7], il-Kummissjoni stqarret li għandha l-ħsieb tistħarreġ jekk ir-Regolament dwar l-SCE jeħtieġx li jiġi revedut jew issimplifikat biex jaqdi aħjar l-interessi tal-kooperattivi.

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Inizjattiva tan-Negozju Soċjali – adottata nhar il-25 ta’ Ottubru 2011[8] – il-Kummissjoni qalet li, skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, taf tipproponi s-simplifikazzjoni tar-Regolament dwar l-SCE, biex dan ikompli jinqata’ mil-liġijiet nazzjonali u jsir faċli li jiġu stabbiliti l-kooperattivi soċjali.

Is-sejbiet tal-konsultazzjoni pubblika nħarġu ftit wara, f'Novembru 2011[9]. Dan ir-rapport issejjes fuq dawk is-sejbiet.

3. Applikazzjoni tal-Istatut SCE: L-inventarju tal-SCEs

F'Novembru 2011, 24 SCE ġew irreġistrati fit-30 Stat Membru tal-UE/ŻEE, kif ġej: ħamsa fl-Italja; seba’ fis-Slovakkja; waħda f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi: Franza, il-Liechtenstein, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja u l-Isvezja; tlieta fl-Ungerija, tnejn fil-Ġermanja u tnejn oħra fil-Belġju. Ir-Regolament dwar l-SCEs kellu jidħol fis-seħħ fl-2006. Madankollu, maġġoranza kbira tal-Istati Membri naqset milli tlaħħaq ma' din l-iskadenza. Sa Diċembru 2011, tliet Stati Membri ma kinux għadhom ħadu l-passi neċessarji biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament.

L-Anness ta’ dan ir-rapport fih aktar informazzjoni dettaljata dwar l-inventarju tal-SCEs u l-karatteristiċi tagħhom.

4. fatturi pożittivi u negattivi li jolqtu t-twaqqif ta’ SCE, skont il-konsultazzjoni pubblika 4.1. Xejra ġenerali

Skont l-organizzazzjonijiet professjonali, m’hemm l-ebda xejra ġenerali li tapplika għall-kooperattivi kollha. Meta jiddeċiedu jekk iwaqqfux kooperattiva nazzjonali jew inkella SCE, jew meta jistħarrġu dwar l-aħjar pajjiż fejn tiġi rreġistrata SCE, waħda mill-aktar kwistjonijiet importanti li jitqiesu hija t-tassazzjoni. L-Istatut tal-SCEs, madankollu, ma jirregolax it-tassazzjoni, peress li din titmexxa permezz tal-liġijiet tal-pajjiż fejn tkun ibbażata l-SCE. Għaldaqstant, it-tassazzjoni fuq l-introjtu tal-kooperattivi u t-taxxa korporattiva, it-taxxa fuq il-qligħ jew l-eċċessi f'idejn il-kooperaturi u t-tassazzjoni tar-riżervi indiviżibbli għadhom ivarjaw bejn pajjiż u ieħor.

Wara t-tassazzjoni, il-kwistjonijiet l-oħra li jitqiesu - b'tal-ewwel l-aktar importanti u tal-aħħar l-anqas - huma r-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali tax-xogħol, u kemm tkun kumplessa u relattivament stretta l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kooperattivi. Meta jiddeċiedu fejn se jirreġistraw kooperattiva, in-negozjanti jippreferu wkoll pajjiż li jkollu netwerks tal-komunikazzjoni tajbin u ambjent amministrattiv mhux intimidanti għan-negozju.

4.2. Stimuli pożittivi u speċifiċi għall-kooperattivi għat-twaqqif ta' SCE

Il-kooperattivi u l-organizzazzjonijiet professjonali jgħidu li l-aktar benefiċċju importanti li wieħed iwaqqaf SCE hu li jkollu immaġni Ewropea. Din l-immaġni taf tgħin lill-fundaturi ta’ kooperattiva jippenetraw swieq fejn marka Ewropea tkun aktar faċli li titqiegħed fis-suq b’suċċess minn waħda nazzjonali. Dan japplika l-aktar għal oqsma bħall-provvediment ta' servizzi soċjali.

Għadd ta’ organizzazzjonijiet jgħidu wkoll li l-jedd li joħolqu SCE huwa ta’ vantaġġ għall-operaturi ta' kooperattiva peress li dan jippermettilhom jisħqu l-affiljazzjoni tagħhom mal-moviment tal-kooperattivi b’mod ġenerali meta jiġu biex iwaqqfu xi sussidjarja f’pajjiż ieħor, jew impriża konġunta transkonfinali. Xi partijiet interessati jaħsbu li l-Istatut tal-SCEs għandu karattru simboliku, peress li jgħolli l-profil tan-negozji tal-ekonomija soċjali. Il-kooperattivi jsemmu li l-mudell tan-negozju tagħhom huwa differenti minn dak tal-kumpaniji tradizzjonali msejsa fuq il-kapital. Kooperattiva sserraħ fuq is-solidarjetà, il-governanza demokratika, il-parteċipazzjoni tal-membri u l-prossimità mal-membri u l-konsumaturi – billi tfittex li sservi l-interessi tagħhom aktar milli l-interessi tal-maniġers.

4.3. Evalwazzjoni ta’ vantaġġi oħra allegati

Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati ma jqisux il-karattru supranazzjonali ta’ SCE bħala xi vantaġġ potenzjali meta jwettqu bidliet strutturali transkonfinali fi grupp. Huma biss l-istabbilimenti finanzjarji kooperattivi kbar u soċjetajiet tal-assikurazzjoni mutwa li jidhru interessati f’dik il-karatteristika tal-SCEs, billi jqisuha bħala ta' għajnuna fir-riorganizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-istruttura tal-grupp tagħhom. Sa Diċembru 2011, madankollu, l-ebda SCEs ta’ dan it-tip ma kienu għadhom inħolqu.

Il-possibbiltà li l-uffiċċju reġistrat jiġi ttrasferit fi Stat Membru ieħor la titqies bħala motivatur essenzjali u u lanqas ta’ vantaġġ komparattiv reali għall-SCEs meta mqabbla ma' kumpaniji nazzjonali. Din il-kwistjoni tqajment fil-konsultazzjoni pubblika, iżda ma kien hemm l-ebda risposti għaliha. Fil-prattika, l-ebda SCE ma ttrasferiet l-uffiċju reġistrat tagħha sa Diċembru 2011.

Il-konsultazzjoni pubblika staqsiet ukoll lill-partijiet interessati jekk dawn jagħtux valur lill-opportunità li joħolqu SCE biex iwettqu fużjoni transkonfinali. Ħadd fosthom ma qies dan bħala motivatur importanti. Sa Diċembru 2011, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni dwar xi operazzjoni ta’ dan it-tip.

Lanqas ma ħareġ fid-deher li xi azjendi huma interessati li jikkonvertu kooperattiva nazzjonali f’SCE: il-partijiet interessati ma kkummentawx dwar din l-għażla.

4.4. Fatturi negattivi

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati żvelat diversi problemi fl-applikazzjoni tar-Regolament tal-SCE. Dawn japplikaw kemm għat-twaqqif kif ukoll għall-operat ta’ SCE.

L-aktar problema sinifikanti għat-twaqqif ta’ SCEs hija n-nuqqas ta’ għarfien dwar l-SCE fil-komunità tan-negozju. L-aktar motivaturi negattivi importanti huma l-ispejjeż tat-twaqqif, il-proċeduri kumplessi li jridu jiġu segwiti (minħabba l-għadd ta’ referenzi għal-liġi nazzjonali) u l-inċertezza legali fir-rigward ta’ liema liġi tapplika f’kull każ.

Għadd ta’ partijiet interessati jqisu wkoll li r-rekwiżit ta’ kapital minimu ta’ €30,000 huwa ostaklu, talanqas għall-persuni fiżiċi li jixtiequ li jwaqqfu SCEs żgħar biex jikooperaw transkonfinalment. Madankollu, l-idea alternattiva hija li kapital suffiċjenti jixhed li negozju jkun serju.

Uħud iqisu r-regoli dwar l-involviment tal-impjegati bħala motivatur negattiv billi, fl-opinjoni tagħhom, dawn huma goffi u kumplessi. Dawn ir-regoli jitqiesu wkoll bħala sproporzjonati meta jkunu kkonċernati biss ftit impjegati. Madankollu, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u xi oħrajn ma semmewx problemi f'dan il-qasam.

5. Raġunijiet għaliex l-istatut ta’ SCE, relattivament, ma kellux suċċess

Dawk li rrispondew għall-konsultazzjoni argumentaw li l-istatut ta' SCE relattivament ma rnexxiex mhux biss minħabba li huwa kkumplikat iżda wkoll u aktar minħabba li l-azjendi li jagħżlu li jaħdmu fl-għamla ta’ kooperattiva għandhom it-tendenza li jkunu ankrati sew fit-territorju lokali tagħhom. Wara kollox, l-għan ta’ kooperattiva huwa li sservi l-membri li jipparteċipaw direttament fl-immaniġġjar demoktratiku tal-azjenda.

Il-maġġoranza l-kbira tal-kooperattivi huma negozji żgħar li joperaw fil-limiti tal-fruntieri nazzjonali. Għadd ta’ organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati, għalhekk, jiddubitaw jekk l-istatut ta’ SCE joffrix xi vantaġġ. Barra minn hekk, dawk li jwaqqfu l-kooperattivi għandhom it-tendenza li jiddependu fuq il-liġijiet nazzjonali tagħhom stess, peress li jkunu familjari aktar magħhom.

Xi wħud semmew ukoll li r-Regolament dwar l-SCEs ġie implimentat tard wisq (tabilħaqq, wisq snin tard) f’ħafna Stati Membri, anki f’pajjiżi bħal Franza, l-Italja u Spanja fejn il-moviment tal-kooperattivi huwa b’saħħtu ħafna.

6. Il-kwistjoni tas-simplifikazzjoni

Il-partijiet interessati kollha għandhom it-tendenza li jemmnu li l-komplessità tal-istrument hija ostaklu maġġuri għas-suċċess tal-SCEs. L-organizzazzjoni Ewropea li tirrappreżenta l-federazzjonijiet nazzjonali u settorjali kollha tal-kooperattivi fl-UE tgħid li l-liġijiet nazzjonali dwar il-kooperattivi jidhru li huma aktar sempliċi u flessibbli. Skont għadd ta’ partijiet interessati, il-komplessità tar-Regolament (bil-bosta referenzi tagħha għal-leġiżlazzjoni nazzjonali) tgerrex mhux biss lill-kooperattivi iżda wkoll tipi oħra ta’ azjendi li jafu kieku jkunu interessati li jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom permezz ta’ SCE.

Il-partijiet interessati lkoll jaqblu li r-Regolament dwar l-SCEs għandu bżonn ħafna li jiġi ssimplifikat jekk irridu li jintuża aktar kemm mill-azjendi l-kbar kif ukoll miż-żgħar. Minħabba l-bosta referenzi tiegħu għal-liġi nazzjonali, dan it-tip ta’ Regolament ma joffri l-ebda benefiċċju reali għall-kooperattivi.

Fil-fatt, sa Diċembru 2011, l-ebda wieħed mill-gruppi l-kbar tal-kooperattivi, li jopera, jew qed jippjana li jopera, fil-livell Ewropew ma uża l-istrument tal-SCE. Grupp kbir ħafna fis-settur tad-distribuzzjoni bl-imnut, li jiġbor fi ħdanu kooperattivi nazzjonali li huma minn ta’ quddiem nett fis-swieq ta’ pajjiżhom, għażel li joħloq kooperattiva skont il-liġi Belġjana minflok SCE. Bl-istess mod, fużjoni importanti tal-kooperattivi tas-settur tal-biedja u l-prodotti mill-ħalib fil-Belġju, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi ma seħħitx permezz ta’ SCE[10].

7. Xejriet fid-distribuzzjoni tal-SCEs

M’hemm l-ebda korrelazzjoni pożittiva bejn is-saħħa u l-importanza tal-moviment tal-kooperattivi f’xi pajjiż partikolari u l-għadd ta’ SCEs f’dak il-pajjiż. Franza, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja huma eżempji ta' pajjiżi fejn l-azjendi wrew interess baxx fit-twaqqif tal-SCEs, avolja l-awtoritajiet nazzjonali jħeġġu b'mod attiv il-moviment tal-kooperattivi, u l-organizzazzjonijiet nazzjonali jagħtu lill-kooperattivi appoġġ tekniku u legali b'saħħtu.

Barra minn hekk, għadd żgħir ta’ Stati Membri jidhru li għandhom għadd ta’ SCEs inattivi jew 'fuq l-ixkaffa', wara l-prattika simili ta’ SCEs ‘fuq l-ixkaffa’. Dawn huma kumpaniji bla attivitajiet, maħluqa minn fornituri professjonali f’dawn il-pajjiżi u mpoġġija għall-bejgħ. Jidher li l-operaturi minn barra l-pajjiż jixtru SCEs minn fuq l-ixkaffa li jkunu diġà ġew iffurmati, biex jiffrankaw il-ħin u l-ispejjeż, u jevitaw il-proċeduri kumplessi tat-twaqqif u n-negozjati dwar l-involviment tal-impjegati. Il-Kummissjoni ftit għandha informazzjoni dwar xi jsir minn SCEs fuq l-ixkaffa hekk kif dawn jiġu attivati.

8. Rappurtaġġ dwar kwistjonijiet speċifiċi u emendi possibbli għar-regolament 8.1. Rappurtaġġ dwar kwistjonijiet speċifiċi b'referenza għall-Artikolu 79 tar-Regolament

Skont l-Artikolu 79 tar-Regolament dwar l-SCEs, dan ir-rapport għandu jistħarreġ jekk jixraqx li jiġi permess li uffiċċju ċentrali u uffiċċju reġistrat ta' SCE jkunux jinsabu fi Stati Membri differenti. Għandu jqisu ukoll jekk id-dispożizzjonijiet fl-istatuti ta' SCE għandhomx ikunu permessi li jiddevjaw mil-liġijiet nazzjonali dwar il-kooperattivi jew jikkumplimentawhom, anki meta t-tali eċċezzonijiet ma jingħatawx lill-kooperattivi lokali.

Dawn iż-żewġ kwistjonijiet jitqajmu b’mod identiku permezz tar-Regolament dwar is-SE, billi għandhom x’jaqsmu mal-funzjonament u l-operat kemm tal-Kumpaniji Ewropej u tal-Kooperattivi Ewropej.

Skont l-Artikolu 79, dan ir-rapport għandu jikkunsidra wkoll jekk jixraqx li jiġu permessi dispożizzjonijiet li jippermettu li SCE tinqasam f’żewġ kooperattivi nazzjonali jew aktar, u jekk jiġux permessi rimedji legali fil-każ ta' frodi jew żball meta tiġi rreġistrata SCE permezz ta' fużjoni. Dawn iż-żewġ kwistjonijiet jirrelataw speċifikament mal-SCEs, billi m'hemm l-ebda leġiżlazzjoni f'dan il-qasam simili għat-3, is-6 u l-10 direttiva tal-liġi tal-kumpaniji[11] applikabbli għall-kumpaniji limitati pubbliċi.

Il-Kummissjoni m'għandha evidenza suffiċjenti fuq l-ebda waħda minn dawn il-kwistjonijiet biex tkun f'pożizzjoni li tasal għal konklużjonijiet ċari. Dan għax inħolqu daqstant ftit SCEs u għax ir-Regolament daħal fis-seħħ tard ħafna fl-Istati Membri. Jispikkaw, madankollu, il-punti li ġejjin:

· Il-kwistjoni jekk għandux jiġi permess li l-uffiċċju ċentrali jew l-amministrazzjoni ewlenija ta’ SCE tkun tinsab f'pajjiż differenti mill-uffiċċju reġistrat tagħha ma tidhirx li hija ta' tħassib għall-moviment kooperattiv. Ma kien hemm ebda kummenti dwar dan il-punt mill-partijiet interessati li rrispondew għall-konsultazzjoni. Il-kooperattivi huma intrapriżi b’rabtiet qawwija mal-komunitajiet lokali u jeħtieġu li jżommu relazzjoni b’saħħitha mat-territorji li joperaw fihom, hekk kif jagħmlu l-kumpaniji kapitali tradizzjonali.

· Il-kwistjoni jekk jiġix permess li l-artikoli tal-assoċjazzjoni ta' SCE jvarjawx mil-liġijiet lokali dwar il-kooperattivi hija waħda li tħasseb lill-partijiet interessati. M’hemmx qbil dwar jekk l-SCEs għandhomx jingħataw aktar awtonomija mil-liġijiet nazzjonali. Il-maġġoranza ta' dawk li ħadu sehem fil-konsultazzjoni jemmnu li r-Regolament dwar l-SCEs għandu jagħti lill-membri tal-kooperattivi l-flessibbiltà li jagħżlu l-mudell u l-istruttura tal-governanza li taqdi bl-aħjar mod l-għanijiet u l-ħtiġijiet tagħhom. Madankollu, għadd ta' rispondenti esprimew riżervi serji, u stqarrew li din l-awtonomija taf tippermetti li SCE tvarja mill-prinċipji u l-valuri tal-mudell tan-negozju ta' kooperattiva. Ir-rispondenti qalu wkoll li l-SCEs m'għandhomx jiġu eżentati mir-regoli obbligatorji dwar il-protezzjoni tal-membri minoritarji jew l-jeddijiet tal-impjegati.

· Il-kwistjonijiet dwar id-diviżjoni ta' SCE f'żewġ kooperattivi jew aktar u dwar ir-rimedji jekk fużjoni titħassar ma jidhirx li jħassbu lill-kooperattivi, almenu s'issa. Sa Diċembru 2011, l-ebda SCE ma dehret li kienet inħolqot permezz ta' fużjoni.

8.2. Is-simplifikazzjoni tar-referenzi għal-liġijiet nazzjonali

Ir-Regolament dwar l-SCEs issejjes parzjalment fuq l-istatut ta’ SE li kien ġie adottat sentejn qabel. Għadd kbir tar-regoli tal-SCE li huma ta' applikazzjoni ġenerali, u mhux speċifiċi għall-kooperattivi, jirrepetu dispożizzjonijiet simili għal dawk maqbula fil-Kunsill u l-PE meta ġiet adottata s-SE. Dawn jinkludu r-regoli dwar il-fużjonijiet, dwar il-ġerarkija tal-liġijiet applikabbli u dwar it-trasferiment tal-kwartieri ġenerali ta’ kumpanija, kif ukoll ir-rekwiżit għal element transkonfinali.

It-test tar-Regolament dwar l-SCEs fih ukoll bosta referenzi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali sew dwar il-kooperattivi jew dwar kumpaniji limitati pubbliċi b'kapital konġunt. Pereżempju, SCE trid torganizza laqgħa ġenerali tal-partijiet interessati tal-anqas darba fis-sena, sakemm il-liġi nazzjonali dwar il-kooperattivi nazzjonali ma tistipulax laqgħat aktar spissi, jew jekk ikun hemm fużjoni biex jitħarsu l-kredituri, din għandha tiġi rregolata mil-liġi nazzjonali dwar il-fużjonijiet ta' kumpaniji ta' responsabbiltà limitata pubbliċi.

Barra minn hekk, ir-Regolament dwar l-SCEs fih serje ta’ għażliet jew referenzi li jippermettu lill-Istati Membri jiddettaw xi mġiba partikolari lill-SCE. Dawn spiss jibdew bil-kelmiet ‘Stat Membru jista’ jipprevedi’. Pereżempju, f'każ ta' fużjoni, Stat Membru jista' jadotta dispożizzjonijiet biex jiżgura protezzjoni adatta għall-membri li jkunu opponew il-fużjoni. Xi oħrajn jużaw kliem bħal ‘Meta l-liġijiet tal-Istat Membru tal-SCE jippermettu hekk'.

Biex jiġi ssimplifikat ir-Regolament, l-Artikoli, li jgħoddu mat-30, li fihom għażliet u referenzi ta' dan it-tip, jistgħu jinġabru fi tliet kategoriji ewlenin. L-ewwel, hemm artikoli li jirregolaw kwistjonijiet li huma komuni għar-Regolamenti tal-SCEs u l-SEs. It-tieni, hemm dispożizzjonijiet li jagħmlu referenza diretta għal-liġi dwar il-kumpaniji limitati pubbliċi (plc). It-tielet, hemm regoli li fihom referenzi u għażliet li jirregolaw attivitajiet u kwistjonijiet speċifiċi għall-kooperattivi.

· Fil-każ tal-artikoli tal-ewwel kategorija, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi emendi għal dawn id-dispożizzjonijiet, jekk jixraq, b’mod konformi mar-riflessjoni li tinsab għaddejja dwar emendi potenzjali għall-artikoli korrespondenti fir-Regolament dwar l-SEs. Il-kwistjonijiet huma identiċi u s-soluzzjoni għandha tkun l-istess għaż-żewġ Regolamenti.

· Fil-każ tal-artikoli tat-tieni kategorija, il-Kummissjoni temmen li għandha tikkonsulta bil-kbir mal-partijiet interessati dwar jekk ir-referenzi għall-kumpaniji limitati pubbliċi għadhomx neċessarji. Xi partijiet interessati stqarrew li dawn ir-referenzi għandhom it-tendenza li jwarrbu l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti dwar il-kooperattivi. Barra minn hekk, mhux l-Istati Membri kollha għandhom leġiżlazzjoni speċifika għall-kooperattivi.

· Fil-każ tal-artikoli tat-tielet kategorija, meta r-Regolament jistqarr li xi regola partikolari se tapplika biss għall-SCEs jekk din tkun tippermettiha l-liġi nazzjonali, il-Kummissjoni se tikkonsulta mal-partijiet interessati dwar metodi kif ir-Regolament dwar l-SCEs isir aktar indipendenti mil-liġijiet nazzjonali.

9. KONKLUŻJONI

B’segwiment għal dan ir-rapport, il-Kummissjoni beħsiebha tikkonsulta mal-partijiet interessati dwar jekk u kif se tissimplifika r-Regolament dwar l-SCEs. Għal dan il-għan, qed tikkoospita żewġ konferenzi kbar biex tfakkar l-2012 bħala s-Sena Internazzjonali tan-NU ddedikata lill-Kooperattivi. L-ewwel waħda, f’April 2012, se ssir fi Brussell u se jattenduha l-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati. It-tieni waħda se ssir f’Settembru 2012, matul il-Presidenza Ċiprijotta, u se tiġbor fi ħdanha r-rappreżentanti tal-Istati Membri.

F’dawn il-fora, il-Kummissjoni se tistaqsi lill-partijiet interessati jekk l-artikoli individwali għandhomx jiġu ssimplifikati billi jitħassru u jiġu sostitwiti r-referenzi għal-liġi dwar il-kumpaniji pubbliċi, u jekk ir-Regolament dwar l-SCEs jistax isir aktar indipendenti mil-liġijiet nazzjonali.

F’kuntest aktar wiesa', il-kwistjoni tal-għamliet legali Ewropej, bħall-SEs u l-SCEs, u l-ħtieġa tar-reviżjoni tagħhom, tifforma wkoll parti mir-riflessjoni li tinsab għaddejja dwar il-ġejjieni tal-Liġi tal-Kumpaniji tal-UE. Ir-riżultati ta’ din ir-riflessjoni se jgħinu lill-Kummissjoni sabiex tevalwa n-neċessità u, jekk jixraq, l-istrumenti li għandhom jintużaw biex id-domanda tan-negozji fl-Ewropa tiġi ssodisfata ħalli jkun hemm kuntest ta' azzjoni aktar ekwu, regolamentazzjoni aħjar u simplifikazzjoni.

ANNESS

L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)

1.         Introduzzjoni

Dan l-Anness jakkumpanja r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-SCEs. Dan jipprovdi inventarju u deskrizzjoni tal-SCEs eżistenti.

2.         Inventarju tal-SCEs

Skont l-informazzjoni li waslet permezz tal-istudju[12] u d-dejta fil-lista dwar l-SCEs eżistenti tal-Istitut Libertas fil-Ġermanja[13], sat-22 ta’ Novembru 2011, fl-Istati Membri tal-UE/ŻEE kienu rreġistrati 24 SCEs.

L-informazzjoni dwar in-numru ta' SCEs eżistenti nkisbet l-aktar mill-esperti nazzjonali ingaġġati fl-istudju dwar l-SCEs. Dan in-numru tqabbel mal-informazzjoni mill-Ġurnal Uffiċjali tal-UE (ĠUUE, ara hawn taħt) u TED (Tender Electronic Daily). Fil-ĠUUE, xi SCEs (tnejn minn 24) m'hemmx ħjiel tagħhom; 13 jidhru taħt it-tikketta “SE”; tlieta (3) oħrajn jidhru taħt it-tikketta “EEIG”; seba’ biss jidhru taħt it-tikketta “SCE”. Il-fatt li l-ĠUUE jonqos milli jsemmi bosta għamliet Ewropej ta’ entitajiet legali huwa punt li riċerkaturi oħra diġà qajmuh meta kienu qed jinvestigaw l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-SEs.[14]

L-għadd ta' SCEs żdied mill-2006 sal-2009. Fl-2010 u l-2011 inħolqu anqas SCEs milli fl-2009. L-għadd ta' SCEs ġodda ffurmati kull sena mill-2006 sa Novembru 2011 kien waħda (1) fl-2006, ħamsa (5) fl-2008, tmienja (8) fl-2009, sebgħa (7) fl-2010 u tlieta (3) fl-2011.

3.         L-SCEs u l-karatteristiċi tagħhom

3.1.      In-nazzjonalità tal-fundaturi

Ftit ferm hemm informazzjoni dwar in-nazzjonalità tal-fundaturi involuti fil-ħolqien tal-SCEs eżistenti. Ir-Regolament ma jirrikjedix li din id-dejta tiġi ppubblikata meta tiġi rreġistrata l-SCE. Skont l-Artikolu 13, l-avviż ta’ reġistrazzjoni tal-SCEs għandu jiġi ppubblikat biss għal finijiet ta' informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, u dan ikun jikkonsisti fl-isem, in-numru, id-data u l-post tar-reġistrazzjoni tal-SCE, id-data u l-post tal-pubblikazzjoni fil-pajjiż rispettiv tagħha, l-uffiċċju rreġistrat u s-settur tal-attività tagħha. Din id-dejta normalment tingħadda lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-UE mir-reġistru nazzjonali fi żmien xahar mir-reġistrazzjoni tal-SCE f’pajjiżha.

Skont l-istudju, fost il-ħames SCEs Taljani, waħda hija maħluqa ma’ sieħeb Finlandiż u ieħor Spanjol, it-tieni waħda ma’ mutwa Franċiża, u t-tielet ma’ kofundatur Malti. M’hemm l-ebda informazzjoni dettaljata għajr dak mitlub mir-Regolament fir-rigward ta’ disa' (9) SCEs (sitta Slovakki, waħda Franċiża, waħda Ġermaniża u waħda Ungeriża). L-informazzjoni nieqsa hija minħabba l-fatt li jew xi wħud mill-SCEs inkwistjoni huma ġodda jew inkella xi SCEs irrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni rikjesta lill-esperti nazzjonali meta sar l-istudju.

3.2.      Mappa ġeografika

Is-Slovakkja hija l-aktar pajjiż li għandu SCEs rreġistrati miegħu - sebgħa (7), iżda fl-istess waqt sitta (6) minnhom jistgħu jitqiesu bħala SCEs fuq l-ixkaffa, peress li huma rreġistrati fl-istess indirizz u għall-istess attività. L-Italja tiġi t-tieni, b'ħames (5) SCEs, li jreġi l-fatt li l-Italja huwa pajjiż fejn il-kooperattivi huma żviluppati sew u mħeġġa mill-Istat skont id-dispożizzjoni kostituzzjonali tal-art. 45. L-assenza ta’ liġi ta' implimentazzjoni nazzjonali ma żammitx lura lil dawk li riedu jwaqqfu SCE fl-Italja. Wara jiġu l-Belġju u l-Ungerija. F’20 pajjiż (18 SM u żewġ (2) pajjiżi taż-ŻEE), ma ġew stabbiliti l-ebda SCEs.

3.3. Metodi ta’ ħolqien

Fir-rigward tal-14-il SCE li dwarhom hemm dejta disponibbli dwar dan is-suġġett, ilkoll ġew iffurmati ex novo (jew ex nihilo) skont l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi tal-Art. 2, par. 1, SCE R., jiġifieri,

(a) “minn ħames jew iktar persuni fiżiċi residenti f'tal-anqas żewġ Stati Membri”;

(b) “minn ħames jew aktar persuni fiżiċi u kumpaniji u azjendi ...residenti fi, jew immexxija mil-liġi ta' tal-anqas żewġ Stati Membri differenti";

(c) "minn kumpaniji u azjendi ...li huma mmexxija mil-liġi ta' tal-anqas żewġ Stati Membri differenti.

Biex inkunu aktar preċiżi, sitt SCEs inħolqu skont (a) hawn fuq; Sitta oħra skont (b) hawn fuq; u tnejn oħra skont (c) hawn fuq. Il-metodu tal-ħolqien tal-SCEs l-oħrajn għadu mhux magħruf. Ma kienx hemm każijiet ta’ SCEs maħluqa permezz ta' fużjoni jew konverżjoni.

M'hemm l-ebda informazzjoni dwar trasferiment ta' uffiċċju reġistrat. M’hemm l-ebda informazzjoni dwar SCEs likwidati jew konvertiti għall-għamla legali nazzjonali tal-SCEs.

L-Artikolu 1, par. 2 tar-Regolament jgħid li “l-ebda membru ma għandu jkun responsabbli għal aktar mill-ammont li hu/hi jkun issottoskriva, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mill-istatuti tal-SCE meta tinħoloq dik l-SCE; Meta l-membri tal-SCE jkollhom responsabbiltà limitata, l-isem tal-SCE għandu jispiċċa b'’limited’”. Fir-rigward tal-għamla legali, 13 mill-24 SCEs huma rreġistrati bħala "limited": sebgħa (7) fis-Slovakkja, tlieta (3) fl-Italja u tlieta (3) fl-Ungerija. Madankollu, mhux fiċ-ċert xi grad ta' responsabbiltà għandhom l-SCEs l-oħrajn.

3.4. Oqsma ta’ attivitajiet, struttura tal-bord, kapital sottoskritt, għadd ta’ impjegati

Skont l-informazzjoni disponibbli, il-biċċa l-kbira tal-SCEs eżistenti jipprovdu servizzi. Seba' SCEs jistgħu jitqiesu bħala "kooperattivi soċjali" jew intrapriżi soċjali fis-sens tal-Iniżjattiva tan-Negozju Soċjali[15] u għandhom għanijiet bħat-titjib tal-impjiegi għall-persuni żvantaġġati, konsultazzjoni medika, u servizzi fil-qasam tas-saħħa. Seba’ SCEs oħra huma involuti fl-attivitajiet tal-proprjetà, tnejn fis-settur tal-bini u tlieta jipprovdu konsulenza għan-negozjanti.

Fir-rigward tal-istruttura tal-bord, ħames (5) SCEs għażlu struttura tal-bord fuq binarju wieħed[16] u għaxra (10) għażlu struttura fuq żewġ binarji[17]. L-SCEs Taljani kollha għażlu s-sistema fuq żewġ binarji.

Ħmistax (15)-il SCE nħolqu b’kapital sottoskritt ugwali jew qrib ir-rekwiżiti ta’ kapital minimu ta’ €30,000. SCE waħda nħolqot b’kapital sottoskritt ta’ €110,000. Ma tistax tiġi pprovduta karta tal-bilanċ medja għall-SCEs eżistenti minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni. Il-fatturat nett huwa magħruf fil-każ ta' żewġ SCEs: fl-2009 waħda minnhom kellha fatturat nett ta' €1,000 u oħra ta' anqas minn €15,000.

L-għadd ta’ impjegati fit-12-il SCE li dwarhom hemm dejta disponibbli f'dan ir-rigward, jgħodd 32 b'kollox. Dawn il-persuni huma impjegati fil-biċċa l-kbira minn żewġ SCEs (waħda għandha 13-il impjegat u l-oħra 10). Sitt SCEs għandhom impjegat wieħed jew tnejn biss. Erba’ SCEs iddikjaraw li ma jħaddmu l-ebda impjegati.

Tabella. L-SCEs eżistenti (sa 22.11.2011)

Pajjiż || Għadd ta’ SCEs

L-AWSTRIJA || 0

Il-BELĠJU || 2

IL-BULGARIJA || 0

ĊIPRU || 0

IR-REPUBBLIKA ĊEKA || 0

ID-DANIMARKA || 0

L-ESTONJA || 0

IL-FINLANDJA || 0

FRANZA || 1

IL-ĠERMANJA || 2

GREĊJA || 0

L-UNGERIJA || 3

L-ISLANDA || 0

L-IRLANDA || 0

L-ITALJA || 5

IL-LATVJA || 0

IL-LIECHTENSTEIN || 1

IL-LITWANJA || 0

IL-LUSSEMBURGU || 0

MALTA || 0

IL-PAJJIŻI L-BAXXI || 1

IN-NORVEĠJA || 0

Il-POLONJA || 0

IL-PORTUGALL || 0

IR-RUMANIJA || 0

IS-SLOVAKKJA || 7

IS-SLOVENJA || 0

SPANJA || 1

L-ISVEZJA || 1

IR-RENJU UNIT || 0

GĦADD TOTALI TA’ SCEs || 24

[1]               ĠU tat-18 ta' Awwissu 2003 (L207): http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2003:207:0001:0024:EN:PDF

[2]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpanija Ewropea (SE), ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1–21, http://eur-lex.europa.eu/smartapi/cgi/sga_doc?smartapi!celexplus!prod!DocNumber&lg=en&type_doc=Regulation&an_doc=2001&nu_doc=2157

[3]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment ta’ impjegati, ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25 http://eur-lex.europa.eu/smartapi/cgi/sga_doc?smartapi!celexapi!prod!CELEXnumdoc&numdoc=32003L0072&model=guichett&lg=en

[4]               It-test propost mill-Kummissjoni fl-1992, flimkien ma’ żewġ abbozzi oħrajn, wieħed fir-rigward ta' Assoċjazzjoni Ewropea u l-ieħor fir-rigward ta' Soċjetà Mutwa Ewropea ġew irtirati mill-Kummissjon fl-2006, minħabba nuqqas ta' progress fin-negozjati fi ħdan il-Kunsill. It-tliet proposti kollha kienu parti minn pakkett dwar il-promozzjoni tal-intrapriżi tal-'Ekonomija Soċjali'; l-abbozzi kkostitwixxew ir-risposta għat-talbiet tal-'ekonomija soċjali' sabiex tingħata l-possibbiltà li toħloq għamliet legali Ewropej proprju għaliha , biex b'hekk tiżgura kundizzjonijiet ugwali ta' kompetizzjoni mal-kumpaniji tradizzjonali tal-kapital. .

[5]               Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta' Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment ta’ impjegati (COM(2010)0481 ta’ 16.9.2010)

[6]               Studju dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament 1435/2003 dwar l-Istatut ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE).

Sommarju eżekuttiv u l-Parti I: Sinteżi u rapport komparattiv: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/files/sce_final_study_part_i.pdf

u l-Parti II: Rapporti Nazzjonali: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/files/sce_final_study_part_ii_national_reports.pdf

[7]               COM(2011) 206: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52011DC0206:EN:NOT .

[8]               COM(2011) 682: http://ec.europa.eu/internal_market/social_business/index_en.htm .

[9]               Sommajru tat-tweġibiet: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/files/public-consultation-files/summary_replies_en.pdf

[10]             Coopernic (COOPérative Européenne de Référencement et de Négoce des Indépendants Commerçants) Scrl hija kooperattiva Ewropea tax-xiri ffurmata minn kummerċjanti u bejjiegħa bl-imnut indipendenti (Centres E. Leclerc, Colruyt, Conad, Coop u Rewe). L-għan tal-alleanza huwa li jippermettu lill-bejjiegħa bl-imnut indipendenti jiskambjaw l-għarfien, u jnaqqsu l-ispejjeż tal-katina tal-forniment. F’Diċembru 2007, Fiesland Foods u Campina ħabbru li beħsiebhom jingħaqdu, Sena wara, f'Diċembru 2008, irċevew l-approvazzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Ewropej biex saru Friesland Campina.

[11]             http://ec.europa.eu/internal_market/company/official/index_en.htm#directives

[12]             It-Tabella fl-Appendiċi 4, il-Parti I tal-Istudju, tippreżenta l-aktar dejta rilevanti li tikkonċerna l-SCEs eżistenti: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/files/sce_final_study_part_i.pdf

[13]             Libertas – Europäisches Institut GmbH: http://www.libertas-institut.com/de/EWIV/List_SCE.pdf

[14]             Eidenmüller, Engert, Hornuf, Incorporating under European Law: The Societas Europaea as a Vehicle for Legal Arbitrage, 10th European Business Organisation Law Review (2009)

[15]             COM(2011) 682: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0682:FIN:EN:PDF

[16]                    Struttura ta’ bord b’bord amministrattiv wieħed biss.

[17]                    Struttura ta’ bord b’bord maniġerjali u bord superviżorju.

Naar boven